EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018XC0719(01)

Kodiċi tal-Aħjar Prattiki għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat

C/2018/4412

ĠU C 253, 19.7.2018, p. 14–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 253/14


Kodiċi tal-Aħjar Prattiki għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat

(2018/C 253/05)

Werrej

1.

Ambitu u għan tal-Kodiċi 15

2.

Ir-relazzjoni mad-dritt tal-Unjon 16

3.

Notifika minn qabel 16

3.1.

Objettivi 16

3.2.

Ambitu 17

3.3.

Tempestività 17

3.4.

Kontenut 17

4.

Approċċ abbażi ta’ portafoll tal-każ u Pjanifikazzjoni Miftiehma Reċiprokament 18

4.1.

Approċċ abbażi ta’ portafoll tal-każ 18

4.2.

Pjanifikazzjoni Miftiehma Reċiprokament 18

4.2.1.

Objettiv u kontenut 18

4.2.2.

Ambitu u tempestività 18

5.

Eżami preliminari tal-miżuri nnotifikati 19

5.1.

Talbiet għal informazzjoni 19

5.2.

Sospensjoni miftiehma tal-investigazzjoni preliminari 19

5.3.

Kuntatti tal-“qagħda attwali” u kuntatti mal-benefiċjarju tal-għajnuna 19

6.

Proċeduri ssimplifikati f’każijiet sempliċi 19

6.1.

Każijiet li jistgħu jiġu suġġetti għal proċeduri ssimplifikati 19

6.2.

Kuntatti ta’ qabel in-notifika għad-determinazzjoni tal-użu tal-proċedura ssimplifikata 20

6.3.

In-notifika u l-pubblikazzjoni tas-sommarju qasir 20

6.4.

Deċiżjoni f’forma qasira 20

7.

Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali 21

7.1.

Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u s-sommarji sinifikanti 21

7.2.

Kummenti tal-partijiet interessati 21

7.3.

Kummenti minn Stati Membri: 21

7.4.

Talbiet għal informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru kkonċernat 22

7.5.

Talbiet għal informazzjoni lil sorsi oħra 22

7.6.

Sospensjoni ġġustifikata ta’ investigazzjoni formali 22

7.7.

Adozzjoni tad-deċiżjoni finali u estensjoni ġustifikata tal-investigazzjoni formali 22

8.

Investigazzjonijiet f’setturi tal-ekonomija u fi strumenti ta’ għajnuna 23

9.

Ilmenti formali 23

9.1.

Il-formola tal-ilment u l-obbligu biex jintwera interess affettwat 23

9.2.

Perjodu ta’ żmien indikattiv u eżitu tal-investigazzjoni ta’ lment formali 23

10.

Pjani ta’ evalwazzjoni 24

11.

Monitoraġġ 24

12.

Koordinazzjoni aħjar u sħubija mal-Istati Membri 25

13.

Rieżami futur 25

1.   AMBITU U GĦAN TAL-KODIĊI

1.

Matul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni implimentat l-aġenda ta’ Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat (State Aid Modernisation, “SAM”) biex tiffoka l-kontroll tagħha tal-għajnuna mill-Istat fuq il-miżuri li ġenwinament għandhom impatt fuq il-kompetizzjoni fis-Suq Intern, filwaqt li fl-istess ħin tissimplifika u tirazzjonalizza r-regoli u l-proċeduri. Dan ippermetta li jsiru investimenti pubbliċi, billi awtorizza lill-Istati Membri li jagħtu sostenn pubbliku mingħajr skrutinju minn qabel mill-Kummissjoni u billi tħaffef it-teħid tad-deċiżjonijiet fi proċeduri ta’ għajnuna tal-Istat.

2.

Il-Kummissjoni, b’mod partikolari, adottat:

Avviż dwar il-Kunċett tal-Għajnuna mill-Istat (“NoA”) (1) li jiċċara t-tipi ta’ sostenn pubbliku li ma jinvolvux għajnuna mill-Istat. Dan huwa l-każ, pereżempju, għall-finanzjament ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-kuntest tas-suq, investimenti fl-infrastruttura bħal ferroviji, toroq, passaġġi tal-ilma interni u sistemi ta’ distribuzzjoni tal-ilma li ma jikkompetux ma’ infrastrutturi simili, investimenti f’infrastrutturi fuq skala żgħira u l-finanzjament ta’ servizzi essenzjalment lokali.

Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (“GBER”) (2) li ppermetta li l-Istati Membri jimplimentaw firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni minn-qabel li x’aktarx ma joħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni. Aktar minn 97 % tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li għadhom kif ġew implimentati jaqgħu taħt il-GBER u, għalhekk, huma implimentati mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni (3).

Regolament Proċedurali dwar l-Għajnuna mill-Istat rivedut, inklużi r-regoli dwar it-trattament tal-ilmenti u l-għodod ta’ informazzjoni dwar is-suq biex jiffukaw fuq il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat f’każijiet fejn l-aktar hemm il-probabbiltà li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-Suq Intern (4).

Sensiela ta’ deċiżjonijiet f’każijiet speċifiċi li jikkonfermaw li l-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw bosta proġetti fuq skala żgħira mingħajr il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, minħabba n-natura lokali tagħhom u l-impatt limitat ħafna fuq is-Suq Intern (5).

3.

L-isforz biex ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat isiru ffukati u ssimplifikati għadha għaddejja. Fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tar-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-UE biex tagħmilha iktar faċli (i) li l-finanzjament tal-UE li jitħallas fil-forma ta’ strumenti finanzjarji jiġi kkombinat mal-finanzjament tal-Istati Membri u (ii) jiġu ssimplifikati l-kundizzjonijiet għall-Istati Membri biex jappoġġaw ċerti proġetti taħt il-fondi strutturali u ta’ investiment tal-UE (6).

4.

Sabiex isir l-aħjar użu minn dawn ir-r-regoli modernizzati dwar l-għajnuna mill-Istat, din il-Komunikazzjoni (“il-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki”) tipprovdi gwida lill-Istati Membri, lill-benefiċjarji tal-għajnuna u lil partijiet ikkonċernati oħra, dwar kif jaħdmu fil-prattika l-proċeduri tal-għajnuna mill-Istat (7). Hija għandha l-għan li tagħmel il-proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat kemm jista’ jkun trasparenti, sempliċi, ċari, prevedibbli u f’waqthom. Hija tissostitwixxi l-Avviż dwar il-Kodiċi tal-Aħjar Prattika adottat fl-2009 (8) u tintegra l-Avviż ta’ Proċedura Simplifikata tal-2009 (9).

5.

Biex jinkisbu l-għanijiet li ssegwi din il-Komunikazzjoni u biex tiġi żgurata applikazzjoni korretta u effiċjenti tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jeħtieġ li jikkooperaw mill-qrib bħala sħab. F’dan il-kuntest, is-servizzi tal-Kummissjoni se jkomplu joffru kuntatti ta’ qabel in-notifika dwar miżuri potenzjali ta’ għajnuna mill-Istat li l-Istati Membri qed jikkunsidraw li jimplimentaw. Dawn se jaħdmu mal-Istati Membri biex jiddefinixxu l-prijoritajiet fir-rigward tat-trattament proċedurali tal-każijiet. Barra minn hekk, se jistabbilixxu netwerk ta’ koordinaturi nazzjonali, u se joffru appoġġ lill-Istati Membri fil-forma ta’ gwida u taħriġ dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Bħala parti mill-intensifikar tal-isforz tagħha biex issaħħaħ il-kooperazzjoni u s-sħubija mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom magħha u ma’ xulxin dwar l-aħjar prattiki u l-isfidi li ltaqgħu magħhom fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

6.

Dan il-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki għandu wkoll l-għan li jtejjeb il-proċedura biex jiġu ttrattati lmenti dwar l-għajnuna mill-Istat. Huwa jiċċara l-kundizzjonijiet li fihom is-servizzi tal-Kummissjoni se jikkonsidraw li każ ikun ilment formali u jipprovdi skadenzi indikattivi għat-trattar ta’ lmenti formali.

