Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0894

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ċerti aspetti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni

    COM/2018/894 final

    Brussell, 19.12.2018

    COM(2018) 894 final

    2018/0434(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar ċerti aspetti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ 1 ma jiġix irratifikat, il-liġi primarja u sekondarja tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit mit-30 ta’ Marzu 2019 (“id-data tal-ħruġ”). Minn dik id-data, ir-Renju Unit isir pajjiż terz.

    Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim jaffettwa b’mod partikolari l-validità taċ-ċertifikati u tal-liċenzji li joriġinaw mir-Renju Unit u li nħarġu skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 2 u l-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati adottati bis-saħħa ta’ dak ir-Regolament jew tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 3 .

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Marzu 2019: Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza” 4 stabbiliet il-miżuri ta’ kontinġenza li l-Kummissjoni biħsiebha tieħu fil-każ li l-ebda ftehim dwar il-ħruġ ma jidħol fis-seħħ fid-data tal-ħruġ. F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni saħqet li mhux se tirrimedja għan-nuqqas ta’ miżuri ta’ tħejjija mill-partijiet ikkonċernati, jew għad-dewmien fl-implimentazzjoni tagħhom.

    Fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-effett tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fuq iċ-ċertifikati u l-approvazzjonijiet jista’ jiġi rrimedjat mill-partijiet ikkonċernati permezz ta’ diversi miżuri, fosthom “bidla” lejn awtorità tal-avjazzjoni ċivili tal-EU-27, jew l-applikazzjoni, diġà minn issa, għal ċertifikat ta’ pajjiż terz maħruġ mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”) b’effett mid-data tal-ħruġ (“applikazzjoni bikrija”).

    Madankollu, għad-differenza ta’ oqsma oħra tal-liġi tal-Unjoni, hemm xi ċirkostanzi fejn il-persuni fiżiċi u ġuridiċi ma jkunux jistgħu jtaffu t-tfixkil fl-EU-27. Għalhekk, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq ħabbret li l-Kummissjoni se tipproponi miżuri li jiżguraw validità kontinwa taċ-ċertifikati għal ċerti prodotti, partijiet, tagħmir u kumpaniji ajrunawtiċi.

    Fir-rigward ta’ ċerti prodotti ajrunawtiċi (“ċertifikati tat-tip”) u kumpaniji ajrunawtiċi (“approvazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet”), ir-Renju Unit ikompli jaqdi r-rwol ta’ “Stat tad-disinn” skont il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-ġurisdizzjoni tiegħu mid-data tal-ħruġ. Ir-Renju Unit jista’ joħroġ iċ-ċertifikati f’dan ir-rwol ġdid jekk jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti skont il-Konvenzjoni. Attwalment dawk ir-responsabbiltajiet qegħdin jintrefgħu mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni bil-parteċipazzjoni tar-Renju Unit bis-saħħa tas-sħubija tiegħu fl-UE.

    Għalhekk, jeħtieġ li jiġi żgurat mekkaniżmu ta’ bidla kkontrollata, li jagħti biżżejjed żmien lill-operaturi kkonċernati u lill-Aġenzija sabiex ikunu jistgħu joħorġu ċ-ċertifikati meħtieġa skont l-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2018/1139, filwaqt li jitqies l-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż terz.

    Jenħtieġ li tali validità estiża tkun għal żmien limitat skont dak li jkun strettament meħtieġ għall-ħruġ tar-Renju Unit mis-sistema tas-sikurezza tal-avjazzjoni tal-UE.

