Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0443

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi l-programm “Fiscalis” għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni

    COM/2018/443 final - 2018/0233 (COD)

    Brussell, 8.6.2018

    COM(2018) 443 final

    2018/0233(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi l-programm “Fiscalis” għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni

    {SWD(2018) 323 final}
    {SWD(2018) 324 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat pakkett dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss għall-perjodu 2021-2027 1 . Il-Kummissjoni pproponiet baġit ġdid, modern u għal żmien twil, strettament orjentat lejn il-projoritajiet politiċi tal-Unjoni ta’ 27. Il-baġit propost iwaħħad l-istrumenti l-ġodda mal-programmi modernizzati biex jintlaħqu b’mod effiċjenti l-prijoritajiet tal-Unjoni. Filwaqt li tibni fuq dawk is-sisien, il-Kummissjoni qed tipproponi programm Fiscalis ġdid taħt l-intestatura tal-baġit għal Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali. Dan il-programm se jikkontribwixxi għat-titjib tal-operat tal-politika tat-tassazzjoni, inluża l-kooperazzjoni amministrattiva, u jappoġġa l-awtoritajiet tat-taxxa kif deskritti fil-Komunikazzjoni li takkumpanja l-proposta dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2 ,

    Din il-proposta tipprevedi data ta’ applikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021 u hija ppreżentata għal Unjoni ta’ 27 Stat Membru, b’konformità man-notifika mir-Renju Unit dwar l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni Ewropea u l-Euratom abbażi tal-Artikolu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea li waslet għand il-Kunsill Ewropew fid-29 ta’ Marzu 2017.

    Raġunijiet u għanijiet

    L-Unjoni u l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali għadhom ibatu minn nuqqas ta’ kapaċità u minn nuqqas ta’ kooperazzjoni – kemm fl-UE kif ukoll ma’ pajjiżi terzi – fit-twettiq effettiv u effiċjenti tal-missjonijiet tagħhom. Dawn iridu jipprovdu rispons mgħaġġel u konġunt għall-problemi emerġenti bħalma huma l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, id-diġitalizzazzjoni u l-mudelli kummerċjali ġodda, u fl-istess ħin jevitaw il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa għaċ-ċittadini u n-negozji fit-tranżazzjonijiet transfruntiera. Dawn ix-xejriet joħolqu kontinwament sfidi ġodda għall-funzjonament u l-prestazzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali. Dawn jappellaw għal modi aħjar u innovattivi biex iwettqu l-kompitu ewlieni tagħhom, jiġifieri l-ġbir tat-taxxi li jsostni direttament il-baġit nazzjonali u indirettament dak tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi programm Fiscalis li jkun fih il-mezzi u baġit li jappoġġaw il-politika tat-tassazzjoni u l-awtoritajiet tat-taxxa permezz ta’ attivitajiet li jibnu l-kapaċità amministrattiva u tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) u permezz ta’ kooperazzjoni operattiva.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-politika

    Din il-proposta tikkonforma mal-aġenda tal-Kummissjoni li tiżgura sistema ta’ tassazzjoni ġusta u effiċjenti fl-Unjoni bil-ħsieb li, fost l-oħrajn, tipproteġi l-ħila tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri li jiġbru t-taxxi. Bosta mill-inizjattivi adottati f’dak il-qafas għandhom l-għan li jżidu t-trasparenza tat-taxxa u li jtejbu l-kooperazzjoni amministrattiva, fost l-oħrajn, permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti dwar it-taxxa. Il-programm Fiscalis propost se jipprovdi l-mezzi, anke dawk baġitarji, biex jappoġġa u jimplimenta dawn l-interventi regolatorji 3 . Il-karatteristiċi importanti ta’ din il-kooperazzjoni amministrattiva huma s-sistemi elettroniċi Ewropej rilevanti li permezz tagħhom l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni b’mod konkret.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Din il-proposta hija konsistenti ma’ programmi oħra proposti ta’ azzjoni tal-UE li għandhom għanijiet simili f’oqsma relatati ta’ kompetenza, speċjalment:

    Il-Programm Doganali 4 , li jappoġġa l-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana;

    Il-Programm tal-UE Kontra l-Frodi 5 li jiġġieled il-frodi biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni skont l-Artikolu 325 tat-TFUE;

    Il-Programm tas-Suq Uniku 6 , li jappoġġa l-azzjonijiet tal-UE biex jinkiseb suq uniku li jaħdem aħjar;

    Il-Programm ta’ Apoġġ għar-Riformi 7 li jgħin pajjiżi speċifiċi tal-UE biex jibnu istituzzjonijiet aktar effettivi, oqfsa ta’ governanza aktar b’saħħithom u awtoritajiet pubbliċi effiċjenti.

    Fl-aħħar nett, jista’ jkun hemm aktar sinerġiji li jiġu sfruttati fil-qasam tal-IT b’diversi inizjattivi tal-Unjoni, bħall-Programm Ewropa Diġitali 8 , il-programmi kollha li jmexxu sistemi elettroniċi (sinifikanti), l-użu mill-ġdid tal-elementi importanti 9 tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà 10 , il-Pjan Rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT 11 , il-pjan ta’ azzjoni dwar FinTech 12 , l-Orizzont Ewropa 13 jew il-ħidma tal-Osservatorju u l-Forum tal-UE dwar il-Blockchain 14 u inizjattivi oħra dwar il-frodi u r-riskji ta’ ċibersigurtà,

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Parti importanti mill-programm Fiscalis tikkonċerna l-appoġġ tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qafas tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva tipprevedi l-użu mill-Istati Membri tas-sistemi elettroniċi Ewropej. Din il-proposta tispeċifika li l-Kummissjoni u l-Istati Membri se jiżguraw li s-sistemi elettroniċi Ewropej imsemmija fil-Kapitolu IV, ikunu żviluppati u mħaddma b’mod adegwat. F’dan il-kuntest, hija tipprevedi li dawn se jikkoordinaw regolarment l-interventi rispettivi tagħhom u li jaqblu fuq l-aspetti kollha meħtieġa sabiex ikunu żgurati l-operabbiltà, l-interkonnettività u t-titjib kontinwu tas-sistemi elettroniċi Ewropej. Hemm ukoll dispożizzjoni dwar il-kompiti u r-responsabbiltajiet li jridu jittieħdu għall-koordinazzjoni tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-komponenti komuni u nazzjonali tas-sistemi elettroniċi Ewropej, bil-ħsieb li jiġu żgurati l-operabbiltà, l-interkonnettività u t-titjib kontinwu. Dawn l-aspetti tal-bini tal-kapaċità fl-IT flimkien ma’ aspetti oħra tal-kapaċità amministrattiva tal-programm se jikkontribwixxu għall-funzjonament aħjar tas-suq intern u b’hekk jiġġustifikaw il-fatt li l-programm huwa bbażat fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE.

    Il-programm Fiscalis propost jipprovdi mekkaniżmi, mezzi, kif ukoll il-finanzjament meħtieġ bil-għan li jappoġġa l-politika tat-tassazzjoni u jtejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa. Il-miżura proposta tinkludi, fost l-oħrajn, laqgħat u avvenimenti simili ad hoc, kollaborazzjoni strutturata bbażata fuq il-proġetti, u azzjonijiet li jibnu l-kompetenza u l-kapaċità umana, li l-Istati Membri u l-uffiċjali tagħhom jistgħu jipparteċipaw fihom fuq bażi volontarja. L-għan ġenerali ta’ dawk l-azzjonijiet huwa li jsaħħu kemm il-kooperazzjoni kif ukoll il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni li jiġġustifika l-użu tal-Artikolu 197 tat-TFUE.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    L-għanijiet tal-UE dwar it-tassazzjoni għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, it-titjib tal-ġustizzja u t-trasparenza tat-taxxa, kif ukoll l-appoġġ għall-funzjonament tas-suq uniku u l-kompetittività ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri waħedhom. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet u jiġu affaċċjati l-isfidi kollha relatati, jeħtieġ li jkun hemm regoli komuni, koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri.

    Dan il-livell għoli ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni jista’ jinkiseb biss b’approċċ ċentralizzat, idealment fil-livell tal-Unjoni. L-attivitajiet Fiscalis huma aktar kosteffettivi milli kieku kull pajjiż parteċipant kellu jistabbilixxi oqfsa ta’ kooperazzjoni individwali fuq bażi bilaterali jew multilaterali u jiżviluppa soluzzjonijiet nazzjonali tal-IT għall-problemi transnazzjonali. Barra minn hekk, l-attivitajiet u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni Fiscalis jippermettu l-approfondiment sinifikanti tal-fiduċja bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali li huwa meħtieġ għal kooperazzjoni u kofunzjonament bla problemi tas-sistemi tat-taxxa tal-UE fis-suq uniku.

    F’dan l-isfond, il-programm Fiscalis se jikkonċentra l-intervent tal-UE fuq it-twaqqif ta’ mekkaniżmi effiċjenti (u ta’ għodod indispensabbli tal-IT) għall-kooperazzjoni amministrattiva, bil-għan li jipprovdi mezzi aktar effettivi lill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali fil-ġlieda tagħhom kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, filwaqt li indirettament jiffaċilita l-konformità tal-kontribwenti mar-regoli tat-taxxa.

    Proporzjonalità

    Il-biċċa l-kbira tal-baġit propost se tintefaq fuq attivitajiet li jibnu l-kapaċità fl-IT. L-approċċ magħżul huwa bbażat fuq mudell tal-arkitettura tal-IT li fih is-sistemi elettroniċi Ewropej ikunu magħmulin minn kombinazzjoni ta’ komponenti komuni u nazzjonali. Dan il-mudell ġie ppreferut minn mudell tal-arkitettura tal-IT ċentralizzat għalkollox peress li tal-ewwel iħalli parti mir-responsabbiltà baġitarja f’idejn l-Istati Membri li se jiżviluppaw il-komponenti nazzjonali tal-IT fil-livell nazzjonali filwaqt li jqis ukoll il-preferenzi, ir-rekwiżiti u l-limitazzjonijiet nazzjonali. B’hekk it-titjib tal-interoperabbiltà u tal-interkonnettività b’risq is-suq intern jinkiseb b’mod proporzjonat.

