EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IP0237

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar il-Pilastru tat-Trasport tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa wara l-2020 (2018/2718(RSP))

ĠU C 76, 9.3.2020, p. 159–163 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/159


P8_TA(2018)0237

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa wara l-2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar il-Pilastru tat-Trasport tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa wara l-2020 (2018/2718(RSP))

(2020/C 76/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (1) u l-emenda sussegwenti tiegħu bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2017/1123 tal-20 ta' Ġunju 2017 (2),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: l-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni (4),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2017 dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE (COM(2017)0358),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar id-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE (5),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (COM(2016)0604) komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2016)0603) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2016)0299),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal emenda tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u fuq ġestjoni finanzjarja soda (COM(2016)0606),

wara li kkunsidra r-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi mill-Parlament Ewropew fl-4 ta' Ottubru 2016 u mill-Kunsill fil-5 ta' Ottubru 2016,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP 2014-2020 (6),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-15 ta' Ġunju 2016 bl-isem "Reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP)" (7),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 bl-isem "Baġit modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi – Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027" (COM(2018)0321),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-28 ta' Marzu 2018 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari (JOIN(2018)0005),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-14 ta' Frar 2018 bl-isem "L-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF)" (COM(2018)0066),

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-iżvilupp u r-riabilitazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport fl-UE għadhom pjuttost frammentati u jirrappreżentaw sfida kbira f'termini ta' kapaċità u finanzjament, iżda huma essenzjali biex jiġu żgurati kemm it-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u l-kompetittività kif ukoll il-koeżjoni soċjali u territorjali fl-Unjoni, u b'hekk ipattu għall-iżbilanċi bejn ir-reġjuni;

B.

billi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) hija programm ta' finanzjament komuni, immaniġġjat ċentralment u maħsub biex jippromwovi l-iżvilupp ta' netwerk trans-Ewropew (TEN) bi prestazzjoni għolja, sostenibbli u interkonness fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija u l-infrastruttura tas-servizzi diġitali;

C.

billi t-tlestija bikrija tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) se tikkontribwixxi b'mod sostanzjali biex l-UE tilħaq il-miri tagħha ta' tnaqqis tal-emissjonijiet skont il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, biex l-ekonomija Ewropea tkun dekarbonizzata u biex jintlaħqu l-objettivi 20-20-20 tal-UE fil-qasam tal-politika tal-enerġija u l-klima; billi n-netwerk ewlieni għandu jitlesta sal-2030 u n-netwerk komprensiv sal-2050;

D.

billi wieħed minn kull 10 Ewropej jaħdem fis-settur usa' tat-trasport, u billi l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport se jwassal għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, peress li huwa stmat li għal kull biljun euro investiti fin-netwerk ewlieni tat-TEN-T se jinħolqu sa 20 000 impjieg ġdid;

E.

billi l-FNE tiffoka fuq l-iffaċilitar tal-konnessjonijiet transfruntiera, l-istabbiliment ta' nodi multimodali u urbani, l-indirizzar tal-falliment tas-suq u t-tneħħija tal-punti ta' konġestjoni; billi l-FNE kisbet it-twettiq ta' proġetti li mingħajrha ma kinux se jiġu implimentati, u b'hekk ipprovdiet valur miżjud ċar għall-UE fl-iffaċilitar ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni transnazzjonali;

F.

billi s-settur tat-trasport irrappreżenta l-akbar sehem tal-baġit tal-FNE fil-perjodu 2014-2020; billi s-sehem tat-trasport ġie distribwit f'pakkett ġenerali għall-Istati Membri kollha u f'pakkett ta' koeżjoni disponibbli għall-Istati Membri ta' koeżjoni u trasferit direttament mill-Fond ta' Koeżjoni;

G.

billi l-FNE hija wieħed mill-aktar programmi ta' suċċess tal-UE tant li ma kienx possibbli li jintlaqgħu t-talbiet kollha; billi, sa tmiem l-2017, il-pilastru tat-trasport tal-FNE kien diġà alloka EUR 21,3 biljun f'għotjiet għal proġetti tat-TEN-T, u b'hekk iġġenera EUR 41,6 biljun ta' investimenti totali; billi, tul l-2018, se jiġu ffirmati ftehimiet ta' għotja addizzjonali għal sejħa għal finanzjament imħallat li tikkombina għotjiet mill-FNE ma' finanzjamenti privati, inkluż mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS); billi f'Novembru 2017 il-baġit inizjali ta' EUR 1 biljun għal din is-sejħa żdied bl-ammont ta' EUR 350 miljun bħala sostenn għall-prijorità "Innovazzjoni u teknoloġiji ġodda", f'konformità mal-objettivi tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Fjuwils Alternattivi;