    Barra minn hekk, għad-differenza tal-biċċa l-kbira tal-oqsma l-oħra tal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-oġġetti, l-invalidità taċ-ċertifikati jkollha impatt mhux fuq it-tqegħid fis-suq iżda fuq l-użu effettiv tal-prodotti, tal-partijiet u tat-tagħmir tal-avjazzjoni fl-UE, pereżempju meta jridu jiġu installati l-partijiet u t-tagħmir fuq inġenju tal-ajru tal-EU-27. Tabilħaqq, fir-rigward tal-prodotti, tal-partijiet u tat-tagħmir, il-qafas tal-avjazzjoni huwa rregolat b’mod differenti minn ħafna oqsma oħra tal-acquis tal-Unjoni fejn il-kunċett tat-tqegħid fis-suq huwa ċentrali. Fil-qafas tas-sikurezza tal-avjazzjoni, ir-Regolament jiddetermina direttament jekk part, prodott jew tagħmir jistgħux jintużaw, irrispettivament tqegħdux fis-suq jew le. Is-sistema tas-sikurezza tal-avjazzjoni tal-UE tippermetti li s-sorveljanza ta’ tali prodotti, partijiet u tagħmir titwettaq b’mod affidabbli u inekwivokabbli. Għaldaqstant, l-użu tal-qafas eżistenti bħala bażi wkoll għar-Regolament propost jitqies li huwa ta’ benefiċċju biex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipji tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

    Dan jikkonċerna għadd limitat ħafna ta’ ċertifikati, jiġifieri:

    ·Iċ-ċertifikati maħruġa minn manifatturi (“organizzazzjonijiet tal-produzzjoni”) qabel id-data tal-ħruġ li jiċċertifikaw il-konformità ta’ prodotti (għajr inġenji tal-ajru), partijiet u tagħmir li jkunu għadhom kemm ġew immanifatturati u li għaldaqstant jippermettu li jibqgħu jintużaw fl-inġenji tal-ajru u fuqhom (il-punt 21.A.163(c) tal-Anness I tar-Regolament 748/2012)

    ·Iċ-ċertifikati maħruġa minn kumpaniji tal-manutenzjoni (“organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni”) qabel id-data tal-ħruġ li jiċċertifikaw il-konformità tal-prodotti (inklużi l-inġenji tal-ajru), tal-partijiet u tat-tagħmir li tkun saritilhom manutenzjoni minnhom (il-punt 145.A.75(e) tal-Anness II tar-Regolament 1321/2014)

    ·Idem għall-inġenji tal-ajru għajr l-inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu b’magna (il-punt M.A.615(d) tal-Anness I tar-Regolament 1321/2014) 

    ·Idem għall-partijiet u għat-tagħmir installati fuq inġenji tal-ajru għajr l-inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu b’magna (il-punt M.A.615(d) tal-Anness I tar-Regolament 1321/2014)

    ·Iċ-ċertifikati maħruġa minn kumpaniji tal-manutenzjoni (“organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni”) qabel id-data tal-ħruġ li jiċċertifikaw it-tlestija tar-rieżami tal-ajrunavigabbiltà għall-inġenji tal-ajru ħfief fl-hekk imsejħa kategorija 1 tal-Inġenji tal-Ajru Ħfief (“ELA 1”, pereżempju ċerti gliders jew inġenji tal-ajru ħfief bil-magna (il-punt 145.A.75(f) tal-Anness II tar-Regolament 1321/2014)

    ·Iċ-ċertifikati maħruġa minn kumpaniji li jissorveljaw il-konformità ta’ inġenju tal-ajru (“organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà”) qabel id-data tal-ħruġ li jiċċertifikaw l-“ajrunavigabbiltà” ta’ inġenju tal-ajru (il-punti M.A.711(a).4 u M.A.711(b).1 tal-Anness I tar-Regolament 1321/2014)

    Fl-aħħar nett, il-kontenut u l-eżamijiet ta’ ċertu taħriġ indirizzat skont il-proposta huma rregolati b’mod dettaljat skont il-liġi tal-Unjoni u jikkonsistu f’moduli standardizzati, li s-soltu jenħtieġ li jitlestew fi Stat Membru wieħed, qabel ma jkun possibbli li jsir trasferiment lejn ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

    Id-dispożizzjonijiet proposti mhumiex se jnaqqsu r-rekwiżiti fir-rigward tas-sikurezza jew il-prestazzjoni ambjentali tal-avjazzjoni fl-Unjoni. Permezz tal-proposta, il-manifatturi tal-EU-27 se jkunu jistgħu jkomplu jipproduċu l-prodotti tagħhom u l-operaturi se jkunu jistgħu jkomplu jħaddmu tali prodotti, b’konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi applikabbli tal-Unjoni. Kuntrarjament għal dan, interruzzjoni ta’ dawn l-attivitajiet tista’ tikkawża problemi soċjali u ekonomiċi sinifikanti. Filwaqt li tiżgura l-konformità tal-organizzazzjonijiet mal-liġi tal-UE, il-proposta se tiżgura wkoll il-protezzjoni tal-konsumaturi u taċ-ċittadini.

