EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0703

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMNT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-prinċipji tas-sussidjajetà u proporzjonalità: Insaħħu r-rwol tagħhom fit-tfasil tal-politika tal-UE

COM/2018/703 final

Strasburgu, 23.10.2018

COM(2018) 703 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Il-prinċipji tas-sussidjajetà u proporzjonalità: Insaħħu r-rwol tagħhom fit-tfasil tal-politika tal-UE

{COM(2018) 490}
{COM(2018) 491}


Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità: It-tisħiħ tar-rwol tagħhom fit-tfassil tal-politika tal-UE

Irrid li l-Unjoni tagħna jkollha fokus aktar b’saħħtu fuq affarijiet li huma ta’ siwi, billi tibni fuq il-ħidma li diġà saret minn din il-Kummissjoni. Ma rridux nindaħlu fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej billi nirregolaw kull aspett. Għandna nieħdu azzjoni kbira fuq il-kwistjonijiet il-kbar. Ma rridux nivvintaw xi sensiela ta’ inizjattivi ġodda jew nippruvaw niksbu dejjem aktar kompetenzi. Irridu nagħtu lura l-kompetenzi lill-Istati Membri fejn jagħmel sens li nagħmlu dan.

Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017 tal-President Juncker

1.Introduzzjoni

Din il-Kummissjoni tikkonċentra fuq il-kwistjonijiet li huma importanti. Hija poġġiet it-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza u regolamentazzjoni aħjar fil-qalba tal-azzjonijiet tagħha. Hija pproponiet programmi ta’ ħidma sempliċi ffukati fuq l-għaxar prijoritajiet tal-President Juncker. Din il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li tieħu azzjoni kbira fil-kwistjonijiet il-kbar u modesta f’aspetti oħra.

Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma elementi ewlenin tal-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni li tirfed il-mod kif il-Kummissjoni tħejji l-proposti ta’ politika tagħha. Din il-Kummissjoni investiet ħafna fir-regolamentazzjoni aħjar u issa din qed issir parti mid-DNA tal-Kummissjoni. It-tagħlimiet miksuba mill-esperjenza tal-imgħoddi u l-fehmiet tal-partijiet interessati u tas-soċjetà ċivili tqiegħdu sew fiċ-ċentru tal-proċess tat-tfassil tal-politika qabel ma ġiet proposta leġiżlazzjoni ġdida. L-isforzi tal-Kummissjoni ġew rikonoxxuti riċentement mill-OECD li issa qed jikklassifikaw lill-Kummissjoni bħala li turi l-aqwa prestazzjoni 1 f’termini ta’ prattika regolatorja tajba. Madankollu, aħna ma nikkuntentawx b’li ksibna. Il-Kummissjoni qed tevalwa l-pakkett ta’ riformi li jkopru ċ-ċiklu politiku sħiħ li introduċiet f’Mejju 2015. L-għan tar-riformi kien li jsaħħu l-onestà u t-trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, itejbu l-kwalità ta’ liġijiet ġodda permezz ta’ valutazzjonijiet tal-impatt aħjar għall-abbozz tal-leġiżlazzjoni u l-emendi, u biex jippromwovu reviżjoni kostanti u konsistenti tal-liġijiet eżistenti tal-UE. L-eżerċizzju ta’ rendikont se jiffoka fuq l-irfinar u t-titjib ulterjuri tal-politika tagħna ta’ regolamentazzjoni aħjar, inkluż fir-rigward tat-trattament tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

Dan ir-rendikont isir flimkien mar-riflessjoni li ngħatat lill-ġejjieni tal-Ewropa, fuq liema suġġett il-Kummissjoni ppreżentat White Paper f’Marzu 2017. Din ippreżentat ħames xenarji biex turi kif l-Unjoni tista’ tidher fl-2025 u nediet proċess b’aktar minn 2000 avveniment pubbliku mmirati biex jippermettu lill-Ewropej ikollhom vuċi fuq il-ġejjieni tal-Unjoni tagħhom. Fil-kummenti tiegħu dwar din id-diskussjoni fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fl-2017, il-President Juncker ippreżenta l-viżjoni tiegħu ta’ Unjoni aktar demokratika bbażata fuq il-libertà, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt. Sabiex din il-ħidma titmexxa ’l quddiem, il-President Juncker stabbilixxa Task Force dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità, li tagħti ħarsa kritika lejn l-oqsma kollha ta’ politika biex tiżgura li l-Unjoni taġixxi biss fejn hija żżid il-valur u b’mod partikolari tħares aktar fil-fond lejn ix-Xenarju 4 “Isir Anqas B’Aktar Effiċjenza” 2  skont liema l-Unjoni tiffoka r-riżorsi limitati tagħha fuq għadd iżgħar ta’ attivitajiet sabiex tindirizza l-prijoritajiet tagħha b’mod aktar effiċjenti.

Il-Kummissjoni diġà għamlet progress biex issib modi biex twassal il-politiki tal-Unjoni b’mod aktar effiċjenti billi tagħmel anqas fil-livell tal-Unjoni u aktar fil-livell nazzjonali. Illum aktar minn 97 % tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat jiġu implimentati direttament fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, abbażi ta’ kriterji definiti b’mod ċar, mingħajr il-ħtieġa ta’ approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni. L-għoti tas-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni poġġihom f’pożizzjoni wkoll biex jieħdu madwar 85 % tad-deċiżjonijiet ta’ infurzar tal-antitrust sa mill-2004. Is-simplifikazzjoni proposta tal-Politika Agrikola Komuni tirrikonoxxi d-diversità tal-kundizzjonijiet lokali fl-Unjoni kollha u tagħti lura r-responsabbiltà lill-awtoritajiet nazzjonali biex jipprovdu soluzzjonijiet effettivi u mfassla apposta biex jappoġġjaw l-agrikoltura u l-ambjent.

Meta wieħed iħares ’il quddiem, l-approċċ li ġie żviluppat matul il-kors ta’ din il-Kummissjoni għandu jkompli jiġi inkorporat fl-attività tal-Kummissjoni. Għandu jsir parti minn proċess kontinwu ta’ riflessjoni dwar sa liema punt hija r-responsabbiltà tal-UE li tirregola jew le il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. B’dan l-objettiv f’moħħha, din il-Komunikazzjoni tistipula kif ir-rwol tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità għandhom jissaħħu fit-tfassil tal-politika tal-UE. B’mod partikolari, jistabbilixxi, mill-moviment, is-segwitu tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force, kif ukoll il-mezzi biex ikun enfasizzat fejn hemm oħrajn li jridu jaġixxu. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tirfina d-dettalji bħala parti mill-eżerċizzju ta’ rendikont aħjar tar-regolamentazzjoni fl-ewwel nofs tal-2019, wara li semgħet l-opinjonijiet tal-partijiet kollha li għandhom interess f’regolamentazzjoni aħjar.