H.

billi l-introduzzjoni tal-prinċipju "użah jew titilfu" ikkontribwiet b'mod sinifikanti għas-suċċess tal-FNE; billi, madankollu, l-irkupru tal-baġit ta' proġetti mhux implimentati għandu jkun aċċelerat;

I.

billi l-FNE hija mmirata biex taċċelera l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport u fl-innovazzjoni u biex tattira l-finanzjament kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat, filwaqt li żżid iċ-ċertezza legali u r-rispett tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika;

J.

billi l-Kummissjoni hija mistennija tippubblika l-proposti leġiżlattivi tagħha dwar l-Investiment Strateġiku Ewropew, inkluża Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) aġġornata, f'Ġunju 2018;

1.

Jenfasizza li l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport ifisser investiment fit-tkabbir sostenibbli fit-tul, il-koeżjoni, il-kompetittività u l-impjiegi; jissottolinja, għalhekk, l-importanza strateġika tal-programm FNE fir-rigward tal-integrazzjoni tas-suq intern, il-mobbiltà intelliġenti u l-opportunità għall-UE li tipprovdi valur miżjud tanġibbli liċ-ċittadini permezz ta' dan il-programm;

2.

Jenfasizza li l-FNE kienet, hija u trid tibqa' strument effikaċi u mmirat lejn l-investiment fl-infrastruttura trans-Ewropea (TEN) fis-setturi tat-trasport u l-enerġija u f'dak tas-servizzi diġitali, bil-għan li tikkontribwixxi għall-prijoritajiet tal-UE f'dak li jikkonċerna l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, is-suq intern, l-Unjoni tal-Enerġija, il-klima u s-suq uniku diġitali;

3.

Jenfasizza s-suċċess tal-programm FNE 2014-2020 f'li jġib miegħu valur miżjud Ewropew għoli billi jappoġġa proġetti ta' konnettività b'dimensjoni transfruntiera, interoperabbli u multimodali u proġetti li jtejbu l-konnettività fil-modi kollha tat-trasport, inkluż fuq il-baħar, fil-portijiet interni u fil-passaġġi tal-ilma interni, filwaqt li jagħti prijorità lil proġetti li jindirizzaw il-lakuni f'termini ta' konnessjonijiet, u jneħħi l-punti ta' konġestjoni bil-ħsieb li jinkisbu żona unika Ewropea tat-trasport aċċessibbli għal kulħadd u settur tat-trasport innovattiv; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-valur miżjud transfruntier ta' nodi bħall-portijiet tal-baħar u tappoġġa proġetti li jtejbu l-konnettività ma' pajjiżi terzi sħab;

4.

Jirrikonoxxi li l-benefiċċju kollu u l-potenzjal sħiħ tal-investiment tal-UE fin-netwerk tat-TEN-T jistgħu jintlaħqu biss wara t-tlestija tan-netwerk ewlieni u dak komprensiv; jistieden lill-Kummissjoni żżomm f'moħħha li t-tlestija ta' dawn in-netwerks se tirrikjedi investimenti sinifikanti, li parti minnhom se tiddependi mit-tkomplija tal-appoġġ tal-UE, jew inkella hemm ir-riskju li t-tali netwerks jiġu fix-xejn; jinsisti li trid tinżamm pressjoni sabiex dawn in-netwerks jitlestew sa mhux aktar tard mill-2030 u l-2050 rispettivament, u skont l-istandards tas-seklu 21 tul il-proċess kollu;

5.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-programm FNE taħt il-proposta tal-QFP 2021-2027 jsegwi l-programm attwali, saħansitra b'ambizzjoni usa' f'termini ta' objettivi ta' politika u riżorsi finanzjarji; jenfasizza li l-investimenti fi proġetti tal-infrastruttura diġitali, innovattivi u sostenibbli tat-trasport għandhom jiġu aċċelerati sabiex nimxu lejn sistema tat-trasport aktar ekoloġika, tassew integrata, moderna, accessibbli għal kulħadd, sikura u effiċjenti;

6.

