EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0307

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali

COM/2018/307 final - 2018/0154 (COD)

Brussell, 16.5.2018

COM(2018) 307 final

2018/0154(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Il-Kummissjoni (Eurostat) regolarment tiġbor l-istatistika dwar l-asil u l-migrazzjoni magħżula, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 . Dan ir-Regolament u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 216/2010 2 li jiddefinixxi l-kategoriji varji ta’ raġunijiet għall-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza, huma l-istrumenti ewlenin għall-istatistika obbligatorja dwar l-asil u l-migrazzjoni magħżula. Barra minn hekk, il-Kummissjoni (Eurostat) tiġbor l-istatistika dwar avvenimenti amministrattivi marbuta mal-migrazzjoni abbażi ta’ strumenti legali oħrajn skont liema l-ġbir tad-dejta huwa obbligatorju. Din l-istatistika addizzjonali tirreferi għal dejta dwar il-Karti Blu tal-UE (id-Direttiva 2009/50/KE 3 ), il-permessi uniċi (id-Direttiva 2011/98/UE 4 ), il-ħaddiema staġjonali (id-Direttiva 2014/36/UE 5 ), it-trasferimenti intra-azjendali (id-Direttiva 2014/66/UE 6 ), u r-riċerkaturi, l-istudenti, l-apprendisti, il-voluntiera, l-istudenti żgħar u l-au pairs (id-Direttiva 2016/801 7 ). Dawn huma previsti b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 862/2007.

Il-migrazzjoni lejn l-UE għaddiet minn bidliet radikali fis-snin riċenti. Sabiex tindirizza l-isfidi li din il-bidla tippreżenta, il-Kummissjoni implimentat u kompliet tiżviluppa l-politika komprensiva dwar il-migrazzjoni ppreżentata fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 8 , li l-iskop tagħha huwa li ttejjeb il-mod ta’ kif inhuma ġestiti l-flussi migratorji, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha u dan jinkludi taħlita ta’ azzjonijiet immedjati li jwieġbu għall-influss ta’ migranti lejn l-Ewropa u r-riforma strutturali madwar erba’ pilastri: (i) tnaqqis tal-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari; (ii) ġestjoni tal-fruntieri: insalvaw il-ħajjiet u s-sigurtà tal-fruntieri esterni; (iii) id-dover tal-Ewropa li tipproteġi: politika komuni b’saħħitha dwar l-asil; (iv) politika ġdida dwar il-migrazzjoni legali. F’dan il-kuntest, il-partijiet ikkonċernati repetittivament esprimew il-ħtieġa li tissaħħaħ il-bażi tal-evidenza f’dawn l-oqsma.

Il-Kummissjoni regolarment irrikonoxxiet il-ħtieġa li jitjieb il-ġbir tal-istatistika, partikolarment fir-rigward taċ-ċifri dwar ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jgħixu illegalment fl-UE 9 , u fir-rigward tat-tfal 10 . Il-programm ta’ ħidma ta’ Eurostat għall-2018 diġà jipprioritizza r-rispons għal ambjent ta’ politika ġdid u iktar dinamiku, b’enfasi partikolari fuq dawk li qed ifittxu l-asil u l-infurzar tal-liġi fil-qasam tal-migrazzjoni (inkluż dawk li jmorru lura). Jiddikjara li l-leġiżlazzjoni eżistenti trid tiġi riveduta sabiex tindirizza l-prioritajiet tal-utenti, inkluż rekwiżiti ġodda u emerġenti.

Il-kontenut u l-kwalità tal-istatistika Ewropea dwar il-migrazzjoni, prodotta f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 862/2007, tissodisfa ċerti ħtiġijiet. Madankollu, in-nuqqasijiet tagħhom qed dejjem isiru iżjed apparenti, speċjalment minħabba l-iżviluppi riċenti fil-migrazzjoni fl-UE. Hija meħtieġa iktar dejta dwar diversi tipi ġodda ta’ migrazzjoni u migranti, u din trid tkun iktar preċiża, iktar frekwenti u iktar fil-ħin. Il-qafas legali eżistenti ma jipprevedix għal tali dejta. S’issa, il-ħtiġijiet il-ġodda ġew trattati esklussivament fuq bażi volontarja (jiġifieri mingħajr ebda reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007), u abbażi ta’ ftehim mill-grupp espert rilevanti f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. L-esperjenza bl-istatistika ta’ ritorn, pereżempju, turi li dan l-approċċ mhux dejjem huwa effiċjenti. L-implikazzjoni hija li r-Regolament (KE) Nru 862/2007 jenħtieġ li jiġi rivedut u mtejjeb sabiex jiżgura li l-istatistika rilevanti tkun disponibbli iktar faċilment.

Skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, is-sistemi Ewropej u nazzjonali li qed jamministraw l-asil u l-migrazzjoni magħżula qed jevolvu. Minħabba l-karatteristiċi rilevanti li qed jinbidlu tal-migrazzjoni u tal-migranti, hemm ħtieġa reali li tittejjeb l-istatistika dwar it-tnejn f’konformità mal-ħtiġijiet li qed jinbidlu tal-partijiet ikkonċernati. Dan ifisser li jsiru iktar rilevanti, sabiex tinbena bażi ta’ evidenza iktar b’saħħitha għat-tfassil tal-politika u l-evalwazzjoni. Dan huwa għaliex ir-Rapport dwar il-Progress tal-Kummissjoni dwar l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 11 jsemmi ħtieġa ċara għal emendi speċifiċi tar-Regolament (KE) Nru 862/2007, fejn jaċċenna għal titjib preċiż ħafna, speċjalment fir-rigward tar-ritorn (statistika iktar frekwenti), ir-risistemazzjoni, il-permessi ta’ residenza u t-tfal migranti. Ir-“Rapport ta’ Progress dwar l-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” 12 l-iktar riċenti, ta’ segwitu, jinnota li l-Kummissjoni qed tikkunsidra li temenda r-regoli tal-UE dwar il-ġbir u r-regolarità tal-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali sabiex tiżgura ħarsa ġenerali komprensiva u tindirizza xi wħud mil-lakuni identifikati fl-istatistika disponibbli.