    Għażla tal-istrument

    L-intervent tal-UE permezz ta’ programm ta’ finanzjament huwa xieraq. Il-Kummissjoni qed tipproponi suċċessur tal-programm Fiscalis 2020 bħala Regolament.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet retrospettivi/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Din il-proposta tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni finali ta’ Fiscalis 2013, kif ukoll ir-riżultati preliminari tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ Fiscalis 2020 li għaddejja bħalissa. Dawn jindikaw li l-programm qed jipprovdi valur miżjud b’saħħtu għall-UE, qed jibni l-fiduċja u qed irawwem kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-Istati Membri, kif ukoll ma’ pajjiżi parteċipanti oħra (pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali). Il-programm jiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, filwaqt li jippermetti t-titjib fl-effiċjenza (permezz tal-qsim tar-riżorsi) speċjalment fil-qasam tas-sistemi elettroniċi (fejn l-intervent tal-UE qed jirriżulta f’ekonomiji ta’ skala u fi tnaqqis tal-kostijiet ta’ żvilupp) u fil-moduli ta’ taħriġ (fejn l-intervent tal-UE huwa rrappurtat li qed jiffranka l-ħin u l-flus lil xi awtoritajiet). Il-parteċipanti rrappurtaw ukoll interess qawwi u dejjem jikber f’azzjonijiet konġunti (partikolarment żjarat ta’ ħidma, seminars u workshops) bħala għodda effettiva li tikkontribwixxi għall-kooperazzjoni u għat-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa. Fir-rigward ta’ Fiscalis 2020, l-introduzzjoni ta’ Timijiet ta’ Esperti qiegħda titqies bħala għodda b’saħħitha li tixpruna kooperazzjoni aktar fil-fond (fuq bażi reġjonali jew tematika) minħabba l-arranġamenti ta’ finanzjament u l-istruttura operattiva speċifika tagħha. Xi parteċipanti indikaw il-possibbiltà li tiżdied id-distribuzzjoni attwali tal-fondi favur din l-attività li tibni l-kapaċità amministrattiva.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Il-Kummissjoni kkummissjonat studju estern biex tappoġġa l-evalwazzjoni ex ante li kienet tinkludi attivitajiet ta’ konsultazzjoni ddedikati għall-ġbir usa' tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati kollha. Meta jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni partikolari tal-programm (l-awtoritajiet tat-taxxa huma l-uniċi benefiċjarji diretti), dawn il-konsultazzjonijiet ikkonċentraw fuq l-awtoritajiet tat-taxxa permezz ta’ diskussjonijiet fi grupp tal-proġett, żjarat fil-pajjiżi/studji ta’ każijiet u stħarriġ speċifiku. Dawn l-attivitajiet ġew ikkumplementati b’intervisti ma’ assoċjazzjonijiet tan-negozju, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u akkademiċi, kif ukoll ma’ parteċipanti ta’ Fiscalis 2020, konsulenti u organizzazzjonijiet internazzjonali (eż. l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi).

    L-istudju estern u l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni relatati kkonfermaw li l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom quddiemhom żminijiet diffiċli u li huwa meħtieġ programm ambizzjuż mibni fuq żewġ dimensjonijiet ewlenin: fuq naħa, il-kontinwità u t-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-bini tal-kapaċità (fl-IT u umana) u ta’ kooperazzjoni għal applikazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet tat-taxxa nazzjonali u tal-UE u, fuq in-naħa l-oħra, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni operattiva u l-indirizzar aħjar tal-innovazzjoni.

    Saret konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar “Il-fondi tal-UE fil-qasam tal-investiment, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-SMEs u s-suq uniku”. Din ġabret il-fehmiet taċ-ċittadini dwar, fost l-oħrajn, l-isfidi u l-ħtiġijiet ta’ politika għall-intervent tal-UE fir-rigward tat-tassazzjoni.

    Għarfien espert estern

    Il-Kummissjoni kkummissjonat studju estern biex tappoġġa l-evalwazzjoni ex ante billi tipprovdi informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva. L-għan ta’ dan l-eżerċizzju kien li jiġu identifikati l-fatturi ewlenin li jistabbilixxu l-kuntest tat-tassazzjoni wara l-2020 kif ukoll il-problemi li jridu jaffaċċjaw l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri li jistgħu jiġu indirizzati taħt intervent ta’ finanzjament futur tal-UE, li jqis in-natura tal-fatturi identifikati u l-konsegwenzi tagħhom.

    L-istudju għen lill-Kummissjoni sabiex: - tidentifika għanijiet għal intervent fil-livell tal-UE bbażat fuq il-muturi u l-problemi identifikati; - tidentifika għażliet possibbli ta’ politika tal-UE sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet, tiskjera intervent ta’ finanzjament futur tal-UE bi tweġiba għall-muturi u l-problemi identifikati u tivvaluta l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali mistennija tal-għażliet identifikati; - tqabbel l-għażliet skont il-kriterji stabbiliti (bħalma huma l-effiċjenza, l-effettività, ir-rilevanza, il-koerenza) u tikklassifikahom.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Minħabba l-kontinwità f’termini ta’ kontenut, struttura u daqs tal-baġit tal-programm Fiscalis propost meta mqabbel mal-programm Fiscalis 2020 preċedenti, il-valutazzjoni tal-impatt ma tqisitx meħtieġa. Evalwazzjoni ex ante tqieset aktar adegwata biex tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolamentazzjoni Aħjar b’mod proporzjonat.

    Simplifikazzjoni

    Il-programm li għaddej bħalissa diġà huwa simplifikat b’enfasi qawwija fuq l-outputs u r-riżultati. Huwa jimplimenta s-simplifikazzjonijiet kollha li ġew identifikati fl-evalwazzjonijiet tal-passat. Is-simplifikazzjoni addizzjonali ewlenija li ġiet identifikata tikkonsisti fl-użu estiż ta’ somom f’daqqa / kostijiet unitarji u fil-possibbiltà li jiġu adottati programmi ta’ ħidma pluriennali sabiex jiġi evitat il-piż amministrattiv annwali tal-komitoloġija.

    Drittijiet fundamentali

    Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Iż-żmien tar-reviżjoni tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE huwa marbut mal-proposta għal Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid, kif propost fit-2 ta’ Mejju 2018 15 . Skont din il-proposta, dan ir-Regolament dwar il-Programm Fiscalis fih qafas baġitarju ta’ EUR 270 miljun (fi prezzijiet kurrenti) għall-perjodu 2021-2027.

    Il-programm Fiscalis se jiġi implimentat b’ġestjoni diretta u b’mod ibbażat fuq il-prijoritajiet. Il-programmi ta’ ħidma jiġu stabbiliti – flimkien mal-partijiet ikkonċernati – billi jiġu stipulati l-prijoritajiet għal perjodu speċifiku.

    Il-programm se jkollu impatt fuq id-dħul tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Għalkemm mhuwiex kwantifikabbli, dan se jiffaċilita u jissimplifika x-xogħol magħmul mill-awtoritajiet tat-taxxa għall-ġbir tat-taxxi diretti u indiretti. Biż-żieda tal-kwalità tax-xogħol bil-kooperazzjoni u l-bini tal-kapaċità umana u fl-IT, l-awtoritajiet tat-taxxa se jkunu aktar effiċjenti fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    L-impatt tal-programm Fiscalis propost se jiġi vvalutat b’evalwazzjonijiet interim u finali, kif ukoll bil-monitoraġġ fuq bażi kontinwa ta’ sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ta’ livell għoli. Dawn l-evalwazzjonijiet se jsiru b’konformità mal-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 16 , fejn it-tliet istituzzjonijiet ikkonfermaw li l-evalwazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni u l-politika eżistenti jenħtieġ li jipprovdu l-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt tal-għażliet għal azzjoni ulterjuri; Dawn l-evalwazzjonijiet se jivvalutaw l-effetti tal-Istrument abbażi ta’ indikaturi u miri u ta’ analiżi dettaljata ta’ kemm l-istrument jista’ jitqies rilevanti, effettiv, effiċjenti, jipprovdi biżżejjed valur miżjud tal-UE u huwa koerenti ma’ politiki oħra tal-UE. L-evalwazzjonijiet se jinkludu tagħlimiet meħuda biex jidentifikaw kwalunkwe nuqqas/problema jew kwalunkwe potenzjal biex ikomplu jtejbu l-azzjonijiet jew ir-riżultati tagħhom u biex jgħinu jimmassimizzaw l-impatt tagħhom. Dawn se jinkludu wkoll l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-kostijiet regolatorji, tal-benefiċċji u tal-iffrankar.

    Is-sistema ta’ rapportar tal-evalwazzjoni se tiżgura li d-data għall-evalwazzjoni tal-programm tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv u f’waqtha u fil-livell xieraq ta’ granularità; dik id-data u l-informazzjoni se jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, b’mod li jikkonformaw ma’ dispożizzjonijiet legali oħra; pereżempju, meta jkun meħtieġ, jenħtieġ li d-data personali tkun anonima. Għal dan il-għan, se jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonat fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni.

    Ir-riżultati u l-outputs tal-programm se jkunu soġġetti għal valutazzjoni regolari permezz ta’ sistema komprensiva ta’ monitoraġġ, ibbażata fuq indikaturi definiti biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għall-għoti tal-valur għall-flus.

    Id-data għall-kejl tal-prestazzjoni se tinkiseb minn għodod differenti tal-ġbir tad-data. L-għodod ewlenin previsti bħalissa huma formoli ta’ segwitu tal-azzjonijiet, formoli għall-valutazzjoni ta’ avvenimenti u stħarriġ regolari tal-uffiċjali tat-taxxa.

    Peress li l-programm għandu rwol ta’ appoġġ, li jgħin lill-awtoritajiet tal-pajjiżi parteċipanti jaqsmu l-informazzjoni bejniethom u li jixpruna l-kapaċità tagħhom, is-sistema ta’ monitoraġġ tiffoka fuq is-segwitu tal-progress tal-attivitajiet tal-programm f’termini tal-indikaturi fil-livelli tal-outputs. Kull meta jkun possibbli, hija ssegwi wkoll indikaturi f’oqsma marbuta mal-għanijiet ta’ livell għoli tal-programm.

    Il-Kummissjoni, fuq bażi annwali, se toħroġ rapport dwar il-progress tal-programm li jkun fih sommarju tal-prestazzjoni lejn l-għanijiet tal-programm u l-indikaturi tal-output u tar-riżultati relatati.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Kapitolu I - Dispożizzjonijiet Ġenerali

    Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-programm ġie aġġustat biex jippermetti l-għoti ta’appoġġ b’mod aktar komprensiv għall-politika tat-tassazzjoni u għall-awtoritajiet tat-taxxa fid-dawl tal-ħtiġijiet emerġenti. Għalkemm il-programm Fiscalis 2020 li għaddej bħalissa għandu l-għan ġenerali li jtejjeb il-funzjonament xieraq tas-sistemi tat-tassazzjoni fis-suq intern, il-programm propost se jipprovdi appoġġ għall-politika tat-tassazzjoni u għall-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali u b’hekk jindirizza aħjar il-ħtiġijiet ta’ appoġġ li jirriżultaw, fost l-oħrajn, minn inizjattivi oħra ta’ politika fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. B’hekk, il-programm għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv bla bżonn għaċ-ċittadini u n-negozji fi tranżazzjonijiet transfruntiera; għall-kisba tal-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku u t-trawwim tal-kompetittività tal-UE; u għall-promozzjoni u l-appoġġ ta’ approċċ konġunt tal-Unjoni f’fora internazzjonali. Għaldaqstant, anke jekk jiġu preżentati xi ftit differenti u b’mod issimplifikat, mingħajr għanijiet operattivi, fi prinċipju l-għanijiet tal-programm jibqgħu l-istess.

