Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018SC0257

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI Rapport fil-Qosor tal-Ħidma ta’ Konsultazzjoni mal-Partijiet Ikkonċernati Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar it-Tnaqqis tal-Impatt ta’ Ċerti Prodotti tal-Plastik fuq l-Ambjent

SWD/2018/257 final - 2018/0172 (COD)

Brussell, 28.5.2018

SWD(2018) 257 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

Rapport fil-Qosor tal-Ħidma ta’ Konsultazzjoni mal-Partijiet Ikkonċernati

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar it-Tnaqqis tal-Impatt ta’ Ċerti Prodotti tal-Plastik fuq l-Ambjent

{COM(2018) 340 final}
{SEC(2018) 253 final}
{SWD(2018) 254 final}
{SWD(2018) 255 final}
{SWD(2018) 256 final}


Rapport fil-qosor tal-ħidma ta’ konsultazzjoni rigward il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-Tnaqqis tal-Impatt ta’ Ċerti Prodotti tal-Plastik fuq l-Ambjent

1. Introduzzjoni

L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni deskritti hawn esprimew il-fehmiet, it-tħassib u l-ideat ta’ diversi partijiet ikkonċernati dwar l-aħjar mezz kif jinkiseb tnaqqis taż-żibel fil-baħar, b’mod partikolari dak li joriġina minn plastiks li jintużaw darba biss (Single-Use Plastics - SUP) u minn irkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew inkella skartat (abandoned, lost or otherwise discarded fishing gear - ALDFG). Ir-riżultati kkontribwew għall-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-Plastiks 1 u għall-Valutazzjoni tal-Impatt dwar il-plastiks li jintużaw darba biss u l-irkaptu tas-sajd.

2. Approċċ tal-konsultazzjoni u inklużjoni ta’ sorsi ta’ informazzjoni oħrajn

L-approċċ tal-konsultazzjoni kien jinkludi:

·Żewġ workshops mal-partijiet ikkonċernati dwar il-plastiks li jintużaw darba biss fis-16 ta’ Ġunju u fl-14 ta’ Settembru 2017;

·Konsultazzjoni miftuħa/osservazzjonijiet dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu;

·Intervisti/konsultazzjoni ad hoc mal-partijiet ikkonċernati;

·Special Eurobarometer 468 (EC, 2017) 2 u Flash Eurobarometer 388 (EC, 2014) 3 ;

·Konsultazzjoni Pubblika Online (OPC) “Reducing marine litter: action on single-use plastics and fishing gear”, li saret bejn il-15 ta’ Diċembru 2017 u t-12 ta’ Frar 2018;

·Konferenza tal-Partijiet Ikkonċernati “Reinventing Plastics” 4 li saret fis-26 ta’ Settembru 2017, b’sessjoni speċifika fuq iż-żibel fil-baħar u l-plastiks li jintużaw darba biss;

·Konferenza tal-Pjattaforma tal-Partijiet Ikkonċernati dwar l-Ekonomija Ċirkolari tal-2018 fl-20 ta’ Frar, li inkludiet sessjoni dwar iż-żibel fil-baħar.

3. Sinteżi tar-riżultati tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

3.1 Il-konferenzi u l-workshops tal-partijiet ikkonċernati

Il-parteċipanti fil-workshops tal-partijiet ikkonċernati dwar il-plastiks li jintużaw darba biss qablu b’mod ġenerali li oġġetti kklassifikati bħala plastiks li jintużaw darba biss, għandhom jissodisfaw il-kriterji li ġejjin (b’xi eċċezzjonijiet): prevalenza f’ambjent tal-baħar; fażi qasira ta’ użu; konsum predominanti barra mid-dar u; eżistenza ta’ alternattivi li jistgħu jerġgħu jintużaw jew li mhumiex tal-plastik.

Ġew identifikati l-kawżi ewlenin ta’ tnixxija ta’ plastiks li jintużaw darba biss inklużi livelli baxxi ta’ użu mill-ġdid u livelli baxxi ta’ riċiklaġġ, id-disinn tal-prodotti, il-materjali u l-imġiba tal-konsumatur. Nuqqas ta’ miżuri regolatorji jistgħu jitqiesu bħala kawża ewlenija.