Il-kwistjoni hija aktar akuta għal dawk li jfasslu l-politika fil-livell tal-UE u għall-evalwazzjoni tal-politika. Hemm domanda ċara biex l-istatistika dwar avvenimenti amministrattivi relatati mal-migrazzjoni tittejjeb, sabiex tirrifletti l-bidliet ta’ politika riċenti u futuri u sabiex jittejjeb ir-rispons tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) 13 għall-bidliet fil-migrazzjoni nfisha u għall-politiki relatati fil-livell tal-UE. Hemm ħtieġa wkoll li jkun żgurat li t-trażmissjonijiet nazzjonali volontarji tad-dejta jkunu iktar kompluti u affidabbli. Barra minn hekk, irid jiġi żviluppat mekkaniżmu biex isir titjib ulterjuri fl-istatistika dwar il-migrazzjoni, sabiex jiżdied ir-rispons tal-ESS għal kwalunkwe żvilupp ulterjuri fir-rekwiżiti tad-dejta dwar il-migrazzjoni. In-nuqqas ta’ aġġornament tal-istatistika Ewropea f’dan id-dominju għandu l-probabbiltà li l-lakuni eżistenti jinfirxu malajr bejn id-domanda għal tali statistika u l-provvista disponibbli, speċjalment għat-tfassil tal-politika u l-evalwazzjoni, u b’hekk iżomm lil dawk li jfasslu l-politika lura milli jwieġbu għall-isfidi futuri marbuta mal-migrazzjoni abbażi tal-evidenza.

L-għan ta’ din il-proposta huwa li tappoġġa l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni billi tipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE statistika rilevanti għall-politika aħjar u aktar f’waqtha, u li ssaħħaħ ir-rispons għall-isfidi ppreżentati mill-migrazzjoni. B’mod partikolari, l-inizjattiva se taġġorna l-istatistika Ewropea dwar l-asil u l-migrazzjoni magħżula billi tipprovdi bażi ġuridika għall-istatistika li bħalissa qed tinġabar b’mod volontarju.

B’dan il-mod, ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 tkun qed ittejjeb il-kompletezza, il-korrettezza, it-tempestività u ċ-ċertezza fir-rigward tat-trażmissjonijiet volontarji eżistenti tad-dejta mill-awtoritajiet nazzjonali. B’mod partikolari, din se tiżgura l-provvista tal-istatistika f’oqsma fejn il-partijiet ikkonċernati esprimew ħtiġijiet ċari - dwar l-asil, ir-ritorni (frekwenza ogħla), ir-risistemazzjoni, il-permessi ta’ residenza u t-tfal migranti.

Ir-reviżjoni, billi tħares lil hinn minn dawn il-ħtiġijiet speċifiċi u immedjati, u biex tappoġġa l-iżviluppi futuri fil-politika dwar il-migrazzjoni inġenerali, se tipprovdi flessibbiltà inkorporata għall-iżviluppi futuri fl-istatistika tal-migrazzjoni. Se toħloq spazju wkoll għar-rispons fl-iżvilupp tal-indikaturi ġodda dwar il-migrazzjoni li se jappoġġaw aħjar il-prijoritajiet tal-“Aġenda dwar il-Migrazzjoni”, billi tipprovdi bażi ta’ evidenza. Flessibbiltà bħal din se ssaħħaħ il-kwalità tal-istatistika Ewropea, billi primarjament tagħmilha iktar rilevanti.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam tal-politika

L-istatistika kollha dwar l-asil u l-migrazzjoni magħżula li Eurostat jiġbor regolarment hija mistennija li tkun f’konformità sħiħa mar-Regolament (KE) Nru 862/2007. Leġiżlazzjoni eżistenti oħra dwar il-forniment ta’ dejta lill-Kummissjoni (Eurostat), jiġifieri d-Direttivi 2009/50/KE, 2011/98/UE, 2014/36/UE, 2014/66/UE u (UE) 2016/801 li jissemmew hawn fuq, tiżgura wkoll il-konsistenza mal-qafas metodoloġiku mdaħħal fis-seħħ permezz tar-Regolament (KE) Nru 862/2007. Konsegwentement, l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 se jgħin jiżgura konsistenza massima tal-istatistika f’dan il-qasam ta’ politika billi jinżamm qafas uniku konsistenti u metodoloġiku għall-istatistika tal-passat, attwali u tal-futur dwar l-asil u l-migrazzjoni magħżula. Din l-inizjattiva se tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

L-emendi limitati proposti jindirizzaw il-ħtiġijiet il-ġodda u oqsma li mhumiex koperti b’mod adegwat li saru dejjem iktar apparenti minħabba l-iżvilupp riċenti ta’ politiki speċifiċi stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Twettiq tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni. Dawn jinkludu s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, it-tfal migranti, il-migrazzjoni legali, ir-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja u forom oħra ta’ ammissjoni legali. Sabiex tkompli tiġi salvagwardjata l-konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-UE, il-proposta preżenti se tifforma parti inerenti tal-pakkett “It-twettiq tal-aġenda tal-UE dwar il-Migrazzjoni”, li tinkludi diversi inizjattivi leġiżlattivi oħra marbutin mal-migrazzjoni proposti mill-Kummissjoni. Il-flessibbiltà ta’ dawn l-inizjattivi hija ddisinjata li tiżgura rispons u konsistenza massima fil-futur.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 338 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi l-bażi ġuridika għall-istatistika Ewropea. Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw miżuri biex jiżguraw il-produzzjoni tal-istatistika fejn dan huwa neċessarju sabiex jgħin lill-Unjoni twettaq ir-rwol tagħha. L-Artikolu 338 jistipula r-rekwiżiti għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea neċessarja għat-twettiq tal-attivitajiet tal-Unjoni, li jridu jissodisfaw ċerti standards ta’ imparzjalità, affidabbiltà, oġġettività, indipendenza xjentifika, kosteffettività u kunfidenzjalità tal-istatistika li ma jinvolvux piżijiet eċċessivi fuq l-operaturi ekonomiċi.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-għan ta’ din l-inizjattiva - li tirrevedi u tlesti r-regoli komuni eżistenti dwar il-ġbir u l-kompilazzjoni tal-istatistika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali - ma jistax jintlaħaq b’mod adegwat mill-pajjiżi tal-UE individwali filwaqt li jaġixxu separatament. Minħabba d-daqs tal-inizjattiva u l-ħtieġa għall-komparabbiltà, din tista’ tintlaħaq aħjar fil-livell tal-UE. Sabiex issir kompilazzjoni tal-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali fil-livell tal-UE, hija meħtieġa metodoloġija standard, u jridu jiġu definiti l-outputs standards li jridu jiġu fornuti mill-Istati Membri.


