Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0074

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA)

COM/2018/074 final - 2018/036 (NLE)

Brussell, 19.2.2018

COM(2018) 74 final

2018/0036(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fit-30 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni, mar-Renju tal-Marokk (“il-Marokk”) dwar Ftehim Internazzjonali bejn l-Unjoni u l-Marokk li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Marokk fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (“PRIMA”).

Skont it-termini tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, in-negozjati setgħu jinbdew biss wara l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li jipparteċipaw fiha b’mod konġunt diversi Stati Membri.

In-negozjati bdew fis-26 ta’ Ġunju 2017 u ġew konklużi b’suċċess fit-22 ta’ Jannar 2018, meta l-Kapijiet Negozjaturi tal-Partijiet futuri poġġew l-inizjali tagħhom fuq it-test tal-abbozz tal-Ftehim. L-abbozz tal-Ftehim mehmuż ma’ din il-proposta huwa konformi mad-direttivi tan-negozjati maħruġa mill-Kunsill. B’mod partikolari, dan jistabbilixxi li t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Marokk fil-PRIMA għandhom ikunu dawk li ġew stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 1 , u billi ssir referenza diretta għall-att leġiżlattiv tal-Unjoni.

Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari s-setgħat tal-Kummissjoni, tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, tal-Qorti tal-Awdituri u tal-Istruttura ta’ Implimentazzjoni tal-PRIMA (PRIMA-IS) biex iwettqu l-awditjar u l-investigazzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, il-Ftehim jagħmel referenza speċifika għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 u jobbliga lill-Partijiet biex jipprovdu l-assistenza kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Barra minn hekk, il-Ftehim futur jistipula li l-Partijiet iridu jsibu qbil dwar l-arranġamenti dettaljati għall-assistenza, peress li dawn l-arranġamenti huma essenzjali għall-kooperazzjoni ta’ bejniethom skont dan il-Ftehim.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Kif ġie ppreżentat ukoll fir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt għall-PRIMA 2 , il-ftuħ tal-PRIMA għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi bħall-Marokk huwa konsistenti mal-objettivi tal-kooperazzjoni internazzjonali għar-riċerka u għall-innovazzjoni kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 “Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni: Approċċ strateġiku” 3 u fil-Programm Qafas Orizzont 2020, li jippromwovi l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fix-xjenza, fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni sabiex jiġu indirizzati l-isfidi globali tas-soċjetà u jiġu appoġġati l-politiki esterni tal-Unjoni. Dan il-Ftehim huwa konsistenti wkoll mal-Ftehim Ewro-Mediterranju eżistenti li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra 4 , li jipprevedi kooperazzjoni xjentifika, teknika u teknoloġika bejn l-Unjoni u l-Marokk, u mal-Ftehim dwar koperazzjoni xjentifika u teknika bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk 5 , li jħeġġeġ l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Partijiet f’oqsma ta’ interess komuni għalihom.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-implimentazzjoni tal-PRIMA f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżi terzi bħall-Marokk hija konsistenti wkoll ma’ politiki oħra tal-Unjoni, bħall-politika dwar il-migrazzjoni, il-politika tal-iżvilupp u l-politika tal-viċinat, filwaqt li hija wkoll rilevanti għalihom.

2.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill hija bbażata fuq l-Artikolu 186 u l-Artikolu 218(6)(a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jikkonkludi l-Ftehim f’isem l-Unjoni.

2018/0036 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 186 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 tistipula l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li jipparteċipaw fiha b’mod konġunt diversi Stati Membri.

(2)Ir-Renju tal-Marokk (“il-Marokk”) esprima x-xewqa tiegħu li jissieħeb fil-PRIMA bħala Stat Parteċipant u li jkun fl-istess livell tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi assoċjati mal-programm Orizzont 2020 li jipparteċipaw fil-PRIMA.

(3)Skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1324, il-Marokk isir Stat Parteċipant fil-PRIMA soġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Unjoni li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Marokk fil-PRIMA.

(4)Il-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni fi XX, 20XX, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar ’il quddiem u b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill <XXX> 7 .

(5)Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’dan, il-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) huwa approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna li jkollha s-setgħa tagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 5(2) tal-Ftehim f’isem l-Unjoni, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi [id-data tal-adozzjoni tagħha].