Ġew diskussi miżuri regolatorji u volontarji inklużi: inċentivi għall-produtturi u l-konsumaturi (finanzjarji u ta’ mġiba); ġbir aħjar tal-iskart tal-plastik; standards, projbizzjonijiet u obbligi introdotti fid-disinn tal-prodott u fir-rappurtar dwar l-iskart. Dawk li wieġbu kienu favur mira ta’ prevenzjoni tal-iskart fl-UE kollha u kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati sabiex jiġi żviluppat approċċ olistiku għall-plastiks li jintużaw darba biss. Miżuri potenzjali oħra kienu jinkludu l-emendar tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, ikkomplementat bit-tħaris imsaħħaħ tal-ġerarkija tal-iskart, bl-akkwist pubbliku ekoloġiku u bi ftehimiet volontarji.

Id-diskussjonijiet dwar il-miżuri tal-limitazzjonijiet enfasizzaw li:

·Hemm evidenza limitata ta’ kampanji effettivi li jqajmu sensibilizzazzjoni u li dawn mhumiex biżżejjed bħala miżura awtonoma.

·Il-projbizzjonijiet jistgħu jkunu mezz tajjeb biex jinfurzaw l-iddisinjar mill-ġdid ta’ oġġetti speċifiċi ta’ valur baxx iżda jekk stabbiliti fil-livell nazzjonali jistgħu jfixklu s-suq uniku.

·L-iskeda ta’ żmien tal-implimentazzjoni jeħtieġ li tiżgura li l-materjali ta’ sostituzzjoni jissodisfaw l-istandards u li l-konsumaturi huma ppreparati.

·L-imposti huma miżura preventiva effettiva biex jinfluwenzaw l-imġiba tal-konsumatur, filwaqt li jiġġeneraw id-dħul. Rappreżentanti tal-industrija enfasizzaw li approċċ leġiżlattiv huwa meħtieġ sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd.

·L-istabbiliment ta’ miri ta’ tnaqqis għal oġġetti speċifiċi kien ġeneralment meqjus bħala miżura xierqa.

·Għażla alternattiva hija l-iżgurar li l-plastiks li jintużaw darba biss ma jingħatawx b’xejn fil-punt tal-bejgħ.

3.2 L-osservazzjonijiet dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu

It-28 sottomissjoni indikaw appoġġ qawwi għal intervent fil-livell tal-UE, bil-bejjiegħa bl-imnut u l-produtturi li esprimew preferenza għal approċċi volontarji fuq miżuri regolatorji. Is-settur privat enfasizza l-importanza tal-vijabbiltà ekonomika tar-riċiklaġġ, l-implimentazzjoni dgħajfa tar-regoli eżistenti u l-lakuni regolatorji. Bosta enfasizzaw il-ħtieġa għal approċċ ċirkolari jew taċ-ċiklu tal-ħajja li jappoġġa l-prevenzjoni u appellaw għal inċentivi għall-innovazzjoni u għat-tneħħija ta’ ostakli regolatorji nazzjonali.

Id-diversità tal-plastiks li jintużaw darba biss titlob approċċi differenti skont jekk iż-żibel fil-baħar tal-plastik huwiex ir-riżultat ta’ oġġetti (1) li jistgħu jiġu riċiklati, jew (2) li għalihom jeżistu alternattivi sostenibbli. Għal oġġetti diġà maqbuda, intwera interess qawwi fl-Iskema ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR). Bosta semmew is-suċċess tal-Iskema tar-Rimborż tad-Depożitu (DRS) (eż. għall-fliexken), għalkemm uħud wissew dwar implikazzjonijiet ekonomiċi negattivi, u potenzjalment sproporzjonati, għall-bejjiegħa bl-imnut. Fatturi kruċjali għas-suċċess ta’ skemi bħal dawn kienu jinkludu l-effiċjenza ta’ sistemi tal-ġestjoni tal-iskart eżistenti, l-imġiba tal-konsumaturi, l-infrastruttura lokali, il-potenzjal tal-użu mill-ġdid tal-oġġett, u l-infurzar. Għal oġġetti li jistgħu jiġu sostitwiti b’alternattivi aktar sostenibbli, il-bejjiegħa bl-imnut argumentaw li dan jista’ jintlaħaq bl-aħjar mod f’livell tal-konsumatur permezz ta’ inċentivi pożittivi u li jqajmu sensibilizzazzjoni. Dwar l-użu ta’ plastiks bijodegradabbli wissew kawtela b’bosta li talbu għal ċarezza fl-informazzjoni u t-tikkettar għall-konsumaturi. Ir-rappreżentanti tan-negozju enfasizzaw li kwalunkwe restrizzjoni għandha tqis il-ħtiġijiet tas-suq uniku u l-piżijiet amministrattivi.