2.L-importanza tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jmur fil-qalba ta’ dak li tagħmel l-Unjoni. Skont it-Trattati, l-Istati Membri taw ċerti kompetenzi lill-Unjoni u l-prinċipju tas-sussidjarjetà jirregola kif dawn jintużaw. F’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklussiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk l-għanijiet li qed jiġu segwiti ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, minflok jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Il-kontroll tal-konformità mal-prinċipju essenzjalment huwa kwistjoni politika fdata lill-istituzzjonijiet politiċi tal-UE u lill-Parlamenti nazzjonali. Kien fid-dawl ta’ dan li l-President Juncker enfasizza fil-Linji Gwida Politiċi 3 l-importanza tat-tisħiħ tal-interazzjoni mal-Parlamenti nazzjonali bħala mod kif ukoll tqarreb lill-Unjoni lejn iċ-ċittadini tagħha. Protokolli Nru 1 u Nru 2 tat-Trattati jistabbilixxu r-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni u jagħtuhom is-setgħa li jivverifikaw is-sussidjarjetà 4 . B’mod partikolari, proposta tal-Kummissjoni għal att leġiżlattiv trid tiġi trażmessa lill-Parlamenti nazzjonali, li mbagħad ikollhom perjodu ta’ tmien ġimgħat biex jippreżentaw opinjoni motivata u kull Parlament nazzjonali jingħata żewġ voti. Jekk il-voti tagħhom flimkien jaqbżu ċertu limitu 5 il-Kummissjoni trid tirrevedi l-proposta tagħha u tispjega għaliex iżżommha, tibdilha jew tirtiraha. Fejn teżisti maġġoranza sempliċi tal-voti tal-Parlamenti nazzjonali għal proposta soġġetta għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika għaliex iżżomm il-proposta tagħha (jekk din ma tirtirahiex jew ma temendahiex) u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jikkunsidraw jekk hijiex kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Jekk maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Parlament Ewropew, jew 55 % tal-membri tal-Kunsill, issib li l-proposta tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-proposta ma titqiesx aktar. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tas-sussidjarjetà miġjuba mill-Istati Membri (jew notifikati minnhom f’isem il-Parlamenti nazzjonali tagħhom) jew mill-Kumitat tar-Reġjuni fejn għandha d-dritt li tiġi kkonsultata skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Fil-prattika, is-sussidjarjetà hija dwar l-identifikazzjoni tal-aħjar livell ta’ governanza biex il-politiki jsiru u jiġu implimentati. L-Unjoni għandha tagħmel dan biss fejn ikun meħtieġ u fejn twassal benefiċċji ċari minbarra l-miżuri meħuda fil-livelli nazzjonali, reġjonali jew lokali. Il-valur miżjud potenzjali tal-azzjoni tal-UE u l-ispiża għall-UE fejn ma titteħidx azzjoni (spiss imsejħa “l-ispiża tan-non-Ewropa”) huma kunċetti relatati mill-qrib 6 . Il-valutazzjoni politika ta’ jekk strument ta’ politika tal-UE partikolari jistax jitqies bħala li jżid il-valur tista’ tinbidel maż-żmien, skont il-prijoritajiet politiċi tal-mument.

Is-sussidjarjetà spiss hija kkaratterizzata bħala għażla bejn azzjoni tal-UE jew l-ebda azzjoni. Dan mhuwiex korrett. Is-sussidjarjetà tfisser li wieħed iħalli lok għall-aktar livell xieraq ta’ governanza biex jassumi r-responsabbiltà tiegħu li jaġixxi. L-Istati Membri huma wkoll liberi li jaġixxu fejn l-Unjoni ma taġixxix u tista’ tkun meħtieġa azzjoni fil-livelli kollha ta’ governanza għal politika partikolari. B’mod ġenerali, il-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni se jesploraw id-dimensjoni tal-UE tal-problemi u l-impatti ta’ kull inizjattiva ġdida.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità jitlob li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jaqbżu dak li jkun meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi li jkunu qed jiġu mfittxija 7 . Il-Protokoll Nru 2 jistabbilixxi f’aktar dettall ir-rekwiżiti tal-proporzjonalità għall-abbozz tal-leġiżlazzjoni 8 . Kwalunkwe piż finanzjarju jew amministrattiv li jaqa’ fuq l-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-operaturi ekonomiċi jrid jiġi minimizzat u jkun proporzjonat mal-għanijiet li jridu jinkisbu. Għall-Kummissjoni, dan ifisser it-twassil tal-politiki ambizzjużi tagħna bl-aktar mod sempliċi u irħis u li tiġi evitata burokrazija żejda. Hija se tqabbel bir-reqqa l-intensità tal-miżura proposta ma’ dak li għandu jinkiseb. Il-proporzjonalità hija l-pedament tal-politika ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni u tal-programm tagħha dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija l-arbitru finali tal-proporzjonalità u tista’ twaqqaf atti li hi ssib li kisru l-prinċipju.

Minħabba l-importanza tal-applikazzjoni korretta taż-żewġ prinċipji 9 , u fid-dawl tar-relazzjoni mill-qrib tal-Kummissjoni mal-Parlamenti nazzjonali, il-Kummissjoni tippubblika rapport annwali dwar dawn iż-żewġ kwistjonijiet. Ir-rapport annwali tal-2017 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlamenti nazzjonali u r-rapport annwali tal-2017 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jakkumpanjaw din il-Komunikazzjoni.

3.Sussidjarjetà & proporzjonalità: Komponenti ewlenin ta’ regolamentazzjoni aħjar

Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma elementi ewlenin tal-approċċ tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar li hija mibnija fuq it-tliet proċessi fundamentali ta’ evalwazzjoni, valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni mal-partijiet konċernati. Din il-Kummissjoni investiet riżorsi sinifikanti biex ittejjeb l-approċċ tagħha. Dawn il-bidliet kellhom ukoll titjib sinifikanti fuq il-valutazzjoni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità:

Il-Kummissjoni żiedet it-trasparenza, il-leġittimità u r-responsabbiltà tax-xogħol tagħha. Is-sit web “ikkontribwixxi fit-tfassil tal-liġijiet” jippermetti lill-partijiet interessati jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħidma tal-Kummissjoni matul iċ-ċiklu ta’ politika kollu 10 mill-forniment ta’ feedback dwar l-ideat inizjali għal kummenti dwar il-proposti adottati u l-abbozzi delegati u ta’ implimentazzjoni adottati tal-Kummissjoni.

Il-konsultazzjonijiet pubbliċi jakkumpanjaw l-inizjattivi ewlenin u l-aktar importanti minnhom se jkunu disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha.

Il-Kummissjoni ħejjiet l-ewwel linji gwida integrati dwar ir-regolamentazzjoni aħjar f’Mejju 2015 u lestiet aġġornament ewlieni tagħhom fl-2017. Dawn il-linji gwida u l-għodod jiggwidaw il-ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni matul iċ-ċiklu kollu tal-politika 11 u taw ħajja ġdida lill-gwida dwar kif għandhom jiġu vvalutati s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Dawn huma ppubblikati bl-għan li jiġi ffaċilitat aktar involviment tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-partijiet interessati l-oħra fil-proċess tat-tfassil ta’ politika tal-Unjoni.

Ġie stabbilit Bord ta’ Skrutinju Regolatorju ġdid 12 ma’ tliet membri reklutati minn barra l-istituzzjonijiet Ewropej. Dan il-Bord indipendenti jivverifika l-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt u tal-evalwazzjonijiet magħżula tal-leġiżlazzjoni eżistenti u jippubblika l-opinjonijiet kollha tiegħu. Fil-prinċipju, hemm bżonn ta’ opinjoni pożittiva tal-Bord dwar il-valutazzjoni tal-impatt. Inkella, il-Kummissjoni trid tispjega pubblikament għaliex iddeċidiet li tipproċedi. Id-dgħufijiet fl-analiżi tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma fost il-kawżi l-aktar frekwenti ta’ opinjonijiet negattivi 13 .

L-esperti tal-Pjattaforma REFIT 14 jgħinu lill-Kummissjoni tipprovdi soluzzjonijiet biex jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni eżistenti. Il-pjattaforma adottat aktar minn 80 opinjoni megħjuna minn rappreżentant mill-Kumitat tar-Reġjuni.

F’April tal-2016, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea ffirmaw Ftehim Interistituzzjonali ġdid dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 15 . Dan ikopri l-aspetti kollha ta’ regolamentazzjoni aħjar inklużi s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, it-trasparenza tal-proċedura leġiżlattiva, l-użu ta’ atti delegati u l-programmazzjoni annwali u pluriennali ta’ prijoritajiet politiċi.

L-applikazzjoni ta’ dawn l-għodod ta’ regolamentazzjoni aħjar ippromwoviet aktar proposti leġiżlattivi proporzjonati 16 . L-applikazzjoni effettiva tal-liġi tal-UE hija essenzjali wkoll sabiex il-benefiċċji maħsuba tagħha jitwettqu fil-prattika. Il-valutazzjoni tal-impatt u l-evalwazzjoni jgħinu biex jiżguraw implimentazzjoni effettiva. Dawn huma kkumplimentati minn approċċ aktar strateġiku 17 għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-UE, inkluż permezz ta’ għajnuna lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-liġi tal-UE b’mod korrett u billi jiffokaw il-proċeduri ta’ ksur fuq problemi sistemiċi fejn l-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni tista’ tagħmel tassew differenza.

Il-Kummissjoni bħalissa qed tevalwa kif qed taħdem din il-politika ta’ regolamentazzjoni aħjar u qed tfittex b’mod attiv il-fehmiet tal-partijiet interessati kollha 18 . L-eżerċizzju ta’ rendikont se jkollu l-għan li jidentifika jekk l-għodod ta’ regolamentazzjoni aħjar tagħna jistgħux jintużaw b’mod aktar effettiv u effiċjenti, inkluż it-tisħiħ tar-rwol tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fit-tfassil tal-politika tagħna. 

