IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.12.2018
COM(2018) 826 final
ANNESS
tal-
Propostal għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni ta’ Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli biex jeżamina talba għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru jew fl-Iżlanda jew in-Norveġja, għall-aċċess għall-Eurodac għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi
ANNESS
tal-
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni ta’ Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli biex jeżamina talba għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru jew fl-Iżlanda jew in-Norveġja, għall-aċċess għall-Eurodac għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi
L-UNJONI EWROPEA
u
R-REPUBBLIKA TAL-IŻLANDA
u
R-RENJU TAN-NORVEĠJA
minn hawn ’il quddiem “il-Partijiet”,
(1)
BILLI fid-19 ta’ Jannar 2001, il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli biex jeżamina talba għal ażil ppreżentata fi Stat Membru jew fl-Iżlanda jew fin-Norveġja (minn hawn ’il quddiem: il-Ftehim tad-19 ta’ Jannar 2001) ġie konkluż.
(2)
Filwaqt li JFAKKRU li fis-26 ta’ Ġunju 2013 l-Unjoni Ewropea adottat ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (minn hawn ’il quddiem: ir-Regolament (UE) Nru 603/2013) .
(3)
Filwaqt li JFAKKRU li l-proċeduri għat-tqabbil u għat-trażmissjoni tad-data għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 603/2013 ma jikkostitwixxux żvilupp li jibni fuq id-dispożizzjonijiet tal-Eurodac skont it-tifsira tal-Ftehim tad-19 ta’ Jannar 2001.
(4)
Filwaqt li JQISU li jenħtieġ li jiġi konkluż Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda, minn hawn ’il quddiem “l-Iżlanda”, u r-Renju tan-Norveġja, minn hawn ’il quddiem “in-Norveġja”, sabiex l-Iżlanda u n-Norveġja jkunu jistgħu jipparteċipaw f’dawk l-aspetti tal-Eurodac li huma relatati mal-infurzar tal-liġi u għalhekk jippermetti li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi maħtura fl-Iżlanda u fin-Norveġja jitolbu għat-tqabbil tad-data tal-marki tas-swaba’ trażmessa lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac mil-Istati parteċipanti l-oħrajn.
(5)
Filwaqt li JQISU li l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi għall-Iżlanda u għan-Norveġja għandha wkoll tippermetti li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi maħtura mill-Istati parteċipanti l-oħrajn u mill-Europol jitolbu t-tqabbil tad-data tal-marki tas-swaba’ trażmessa lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac mill-Iżlanda u n-Norveġja.
(6)
Filwaqt li JQISU li l-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi maħtura tal-Istati parteċipanti u tal-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, id-detezzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra skont dan il-Protokoll jenħtieġ li jkun soġġett għal standard ta’ protezzjoni tad-data personali skont il-liġi nazzjonali tagħhom li tkun konformi mad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI
.
(7)
Filwaqt li JQISU li l-kundizzjonijiet l-oħra stipulati fir-Regolament (UE) Nru 603/2013 fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet maħtura tal-Istati parteċipanti kif ukoll mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, id-detezzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħrajn jenħtieġ li japplikaw ukoll.
(8)
Filwaqt li JQISU li l-aċċess għall-awtoritajiet maħtura jenħtieġ li jkun permess biss bil-kondizzjoni li t-tqabbil mal-bażijiet tad-data nazzjonali tal-marki tas-swaba tal-Istat rikjedenti u mas-sistemi awtomatizzati ta’ identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’ tal-Istati l-oħrajn kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali ma kienx wassal biex tiġi stabbilita l-identità tas-suġġett tad-data. Dik il-kondizzjoni tirrikjedi li l-Istat rikjedenti jagħmel tqabbil mas-sistemi awtomatizzati tal-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’ tal-Istati parteċipanti l-oħrajn kollha skont id-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI li huma teknikament disponibbli, sakemm dak l-Istat rikjedenti ma jkunx jista’ jiġġustifika li jeżistu raġunijiet suffiċjenti biex wieħed jemmen li dan ma jkunx iwassal biex tiġi stabbiltà l-identità tas-suġġett tad-data. Tali raġunijiet suffiċjenti jeżistu b’mod partikolari fejn il-każ speċifiku ma jippreżenta l-ebda rabta operattiva jew investigattiva mal-gvern ta’ Stat parteċipanti partikolari. Dik il-kondizzjoni tirrikjedi l-implimentazzjoni legali u teknika minn qabel tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI mill-Istat rikjedenti fir-rigward tad-data dattiloskopika, billi ma għandux ikun permess li ssir verifika tal-Eurodac għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi meta l-ewwel ma jkunux ittieħdu dawn il-passi ta’ hawn fuq.
(9)
Filwaqt li JQISU li qabel ma jfittxu fil-Eurodac, l-awtoritajiet maħtura tal-Iżlanda u tan-Norveġja jenħtieġ ukoll li, sakemm il-kondizzjonijiet għal tali tqabbil ikunu ġew issodisfati, jikkonsultaw is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra.