    Fit-13 ta’ Diċembru 2018, il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) tenna s-sejħa tiegħu biex tiġi intensifikata l-ħidma fir-rigward tat-tħejjija fil-livelli kollha għall-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit, filwaqt li jitqiesu l-eżiti possibbli kollha. Dan l-att huwa parti minn pakkett ta’ miżuri li l-Kummissjoni qiegħda tadotta bħala tweġiba għal din is-sejħa.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Dan ir-Regolament propost huwa intiż bħala lex specialis li tindirizza wħud mill-konsegwenzi li jirriżultaw mill-fatt li r-regoli tar-Regolament (UE) Nru 2018/1139 u tal-atti ta’ implimentazzjoni u tal-atti delegati adottati skontu kif ukoll skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 mhumiex se jibqgħu japplikaw iktar għar-Renju Unit, u se japplikaw biss skont dak li jkun meħtieġ biex tiġi żgurata bidla kkontrollata lejn suq tal-avjazzjoni tal-EU-27. It-termini proposti huma limitati għal dak li huwa meħtieġ f’dan ir-rigward, sabiex jiġi evitat tfixkil sproporzjonat. Dawn huma maħsuba wkoll biex japplikaw għal perjodu limitat. Id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dawk l-atti se jibqgħu japplikaw. Għaldaqstant, din il-proposta hija konsistenti għalkollox mal-leġiżlazzjoni eżistenti u b’mod partikolari mar-Regolament (UE) Nru 2018/1139.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-proposta tikkonċerna s-sikurezza tal-avjazzjoni u tikkumplementa r-Regolament tal-Unjoni (UE) 2018/1139 sabiex tittratta b’mod speċifiku s-sitwazzjoni tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim dwar il-ħruġ.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Peress li l-proposta tikkumplementa l-liġi eżistenti tal-Unjoni, b’dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-applikazzjoni tagħhom kif suppost wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, l-għan tagħha jista’ jinkiseb biss permezz ta’ att fil-livell tal-Unjoni.

    Proporzjonalità

    Ir-Regolament propost jitqies li huwa proporzjonat peress li kapaċi jevita tfixkil sproporzjonat billi jipprevedi bidla ġuridika limitata u meħtieġa, li tkopri l-ħtieġa għal bidla kkontrollata lejn suq tal-avjazzjoni tal-EU-27. Ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dan l-għan u joqgħod lura milli jwassal għal xi bidliet usa’ jew xi miżuri permanenti.

    Għażla tal-istrument

    Din il-proposta fiha sett limitat ta’ dispożizzjonijiet biex tiġi indirizzata sitwazzjoni speċifika ħafna u ta’ darba. Għalhekk, jitqies li huwa preferibbli li ma jiġix immodifikat ir-Regolament (UE) 2018/1139 u/jew l-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati adottati skontu kif ukoll skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008, iżda jitqiegħed fis-seħħ att għalih waħdu għal perjodu limitat. Id-dispożizzjonijiet normali li jikkonċernaw iċ-ċertifikati u l-liċenzji affettwati huma koperti kemm bir-Regolament (UE) 2018/1139 u kemm bir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu. Meta jitqies dan u l-urġenza tal-kwistjoni, jidher li Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill hija l-unika forma adegwata ta’ att ġuridiku.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli minħabba n-natura eċċezzjonali u ta’ darba tal-avveniment li wassal biex din il-proposta tkun meħtieġa.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Iċ-ċirkostanzi speċifiċi fl-isfond tan-negozjati għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u s-sitwazzjoni li qiegħda tevolvi b’mod kontinwu kienu limitazzjonijiet kbar fuq il-possibbiltà li jkun hemm konsultazzjoni pubblika rigward din il-proposta. Madankollu, l-isfidi li jfeġġu mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u s-soluzzjonijiet possibbli tqajmu minn diversi partijiet ikkonċernati tal-avjazzjoni u rappreżentanti tal-Istati Membri.