Il-ħtiġijiet il-ġodda għall-istatistika dwar l-asil u migrazzjoni magħżula f’konformità mal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-iżvilupp tagħha mhumiex koperti fir-Regolament attwali (KE) Nru 862/2007. Ir-Regolament għalhekk jirrikjedi emenda jekk irid jipprovdi bażi soda għall-kompilazzjoni tad-dejta neċessarja. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika għaliex il-proposta ma tidħolx fil-kompetenza esklużiva tal-UE. L-iskop tal-inizjattiva huwa li tiżgura li d-dejta li bħalissa qed tiġi kondiviża mill-awtoritajiet nazzjonali fuq bażi volontarja hija iktar kompluta u affidabbli; sabiex tippermetti għal titjib futur Fl-istatistika dwar il-migrazzjoni; u biex turi li l-Kummissjoni tirreaġixxi għall-ħtieġa li tiżviluppa dejta dwar il-migrazzjoni li se tappoġġa aħjar il-prijoritajiet tal-aġenda dwar il-migrazzjoni. Id-dejta konċernata tista’ tinġabar mill-awtoritajiet nazzjonali varji. L-UE tista’ għalhekk tadotta miżuri f’dan il-qasam, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

Proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati ġġenerati mill-attivitajiet imwettqa fid-dawl tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni jistgħu jiġu ssodisfati permezz ta’ emenda limitata tar-Regolament (KE) Nru 862/2007, ibbażata l-iktar fuq il-ġbir tad-dejta eżistenti fuq bażi volontarja, ikkombinata mal-introduzzjoni tal-flessibbiltà bbażata fuq atti ta’ implimentazzjoni. Din se tgħin biex il-ħtiġijiet ġodda u emerġenti tad-dejta jiġu indirizzati iktar malajr fil-futur.

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, ir-Regolament propost jillimita lilu nnifsu għall-minimu meħtieġ biex jinkiseb l-għan tiegħu u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dak il-fini.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost: Regolament. B’konsiderazzjoni tal-għanijiet u l-kontenut tal-proposta u l-fatt li din hija proposta li temenda Regolament eżistenti, Regolament huwa l-aktar strument adattat.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Kif meħtieġ permezz tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 862/2007, il-Kummissjoni ssottomettiet żewġ rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatistika kompilata f’konformità ma’ dan ir-Regolament u dwar il-kwalità tagħhom 14 . Konsiderazzjoni finali hija li d-dejta meħtieġa skont ir-Regolament jenħtieġ li tirrifletti l-ħtiġijiet li qed jinbidlu tal-utenti, filwaqt li tqis ukoll il-kapaċità tal-fornituri tad-dejta. Dan wassal għal proposti għal emendi tar-Regolament (KE) Nru 862/2007, biex jiżdiedu diżaggregazzjonijiet ġodda u speċifiċi.

Iż-żewġ rapporti konċernati eżaminaw id-dejta eżistenti fl-isfond tal-kriterji tal-kwalità saħansitra aktar speċifiċi u dettaljati għall-istatistika Ewropea previsti fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 15 . Ikkonkludew li d-dejta meħtieġa taħt ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 trid tittejjeb sabiex tissodisfa dawk il-kriterji tal-kwalità, b’mod partikolari r-rilevanza, il-puntwalità u t-tempestività. Biex iwieġeb b’mod preċiż, Eurostat beda bil-ġabriet tad-dejta volontarji li kkonfermaw il-ħtieġa għal dejta aktar f’waqqtha u diżaggregata. Abbażi ta’ dawn il-ġabriet volontarji, il-proposta prevista twieġeb direttament u preċiżament għall-ħtiġijiet identifikati.

L-iżviluppi l-aktar riċenti relatati mal-kriżi migratorja għamluha iktar ċara minn qatt qabel li l-frekwenza u l-livell ta’ diżaggregazzjoni tal-istatistika previsti fir-Regolament (KE) Nru 862/2007 fil-forma attwali tiegħu ma għadhomx suffiċjenti għall-fini ta’ monitoraġġ tal-politika, kif spjegat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Rapport dwar il-progress tal-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”  16 . Fir-rigward tal-frekwenza tad-dejta, pereżempju, id-dejta annwali dwar ir-ritorni taċ-ċittadini a’ pajjiżi terzi miġbura minn Eurostat mhix frekwenti biżżejjed għal monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi fil-qasam tal-politika tar-ritorn. Il-livell inadegwat tad-diżaggregazzjoni u l-lakuni tal-informazzjoni fir-rigward tal-eżiti għat-tfal inkluż il-proċeduri tal-asil tal-minorenni mhux akkumpanjati huma eżempji tan-nuqqasijiet fid-dejta meħtieġa għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni ta’ dan il-grupp partikolarment vulnerabbli ta’ dawk li qed ifittxu l-asil. Minħabba r-rwol importanti fit-tfassil tal-politika tal-istatistika koperta minn dan ir-Regolament, huwa importanti li jkun hemm kopertura sħiħa tal-Istati Membri kollha u li jkun hemm ċertezza tat-trażmissjonijiet tad-dejta, li l-ġbir volontarju ma jistax jiggarantixxi. Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2009 hija l-unika għażla sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Il-konklużjonijiet stipulati fir-rapporti tal-Kummissjoni tal-2012 u l-2015 huma bbażati fuq il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE fuq perjodu itwal minn għaxar snin. L-iżvantaġġi tal-qafas attwali ġew ivvalutati b’kooperazzjoni mill-qrib mad-Direttorati Ġenerali tal-politika konċernati - primarjament id-Direttorat-Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni u d-Direttorat-Ġenerali għall-Ġustizzja, iżda wkoll għall-aġenziji tal-UE attivi fil-qasam tal-migrazzjoni (EASO, FRONTEX u FRA) - u f’diversi sitwazzjonijiet (laqgħat wiċċ’imb wiċċ, gruppi esperti u konferenzi tal-istatistika). Din il-valutazzjoni involviet partijiet ikkonċernati oħrajn, bħar-riċerkaturi, gruppi ta’ konsulenza u organizzazzjonijiet internazzjonali. Kien hemm ukoll diskussjonijiet għaddejjin ta’ natura simili ma’ fornituri nazzjonali tad-dejta rappreżentati mill-ministeri tal-affarijiet interni jew tal-ġustizzja tal-pajjiżi tal-UE jew awtoritajiet nazzjonali tal-immigrazzjoni relatati, f’laqgħat ta’ gruppi esperti u bnadi oħra.