B’rabta mal-irkaptu tas-sajd l-osservazzjonijiet kienu ċċentrati fuq tliet oqsma prinċipali: (1) il-linja bażi u s-suppożizzjonijiet tagħha; (2) l-għażliet ta’ politika u (3) il-kwestjonarju tal-intervisti.

B’riżultat tal-osservazzjonijiet u ta’ sorsi addizzjonali r-rata tat-telf ta’ rkaptu tas-sajd u tal-akkwakultura tal-plastik fl-ibħra Ewropej fil-linja bażi tnaqqset minn 30 % għal 15 %. Il-piż perċentwali tad-distribuzzjoni tal-iskart tal-plastik bejn l-akkwakultura u s-sajd ukoll tqieset mill-ġdid. Inizjalment, id-distribuzzjoni (abbażi tad-data Norveġiża) kienet 77 % mill-akkwakultura u 23 % mis-sajd. Madankollu, sabiex jiġu riflessi b’mod aktar preċiż il-qabdiet tal-ħut u l-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE-28, il-ponderazzjoni inbidlet għal 60 % għall-akkwakultura u 40 % għas-sajd. L-osservazzjonijiet wasslu għall-inklużjoni ta’ suppożizzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva riveduta dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet, tar-Regolament dwar il-Kontroll u tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart fil-linja bażi.

L-erba’ għażliet ta’ politika evalwati kienu (1) l-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur mingħajr l-iskema tar-rimborż tad-depożitu; (2) l-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur u l-iskema tar-rimborż tad-depożitu; (3) l-iffissar tal-miri (mira għar-riċiklaġġ); u (4) materjali alternattivi u d-disinn tal-prodotti. L-osservazzjonijiet enfasizzaw l-importanza tal-kwantifikazzjoni tal-impatt, li ddaħħlet bl-aħjar mod possibbli.

3.3 L-intervisti/il-konsultazzjoni ad hoc 

Aktar minn 30 intervista għenu fl-iżvilupp tal-analiżijiet tal-problema u tal-impatt tal-plastiks li jintużaw darba biss. Dawn fittxew li jsawru u jittestjaw miżuri ta’ intervent potenzjali, u li janalizzaw il-fattibbiltà teknika u l-effetti probabbli. Inġabret data speċifika dwar il-prestazzjoni u l-ispejjeż u kif dawn jistgħu jinbidlu bħala riżultat ta’ miżuri ta’ intervent potenzjali.

Il-partijiet ikkonċernati f’diversi gruppi enfasizzaw l-importanza tad-disponibbiltà u l-funzjoni ta’ alternattivi mhux tal-plastik li jintużaw darba biss jew b’użi multipli, u l-ispiża potenzjali biex il-manifatturi jaqilbu l-materjali. Il-konsultazzjoni mal-operaturi ta’ skemi ta’ rikarika b’użi multipli u kumpaniji tal-ilma għenet fl-iżvilupp ta’ fehim aħjar tal-operazzjoni u tal-isfidi.

Rigward l-irkaptu tas-sajd, 16-il intervista diretta, 15 minnhom bil-posta elettronika u bit-telefon, ġabru input għad-deskrizzjoni, il-kwantifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-erba’ għażliet ta’ politika.

Il-partijiet ikkonċernati qablu li jeħtieġ li jitnaqqas iż-żibel fil-baħar tal-plastik mis-sajd u mill-akkwakultura u li hija meħtieġa wkoll azzjoni politika, fil-livell tal-UE. Il-maġġoranza qiesu l-erba’ għażliet ta’ politika proposti bħala l-għażla t-tajba, filwaqt li indikaw id-diffikultajiet biex jiġu implimentati, immonitorjati u infurzati politiki u miżuri fuq skala tal-UE.