    Tema komuni tal-fehmiet ippreżentati mid-diversi partijiet ikkonċernati kienet li hemm ħtieġa għal intervent regolatorju f’oqsma speċifiċi fejn il-partijiet ikkonċernati mhumiex kapaċi jieħdu l-miżuri ta’ kontinġenza tagħhom stess sabiex itaffu l-impatt ta’ ħsara tan-nuqqas possibbli ta’ ftehim dwar il-ħruġ. B’mod partikolari, il-kumpaniji li jimmanifatturaw, li jwettqu l-manutenzjoni jew li jħaddmu l-inġenji tal-ajru saħqu dwar il-fatt li l-operazzjonijiet tagħhom fl-EU-27 jistgħu jitwaqqfu ħesrem jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni mingħajr ma jkun hemm xi arranġament fis-seħħ. Il-problema prinċipali jidher li hija tabilħaqq diskrepanza fiż-żmien li x’aktarx ikun hemm bejn ħruġ li jseħħ mingħajr l-ebda ftehim u n-normalizzazzjoni tas-sitwazzjoni skont il-liġi tal-Unjoni billi jingħataw ċertifikati ta’ pajjiż terz lill-kumpaniji tar-Renju Unit jew inkella billi l-produzzjoni tiġi rrilokata lejn ġurisdizzjonijiet tal-EU-27. Matul din id-diskrepanza fiż-żmien kważi ċ-ċertifikati kollha jsiru invalidi. Bosta partijiet ikkonċernati saħqu dwar il-fatt li globalment hemm biss għadd limitat ta’ manifatturi għal ħafna mill-komponenti li jintużaw fl-inġenji tal-ajru (eż. it-tajers jew il-magni għall-inġenji tal-ajru l-kbar tat-tip tal-linji tal-ajru). In-natura puntwali tal-operazzjonijiet moderni u tal-manifattura tfisser li se jkun impossibbli li l-operazzjonijiet jitkomplew jekk iċ-ċertifikati tas-sikurezza kkonċernati jsiru invalidi.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Minbarra l-analiżi ġuridika u teknika interna, din l-informazzjoni ġiet analizzata u vverifikata wkoll mill-esperti tekniċi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) biex jiġi żgurat il-miżura proposta tikseb l-għan maħsub tagħha, iżda fl-istess waqt tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Mhux meħtieġa valutazzjoni tal-impatt, minħabba n-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet limitati tal-perjodu li matulu se tiġi implimentata l-bidla tal-istatus tar-Renju Unit. Ma hemm l-ebda opzjoni ta’ politika differenti materjalment li hija disponibbli għajr għal dik proposta.

    Drittijiet fundamentali

    Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq l-applikazzjoni jew il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Mhux applikabbli.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Mhux applikabbli minħabba n-natura fuq medda qasira ta’ żmien tal-miżura proposta.

    2018/0434 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar ċerti aspetti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 5 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 6 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati mhumiex se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar il-ħruġ jew ma jkunx hemm tali ftehim, sentejn wara dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta’ Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

    (2)L-għan prinċipali tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 huwa li jiġi stabbilit u jinżamm livell uniformi għoli ta’ sikurezza tal-avjazzjoni fl-Unjoni. Għalhekk, ġiet stabbilita sistema ta’ ċertifikati għal diversi attivitajiet tal-avjazzjoni, sabiex jinkisbu l-livelli ta’ sikurezza meħtieġa u sabiex ikunu jistgħu jsiru l-verifiki meħtieġa u jiġu aċċettati b’mod reċiproku ċ-ċertifikati maħruġa.