Fi tweġiba għall-input riċevut matul id-diskussjonijiet msemmija hawn fuq, Eurostat żviluppa serje ta’ ġabriet volontarji tad-dejta mfassla biex jibdew jimlew il-lakuni tad-dejta identifikati. Qies il-ħtieġa għall-flessibbiltà. Għal aktar minn 10 snin, f’10 laqgħat tal-grupp espert, Eurostat iddiskuta l-problemi li jirriżultaw mil-limitazzjonijiet tal-istatistika miġbura skont ir-Regolament (KE) Nru 862/2007. Id-dokumenti ppreżentati f’dawn il-laqgħat tal-grupp espert, kif ukoll l-aġenda u l-minuti tad-diskussjonijiet, huma pubbliċi. Jinsabu fil-parti tal-aċċess miftuħ ta’ Circabc 17 , li fiha d-dokumenti tal-Grupp Espert dwar l-Asil, il-Permessi tar-Residenza, l-Infurzar u l-Integrazzjoni tal-Migranti 18 . Dan il-Grupp Espert huma magħmul minn esperti tal-gvern li jaħdmu fil-qasam tal-asil u tal-migrazzjoni magħżula fil-ministeri għall-affarijiet interni jew fl-awtoritajiet nazzjonali tal-immigrazzjoni. Barra minn hekk, diġà fl-2009, id-Diretturi-Ġenerali tal-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika tal-Istati Membri kkonfermaw il-ħtieġa għal tali żvilupp billi enfasizzaw li l-istatistika koperta mir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tissodisfa biss parti mill-ħtiġijiet tal-politika għall-informazzjoni 19 .

Din l-inizjattiva se tagħmel l-istatistika tal-UE dwar il-migrazzjoni aktar rilevanti. Kif issemma’ hawn fuq, il-migrazzjoni hija fenomenu li qed jinbidel malajr li jeħtieġ politiki li jistgħu jadattaw malajr għal ħtiġijiet ġodda. Dan ifisser li l-informazzjoni dwar l-istatistika trid tkun flessibbli ħafna biex tibqa’ rilevanti.

Iċ-Ċentru ta’ Għarfien dwar il-Migrazzjoni u d-Demografija (KCMD) 20 tal-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxa wkoll il-limitazzjonijiet tal-qafas legali attwali f’diversi okkażjonijiet. Tliet workshops riċenti tal-KCMD dwar id-dejta dwar il-migrazzjoni tal-UE pprovdew lid-Direttorati-Ġenerali tal-Kummissjoni bl-opportunità li tiddiskuti l-lakuni tad-dejta fl-istatistika tal-migrazzjoni u li tikkontribwixxi għal dokument ta’ diskussjoni, “Towards an EU policy on migration data”. Dan id-dokument identifika l-azzjoni possibbli li tista’ tittieħed biex tagħlaq tali lakuni.

Finalment, Eurostat kien involut ukoll b’mod attiv ħafna fl-iżvilupp tar-Rakkomandazzjonijiet Internazzjonali dwar l-Istatistika tar-Refuġjati, li ġew adottati reċentement mill-Kummissjoni tal-Istatistika tan-NU. L-istandards internazzjonali rrakkomandati mill-grupp espert li qed jiżviluppa dawn ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu sejħa għal dejta aktar dettaljata dwar il-persuni li jfittxu asil u r-refuġjati, inkluż il-minorenni mhux akkumpanjati.

It-titjib fil-proposta prevista jqis il-fatt li ħafna mill-awtoritajiet nazzjonali diġà jibgħatu d-dejta b’mod volontarju lil Eurostat fl-oqsma kollha koperti mill-emendi proposti, jew qalu li huma ħerqana jagħmlu dan. Waqt il-laqgħat tal-Grupp Espert jiġu ppreżentati regolarment tabelli aġġornati li jissettjaw id-dejta mibgħuta lil Eurostat.

Il-bidliet proposti jenħtieġ li ma jżidux b’mod sinifikanti l-piż fuq l-awtoritajiet nazzjonali diversi, għaliex huma bbażati fuq il-ġabra b’mod volontarju tad-dejta, eżistenti. Barra minn hekk, din id-dejta hija diġà disponibbli b’mod ġenerali fis-sorsi amministrattivi tal-awtoritajiet nazzjonali.

Konsultazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati

Meta jitqies li l-emenda proposta tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 ma tħalli l-ebda impatt sinifikanti fuq is-soċjetà jew fuq l-ekonomija (ara l-ispjegazzjoni hawn taħt), il-Kummissjoni (Eurostat) ikkonsultat lill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, għaliex l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika (NSI) huma responsabbli mill-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha fil-livell nazzjonali relatati mal-istatistika Ewropea.

Barra minn hekk, bħala l-utent ewlieni tal-politika tal-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali, id-Direttorat-Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni ġie kkonsultat diversi drabi u pprovda wkoll feedback siewi.

