IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.10.2018
COM(2018) 684 final
2018/0352(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-proċedura bil-miktub li għandha titnieda mill-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) għall-adozzjoni ta’ modifiki għall-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi UTP GEN- B u UTP TAF
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Fil-11-il sessjoni li saret f’Bern fit-12 - 13 ta’ Ġunju 2018, il-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (CTE) tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) iddeċieda li jadotta permezz ta’ proċeduri bil-miktub, ċerti modifikazzjonijiet għall-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi (UTPs): Il-UTP GEN-B rigward id-definizzjoni ta’ subsistemi u l-UTP TAF dwar applikazzjonijiet telematiċi għas-servizz tal-merkanzija.
Il-UTPs tal-OTIF huma sett ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi li joħorġu mill-prinċipji, l-għanijiet u l-proċeduri tal-COTIF għall-kostruzzjoni u l-operat tal-materjal tal-ferroviji, bl-għan ewlieni li tinkiseb interoperabbiltà massima. B’dan il-mod, il-UTPs fl-OTIF huma ekwivalenti għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ interoperabbiltà (TSIs) tal-UE.
Il-UTP GEN B tiddefinixxi s-subsistemi tas-sistema ferrovjarja, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-APTU u l-ATMF; Appendiċi F u G tal-Konvenzjoni. Hija ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-UE fl-Anness II tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea.
Il-UTP TAF tistabbilixxi rekwiżiti bażiċi u addizzjonali fir-rigward tal-proċess ta’ komunikazzjoni bejn impriżi ferrovjarji u maniġers tal-infrastruttura, bażijiet ta’ data maħsuba biex jintużaw għall-insegwiment tal-ferroviji u l-movimenti tal-vaguni u informazzjoni li għandha titwassal lill-klijenti tal-merkanzija, li mingħajrhom is-subsistema TAF ma tistax taħdem. Hija ekwivalenti għat-TAF TSI.
Il-proposta attwali li għandha tiġi varata permezz ta’ proċedura bil-miktub għall-modifika tal-UTPs imsemmija hawn fuq teħtieġ Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni. L-emendi proposti huma kif ġej:
–Modifiki lill-punti 2.1, 2.2 u 2.3 tal-UTP GEN-B, kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni u fid-Dokument ta’ Ħidma tas-CTE TECH-18010-CTE11-5
–Aġġornament tat-TAF UTP biex tinkludi l-Lista riveduta ta’ Dokumenti Tekniċi (Appendiċi I) tat-TAF TSI
bl-għan ġenerali li tiġi żgurata l-ekwivalenza bejn it-TSIs u l-UTPs.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF)
Il-Konvenzjoni COTIF hi t-test legali li jistabbilixxi l-OTIF. Skont l-Artikolu 2(1) tal-COTIF, l-għan tagħha huwa li tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita, f’kull aspett, it-traffiku internazzjonali bil-ferrovija, b’mod partikolari billi tistabbilixxi sistemi ta’ liġi uniformi f’diversi oqsma tal-liġi relatati mat-traffiku internazzjonali bil-ferrovija. Il-COTIF tirregola wkoll it-tmexxija tal-Organizzazzjoni, l-għanijiet, l-attribuzzjonijiet, ir-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Kontraenti u l-attivitajiet tagħha b’mod ġenerali.
Il-COTIF għalhekk tittratta l-leġiżlazzjoni ferrovjarja fuq għadd ta’ kwistjonijiet legali u tekniċi ferrovjarji differenti li huma maqsuma f’żewġ partijiet: il-Konvenzjoni nnifisha, li tirregola t-tmexxija tal-OTIF u t-tmien Appendiċi (inkluż appendiċi H ġdida li għandha tiġi adottata waqt it-13-il-Assemblea Ġenerali li jmiss tal-OTIF) li tistabbilixxi liġi ferrovjarja uniformi.
–Appendiċi A – Kuntratt tal-Ġarr Internazzjonali ta’ Passiġġieri bil-Ferrovija (CIV)
–Appendiċi B – Kuntratt tal-Ġarr Internazzjonali ta’ Prodotti bil-Ferrovija (CIM)
–Appendiċi C – Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID)
–Appendiċi D – Kuntratt tal-użu ta’ vetturi fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija (CUV)
–Appendiċi E – Kuntratt tal-użu ta’ infrastruttura fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija (CUI)
–Appendiċi F – Regoli Uniformi li jirrigwardaw il-Validazzjoni ta’ Standards Tekniċi u l-Adozzjoni ta’ Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi applikabbli għall-Materjal tal-Ferroviji bl-intenzjoni li jintużaw mit-Traffiku Internazzjonali (APTU UR)
–Appendiċi G – Regoli Uniformi li jirrigwardaw l-Ammissjoni Teknika ta’ Materjal tal-Ferroviji użat fit-Traffiku Internazzjonali (ATMF UR)
–Appendiċi H - Regoli Uniformi dwar l-operazzjoni sikura tal-ferroviji fit-traffiku internazzjonali (EST UR)
Abbażi tal-Appendiċi F u G tal-COTIF hemm 12-il UTP għall-interoperabbiltà teknika.