    (3)Fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq iċ-ċertifikati u l-approvazzjonijiet jista’ jiġi rrimedjat minn ħafna partijiet ikkonċernati permezz ta’ diversi miżuri. Dawk il-miżuri jinkludu t-trasferiment lejn awtorità tal-avjazzjoni ċivili tas-27 Stat Membru, jew l-applikazzjoni qabel id-data tal-ħruġ għal ċertifikat maħruġ mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”), b’effett minn dik id-data biss u għaldaqstant bil-kundizzjoni li r-Renju Unit ikun sar pajjiż terz.

    (4)Madankollu, għad-differenza ta’ oqsma oħra tal-liġi tal-Unjoni, hemm xi ċirkostanzi speċifiċi fejn mhux possibbli li jinkiseb ċertifikat minn Stat Membru ieħor jew mill-Aġenzija, peress li r-Renju Unit ikompli jaqdi r-rwol ta’ “Stat tad-disinn” skont il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-ġurisdizzjoni tiegħu mid-data tal-ħruġ. Min-naħa l-oħra, ir-Renju Unit jista’ joħroġ ċertifikati f’dak ir-rwol ġdid tiegħu, meta jkun ħa dak ir-rwol biss, jiġifieri ladarba l-liġi tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni.

    (5)Għalhekk, jeħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu temporanju, biex tiġi estiża l-validità ta’ ċerti ċertifikati tas-sikurezza tal-avjazzjoni, sabiex l-operaturi kkonċernati u l-Aġenzija jkollhom biżżejjed żmien biex ikunu jistgħu joħorġu ċ-ċertifikati meħtieġa skont l-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2018/1139, filwaqt li jitqies l-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż terz.

    (6)Jenħtieġ li t-tul ta’ żmien ta’ tali estensjoni tal-validità taċ-ċertifikati jkun limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jindirizzaw il-ħruġ tar-Renju Unit mis-sistema tas-sikurezza tal-avjazzjoni tal-UE.

    (7)Sabiex jingħata żmien addizzjonali, fejn ikun meħtieġ, biex iċ-ċertifikati jinħarġu għall-operaturi kkonċernati skont l-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 1139/2018, jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi ddelegata lill-Kummissjoni, biex testendi iktar il-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikati msemmija fit-Taqsima I tal-Anness ta’ dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa b’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

    (8)Barra minn hekk, għad-differenza tal-biċċa l-kbira tal-oqsma l-oħra tal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-oġġetti, l-invalidità taċ-ċertifikati jkollha impatt mhux fuq it-tqegħid fis-suq iżda fuq l-użu effettiv tal-prodotti, tal-partijiet u tat-tagħmir tal-avjazzjoni fl-Unjoni, pereżempju meta jridu jiġu installati l-partijiet u t-tagħmir fuq inġenju tal-ajru tal-Unjoni li jopera fl-Unjoni. Jenħtieġ li ma jkunx hemm impatt fuq dan l-użu tal-prodotti tal-avjazzjoni fl-Unjoni mill-ħruġ tar-Renju Unit.

    (9)Fis-sistema tas-sikurezza tal-avjazzjoni tal-Unjoni, it-taħriġ tal-bdoti u tal-mekkaniċi huwa strettament irregolat u l-moduli tat-taħriġ huma armonizzati. Il-persuni li jieħdu sehem f’modulu tat-taħriġ fi Stat wieħed mhux dejjem jistgħu jibdlu għal Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li dik is-sitwazzjoni partikolari titqies fil-miżuri ta’ kontinġenza tal-Unjoni.

    (10)Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza u japplikaw, fi prinċipju, mill-għada tal-jum meta t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih, sakemm ma jidħolx fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit sa dik id-data. Madankollu, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-proċeduri amministrattivi meħtieġa minn kmieni kemm jista’ jkun, jenħtieġ li ċerti dispożizzjonijiet japplikaw mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.Dan ir-Regolament jistipula dispożizzjonijiet speċifiċi, fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) mill-Unjoni Ewropea, għal ċerti ċertifikati tas-sikurezza tal-avjazzjoni maħruġa skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 jew ir-Regolament (UE) 2018/1139 għal persuni fiżiċi u ġuridiċi li jkollhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fir-Renju Unit u għal ċerti sitwazzjonijiet rigward it-taħriġ fl-avjazzjoni.