    Bħall-programm Fiscalis 2020 li għaddej bħalissa, il-programm il-ġdid se jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, tal-pajjiżi aderenti, tal-pajjiżi kandidati u tal-kandidati potenzjali. B’konformità mal-politika ġenerali tal-Unjoni, il-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-pajjiżi terzi, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehimiet speċifiċi bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi, se jkollhom ukoll il-possibbiltà li jieħdu sehem fil-programm taħt ċerti kundizzjonijiet.

    Kapitolu II - Eliġibbiltà

    It-tipi ta’ azzjonijiet meqjusa eliġibbli għal finanzjament tal-programm huma essenzjalment simili għal dawk taħt il-programm attwali. Madankollu, ġiet issimplifikata u tnaqqset it-tipoloġija tagħhom biex tipprovdi aktar flessibbiltà. Il-lista indikattiva fl-Anness 1 tipprovdi ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet konkreti li jistgħu jiġu ffinanzjati taħt il-programm.

    Abbażi tat-tagħlimiet li ttieħdu bl-għodda attwali tat-Timijiet Esperti taħt il-programm Fiscalis 2020, il-proposta tipprovdi enfasi speċifika fuq il-kooperazzjoni strutturata bbażata fuq il-proġett bl-għan li tixpruna l-kooperazzjoni operattiva msaħħa u tippermetti forom profondi u integrati ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi parteċipanti.

    Element ġdid meta mqabbel mal-programm attwali huwa d-dispożizzjoni dwar l-azzjonijiet li huma meħtieġa għall-adattament jew għall-estensjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Din tipprovdi mekkaniżmu eħfef u aktar dirett minn dak li hemm fil-programm Fiscalis 2020, li ma jippermettix li tiġi ffinanzjata xi modifika tas-sistemi elettroniċi Ewropej għall-użu mingħajr ftehim internazzjonali konkluż mal-pajjiż terz rilevanti skont l-Artikolu 218 tat-TFUE. Biex tiggarantixxi ħin tar-rispons ottimali għall-istabbiliment ta’ din l-interkonnettività ma’ pajjiżi terzi, il-proposta tippermetti li jiġu ffinanzjati l-adattamenti jew l-estensjonijiet meħtieġa u li jiġu adottati arranġamenti amministrattivi li jkun fihom il-kundizzjonijiet rilevanti, inkluża possibbilment kontribuzzjoni finanzjarja dovuta mill-pajjiż terz jew mill-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni. Dan ikun possibbli biss jekk l-azzjoni tkun ta’ interess għall-Unjoni.

    Meta titqies l-importanza tal-globalizzazzjoni, il-Programm se jkompli jipprovdi l-possibbiltà li jiġu involuti rappreżentanti tal-awtoritajiet governattivi, anke minn pajjiżi terzi, kif ukoll rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, tal-operaturi ekonomiċi jew tas-soċjetà ċivili bħala esperi esterni, jekk ikunu ta’ benefiċċju għall-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan tal-Programm.

    Kapitolu III - Għotjiet

    L-implimentazzjoni tal-programm se sseħħ permezz ta’ wieħed mill-aktar mekkaniżmi ta’ nfiq użati tal-baġit tal-Unjoni, jiġifieri l-akkwist pubbliku u l-għotjiet. Fir-rigward tal-għotjiet, il-proposta tistipula li ma tapplika l-ebda sejħa għal proposta jekk l-entitajiet eliġibbli jkunu l-awtoritajiet tat-taxxa.

    Bħal fil-passat, jenħtieġ li l-Programm jiffinanzja l-azzjonijiet sa 100 % minħabba l-valur miżjud b’saħħtu tagħhom għall-UE. Jekk l-azzjonijiet jeħtieġu l-għoti ta’ għotjiet, ir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli se tkun stabbilita fil-programmi ta’ ħidma.

    Kapitolu IV - Dispożizzjonijiet speċifiċi għal azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċità fl-IT

    Id-dispożizzjonijiet taħt dan il-kapitolu għandhom l-għan li jipprovdu qafas u governanza aħjar għall-azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċità fl-IT imwettqa taħt il-programm. Abbażi tal-esperjenza tal-programmi Fiscalis preċedenti u fid-dawl tal-għadd dejjem akbar ta’ sistemi elettroniċi Ewropej, qegħdin jiġu proposti xi novitajiet. Ġiet integrata definizzjoni aħjar tal-komponenti komuni u tal-komponenti nazzjonali biex tirrifletti aħjar ir-realtà tal-proġetti tal-IT u l-karatteristiċi tagħhom. Ġew elenkati l-kompiti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni fuq naħa, u tal-Istati Membri fuq in-naħa l-oħra. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni bi sħab mal-Istati Membri, se tfassal Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni li se jippermetti l-ippjanar aħjar tar-riżorsi baġitarji u umani, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE. Ġew introdotti dmirijiet ta’ rappurtar li jakkumpanjaw biex jippermettu l-monitoraġġ aħjar tal-azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċità fl-IT.

    Kapitolu V - Programmazzjoni, monitoraġġ, evalwazzjoni u kontroll

    Fid-dawl tan-natura fuq terminu medju sa twil tal-għanijiet segwiti u abbażi tal-esperjenza miksuba matul iż-żmien, jenħtieġ li l-programmi ta’ ħidma jkopru diversi snin. Dan huwa element ġdid meta mqabbel mal-programm Fiscalis 2020 attwali li jipprevedi l-programmi ta’ ħidma annwali. Għalkemm ma jaffettwawx l-implimentazzjoni tal-Programm, il-programmi ta’ ħidma pluriennali se jnaqqsu l-piż amministrattiv kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri.

    Il-Kummissjoni se tkun assistita minn Kumitat tal-Programm Fiscalis (proċedura ta’ eżami).

    Fl-Anness 2 żdiedet lista ta’ indikaturi ewlenin biex jittejbu mill-bidu nett il-monitoraġġ tal-programm u l-prestazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni se tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex tiżviluppa d-dispożizzjonijiet għal qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni anke permezz ta’ emendi għall-Anness 2 biex, fejn meħtieġ, tirrevedi u/jew tikkomplementa l-lista ta’ indikaturi.

    L-evalwazzjonijiet interim u finali se jsiru f’waqthom biex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

    Kapitolu VI - Eżerċizzju tad-delega u proċedura ta’ kumitat

    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati dwar ir-reviżjoni tal-qafas ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni u tal-indikaturi relatati.

    Il-Kummissjoni se tkun assistita minn Kumitat tal-Programm Fiscalis (proċedura ta’ eżami).

    Kapitolu VII - Dispożizzjonijiet tranżitorji u finali

    Se tiġi żgurata l-informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inklużi l-midja u l-pubbliku.

    2018/0233 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi l-programm “Fiscalis” għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114 u 197 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 17 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Il-programm Fiscalis 2020, li ġie stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 u huwa implimentat mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membru u l-pajjiżi assoċjati, u l-predeċessuri tiegħu kkontribwew b’mod sinifikanti biex jiffaċilitaw u jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fl-Unjoni. Il-valur miżjud ta’ dawk il-programmi, anke fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-kontribwenti, ġie rikonoxxut mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-pajjiżi parteċipanti. L-isfidi identifikati għad-deċennju li ġej ma jistgħux jiġu indirizzati jekk l-Istati Membri ma jħarsux lil hinn mill-fruntieri tat-territorji amministrattivi tagħhom jew ma jikkooperawx b’mod intensiv mal-kontroparti tagħhom.

    (2)Il-programm Fiscalis 2020 joffri lill-Istati Membri qafas tal-Unjoni biex jiżviluppaw dawk l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni, u li jkun aktar kosteffettiv milli kieku kull Stat Membru kellu jistabbilixxi oqfsa ta’ kooperazzjoni individwali fuq bażi bilaterali jew multilaterali. Għaldaqstant ikun xieraq li tiġi żgurata t-tkomplija ta’ dak il-programm billi jiġi stabbilit programm ġdid fl-istess qasam, il-programm Fiscalis (“il-Programm”).

    (3)Bil-provvista ta’ qafas għal azzjonijiet li jappoġġa s-suq uniku, irawwem il-kompetittività tal-Unjoni u jipproteġi l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, il-Programm jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv bla bżonn għaċ-ċittadini u n-negozji fi tranżazzjonijiet transfruntiera; għall-kisba tal-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku u t-trawwim tal-kompetittività tal-Unjoni; u għall-appoġġ ta’ approċċ konġunt tal-Unjoni f’fora internazzjonali.

    (4)Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-Programm, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, fi ħdan it-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 19 , għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

    (5)Sabiex jappoġġa l-proċess ta’ adeżjoni u ta’ assoċjazzjoni min-naħa tal-pajjiżi terzi, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, jenħtieġ li l-Programm ikun miftuħ għall-parteċipazzjoni kemm tal-pajjiżi aderenti u tal-pajjiżi kandidati kif ukoll tal-kandidati potenzjali u tal-pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Jista’ jkun miftuħ ukoll għal pajjiżi terzi oħra, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehimiet speċifiċi bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi li jkopru l-parteċipazzjoni tagħhom għal kwalunkwe programm tal-Unjoni.

    (6)Ir-Regolament (UE, Euratom) [2018/XXX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 20 (ir-“Regolament Finanzjarju”) japplika għal dan il-Programm. Dan jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist pubbliku u rimborżi ta’ esperti esterni.

    (7)L-azzjonijiet li kienu japplikaw taħt il-programm Fiscalis 2020 wrew li kienu adegwati u għaldaqstant jenħtieġ li jinżammu. Sabiex jipprovdu aktar sempliċità u flessibbiltà fit-twettiq tal-Programm u b’hekk jintlaħqu aħjar l-għanijiet tiegħu, jenħtieġ li l-azzjonijiet jiġu definiti biss f’termini ta’ kategoriji ġenerali b’lista ta’ eżempji illustrattivi ta’ attivitajiet konkreti. Jenħtieġ li l-programm Fiscalis jippromwovi u jappoġġa wkoll l-użu u l-isfruttament tal-innovazzjoni biex ikompli jtejjeb il-kapaċitajiet li jintlaħqu l-prijoritajiet ewlenin tat-tassazzjoni, permezz tal-kooperazzjoni u l-bini tal-kapaċità.