7.

Il-fatturi speċifiċi ta’ każ individwali jistgħu madanakollu jirrikjedu adattament ta’ dan il-kodiċi jew devjazzjoni minnu. L-ispeċifiċitajiet tas-setturi tas-sajd u tal-akwakultura u tal-attivitajiet fil-produzzjoni primarja, il-kummerċjalizzazzjoni jew l-ipproċessar tal-prodotti agrikoli jistgħu wkoll jiġġustifikaw devjazzjoni minn dan il-kodiċi.

2.   IR-RELAZZJONI MAD-DRITT TAL-UNJON

8.

Dan il-kodiċi jiddeskrivi u jiċċara l-proċeduri segwiti mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta’ każijiet ta’ għajnuna mill-Istat. Ma jipprovdix ħarsa ġenerali eżawrjenti tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, iżda għandu jinqara flimkien mad-dokumenti l-oħra kollha li jinkludu dawn ir-regoli. Il-kodiċi ma joħloqx xi drittijiet ġodda apparti dawk stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”), fir-Regolament tal-Proċedura (10) u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (11) u fl-interpretazzjoni tagħhom mill-Qrati tal-UE. Lanqas b’xi mod ma jbiddel dawn id-drittijiet.

3.   NOTIFIKA MINN QABEL

3.1.   Objettivi

9.

Is-servizzi tal-Kummissjoni jistiednu lill-Istati Membri biex jagħmlu kuntatt magħhom qabel ma jinnotifikaw formalment miżuri ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni (“kuntatti ta’ qabel in-notifika”). Dawn il-“kuntatti ta’ qabel in-notifika” għandhom diversi objettivi.

10.

L-ewwel nett, matul dawn il-kuntatti ta’ qabel in-notifika, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istat Membru jistgħu jiddiskutu liema informazzjoni hija meħtieġa sabiex in-notifika ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat inkwistjoni titqies bħala kompleta. B’hekk, il-kuntatti ta’ qabel in-notifika ġeneralment iwasslu għal riżultati aħjar u notifiki aktar kompleti. Dan imbagħad iħaffef it-trattar ta’ dawn in-notifiki, ġeneralment billi jippermetti li l-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika (12).

11.

It-tieni, matul il-kuntatti ta’ qabel in-notifika, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istat Membru jistgħu jiddiskutu l-aspetti legali u ekonomiċi ta’ miżura proposta b’mod informali u kunfidenzjali (13) qabel ma din tiġi nnotifikata formalment. B’mod partikolari, il-fażi ta’ qabel in-notifika tista’ tipprovdi opportunità biex jiġu indirizzati dawk l-aspetti ta’ miżura proposta li tista’ ma tkunx kompletament konformi mar-regoli tal-għajnuna tal-Istat, inkluż f’każijiet fejn huma meħtieġa tibdiliet sinifikanti għall-miżura.

12.

It-tielet, matul il-fażi ta’ qabel in-notifika, is-servizzi tal-Kummissjoni se jagħmlu l-ewwel valutazzjoni ta’ jekk każ jikkwalifikax għal applikazzjoni ta’ proċedura mħaffa (ara t-Taqsima 6).

3.2.   Ambitu

13.

Is-servizzi tal-Kummissjoni se jidħlu f’kuntatti ta’ qabel in-notifika kull meta jitlob Stat Membru. Is-servizzi tal-Kummissjoni jirrakkomandaw bil-qawwa li l-Istati Membri jidħlu f’tali kuntatti f’każijiet li jkollhom aspetti jew karatteristiċi ġodda jew kumplessità li jiġġustifikaw diskussjonijiet informali minn qabel mas-servizzi tal-Kummissjoni. Il-kuntatti ta’ qabel in-notifika jistgħu jkunu utili wkoll għall-proġetti ta’ interess komuni b’relevanza għolja tal-UE bħall-proġetti tan-netwerks ewlenin fin-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), sal-punt li l-finanzjament tagħhom x’aktarx ikun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

3.3.   Tempestività

14.

Sabiex jiġi ggarantit li l-kuntatti ta’ qabel in-notifika ikunu effiċjenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu lis-servizzi tal-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-valutazzjoni ta’ proposta ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ abbozz ta’ notifika. Imbagħad isiru l-kuntatti ta’ qabel in-notifika, tipikament permezz ta’ email, bit-telefon jew b’konferenza telefonika biex jitħaffef il-proċess. Fejn meħtieġ, jew tal-inqas fuq talba ta’ Stat Membru, jistgħu jsiru wkoll laqgħat bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istat Membru.

15.

F’każi partikolarment kumplessi (bħal każijiet dwar l-għajnuna għar-ristrutturar jew miżuri ta’ għajnuna individwali kbar jew kumplessi), is-servizzi tal-Kummissjoni jirrakkomandaw li l-Istati Membri jibdew il-kuntatti ta’ qabel in-notifika kemm jista’ jkun kmieni sabiex tkun tista’ ssir diskussjoni siewja. Tali kuntatti jistgħu jkunu utli wkoll f’xi każijiet li jidhru inqas problematiċi, sabiex tiġi vvalidata l-valutazzjoni inizjali proprja tal-Istati Membri u tiġi stabbilita l-informazzjoni li jkollhom bżonn is-servizzi tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-każ.

16.

It-tempestività u l-format tal-kuntatti ta’ qabel in-notifika jiddependu fuq il-kumplessità tal-każ. Għalkemm tali kuntatti jistgħu jdumu bosta xhur, dawn jenħtieġ li, bħala regola ġenerali, ma jdumux aktar minn sitt xhur.

17.

Mal-konklużjoni tal-kuntatti ta’ qabel in-notifika, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jippreżentaw notifika kompleta. F’każijiet fejn is-servizzi tal-Kummissjoni jikkunsidraw li l-kuntatti ta’ qabel in-notifika ma jagħtux riżultati sodisfaċenti, jistgħu jagħlqu l-fażi ta’ qabel in-notifika. Dan ma jżommx lill-Istat Membru milli jerġa’ jipprenotifika jew jinnotifika miżura simili.

3.4.   Kontenut

18.

Abbażi tal-esperjenza tagħha, speċjalment f’każijiet b’implikazzjonijiet kbar tekniċi, finanzjarji u relatati ma’ proġetti, il-Kummissjoni tirrakkomanda li fil-kuntatti ta’ qabel in-notifika jiġu involuti l-benefiċjarji ta’ miżuri individwali. Madankollu, id-deċiżjoni dwar jekk jiġix involut il-benefiċjarju hija f’idejn l-Istat Membru.

19.

Għal miżuri li jinvolvu diversi Stati Membri (pereżempju, proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni), l-Istati Membri parteċipanti ġeneralment huma mħeġġa jiddiskutu bejniethom qabel ma jibdew il-kuntatti ta’ qabel in-notifika, biex jiġi żgurat approċċ konsistenti għall-miżura u biex tiġi stabbilita skeda ta’ żmien realistika.

20.

Is-servizzi tal-Kummissjoni se jippruvaw jipprovdu lill-Istat Membru b’valutazzjoni preliminari informali tal-miżura fl-aħħar tal-fażi tan-notifika minn qabel. Din il-valutazzjoni preliminari tinkludi gwida mhux vinkolanti mis-servizzi tal-Kummissjoni dwar il-kompletezza tal-abbozz tan-notifika u valutazzjoni informali u mhux vinkolanti (14) ta’ jekk il-miżura tikkostitwix għajnuna mill-Istat u jekk hijiex kompatibbli mas-suq intern jew le.

21.

F’każijiet partikolarment ġodda jew kumplessi, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu ma jipprovdux valutazzjoni preliminari informali fl-aħħar tal-fażi tan-notifika minn qabel. F’każijiet bħal dawn, fuq talba ta’ Stat Membru, huma jistgħu jindikaw liema informazzjoni għad trid tingħata biex ikunu jistgħu jwettqu valutazzjoni tal-miżura.

22.