Il-COTIF japplika għal 46 stat, inklużi 26 Stat Membru tal-UE (kollha minbarra Malta u Ċipru).
2.2.Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF)
Fis-16 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE billi ffirma u kkonkluda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-OTIF dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999. Dan il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011.
L-Unjoni hi parti għall-Ftehim, l-istess bħalma huma l-Istati Membri kollha minbarra Ċipru u Malta. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tispeċifika li l-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-laqgħat tal-OTIF. Fiha wkoll Dikjarazzjoni mill-Unjoni dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenza (l-Anness I) u tistipula arranġamenti interni għall-Kunsill, għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni fi proċedimenti taħt l-OTIF (l-Anness III).
2.3.Il-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi tal-OTIF
Is-CTE huwa organu tal-OTIF stabbilit bl-Artikolu 8 tal-COTIF. Huwa magħmul mill-Istati Membri tal-OTIF li japplikaw l-Appendiċi F u G (APTU, ATMF) tal-COTIF.
Is-CTE għandu kompetenza fi kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà u armonizzazzjoni teknika fil-qasam ferrovjarju u proċeduri ta’ approvazzjoni teknika. Jiżviluppa l-Appendiċi APTU u ATMF u r-Regoli Uniformi tiegħu, li japplikaw għal materjal tal-ferroviji bl-intenzjoni li jintuża fit-traffiku internazzjonal li jikkonċernaw b’mod partikolari:
·l-adozzjoni ta’ preskrizzjonijiet tekniċi għal vetturi u infrastruttura u l-validazzjoni ta’ standards;
·proċeduri li jikkonċernaw il-valutazzjoni tal-konformità tal-vetturi;
·dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-manutenzjoni tal-vetturi;
·ir-responsabbiltajiet għall-kompożizzjoni tal-ferroviji u l-użu sikur tal-vetturi;
·dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskju;
·speċifikazzjonijiet għar-reġistri.
Is-CTE bħalissa għandu grupp ta’ ħidma permanenti (WG TECH) li huwa responsabbli għat-tħejjija tad-deċiżjonijiet ta’ qabel.
2.4.L-adozzjoni ta’ atti permezz ta’ Proċedura bil-Miktub fis-CTE
Il-proċess ta’ adozzjoni tas-soltu għall-UTPs huwa preskritt fl-Artikoli 6 u 8 tal-APTU u jista’ jieħu madwar sena u nofs. Is-CTE jista’ jadotta wkoll modifiki għall-UTPs fi proċedura bil-miktub skont l-Artikolu 21§3 tar-Regoli ta’ Proċedura tas-CTE, li hija aktar mgħaġġla u tista’ tieħu sitt xhur. Fil-11-il sessjoni tas-CTE, skont l-Artikolu 21§3 tar-Regoli ta’ Proċedura tas-CTE kien miftiehem mill-membri, fuq proposta tal-president, li l-modifiki jiġu adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub.
Skont l-Artikolu 21§3 tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, il-Kumitat għandu jieħu deċiżjoni bi proċedura bil-miktub skont ir-regoli li ġejjin:
·il-membri kollha tal-Kumitat Tekniku għandhom jiġu infurmati bil-miktub dwar is-suġġett u r-raġuni għal din il-votazzjoni;
·kwistjonijiet indipendenti għandhom jiġu sottomessi għal voti separati;
·il-membri għandhom jiġu mistiedna jibagħtu l-voti tagħhom bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF sa skadenza speċifika (data u ħin), u jkollhom mhux inqas minn għoxrin jum kalendarju biex jagħmlu dan;
·il-wasla ta’ kull vot għandha tiġi kkonfermata bil-miktub mis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF;
·ir-risposti kollha li jaslu sal-iskadenza għandhom jiġu rreġistrati;
·il-kworum għandu jkun l-istess bħal għal laqgħa tas-CTE. Jekk in-numru ta’ risposti qabel l-iskadenza ma jilħaqx il-kworum meħtieġ, il-proposta għandha titqies bħala miċħuda. Tista’, madankollu, terġa’ tiġi sottomessa fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Tekniku;
·jekk mill-inqas tliet membri tal-Kumitat jitolbu li l-miżuri proposti jiġu eżaminati waqt laqgħa tal-Kumitat, il-proċedura bil-miktub għandha tintemm mingħajr riżultat; għandha titlaqqa’ laqgħa ġdida tal-Kumitat kemm jista’ jkun malajr u
·il-membri kollha għandhom jiġu nnotifikati bir-riżultat tal-proċedura tal-votazzjoni.