    (8)Meta jitqiesu l-mobbiltà dejjem tikber tal-kontribwenti, l-għadd ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera u l-internazzjonalizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, li jmorru lil hinn sew mill-fruntieri tal-Unjoni, l-adattamenti tas-sistemi elettroniċi Ewropej għal pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, jew l-estensjoni tagħhom, jista’ jkollhom interess għall-Unjoni jew għall-Istati Membri. B’mod partikolari, dawn kieku jevitaw il-piż amministrattiv u l-kostijiet implikati billi jiżviluppaw u joperaw żewġ sistemi elettroniċi simili għall-iskambji ta’ informazzjoni tal-Unjoni u dawk internazzjonali, rispettivament. Għaldaqstant, meta jkunu ġġustifikati kif xieraq b’dan l-interess, jenħtieġ li l-adattamenti jew l-estensjonijiet tas-sistemi elettroniċi Ewropej għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, ikunu l-kostijiet eliġibbli taħt il-Programm.

    (9)Meta titqies l-importanza tal-globalizzazzjoni, jenħtieġ li l-Programm ikompli jipprovdi l-possibbiltà li jiġu involuti esperti esterni skont it-tifsira tal-Artikolu 238 tar-Regolament Finanzjarju. Dawk l-esperti esterni jenħtieġ li jkunu prinċipalment rappreżentanti tal-awtoritajiet governattivi, anke minn pajjiżi terzi mhux assoċjati, kif ukoll rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, tal-operaturi ekonomiċi, tal-kontribwenti u tas-soċjetà ċivili.

    (10)B’konformità mal-impenn tal-Kummissjoni biex tiżgura l-koerenza u s-simplifikazzjoni tal-programmi ta’ finanzjament, stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Ottubru 2010 intitolata “Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE” 21 , jenħtieġ li r-riżorsi jinqasmu ma’ strumenti oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni jekk l-azzjonijiet previsti taħt il-Programm ikollhom għanijiet li huma komuni għal diversi strumenti ta’ finanzjament, bl-esklużjoni tal-finanzjament doppju. Jenħtieġ li l-azzjonijiet taħt il-Programm jiżguraw il-koerenza fl-użu tar-riżorsi tal-Unjoni li jappoġġaw il-politika tat-tassazzjoni u l-awtoritajiet tat-taxxa.

    (11)L-azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċità fit-Teknoloġija tal-Informazzjoni (IT) huma stabbiliti biex jattiraw il-biċċa l-kbira tal-baġit taħt il-Programm. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet speċifiċi jiddeskrivu l-komponenti komuni u nazzjonali tas-sistemi elettroniċi Ewropej, rispettivament. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu definiti b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri.

    (12)Attwalment, ma jeżisti l-ebda rekwiżit biex jitfassal Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni (“MASP-T”) għall-ħolqien ta’ ambjent elettroniku koerenti u interoperabbli għat-tassazzjoni fl-Unjoni. Sabiex ikunu żgurati l-koerenza u l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċità fl-IT, jenħtieġ li l-Programm jipprevedi l-ħolqien ta’ dan il-MASP-T.

    (13)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi implimentat bi programmi ta’ ħidma. Fid-dawl tan-natura fuq terminu medju sa twil tal-għanijiet segwiti u abbażi tal-esperjenza miksuba matul iż-żmien, jenħtieġ li l-programmi ta’ ħidma jkunu kapaċi jkopru diversi snin. Il-bidla mill-programmi ta’ ħidma annwali għal dawk pluriennali se tnaqqas il-piż amministrattiv kemm fuq il-Kummissjoni kif ukoll fuq l-Istati Membri.

    (14)Sabiex ikunu żgurati l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 .

    (15)Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-ftehim Interistituzzjonali għal Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 23 , jeħtieġ li dan il-programm jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta’ rekwiżiti ta’ monitoraġġ speċifiċi, filwaqt li jiġu evitati r-regolamentazzjoni żejda u l-piżijiet amministrattivi, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri. Fejn xieraq, dawn ir-rekwiżiti jistgħu jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu, bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Istrument fuq il-post.

    (16)Sabiex ikun hemm tweġiba xierqa għall-bidliet fil-prijoritajiet tal-politika tat-tassazzjoni, jenħtieġ li s-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-lista ta’ indikaturi li jkejlu l-kisba tal-għanijiet speċifiċi tal-Programm. Hu tassew importanti li matul il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, anke fil-livell espert, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

    (17)Skont ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 , u r-Regolamenti tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2988/95 25 , (Euratom, KE) Nru 2185/96 26 u (UE) 2017/1939 27 , jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż il-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet u ta’ frodi, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett u fejn xieraq, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi. B’mod partikolari, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jista’ jinvestiga u jressaq każijiet ta’ frodi u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 . Skont ir-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-UPPE u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

    (18)Għal dan ir-Regolament japplikaw ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dawn ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, akkwist pubbliku, premjijiet u implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu kontrolli tar-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jikkonċernaw ukoll il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, peress li r-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni essenzjali għall-ġestjoni finanzjarja tajba u l-finanzjament effettiv mill-UE.

    (19)Jenħtieġ li t-tipi ta’ finanzjament u l-metodi ta’ implimentazzjoni taħt dan ir-Regolament jintgħażlu abbażi tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-għanijiet speċifiċi tal-azzjonijiet u li jilħqu r-riżultati, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari, il-kostijiet tal-kontrolli, il-piż amministrattiv u r-riskju mistenni ta’ nuqqas ta’ konformità. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jitqies l-użu ta’ somom sħaħ, rati fissi u kostijiet unitarji, kif ukoll il-finanzjament mhux marbut mal-kostijiet imsemmi fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju.

    (20)Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwali, iżda minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

    (21)Dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament (UE) 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li għalhekk jenħtieġ li jitħassar,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm “Fiscalis” għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (“Programm”).

    2.Jistabbilixxi l-għanijiet tal-Programm, il-baġit għall-perjodu 2021 – 2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ dan it-tip ta’ finanzjament.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)“tassazzjoni” tfisser kwistjonijiet, inkluż it-tfassil, l-amministrazzjoni, l-infurzar u l-konformità, relatati mat-taxxi u d-dazji li ġejjin:

    (a)it-taxxa fuq il-valur miżjud prevista fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 29 ;

    (b)it-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE 30 ;

    (c)id-dazji tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE 31 ;

    (d)it-taxxi fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE 32 ;

    (e)taxxi u dazji oħra msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE 33 sa fejn ikunu rilevanti għas-suq uniku u għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri;

    (2)“awtoritajiet tat-taxxa” tfisser l-awtoritajiet pubbliċi u korpi oħra li huma responsabbli mit-tassazzjoni jew minn attivitajiet relatati mat-taxxa;

    (3)“sistemi elettroniċi Ewropej” tfisser sistemi elettroniċi meħtieġa għat-tassazzjoni u biex jitwettqu l-missjonijiet tal-awtoritajiet tat-taxxa;

    (4)“pajjiż terz” tfisser pajjiż li mhuwiex membru tal-Unjoni.

    Artikolu 3

    Għanijiet tal-programm

    1.Il-Programm għandu l-għan ġenerali li jappoġġa l-awtoritajiet tat-taxxa u t-tassazzjoni biex isaħħaħ il-funzjonament tas-suq uniku, irawwem il-kompetittività tal-Unjoni u jipproteġi l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

    2.Il-Programm għandu l-għan speċifiku li jappoġġa l-politika tat-tassazzjoni, il-kooperazzjoni dwar it-taxxa u l-bini tal-kapaċità amministrattiva, inkluża l-kompetenza umana, u l-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej.

    Artikolu 4

    Baġit

    1.Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu 2021 – 2027 għandu jkun ta’ EUR 270 000 000 fi prezzijiet kurrenti.

    2.L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jkopri wkoll spejjeż ta’ preparazzjoni, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditu, ta’ evalwazzjoni u ta’ attivitajiet oħra għall-ġestjoni tal-Programm u għall-evalwazzjoni tal-kisba tal-għanijiet tiegħu. Barra minn hekk jista’ jkopri l-ispejjeż relatati mal-istudji, mal-laqgħat ta’ esperti, ma’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni, sa fejn ikunu relatati mal-għanijiet tal-Programm, kif ukoll spejjeż marbuta ma’ netwerks tat-teknoloġija tal-informazzjoni li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju ta’ informazzjoni, inklużi l-għodod korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva u assistenza teknika u amministrattiva oħra meħtieġa b’rabta mal-ġestjoni tal-Programm.

    Artikolu 5

    Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

    Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-pajjiżi terzi li ġejjin:

    (a)il-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, jew fi ftehimiet simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

    (b)il-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, jew fi ftehimiet simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi sakemm dawk il-pajjiżi jkunu laħqu livell suffiċjenti ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-metodi amministrattivi rilevanti għal dawk tal-Unjoni;

    (c)pajjiżi terzi oħra, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, sakemm dak il-ftehim:

    jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji tal-pajjiż terz li jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;

    jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi, inluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali u l-kostijiet amministrattivi tagħhom. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat skont l-Artikolu [21(5)] tar-Regolament [2018/XXX] [ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid];

    ma jagħtix lill-pajjiż terz, is-setgħa li jieħu deċiżjonijiet dwar il-Programm;

    jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni biex jiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.

    Artikolu 6

    Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament mill-UE

    1.Il-Programm għandu jiġi implimentat b’ġestjoni diretta skont ir-Regolament Finanzjarju.

    2.Il-Programm jista’ jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, b’mod partikolari l-għotjiet, il-premjijiet, l-akkwist pubbliku u r-rimborż ta’ spejjeż ta’ vjaġġar u sussistenza mġarrba mill-esperti esterni.

    KAPITOLU II

    ELIĠIBBILTÀ

    Artikolu 7

    Azzjonijiet eliġibbli

    1.L-azzjonijiet li jimplimentaw l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3 biss għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament.

    2.L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dan li ġej:

    (a)laqgħat u avvenimenti simili ad hoc;

    (b)kollaborazzjoni strutturata bbażata fuq il-proġetti;

    (c)azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċità fl-IT, b’mod partikolari l-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej;

    (d)azzjonijiet ta’ bini tal-kompetenza u tal-kapaċità umana;

    (e)appoġġ u azzjonijiet oħra, inklużi:

    (1)studji;

    (2)attivitajiet ta’ innovazzjoni, b’mod partikolari l-inizjattivi dwar il-provi tal-kunċett, il-proġetti pilota u l-prototipi;

    (3)azzjonijiet ta’ komunikazzjoni żviluppati b’mod konġunt;

    (4)kwalunkwe azzjoni prevista fil-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 13, li tkun meħtieġa biex jinkisbu jew bħala appoġġ tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

    Il-forom possibbli ta’ azzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (d) huma ppreżentati f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness 1.

    3.L-azzjonijiet li jikkonsistu fl-iżvilupp u l-operat ta’ adattamenti jew ta’ estensjonijiet tal-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi Ewropej għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament meta jkunu ta’ interess għall-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti amministrattivi meħtieġa, li jistgħu jipprevedu għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-partijiet terzi kkonċernati minn dawn l-azzjonijiet.