Il-kuntatti ta’ qabel in-notifika huma volontarji u kunfidenzjali. Dawn ma jaffettwawx il-valutazzjoni tal-każ wara n-notifika formali tagħha. B’mod partikolari, il-fatt li saru kuntatti ta’ qabel in-notifika ma jfissirx li s-servizzi tal-Kummissjoni ma jistgħux jitolbu lill-Istat Membru biex jipprovdi aktar informazzjoni wara n-notifika formali.

4.   APPROĊĊ ABBAŻI TA’ PORTAFOLL TAL-KAŻ U PJANIFIKAZZJONI MIFTIEHMA REĊIPROKAMENT

4.1.   Approċċ abbażi ta’ portafoll tal-każ

23.

L-Istati Membri jistgħu jitolbu lis-servizzi tal-Kummissjoni biex jittrattaw każijiet li huma jikkunsidraw bħala prijorità bi skeda ta’ żmien aktar prevedibbli. Għal dan il-għan, huma jistgħu jipparteċipaw fl-“eżerċizzju tal-portafoll” li joffru s-servizzi tal-Kummissjoni. Darbtejn fis-sena (15), is-servizzi tal-Kummissjoni se jitolbu lill-Istati Membri biex jinfurmawhom liema każijiet notifikati fil-portafoll tagħhom iqisu li huma ta’ prijorità għolja jew baxxa. Jekk ikunu jixtiequ jipparteċipaw f’dan l-eżerċizzju, l-Istati Membri għandhom iwieġbu għat-talba fl-iskeda ta’ żmien li tingħatalhom. Ladarba jkunu rċevew din l-informazzjoni, u bil-kunsiderazzjoni dovuta għar-riżorsi disponibbli u każijiet pendenti oħra li jinvolvu lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jipproponu Pjanifikazzjoni Miftiehma Reċiprokament għal dawn il-każijiet, biex jiżguraw li jiġu trattati mingħajr dewmien u b’mod prevedibbli.

4.2.   Pjanifikazzjoni Miftiehma Reċiprokament

4.2.1.   Objettiv u kontenut

24.

Pjanifikazzjoni Miftiehma Reċiprokament hija għodda li tista’ tintuża biex jiżdiedu t-trasparenza u l-prevedibbiltà tat-tul ta’ żmien li x’aktarx tieħu investigazzjoni għall-għajnuna mill-Istat. Din l-għodda tippermetti li s-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istat Membru jaqblu fuq l-iskeda ta’ żmien mistennija ta’ investigazzjoni f’każ speċifiku, u f’xi każijiet ukoll fuq il-perkors li x’aktarx tieħu l-investigazzjoni. Dan jista’ jkun partikolarment utli f’każijiet li għandhom aspetti ġodda, li huma relatati mal-proġetti tan-netwerks ewlenin jew huma teknikament kumplessi, urġenti jew sensittivi.

25.

B’mod partikolari s-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istat Membru jistgħu jaqblu dwar dan li ġej:

It-trattament prijoritarju tal-każ bħala parti mill-eżerċizzju tal-portafoll. Fejn ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ pjanifikazzjoni jew ta’ riżorsi (16), jista’ jingħata permess għal trattament ta’ prijorità jekk l-Istat Membru jaċċetta formalment li jiġu sospiżi u tingħata estensjoni għal-limitu ta’ żmien tal-eżami (17) ta’ każijiet oħra mill-portafoll tiegħu;

Liema informazzjoni (18) l-Istat Membru u/jew il-preżunt benefiċjarju tal-għajnuna għanhom jipprovdu lis-servizzi tal-Kummissjoni, u liema tip ta’ ġbir ta’ informazzjoni unilaterali bi ħsiebhom jużaw is-servizzi tal-Kummissjoni fil-każ;

Il-forma u t-tul taż-żmien probabbli tal-valutazzjoni tal-każ mis-servizzi tal-Kummissjoni wara n-notifika tiegħu.

26.

Jekk l-Istat Membru jipprovdi l-informazzjoni kollha miftiehma fil-pront, is-servizzi tal-Kummissjoni se jagħmlu ħilithom biex jikkonformaw maż-żmien li jkun ġie miftiehem reċiprokament għall-investigazzjoni tagħhom tal-każ. Madankollu, jista’ ma jkunx possibbli li wieħed jaħdem f’dan il-perjodu ta’ żmien f’każijiet fejn l-informazzjoni li jipprovdi l-Istat Membru jew il-partijiet terzi tkun tqajjem kwistjonijiet ulterjuri.

4.2.2.   Ambitu u tempestività

27.

Il-Pjanifikazzjoni Miftiehma Reċiprokament, se tintuża, b’mod partikolari, f’każijiet li jinvolvu ħafna aspetti ġodda, jew huma teknikament diffiċli jew sensittivi. F’każijiet bħal dawn, il-Pjanifikazzjoni Miftiehma Reċiprokament se sseħħ fl-aħħar tal-fażi ta’ qabel in-notifika, u tkun segwita min-notifika formali.

28.

Il-Pjanifikazzjoni Miftiehma Reċiprokament tista’ ssir fil-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’każijiet bħal dawn, l-Istat Membru għandu jitlob Pjanifikazzjoni Miftiehma Reċiprokament għal trattament ulterjuri tal-każ.

5.   EŻAMI PRELIMINARI TAL-MIŻURI NNOTIFIKATI

5.1.   Talbiet għal informazzjoni

29.

Is-servizzi tal-Kummissjoni jibdew l-eżami preliminari tagħhom tal-miżura nnotifikata meta jirċievu n-notifika tagħha. F’każ li jkunu jeħtieġu aktar informazzjoni wara li tkun ġiet notifikata miżura ta’ għajnuna, huma se jibagħtu talba għal informazzjoni lill-Istat Membru. Peress li s-servizzi tal-Kummissjoni jippruvaw jiġbru t-talbiet għall-informazzjoni u peress li l-kuntatti ta’ qabel in-notifika jenħtieġ li jiżguraw li l-Istati Membri jippreżentaw notifiki kompleti (19), talba waħda komprensiva għall-informazzjoni ġeneralment se tkun biżżejjed. It-talba tispjega liema informazzjoni hija meħtieġa u normalment se tintbagħat fi żmien erba’ ġimgħat wara n-notifika formali.

30.

Wara li jkunu rċevew ir-risposta tal-Istat Membru, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jqajmu mistoqsijiet addizzjonali skont il-kontenut tar-risposti u skont in-natura tal-każ. Dan ma jfissirx neċessarjament li l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji fil-valutazzjoni tal-każ.

31.

Jekk l-Istat Membru ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba sal-iskadenza, is-servizzi tal-Kummissjoni se jibagħtu tfakkira. Jekk, wara tfakkira waħda, l-Istat Membru xorta ma jibgħatx l-informazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni se jinfurmaw lill-Istat Membru li n-notifika hi meqjusa rtirata (20), sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali. Jekk notifika tkun meqjusa li ġiet irtirata, l-Istat Membru jista’ sussegwentement jerġa’ jinnotifika l-miżura bl-informazzjoni nieqsa miżjuda.

32.

Meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ġeneralment se tiftaħ din il-proċedura wara massimu ta’ żewġ ċikli ta’ mistoqsijiet. Madankollu, f’xi każijiet jistgħu joħorġu aktar talbiet għal informazzjoni qabel tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont in-natura tal-każ u l-kompletezza u l-kumplessità tal-informazzjoni li jipprovdi l-Istat Membru.

5.2.   Sospensjoni miftiehma tal-investigazzjoni preliminari

33.

Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jissospendu l-eżami preliminari, pereżempju meta Stat Membru jitlob sospensjoni sabiex tibdel il-miżura ta’ għajnuna biex jinġieb f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, jew inkella permezz ta’ ftehim komuni.

34.

Il-perijodu ta’ sospensjoni se jiġi miftiehem minn qabel. Jekk l-Istat Membru ma jkunx issottometta notifika kompleta li tikkonforma mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fi tmiem dan il-perjodu, is-servizzi tal-Kummissjoni se jkomplu l-proċedura mill-punt li fih tkun ġiet sospiża. Is-servizzi tal-Kummissjoni normalment imbagħad jinformaw lill-Istat Membru li n-notifika hi meqjusa li ġiet irtirata, jew immedjatament jiftħu l-proċedura ta’ investigazzjoni formali minħabba li hemm dubji serji dwar jekk il-miżura ta’ għajnuna hix konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u b’hekk hix kompatibbli mas-suq intern.