2.5.L-atti previsti tas-CTE li għandhom jiġu adottati bil-Proċedura bil-Miktub
Fil-11-il sessjoni tiegħu s-CTE ressaq il-modifiki li ġejjin biex deċiżjoni tiġi adottata permezz ta’ proċedura bil-miktub:
–Emendi għall-punti 2.1, 2.2 u 2.3 tal-UTP GEN-B li jikkonċernaw is-subsistemi;
–Aġġornament tal-UTP TAF biex tiġi allinjata mal-verżjoni riveduta tat-TAF TSI.
L-emendi proposti għall-UTP GEN-B isegwu t-talba mis-CTE 10 li l-punt 2.1 tal-UTP GEN-B jiġi modifikat biex jinkludi pontijiet, flimkien mal-binarju u l-punti li kienu diġà inklużi. Ir-raġunament kien li jekk l-interfaċċji bejn il-pontijiet u l-vetturi ma jiġux immaniġġjati b’mod korrett dan jista’ jwassal għal vibrazzjonijiet li jagħmlu l-ħsara.
Abbażi tat-talba tas-CTE 10, id-WG TECH iddiskuta din il-kwistjoni u qabel li l-punt 2.1 tal-UTP GEN-B jista’ jiġi emendat b’mod aktar ġeneriku billi jiddikjara li l-COTIF tinkludi infrastruttura sal-punt relatat ma’ interfaċċji mal-vetturi, mingħajr ma jidħol f’aktar dettall. Dan il-prinċipju ġeneriku japplika wkoll għal subsistemi oħra li jikkonċernaw installazzjonijiet fissi, jiġifieri l-enerġija u l-kontroll-kmand u sinjalazzjoni fuq l-art.
Wara modifika bħal din, il-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi jkun kompetenti li jiddeċiedi għal kull UTP (futura) li tikkonċerna l-infrastruttura, l-enerġija jew il-kontroll-kmand u sinjalazzjoni fuq l-art eżattament liema interfaċċji jeħtieġ li jkunu koperti.
Dan huwa konformi mad-dokument ta’ strateġija tal-OTIF dwar l-iżvilupp ta’ dispożizzjonijiet li jkopru l-infrastruttura li ġiet diskussa matul is-CTE 11 (id-dokument “TECH-18012-CTE11-6.2”) u bbażat fuq liema s-CTE ordna lid-WG TECH jiżviluppa proposti għal dispożizzjonijiet xierqa u fattibbli li jikkonċernaw l-infrastruttura.
L-aġġornament propost tal-UTP TAF isegwi r-reviżjoni riċenti tat-TAF TSI li taġġorna l-istruttura tal-messaġġi tat-TAF TSI, il-mudell tad-data u tal-messaġġi, u l-Bażi ta’ Data Operazzjonali tal-Vaguni u tal-Unitajiet Intermodali (WIMO), u li tadotta standard tal-IT għas-saff ta’ komunikazzjoni tal-Interfaċċja Komuni. Dawn il-bidliet iddaħħlu biex jissuperaw il-loġika proprjetarja preċedenti, u biex jippermettu l-implimentazzjoni aktar rapida u inqas għalja ta’ din l-għodda fil-komunità tal-utenti tat-TAF TSI. Il-fajls ta’ referenza ġew riveduti skont dan, li minnhom ir-riżultat kien aġġornament tal-Lista ta’ Dokumenti Tekniċi (Appendiċi I) tat-TAF TSI. Dan jeħtieġ aġġornament tal-Lista korrispondenti fil-UTP TAF.
L-atti previsti se jkunu jorbtu legalment lill-Istati Membri tal-OTIF u lill-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali li aderixxew mal-COTIF, b’mod partikolari l-Unjoni. L-għan tal-atti previsti huwa li jiġu allinjati aktar il-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi (UTPs) tal-COTIF mal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tal-UE għall-Interoperabbiltà (TSIs).
2.6.Il-kompetenza tal-Unjoni u d-drittijiet ta’ votazzjoni
Skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim bejn l-UE u l-OTIF:
“1. Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva, l-Unjoni għandha teżerċita d-drittijiet ta’ votazzjoni tal-Istati Membri tagħha taħt il-Konvenzjoni.
2. Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tagħha, għandhom jivvutaw l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.