    4.Meta azzjoni ta’ bini tal-kapaċità fl-IT imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 tikkonċerna l-iżvilupp u l-operat ta’ sistema elettronika Ewropea, għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt il-Programm il-kostijiet relatati biss mar-responsabbiltajiet fdati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(2). L-Istati Membri għandhom iġarrbu l-kostijiet relatati mar-responsabbiltajiet fdati lilhom skont l-Artikolu 11(3).

    Artikolu 8

    Esperti esterni

    1.Jekk ikunu ta’ benefiċċju biex jinkisbu l-azzjonijiet li jimplimentaw l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet governattivi, anke dawk minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm skont l-Artikolu 5, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u ta’ organizzazzjonijiet oħra rilevanti, tal-operaturi ekonomiċi u tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-operaturi ekonomiċi u tas-soċjetà ċivili, jistgħu jieħdu sehem bħala esperti esterni għall-azzjonijiet organizzati taħt il-Programm.

    2.Il-kostijiet imġarrba mill-esperti esterni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu eliġibbli għal rimborż taħt il-Programm skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 238 tar-Regolament Finanzjarju.

    3.L-esperti esterni għandhom jintgħażlu mill-Kummissjoni abbażi tal-ħiliet, l-esperjenza u l-għarfien rilevanti tagħhom għall-azzjoni speċifika, u b’tali mod li jiġi evitat kull kunflitt ta’ interess.

    KAPITOLU III

    GĦOTJIET

    Artikolu 9

    Għoti, komplementarjetà u finanzjament ikkombinat

    1.L-għotjiet li jaqgħu taħt il-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti skont it-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.

    2.Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni tista’ tirċievi wkoll kontribuzzjoni taħt il-Programm, sakemm il-kontribuzzjoni ma tkoprix l-istess kostijiet. Ir-regoli ta’ kull programm ta’ kontribuzzjoni tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni rispettiva tiegħu għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż it-total tal-kostijiet eliġibbli tal-azzjoni u l-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkolat fuq bażi prorata skont id-dokumenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-appoġġ.

    3.Skont l-Artikolu 198(f) tar-Regolament Finanzjarju, l-għotjiet għandhom jingħataw mingħajr sejħa għal proposti meta l-entitajiet eliġibbli jkunu awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm kif imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.

    Artikolu 10

    Rata ta’ kofinanzjament

    1.B’deroga mill-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju, il-Programm jista’ jiffinanzja sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli ta’ azzjoni.

    2.Ir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli meta l-azzjonijiet ikunu jeħtieġu l-għoti ta’ għotjiet, għandha tiġi stabbilita fil-programmi ta’ ħidma pluriennali msemmija fl-Artikolu 13.

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-AZZJONIJIET TA’ BINI TAL-KAPAĊITÀ FL-IT

    Artikolu 11

    Responsabbiltajiet

    1.Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mod konġunt l-iżvilupp u l-operat, inkluż it-tfassil, l-ispeċifikazzjoni, l-ittestjar tal-konformità, l-użu, iż-żamma, l-evoluzzjoni, is-sigurtà, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-kontroll tal-kwalità tas-sistemi elettroniċi Ewropej elenkati fil-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni msemmi fl-Artikolu 12.

    2.B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura dan li ġej:

    (a)l-iżvilupp u l-operat tal-komponenti komuni kif stabbiliti taħt il-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni previst fl-Artikolu 12;

    (b)il-koordinazzjoni ġenerali tal-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej bil-ħsieb tal-operabbiltà, l-interkonnettività u t-titjib kontinwu u l-implimentazzjoni sinkronizzata tagħhom;

    (c)il-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej bil-ħsieb li jiġu promossi u implimentati fil-livell nazzjonali;

    (d)il-koordinazzjoni tal-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej rigward l-interazzjonijiet tagħhom ma’ partijiet terzi, bl-esklużjoni ta’ azzjonijiet imfassla biex jissodisfaw rekwiżiti nazzjonali;

    (e)il-koordinazzjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej ma’ azzjonijiet oħra rilevanti relatati mal-gvern elettroniku fil-livell tal-Unjoni.

    3.B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:

    (a)l-iżvilupp u l-operat tal-komponenti nazzjonali kif stabbiliti taħt il-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni previst fl-Artikolu 12;

    (b)il-koordinazzjoni tal-iżvilupp u l-operat tal-komponenti nazzjonali tas-sistemi elettroniċi Ewropej fil-livell nazzjonali;

    (c)il-koordinazzjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej ma’ azzjonijiet oħra rilevanti relatati mal-gvern elettroniku fil-livell nazzjonali;

    (d)il-provvista regolari ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex l-awtoritajiet jew l-operaturi ekonomiċi rispettivi tagħhom ikunu jistgħu jużaw bis-sħiħ is-sistemi elettroniċi Ewropej;

    (e)l-implimentazzjoni ta’ sistemi elettroniċi Ewropej fil-livell nazzjonali.

    Artikolu 12

    Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni (MASP-T)

    1.Il-Kummissjoni għandha tfassal u taġġorna Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni li jelenka l-kompiti kollha rilevanti għall-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej u tikklassifika kull sistema jew parti minnha, bħala:

    (a)komponent komuni: komponent tas-sistemi elettroniċi Ewropej żviluppat fil-livell tal-Unjoni, li huwa disponibbli għall-Istati Membri kollha jew identifikat bħala komuni mill-Kummissjoni għal raġunijiet ta’ effiċjenza, sigurtà u razzjonalizzazzjoni;

    (b)komponent nazzjonali: komponent tas-sistemi elettroniċi Ewropej żviluppat fil-livell nazzjonali, li huwa disponibbli fl-Istat Membru li ħoloq dan il-komponent jew li kkontribwixxa għall-ħolqien konġunt tiegħu;

    (c)jew taħlita tat-tnejn.

    2.Il-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni għandu jinkludi wkoll azzjonijiet pilota u innovattivi kif ukoll appoġġ għall-metodoloġiji u l-għodod relatati mas-sistemi elettroniċi Ewropej.

    3.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull darba li jlestu kompitu allokat lilhom taħt il-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni msemmi fil-paragrafu 1. Dawn għandhom ukoll jirrappurtaw regolarment lill-Kummissjoni dwar il-progress tal-kompiti tagħhom.

    4.Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni b’rapporti ta’ progress annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 li jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel. Dawk ir-rapport annwali għandhom ikunu bbażati fuq format stabbilit minn qabel.

    5.Abbażi tar-rapporti annwali msemmija fil-paragrafu 4 u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport konsolidat li jivvaluta l-progress magħmul mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-pjan imsemmi fil-paragrafu 1 u tippubblika dak ir-rapport.

    KAPITOLU V

    PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U KONTROLL

    Artikolu 13

    Programm ta’ ħidma

    1.Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi ta’ ħidma pluriennali msemmija fl-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju.

    2.Il-programmi ta’ ħidma pluriennali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2).

    Artikolu 14

    Monitoraġġ u rapportar

    1.L-indikaturi għar-rapportar dwar il-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-għanijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3, huma stabbiliti fl-Anness 2.

    2.Biex tiġi żgurata l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17 ħalli temenda l-Anness 2, biex fejn jitqies meħtieġ jiġu riveduti jew ikkumplementati l-indikaturi u biex dan ir-Regolament jiġi ssupplimentat b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

    3.Is-sistema ta’ rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tar-riżultati tal-programm tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv, u f’waqtu. Għal dan il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonat fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni.

    Artikolu 15

    Evalwazzjoni

    1.L-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu f’waqthom sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

    2.L-evalwazzjoni interim tal-Programm għandha titwettaq ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-programm.

    3.Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara t-tmiem tal-perjodu speċifikat fl-Artikolu 1, għandha titwettaq evalwazzjoni finali tal-Programm mill-Kummissjoni.

    4.Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

    Artikolu 16

    Awditi u investigazzjonijiet

    Meta pajjiż terz jipparteċipa fil-programm b’deċiżjoni taħt il-ftehim internazzjonali jew bis-saħħa ta’ kwalunkwe strument legali ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jsiru investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).

    KAPITOLU VI

    EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA U PROĊEDURA TA’ KUMITAT

    Artikolu 17

    Eżerċizzju tad-delega

    1.Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

    2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 14(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2028.

    3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 14(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Jibda jkollha effett fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li diġà jkun fis-seħħ.

    4.Qabel ma tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

    5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 14(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għalih fi żmien xahrejn minn meta jkunu ġew mgħarrfin bih jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 18

    Proċedura ta’ kumitat

    1.Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat imsejjaħ il-“Kumitat tal-Programm Fiscalis”. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    KAPITOLU VII

    DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

    Artikolu 19

    Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

    1.Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni (b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom) billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi inkluż lill-midja u lill-pubbliku.

    2.Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati mal-Programm, u l-azzjonijiet u r-riżultati tagħha. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.

    Artikolu 20

    Tħassir

    Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 huwa mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

    Artikolu 21

    Dispożizzjonijiet tranżitorji

    1.Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-azzjonijiet ikkonċernati, sal-għeluq tagħhom, taħt ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013, li għandu jkompli japplika għall-azzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom.

    2.Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati taħt il-predeċessur tiegħu, ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013.

    3.Jekk ikun meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 4(2), sabiex jippermettu l-ġestjoni ta’ azzjonijiet mhux kompletati sal-31 ta’ Diċembru 2027.

    Artikolu 22

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

    1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

    1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva

    1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i) (raggruppament ta’ programmi)

    1.3.Natura tal-proposta/tal-inizjattiva

    1.4.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva

    1.5.Durata u impatt finanzjarju

    1.6.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i)

    2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI

    2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar

    2.2.Sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

    2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet

    3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

    3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata(i)

    3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa 

    3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa

    3.2.2.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

    3.2.3.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi

    3.3.Impatt stmat fuq id-dħul

    1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

    1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Fiscalis għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni

    1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i) (raggruppament ta’ programmi)

    Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali

    1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:

     azzjoni ġdida 

     azzjoni ġdida li ssegwi proġett pilota/azzjoni preparatorja 34  

    X l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti 

     fużjoni jew dirottar ta' azzjoni waħda jew aktar lejn/ma' azzjoni oħra jew azzjoni ġdida 

    1.4.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva

    1.4.1.Rekwiżit(i) li jridu jiġu ssodisfati fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għall-prosegwiment tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva

    Il-programm se jiġi implimentat permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni li jadotta programm ta’ ħidma pluriennali. L-adozzjoni hija ppjanata għall-ewwel trimestru tal-2021 wara li jiġi kkonsultat il-Kumitat Fiscalis. L-eżekuzzjoni tal-programm ta’ ħidma pluriennali se titwettaq permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ għotja mal-benefiċjarji u l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku mal-fornituri tas-servizz li jibdew mhux aktar tard mit-tieni trimestru tal-2021.

    1.4.2.Il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadann mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza tad-dritt, effettività akbar jew il-kumplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, “il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur li kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri weħidhom.