5.3.   Kuntatti tal-“qagħda attwali” u kuntatti mal-benefiċjarju tal-għajnuna

35.

Fuq talba, is-servizzi tal-Kummissjoni se jinfurmaw lill-Istat Membru bil-qagħda attwali tal-eżami preliminari ta’ notifika.

36.

L-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jinvolvi lill-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat potenzjali (individwali) fil-kuntatti tal-“qagħda attwali” mal-Kummissjoni, speċjalment f’każijiet importanti b’implikazzjonijiet tekniċi, finanzjarji u relatati ma’ proġett. Is-servizzi tal-Kummissjoni jirrakkomandaw li l-benefiċjarju jiġi involuti f’dawn il-kuntatti. Madankollu, id-deċiżjoni dwar jekk jiġix involut il-benefiċjarju hija f’idejn l-Istat Membru.

6.   PROĊEDURI SSIMPLIFIKATI F’KAŻIJIET SEMPLIĊI

6.1.   Każijiet li jistgħu jiġu suġġetti għal proċeduri ssimplifikati

37.

Jekk każ ikun sempliċi u ċerti kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni tista’ taqbel li tittrattah skont proċedura ssimplifikata. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex fi żmien 25 jum mid-data tan-notifika tadotta deċiżjoni f’forma mqassra li tikkonstata li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwix għajnuna jew deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet (21).

38.

Jekk Stat Membru jitlob li tiġi applikata l-proċedura ssimplifikata, is-servizzi tal-Kummissjoni se jiddeċiedu jekk il-każ huwiex adatt għal dan it-trattament proċedurali. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta miżura tkun simili biżżejjed għal miżuri oħra li jkunu ġew approvati f’minn tal-inqas tliet deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati fl-10 snin preċedenti għad-data tan-notifika minn qabel (“id-deċiżjonijiet preċedenti”). Biex jiddeċiedu jekk il-miżura hijiex simili biżżejjed għal dawk ivvalutati f’deċiżjonijiet preċedenti, is-servizzi tal-Kummissjoni se jħarsu lejn il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli kollha, u b’mod partikolari lejn l-għanijiet u l-istruttura ġenerali tal-miżura, it-tipi ta’ benefiċjarji, l-ispejjeż eliġibbli, il-limiti ta’ kull notifika, l-intensitajiet tal-għajnuna u l-bonusijiet applikabbli (jekk ikun hemm), id-dispożizzjonijiet tal-kumulazzjoni, l-effett tal-inċentiv, u r-rekwiżiti tat-trasparenza.

39.

Ġeneralment, fejn mill-inqas tliet deċiżjonijiet preċedenti huma disponibbli, ikun ċar li l-miżura ma tikkostitwix għajnuna jew li l-miżura ta’ għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern. Madankollu, dan jista’ ma jkunx il-każ f’ċerti ċirkostanzi, pereżempju jekk il-Kummissjoni tkun qed terġa’ tevalwa d-deċiżjonijiet preċedenti fid-dawl tal-każistika reċenti. Peress li tali każijiet jeħtieġ li jiġu eżaminati mill-qrib, is-servizzi tal-Kummissjoni normalment se jirrifjutaw li japplikaw il-proċedura ssimplifikata.

40.

Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu wkoll jirrifjutaw li japplikaw proċedura ssimplifikata f’każijiet fejn miżura ta’ għajnuna tista’ tibbenefika minnha kumpanija li għandha l-obbligu li tħallas lura l-għajnuna mill-Istat li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala illegali u inkompatibbli mas-suq intern (22).

6.2.   Kuntatti ta’ qabel in-notifika għad-determinazzjoni tal-użu tal-proċedura ssimplifikata

41.

Is-servizzi tal-Kummissjoni se jaqblu li japplikaw proċedura simplifikata biss jekk ikunu saru l-kuntatti ta’ qabel in-notifika dwar il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni. F’dan il-kuntest, l-Istat Membru għandu jissottometti formola tal-abbozz tan-notifika li tkun tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha, inklużi referenzi għal deċiżjonijiet preċedenti, u abbozz ta’ sommarju tan-notifika (23), li hu maħsub għall-pubblikazzjoni fuq is-sit web tad-DĠ Kompetizzjoni.

42.

Is-servizzi tal-Kummissjoni se japplikaw il-proċedura ssimplifikata biss jekk iqisu li l-formola ta’ notifika tkun, fil-prinċipju, kompleta. Dan ifisser li s-servizzi tal-Kummissjoni fil-prinċipju jkollhom biżżejjed informazzjoni biex japprovaw il-miżura, jekk l-Istat Membru jibbaża n-notifika tiegħu fuq il-formola tal-abbozz tan-notifika inklużi r-riżultati tal-kuntatti ta’ qabel in-notifika.

6.3.   In-notifika u l-pubblikazzjoni tas-sommarju qasir

43.

Il-limitu ta’ żmien ta’ 25 jum għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni f’forma qasira (ara l-Punt 38) jibda jiddekorri meta l-Istat Membru jippreżenta n-notifika. Jintużaw formoli standard ta’ notifika (24) li jintuzaw fil-proċedura ssimplifikata.

44.

Wara li jkunu rċevew in-notifika, is-servizzi tal-Kummissjoni se jippubblikaw sommarju tan-notifika (25) fuq is-sit web tad-DĠ Kompetizzjoni u se jiddikjaraw li l-miżura ta’ għajnuna tista’ tikkwalifika biex tiġi applikata l-proċedura ssimplifikata. Il-partijiet interessati mbagħad se jkollhom 10 ijiem xogħol biex jikkummentaw, b’mod partikolari fuq ċirkostanzi li jistgħu jkunu jeħtieġu eżami aktar bir-reqqa. Jekk parti interessata tqajjem tħassib li prima facie jidher fondat, is-servizzi tal-Kummissjoni se japplikaw il-proċedura normali. Huma se jinformaw lill-Istat Membru u l-partijiet interessati tiegħu.

6.4.   Deċiżjoni f’forma qasira

45.

F’każijiet fejn tiġi applikata proċedura ssimplifikata, il-Kummissjoni normalment se toħrog deċiżjoni f’forma qasira. Il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tadotta deċiżjoni li tikkonstata li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwix għajnuna jew deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet (26) fi żmien 25 jum ta’ xogħol min-notifika.

46.

Id-Deċiżjoni f’forma qasira jkun fiha sommarju ppubblikat fiż-żmien tan-notifika u valutazzjoni qasira tal-miżura skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat u, fejn applikabbli, issemmi li hija konformi mal-prattika preċedenti tal-Kummissjoni tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni se tiġi ppubblikata fuq is-sit web tad-DĠ Kompetizzjoni.

7.   IL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

47.

Il-Kummissjoni għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza, il-prevedibbiltà u l-effiċjenza tat-trattament tal-każijiet kumplessi li huma ttrattati taħt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għal dan il-għan, se tuża b’mod effiċjenti l-mezzi proċedurali kollha li għandha abbażi tar-Regolament Proċedurali.

7.1.   Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u s-sommarji sinifikanti

48.

Il-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tippubblika d-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (“id-deċiżjoni ta’ ftuħ”), flimkien ma’ sommarju (27) fi żmien xahrejn mill-adozzjoni tagħha f’każijiet fejn l-Istat Membru ma jitlobx li informazzjoni kunfidenzjali titneħħa mid-deċiżjoni.

49.

Fejn ikun hemm nuqqas ta’ ftehim bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istat Membru dwar it-tneħħija ta’ informazzjoni kunfidenzjali mid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji tal-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali (28) u se tippubblika d-deċiżjoni malajr kemm jista’ jkun wara l-adozzjoni tagħha (29). L-istess prattika tapplika għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet finali kollha (30).