L-ogħla prijoritajiet huma: li tiżdied il-frekwenza tal-istatistika dwar l-obbligi tat-tluq u tar-ritorn minn darba fis-sena għal darba kull tliet xhur, filwaqt li jiġu introdotti diżaggregazzjonijiet addizzjonali; jiżdiedu diżaggregazzjonijiet ġodda tal-istatistika tal-asil mill-minorenni mhux akkumpanjati; tiġi emendata l-istatistika dwar ir-risistemazzjoni; u tiġi introdotta statistika dwar applikanti għal asil għall-ewwel darba, statistika ġdida dwar it-talbiet għal eżaminazzjoni mill-ġdid ta’ Dublin, u emendi għall-istatistika dwar il-permessi ta’ residenza.

Fid-dawl tan-natura limitata ħafna ta’ din il-proposta, ġie meqjus li ma kienx hemm bżonn li jiġu involuti korpi oħra.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

L-emendi proposti huma bbażati ħafna fuq il-ġbir tad-dejta b’mod volontarju eżistenti mwettaq minn ħafna mill-awtoritajiet nazzjonali. Matul l-istadji tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-ġbir tad-dejta b’mod volontarju, l-iskambji numerużi mal-esperti mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika wasslu għall-għażla ta’ soluzzjonijiet prattikabbli metodoloġiċi u tekniċi. Sussegwentement il-proċessi ġew irfinuti u ottimizzati sabiex iwieġbu l-aħjar kemm għall-ħtiġijiet tal-politika kif ukoll għar-rilevanza minn naħa waħda, u għad-disponibbiltà tad-dejta fil-livell nazzjonali min-naħa l-oħra. L-emendi dettaljati hawn taħt jinkorporaw dawn l-għażliet ippruvati u ttestjati fl-acquis tal-UE.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt, għaliex il-proposta ma għandhiex konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali sinifikanti u ma timponi ebda piż addizzjonali fuq in-negozji jew il-pubbliku.

L-inizjattiva primarjament hija ddisinjata biex temenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 billi tipprovdi bażi ġuridika għall-ġabriet volontarji eżistenti tad-dejta, filwaqt li tipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa fid-dawl tal-ħtiġijiet futuri tad-dejta. B’mod partikolari, din ma tinvolvi l-ebda bidla għat-temi jew is-suġġett tal-istatistika li diġà kienu nġabru skont dan ir-Regolament.

Maġġoranza vasta tal-awtoritajiet nazzjonali tal-UE diġà jipprovdu jew esprimew il-ħerqa tagħhom li jipprovdu l-istatistika mitluba fl-emendi previsti fuq bażi volontarja. Konsegwentement, il-konklużjoni hija li din id-dejta, b’mod ġenerali, diġà hija disponibbli fis-sorsi amministrattivi tal-Istati Membri.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-evalwazzjoni regolari tal-qafas legali eżistenti jikkonkludi li d-dejta meħtieġa skont ir-Regolament jenħtieġ li tirrifletti l-ħtiġijiet tal-utenti li qed jinbidlu, filwaqt li tqis ukoll l-kapaċità tal-fornituri tad-dejta. Dan irriżulta fi proposti li r-Regolament jiġi emendat permezz taż-żieda ta’ diżaggregazzjonijiet ġodda. B’dan il-mod, il-ġbir volontarju tad-dejta ġie żviluppat ulterjorment, u l-ħtieġa għall-flessibbiltà tqieset. L-emendi jenħtieġ li ma jwasslux għal żieda sinifikanti fil-piż, għaliex dawn huma bbażati fuq il-ġabriet volontarji eżistenti u d-dejta ġeneralment hija diġà disponibbli fis-sorsi amministrattivi tal-Istati Membri.

It-trażmissjoni tad-dejta proposta fl-emenda tinvolvi biss spejjeż u piż addizzjonali negliġibbli għall-Istati Membri; l-iskambju kontinwu tal-esperjenza u l-prattika bejn il-fornituri nazzjonali tad-dejta waqt il-laqgħat tal-grupp espert matul diversi snin ħaffef il-piżijiet. Inkiseb titjib sinifikanti fil-metodi ta’ trażmissjoni matul iż-żmien, u naqqas l-isforz meħtieġ għat-tħejjija u l-provvista tad-dejta. Fost azzjonijiet oħrajn, Eurostat implimenta formats ta’ trażmissjoni tad-dejta li jippermettu lill-fornituri nazzjonali tad-dejta jieħdu d-dejta direttament mill-bażijiet ta’ dejta tagħhom (b’hekk jevitaw kompilazzjonijiet manwali tad-dejta f’format Excel, li jieħdu l-ħin) u jipprovduhom permezz ta’ għodda ta’ trażmissjoni awtomatizzata li tinkludi proċeduri standardizzati u awtomatizzati ta’ validazzjoni.


Feedback ta’ kwalità istantanju inaqqas l-isforz meħtieġ, għaliex iwassal għal sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri jkunu jridu jipprovdu d-dejta darba biss, minflok ma jkunu jridu jirreferu lura għaliha repetittivament. Dan wassal għal kisbiet fl-effiċjenza u tnaqqis sinifikanti fit-trażmissjonijiet multipli minħabba l-iżbalji li nstabu fid-dejta pprovduta. Dawn il-kisbiet tal-effiċjenza, li mmaterjalizzaw fil-livell nazzjonali, naqsu l-iskambji bejn il-fornituri nazzjonali tad-dejta u l-piż fuqhom. Il-feedback li jinġabar mill-pajjiżi konċernati fil-laqgħat tal-grupp espert u fil-livell ta’ ħidma juri li dan it-titjib jitqies li naqqas kemm ix-xogħol kif ukoll l-ispejjeż għall-entitajiet li jipprovdu d-dejta.

L-Istati Membri diġà stabbilixxew il-mekkaniżmi tal-forniment tad-dejta tagħhom abbażi tar-Regolament (KE) Nru 862/2007. L-approċċ li jibqgħu fi ħdan din l-istruttura għall-inklużjoni tal-ħtiġijiet attwali, u għall-mekkaniżmu tal-flessibbiltà orjentat lejn il-futur, jimminimizza l-piż addizzjonali lill-fornituri tad-dejta billi jinżamm l-istess qafas metodoloġiku.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta, billi ttejjeb il-kompletezza, il-korrettezza, it-tempestività u ċ-ċertezza fir-rigward tat-trażmissjonijiet volontarji eżistenti tad-dejta mill-awtoritajiet nazzjonali, u billi tipprovdi flessibbiltà inkorporata għal iktar titjib fl-istatistika dwar il-migrazzjoni, bil-ħsieb li ttejjeb il-kwalità u r-rilevanza tal-istatistika Ewropea f’dan il-qasam għall-fini tat-tfassil u l-evalwazzjoni tal-politika, tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u b’mod partikolari l-Artikolu 18 (Id-dritt għall-asil), l-Artikolu 19 (Il-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni) u l-Artikolu 24 (Id-drittijiet tat-tfal).

Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet l-aktar rilevanti għal din il-proposta huma l-effetti possibbli fuq il-protezzjoni tad-dejta personali (li d-drittijiet għaliha huma stabbiliti permezz tal-Artikolu 8 (Il-protezzjoni tad-dejta personali) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, l-Artikolu 16 tat-TFUE u fil-leġiżlazzjoni sekondarja 21 ). Madankollu, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ma tipprevedi bidla fid-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. L-obbligi eżistenti għall-NSI u l-garanziji u s-salvagwardji relatati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-istatistika, jibqgħu applikabbli. Dawn jipprevedu qafas legali robust li jkopri l-aspetti kollha rilevanti għall-protezzjoni tad-dejta, bħas-salvagwardja tal-kunfidenzjalità ta’ min iwieġeb, l-anonimizzazzjoni tar-reġistri u l-protezzjoni tat-tweġibiet għall-kwestjonarji, fejn applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar

Peress li l-emendi proposti huma bbażati fuq it-trażmissjonijiet volontarji eżistenti tad-dejta, l-implimentazzjoni tkun limitata għall-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda fil-leġiżlazzjoni, u se tiġi mmonitorjata kif ikun legalment meħtieġ.

L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 jistipula li l-Kummissjoni, darba kull tliet snin mill-2012 ’il quddiem, trid tissottometti rapport ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatistika kompilata f’konformità ma’ dan ir-Regolament u dwar il-kwalità tagħha. Il-Kummissjoni adottat l-aħħar Rapport dwar il-migrazzjoni u l-istatistika dwar il-protezzjoni internazzjonali fit-30 ta’ Lulju 2015 22 , u li jmiss huwa mistenni sa Awwissu 2018.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Abbażi ta’ feedback mill-partijiet ikkonċernati tagħna, b’mod partikolari mid-Direttorat-Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni, ġew stabbiliti l-prijoritajiet immedjati bbażati fuq il-lakuni eżistenti l-iktar serji bħal:

iż-żieda fil-frekwenza tal-istatistika dwar ir-ritorni u l-obbligi tat-tluq minn darba fis-sena għal darba kull tliet xhur, filwaqt tal-introduzzjoni ta’ diżaggregazzjonijiet addizzjonali;

diżaggregazzjonijiet ġodda tal-istatistika dwar l-asil minn minorenni mhux akkumpanjati; u

żieda ta’ diżaggregazzjonijiet ġodda dwar l-istatistika tar-risistemazzjoni; l-introduzzjoni ta’ statistika dwar applikanti għal asil għall-ewwel darba u statistika ġdida dwar it-talbiet għal eżaminazzjoni mill-ġdid ta’ Dublin; u l-introduzzjoni ta’ diżaggregazzjonijiet ġodda ta’ statistika dwar il-permessi għar-residenza.

Il-ħtiġijiet espressi mill-partijiet ikkonċernati jistgħu jiġu ssodisfati permezz ta’ emenda limitata tar-Regolament (KE) Nru 862/2007, fil-parti l-kbira bbażata fuq il-ġabriet tad-dejta b’mod volontarju eżistenti, flimkien mal-introduzzjoni tal-flessibbiltà sabiex il-ħtiġijiet ġodda u emerġenti tad-dejta jkunu jistgħu jiġu indirizzati aktar malajr fil-futur.

Il-proposta ma tibdilx l-essenza tar-Regolament (KE) Nru 862/2007, għaliex ma temenda xejn aktar minn dak li huwa assolutament meħtieġ għall-kisba tal-għanijiet limitati tiegħu.

Għalhekk qed jiġi propost li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 jiġu emendati jew sostitwiti kif ġej:

Artikolu 4:

Għall-istatistika dwar il-protezzjoni internazzjonali, l-emenda tipprevedi l-introduzzjoni ta’ diżaggregazzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati, l-introduzzjoni ta’ statistika ġdida dwar “talbiet ta’ eżaminazzjoni mill-ġdid” ta’ Dublin u dwar “applikanti għal asil għall-ewwel darba”, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ diżaggregazzjonijiet mitluba skont il-“pajjiż ta’ residenza” u t-“tip ta’ deċiżjoni dwar l-asil” għall-persuni soġġetti għal skema ta’ risistemazzjoni.

Artikolu 6:

Għall-istatistika dwar il-permess ta’ residenza, l-emenda tipprevedi diżaggregazzjonijiet ulterjuri skont l-età u s-sess, li huma meħtieġa wkoll. Addizzjonalment, qed jiġi introdott it-tqassim tal-għadd ta’ residenti fit-tul skont it-tip ta’ status fit-tul.

Artikolu 7:

Għall-istatistika dwar iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz misjuba preżenti illegalment fit-territorju tal-Istat Membru li huma soġġetti għal deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jattestaw jew jiddikjaraw li r-residenza tagħhom hija illegali u li jimponu obbligu sabiex iħallu t-territorju tal-Istat Membru, u għall-istatistika dwar iċ-ċittadini ta’ pajjiż terzi li ħallew it-territorju tal-Istat Membru wara deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, l-emenda tipprevedi bidla fil-frekwenza minn “darba fis-sena” għal “darba kull tliet xhur”.

Għall-istatistika dwar iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ħallew it-territorju tal-Istat Membru wara deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, l-emenda tipprevedi l-introduzzjoni ta’ tliet diżaggregazzjonijiet: “Tip ta’ ritorn u assistenza rċevuti”, “Tip ta’ proċedura ta’ ftehim” u “Pajjiż ta’ destinazzjoni”.