    Raġunijiet għal azzjoni fil-livell Ewropew (ex ante)

    L-Unjoni u l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali għadhom ibatu minn problema ta’ nuqqas ta’ kapaċità u nuqqas ta’ kooperazzjoni – kemm fl-UE kif ukoll ma’ pajjiżi terzi – fit-twettiq effettiv u effiċjenti tal-missjonijiet tagħhom. Dawn iridu jipprovdu rispons mgħaġġel u konġunt għall-problemi emerġenti bħalma huma l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, id-diġitalizzazzjoni u l-mudelli kummerċjali ġodda, u fl-istess ħin jevitaw il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa għaċ-ċittadini u n-negozji fit-tranżazzjonijiet transfruntiera. Dawn ix-xejriet joħolqu kontinwament sfidi ġodda għall-funzjonament u l-prestazzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali. Dawn jappellaw għal modi aħjar u innovattivi biex iwettqu l-kompitu ewlieni tagħhom, jiġifieri l-ġbir tat-taxxi li jsostni direttament il-baġit nazzjonali u indirettament dak tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi programm Fiscalis li jkun fih il-mezzi u baġit li jappoġġaw il-politika tat-tassazzjoni u l-awtoritajiet tat-taxxa permezz ta’ attivitajiet li jibnu l-kapaċità amministrattiva u dik fl-IT u permezz ta’ kooperazzjoni operattiva.

    Valur miżjud iġġenerat tal-Unjoni mistenni (ex post)

    Il-biċċa l-kbira tal-baġit propost se tintefaq fuq attivitajiet li jibnu l-kapaċità fl-IT. Is-sinsla tal-kooperazzjoni dwar it-taxxa hija netwerk iddedikat ta’ komunikazzjoni b’sigurtà għolja li jiżgura li kull amministrazzjoni nazzjonali teħtieġ li tikkonnettja darba biss ma’ din l-infrastruttura komuni biex tkun tista’ tiskambja kwalunkwe tip ta’ informazzjoni. Jekk din l-infrastruttura ma tkunx disponibbli, l-Istati Membri jkollhom jingħaqdu 27 darba mas-sistemi nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri l-oħra.

    1.4.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi

    Din il-proposta tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni finali ta’ Fiscalis 2013, kif ukoll ir-riżultati preliminari tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ Fiscalis 2020 li għaddejja bħalissa. Dawn jindikaw li l-programm qed jipprovdi valur miżjud b’saħħtu għall-UE, qed jibni l-fiduċja u qed irawwem kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-Istati Membri, kif ukoll ma’ pajjiżi parteċipanti oħra (pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali). Il-programm jiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, filwaqt li jippermetti t-titjib fl-effiċjenza (permezz tal-qsim tar-riżorsi) speċjalment fil-qasam tas-sistemi elettroniċi (fejn l-intervent tal-UE qed jirriżulta f’ekonomiji ta’ skala u fi tnaqqis tal-kostijiet ta’ żvilupp) u fil-moduli ta’ taħriġ (fejn l-intervent tal-UE huwa rrappurtat li qed jiffranka l-ħin u l-flus lil xi awtoritajiet). Il-parteċipanti rrappurtaw ukoll interess qawwi u dejjem jikber f’azzjonijiet konġunti (partikolarment żjarat ta’ ħidma, seminars u workshops) bħala għodda effettiva li tikkontribwixxi għall-kooperazzjoni u għat-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa. L-introduzzjoni ta’ Timijiet ta’ Esperti qiegħda titqies bħala mezz b’saħħtu li jixpruna l-kooperazzjoni aktar fil-fond (fuq bażi reġjonali jew tematika) minħabba l-arranġamenti ta’ finanzjament u l-istruttura operattiva speċifika tagħha. Xi parteċipanti indikaw il-possibbiltà li tiżdied id-distribuzzjoni attwali tal-fondi favur din l-attività li tibni l-kapaċità amministrattiva.

    1.4.4.Kompatibbiltà u sinerġija possibbli ma’ strumenti xierqa oħra

    Din il-proposta hija konsistenti ma’ programmi u fondi oħra proposti ta’ azzjoni tal-UE li għandhom għanijiet simili f’oqsma relatati:

    -    Il-Programm Doganali, li jappoġġa l-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana;

    -    Il-Programm tal-UE Kontra l-Frodi li jiġġieled il-frodi biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni skont l-Artikolu 325 tat-TFUE;

    -    Il-Programm tas-Suq Uniku, li jappoġġa l-azzjonijiet tal-UE biex jinkiseb suq uniku li jaħdem aħjar;

    -    Il-Programm ta’ Apoġġ għar-Riformi li jgħin pajjiżi speċifiċi tal-UE biex jibnu istituzzjonijiet aktar effettivi, oqfsa ta’ governanza aktar b’saħħithom u awtoritajiet pubbliċi effiċjenti.

    1.5.Durata u impatt finanzjarju

    X durata limitata

    X    fis-seħħ bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2027

    X    L-impatt finanzjarju mill-2021 sal-2027 għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u mill-2021 sal-2030 għall-approprjazzjonijiet ta’ pagamenti.

     durata illimitata

    Implimentazzjoni b’perjodu ta’ tnedija minn SSSS sa SSSS,

    segwita b’operazzjoni fuq skala sħiħa.

    1.6.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i) 35  

    X Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni

    X mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;

       mill-aġenziji eżekuttivi

     Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri

     Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja:

    lill-pajjiżi terzi jew lill-korpi nnominati minnhom;

    lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);

    lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;

    lill-korpi li jissemmew fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Finanzjarju;

    lill-korpi tal-liġi pubblika;

    lill-korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

    lill-korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika privata u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

    lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.

    Jekk jiġi indikat iżjed minn mod ta’ ġestjoni wieħed, jekk jogħġbok ipprovdi d-dettalji fit-taqsima “Kummenti”.

    Kummenti

    M.A.

    2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI

    2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar

    Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.

    L-impatt tal-programm Fiscalis propost se jiġi vvalutat b’evalwazzjonijiet interim u finali, kif ukoll bil-monitoraġġ fuq bażi kontinwa ta’ sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ta’ livell għoli.

    Ir-riżultati u l-outputs tal-programm se jkunu soġġetti għal valutazzjoni regolari permezz ta’ sistema komprensiva ta’ monitoraġġ, ibbażata fuq indikaturi definiti biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għall-għoti tal-valur għall-flus. Id-data għall-kejl tal-prestazzjoni se tinkiseb minn għodod differenti tal-ġbir tad-data, inklużi formoli ta’ segwitu tal-azzjonijiet, formoli għall-valutazzjoni ta’ avvenimenti u stħarriġ regolari tal-uffiċjali tat-taxxa.

    Peress li l-programm għandu rwol ta’ appoġġ, li jgħin lill-awtoritajiet tal-pajjiżi parteċipanti jaqsmu l-informazzjoni bejniethom u li jixpruna l-kapaċità tagħhom, is-sistema ta’ monitoraġġ tiffoka fuq is-segwitu tal-progress tal-attivitajiet tal-programm f’termini tal-indikaturi fil-livelli tal-outputs. Kull meta jkun possibbli, hija ssegwi wkoll indikaturi f’oqsma marbuta mal-għanijiet ta’ livell għoli tal-programm.

    Il-Kummissjoni, fuq bażi annwali, se toħroġ rapport dwar il-progress tal-programm li jkun fih sommarju tal-prestazzjoni lejn l-għanijiet tal-programm u l-indikaturi tal-output u tar-riżultati relatati.

    2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

    2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposti

    Il-programm se jiġi implimentat b’ġestjoni diretta minħabba n-natura tal-attivitajiet tal-programm, l-enfasi tiegħu fuq l-awtoritajiet tat-taxxa bħala benefiċjarji u s-sovranità nazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tat-tassazzjoni. Dan il-mod ta’ ġestjoni jipprevedi l-aktar allokazzjoni effiċjenti ta’ riżorsi finanzjarji u l-akbar impatt possibbli. Fil-fatt huwa joffri kemm flessibbiltà kif ukoll setgħa ta’ tmexxija lill-Kummissjoni biex, permezz tad-deċiżjoni tagħha dwar il-finanzjament, talloka annwalment il-fondi xierqa skont il-prijoritajiet miftiehma mal-Istati Membri permezz tal-komitoloġija, inklużi l-ħtiġijiet emerġenti.

    Il-programm se jiġi implimentat l-aktar permezz tal-akkwist pubbliku u, fuq skala inqas, permezz ta’ ftehimiet ta’ għotja stabbiliti mal-awtoritajiet nazzjonali.

    Għall-akkwist pubbliku, il-modalitajiet ta’ pagament huma allinjati bis-sħiħ mal-istandards korporattivi (l-ebda prefinanzjament; il-pagamenti kollha huma marbutin mal-aċċettazzjoni ta’ riżultati predefiniti).

    Għall-għotjiet huwa previst prefinanzjament sa 90 %. Il-pagamenti/l-irkupri finali għall-għotjiet isiru abbażi ta’ rapporti finanzjarji flimkien ma’ awditi ex post fuq il-post.

    Is-sistema ta’ kontroll għall-akkwist pubbliku hija bbażata fuq verifika ex ante bir-reqqa ta’ 100 % tat-tranżazzjonijiet kollha, u b’hekk teskludi xi żball fil-ħin tal-pagament.

    Għall-għotjiet, l-istrateġija ta’ kontroll għandha approċċ doppju:

    (1) ir-rapporti finanzjarji tal-awtoritajiet nazzjonali jingħalqu wara analiżi ta’ malajr mhux fuq il-post segwita mill-ordni finali ta’ pagament/ta’ rkupru (u b’hekk jitnaqqas id-dewmien fil-pagamenti). Dawn l-ordnijiet ta’ pagament/ta’ rkupru jibqgħu jiġu verifikati bil-kontrolli ex ante tas-soltu inkorporati fiċ-ċirkwiti finanzjarji (verifika ex ante ta’ 100 % tat-tranżazzjonijiet).

    (2) il-kontrolli ta’ hawn fuq jiġu sostnuti b’awditu ex post fuq il-post fl-Istati Membri. Id-DĠ TAXUD jimmira li jwettaq missjonijiet ta’ awditi fuq il-post fi tlieta sa ħames Stati Membri kull sena bil-ħsieb li jkopri l-maġġoranza tal-pajjiżi parteċipanti qabel tmiem il-perjodu tal-programm.

    2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom

    Ir-riskji assoċjati mat-tranżazzjonijiet finanzjarji li jimplimentaw il-programm huma limitati.

    (1) Għall-akkwist pubbliku, il-biċċa l-kbira tat-tranżazzjonijiet (marbutin l-aktar mal-l-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi) jiġu implimentati bl-użu ta’ kuntratti qafas eżistenti u/jew permezz ta’ kodelegazzjoni lil servizzi oħra tal-Kummissjoni.