3. Soġġett għall-paragrafu 7 tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandu jkollha l-istess għadd ta’ voti daqs l-Istati Membri tagħha li huma wkoll Partijiet għall-Konvenzjoni. Meta l-Unjoni tivvota, l-Istati Membri tagħha m’għandhomx jivvutaw.”
Kif stabbilit fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE, fis-settur ferrovjarju, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza mal-Istati Membri skont l-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Skont il-liġi tal-Unjoni, l-Unjoni kisbet kompetenza esklużiva fi kwistjonijiet ta’ trasport bil-ferrovija fejn il-COTIF jew strumenti legali adottati skont dan jistgħu jaffettwaw jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli eżistenti tal-Unjoni. Ir-regoli tal-Unjoni se jkunu affettwati b’mod ċar bl-adozzjoni ta’ modifiki bħal dawn peress li l-għan tal-miżura huwa li tallinja l-UTPs tal-COTIF mad-dispożizzjonijiet tal-UE fl-Anness II tad-Direttiva 2016/797 (UE) u mat-TAF TSI.
Għalhekk, l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, għandha teżerċita d-dritt ta’ votazzjoni fil-każ preżenti.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Għar-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq jenħtieġ li l-Unjoni tivvota b’mod pożittiv fil-proċedura bil-miktub.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jistipula deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tas-sede jew parti għall-ftehim.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll strumenti li m’għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-UE”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-atti li s-CTE huwa mitlub jadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. L-atti previsti għandhom effetti legali għaliex jimmodifikaw il-qafas legali tal-OTIF billi jallinjaw l-UTPs tal-COTIF mat-TSIs tal-UE fir-rigward tas-Subsistemi.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 91 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Peress li l-att tas-CTE se jemenda l-UTP GEN-B ibbażata fuq l-Appendiċi F tal-COTIF, huwa xieraq li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.
2018/0352 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-proċedura bil-miktub li għandha titnieda mill-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) għall-adozzjoni ta’ modifiki għall-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi UTP GEN- B u UTP TAF
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Unjoni aderixxiet mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980 kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“il-COTIF”), f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE.
(2)Kull Stat Membru, bl-eċċezzjoni ta’ Ċipru u Malta, japplikaw il-COTIF.
(3)Skont l-Artikolu 8 tal-COTIF, twaqqaf il-Kumitat tal-Esperti Tekniċi (“is-CTE”) tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF). Skont l-Artikolu 20 (1) (b) tal-COTIF u l-Artikoli 6 u 8a tal-Appendiċi F (APTU), is-CTE huwa kompetenti biex jieħu deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni ta’ Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi (“UTPs”) jew dispożizzjoni li temenda UTP abbażi tal-Appendiċi F (APTU) u l-Appendiċi G (ATMF) tal-Konvenzjoni tal-COTIF.
(4)Wara l-11-il sessjoni tiegħu li saret fit-12 u t-13 ta’ Ġunju 2018, is-CTE ddeċieda li jadotta, permezz ta’ proċedura bil-miktub, l-emendi għall-punti 2.1, 2.2 u 2.3 tal-UTP rigward is-subsistemi (UTP GEN-B) biex jinkludu intersezzjonijiet fl-istess livell u strutturi tal-inġinerija oħra bħal pontijiet bħala parti mill-infrastruttura tad-definizzjoni tas-subsistema, kif stabbiliti fl-hemża ma’ din id-Deċiżjoni.
(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-CTE, minħabba li l-emendi għall-punti 2.1, 2.2 u 2.3 tal-UTP GEN-B abbażi tal-Appendiċi F (APTU) tal-Konvenzjoni COTIF għandhom jorbtu lill-Unjoni.
(6)L-għan ta’ dawn l-emendi huwa li jallinjaw id-definizzjoni tas-subsistemi fil-UTP GEN B tal-COTIF ma’ dik tal-Unjoni fl-Anness II tad-Direttiva (UE) 2016/797 bl-introduzzjoni ta’ intersezzjonijiet fl-istess livell u strutturi oħra ta’ inġinerija bħal pontijiet bħala parti mid-definizzjoni tas-subsistema tal-infrastruttura.
(7)L-emendi proposti huma konformi mal-liġi u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni billi jikkontribwixxu għall-allinjament tal-leġiżlazzjoni tal-OTIF mad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-Unjoni u għalhekk jenħtieġ li jkunu appoġġati mill-Unjoni.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-proċedura bil-miktub li għandha titnieda mill-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi tal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, dwar l-emendi tal-punti 2.1, 2.2 u 2.3 tal-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi UTP GEN B għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ att tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi tal-OTIF, mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President