Ir-rapport tat-Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u biex “Nagħmlu anqas b’aktar effiċjenza”

It-Task Force kien magħmul minn membri mill-Kumitat tar-Reġjuni u mill-Parlamenti nazzjonali. Dan fela r-rwol tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fix-xogħol tal-istituzzjonijiet, ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil tal-politika tal-UE u jekk ir-responsabbiltà għall-oqsma jew il-kompetenzi tal-politika tistax titħalla jew tingħata lura lill-Istati Membri. Fi ftit aktar minn sitt xhur, it-Task Force ikkompila rispons komprensiv u ffukat għal dawn il-mistoqsijiet billi bbaża fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ ħafna partijiet interessati fil-proċess 19 .

Ir-rapport tat-Task Force jippreżenta disa’ rakkomandazzjonijiet flimkien ma’ numru ta’ azzjonijiet biex jgħinu fl-implimentazzjoni tagħhom. Dawn ikopru l-proċessi ta’ preparazzjoni tal-politika tal-Kummissjoni, ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-iskrutinju tal-proposti tal-Kummissjoni u l-proċedura leġiżlattiva.

Is-sejbiet ewlenin huma:

Mod ġdid ta’ ħidma huwa meħtieġ biex isiru liġijiet aħjar ibbażati fuq fehim komuni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tul iċ-ċiklu ta’ politika.

Hemm bżonn aktar “sussidjarjetà attiva” 20 li tagħti vuċi aktar b’saħħitha lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-Parlamenti nazzjonali u li tippromwovi s-sjieda ta’ dak li tagħmel l-Unjoni.

L-Unjoni għandha tuża r-riżorsi tagħha b’mod aktar effiċjenti u tipprijoritizza l-azzjonijiet tagħha iżda m’hemm l-ebda raġuni biex jerġgħu jiġu ddelegati kompetenzi tat-Trattat jew oqsma sħaħ ta’ politika lura lill-Istati Membri.

Ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force huma stabbiliti fl-Anness ta’ din il-Komunikazzjoni. Ħafna mir-rakkomandazzjonijiet jikkonċernaw l-applikazzjoni prattika ta’ regolamentazzjoni aħjar. Il-Kummissjoni tappoġġa l-analiżi mressqa mit-Task Force dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fit-tfassil tal-politika tal-UE bħala parti mill-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar u usa’. Huwa essenzjali li l-41 Kamra tal-Parlamenti Nazzjonali, l-74 assemblea leġiżlattiva reġjonali, il-280 reġjun u t-80 000 awtorità lokali, li huma fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-UE, huma impenjati aktar bis-sħiħ fil-proċess politiku. Is-sussidjarjetà attiva u mod ġdid ta’ ħidma ma’ dawn l-entitajiet se jgħinu biex jinkisbu politiki li jaħdmu filwaqt li jsaħħu l-fehim u s-sjieda ta’ dak li tagħmel l-Unjoni.

4.Azzjonijiet biex jissaħħaħ ir-rwol tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

Il-Kummissjoni kkunsidrat b’attenzjoni r-rapport tat-Task Force u tenfasizza l-oqsma hawn taħt fejn hija meħtieġa azzjoni.

4.1.Il-promozzjoni ta’ fehim komuni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

Filwaqt li l-atturi kollha involuti fit-tfassil tal-politika tal-UE jridu jirrispettaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, ma hemm l-ebda definizzjoni komuni li tappoġġa l-ħidma ta’ kull istituzzjoni. Il-Protokoll Nru 2 tat-Trattati dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità m’għadux jinkludi l-kriterji illustrattivi li darba kienu parti minn protokoll simili anness mat-Trattat ta’ Amsterdam.

Il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel gwida integrata dwar kif se timplimenta regolamentazzjoni aħjar f’Mejju tal-2015. Din il-gwida tkopri ċ-ċiklu kollu ta’ politika li jinkludi l-valutazzjoni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità 21 . Din il-gwida diġà tinkorpora l-kriterji li oriġinarjament kienu jinsabu fit-Trattat ta’ Amsterdam. It-Task Force ipproponiet għodda biex tagħmel valutazzjonijiet tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u biex tippreżenta r-riżultati b’mod strutturat (il-“grilja”) 22 . L-għodda hija annessa ma’ din il-Komunikazzjoni. Il-Kummissjoni bħalissa ma tippreżentax ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tagħha fil-forma tal-“grilja” iżda, fil-futur, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tintegra l-grilja bħala gwida tagħha għal regolamentazzjoni aħjar u li tużaha bħala parti mill-valutazzjonijiet ta’ impatt, evalwazzjonijiet u memoranda ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjaw il-proposti leġiżlattivi tagħha. Dawn il-proposti jiġu trażmessi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Parlamenti nazzjonali u (fejn rilevanti) lill-kumitati konsultattivi fil-bidu ta’ kull proċedura leġiżlattiva.

Il-Kummissjoni tinnota li kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill jagħrfu l-importanza tas-sussidjarjetà fir-regoli ta’ proċedura tagħhom u li t-tnejn huma impenjati li jqisu bis-sħiħ il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni matul il-proċedura leġiżlattiva 23 . Il-benefiċċju sħiħ tas-sistema ta’ valutazzjoni jista’ jiġi realizzat biss jekk jintuża mill-partijiet kollha fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Issa huwa f’idejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jiddeċiedu jekk matul il-proċedura leġiżlattiva għandhiex tingħata konsiderazzjoni addizzjonali, speċifika u sistematika għall-kwistjonijiet ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità. B’mod partikolari, il-koleġiżlaturi ħafna drabi jintroduċu emendi sostanzjali għall-proposti tal-Kummissjoni, iżda l-impatti ta’ dawn l-emendi u t-tħassib dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mhumiex ivvalutati b’mod frekwenti. Il-Kummissjoni tistieden lill-koleġiżlaturi jimplimentaw b’mod aktar effettiv l-impenn tagħhom li jħejju valutazzjonijiet tal-impatt tal-emendi sostanzjali tagħhom 24 . Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Parlamenti nazzjonali għandhom jużaw it-tabella ta’ valutazzjoni ppreżentata hawn fuq u jadattawha għall-għanijiet tagħhom jekk ikun meħtieġ. Il-Kummissjoni temmen li dan se jagħti piż akbar lill-opinjonijiet motivati tagħhom iżda mhux se jżommhom milli jesprimu tħassib ieħor fl-opinjonijiet tagħhom li ma jkunux relatati mas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

Hija l-fehma tal-Kummissjoni li f’ħafna każijiet hemm lok għall-fehmiet tal-Parlamenti nazzjonali u reġjonali u dawk tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom jiġu riflessi aħjar minn kull Stat Membru matul il-proċedura leġiżlattiva. Dawn il-livelli amministrattivi huma l-eqreb għall-implimentazzjoni attwali tal-leġiżlazzjoni u għandhom esperjenza tajba biex jaqsmuha bejniethom. Filwaqt li huwa f’idejn il-koleġiżlaturi li jiddeċiedu jekk hux xieraq li jinvolvu rappreżentanti ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali matul il-proċedura leġiżlattiva, il-Kummissjoni tqis li aktar trasparenza tal-proċedura leġiżlattiva tippermetti sensibilizzazzjoni akbar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-pubbliku b’mod ġenerali. Il-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi li qed isiru biex il-proċedura leġiżlattiva ssir aktar trasparenti u aċċessibbli permezz ta’ titjib fil-EUR-Lex 25 u skont il-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (bħall-bażi tad-data leġiżlattiva konġunta). Is-segwitu tal-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja 26 u s-sejbiet tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tat-trilogi se jtejbu t-trasparenza u jgħinu lill-partijiet interessati kollha jieħdu sehem fil-proċess demokratiku tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tipparteċipa b’mod kostruttiv f’dan ix-xogħol.

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni se tkompli tagħmel il-koleġiżlaturi konxji mir-reazzjonijiet li tirċievi dwar il-proposti tagħha, inkluż minn awtoritajiet lokali u reġjonali, fit-twettiq tal-impenn tagħha skont il-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

Il-Kummissjoni biħsiebha:

·Tinkorpora l-grilja għall-valutazzjoni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fil-gwida tagħha ta’ regolamentazzjoni aħjar u tuża l-grilja biex tippreżenta s-sejbiet tagħha fil-valutazzjonijiet tal-impatt, l-evalwazzjonijiet u l-memoranda ta’ spjegazzjoni.