    Is-sistema ġenerali ta’ kontroll intern fis-seħħ fid-DĠ TAXUD (ibbażata fuq verifika ex ante bir-reqqa ta’100 % tat-tranżazzjonijiet relatati), ippermettiet li r-rati ta’ żball fil-programm preċedenti jinżammu ferm inqas mil-livell limitu ta’ materjalità (jiġifieri fil-livell stmat ta’ 0.5 %). Din is-sistema ta’ kontroll se tkompli tintuża u tiġi applikata għat-tranżazzjonijiet kollha taħt il-programm il-ġdid biex ikunu żgurati rati ta’ żball ferm inqas mil-livell limitu ta’ materjalità.

    (2) Għall-għotjiet, it-tranżazzjonijiet għandhom ugwalment livell baxx ta’ riskju, partikolarment minħabba li:

       il-benefiċjarji huma awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi kandidati jew kandidati potenzjali – f’dan il-każ ma jsirux sejħiet għal proposti;

       l-ispiża hija marbuta l-aktar ma’ bosta azzjonijiet b’ammonti relattivament żgħar involuti għal kull azzjoni (prinċipalment rimborżi tal-infiq tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza);

       l-użu obbligatorju ta’ ART2 (is-sistema elettronika għall-monitoraġġ tal-infiq) għar-reġistrazzjoni tal-azzjonijiet u għall-kompilazzjoni ta’ rapporti finanzjarji - din is-sistema tinkorpora ċerti kontrolli;

       il-proġetti u l-azzjonijiet kollha taħt il-programm huma approvati ex ante mid-DĠ TAXUD, il-kontrolli relatati mal-fażijiet tal-għażla u tal-għoti tal-kuntratti jiżguraw il-legalità u r-regolarità tal-impenji tal-għotjiet;

       l-analiżi tal-aktar żbalji komuni identifikati matul il-verifiki ex post jew l-awditi ex post fuq il-post tal-passat, tikkonferma li t-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati għandhom riskju baxx.

    Taħt il-programm preċedenti, ir-rata ta’ żball għall-parti implimentata permezz ta’ għotjiet ukoll kienet konsistentement taħt il-livell limitu ta’ materjalità (jiġifieri madwar 1 %). Din is-sistema ta’ kontroll se tkompli tiġi applikata biex hekk tiżgura rati ta’ żball ferm inqas mil-livell limitu ta’ materjalità.

    2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontrolli ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”), u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ żball (mal-pagament u fl-għeluq)

    Il-kost totali annwali tal-kontrolli taħt il-programm preċedenti kien konsistentement madwar 1.5 % (il-kost tal-kontrolli kollha (akkwist pubbliku u għotjiet) diviż bil-pagamenti li saru matul is-sena) u jitqies kosteffettiv.

    Ir-riskju ta’ żball, kif ġie indikat hawn fuq, huwa limitat meta titqies in-natura tat-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati u l-metodu ta’ implimentazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, is-sistema ta’ kontroll intern globali, ibbażata fuq verifiki ex ante bir-reqqa, timmira li telimina l-iżbalji potenzjali kollha qabel il-pagament/l-għeluq.

    Il-kontrolli ex post fuq il-post għall-għotjiet jissoktaw inaqqsu r-riskju potenzjali ta’ żball mal-pagament/fl-għeluq minħabba l-effett qawwi ta’deterrent li għandhom.

    L-istrateġija ta’ kontroll applikata taħt il-programm preċedenti nstabet li hi effettiva u effiċjenti u l-kost tal-kontroll deher li huwa limitat.

    Meta jitqies li se jintużaw l-istess sistemi ta’ kontroll għall-programm il-ġdid, il-kost antiċipat tal-kontrolli u l-livell mistenni ta’ riskju ta’ żball mal-pagament/fl-għeluq taħt il-programm il-ġdid se jkunu simili.

    2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet

    Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.

    L-istrateġija kontra l-frodi (AFS) tad-DĠ TAXUD tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ kultura b’saħħitha kontra l-frodi fid-DĠ permezz ta’attivitajiet li joħolqu sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji potenzjali tal-frodi u dwar l-imġiba etika fost il-persunal tad-DĠ TAXUD. Barra minn hekk, l-istrateġija tindirizza kooperazzjoni attiva mal-OLAF u l-integrazzjoni ta’aspetti tal-frodi fiċ-ċiklu tal-ipproggrammar u l-ippjanar strateġiku (SPP) tad-DĠ.

    Meta jitqies li l-programm se jiġi implimentat (l-aktar) permezz tal-akkwist pubbliku, l-għan 3 tal-AFS tad-DĠ TAXUD (jiġifieri, “Il-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interess fir-relazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati esterni bħalma huma lobbyists, offerenti u kuntratturi”) b’enfasi fuq 1) iż-żamma ta’ reġistru tal-kuntatti mal-lobbyists, 2) il-ġestjoni ċentralizzata tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku u tal-kuntatti mal-offerenti, 3) it-taħriġ dedikat dwar il-kuntatti mal-lobbyists, se jkun partikolarment applikabbli għall-implimentazzjoni tal-programm. Il-konsultazzjoni obbligatorja mas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni qabel ma jingħataw il-kuntratti (u kwalunkwe tranżazzjoni finanzjarja) se tinkludi wkoll kwalunkwe frodi jew irregolarità potenzjali.

    3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

    3.1.Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linji baġitarji ġodda tan-nefqa proposti

    Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

    Linja baġitarja

    Tip ta’
    nefqa

    Kontribuzzjoni

    Numru

    Diff./mhux diff 36 .

    mingħand il-pajjiżi tal-EFTA 37

    mingħand il-pajjiżi kandidati 38

    mingħand pajjiżi terzi

    skont it-tifsira tal-Artikolu [21(2)(b)] tar-Regolament Finanzjarju

    1

    03.01 Suq Uniku – Linja amministrattiva

    03.04 Suq Uniku – Kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (FISCALIS)

    Diff.

    LE

    IVA

    IVA

    LE

    3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa

    3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa

    EUR miljun (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

    Intestatura tal-qafas finanzjarju
    pluriennali

    1

    “Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali”

    2021

    2022

    2023

    2024

    2025

    2026

    2027

    Wara l-2027

    TOTAL

    Approprjazzjonijiet operazzjonali (maqsuma skont il-linji baġitarji elenkati taħt 3.1)

    Impenji

    (1)

    33.202

    34.036

    35.326

    37.122

    39.494

    42.540

    46.180

    267.900

    Pagamenti

    (2)

    7.957

    24.607

    31.141

    33.479

    35.699

    38.342

    41.504

    55.171

    267.900

    Approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett tal-programm 39

    Impenji = Pagamenti

    (3)

    0.300

    0.300

    0.300

    0.300

    0.300

    0.300

    0.300

    2.100

    TOTAL tal-approprjazzjonijiet għall-pakkett tal-programm

    Impenji

    =1+3

    33.502

    34.336

    35.626

    37.422

    39.794

    42.840

    46.480

    270.000

    Pagamenti

    =2+3

    8.257

    24.907

    31.441

    33.779

    35.999

    38.642

    41.804

    55.171

    270.000





    Intestatura tal-qafas finanzjarju
    pluriennali

    7

    “Nefqa amministrattiva”

    EUR miljun (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

    2021

    2022

    2023

    2024

    2025

    2026

    2027

    Wara l-2027

    TOTAL

    Riżorsi umani

    6.556

    6.556

    6.556

    6.556

    6.556

    6.556

    6.556

    45.892

    Nefqa amministrattiva oħra

    0.303

    0.303

    0.303

    0.303

    0.303

    0.303

    0.303

    2.121

    TOTAL tal-approprjazzjonijiet taħt l-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali

    (Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)

    6.859

    6.859

    6.859

    6.859

    6.859

    6.859

    6.859

    48.013

    EUR miljun (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

    2021

    2022

    2023

    2024

    2025

    2026

    2027

    Wara l-2027

    TOTAL

    TOTAL tal-approprjazzjonijiet
    fl-INTESTATURI kollha
    tal-qafas finanzjarju pluriennali
     

    Impenji

    40.361

    41.195

    42.485

    44.281

    46.653

    49.699

    53.339

    318.013

    Pagamenti

    15.116

    31.766

    38.300

    40.638

    42.858

    45.501

    48.663

    55.171

    318.013

    3.2.2.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

       Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

    X    Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:

    EUR miljun (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

    Snin

    2021

    2022

    2023

    2024

    2025

    2026

    2027

    TOTAL

    INTESTATURA 7
    tal-qafas finanzjarju pluriennali

    Riżorsi umani

    6.556

    6.556

    6.556

    6.556

    6.556

    6.556

    6.556

    45.892

    Nefqa amministrattiva oħra

    0.303

    0.303

    0.303

    0.303

    0.303

    0.303

    0.303

    2.121

    Subtotal tal-INTESTATURA 7
    tal-qafas finanzjarju pluriennali

    6.859

    6.859

    6.859

    6.859

    6.859

    6.859

    6.859

    48.013

    Barra mill-INTESTATURA 7 40
    tal-qafas finanzjarju pluriennali

    Riżorsi umani

    Nefqa oħra
    ta’ natura amministrattiva

    0.300

    0.300

    0.300

    0.300

    0.300

    0.300

    0.300

    2.100

    Subtotal
    barra mill-INTESTATURA 7
    tal-qafas finanzjarju pluriennali

    0.300

    0.300

    0.300

    0.300

    0.300

    0.300

    0.300

    2.100

    TOTAL

    7.159

    7.159

    7.159

    7.159

    7.159

    7.159

    7.159

    50.113

    L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tad-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkunu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni taħt il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.



    3.2.2.1.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani

       Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.

    X    Il-proposta/inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:

    L-istima trid tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għal full-time

    Snin

    2021

    2022

    2023

    2024

    2025

    2026

    2027

    • Pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u aġenti temporanji)

    Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji ta’ Rappreżentanza tal-Kummissjoni

    42

    42

    42

    42

    42

    42

    42

    Delegazzjonijiet

    Riċerka

    Persunal estern (f’unità Ekwivalenti għall-Full-Time: FTE) - AC, AL, END, INT u JED 41

    Intestatura 7

    Iffinazjati mill-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali 

    - fil-Kwartieri Ġenerali

    7

    7

    7

    7

    7

    7

    7

    - fid-Delegazzjonijiet

    Iffinanzjati mill-pakkett tal-programm 42

    - fil-Kwartieri Ġenerali

    - fid-Delegazzjonijiet

    Riċerka

    Oħrajn (speċifika)

    TOTAL

    49

    49

    49

    49

    49

    49

    49

    Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma' kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista' tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni taħt il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limiti baġitarji.

    Deskrizzjoni tal-kompliti li jridu jitwettqu:

    Uffiċjali u aġenti temporanji

    Iċ-ċifri jinkludu kemm il-persunal li jaħdem fuq il-ġestjoni u l-implimentazzjoni diretta tal-programm kif ukoll il-persunal li jaħdem fuq oqsma ta’ politika appoġġati/iffinanzjati mill-programm.

