Elija las funciones experimentales que desea probar

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 52018PC0500

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1970 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku

COM/2018/500 final

Brussell, 5.7.2018

COM(2018) 500 final

2018/0264(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1970 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Kunsill, bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1970, iffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-aringi tal-Golf ta’ Bothnia (is-subdiviżjonijiet 30–31) fl-2018 abbażi tal-Pjan ta’ Ġestjoni Pluriennali tal-Baħar Baltiku u f’konformità miegħu (ir-Regolament (UE) 2016/1139). Il-kwota tal-UE kienet stabbilita għal 84599 tunnellata li jikkorrispondu għall-mortalità mis-sajd fil-punt tal-valur tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY, maximum sustainable yield), jiġifieri 0,15 għall-parti rispettiva tal-istokk b’valutazzjoni analitika sħiħa li kienet ipprovduta mill-ICES.

Fl-2018, daħlet fis-seħħ l-emenda lir-Regolament (UE) 2016/1139 fir-rigward tal-valuri tal-MSY għall-istokk tal-aringi tal-Golf ta’ Bothnia f’konformità mal-aħħar pariri mogħtija mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES). L-emenda żżid il-valuri numeriċi tal-meded għall-mortalità mis-sajd tal-MSY minn 0,11-0,15 għal 0,15-0,21 u tipprovdi l-bażi legali biex jiġu emendati l-opportunitajiet tas-sajd rispettivi stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1970.

Din il-proposta tistabbilixxi l-kwota tal-UE għall-aringi għall-Golf ta’ Bothnia fil-livell ta’ 95566 tunnellata, li tikkorrispondi għall-mortalità mis-sajd fil-punt tal-valur tal-MSY, jiġifieri 0,21.

2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-kwistjoni tqajmet u ġiet diskussa mill-Istati Membri kkonċernati fil-Kunsill AGRIFISH fid-9 u l-10 ta’ Ottubru 2017. Il-Kummissjoni qablet li tikkunsidra tressaq b’urġenza proposta xierqa biex jiġu adattati l-meded għall-aringi fil-Golf ta’ Bothnia fil-Pjan ta’ Ġestjoni Pluriennali tal-Baħar Baltiku bil-ħsieb li konsegwentement jiġu emendati l-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku rispettivi għall-2018.

Il-Kunsill Konsultattiv għall-Baħar Baltiku ppreżenta l-pożizzjoni tiegħu lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Jannar 2018 u indika li huwa jilqa’ b’sodisfazzjon l-emendar rapidu tal-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku sabiex jirriflettu l-aħħar pariri xjentifiċi wara l-adozzjoni tal-pjan ta’ ġestjoni pluriennali tal-Baltiku emendat. Qal ukoll li l-bidliet f’waqthom lill-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku għall-istokk tal-aringi tal-Golf ta’ Bothnia jagħtu l-opportunità lill-amministrazzjonijiet nazzjonali li jallokaw il-kwoti lis-sajjieda tagħhom mingħajr ebda telf jew interruzzjoni qabel ma jibda l-istaġun tan-nases f’Mejju.

3.L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-emenda proposta tiimmira li timmodifika r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1970 kif deskritt hawn taħt.

Iċ-ċifri fit-tabella rilevanti għall-aringi fiż-żona: Is-subdiviżjonijiet 30–31 (HER/30/31.) kif stabbilit fl-anness tar-Regolament (UE) 2017/1970 se jkollhom jiġu miżjuda biex jirriflettu l-bidliet lill-mortalità mis-sajd kif stipulat fir-Regolament (UE) 2016/1139 kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE) 2018/YYYY.

2018/0264 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1970 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2017/1970 1 jistabbilixxi, fost l-oħrajn, l-opportunitajiet tas-sajd għall-aringi fis-Subdiviżjonijiet tal-ICES 30–31 (“l-istokk tal-aringi fil-Golf ta’ Bothnia”) f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 .

(2)Ir-Regolament (UE) 2016/1139 ġie emendat bir-Regolament (UE) YYYY/XXX ta’ … fir-rigward tal-aringi fil-Golf ta’ Bothnia, sabiex iqis l-aħħar tagħrif xjentifiku pprovdut mill-ICES 3 .

(3) Wara dik l-emenda lir-Regolament (UE) 2016/1139, l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokk tal-aringi tal-Golf ta’ Bothnia jenħtieġ li jiżdiedu.

(4)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/1970 jiġi emendat skont dan.

(5)L-istaġun ewlieni tas-sajd bl-użu tax-xbieki nases għall-aringi jiftaħ f’Mejju. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd fil-livell nazzjonali qabel ma jiftaħ l-istaġun, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament (UE) 2017/1970, l-entrata għall-aringi fis-Subdiviżjonijiet tal-ICES 30-31 tinbidel b’dan li ġej:

"Speċi:

Aringi

Żona:

Subdiviżjonijiet 30-31

Clupea harengus

(HER/30/31.)

Il-Finlandja

78351

L-Iżvezja

17215

L-Unjoni

95566

TAC

95566

TAC analitika”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1970 tas-27 ta’ Ottubru 2017 li jiffissa għall-2018 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127 (ĠU L 281, 31.10.2017, p. 1)
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1)
(3)    Ir-Regolament (UE) 2018/xxxx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ xx xxx 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1139 fir-rigward tal-meded tal-mortalità mis-sajd u l-livelli ta’ salvagwardja għal ċerti stokkijiet tal-aringi fil-Baħar Baltiku (ĠU…)
Arriba