L-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur mingħajr l-iskema tar-rimborż tad-depożitu jew biha, tqieset bħala l-għażla ta’ politika l-aktar ta’ benefiċċju billi tista’ tkopri l-ispejjeż għall-għażla, iż-żarmar u t-trasport kif ukoll tħallas għal operazzjonijiet ta’ rkupru. Skema tar-rimborż tad-depożitu għandha toħloq inċentiv finanzjarju għar-ritorn fil-portijiet ta’ rkaptu tas-sajd li m’għadux jintuża . Tqajjem tħassib li skema bħal din tkun tippenalizza sajjieda għal irkaptu mitluf li ma jistax jiġi rkuprat u toħloq inċentiv għas-sajd għat-tagħmir intatt ta’ oħrajn. Eżempji ta’ suċċess mill-Iżlanda, min-Norveġja u mid-Danimarka issemmew ripetutament. Miri ta’ riċiklaġġ tqiesu bħala ta’ benefiċċju biex l-irkaptu li m’għadux jintuża jiġi ddevjat mill-miżbliet jew mill-faċilitajiet tal-inċinerazzjoni għall-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ. Hija meħtieġa adozzjoni aħjar fis-suq ta’ materjal riċiklat minn irkaptu tas-sajd u tal-akkwakultura filwaqt li jenħtieġ li jintużaw il-finanzjament pubbliku jew l-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur biex dawn joħolqu pożizzjoni kompetittiva għall-materjali riċiklati mill-industrija tal-imballaġġ. Il-plastiks bijodegradabbli tqiesu għaljin wisq u mhux disponibbli b’mod mifrux, partikolarment dawk li jsiru bijodegradabbli f’ilma mielaħ u fil-fond ħafna. Barra minn hekk, xi partijiet ikkonċernati indikaw li l-materjal bijodegradabbli jista’ jinkoraġġixxi r-rimi tal-irkaptu tas-sajd tal-plastik fil-baħar minflok ir-ritorn tiegħu lura fil-port.

3.4 Il-konsultazzjonijiet tal-Ewrobarometru

Il-konsultazzjoni tal-Ewrobarometru fl-2014 wriet l-appoġġ tal-Ewropej 5 favur mira fil-livell tal-UE biex jitnaqqas iż-żibel fil-baħar. F’Ewrobarometru Speċjali 468 (KE, 2017) 6 33 % minn dawk li wieġbu identifikaw it-tniġġis tal-baħar bħala l-iktar kwistjoni ambjentali importanti. 72 % ddikjaraw li kienu naqqsu l-użu tagħhom ta’ basktijiet tal-plastik li jintużaw darba biss, bi 38 % f’dawn l-aħħar 12-il xahar. Bejn 89 % u 94 % qiesu l-miżuri li ġejjin bħala importanti:

·prodotti ddisinjati biex jeħfief ir-riċiklaġġ tal-plastik;

·sforz min-naħa tal-industrija u l-bejjiegħa bl-imnut biex inaqqsu l-imballaġġ tal-plastik;

·edukazzjoni dwar kif wieħed inaqqas l-iskart tal-plastik; kif ukoll

·aktar faċilitajiet u faċilitajiet aħjar tal-ġbir tal-iskart tal-plastik min-naħa tal-awtoritajiet lokali.

61 % ta’ dawk li wieġbu qiesu importanti li l-konsumaturi jħallsu ħlas addizzjonali għal oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss. Fl-UE kollha għadd dejjem jikber ta’ persuni jemmnu li d-deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni ambjentali jenħtieġ li jittieħdu b’mod konġunt fi ħdan l-UE.

3.5 Il-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa

Il-Konsultazzjoni Pubblika Online 7 (OPC) dwar it-tnaqqis taż-żibel fil-baħar: azzjoni fuq plastik li jintuża darba u rkaptu tas-sajd (mill-15 ta’ Diċembru 2017 sat-12 ta’ Frar 2018) irċeviet 1,807 tweġiba.