·Tuża l-grilja bħala gwida fil-komunikazzjoni tagħha mal-Parlamenti nazzjonali.

·Tagħmel aktar viżibbli l-feedback li tirċievi dwar il-proposti tagħha minn awtoritajiet lokali u reġjonali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’kull proċedura leġiżlattiva.

4.2.Il-parlamenti nazzjonali jitpoġġew f’pożizzjoni li jagħmlu skrutinju aktar effettiv

Il-parlamenti nazzjonali għandhom id-dritt li jqajmu tħassib relatat mas-sussidjarjetà matul perjodu ta’ tmien ġimgħat wara li tasal il-proposta tal-Kummissjoni 27 . Il-Kummissjoni diġà teskludi x-xahar ta’ Awwissu meta tkun qed tiddetermina l-iskadenza ta’ tmien ġimgħat. Il-Kummissjoni temmen li l-perjodu matul il-Milied u l-Ewwel tas-Sena għandu jiġi eskluż ukoll iżda ma tistax tiddeċiedi dwar dan b’mod unilaterali minħabba li kwalunkwe estensjoni taffettwa wkoll il-ħidma tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Kummissjoni tistieden il-fehmiet tal-koleġiżlaturi dwar dan bil-għan li jakkomodaw ix-xewqa tal-Parlamenti nazzjonali b’mod pragmatiku li ma taffettwax id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

Fir-rapport annwali tagħha dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, il-Kummissjoni tippreżenta dawk il-proposti leġiżlattivi li rċevew l-ikbar numru ta’ opinjonijiet motivati. Madankollu, il-Kummissjoni taqbel mat-Task Force li għandha tagħti viżibbiltà akbar lill-fehmiet tal-Parlamenti nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tħejji rispons aggregat fejn għadd sinifikanti ta’ Parlamenti nazzjonali qajmu tħassib simili anki fejn il-limitu għal “karta safra” ma jintlaħaqx. L-opinjonijiet tal-Parlamenti reġjonali li għandhom setgħat leġiżlattivi mibgħuta direttament lill-Kummissjoni jistgħu jiġu riflessi wkoll mingħajr ma jiġi affettwat ir-rwol primarju tal-Parlamenti nazzjonali fl-operazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà. Ir-reazzjoni aggregata tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet li tqajmu u tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill malajr kemm jista’ jkun fid-dawl tax-xewqa li ma tiġix ittardjata l-proċedura leġiżlattiva.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Parlamenti nazzjonali biex jikkonsultaw lill-Parlamenti reġjonali u biex jikkooperaw dwar kwistjonijiet tal-UE. Dan jista’ jgħin biex tingħata viżibilità akbar lit-tħassib tal-Parlamenti reġjonali u biex titjieb il-valutazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mas-sussidjarjetà, iżda l-Kummissjoni tirrikonoxxi li din il-kooperazzjoni tibqa’ għal kollox kwistjoni għall-Parlamenti kkonċernati.

Il-Kummissjoni biħsiebha:

·Tkompli tinjora x-xahar ta’ Awwissu meta tiddetermina l-perjodu ta’ 8 ġimgħat għall-Parlamenti nazzjonali sabiex jissottomettu opinjonijiet motivati.

·Tesplora mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill jekk jistax ukoll jiġi injorat il-perjodu tal-vaganzi tal-Milied/is-Sena l-Ġdida kif talbu kemm-il darba l-Parlamenti nazzjonali.

·Tagħti viżibilità akbar lill-veduti tal-opinjonijiet motivati tal-Parlamenti nazzjonali billi tipprovdi tweġibiet aggregati, fejn rilevanti, u tittratta t-tħassib tagħhom u tidentifika l-proposti li jqajmu l-aktar kummenti fir-rapporti annwali tagħha dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

4.3.Involviment aktar attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

Din il-Kummissjoni fetħet il-proċessi tagħha ta’ tfassil tal-politika biex tinvolvi l-involviment estern tagħha flimkien ma’ involviment proattiv mas-sħab soċjoekonomiċi dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fl-oqsma tal-politika soċjali u reġjonali. Il-Kummissjoni diġà qed tikkonsulta b’mod attiv mas-sħab soċjali fosthom konsultazzjoni f’żewġ stadji msejsa fuq it-Trattat fil-qasam tal-politika soċjali. Kull meta tibda inizjattiva ġdida jiġu pubblikati l-pjanijiet direzzjonali li jispjegaw l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni. Dawn jistiednu feedback u jippermettu lill-partijiet interessati li jħejju għall-attivitajiet ta’ konsultazzjoni varji li jiġu wara. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi li issa jakkumpanjaw kull inizjattiva ewlenija u l-kwestjonarji huma tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha għal dawk fil-programm ta’ ħidma annwali. L-abbozzi tal-atti delegati u tal-atti ta’ implimentazzjoni huma ppubblikati wkoll online qabel ma jiġu finalizzati. Il-Kummissjoni tittrażmetti wkoll lill-koleġiżlaturi il-feedback li tirċievi mingħand il-partijiet ikkonċernati kollha (inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali) dwar il-proposti tagħha fil-bidu tal-proċess leġiżlattiv 28 .

Minkejja dawn l-avvanzi, il-leħen importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ta’ spiss ma nstemax fil-fażijiet bikrin tat-tfassil tal-politika. L-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assemblej reġjonali huma differenti minn partijiet interessati oħra għaliex huma fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Għaldaqstant, huma meħtieġa sforzi akbar minn kulħadd biex jiġi żgurat li l-esperjenza u l-opinjonijiet tagħhom jinqabdu aħjar fil-proċess tat-tfassil ta’ politika. Fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ rendikont dwar ir-regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni se teżamina kif tirrevedi l-kwestjonarji tagħha sabiex ikun jista’ jingħata spazju għall-kwistjonijiet ta’ tħassib għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-Kummissjoni se ttejjeb ukoll kif tirrapporta dwar il-fehmiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-valutazzjonijiet tal-impatt, l-evalwazzjonijiet u l-memoranda ta’ spjegazzjoni tagħha. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jidħlu fil-portal 29 tal-internet tal-Kummissjoni fejn il-partijiet interessati kollha jistgħu jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika. Se tippubbliċizza wkoll inizjattivi importanti dwar il-midja soċjali iżda l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom iqisu kif jistgħu jippromwovu l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Il-Kummissjoni biħsiebha:

·Temenda l-gwida tagħha għal regolamentazzjoni aħjar biex tenfasizza l-importanza li jinġabru l-opinjonijiet u l-esperjenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

·Tirrevedi l-kwestjonarji tal-konsultazzjoni pubblika biex tinkludi mistoqsijiet dwar kwistjonijiet rilevanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali inkluż l-assemblej reġjonali.

4.4.Titjib fil-valutazzjoni u l-preżentazzjoni tal-impatti rilevanti

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jista’ jkollha effetti partikolarment sinifikanti fuq il-livelli lokali u reġjonali u għall-awtoritajiet pubbliċi. Il-Kummissjoni żviluppat metodoloġiji għall-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali 30 li ġew ittestjati fuq għadd ta’ proposti leġiżlattivi mill-2016. L-approċċ tal-Kummissjoni huwa li tivvaluta dawn l-impatti meta jkunu rilevanti għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jkun proporzjonat li dan isir (pereżempju, jekk ikun hemm varjazzjonijiet kbar bejn ir-reġjuni). Il-Kummissjoni beħsiebha tqajjem l-importanza ta’ din il-kwistjoni fil-gwida tagħha lill-persunal tagħha u, kif indikat qabel, se tippreżenta b’mod aktar ċar il-valutazzjonijiet tagħha tas-sussidjarjetà (inkluż il-valur miżjud tal-UE) u tal-proporzjonalità fil-valutazzjonijiet tal-impatt, l-evalwazzjonijiet u l-memoranda ta’ spjegazzjoni tagħha. Madankollu, mhuwiex dejjem ċar li tali effetti huma probabbli jew li d-data mhux ipproċessata teżisti biex tippermetti li ssir valutazzjoni dettaljata. L-involviment aktar attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċessi ta’ konsultazzjoni huwa element essenzjali għat-titjib tal-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatti territorjali.

Il-Kummissjoni biħsiebha:

·Temenda l-gwida tagħha għal regolamentazzjoni aħjar biex tenfasizza l-importanza tal-iskrining u l-valutazzjoni tal-impatti territorjali.