7.2.   Kummenti tal-partijiet interessati

50.

Il-partijiet interessati, inkluż il-benefiċjarju tal-għajnuna, jistgħu jikkummentaw fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tagħha (31). Is-servizzi tal-Kummissjoni, fil-prinċipju, mhux se jestendu din l-iskadenza jew jaċċettaw sottomissjonijiet wara li tkun għaddiet (32). Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jagħtu estensjoni biss f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, pereżempju jekk il-parti interessata jkollha l-intenzjoni li tippreżenta informazzjoni fattwali partikolarment voluminuża jew jekk ikun sar xi kuntatt mal-parti interessata qabel ma jiskadi l-limitu ta’ żmien.

51.

F’ħafna każijiet kumplessi, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jibagħtu kopja tad-deċiżjoni ta’ ftuħ lil partijiet terzi, inklużi assoċjazzjonijiet kummerċjali jew imprenditorjali u jitolbuhom jikkummentaw fuq aspetti speċifiċi tal-każ (33). Il-kooperazzjoni ta’ partijiet interessati hija fuq bażi volontarja. Fl-ittra tagħhom, is-servizzi tal-Kummissjoni se jistiednu lil partijiet interessati sabiex iwieġbu fi żmien xahar sabiex jiżguraw li l-proċedura hija effiċjenti. Il-Kummissjoni se tibgħat l-istess invit għal kummenti lill-benefiċjarju tal-għajnuna.

52.

Sabiex ikunu rispettati d-drittijiet ta’ difiża (34), is-servizzi tal-Kummissjoni se jibagħtu verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ kull kumment li jirċievu mingħand partijiet interessati lill-Istat Membru kkonċernat u se jistiednu lill-Istat Membru sabiex iwieġeb fi żmien xahar. Jekk ma jkunx hemm kummenti min-naħa tal-partijiet interessati, is-servizzi tal-Kummissjoni se jinformaw lill-Istat Membru f’dan is-sens.

53.

Is-servizzi tal-Kummissjoni jistiednu lill-Istati Membri biex jaċċettaw il-kummenti tal-partijiet interessati fil-lingwa oriġinali tagħhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jintbagħtu malajr kemm jista’ jkun. Madankollu, is-servizzi tal-Kummissjoni se jipprovdu traduzzjoni jekk Stat Membru jitlobha. Dan jista’ jwassal biex il-proċedura tieħu aktar żmien.

7.3.   Kummenti minn Stati Membri:

54.

Is-servizzi tal-Kummissjoni jagħmlu ħilithom biex ilestu l-proċedura ta’ investigazzjoni formali malajr kemm jista’ jkun. Għalhekk huma japplikaw l-iskadenzi stabbiliti fir-Regolament Proċedurali b’mod strett. Jekk Stat Membru ma jippreżentax il-kummenti tiegħu dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ jew kummenti li tkun għamlet parti terza fi żmien xahar (35), is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jestendu l-iskadenza b’xahar ieħor, jekk it-talba tal-Istat Membru tkun ġustifikata, u jiddikjaraw li, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, mhux se tingħata estensjoni oħra. Jekk l-Istat Membru ma jibgħatx tweġiba suffiċjenti u sinifikanti, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni li tkun disponibbli għaliha (36).

55.

Jekk l-informazzjoni li hi essenzjali biex il-Kummissjoni tasal għal deċiżjoni finali tkun nieqsa fil-każ ta’ għajnuna illegali (jiġifieri jekk għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ hijiex bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat), il-Kummissjoni tista’ toħroġ inġunzjoni (37) li teżiġi li l-Istat Membru jipprovdi l-informazzjoni. Jekk l-Istat Membru ma jirrispondix għal din l-inġunzjoni fiż-żmien preskritt, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni li tkun disponibbli għaliha.

7.4.   Talbiet għal informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru kkonċernat

56.

F’każijiet kumplessi ħafna, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jkollhom bżonn jibagħtu talba għal aktar informazzjoni wara li jkunu rċevew il-kummenti tal-Istat Membru dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ. Il-perjodu għall-Istat Membru biex jirrispondi normalment ikun ta’ xahar.

57.

Jekk Stat Membru ma jweġibx sal-iskadenza, is-servizzi tal-Kummissjoni se jibagħtu tfakkira, filwaqt li jistabbilixxu skadenza finali, li normalment tkun ta’ 20 jum ta’ xogħol. Huma se jinformaw ukoll lill-Istat Membru li, fin-nuqqas ta’ tweġiba xierqa sad-data tal-iskadenza, il-Kummissjoni għandha bosta opzjonijiet skont il-karatteristiċi tal-każ. Din tista’ tosserva li n-notifika hija rtirata (38). Hija tista’ tibgħat talba għal informazzjoni lil sorsi oħra (39). Għal każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni tista’ toħroġ inġunzjoni għall-għoti ta’ informazzjoni. Tista’ wkoll tieħu deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha (40).

7.5.   Talbiet għal informazzjoni lil sorsi oħra

58.

Wara li tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’każijiet fejn ikun ġie formalment konkluż li l-Istat Membru ma pprovdiex biżżejjed informazzjoni matul l-eżami preliminari, il-Kummissjoni tista’ toħroġ talba għal informazzjoni lil sorsi oħra apparti mill-Istat Membru (41).

59.

Jekk is-servizzi tal-Kummissjoni jixtiequ jitolbu informazzjoni mingħand il-benefiċjarju tal-għajnuna, jeħtieġ li jiksbu l-kunsens espliċitu tal-Istat Membru. L-Istat Membru se jkollu tipikament skadenza qasira biex iwieġeb għal tali talba għal kunsens.

60.

Is-servizzi tal-Kummissjoni se jirrispettaw l-prinċipju tal-proporzjonalità (42) u jitolbu biss informazzjoni minn sorsi oħra, jekk dik l-informazzjoni tkun għad-dispożizzjoni ta’ dawk il-partijiet. Il-partijiet interessati se jkollhom perjodu ta’ żmien raġonevoli, normalment mhux aktar minn xahar, biex jipprovdu l-informazzjoni.

61.

Minbarra t-talbiet għal informazzjoni minn sorsi oħra, il-Kummissjoni għandha wkoll il-kompetenza biex tinvestiga u tiġbor informazzjoni bbażata fuq il-ġurisprudenza tal-qrati tal-UE (43). Din il-kompetenza mhix affettwata mir-regoli speċifiċi li jirregolaw talbiet għal informazzjoni lil sorsi oħra.

7.6.   Sospensjoni ġġustifikata ta’ investigazzjoni formali

62.

Is-servizzi tal-Kummissjoni se jissospendu investigazzjoni formali biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u bi ftehim mal-Istat Membru. Dan jista’ jkun il-każ jekk Stat Membru jitlob għal sospensjoni sabiex iġib il-proġett tiegħu konformi mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat, jew fejn sentenza f’kawża pendenti quddiem il-qrati tal-UE x’aktarx li jkun se jkollha impatt fuq il-valutazzjoni tal-każ.

63.

Sospensjoni formali normalment tingħata darba biss, u għal perjodu miftiehem minn qabel bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istat Membru.

7.7.   Adozzjoni tad-deċiżjoni finali u estensjoni ġustifikata tal-investigazzjoni formali

64.

Il-Kummissjoni dejjem tagħmel ħilitha biex tadotta deċiżjoni finali malajr u, safejn possibbli, fi żmien 18-il xahar mill-ftuħ tal-proċedura (44). Din l-iskadenza tista’ tiġi estiża bi ftehim bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istat Membru. Estensjoni tista’ tkun xierqa jekk il-każ ikun jikkonċerna għajnuna ġdida jew jekk ikun iqajjem kwistjonijiet legali ġodda.

65.

Sabiex tiżgura l-konformità ma’ din l-iskadenza ta’ 18-il xahar, il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tadotta d-deċiżjoni finali mhux aktar tard minn sitt xhur wara li l-Istat Membru jippreżenta l-aħħar informazzjoni, jew wara li tgħaddi l-aħħar skadenza.