Il-ħsara għat-trattament xieraq tal-annimali, ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-impatt fuq is-servizzi tal-ekosistema kienu kklassifikati bħala l-aktar tliet kwistjonijiet importanti marbuta maż-żibel fil-baħar u l-plastiks li jintużaw darba biss. 95 % ta’ dawk li wieġbu qablu li l-azzjoni fuq il-plastiks li jintużaw darba biss hija kemm meħtieġa u urġenti. Ħafna kienu tal-fehma li l-UE għandha tappoġġa l-istrumenti mandatorji fil-livell globali jew fil-livell tal-UE. L-awtoritajiet pubbliċi ma qablux ma’ din il-fehma filwaqt li nnotaw li ċerti miżuri għandhom jiġu mwassla fil-livell tal-UE, u oħrajn fil-livell lokali jew nazzjonali.

Il-każ favur it-tnaqqis fl-ambjent tal-plastiks li jintużaw darba biss kienet appoġġata b’mod qawwi, bit-tappijiet, l-għotjien u l-fliexken tax-xorb fil-lista ta’ prijoritajiet. Rigward miżuri, ir-rispondenti kienu favur it-tindif tal-bajjiet, “is-sajd għaż-żibel” attiv u l-kwantifikazzjoni regolari taż-żibel fil-baħar u fuq ix-xtajtiet. L-industrija u l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ kienu l-unika kategorija li ma appoġġawx is-“sajd għaż-żibel” attiv.

Ħafna minn dawk li wieġbu rrappurtaw tnaqqis fl-użu personali tal-basktijiet tax-xiri ħfief, u tal-fliexken tax-xorb u tat-tappijiet u l-għotjien. Il-konsum tal-pakketti tal-krisps u l-boroż tal-ħelu kien l-anqas li nbidel. Il-maġġoranza assoluta attribwew it-tali tnaqqis għaż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar l-impatti ambjentali tal-plastiks li jintużaw darba biss. Ir-rispondenti dehru l-aktar ħerqana biex inaqqsu l-użu tal-fliexken tal-plastik; aktar minn nofshom irrappurtaw li dan diġà għamluh u 77 % kienu lesti li jħallsu ammont addizzjonali żgħir bħala parti minn skema tar-rimborż tad-depożitu fuq il-fliexken tal-plastik. Kien hemm appoġġ estensiv (93 %) għal politiki li jeliminaw gradwalment il-pożati u l-platti tal-plastik li jintremew favur alternattivi bijodegradabbli jew riutilizzabbli, anke b’żieda żgħira fil-prezz. Ir-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-industrija u tal-kummerċ kienu maqsuma bejn ir-rieda tagħhom li jħallsu filwaqt li jibqgħu favur it-tneħħija gradwali tal-plastiks li jintużaw darba biss.

Appoġġ konsiderevoli (91 %) kien espress għal regoli li jeħtieġu li l-kumpaniji tas-sigaretti jikkontribwixxu finanzjarjament għall-ispejjeż tat-tindif tal-fdalijiet tas-sigaretti. L-industrija u l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ kienu relattivament inqas ħerqana. Suġġeriment simili għall-produtturi ta’ oġġetti sanitarji kien appoġġat minn 79 % ta’ dawk li wieġbu.

L-iskemi tar-rimborż tad-depożitu kienu meqjusa bħala l-aktar rispons xieraq għall-fliexken tax-xorb (47 %) segwiti minn miri għal tnaqqis fl-użu (33 %). Dawk li wieġbu nnutaw rati ta’ ritorn għoljin (madwar 90 %) għall-iskemi tar-rimborż tad-depożitu u kwalità għolja tal-materja prima li tirriżulta għall-manifattura, iżda l-bejjiegħa bl-imnut indikaw impatti ekonomiċi u operattivi potenzjali, partikolarment għall-ħwienet iżgħar, u appellaw għal skemi magħmula apposta implimentati fil-livell nazzjonali.