·Tippreżenta b’mod aktar ċar il-valutazzjonijiet tagħha tas-sussidjarjetà, tal-proporzjonalità u tal-informazzjoni dwar min huwa affettwat (u kif) fil-valutazzjonijiet tal-impatt, l-evalwazzjonijiet u l-memoranda ta’ spjegazzjoni tagħha.

4.5.L-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti mill-perspettiva tas-sussidjarjetà

Il-missjoni tal-Programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) hija li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tibqa’ adattata għall-iskop tagħha u li din tiġi ssimplifikata kull fejn ikun possibbli mingħajr ma jiddgħajfu l-għanijiet maħsuba tagħha 31 . Il-pjattaforma REFIT tgħin lill-Kummissjoni f’dan il-kompitu. Il-Kummissjoni żżomm pjan kontinwu ta’ ħames snin tal-evalwazzjonijiet kollha tal-leġiżlazzjoni eżistenti u kull wieħed minn dawn għandu jivvaluta r-rilevanza kontinwa, l-effiċjenza ekonomika, il-potenzjal ta’ simplifikazzjoni u l-valur miżjud tal-leġiżlazzjoni tal-UE. L-aktar evalwazzjonijiet importanti huma wkoll annessi mal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni.

Il-ħidma tal-Pjattaforma se tkompli sa tmiem din il-Kummissjoni. Aħna se nisimgħu l-fehmiet tal-membri tal-Pjattaforma u se nivvalutaw bir-reqqa r-riżultati tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati li nedejna dwar ir-regolamentazzjoni aħjar. Madankollu, aħna nemmnu li diġà hemm każ konvinċenti li jsawwar mill-ġdid il-Pjattaforma biex tindirizza b’mod aktar iffukat il-kwistjonijiet imqajma mit-Task Force. Pereżempju, it-twessigħ tal-attenzjoni tal-Pjattaforma biex tindirizza s-sussidjarjetà, il-proporzjonalità, id-densità leġiżlattiva 32 u r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE flimkien mal-enfasi tas-soltu tiegħu fuq is-simplifikazzjoni. Naħsbu li l-kompożizzjoni se tirrikjedi wkoll bidla biex tinkludi preżenza akbar mill-awtoritajiet lokali u reġjonali billi, pereżempju, jiġu sostitwiti l-esperti mill-Istati Membri. Jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll rabtiet aktar b’saħħithom max-xogħol u n-netwerks tal-Kumitat tar-Reġjuni. Dwar it-twaqqif ta’ Pjattaforma ġdida, madankollu, se jkun f’idejn il-Kummissjoni li jmiss biex tiddeċiedi. Sadanittant, il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni biex tistabbilixxi netwerk ta’ ċentri reġjonali biex tgħaddi informazzjoni minn awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-tfassil tal-politika u tistenna bil-ħerqa r-riżultati tal-proġett pilota li jinvolvi għoxrin reġjun.

It-Task Force qajmet tħassib dwar l-użu ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni fejn il-Kummissjoni tingħata s-setgħa mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill biex tadotta regoli speċifiċi biex tiġi implimentata l-liġi tal-UE fil-ħin. Filwaqt li dawn l-atti mhumiex skrutinizzati mill-Parlamenti nazzjonali bħala parti mill-operat tal-Protokoll Nru 2 tat-Trattati, din il-Kummissjoni tejbet b’mod sinifikanti t-trasparenza madwar l-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni 33 . L-abbozz tat-test legali jitqiegħed online għal erba’ ġimgħat qabel il-finalizzazzjoni. Il-partijiet interessati kollha issa għandhom opportunità li jinvolvu ruħhom b’mod sinifikanti mal-Kummissjoni dwar il-kontenut ta’ kull abbozz ta’ att. Meta tevalwa atti leġiżlattivi eżistenti, fil-futur il-Kummissjoni se tiżgura li l-programm REFIT jagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni relatati.

Il-Kummissjoni biħsiebha:

·Tiżgura li meta jiġi evalwat l-istokk eżistenti ta’ leġiżlazzjoni, l-evalwazzjonijiet tħares aktar mill-qrib lejn is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità, id-densità leġiżlattiva u r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

·Tistabbilixxi l-bidliet fil-kamp ta’ applikazzjoni u l-kompożizzjoni tal-Pjattaforma REFIT sabiex titfassal mill-ġdid u biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet fir-rendikont tar-regolamentazzjoni aħjar.

·Tiżgura li l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni rilevanti jiġu indirizzati sistematikament bħala parti mill-evalwazzjonijiet.

5.Konklużjonijiet u l-Passi li jmiss: il-Konferenza fi Bregenz

Din il-Kummissjoni wettqet programm iffukat u prijoritizzat ta’ inizjattivi politiċi. Aġixxiet meta kien hemm bżonn fuq il-kwistjonijiet li huma tassew importanti. Tilqa’ b’sodisfazzjoni il-konklużjoni tat-Task Force li l-Unjoni żżid il-valur fl-oqsma kollha fejn taġixxi. F’xi punt, madankollu, aħna — l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri — se jkollna nikkonfrontaw il-fatt li ma nistgħux inkomplu nagħmlu aktar biex nindirizzaw l-isfidi dejjem akbar li qed inħabbtu wiċċna magħhom mar-riżorsi li għandna attwalment disponibbli. Il-Kummissjoni taqbel, għalhekk, mat-Task Force li l-attivitajiet ikollhom jingħataw prijorità u r-riżorsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti. Aspett wieħed huwa l-adozzjoni bikrija tal-proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss li huwa essenzjali biex l-Unjoni tiġi mgħammra bir-riżorsi li teħtieġ.

It-Task Force ipproponiet ukoll mod ġdid ta’ ħidma bbażat fuq is-sussidjarjetà attiva u impenn aktar dinamiku tal-partijiet interessati kollha u l-livelli kollha tal-gvern matul iċ-ċiklu tal-politika. Dan jimmarka bidla importanti fil-proċess ta’ politika tal-Unjoni Ewropea li jwassal għal aktar kwalità u leġittimità għal-liġijiet li tadotta . Il-Kummissjoni stabbiliet il-bidliet li biħsiebha tagħmel bi tweġiba għat-Task Force u issa tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Parlamenti nazzjonali, lill-gvernijiet nazzjonali u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jikkunsidraw kif se jwieġbu.

Il-Presidenza Awstrijaka se tospita konferenza fil-15–16 ta’ Novembru fi Bregenz, l-Awstrija intitolata “Sussidjarjetà bħala prinċipju tal-bini tal-Unjoni Ewropea ”. Din il-konferenza se tipprovdi opportunità għal djalogu sinifikanti dwar it-tisħiħ tar-rwol tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fit-tfassil tal-politika tal-UE 34 . Dan jista’ jipprovdi wkoll kontribut siewi għas-samit tal-Mexxejja f’Sibiu s-sena d-dieħla.

Kwistjonijiet għall-konferenza fi Bregenz

·L-istituzzjonijiet u l-korpi kollha rilevanti għandhom jiċċaraw jekk humiex se jużaw il-grilja ta’ valutazzjoni komuni adattata għall-bżonnijiet tagħhom biex jeżaminaw id-dimensjonijiet tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità tal-proposti tal-Kummissjoni.

·Il-Kumitat tar-Reġjuni li jirrappreżentaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jikkunsidraw kif jistgħu jqajmu kuxjenza fost il-membri tagħhom dwar il-ħafna opportunitajiet biex jikkontribwixxu direttament għat-tfassil tal-politika tal-UE. Organizzazzjonijiet oħra li jirrappreżentaw awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu wkoll jintensifikaw l-attivitajiet tagħhom ta’ sensibilizzazzjoni.

·Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jistabbilixxi ċ-“ċentri reġjonali” biex jgħaddi l-esperjenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali b’mod aktar effettiv fit-tfassil tal-politika tal-UE.

·Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jeżaminaw l-impatti u d-dimensjonijiet tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità tal-emendi sostanzjali tagħhom.

·Kif talbu kemm-il darba l-Parlamenti nazzjonali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaqblu li jinjoraw il-perjodu tal-vaganzi tal-Milied/tas-Sena mit-8 ġimgħat allokati lill-Parlamenti nazzjonali biex jippreżentaw l-opinjonijiet motivati tagħhom.

·Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom isegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman u l-każistika riċenti sabiex itejbu t-trasparenza tal-proċedimenti tagħhom u jikkunsidraw li jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali matul il-proċedura leġiżlattiva.

·Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom iżidu l-isforzi tagħhom mal-Kummissjoni biex joħolqu bażi ta' data interistituzzjonali konġunta biex ittejjeb it-traċċabbiltà tal-proċedura leġiżlattiva.

·L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jeżaminaw kif għandhom jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b’mod aktar effettiv matul il-proċedura leġiżlattiva.

Wara l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin u l-ħatra tal-Kummissjoni li jmiss, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni se jiskambjaw fehmiet u jikkonkludu dwar l-objettivi u l-prijoritajiet tal-politika 35 . Il-Kummissjoni tinsab ħerqana biex tiddiskuti l-modalitajiet għal dan l-iskambju ta’ opinjonijiet bħala parti mill-implimentazzjoni tat-tliet istituzzjonijiet tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

(1)      OECD Regulatory Policy Outlook 2018: https://www.oecd.org/governance/oecd-regulatory-policy-outlook-2018-9789264303072-en.htm  
(2)      Ix-xenarju 4 tal-White Paper huwa intitolat “Isir Anqas B’Aktar Effiċjenza: L-UE27 tiffoka fuq li twettaq aktar u aktar malajr f’oqsma ta’ politika magħżula, filwaqt li tagħmel anqas x’imkien ieħor”.; https://ec.europa.eu/commission/future-europe/white-paper-future-europe_mt  
(3)      Il-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss, permezz tal-Kandidat tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, Strasburgu, il-15 ta’ Lulju 2014.
(4)      Ara l-Artikolu 12 tat-TUE, il-Protokolli Nru 1 u Nru 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(5)      “Karta safra” tikkorrispondi għal terz tal-voti kollha jew kwart fiż-żona tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja (l-Artikolu 76 TFUE). “Karta oranġjo” tikkorrispondi għal maġġoranza sempliċi tal-voti.
(6)      Ara pereżempju “L-Immappjar tal-kost tan-non-Ewropa 2014–2019”; http://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document.html?reference=EPRS_STU(2017)603239  
(7)      L-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
(8)      L-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2.
(9)      L-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 2 jirrikjedi li l-Kummissjoni tissottometti rapport annwali dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
(10)      “Ikkontribwixxi fit-tfassil tal-liġijiet”: https://ec.europa.eu/info/law/contribute-law-making_mt  
(11)       https://ec.europa.eu/info/better-regulation-guidelines-and-toolbox_mt  
(12)       https://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/regulatory-scrutiny-board_mt  
(13)      Ara p. 20 tar-rapport annwali 2017 tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju; https://ec.europa.eu/info/publications/regulatory-scrutiny-board-annual-report-2017_mt  
(14)      Il-pjattaforma stabbilita fl-2015 tappoġġja s-simplifikazzjoni tal-liġi tal-UE u tnaqqas il-piżijiet regolatorji żejda għall-benefiċċju tas-soċjetà ċivili, in-negozju u l-awtoritajiet pubbliċi. Tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni filwaqt li tqis is-suġġerimenti mill-partijiet interessati. https://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/evaluating-and-improving-existing-laws/refit-making-eu-law-simpler-and-less-costly/refit-platform_mt  
(15)       https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=OJ:L:2016:123:TOC  
(16)      Pereżempju, ara l-Kaxxa 1 tal-Komunikazzjoni COM (2017) 651 final; It-tlestija tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar: Soluzzjonijiet aħjar għal riżultati aħjar; https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/completing-the-better-regulation-agenda-better-solutions-for-better-results_en.pdf  
(17)       C(2016) 8600 , EU Law: Riżultati Aħjar permezz ta’ Applikazzjoni Aħjar; tal-21.12.2016. 
(18)       https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/initiatives/ares-2018-2332204_mt  
(19)       https://ec.europa.eu/commission/priorities/democratic-change/better-regulation/task-force-subsidiarity-proportionality-and-doing-less-more-efficiently_mt#report  
(20)      It-terminu “sussidjarjetà attiva” kien użat mit-Task Force biex juri involviment imtejjeb mal-partijiet interessati u l-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha matul iċ-ċiklu politiku kollu. Ara l-paġni 8–9 tar-rapport tat-Task Force.
(21)      Ara l-Għodda # 5 dwar il-bażi legali, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità: https://ec.europa.eu/info/files/better-regulation-toolbox-5_mt  
(22)      Il-“grilja” tikkonsisti f’sensiela ta’ mistoqsijiet u kwistjonijiet li għandhom iservu ta’ gwida għall-analiżi tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Din se tintuża b’mod ibbilanċjat mill-Kummissjoni bħala parti mill-aġenda ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni li tibni fuq il-ħtieġa li twettaq analiżijiet li huma proporzjonati għall-proposta speċifika inkwistjoni.
(23)      § 14 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet; ĠU L 123, 16 April 2016, p.1-14. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:OJ.L_.2016.123.01.0001.01.ENG  
(24)      § 15 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
(25)      EUR-Lex huwa sit web li joffri aċċess faċli għal-liġi tal-UE. Disponibbli fi 24 lingwa, dan jinkludi trattati, leġiżlazzjoni, ftehimiet internazzjonali, atti preparatorji, proċeduri leġiżlattivi, każistika, mistoqsijiet parlamentari u ħafna tipi oħra ta’ dokumenti; https://eur-lex.europa.eu/homepage.html .
(26)      T-540/15 De Capitani v Parliament; http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf;jsessionid=9ea7d2dc30ddfb6ef4af4df246c6a5689c7889c65e8f.e34KaxiLc3qMb40Rch0SaxyNchb0?text=&docid=200551&pageIndex=0&doclang=MT&mode=lst&dir=&occ=first&part=1&cid=100299
(27)      Il-Protokoll Nru 2 tat-Trattati; https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A12008E%2FPRO%2F02  
(28)      Skont l-§33 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
(29)       https://ec.europa.eu/info/law/contribute-law-making_mt  
(30)       https://ec.europa.eu/info/files/better-regulation-toolbox-33_mt  
(31)      COM(2017) 651 final; It-tlestija tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar: Soluzzjonijiet aħjar għal riżultati aħjar; https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/completing-the-better-regulation-agenda-better-solutions-for-better-results_en.pdf  
(32)      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni, id-“densità” hija marbuta mal-preskrizzjonijiet tekniċi dettaljati maqbula mil-Leġiżlatur dwar kif għandhom jinkisbu l-objettivi li jistgħu jinfluwenzaw il-grad ta’ diskrezzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali meta jimplimentaw il-leġiżlazzjoni (ara d-dokument mill-Professur Dougan ippreżentat għal-laqgħa tat-Task Force tal-15 ta’ Marzu 2018): https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/dougan-notes-for-task-force-march-2018_en.pdf
(33)      Reġistru għall-atti delegati: https://webgate.ec.europa.eu/regdel/#/home ; Il-kontribut għas-sit web tat-tfassil tal-liġijiet: https://ec.europa.eu/info/law/contribute-law-making_mt  
(34)       https://www.eu2018.at/calendar-events/political-events/BKA-2018-11-16-Subsidiarity-Conf..html .
(35)      Mibdija mill-Kummissjoni skont § 5 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
Top

Strasburgu, 23.10.2018

COM(2018) 703 final

ANNESSI

tal-

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità: It-tisħiħ tar-rwol tagħhom fit-tfassil tal-politika tal-UE

{COM(2018) 490}
{COM(2018) 491}


Anness I

Id-disa’ rakkomandazzjonijiet tat-Task Force

Rakkomandazzjoni 1 tat-Task Force

Għandu jintuża metodu komuni (“grilja ta’ valutazzjoni”) mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni u mill-parlamenti reġjonali u nazzjonali sabiex jivvalutaw il-kwistjonijiet marbuta mal-prinċipji tas-sussidjarjetà (inkluż il-valur miżjud tal-UE), il-proporzjonalità u l-bażi ġuridika tal-leġiżlazzjoni ġdida u eżistenti.

Dan il-metodu ta’ valutazzjoni għandu jinkorpora l-kriterji li jinsabu fil-Protokoll dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità oriġinarjament mehmuż mat-Trattat ta’ Amsterdam u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Qed jiġi anness ma’ dan ir-rapport mudell propost ta’ grilja ta’ valutazzjoni.

