IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.4.2018
COM(2018) 205 final
2018/0100(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward ta' emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE
(Azzjoni preparatorja tal-Unjoni dwar ir-riċerka dwar id-difiża)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta) għandu l-għan li jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE sabiex tiġi estiża l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA taż-ŻEE (in-Norveġja) fl-Azzjoni Preparatorja għar-Riċerka dwar id-Difiża (minn hawn ’il quddiem “Azzjoni Preparatorja”) fis-sena finanzjarja tal-2018.
Billi l-Liechtenstein u l-Iżlanda ma esprimewx l-interess tagħhom li jipparteċipaw f’din l-Azzjoni Preparatorja, għaldaqstant l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jikkonċerna biss lin-Norveġja.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-Ftehim taż-ŻEE jipprevedi fl-Artikolu 78 li l-Partijiet Kontraenti għandhom isaħħu u jwessgħu l-kooperazzjoni fil-qafas tal-attivitajiet tal-UE fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku. Il-Kummissjoni, li bħalissa tiffinanzja esklussivament ir-Riċerka u l-Iżvilupp ċivili jew b’użu doppju permezz tal-programm Orizzont 2020 tagħha, tqis l-Azzjoni Preparatorja bħala strument ewlieni biex ikun eżaminat il-valur miżjud tar-riċerka relatata mad-difiża mill-baġit tal-UE
In-Norveġja diġà pparteċipat fl-Azzjoni Preparatorja fis-sena preċedenti 2017. Barra minn hekk, in-Norveġja kienet ikkonkludiet Ftehim ta’ Kooperazzjoni mal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea u d-Direttiva dwar l-Akkwist tad-Difiża u s-Sigurtà relatata (2009/81/KE), kienet ġiet inkorporata fil-Ftehim taż-ŻEE sa mill-2014.
•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni
Il-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka f’teknoloġiji, prodotti u servizzi innovattivi hija kruċjali biex tiġi salvagwardjata l-kompetittività fuq tul ta’ żmien twil tas-settur tad-difiża u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-awtonomija strateġika tal-Ewropa. Il-kooperazzjoni man-Norveġja għalhekk tikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-isforzi tal-UE f’dan il-qasam.
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Azzjoni Preparatorja hija parti mill-politiki tagħha marbuta mas-suq intern, l-industrija u r-riċerka. Aktar tisħiħ tal-kooperazzjoni f’dan il-qasam huwa għalhekk konformi mal-għanijiet tal-Ftehim taż-ŻEE.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika hija l-Artikoli 54(2)(b), 84(2) u l-Artikolu 124 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim taż-ŻEE li jipprovdi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni dwar Deċiżjonijiet bħal dawn, fuq proposta mill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mas-SEAE, tippreżenta l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista’ jkun malajr.
•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għar-raġuni li ġejja.
L-objettiv ta’ din il-proposta, partikolarment biex tiġi stabbilita kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka dwar id-difiża ma-Istati tal-EFTA taż-ŻEE permezz tal-parteċipazzjoni tagħha f’Azzjoni Preparatorja ffinanzjata mill-baġit tal-UE, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-effetti, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.
•Proporzjonalità
F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tagħha – li tissaħħaħ u titwessa’ l-kooperazzjoni fil-qafas tal-attivitajiet tal-UE fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku.
•Għażla tal-istrument
F'konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, l-istrument magħżul huwa d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiżgura l-implimentazzjoni u l-operat effettivi tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Għal dan l-għan, għandu jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim ŻEE.
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONI EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI, U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
Mhux applikabbli
4.L-IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
In-Norveġja għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għall-Linja tal-Baġit 02 04 77 03: “Azzjoni preparatorja fuq ir-riċerka dwar id-Difiża”. L-ammont eżatt għandu jiġi ddeterminati ladarba li din id-Deċiżjoni tal-Kunsill tiġi adottata.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u l-arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Skont il-politika baġitarja tal-UE, kull parteċipazzjoni f’attività tal-UE tista’ sseħħ biss wara li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti. Il-ħlas jista’ madankollu jseħħ ladarba dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill jiġi adottat u wara li s-sejħa għal fondi tal-UE stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea tkun sottomessa lill-Istati tal-EFTA taż-ŻEE.
Għalhekk, sabiex jimtela l-vojt fiż-żmien bejn Jannar 2018 u r-riċeviment tal-ħlas rispettiv, l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt se jkun applikabbli b’mod retroattiv minn Jannar 2018.
Ir-retroattività ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni kkonċernati u tirrispetta l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.
2018/0100 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward ta' emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE
(Azzjoni preparatorja tal-Unjoni dwar ir-riċerka dwar id-difiża)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, u b'mod partikolari l-Artikoli 54(2)(b), 84(2) u l-Artikolu 124 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ("il-Ftehim ŻEE") daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.
(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE.
(3)Il-Protokoll 31 għall-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet.
(4)L-Istati tal-EFTA għandhom ikomplu jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Unjoni relatati mal-linja baġitarja 02 04 77 03 (Azzjoni preparatorja dwar ir-riċerka fil-qasam tad-difiża), imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018.
(5)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jippermetti li din il-kooperazzjoni estiża tkompli għaddejja mill-1 ta' Jannar 2018.
(6)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni mehmuż,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta fil-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President