    2.Dan ir-Regolament għandu japplika għaċ-ċertifikati kollha elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, li jkunu validi fil-jum ta’ qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li jkunu nħarġu minn waħda/wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”) għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fir-Renju Unit kif stabbilit fit-Taqsima 1 tal-Anness;

    (b)il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ċċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit kif stabbilit fit-Taqsima 2 tal-Anness.

    3.Minbarra ċ-ċertifikati elenkati fil-paragrafu 2, dan ir-Regolament għandu japplika għall-moduli tat-taħriġ teoriku msemmija fl-Artikolu 5.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1139 u tal-atti ta’ implimentazzjoni u tal-atti delegati adottati bis-saħħa tiegħu u tar-Regolament (UE) Nru 216/2008.

    Artikolu 3

    Ċertifikati msemmija fl-Artikolu 1(2)(a)

    Iċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) għandhom jibqgħu validi għal disa’ xhur mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Fejn ikun meħtieġ żmien addizzjonali għaċ-ċertifikati skont l-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 1139/2018 li jridu jinħarġu għall-operaturi kkonċernati, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu ta’ validità msemmi fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu permezz ta’ atti delegati.

    Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

    Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Artikolu 4

    Ċertifikati msemmija fl-Artikolu 1(2)(b)

    Iċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) li jikkonċernaw l-użu ta’ prodotti, ta’ partijiet u ta’ tagħmir għandhom jibqgħu validi, sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jintużaw fl-inġenji tal-ajru jew fuqhom.

    Artikolu 5

    Riport ta’ moduli tat-taħriġ teoriku

    B’deroga mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 9 u mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014 10 , l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-Aġenzija, skont il-każ, għandhom iqisu l-eżamijiet li saru f’organizzazzjonijiet tat-taħriġ soġġetti għal sorveljanza mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit qabel id-data tal-applikazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament, daqslikieku saru f’organizzazzjoni tat-taħriġ soġġetta għal sorveljanza mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru.

    Artikolu 6

    Regoli u obbligi rigward iċ-ċertifikati rregolati skont l-Artikoli 3 u 4

    1.Iċ-ċertifikati rregolati skont l-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament huma soġġetti għar-regoli li japplikaw għalihom b’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti ta’ implimentazzjoni u mal-atti delegati adottati bis-saħħa tiegħu jew mar-Regolament (UE) Nru 216/2008. L-Aġenzija għandu jkollha s-setgħat stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fl-atti ta’ implimentazzjoni u fl-atti delegati bis-saħħa tiegħu u tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 fir-rigward tal-entitajiet li jkollhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom f’pajjiż terz.

    2.Fuq it-talba tal-Aġenzija, id-detenturi taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikoli 3 u 4 għandhom jipprovdu kopji tar-rapport tal-awditjar, tas-sejbiet u tal-pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva kollha li jkunu rilevanti għaċ-ċertifikat u li jkunu nħarġu matul it-tliet snin ta’ qabel it-talba. Fejn tali dokumenti ma jkunux ġew ipprovduti fil-perjodi limitati stipulati mill-Aġenzija fit-talba tagħha, l-Aġenzija tista’ tirtira l-benefiċċju miksub skont l-Artikoli 3 jew 4, skont il-każ.

    3.Id-detenturi taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikoli 3 jew 4 ta’ dan ir-Regolament għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija mingħajr dewmien dwar kwalunkwe azzjoni mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, li tista’ tikkuntrasta mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament jew ir-Regolament (UE) 2018/1139.

    Artikolu 7

    Awtorità kompetenti

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għas-sorveljanza tad-detenturi taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Aġenzija għandha taġixxi bħala l-awtorità kompetenti prevista għall-entitajiet ta’ pajjiż terz skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati adottati bis-saħħa tiegħu, jew skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008.