Ir-rekwiżiti minimi tad-disinn kellhom inqas appoġġ (20 %) u r-rappreżentanti tan-negozju ma kinux favurihom. Għal plastiks li jintużaw darba biss li jistgħu jiġu sostitwiti b’alternattivi aktar sostenibbli, bħalma huma l-istikek tal-cotton buds u l-pożati, ir-rispondenti appoġġaw l-azzjoni leġiżlattiva u l-użu ta’ miri ta’ tnaqqis. Miżuri leġiżlattivi simili tqiesu bħala xierqa anki għal oġġetti li għalihom ma kienet teżisti l-ebda alternattiva ċara bħall-fdalijiet tas-sigaretti u l-assorbenti sanitarji. Għal oġġetti li jaqgħu f’din il-kategorija ta’ plastiks li jintużaw darba biss, l-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur tqiesu bħala tajbin b’mod indaqs.

340 persuna wieġbu għall-parti speċifika għas-sajd tal-Konsultazzjoni Pubblika Online. 95 % qablu li l-azzjoni biex tindirizza l-ammont ta’ żibel fil-baħar hija neċessarja u urġenti. Speċifikament dwar l-irkaptu tas-sajd, 79 % jaħsbu li huwa neċessarju u urġenti li tittieħed azzjoni. L-impatti taż-żibel fil-baħar mis-sajd u l-akkwakultura huma kkunsidrati minn 100 % tal-organizzazzjonijiet tas-sajd (u 53 % b’kollox) bħala pjuttost jew tassew importanti. L-ispejjeż tat-tindif taż-żibel huma meqjusa minn 84 % tar-rispondenti bħala importanti ħafna jew importanti.

80 % indikaw sajjieda, billi dawn huma l-utenti diretti tal-irkaptu, bħala atturi importanti ħafna għal bidla. L-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-sajd ukoll tqiesu li huma importanti. Sorprendentement, is-settur privat tqies li għandu rwol inqas importanti, minkejja r-rwol potenzjali tiegħu fl-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur.

Maġġoranza qalet li “xi” irkaptu jintilef (li jvarja minn 28 % għat-tartaruni sa 54 % għall-għeżula) jew jintrema (minn 22 % għat-tartaruni sa 43 % għal xolfa u ħbula).

L-erba’ miżuri ppreferuti kienu: (1) inċentivi biex iż-żibel u l-irkaptu tas-sajd li m’għadux jintuża jittella’ l-art (88 %), (2) faċilitajiet aħjar ta’ ġbir u ta’ għażla fuq il-bastimenti u fil-portijiet (70 %), (3) inċentivi/finanzjament tal-azzjoni ta’ rkupru (68 %), u (4) l-infurzar aħjar tar-regoli eżistenti (67 %).

Fl-ispazju miftuħ għall-kummenti, il-partijiet ikkonċernati pproponew ukoll l-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, talbu li jkun hemm penali ogħla għat-tniġġis u spjegaw ir-riskju u l-ineffiċjenza tal-azzjonijiet ta’ rkupru, enfasizzaw l-importanza tal-edukazzjoni tas-sajjieda, talbu li jkun hemm immarkar tal-irkaptu, enfasizzaw li l-ispejjeż tal-port għoljin iwasslu għal aktar rimi tal-irkaptu fil-baħar u appellaw għal faċilitajiet tal-port xierqa.

Rigward liema miżuri mmirati addizzjonali ikunu jappoġġaw ir-ritorn tal-irkaptu fuq l-art, dawk li wieġbu kienu jiffavorixxu (59 %) skemi tar-rimborż tad-depożitu imposti fuq is-sajjieda jew skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur (53 %) li jinkludu imposta fuq l-irkaptu. Tqajjem it-tħassib li skemi tar-rimborż tad-depożitu jistgħu jippenalizzaw lis-sajjieda li ma jkunux jistgħu jitolbu lura d-depożiti għal irkaptu mitluf jew li ma jistax jiġi rkuprat b’mod mhux intenzjonat.

3.6 Il-konferenzi

Waqt il-konferenza dwar “Rethinking Plastics” (Brussell, is-26 ta’ Settembru 2017) il-partijiet ikkonċernati ssuġġerew li, sabiex tinkiseb il-mira ta’ tnaqqis ta’ 50 % taż-żibel fil-baħar vvutata mill-Parlament Ewropew, kienet meħtieġa strateġija ambizzjuża fl-UE kollha, b’miżuri ta’ politika speċifiċi għall-plastiks differenti li jintużaw darba biss.