L-Artikolu 8 huwa mħassar għaliex huwa obsolet.

Sabiex tiġi żgurata disponibbiltà aħjar tal-istatistika Ewropea dwar l-asil u l-migrazzjoni magħżula u sabiex jiġi żgurat mekkaniżmu ta’ flessibbiltà, l-Artikolu 10(1) huwa emendat billi jagħti setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni għall-fini li teffettwa d-dispożizzjonijiet dwar id-diżaggregazzjonijiet billi tispeċifika f’iktar dettall il-kontenut tagħhom f’konformità mal-Artikoli 4, 5, 6 u 7.

2018/0154 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 jistabbilixxi qafas legali komuni u komparabbli għall-istatistika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali.

(2)Sabiex twieġeb għall-ħtiġijiet ġodda fl-Unjoni għall-istatistika dwar l-asil u l-migrazzjoni magħżula, u filwaqt li jitqies li l-karatteristiċi tal-migrazzjoni huma soġġetti li jinbidlu malajr, hemm il-ħtieġa ta’ qafas li jippermetti tweġiba malajr għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu fir-rigward tal-istatistika dwar l-asil u l-migrazzjoni magħżula.

(3)Sabiex l-Unjoni tingħata appoġġ biex twieġeb b’mod effettiv għall-isfidi li jirriżultaw mill-migrazzjoni, hemm il-ħtieġa ta’ dejta ta’ frekwenza ta’ darbtejn fis-sena dwar l-asil u l-migrazzjoni magħżula.

(4)L-istatistika dwar l-asil u l-migrazzjoni magħżula hija fundamentali għall-istudju, id-definizzjoni u l-evalwazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ politiki, b’mod partikolari fir-rigward tat-tweġibiet dwar il-wasla ta’ persuni li qed jfittxu l-protezzjoni fl-Ewropa.

(5)Sabiex tkun żgurata l-kwalità, u, b’mod partikolari, l-komparabbiltà, tad-dejta pprovduta mill-Istati Membri, u biex ikunu jistgħu jinġabru ħarsiet ġenerali affidabbli fil-livell tal-Unjoni, id-dejta użata jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-istess kunċetti, u jenħtieġ li tirreferi għall-istess data jew perjodu ta’ referenza.

(6)Id-dejta pprovduta dwar l-asil u l-migrazzjoni magħżula jenħtieġ li tkun konsistenti mal-informazzjoni rilevanti miġbura skont ir-Regolament (KE) Nru 862/2007.

(7)Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 jipprovdi qafas ta’ referenza għall-istatistika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali. B’mod partikolari, dan jirrikjedi konformità mal-prinċipji tal-indipendenza professjonali, tal-imparzjalità, tal-oġġettività, tal-affidabbiltà, tal-kunfidenzjalità tal-istatistika, u tal-kosteffettività.

(8)Meta jiżviluppaw, jipproduċu u jiddisseminaw statistika Ewropea, l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u dawk Ewropej, u fejn applikabbli, awtoritajiet nazzjonali u reġjonali rilevanti oħra, jenħtieġ li jqisu l-prinċipji stipulati fil-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea, kif rivedut u aġġornat mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika fit-28 ta’ Settembru 2011.

(9)L-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jirrevedi u jlesti r-regoli komuni eżistenti għall-ġbir u l-kompilazzjoni tal-istatistika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri filwaqt li jaġixxu waħedhom. Minflok, għal raġunijiet ta’ armonizzazzjoni u komparabbiltà, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk l-UE tista’ tadotta miżuri xierqa, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(10)Dan ir-Regolament jiggarantixxi d-dritt ta’ rispett għall-ħajja privata u tal-familja u għall-protezzjoni tad-dejta personali, kif stabbilit fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(11)Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tad-diżaggregazzjonijiet. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill( 25 ).

(12)Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(13)Il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika ġie kkonsultat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 1, il-punt (d) li ġej huwa miżjud:

“(d) persuni li ssottomettew applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew li ġew inklużi f’applikazzjoni ta’ din ix-xorta bħala membri tal-familja matul il-perjodu ta’ referenza u li applikaw għall-protezzjoni internazzjonali għall-ewwel darba.”

(b) L-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din l-istatistika għandha tkun diżaggregata skont l-età u s-sess, u skont iċ-ċittadinanza tal-persuni konċernati, u skont il-minorenni mhux akkumpanjati. Għandha tkun relatata mal-perjodi ta’ referenza ta’ xahar kalendarju u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien xahrejn mit-tmiem tax-xahar ta’ referenza. L-ewwel xahar ta’ referenza għandu jkun Jannar 2020.”

(c) Fil-paragrafu 2, l-aħħar subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din l-istatistika għandha tkun diżaggregata skont l-età u s-sess, u skont iċ-ċittadinanza tal-persuni konċernati, u skont il-minorenni mhux akkumpanjati. Għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ tliet xhur kalendarji u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien xahrejn mit-tmiem tal-perjodu ta’ referenza. L-ewwel perjodu ta’ referenza għandu jkun Jannar-Marzu 2020.”

(d) Fil-paragrafu 3, il-punt (a) huwa mħassar.

(e) Fil-paragrafu 3, l-aħħar subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-istatistika fil-punti (b), (c), (d), (e), (f) u (g) għandha tiġi diżaggregata skont l-età u s-sess u skont iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati, u skont il-minorenni mhux akkumpanjati. Addizzjonalment, għall-punt (g), l-istatistika għandha tiġi diżaggregata skont il-pajjiż ta’ residenza u skont it-tip ta’ deċiżjoni dwar l-asil. Għandha tkun relatata mal-perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tliet xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2020.”

(f) Fil-paragrafu 4, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d) in-numru ta’ trasferimenti bħala riżultat tad-deċiżjonijiet msemmija fil-punti (c) u (h);”

(g) Fil-paragrafu 4, jiżdiedu l-punti (f), (g) u (h) li ġejjin:

“(f) in-numru ta’ talbiet ta’ eżaminazzjoni mill-ġdid biex jieħdu lura u jieħdu ħsieb persuna li qed tfittex l-asil;”

(g) id-dispożizzjonijiet li fuqhom huma bbażati t-talbiet msemmija fil-punt (f);

(h) id-deċiżjonijiet meħudin bħala tweġiba għat-talbiet msemmija fil-punt (f).”