Jirrikonoxxi li intervent mill-FNE kien determinanti għall-varar ta' ħafna mill-proġetti, speċjalment għal proġetti ta' konnettività fil-livell transfruntier, nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza li l-FNE wriet li hija katalizzatur importanti għall-investiment pubbliku u privat; jemmen, madankollu, li għandha tittieħed aktar azzjoni sabiex jiġi rilaxxat il-potenzjal sħiħ tagħha;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar modi biex tippromwovi l-FNE bħala strument immexxi mill-politika b'objettivi settorjali speċifiċi, li jindirizza proġetti kumplessi b'dimensjoni ta' interoperabbiltà transfruntiera jew fuq skala tal-UE;

8.

Jemmen li, fil-QFP li jmiss, abbażi ta' reviżjoni bir-reqqa tal-perjodu 2014-2020 u l-konsegwenzi tar-relazzjoni kumplessa bejn il-FNE u programmi u strumenti finanzjarji oħrajn, bħal Orizzont 2020, il-Fondi SIE u l-FEIS, u b'mod partikolari l-effett ta' sostituzzjoni osservat bejn il-FNE u l-FEIS, il-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ u tiżgura l-komplementarjetà bejn il-FNE u programmi oħra bħal Orizzont tal-Ewropa u l-Fond InvestEU, sabiex iżżomm u tippromwovi l-objettivi ċari tal-programm, tevita x-xogħol doppju u tottimizza r-riżorsi baġitarji;

9.

Jenfasizza li kwalunkwe tnaqqis fil-FNE li jmiss favur programmi oħra, kif ġara fl-ambitu tal-FNE 2014-2020 favur il-FEIS u l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP), jitqies bħala inaċċettabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreserva l-integrità tal-kapaċità finanzjarja tal-FNE, peress li maġġoranza kbira ta' finanzjament tal-FNE hija marbuta ma' proġetti b'benefiċċji usa' fil-livell reġjonali u f'dak tal-UE, iżda li għalihom m'hemmx biżżejjed finanzjament nazzjonali jew finanzjament ibbażat fuq is-suq;

10.

Jirrikonoxxi s-suċċess inkoraġġanti tal-ewwel riżultati tas-sejħa għal proposti għal finanzjament imħallat li tnediet taħt il-programm FNE attwali; jinkoraġġixxi għalhekk b'mod qawwi lill-Kummissjoni tirrepeti sejħiet bħal dawn fil-futur u tkompli tuża FNE aktar b'saħħitha fil-forma ta' għotjiet, li jiġu kkombinati ma' strumenti finanzjarji tal-UE u dawk mhux tal-UE, fejn possibbli; jistieden ukoll lill-Kummissjoni ssib modi kif tinkoraġġixxi b'mod aktar effettiv il-parteċipazzjoni ta' koinvestituri privati, u jistieden lill-Istati Membri jneħħu l-ostakoli leġiżlattivi u amministrattivi għal tali proċess;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinkoraġġixxi sinerġiji fil-livell tal-proġetti bejn it-tliet setturi, li attwalment huma limitati minħabba r-riġidità tal-qafas baġitarju fir-rigward tal-eliġibilità tal-proġetti u l-eliġibilità tal-ispejjeż; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadatta l-infrastruttura għall-ħtiġijiet futuri ta' mobbiltà nadifa u intelliġenti; jistenna li l-linji gwida tal-politika settorjali futuri u l-istrument tal-FNE jsiru aktar flessibbli sabiex jiffaċilitaw is-sinerġiji u jkunu aktar reattivi għall-prijoritajiet u l-iżviluppi teknoloġiċi l-ġodda bħad-diġitalizzazzjoni, filwaqt li jiġu aċċelerati d-dekarbonizzazzjoni u indirizzati l-isfidi komuni tas-soċjetà bħalma hija s-sigurtà ċibernetika;

12.

Jenfasizza l-importanza tal-ġestjoni diretta għall-finijiet tal-iżgurar ta' proċeduri komuni għat-tliet setturi, allokazzjoni b'ħeffa tal-fondi u eżekuzzjoni baġitarja tajba ħafna; jirrimarka li l-ġestjoni diretta ta' għotjiet tal-FNE wriet li hija effiċjenti ħafna, b'riżerva b'saħħitha ta' proġetti u proċess ta' għażla kompetittiv, enfasi fuq l-objettivi tal-politika tal-UE, implimentazzjoni kkoordinata u l-involviment sħiħ tal-Istati Membri; jirrikonoxxi r-rwol kruċjali li taqdi l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA) fis-suċċess tal-FNE billi tottimizza l-baġit, b'mod partikolari permezz tal-flessibilità tagħha biex il-flus mhux minfuqa għal ċerti azzjonijiet tallokahom mill-ġdid malajr għall-finanzjament ta' azzjonijiet ġodda; jinsisti fuq it-tisħiħ tal-INEA biex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE jintefqu b'mod xieraq;

13.