    Persunal estern

    Iċ-ċifri jinkludu kemm il-persunal li jaħdem fuq il-ġestjoni u l-implimentazzjoni diretta tal-programm kif ukoll il-persunal li jaħdem fuq oqsma ta’ politika appoġġati/iffinanzjati mill-programm.

    3.2.3.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi

    Il-proposta/l-inizjattiva:

    X    ma tipprevedix il-kofinanzjament minn partijiet terzi

       tipprevedi l-kofinanzjament minn partijiet terzi u li qed jiġi stmat hawn taħt:

    Approprjazzjonijiet f’EUR miljun (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

    Snin

    2021

    2022

    2023

    2024

    2025

    2026

    2027

    TOTAL

    Speċifika l-korp ta’ kofinanzjament 

    TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati

    3.3.Impatt stmat fuq id-dħul

       Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.

    X    Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:

    X    fuq ir-riżorsi proprji

       fuq dħul ieħor

    jekk jogħġbok indika, jekk id-dħul huwa assenjat għal-linji tan-nefqa    

    EUR miljun (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

    Linja baġitarja tad-dħul:

    Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva 43

    2021

    2022

    2023

    2024

    2025

    2026

    2027

    Artikolu ………….

    Għal dħul assenjat, speċifika l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i.

    m.a.

    Rimarki oħra (eż. metodu/formula użati għall-kalkolu tal-impatt fuq id-dħul jew kwalunkwe informazzjoni oħra).

    L-impatt tal-programm jista’ jaffettwa indirettament id-dħul tal-UE billi l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali aħjar u aktar effiċjenti huma mistennija li jwasslu biex, fost l-oħrajn, tinġabar aktar VAT. Madanakollu dan l-effett mhuwiex kwantifikabbli.

    (1)    COM(2018) 322 final
    (2)    COM(2018) 321 final
    (3)    L-eżempji ta’ interventi regolatorji jinkludu:    
    - Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni, ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1;
       
    - Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1;
       
    - Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 tat-2 ta’ Mejju 2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa, ĠU L 121, 8.5.2012, p. 1;
       
    - Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra, ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1.
    (4)    COM(2018) 442
    (5)    COM(2018) 386
    (6)    COM(2018) 441
    (7)    COM(2018) 391
    (8)    COM(2018) 434
    (9)     https://ec.europa.eu/cefdigital/wiki/display/CEFDIGITAL/CEF+Digital+Home  
    (10)    COM(2017) 134
    (11)     https://ec.europa.eu/growth/industry/policy/ict-standardisation_mt  
    (12)     https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/banking-and-finance/fintech_mt  
    (13)    https://ec.europa.eu/info/designing-next-research-and-innovation-framework-programme/what-shapes-next-framework-programme_mt
    (14)     https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/european-commission-launches-eu-blockchain-observatory-and-forum  
    (15)    COM(2018) 322 final
    (16)    Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016; ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1-14
    (17)    ĠU C , , p. .
    (18)    Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni biex jittejjeb it-tħaddim tas-sistemi ta' tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perijodu 2014-2020 (Fiscalis 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 25).
    (19)    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1
    (20)    COM(2016) 605 FINAL
    (21)    COM(2010) 700 final
    (22)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
    (23)    Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016; ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1-14.
    (24)    Ir-Regolament (UE, Euratom ) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999, (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
    (25)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.95, p. 1).
    (26)    Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.96, p. 2).
    (27)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
    (28)    Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
    (29)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
    (30)    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, p. 21).
    (31)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (ĠU L 176, 5.7.2011, p. 24).
    (32)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).
    (33)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1).
    (34)    Kif imsemmi fl-Artikolu 58(2)(a) jew (b) tar-Regolament Finanzjarju.
    (35)    Dettalji tal-modi ta’ ġestjoni u r-referenzi għar-Regolament Finanzjarju jistgħu jinsabu fuq is-sit BudgWeb: https://myintracomm.ec.europa.eu/budgweb/MT/man/budgmanag/Pages/budgmanag.aspx  
    (36)    Diff. = Approprjazzjonijiet differenzjati / Mhux diff. = Approprjazzjonijiet mhux differenzjati.
    (37)    L-EFTA: Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.
    (38)    Pajjiżi kandidati u, meta applikabbli, pajjiżi kandidati potenzjali mill-Balkani tal-Punent.
    (39)    Assistenza teknika u/jew amministrattiva u nefqa li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ programmi u/jew ta’ azzjonijiet tal-UE (li qabel kienu l-linji “BA”), riċerka indiretta u riċerka diretta.
    (40)    Assistenza teknika u/jew amministrattiva u nefqa li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ programmi u/jew ta’ azzjonijiet tal-UE (li qabel kienu l-linji “BA”), riċerka indiretta u riċerka diretta.
    (41)    AC = Aġenti Kuntrattwali; AL = Persunal Lokali; END = Espert Nazzjonali Sekondat; INT= Persunal tal-aġenzija; JPD = Esperti Subordinati fid-Delegazzjonijiet.
    (42)    Sottolimitu għall-persunal estern kopert minn approprjazzjonijiet operazzjonali (li qabel kienu l-linji "BA").
    (43)    Fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali (id-dazji doganali, l-imposti fuq iz-zokkor), l-ammonti indikati jridu jkunu ammonti netti, jiġifieri ammonti grossi wara t-tnaqqis tal-kostijiet tal-ġbir.
    Top

    Brussell,8.6.2018

    COM(2018) 443 final

    ANNESSI

    tal-Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi l-programm "Fiscalis" għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni

    {SWD(2018) 323 final}
    {SWD(2018) 324 final}


    ANNESS 1

    Lista mhux eżawrjenti ta’ forom possibbli ta’ azzjoni
    msemmija fil-punti (a), (b) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2)

    L-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) jistgħu jieħdu l-forom li ġejjin:

    (a)    Fir-rigward ta’ laqgħat u avvenimenti simili ad hoc:

    Seminars u sessjonijiet ta’ ħidma li ġeneralment jattendu għalihom l-pajjiżi kollha u li fihom isiru preżentazzjonijiet u l-parteċipanti jieħdu sehem f’diskussjonijiet intensivi u f’attivitajiet dwar suġġett partikolari;

    Żjarat ta’ ħidma, organizzati biex l-uffiċjali jiksbu jew iżidu l-kompetenza jew l-għarfien tagħhom dwar il-politika tat-tassazzjoni;

    Preżenza fl-uffiċċji amministrattivi u parteċipazzjoni fl-inkjesti amministrattivi;

    (b)    Fir-rigward ta’ kollaborazzjoni strutturata:

    Grupp ta’ proġett, magħmul ġeneralment minn għadd limitat ta’ pajjiżi, li jkun operattiv għal perjodu ta’ żmien limitat biex jintlaħaq għan predefinit b’riżultat definit b’mod preċiż li jinkludi l-koordinazzjoni jew il-valutazzjoni komparattiva;

    Task force, jiġifieri forom strutturati ta’ kooperazzjoni, ta’ natura permanenti jew mhux permanenti, li tiġbor flimkien il-kompetenzi biex jitwettqu kompiti f’oqsma speċifiċi jew attivitajiet operazzjonali, possibbilment bl-appoġġ ta’ servizzi ta’ kollaborazzjoni onlajn, ta’ assistenza amministrattiva u ta’ faċilitajiet ta’ infrastruttura u tagħmir;

    Kontroll multilaterali jew simultanju li jikkonsisti fil-verifika kkoordinata tas-sitwazzjoni tat-taxxa ta’ persuna taxxabbli waħda jew aktar konnessi flimkien, organizzata minn żewġ pajjiżi jew aktar, u li jinkludi mill-inqas żewġ Stati Membri b’interessi komuni jew komplementari;

    Awditu konġunt li jikkonsisti fil-verifika konġunta tas-sitwazzjoni tat-taxxa ta’ persuna taxxabbli waħda jew aktar konnessi flimkien, organizzat minn tim tal-awditu wieħed magħmul minn żewġ pajjiżi jew aktar, u li jinkludi mill-inqas żewġ Stati Membri b’interessi komuni jew komplementari;

    Kwalunke forma oħra ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilita bid-Direttiva 2011/16/UE, ir-Regolament (UE) 904/2010, ir-Regolament (UE) 389/2012 jew id-Direttiva 2010/24/UE;

    (d)    Fir-rigward tal-azzjonijiet ta’ tisħiħ tal-kompetenza umana u tal-kapaċità:

    Taħriġ komuni jew żvilupp tat-tagħlim elettroniku biex jappoġġaw il-ħiliet u l-għarfien professjonali meħtieġa fil-qasam tat-taxxa;

    Appoġġ tekniku, bil-għan li jtejjeb il-proċeduri amministrattivi, isaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u jtejjeb il-funzjonament u l-operat tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa billi jniedi u jaqsam il-prattiki tajba.



    ANNESS 2

    Indikaturi

    Għan speċifiku: appoġġ għall-politika tat-tassazzjoni, il-kooperazzjoni tat-taxxa u l-bini tal-kapaċità amministrattiva, inkluża l-kompetenza umana, u l-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej.

    1. Bini tal-Kapaċità (kapaċità amministrattiva, umana u fl-IT):

    1.Indiċi tal-applikazzjoni u tal-implimentazzjoni tad-dritt u tal-politika tal-Unjoni (Għadd ta’ azzjonijiet rilevanti għall-Programm organizzati f’dan il-qasam u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa b’segwitu għal dawk l-azzjonijiet)

    2.Indiċi tat-tagħlim (moduli tat-tagħlim użati; għadd ta’ uffiċjali mħarrġa; punteġġ ta’ kwalità għal kull parteċipant)

    3.Disponibbiltà tas-sistemi elettroniċi Ewropej (f’perċentwal ta’ ħin)

    4.Disponibbiltà tan-Netwerk Komuni ta’ Komunikazzjoni (f’perċentwal ta’ ħin)

    5.Proċeduri simplifikati tal-IT għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-operaturi ekonomiċi (għadd ta’ operaturi ekonomiċi rreġistrati, għadd ta’ applikazzjonijiet u għadd ta’ konsultazzjonijiet fis-sistemi elettroniċi differenti ffinanzjati mill-Programm)

    2. Kondiviżjoni tal-għarfien u netwerking:

    1.Indiċi tar-robustezza tal-kollaborazzjoni (grad ta’ netwerking iġġenerat, għadd ta’ laqgħat wiċċ imb wiċċ, għadd ta’ gruppi ta’ kollaborazzjoni onlajn)

    2.Indiċi tal-aħjar prattiki u tal-linji gwida (għadd ta’ azzjonijiet rilevanti għall-Programm organizzati f’dan il-qasam; perċentwal ta’ amministrazzjonijiet tat-taxxa li użaw prattika tax-xogħol/linja gwida żviluppata bl-appoġġ tal-Programm)

    Top