8.   INVESTIGAZZJONIJIET F’SETTURI TAL-EKONOMIJA U FI STRUMENTI TA’ GĦAJNUNA

66.

Il-Kummissjoni għandha l-kompetenza li twettaq inkjesti settorjali, li fihom se tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità (45). Fi tmiem tali inkjesta, il-Kummissjoni se tippubblika rapport dwar ir-riżultati tal-investigazzjoni tagħha fuq is-sit web tad-DĠ Kompetizzjoni. Il-Kummissjoni se tinforma lill-Istati Membri u tistieden lilhom kif ukoll partijiet ikkonċernati oħrajn biex jikkummentaw fuq ir-rapport fi żmien perjodu ta’ mhux aktar minn xahar.

67.

L-informazzjoni miksuba permezz tal-inkjesta settorjali tista’ tintuża fi proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat, u tista’ twassal biex il-Kummissjoni tniedi investigazzjonijiet dwar miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fuq inizjattiva tagħha stess.

9.   ILMENTI FORMALI

68.

Is-servizzi tal-Kummissjoni jagħmlu ħilithom biex jittrattaw ilmenti minn partijiet interessati b’mod kemm jista’ jkun effiċjenti u trasparenti, permezz tal-aħjar prattiki deskritti hawn taħt.

9.1.   Il-formola tal-ilment u l-obbligu biex jintwera interess affettwat

69.

L-Artikolu 1(h) tar-Regolament Proċedurali jiddefinixxi partijiet interessati bħala kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ. Il-partijiet interessati li jixtiequ jippreżentaw ilment formali lill-Kummissjoni jeħtieġ li jimlew formola ta’ lment (46) u jipprovdu l-informazzjoni kollha mitluba, flimkien ma’ verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment (47). Jekk il-formola tal-ilmenti tkun kompleta u l-parti li tinnotifikaha turi li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati bl-għoti tal-għajnuna skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Proċedurali (48), is-servizzi tal-Kummissjoni se jirreġistraw il-każ bħala lment formali.

70.

Jekk il-parti li tinnotifika ma tipprovdix l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-formola tal-ilmenti jew ma turix li hija għandha interess li taġixxi, is-servizzi tal-Kummissjoni se jikkunsidraw il-preżentazzjoni bħala informazzjoni tas-suq (49). Is-servizzi tal-Kummissjoni se jinfurmaw lill-parti li tinnotifika skont dan. L-informazzjoni dwar is-suq tista’ twassal għal investigazzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni.

9.2.   Perjodu ta’ żmien indikattiv u eżitu tal-investigazzjoni ta’ lment formali

71.

Is-servizzi tal-Kummissjoni jagħmlu ħilithom biex jinvestigaw ilment formali fi żmien mhux vinkolanti ta’ 12-il xahar minn meta jiġi rreġistrat. L-investigazzjoni tista’ tkun itwal abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, pereżempju jekk is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jeħtieġu li jitolbu lill-ilmentatur, lil Stat Membru jew lil partijiet terzi għal informazzjoni ulterjuri.

72.

Jekk ilment ma jkunx sostanzjat, is-servizzi tal-Kummissjoni se jippruvaw jinformaw lill-ilmentatur fi żmien xahrejn minn meta tirreġistra li ma hemmx raġunijiet suffiċjenti sabiex jiddeċiedu dwar il-każ. Huma se jistiednu lill-ilmentatur biex jippreżenta aktar kummenti sostantivi fi żmien xahar. Jekk l-ilmentatur ma jipprovdix aktar kummenti sal-iskadenza, l-ilment se jiġi meqjus irtirat.

73.

Fir-rigward tal-ilmenti dwar għajnuna approvata u/jew miżuri ta’ għajnuna li ma’ għandhomx għalfejn ikunu notifikati, is-servizzi tal-Kummissjoni se jippruvaw ukoll iwieġbu lill-ilmentatur fi żmien xahrejn minn meta jirċievu l-ilment.

74.

Skont il-volum ta’ xogħol li jkollhom u billi japplikaw id-dritt tagħhom li jistabbilixxu l-prijoritajiet għall-investigazzjonijiet (50), is-servizzi tal-Kummissjoni se jippruvaw iwettqu waħda minn dawn li ġejjin fi żmien 12-il xahar wara li jiġi rreġistrat l-ilment:

jadottaw deċiżjoni (51), u jibgħatu kopja lill-ilmentatur;

jibagħtu ittra lill-ilmentatur li tistipula l-fehmiet preliminari tagħhom dwar il-miżura abbażi tal-informazzjoni disponibbli (“ittra ta’ valutazzjoni preliminari”); din l-ittra mhix il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni.

75.

Jekk l-ittra ta’ valutazzjoni preliminari tikkonkludi b’mod proviżorju li ma hemm l-ebda għajnuna inkompatibbli, l-ilmentatur jista’ jikkummenta dwar dan fi żmien xahar. Jekk l-ilmentatur ma jikkummentax fiż-żmien stipulat, l-ilment se jiġi meqjus irtirat.

76.

Jekk ilment ikun jikkonċerna għajnuna illegali, is-servizzi tal-Kummissjoni se jfakkru lill-ilmentatur li huwa possibbli li jinbdew proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali, li jistgħu jordnaw li tali għajnuna tiġi sospiża jew irkuprata (52). Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jittrattaw ilmenti formali dwar miżuri ta’ għajnuna li qed jiġu kkontestati quddiem il-qrati nazzjonali bħala prijorità baxxa għal kemm idumu l-proċeduri.

77.

Is-servizzi tal-Kummissjoni normalment, iżda mhux neċessarjament, se jibagħtu l-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ lmenti ssostanzjati lill-Istat Membru għall-kummenti. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jistiednu lill-Istati Membri kkonċernati biex jirrispettaw il-limiti ta’ żmien sabiex jibagħtu l-kummenti tagħhom u jipprovdu informazzjoni dwar l-ilmenti. L-ilmenti normalment se jintbagħtu lill-Istat Membru fil-lingwa oriġinali tagħhom. Madankollu, is-servizzi tal-Kummissjoni se jipprovdu traduzzjoni jekk l-Istat Membru jitlob dan. Dan jista’ jwassal biex il-proċedura tieħu aktar żmien.

78.

Is-servizzi tal-Kummissjoni, b’mod sistematiku se jżommu lill-Istati Membri u lill-ilmentaturi infurmati dwar l-ipproċessar jew l-għeluq tal-ilmenti.

10.   PJANI TA’ EVALWAZZJONI

79.

L-effetti pożittivi tal-għajnuna mill-Istat għandhom jissuperaw l-effetti negattivi potenzjali tagħhom fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Biex tiżgura li dan ikun il-każ, il-Kummissjoni tħeġġeġ li ssir evalwazzjoni ex post effettiva ta’ skemi ta’ għajnuna li jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet sostanzjali tal-kompetizzjoni. Dan jinkludi skemi ta’ għajnuna b’baġits kbar jew karatteristiċi ġodda, u skemi fi swieq fejn huwa mistenni tibdil sinifikanti fis-suq, fit-teknoloġija jew regolatorju. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jiddeċiedu matul il-fażi ta’ qabel in-notifika jekk evalwazzjoni hijiex neċessarja. Huma se jinformaw lill-Istat Membru malajr kemm jista’ jkun, sabiex ikollu biżżejjed żmien iħejji pjan ta’ evalwazzjoni.

80.

Għal skemi li jridu jiġu evalwati abbażi tal-GBER (53), l-Istat Membru jrid jinnotifika l-pjan ta’ evalwazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni fi żmien 20 jum ta’ xogħol mid-dħul fis-seħħ tal-iskema. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-pjan ta’ evalwazzjoni u, jekk dan jissodisfa l-kundizzjonijiet, tapprovah mill-aktar fis possibbli. Imbagħad se testendi wkoll il-perjodu meta l-iskema tista’ tiġi implimentata skont il-GBER.

81.