Jappoġġa l-applikazzjoni tal-prinċipju "użah jew titilfu" fil-ġestjoni diretta tal-FNE; jinsisti, fl-istess waqt, li tinżamm il-possibilità li jiġu riċiklati impenji f'każijiet fejn il-proġetti ma jitwettqux kif ippjanat sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-FNE;

14.

Jirrikonoxxi l-kumplessità biex jitressaq proġett, speċjalment għall-infrastrutturi kbar tat-trasport, u r-rilevanza tal-assistenza teknika mogħtija, pereżempju permezz tal-Azzjoni ta' Appoġġ tal-Programm tal-FNE, b'mod partikolari lill-Istati Membri ta' koeżjoni, sabiex tiġi promossa l-eliġibilità ta' proġetti maturi u ta' kwalità għolja; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tipprovdi dan it-tip ta' assistenza u teżamina mill-ġdid il-kriterji ta' evalwazzjoni li jiffavorixxu identifikazzjoni aktar ċara tal-valur miżjud tal-proġetti; jappella lill-Kummissjoni biex, barra minn hekk, tieħu passi ulterjuri sabiex tissimplifika b'mod sinifikanti r-rekwiżiti amministrattivi, mhux biss għal għotjiet żgħar, u tadatta l-assistenza teknika għall-applikanti ta' proġetti żgħar;

15.

Jilqa' l-fatt li fil-programm 2014-2020, EUR 11,3 biljun ġew ittrasferiti mill-Fond ta' Koeżjoni għall-pakkett ta' koeżjoni tal-pilastru tat-trasport tal-FNE, u jenfasizza s-suċċess eċċezzjonali tas-sejħiet għal proposti fil-qasam tal-koeżjoni;

16.

Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li talloka EUR 42 265 miljun lill-FNE għall-perjodu 2021-2027, inklużi EUR 7 675 miljun għal proġetti dwar l-enerġija u EUR 2 662 miljun (it-tnejn li huma fi prezzijiet kostanti) għal proġetti tat-telekomunikazzjoni u diġitali; jiddispjaċih, madankollu, li fi prezzijiet kostanti, l-allokazzjoni għall-pilastru tat-trasport tal-FNE tammonta għal EUR 11 384 miljun u l-kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni tammonta għal EUR 10 000 miljun, ammonti li jirrappreżentaw tnaqqis ta' 12 % u 13 % rispettivament; jinnota u ma jistax jaċċetta li l-fondi allokati għall-pilastru tat-trasport huma l-uniċi li tnaqqsu; jissottolinja li l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom is-settur tat-trasport fis-suq intern u s-suċċess tal-FNE jmorru kontra t-tnaqqis tal-ammont tal-pakkett tat-trasport u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid l-ammont propost;

17.

Jemmen li sabiex jinżamm livell għoli tal-kredibilità u tal-attrattiva tal-programm FNE għall-investituri, il-kapaċità finanzjarja tiegħu matul il-perjodu tal-QFP li jmiss għandha tiżdied; jenfasizza li baġit insuffiċjenti għat-trasport iqiegħed f'riskju t-tlestija tan-netwerk TEN-T, u li dan fil-fatt jiżvaluta l-investimenti mill-finanzi pubbliċi li diġà saru;

18.

Jissottolinja, barra minn hekk, li dan il-pakkett ta' koeżjoni għandu dimensjoni reġjonali qawwija li twieġeb għal domanda lokali u huwa element ewlieni għat-tlestija tal-partijiet tan-netwerk ewlieni fl-Istati Membri ta' koeżjoni, u għalhekk għall-koeżjoni territorjali tal-UE; jinnota li l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport tal-UE, meta implimentat bil-kontribuzzjoni tal-Fond ta' Koeżjoni, għandu jibqa' jikkostitwixxi sistema bbilanċjata sew ta' sorsi b'ġestjoni ċentrali u b'ġestjoni kondiviża; jenfasizza li l-ammont allokat taħt il-ġestjoni diretta fil-qafas tal-FNE mill-Fond ta' Koeżjoni fil-QFP li jmiss 2021-2027 irid tal-anqas jibqa' fl-istess livell bħal dak tal-QFP preċedenti 2014-2020, u li dan l-ammont irid ikun biżżejjed biex matul il-QFP li jmiss 2021-2027 jitlestew dawk il-proġetti ffinanzjati mill-ammonti allokati tal-Fond ta' Koeżjoni taħt il-FNE attwali;

19.