Matul il-proċess leġiżlattiv, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jeżaminaw sistematikament is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tal-abbozz ta’ leġiżlazzjoni u l-emendi li jagħmlu bl-użu tal-metodu komuni. Huma għandhom iqisu bis-sħiħ il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ppreżentata fil-proposti tagħha, kif ukoll l-opinjonijiet (motivati) tal-Parlamenti nazzjonali u tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. 

Rakkomandazzjoni 2 tat-Task Force

Il-Kummissjoni għandha tapplika b’mod flessibbli l-iskadenza ta’ 8 ġimgħat ibbażata fuq it-Trattat li matulhom il-Parlamenti nazzjonali jistgħu jressqu l-opinjonijiet motivati tagħhom.

Din il-flessibbiltà għandha tqis il-perjodi ta’ btala komuni u l-perjodi tal-vaganzi, filwaqt li tippermetti lill-Kummissjoni twieġeb kemm jista’ jkun fi żmien 8 ġimgħat minn meta tirċievi kull opinjoni.

Il-Kummissjoni għandha tirrifletti b’mod xieraq fuq l-opinjonijiet motivati li tirċievi mill-Parlamenti nazzjonali u fuq ir-rispons li tirċievi mill-Parlamenti reġjonali b’setgħat leġiżlattivi fir-rapport annwali tagħha dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Hija għandha tagħmel ukoll disponibbli għall-koleġiżlaturi, b’mod komprensiv u f’waqtu, informazzjoni dwar proposti fejn ikun tqajjem tħassib sinifikanti dwar is-sussidjarjetà.

Rakkomandazzjoni 3 tat-Task Force

Il-Protokoll Nru. 2 tat-TUE/TFUE għandu jiġi rivedut meta tinqala’ l-opportunità biex il-Parlamenti nazzjonali jingħataw 12-il ġimgħa sabiex iħejju u jissottomettu l-opinjonijiet motivati tagħhom u jesprimu b’mod sħiħ il-fehmiet tagħhom dwar is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u l-bażi ġuridika (konferiment) tal-leġiżlazzjoni proposta. Il-Parlamenti Nazzjonali għandhom jikkonsultaw mal-Parlamenti reġjonali b’setgħat leġiżlattivi fejn il-kompetenzi tagħhom skont il-liġi nazzjonali huma kkonċernati mill-proposta għal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Rakkomandazzjoni 4 tat-Task Force

Flimkien mal-Parlamenti nazzjonali u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, il-Kummissjoni għandha żżid is-sensibilizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali dwar l-opportunitajiet li għandhom sabiex jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika fi stadju bikri.

Il-Kummissjoni għandha tinvolvi bis-sħiħ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċessi ta’ konsultazzjoni tagħha, filwaqt li tqis ir-rwol speċifiku tagħhom fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Hija għandha tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta’ tfassil xieraq tal-kwestjonarji u tipprovdi rispons u viżibbiltà akbar għall-fehmiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-valutazzjonijiet tal-impatt, il-proposti u r-rispons tagħha mibgħuta lill-koleġiżlaturi.

L-Istati Membri għandhom isegwu l-gwida tal-Kummissjoni Ewropea u jimpenjaw ruħhom b’mod sinifikanti mal-awtoritajiet lokali u reġjonali meta jħejju l-programmi ta’ riforma nazzjonali tagħhom u jfasslu u jimplimentaw riformi strutturali bħala parti mis-Semestru Ewropew għat-titjib tas-sjieda u l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi.

Rakkomandazzjoni 5 tat-Task Force

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjonijiet tagħha jikkunsidraw sistematikament l-impatti territorjali u jivvalutawhom meta jkunu sinifikanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jgħinu sabiex jidentifikaw tali impatti potenzjali fir-reazzjonijiet tagħhom għall-konsultazzjoni u fir-rispons dwar il-pjanijiet direzzjonali.

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi kif xieraq is-Sett ta’ Għodod u l-Linji Gwida dwar Regolamentazzjoni Aħjar tagħha u tindirizza l-kwistjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni u l-valur miżjud tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-leġiżlazzjoni, kif ukoll tiżgura viżibbiltà akbar tal-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dak li għandu x’jaqsam mas-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u l-impatti territorjali rilevanti fil-proposti tagħha u l-memoranda ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjawhom.

Rakkomandazzjoni 6 tat-Task Force

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jużaw b’mod konsistenti l-grilja tas-sussidjarjetà matul in-negozjati tagħhom sabiex jippromwovu kultura ta’ għarfien aħjar tal-kwistjonijiet rilevanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Il-Kummissjoni għandha tenfasizza lill-koleġiżlaturi kwalunkwe fehma li tirċievi mingħand l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-perjodu ta’ skrutinju wara l-adozzjoni tal-proposti tagħha.

Il-gvernijiet tal-Istati Membri u l-Parlamenti nazzjonali għandhom jitolbu l-fehmiet u l-għarfien espert tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-bidu tal-proċedura leġiżlattiva. It-Task Force tistieden lill-koleġiżlaturi tal-UE sabiex jikkunsidraw li jistiednu rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għal-laqgħat tagħhom jew li jospitaw seduti ta’ smigħ u avvenimenti, fejn ikun xieraq.

Rakkomandazzjoni 7 tat-Task Force

Il-Parlamenti reġjonali u nazzjonali għandhom jesploraw kif jgħaqqdu b’mod aktar effettiv il-pjattaformi rispettivi tagħhom għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni (REGPEX u IPEX) sabiex jiżguraw li l-proċedura leġiżlattiva u l-mekkaniżmu għall-kontroll tas-sussidjarjetà jirriflettu aħjar it-tħassib tagħhom.

Rakkomandazzjoni 8 tat-Task Force

Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa mekkaniżmu sabiex tidentifika u tevalwa l-leġiżlazzjoni mill-perspettiva tas-sussidjarjetà, il-proporzjonalità, is-simplifikazzjoni, id-densità leġiżlattiva u r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dan jista’ jibni fuq il-Programm u l-Pjattaforma REFIT.

B’mod ġenerali, l-esperjenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u n-netwerks tagħhom għandhom jitqiesu bis-sħiħ meta tiġi mmonitorjata u evalwata l-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jimplimenta netwerk pilota ġdid ta’ ċentri reġjonali sabiex jappoġġja r-rieżamijiet tal-implimentazzjoni tal-politika.

Rakkomandazzjoni 9 tat-Task Force

Il-Kummissjoni li jmiss, flimkien mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, għandha tirrifletti fuq l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-ħidma tagħha f’xi oqsma ta’ politika lejn it-twettiq ta’ implimentazzjoni aktar effettiva, minflok tinbeda leġiżlazzjoni ġdida f’oqsma fejn il-korp tal-leġiżlazzjoni eżistenti huwa matur u/jew għadu kif ġie sostanzjalment rivedut.



Anness II

Grilja mudell għall-valutazzjoni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità matul iċ-ċiklu kollu tal-proċess (meħud mir-rapport tat-Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u “Nagħmlu Inqas b’mod Aktar Effiċjenti”)

Istituzzjoni*

Titolu tal-proposta jew tal-inizjattiva

Referenza/i Istituzzjonali

L-iskop u spjegazzjoni ta’ din il-grilja ta' valutazzjoni

Din il-grilja għandha l-għan li tipprovdi approċċ komuni u konsistenti għall-valutazzjoni tal-konformità ta’ proposta jew inizjattiva partikolari mal-prinċipji, ibbażati fuq it-Trattat, tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Hija maħsuba sabiex tintuża mill-Kummissjoni Ewropea meta tibda l-proposti tagħha, mill-Parlamenti nazzjonali meta jkunu qed iħejju l-opinjonijiet motivati tagħhom skont il-Protokoll Nru 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif ukoll mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill bħala l-leġiżlaturi tal-UE. Il-grilja hija maħsuba wkoll sabiex tintuża għal inizjattivi minn grupp ta’ Stati Membri, talbiet mill-Qorti tal-Ġustizzja, rakkomandazzjonijiet mill-Bank Ċentrali Ewropew u talbiet mill-Bank Ewropew tal-Investiment għall-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi (l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 2)

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jgħin sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex ġustifikat li l-Unjoni taġixxi fil-kompetenzi kondiviżi jew ta’ sostenn li ngħatat skont it-Trattati jew jekk huwiex aktar xieraq li l-Istati Membri jaġixxu fil-livelli lokali, reġjonali jew nazzjonali. Iż-żewġ aspetti kumulattivi tan-neċessità tal-UE u l-valur miżjud tal-UE għandhom jiġu ssodisfati biex jiġi ssodisfat it-test tas-sussidjarjetà. Dawn huma spjegati aktar ’l isfel.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità jgħin sabiex jiġi żgurat li l-intensità tal-obbligi leġiżlattivi jew l-approċċ ta’ politika jkunu jaqblu mal-objettivi maħsuba tal-politika jew tal-leġiżlazzjoni. Dan ifisser li l-kontenut u l-forma ta’ azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi maħsuba.