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li jipparteċipaw fiha b’mod konġunt diversi Stati Membri (ĠU L 185, 18.7.2017, p. 1).
(2)    SWD(2016) 332 final, 18.10.2016.
(3)    COM(2012) 497 final.
(4)    ĠU L 70, 18.3.2000, p. 2.
(5)    ĠU L 37, 10.2.2004, p. 9.
(6)    Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li jipparteċipaw fiha b’mod konġunt diversi Stati Membri (ĠU L 185, 18.7.2017, p. 1).
Top

Brussell,19.2.2018

COM(2018) 74 final

ANNESS

tal-

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA)


ANNESS

Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA)

L-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”),

minn naħa waħda,

u

r-Renju tal-Marokk (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Marokk”),

min-naħa l-oħra,

(minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-Partijiet”)

Billi l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2000, jipprevedi l-kooperazzjoni xjentifika, teknika u teknoloġika;

Billi l-Ftehim dwar koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk, li daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Marzu 2015, jistabbilixxi qafas formali għall-kooperazzjoni tal-Partijiet fir-riċerka xjentifika u teknoloġika;

Billi l-proċess li wassal għall-PRIMA beda permezz tal-Konferenza Ewro-Mediterranja dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni li saret f’Barċellona fl-2012, li matulha l-parteċipanti qablu li jniedu sħubija mġedda fir-riċerka u fl-innovazzjoni bbażata fuq il-prinċipji tas-sjieda konġunta, tal-interess reċiproku u tal-benefiċċju kondiviż;

Billi l-Marokk kien qed ikollu rwol attiv f’dan il-proċess u permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Settembru 2014 esprima formalment l-impenn finanzjarju tiegħu b’rabta mal-PRIMA;

Billi, f’Diċembru tal-2014, għadd ta’ Stati Membri tal-UE u pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, fosthom il-Marokk, ressqu proposta lill-Kummissjoni Ewropea għal “programm konġunt tal-PRIMA”;

Billi d-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li jipparteċipaw fiha b’mod konġunt diversi Stati Membri tirregola t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tal-UE u tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Orizzont 2020 li huma Stati Parteċipanti tal-inizjattiva, b’mod partikolari l-obbligi finanzjarji tagħhom u l-parteċipazzjoni fl-istrutturi regolatorji tal-inizjattiva;

Billi, skont it-termini tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1324, il-Marokk isir Stat Parteċipant fil-PRIMA soġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Unjoni li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Marokk fil-PRIMA;

 

Billi l-Marokk esprima x-xewqa tiegħu li jissieħeb fil-PRIMA bħala Stat Parteċipant, fl-istess livell tal-Istati Membri tal-UE u tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Orizzont 2020 li jipparteċipaw fil-PRIMA;

Billi huwa meħtieġ ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u l-Marokk biex jiġu rregolati d-drittijiet u l-obbligi tal-Marokk bħala Stat Parteċipant fil-PRIMA,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Skop

L-iskop ta’ dan il-Ftehim huwa li jiġu stabbiliti t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Marokk fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA).

Artikolu 2

Termini u kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Marokk fil-PRIMA

It-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Marokk fil-PRIMA għandhom ikunu dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li jipparteċipaw fiha b’mod konġunt diversi Stati Membri. Il-Partijiet għandhom jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti b’dik id-Deċiżjoni u għandhom jieħdu l-miżuri x-xierqa, b’mod partikolari billi jipprovdu l-assistenza kollha meħtieġa sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) u tal-Artikolu 11(3) u (4) tagħha. L-arranġamenti dettaljati għall-assistenza għandhom jiġu miftiehma bejn il-Partijiet, peress li dawn l-arranġamenti huma essenzjali għall-kooperazzjoni ta’ bejniethom skont dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Applikazzjoni territorjali

L-applikazzjoni territorjali ta’ dan il-Ftehim għandha tkun dik stabbilita fil-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra.

Artikolu 4

Iffirmar u applikazzjoni proviżorja

Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod proviżorju mid-data tal-iffirmar tiegħu.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u durata

1. Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri tagħhom stess.

2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha ż-żewġ Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin permezz tal-kanali diplomatiċi li l-proċeduri msemmija fl-ewwel paragrafu ġew konklużi.

3. Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tibqa’ fis-seħħ, diment li ma jiġix itterminat minn waħda mill-Partijiet skont l-Artikolu 6.

Artikolu 6

Terminazzjoni

1. Kwalunkwe Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe waqt b’avviż bil-miktub li jinforma lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni li tittermina dan il-Ftehim.

It-terminazzjoni għandha ssir effettiva sitt xhur wara d-data li fiha l-avviż bil-miktub ikun wasal għand id-destinatarju.

2. Il-proġetti u l-attivitajiet li jkunu għaddejjin fil-waqt tat-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jissoktaw sakemm jitlestew skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim.

3. Il-Partijiet għandhom isolvu b’kunsens komuni kwalunkwe konsegwenza oħra tat-terminazzjoni.

Artikolu 7

Soluzzjoni tat-tilwim

Il-proċedura ta’ soluzzjoni tat-tilwim prevista fl-Artikolu 86 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, għandha tapplika għat-tilwimiet kollha marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

****

Dan il-Ftehim għandu jitfassal b’kopji duplikati bil-Bulgaru, bil-Kroat, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż u bl-Għarbi, filwaqt li t-testi kollha jkunu ugwalment awtentiċi.

Top