Għal skemi notifikati li għandhom jiġu evalwati, l-Istat Membru jrid jippreżenta pjan ta’ evalwazzjoni lill-Kummissjoni fl-istess żmien tan-notifika. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-pjan ta’ evalwazzjoni flimkien mal-iskema nnifisha, u d-deċiżjoni tagħha se tkopri kemm il-pjan kif ukoll l-iskema. Ir-rekwiżiti proċedurali kollha mir-Regolament Proċedurali japplikaw b’mod sħiħ.

11.   MONITORAĠĠ

82.

Il-Kummissjoni żżomm is-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżistu fl-Istati Membri taħt rieżami kontinwu (54). Ir-rieżami jsir f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, li jridu jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni (55).

83.

Mis-SAM ’l hawn, l-Istati Membri kellhom possibbiltajiet akbar biex jagħtu għajnuna mingħajr ma jinnotifikawha lill-Kummissjoni, l-aktar minħabba li l-GBER issa japplika għal aktar miżuri. Biex jiġi żgurat li dawn il-miżuri jkunu konformi mar-regoli b’mod konsistenti madwar l-UE, huwa dejjem aktar importanti li l-Kummissjoni tagħmel monitoraġġ ta’ kif l-Istati Membri japplikaw l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti jew li huma eżentati. Għalhekk, is-servizzi tal-Kummissjoni stabbilixxew proċess annwali ta’ monitoraġġ li matulu jagħżlu kampjun ta’ każijiet ta’ għajnuna mill-Istat għal aktar skrutinju.

84.

Is-servizzi tal-Kummissjoni jivverifikaw kemm il-konformità tal-iskemi magħżula mal-bażi legali tagħhom kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom (56).

85.

Is-servizzi tal-Kummissjoni jiksbu l-informazzjoni meħtieġa għall-proċess ta’ monitoraġġ permezz ta’ talbiet għal informazzjoni lill-Istati Membri. Normalment l-Istati Membri jkollhom 20 jum ta’ xogħol biex iwieġbu għal dawn it-talbiet. F’każijiet ġustifikati, pereżempju fejn ikun meħtieġ li jingħata ammont eċċezzjonalment kbir ta’ informazzjoni, dan il-perjodu jista’ jkun itwal.

86.

Jekk l-informazzjoni pprovduta ma tkunx biżżejjed biex jiġi konkluż jekk il-miżura hijiex imfassla u implimentata tajjeb, is-servizzi tal-Kummissjoni se jibagħtu aktar t-talbiet għal informazzjoni lill-Istat Membru.

87.

Is-servizzi tal-Kummissjoni se jippruvaw ilestu l-monitoraġġ tal-miżura ta’ għajnuna mill-Istat fi żmien 12-il xahar mill-ewwel talba għal informazzjoni u jinfurmaw lill-Istat Membru kkonċernat dwar l-eżitu.

12.   KOORDINAZZJONI AĦJAR U SĦUBIJA MAL-ISTATI MEMBRI

88.

Mis-SAM ’l hawn, l-Istati Membri kellhom responsabbiltà akbar fil-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u aktar possibbiltajiet biex jagħtu għajnuna mingħajr ma jinnotifikawha lill-Kummissjoni. Għalhekk, il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat saret aktar importanti.

89.

Sabiex irawmu relazzjonijiet ta’ ħidma aktar mill-qrib mal-Istati Membri, is-servizzi tal-Kummissjoni stabbilew ħafna gruppi ta’ ħidma li jlaqqgħu flimkien rappreżentanti kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni. Dawn il-gruppi ta’ ħidma jiltaqgħu fuq bażi regolari u huma maħsuba biex jiskambjaw informazzjoni dwar l-aspetti prattiċi u t-tagħlimiet meħuda fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Is-servizzi tal-Kummissjoni jipprovdu s-segretarjat għall-gruppi ta’ ħidma.

90.

Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni huma lesti wkoll li jagħtu appoġġ lill-Istati Membri, pereżempju billi jipprovdu gwida informali dwar l-interpretazzjoni tar-regoli l-ġodda. Is-servizzi tal-Kummissjoni jippruvaw ukoll jipprovdu sessjonijiet ta’ taħriġ għall-Istati Membri dwar temi ta’ għajnuna mill-Istat meta mitlub mill-Istati Membri.

91.

Is-servizzi tal-Kummissjoni waqqfu wkoll netwerk ta’ koordinaturi tal-pajjiżi, biex jiffaċilitaw il-kuntatti ta’ kuljum mal-Istati Membri. Il-koordinatur tal-pajjiż huwa punt ta’ kuntatt għall-Istati Membri li jixtiequ jikkomunikaw mas-servizzi tal-Kummissjoni dwar it-trattament tal-każijiet u aspetti oħra tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-koordinaturi tal-pajjiż għandhom ikunu kkupjati fil-komunikazzjoni elettronika dwar kwistjonijiet trażversal, speċjalment dwar l-approċċ għall-portafoll tal-każ.

13.   RIEŻAMI FUTUR

92.

Il-Kummissjoni se tapplika dan il-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki lil miżuri nnotifikati u lil miżuri li altrimenti nġiebu għall-attenzjoni tagħha 30 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

93.

Dan il-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki, jista’ jiġi rivedut biex jirrifletti:

bidliet fil-miżuri leġiżlattivi, interpretattivi u amministrattivi;

il-każistika rilevanti tal-Qrati tal-UE; jew

l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tiegħu.

94.

Il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha, fuq bażi regolari, fi djalogu mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati l-oħra dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Proċedurali b’mod ġenerali, u dwar dan il-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki b’mod partikolari.

(1)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1084 tal-14 ta’ Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 f'dak li għandu x'jaqsam ma' għajnuna għal infrastruttura tal-port u tal-ajruport, livelli limitu ta' notifika għal għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju u għajnuna għall-infrastrutturi għall-isport u għar-rikreazzjoni multifunzjonali, u l-iskemi ta' għajnuna operatorja reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 702/2014 f'dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli (ĠU L 156, 20.6.2017, p. 1).

(3)  It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat 2017, “Results, trends and observations regarding EU28 State Aid expenditure reports for 2016”, 29.11.17, p. 14.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(5)  Ara l-Istqarrija għall-Istampa tal-Kummissjoni, State aid: Commission gives guidance on local public support measures that do not constitute State aid, IP/16/3141, 21 ta’ Settembru 2016; L-istqarrija għall-Istampa tal-Kummissjoni, Għajnuna mill-Istat: Commission gives guidance on local public support measures that can be granted without prior Commission approval, IP/15/4889, 29 ta’ April 2015.

(6)  Il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali, COM/2018/398 final - 2018/0222, 6.6.2018.

(7)  Peress li parti sinifikanti minn dawn il-miżuri koperti mill-Avviż ta’ Proċedura Simplifikata issa huma eżentati minn notifika tal-għajnuna mill-Istat u l-użu ta’ din il-proċedura huwa għaldaqstant limitat ħafna, l-Avviż ta’ Proċedura Simplifikata ġiet integrata f’dan il-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki.

(8)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (ĠU C 136, 16.6.2009, p. 13).

(9)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura Simplifikata għat-trattament ta’ ċerti tipi ta’ għajnuna mill-Istat (ĠU C 136, 16.6.2009, p. 3).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2282 tas-27 ta’ Novembru 2015 (ĠU L 325, 10.12.2015, p. 1).

(12)  Ara l-Artikolu 4(5) li jirreferi għal deċiżjonijiet skont l-Artikoli 4(2), 4(3) u 4(4) tar-Regolament Proċedurali. Dan il-limitu taż-żmien ma jistax jiġi rispettat meta s-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jridu joħorġu diversi rikjesti għal informazzjoni minħabba notifiki mhux kompleti.

(13)  Fuq il-bażi tal-Artikolu 30 tar-Regolament Proċedurali, il-Kummissjoni hija marbuta bis-segretezza professjonali f’kull proċedura ta’ għajnuna mill-Istat. Dan huwa appoġġat mill-obbligu ġenerali tas-segretezza professjonali stabbilit fl-Artikolu 339 tat-Trattat.