Il-valutazzjonijiet tal-impatt imħejjija mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jappoġġjaw il-proposti tagħha se jinkludu valutazzjoni tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Barra minn hekk, kull proposta tal-Kummissjoni se tkun akkumpanjata minn memorandum ta’ spjegazzjoni li jippreżenta wkoll il-valutazzjoni mill-Kummissjoni tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, minħabba li dan huwa rekwiżit tal-Protokoll Nru. 2 tat-TFUE flimkien mar-rekwiżiti li ssir konsultazzjoni wiesgħa qabel jiġi propost att leġiżlattiv u sabiex titqies id-dimensjoni lokali u reġjonali tal-azzjoni prevista.

Filwaqt li din il-grilja ta’ valutazzjoni tindirizza biss is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, kull istituzzjoni li tużaha hija libera li żżid elementi li huma utli għall-proċessi u għall-prijoritajiet interni tagħhom stess. Pereżempju, il-grilja tista’ tiġi adattata sabiex tinkludi valutazzjoni tal-użu mill-Kummissjoni ta’ strumenti għal regolamentazzjoni aħjar jew tal-aspetti politiċi tal-proposti tal-Kummissjoni.

* Mhux il-mistoqsijiet kollha f’dan il-mudell tal-grilja ta’ valutazzjoni huma rilevanti għall-istituzzjonijiet kollha.



1.L-Unjoni tista’ taġixxi? X’inhuma l-bażi ġuridika u l-kompetenza tal-azzjoni maħsuba tal-Unjoni?

1.1 Liema artikoli tat-Trattat jintużaw sabiex jappoġġjaw il-proposta leġiżlattiva jew l-inizjattiva tal-politika?

1.2 Il-kompetenza tal-Unjoni rrappreżentata minn dan l-artikolu tat-Trattat hija esklussiva, kondiviża jew ta’ sostenn fin-natura tagħha?

Is-sussidjarjetà ma tapplikax għal oqsma ta’ politika fejn l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva kif definit fl-Artikolu 3 tat-TFUE. Hija l-bażi ġuridika speċifika li tiddetermina jekk il-proposta taqax taħt il-mekkaniżmu għall-kontroll tas-sussidjarjetà. L-Artikolu 4 tat-TFUE jistabbilixxi l-oqsma fejn il-kompetenza hija kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u l-Artikolu 6 tat-TFUE jistabbilixxi l-oqsma li għalihom l-Unjoni għandha l-kompetenza biss li tappoġġja l-azzjonijiet tal-Istati Membri.

2.Il-Prinċipju tas-Sussidjarjetà: Għaliex għandha tieħu azzjoni l-UE?

2.1 Il-proposta tissodisfa r-rekwiżiti proċedurali tal-Protokoll Nru 2:

- Saret konsultazzjoni wiesgħa qabel ġie propost l-att?

- Hemm xi dikjarazzjoni ddettaljata b’indikaturi kwalitattivi u, fejn possibbli, kwantitattivi li jippermettu li ssir valutazzjoni ta’ jekk l-azzjoni tistax tinkiseb bl-aħjar mod fil-livell tal-Unjoni?

2.2 Il-memorandum ta’ spjegazzjoni (u kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt) li jakkumpanjaw il-proposta tal-Kummissjoni fihom ġustifikazzjoni adegwata rigward il-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà?

2.3. Abbażi tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet ta’ hawn taħt, l-objettivi tal-azzjoni proposta jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri weħidhom (il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE)?

(a)

Hemm aspetti transnazzjonali/transfruntiera sinifikanti/apprezzabbli għall-problemi indirizzati? Dawn ġew ikkwantifikati?

(b)

L-azzjoni nazzjonali jew in-nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-UE huma f’kunflitt mal-objettivi ewlenin tat-Trattat jew jagħmlu ħsara sinifikanti lill-interessi ta’ Stati Membri oħrajn?

(c)

Sa liema punt l-Istati Membri għandhom il-kapaċità jew il-possibbiltà li jippromulgaw miżuri xierqa?

(d)

Kif ivarjaw il-problema u l-kawżi tagħha (pereż. esternalitajiet negattivi, effetti konsegwenzjali) bejn il-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali tal-UE?

(e)

Il-problema hija mifruxa madwar l-UE jew limitata għal ftit Stati Membri biss?

(f)

Huwa mistenni wisq mill-Istati Membri biex jilħqu l-objettivi tal-miżura ppjanata?

(g)

Kif ivarjaw il-fehmiet/l-azzjonijiet ippreferuti tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali madwar l-UE?

2.4 Abbażi tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet ta’ hawn taħt, l-objettivi tal-azzjoni proposta jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-iskala jew l-effetti ta’ dik l-azzjoni (valur miżjud tal-UE)?

(a)

Hemm xi benefiċċji ċari mill-azzjoni fil-livell tal-UE?

(b)

Hemm ekonomiji ta’ skala? L-objettivi jistgħu jintlaħqu b’mod aktar effiċjenti fil-livell tal-UE (benefiċċji akbar għal kull kost ta’ unità)? Il-funzjonament tas-suq intern se jitjieb?

(c)

X’inhuma l-benefiċċji tas-sostituzzjoni tar-regoli u l-politiki nazzjonali differenti b’approċċ ta’ politika aktar omoġenju?

(d)

Il-benefiċċji tal-azzjoni fil-livell tal-UE jissuperaw it-telf ta’ kompetenza tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (lil hinn mill-kostijiet u l-benefiċċji tal-azzjoni fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali)?

(e)

Ser ikun hemm ċarezza legali mtejba għal dawk li jkollhom jimplimentaw il-leġiżlazzjoni?

3.Proporzjonalità: Kif għandha taġixxi l-UE

3.1. Il-memorandum ta’ spjegazzjoni (u kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt) li jakkumpanjaw il-proposta tal-Kummissjoni fihom ġustifikazzjoni adegwata rigward il-proporzjonalità tal-proposta u dikjarazzjoni li tippermetti li ssir il-valutazzjoni tal-konformità tal-proposta mal-prinċipju tal-proporzjonalità?

3.2 Abbażi tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet ta’ hawn taħt u l-informazzjoni disponibbli minn kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt, il-memorandum ta’ spjegazzjoni jew sorsi oħrajn, l-azzjoni proposta hija mod xieraq sabiex jintlaħqu l-objettivi maħsuba?

(a)

L-inizjattiva hija limitata għal dawk l-aspetti li l-Istati Membri ma jistgħux jilħqu b’mod sodisfaċenti weħidhom u fejn l-Unjoni tista’ tagħmel aħjar?

(b)

Il-forma ta’ azzjoni tal-Unjoni (għażla tal-istrument) hija ġustifikata, sempliċi kemm jista’ jkun u koerenti mal-kisba sodisfaċenti u l-iżgurar tal-konformità mal-objettivi segwiti (pereż. għażla bejn regolament, direttiva (qafas), rakkomandazzjoni, jew metodi regolatorji alternattivi bħal koregolament, eċċ.)?

(c)

L-azzjoni tal-Unjoni tħalli kemm jista’ jkun ambitu għal deċiżjoni nazzjonali, filwaqt li tilħaq b’mod sodisfaċenti l-objettivi stabbiliti? (pereż. huwa possibbli li l-azzjoni Ewropea tiġi limitata għal standards minimi jew li jintuża approċċ jew strument ta’ politika inqas strett?).

(d)

L-inizjattiva toħloq kost finanzjarju jew amministrattiv għall-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet lokali jew reġjonali, l-operaturi ekonomiċi jew iċ-ċittadini? Dawn il-kostijiet huma proporzjonati mal-objettiv li għandu jintlaħaq?

(e)

Filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt tal-Unjoni, ittieħdu f’kunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi speċjali li japplikaw fi Stati Membri individwali?

Top