(10)
Filwaqt li JQISU li mekkaniżmi identiċi fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni ġdida u atti jew miżuri ġodda kif previsti fil-Ftehim tad-19 ta’ Jannar 2001, inkluż ir-rwol tal-Kumitat Konġunt, jenħtieġ li japplikaw għal kull leġislazzjoni ġdida u atti jew miżuri ġodda fir-rigward tal-aċċess għall-Eurodac għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi.
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
1.
Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 għandu jiġi implimentat mill-Iżlanda f’dak li jirrigwarda t-tqabbil ta’ data tal-marki tas-swaba’ ma’ dik maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, u applikat fir-relazzjonijiet tagħha man-Norveġja u mal-Istati parteċipanti l-oħrajn.
2.
Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 għandu jiġi implimentat min-Norveġja f’dak li jirrigwarda t-tqabbil ta’ data tal-marki tas-swaba’ ma’ dawk maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, u applikat fir-relazzjonijiet tagħha mal-Iżlanda u mal-Istati parteċipanti l-oħrajn.
3.
L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea minbarra d-Danimarka għandhom ikunu kkunsidrati bħala Stati parteċipanti fit-tifsira tal-paragrafi 1 u 2. Huma għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 li jirrigwardaw l-aċċess għall-infurzar tal-liġi għall-Iżlanda u n-Norveġja.
4.
Id-Danimarka, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għandhom jiġu kkunsidrati bħala Stati parteċipanti fis-sens tal-paragrafi 1 u 2 sal-punt li ftehimiet simili rispettivi għall-ftehim attwali jiġu applikati bejniethom u l-Unjoni Ewropea li jirrikonoxxu l-Iżlanda u n-Norveġja bħala Stati parteċipanti.
Artikolu 2
1.
Dan il-Protokoll ma’ għandux jidħol fis-seħħ qabel ma d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/680 jiġu implimentati u applikati mill-Iżlanda u n-Norveġja għall-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013.
2.
Minbarra l-paragrafu 1, il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 603/2013 fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għandhom japplikaw għall-Iżlanda u n-Norveġja b’rabta mal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013.
Artikolu 3
Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tad-19 ta’ Jannar 2001 dwar leġiżlazzjoni ġdida u atti jew miżuri ġodda, fosthom dawk li jikkonċernaw il-Kumitat Konġunt, għandhom japplikaw għal kull leġislazzjoni ġdida u għal atti jew miżuri ġodda relatati mal-aċċess għall-Eurodac għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi.
Artikolu 4
1.
Dan il-Protokoll għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet. L-istrumenti ta’ ratifika jew approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li għandu jkun id-depożitarju ta’ dan il-Protokoll.
2.
Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara n-notifika mid-depożitarju lill-Partijiet li l-istrument ta’ ratifika jew approvazzjoni tal-Unjoni Ewropea u ta’ mill-anqas wieħed mill-Partijiet l-oħrajn ikun ġie ddepożitat.
3.
Dan il-Protokoll ma’ għandux japplika fir-rigward tal-Iżlanda qabel ma d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI ikunu ġew implimentati mill-Iżlanda u sakemm ikunu tlestew il-proċeduri ta’ evalwazzjoni skont Kapitolu 4 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali fir-rigward ta’ data dattiloskopika fir-rigward tal-Iżlanda.
4.
Dan il-Protokoll ma għandux japplika fir-rigward tan-Norveġja qabel ma d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI ikunu ġew implimentati min-Norveġja u sakemm ikunu tlestew il-proċeduri ta’ evalwazzjoni skont il-Kapitolu 4 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI fir-rigward ta’ data dattiloskopika fir-rigward tan-Norveġja.
Artikolu 5
1.
Kull Parti tista’ tirtira minn dan il-Protokoll billi tibgħat dikjarazzjoni bil-miktub lid-depożitarju. Din id-dikjarazzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara li tiġi depożitata.
2.
Il-Protokoll ma għandux jibqa’ applikabbli kemm jekk l-Unjoni Ewropea jew kemm l-Iżlanda kif ukoll in-Norveġja jkunu rtiraw minnu.
3.
Dan il-Protokoll ma jibqax jgħodd fir-rigward tal-Iżlanda jekk il-Ftehim tad-19 ta’ Jannar 2001 ma jibqax applikabbli fir-rigward tal-Iżlanda.
4.
Dan il-Protokoll ma jibqax jgħodd fir-rigward tan-Norveġja jekk il-Ftehim tad-19 ta’ Jannar 2001 ma jibqax applikabbli fir-rigward tan-Norveġja.
5.
L-irtirar ta’ Parti waħda minn dan il-Protokoll jew is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tiegħu minn Parti waħda ma jaffettwax il-Ftehim tad-19 ta’ Jannar 2001.
Artikolu 6
Dan il-Protokoll għandu jitfassal f’test oriġinali uniku bil-lingwa Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża, Iżlandiża, u Norveġiża, u kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku.
L-oriġinal għandu jiġi ddepożitat mad-depożitarju, li għandu jistabbilixxi kopja awtentika ċċertifikata għal kull waħda mill-Partijiet.
Magħmul fi Brussell fi