Ġew proposti miri vinkolanti għat-tnaqqis tal-konsum marbuta ma’ skedi taż-żmien li jistgħu jinkisbu. Inċentivi għall-konsumatur, skemi tar-rimborż tad-depożitu u infrastruttura għar-riċiklaġġ ġew identifikati bħala miżuri potenzjalment xierqa. Flimkien mal-immirar tal-oġġetti, is-sorsi u l-mezzi taż-żibel fil-baħar jenħtieġ li jiġu indirizzati wkoll. Il-partijiet ikkonċernati osservaw riżultati fqar mill-inizjattivi għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku minħabba kampanji li ma kellhomx biżżejjed riżorsi finanzjarji. L-akkwist ekoloġiku tqies bħala mezz tajjeb sabiex tiżdied id-domanda għall-alternattivi għall-plastiks li jintużaw darba biss.

The 2018 Circular Economy Stakeholder Platform Conference 8 (li saret bejn l-20 u l-21 ta’ Frar 2018) ipprovdiet aktar għarfien dwar azzjonijiet fuq il-plastiks fl-ambjent tal-baħar.

3.7 Il-konklużjonijiet

Miżuri distinti tqiesu bħala xierqa għall-oġġetti oħrajn tal-plastiks li jintużaw darba biss. Ġew diskussi miżuri varji skont il-leġiżlazzjoni eżistenti u d-disponibbiltà ta’ alternattivi sostenibbli. Miżuri tal-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur ġeneralment tqiesu b’mod favorevoli. L-industrija u r-rappreżentanti tan-negozju enfasizzaw l-ispejjeż impliċiti assoċjati ma’ wħud mill-miżuri u l-importanza tal-fehim tagħhom qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni. L-approċċi leġiżlattivi wkoll intlaqgħu b’mod favorevoli. Il-miri ta’ tnaqqis kienu popolari ma’ twissijiet dwar il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni (pereżempju miri marbuta ma’ skedi taż-żmien).

Aktar miżuri u politiki tqiesu bħala neċessarji sabiex jintlaħqu l-miri globali tal-UE. Il-partijiet ikkonċernati indikaw ir-rieda tagħhom li jħallsu għal alternattivi aktar sostenibbli għall-plastiks li jintużaw darba biss jew li jħallsu imposti bħala penali għall-użu tal-plastiks li jintużaw darba biss. Il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni tqiesu pjuttost bħala miżuri komplementari għal miżuri regolatorji u volontarji oħra.

Dwar l-irkaptu tas-sajd, il-partijiet ikkonċernati indikaw li hija meħtieġa azzjoni b’mod urġenti. L-għażliet ta’ politika tal-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur u tal-iskemi tar-rimborż tad-depożitu kienu ppreferuti flimkien ma’ faċilitajiet aħjar tal-akkoljenza fil-portijiet. L-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur u l-iskemi tar-rimborż tad-depożitu tqiesu li għandhom effetti pożittivi meta wieħed iqis l-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji u li jikkontribwixxu għall-mira tal-istrateġija tal-plastiks li jitnaqqas il-livell tal-plastiks fl-ibħra Ewropej.

(1)

Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari; COM (2018) 28 final finali, 18.1.2018. http://eurlex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1516265440535&uri=COM:2018:28:FIN http://eurlex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1516265440535&uri=COM:2018:28:FIN

(2)

  Http://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/Survey/getSurveyDetail/instruments/SPECIAL/su rveyKy/2156

(3)

  http://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/flash/fl_388_en.pdf

(4)

  https://ec.europa.eu/info/plastics-conference_en

(5)

Bejn it-3 u s-7 ta’ Diċembru 2013 ġew intervistati 26,595 ċittadin tal-UE minn 28 Stat Membru.

(6)

Bejn it-23 ta’ Settembru u t-2 ta’ Ottubru 2017 ġew intervistati 27,881 ċittadin tal-UE minn 28 Stat Membru.

(7)

  http://ec.europa.eu/environment/consultations/pdf/marine_litter.pdf  

(8)

  http://www.eesc.europa.eu/sites/default/files/files/circular-economy-stakeholder-conferenceprogramme_v20180212-2.pdf

Top