    Artikolu 8

    Applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 319/2012

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 319/2014 11 dwar drittijiet u ħlasijiet imposti mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għandu japplika għall-persuni ġuridiċi u fiżiċi li jkollhom iċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament bl-istess kundizzjonijiet bħad-detenturi ta’ ċertifikati korrispondenti maħruġa għall-persuni ġuridiċi jew fiżiċi ta’ pajjiż terz.

    Artikolu 9

    Mezzi aċċettabbli ta’ konformità u materjal ta’ gwida

    L-Aġenzija tista’ toħroġ mezzi aċċettabbli ta’ konformità u materjal ta’ gwida għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’konformità mal-Artikolu 76(3) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.Għandu japplika mill-għada tal-jum li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    Madankollu, l-Artikolu 5 għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    3.Dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jkun daħal fis-seħħ mid-data msemmija fl-ewwel paragrafu tal-paragrafu 2.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)     https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/draft_withdrawal_agreement_0.pdf .
    (2)    Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91, ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.
    (3)    Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE, ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.
    (4)    COM(2018)880 final, it-13 ta’ Novembru 2018.
    (5)    ĠU C […], […], p. […].
    (6)    ĠU C […], […], p. […].
    (7)    Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91, (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).
    (8)    Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE, ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.
    (9)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1.
    (10)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014 tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta’ inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiċi, u dwar l-approvazzjoni ta' organizzazzjonijiet u persunal involut f’dan ix-xogħol. ĠU L 362, 17.12.2014, p. 1.
    (11)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 319/2014 tas-27 ta’ Marzu 2014 dwar drittijiet u ħlasijiet imposti mill-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 593/2007. ĠU L 95, 28.3.2014, p. 58.
    Top

    Brussell, 19.12.2018

    COM(2018) 894 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    dwar ċerti aspetti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni


    ANNESS

    Lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 1.

    Taqsima 1: Ċertifikati maħruġa mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“Aġenzija”) għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fir-Renju Unit u għall-inġenji tal-ajru msemmija f’dawn li ġejjin

    1.1. Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, il-Parti 21, is-Subparti B. (Ċertifikati tat-tip u ċ-ċertifikati tat-tip ristretti)

    1.2. Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, il-Parti 21, is-Subparti D. (Approvazzjoni ta’ tibdiliet fiċ-ċertifikati tat-tip u fiċ-ċertifikati tat-tip ristretti)

    1.3. Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, il-Parti 21, is-Subparti E. (Ċertifikati tat-tip supplementari)

    1.4. Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, il-Parti 21, is-Subparti M. (Approvazzjoni fir-rigward tat-tiswijiet)

    1.5. Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, il-Parti 21, is-Subparti O. (Awtorizzazzjonijiet tal-Ordni ta’ Standard Tekniku Ewropew)

    1.6. Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, il-Parti 21, is-Subparti J. (Approvazzjonijiet ta’ organizzazzjoni tad-disinn)

    Taqsima 2: Ċertifikati maħruġa minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi ċċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi u għall-inġenji tal-ajru msemmija f’dawn li ġejjin

    2.1. Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, is-Subparti G, il-punt 21.A.163(c) (Ċertifikati tar-Rilaxx Awtorizzat għall-prodotti, għall-partijiet u għat-tagħmir)

    2.2. Ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014, il-Parti-145, il-punt 145.A.75(e) (Ċertifikati tar-rilaxx għas-servizz fir-rigward tat-tlestija tal-manutenzjoni)

    2.3. Ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014, il-Parti-145, il-punt 145.A.75(f) (Ċertifikati ta’ reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà għall-inġenji tal-ajru ELA 1)

    2.4. Ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014, il-Parti M, is-Subparti F, il-punt M.A.615(d) (Ċertifikati tar-rilaxx għas-servizz mat-tlestija tal-manutenzjoni)

    2.5. Ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014, il-Parti M, is-Subparti F, il-punt M.A.615(e) (Ċertifikati ta’ reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà għall-inġenji tal-ajru ELA 1)

    2.6. Ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014, il-Parti M, is-Subparti G, il-punt M.A.711(a) jew (b)(1) (Ċertifikati ta’ reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà u estensjonijiet tagħhom).

    Top