Ifakkar li t-tlestija tan-netwerk ewlieni tat-trasport fl-UE u t-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika se jkomplu jirrikjedu l-parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati kkonċernati, it-trasparenza fl-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ambjentali u finanzjarja tal-proġetti, it-titjib tal-integrazzjoni modali u l-promozzjoni ta' operazzjonijiet komodali;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibqgħu impenjati biex jilħqu l-objettivi ta' politika ewlenin tal-FNE fis-settur tat-trasport: sal-2030 – it-tlestija tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T, inkluża l-implimentazzjoni tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), l-awtostradi tal-baħar (MoS) u s-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), u t-tranżizzjoni lejn mobbiltà nadifa, kompetittiva, innovattiva u konnessa, inkluża bażi tat-tariffi infrastrutturali tal-fjuwils alternattivi tal-UE sal-2025; progress lejn it-tlestija tan-netwerk komprensiv tat-TEN-T sal-2050;

21.

Jissottolinja l-ħtieġa ta' enfasi aktar qawwija fuq proġetti orizzontali intelliġenti; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tikkunsidra li tistabbilixxi inizjattivi speċifiċi, iddedikati u tranżnazzjonali biex tiġi aċċelerata u żgurata l-implimentazzjoni korretta ta' prijoritajiet orizzontali bħall-ERTMS permezz tal-mobilizzazzjoni ta' investimenti privati, parzjalment billi jinġabru flimkien għotjiet u strumenti finanzjarji;

22.

Ifakkar, fir-rigward tas-settur tat-trasport, fl-importanza li ssir enfasi fuq konnessjonijiet transfruntiera u multimodali, soluzzjonijiet diġitali, bidla modali u trasport aktar sostenibbli; jemmen li FNE aġġornata għandha wkoll tagħti prijorità lil rabtiet aktar diretti bejn in-netwerk ewlieni u dak komprensiv; jemmen li dawn l-objettivi għandhom jiġu riflessi fil-listi ta' proġetti identifikati minn qabel inklużi fir-Regolament dwar il-FNE li jmiss;

23.

Jirrikonoxxi li s-settur tat-trasport għandu jieħu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji diġitali u innovattivi, u jirrikonoxxi li infrastrutturi tat-trasport ġodda u innovattivi huma dejjem aktar attraenti għall-investiment, speċjalment mis-settur privat; jirrimarka, madanakollu, li l-infrastruttura eżistenti tibqa' s-sinsla tan-netwerk tal-UE u jenfasizza l-urġenza li jsir ħafna aktar investiment fil-manutenzjoni tal-infrastruttura eżistenti; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura l-attrattiva tal-modifika retroattiva jew it-titjib tal-infrastruttura eżistenti b'ambizzjoni għolja fl-innovazzjoni;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lir-reġjuni ultraperiferiċi, kif minqux fl-Artikolu 349 TFUE, billi testendi n-netwerk ewlieni ta' portijiet biex ittejjeb il-konnettività fi ħdan il-baċiri ġeografiċi tagħhom, bejn ir-reġjuni nnifishom, mal-art kontinentali u ma' pajjiżi terzi; iqis li r-reġjuni ultraperiferiċi għandu jkollhom sa 85 % tal-kofinanzjament fil-modi kollha tat-trasport sabiex jittejjeb l-aċċess tagħhom għas-sejħiet u biex jinħolqu konnessjonijiet marittimi regolari bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u ż-żoni kontinentali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta' sejħa speċifika għar-reġjuni ultraperiferiċi u tikkunsidra, barra minn hekk, l-allokazzjoni ta' finanzjament għal teknoloġija innovattiva għal ajruporti reġjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex jiġu garantiti s-sikurezza u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-ajruporti;

25.

Jilqa' l-objettivi stabbiliti fil-komunikazzjoni konġunta dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari f'termini kemm ta' titjib fl-infrastruttura kif ukoll ta' ħolqien ta' sinerġiji; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-FNE biex tappoġġa l-iżvilupp ta' infrastruttura b'użu doppju għal skopijiet ċivili jew ta' difiża tul in-netwerk TEN-T;

26.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)  ĠU L 163, 24.6.2017, p. 1.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)  ĠU C 101, 16.3.2018, p. 64.

(5)  Test adottati, P8_TA(2017)0401.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2016)0412.

(7)  ĠU C 17, 18.1.2017, p. 20.


Top