(e) Fil-paragrafu 4, l-aħħar subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din l-istatistika għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tliet xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2020.”

(2) L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bi statistika dwar:

(a) in-numru ta’ permessi ta’ residenza maħruġa lil persuni li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi, diżaggregat kif ġej:

(i) permessi maħruġa matul il-perjodu ta’ referenza li bih il-persuna tkun qed tingħata l-permess sabiex tirrisjedi għall-ewwel darba, diżaggregati skont iċ-ċittadinanza, skont ir-raġuni għall-ħruġ tal-permess, skont it-tul tal-validità tal-permess, skont l-età u skont is-sess;

(ii) permessi maħruġa matul il-perjodu ta’ referenza u mogħtija meta persuna tkun qed tibdel l-istat tal-immigrazzjoni jew ir-raġuni għala trid tibqa’, diżaggregati skont iċ-ċittadinanza, skont ir-raġuni għall-ħruġ tal-permess, skont it-tul tal-validità tal-permess, skont l-età u skont is-sess;

(iii) permessi validi fit-tmiem tal-perjodu ta’ referenza (in-numru tal-permessi maħruġa, mhux irtirati u mhux skaduti), diżaggregati skont iċ-ċittadinanza, skont ir-raġuni tal-ħruġ tal-permess, skont it-tul tal-validità tal-permess, skont l-età u skont is-sess;

(b) in-numru ta’ residenti fit-tul, fit-tmiem tal-perjodu ta’ referenza, diżaggregat skont iċ-ċittadinanza, skont l-età u skont is-sess.”

(b) Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2020.”

(3) L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

(b) in-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fil-fatt ħallew it-territorju tal-Istat Membru, wara deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, kif imsemmi fil-punt (a), diżaggregat skont iċ-ċittadinanza tal-persuni ritornati, skont it-tip ta’ ritorn u assistenza rċevuta, u skont il-pajjiż ta’ destinazzjoni.”

(b) Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ tliet xhur kalendarji u għandha tkun provduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien xahrejn wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza. L-ewwel perjodu ta’ referenza għandu jkun Jannar sa Marzu 2020.”

(4) L-Artikolu 8 huwa mħassar.

(5) L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni għall-fini li tispeċifika d-diżaggregazzjonijiet f’konformità mal-Artikoli 4, 5, 6 u 7 u tistabbilixxi r-regoli dwar il-formats xierqa għat-trażmissjoni tad-dejta kif previst fl-Artikolu 9.

Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 11(2).”

(b) Fil-paragrafu 2, il-punt (d) huwa mħassar.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 4, il-paragrafi (1) u (2) u l-Artikolu 7, il-paragrafu (1) il-punt (b) u l-paragrafu (2) tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Marzu 2020.

L-Artikolu 4, il-paragrafi (3) u (4) u l-Artikolu 6, il-paragrafi (1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)

   Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23).

(2)

   Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 216/2010 tal-15 ta’ Marzu 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali, fir-rigward tad-definizzjonijiet ta’ kategoriji għar-raġunijiet għall-permessi ta’ residenza (ĠU L 66, 16.3.2010, p. 1).

(3)

   Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17).

(4)    Id-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU L 343, 23.12.2011, p. 1).
(5)    Id-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 375).
(6)    Id-Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fil-qafas ta’ trasferiment intra-azjendali (ĠU L 157, 27.5.2014, p. 1).
(7)    Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 21).
(8)    COM(2017) 558 final.
(9)    COM(2015) 453 final, “Pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn”.
(10)    COM(2017) 211 final, “Il-protezzjoni tat-tfal migranti”.
(11)    COM (2017) 669 final.
(12)    COM (2018) 250 final.
(13)    L-ESS hija s-sħubija bejn l-awtorità Ewropea tal-istatistika, li hija l-Kummissjoni (Eurostat), u l-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSI) u awtoritajiet nazzjonali oħra (ONA) responsabbli f’kull Stat Membru għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea.
(14)    COM(2015) 374 u COM(2012) 528 final.
(15)    Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ dejta suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).
(16)    COM(2018) 250 final, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, Rapport dwar il-progress tal-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (disponibbli biss bl-Ingliż).
(17)    Circabc (Ċentru ta’ Riżorsi ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għall-Amministrazzjonijiet, in-Negozji u ċ-Ċittadini) huwa applikazzjoni użata għall-ħolqien ta’ spazji kollaborattivi tax-xogħol fejn il-komunitajiet tal-utenti jistgħu jaħdmu flimkien minn fuq l-internet u jikkondividu l-informazzjoni u r-riżorsi.
(18)     https://circabc.europa.eu/w/browse/1977c9be-d5af-452a-9bf4-3b5e888fa35d (disponibbli biss bl-Ingliż).
(19)     http://ec.europa.eu/eurostat/documents/1001617/4339944/malta-declaration.pdf/b83b3965-27f0-47af-8b3f-5c84735b91bc (disponibbli biss bl-Ingliż).
(20)    Il-Grupp ta’ Tmexxija ta’ KCMD jikkonsisti minn: JRC u DĠ HOME (kopresidenti), SĠ, DĠ DEVCO, DĠ ECHO, DĠ RTD, DĠ ESTAT, EPSC u EEAS. JRC imexxi l-attivitajiet ta’ kuljum tiegħu. Id-Direttorati-Ġenerali assoċjati max-xogħol ta’ KCMD huma, CLIMA, ECFIN, EAC, EMPL, JUST, NEAR, REGIO, COMM, kif ukoll SĠ. Is-sħab strateġiċi tal-KCMD jinkludu, fost l-oħrajn, l-Istitut Internazzjonali għall-Analiżi tas-Sistemi Applikati (IIASA), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) – iċ-Ċentru għall-Analiżi tad-Dejta dwar il-Migrazzjoni Globali (GMDAC).
(21)

   Ir-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali dejta, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(22)    COM (2015) 374.
(23)    Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23).
(24)    Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ dejta suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).
(25)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
Top