(14)  Għaldaqstant, hija la tikkostitwixxi u lanqas tippreġudika l-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni.

(15)  Attwalment fl-aħħar ta’ Jannar u fl-aħħar ta’ Settembru ta’ kull sena.

(16)  Pereżempju, f’każijiet fejn l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni Ewropea għandhom r-rwol ta’ fond ta’ investiment.

(17)  Ara l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Proċedurali.

(18)  Pereżempju studji jew għarfien espert estern.

(19)  Sakemm ma jkunx ġie miftiehem mod ieħor fil-Pjanifikazzjoni Miftiehma Reċiprokament.

(20)  Abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Proċedurali.

(21)  Skont l-Artikolu 4(2) jew 4(3) tar-Regolament Proċedurali.

(22)  Fuq il-bażi ta’ ordni ta’ rkupru pendenti tal-Istati Membri, ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 1994, il-Kawża C-188/92, TWD Textilwerke Deggendorf, ECLI:EU:C:1994:90.

(23)  L-Anness ta’ dan il-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki.

(24)  L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(25)  Dan is-sommarju huwa bbażat fuq il-formola standard ipprovduta fl-Anness ta’ dan il-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki.

(26)  Abbażi tal-Artikolu 4(2) jew 4(3) tar-Regolament Proċedurali.

(27)  Is-“sommarju sinifikanti” huwa maħsub li jkun sommarju qasir tar-raġunijiet li fuqhom il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura. Is-sommarju sinifikanti jiġi tradott fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE u ppubblikat flimkien mat-test sħiħ tad-deċiżjoni ta’ ftuħ fil-Ġurnal Uffiċjali.

(28)  Commission communication on professional secrecy in State aid decisions (Dan id-dokument ma jeżistix bil-Malti.) (ĠU C 297, 9.12.2003, p. 6).

(29)  B’konformità mal-paragrafu 33 tal-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali.

(30)  B’konformità mal-paragrafu 34 tal-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali.

(31)  L-Artikolu 7(6) tar-Regolament Proċedurali.

(32)  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12(1) tar-Regolament Proċedurali.

(33)  Skont ġurisprudenza stabbilità, il-Kummissjoni hi ntitolata li tibgħat id-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni formali lil partijiet interessati identifikati; ara, pereżempju, il-Kawża T-198/01, Technische Glaswerke Ilmenau vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2004:222, il-paragrafu 195; Il-Kawżi Magħquda C-74/00 P u C-75/00 P, Falck Spa et al vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2002:524, paragrafu 83.

(34)  Kif ukoll b’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Proċedurali.

(35)  L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Proċedurali.

(36)  B’konformità mal-Artikoli 9(7) u 15(1) tar-Regolament Proċedurali.

(37)  L-Artikolu 12 tar-Regolament Proċedurali.

(38)  L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Proċedurali.

(39)  L-Artikolu 7 tar-Regolament Proċedurali.

(40)  L-Artikoli 9(7) u 15(1) tar-Regolament Proċedurali.

(41)  L-Artikolu 7 tar-Regolament Proċedurali.

(42)  L-Artikolu 7 tar-Regolament Proċedurali.

(43)  Pereżempju, fil-Kawża T-198/01, Technische Glaswerke Ilmenau vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2004:222, il-Qorti tal-Prim’ Istanza rrikonoxxiet impliċitament li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tagħmel mistoqsijiet lil waħda mill-impriżi li għamlu kummenti wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Bl-istess mod, fil-Kawża T-296/97 Alitalia vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2000:289, il-Qorti tal-Prim’ Istanza wkoll impliċitament aċċettat li l-Kummissjoni setgħet permezz tal-konsulenti esperti maħturin tagħha, tagħmel kuntatt ma’ investituri istituzzjonali sabiex tivvaluta l-kundizzjonijiet tal-investiment tal-Istat Taljan, f’Alitalia.

(44)  L-Artikolu 9(6) tar-Regolament Proċedurali. Skont l-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni mhijiex marbuta bi skadenza f’każ ta’ għajnuna illegali.

(45)  L-Artikolu 25 tar-Regolament Proċedurali.

(46)  L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(47)  Ara l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Proċedurali.

(48)  “Parti interessata” tfisser kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.

(49)  Kif spjegat fil-Premessa 32 fil-preambolu tar-Regolament Proċedurali, “[b]iex jiġu assigurati l-kwalità tal-ilmenti ppreżentati lill-Kummissjoni, u fl-istess ħin it-trasparenza u ċ- ċertezza legali, huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li lment għandu jissodisfa biex il-Kummissjoni tkun fil-pussess ta’ informazzjoni rigward għajnuna allegatament kontra l-liġi u tniedi l-eżami preliminari. Ilmenti ppreżentati, li ma jissodisfawx dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ttrattati bħala informazzjoni ġenerali dwar is-suq, u m’għandhomx bilfors iwasslu għal investigazzjonijiet ex officio”.

(50)  Il-Kawża T-475/04, Bouygues SA vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2007:196, il-paragrafi 158 u 159.

(51)  L-Artikolu 4 tar-Regolament Proċedurali.

(52)  Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar l-Għajnuna mill-Istat mill-Qrati Nazzjonali (ĠU C 85, 9.4.2009, p. 1).

(53)  L-Artikolu 1(2)(a) tal-GBER jeskludi mill-ambitu tal-iskemi ta’ għajnuna għall-eżenzjoni ta’ kategorija b’baġits annwali ta’ aktar minn EUR 150 miljun, minn sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tagħhom, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx estendiet dan il-perjodu wara l-approvazzjoni ta’ pjan ta’ evalwazzjoni.

(54)  Abbażi tal-Artikolu 108(1) tat-Trattat.

(55)  B’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Proċedurali.

(56)  Jekk l-iskema ġietx fil-fatt implimentata.


ANNESS

Sommarju tan-Notifika: Stedina lil terzi biex jibagħtu l-kummenti tagħhom

Notifika ta’ miżura ta’ Għajnuna mill-Istat

Fid-data … il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ miżura ta’ għajnuna skont l-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura nnotifikata tista’ taqa’ fl-ambitu tal-Proċedura Ssimplifikata skont it-Taqsima 6 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Kodiċi tal-Aħjar Prattiki għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll għall-għajnuna mill-Istat (ĠU C … xx.xx.2018, p. …).

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi interessati biex jibgħatu lill-Kummissjoni l-kummenti li jista’ jkollhom dwar il-miżura proposta.

Il-karatteristiċi ewlenin tal-miżura ta’ għajnuna huma dawn li ġejjin:

Numru ta’ referenza tal-għajnuna: SA …

Stat Membru:

Numru ta’ referenza tal-Istat Membru:

Reġjun:

Awtorità awtorizzanti:

Titlu tal-miżura ta’ għajnuna:

Bażi ġuridika nazzjonali:

Bażi proposta tal-Unjoni għall-valutazzjoni: …linji gwida jew prattika stabbilita tal-Kummissjoni kif enfasizzata fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (1, 2 u 3).

Tip ta’ miżura: Skema ta’ għajnuna/Għajnuna ad hoc

Emenda ta’ miżura ta’ għajnuna eżistenti:

Tul ta’ żmien (skema):

Data tal-għotja:

Settur(i) ekonomiku/ekonomiċi kkonċernat(i):

Tip ta’ benefiċjarju (SMEs/impriżi kbar):

Baġit:

Strument tal-għajnuna (għotja, sussidju tar-rata tal-imgħax, …):

Il-kummenti dwar kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni relatati mal-miżura nnotifikata jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn 10 ijiem ta’ xogħol wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni u għandhom jinkludu verżjoni mhux konfidenzjali ta’ dawn il-kummenti biex jingħataw lill-Istat Membru kkonċernat u/jew lil partijiet interessati oħra. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-faks, bil-posta jew bil-posta elettronika taħt n-numru tar-riferenza SA … fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Competition

State Aid Registry

1049 Bruxelles/Brussels

BELGIQUE/BELGIË

Telefaks +32 22961242

Posta elettronika: stateaidgreffe@ec.europa.eu


Top