EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0632

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-evalwazzjoni tas-Sistema Ewropea ta' Soreveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) Kontribut mill-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxeja f' Salzburg fid-19-20 ta' Settembru 2018

COM/2018/632 final

Brussell, 12.9.2018

COM(2018) 632 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-evalwazzjoni tas-Sistema Ewropea ta' Soreveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR)














Kontribut mill-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxeja f'




Salzburg fid-19-20 ta' Settembru 2018


Werrej

1.    Introduzzjoni    

2.    Kuntest    

3.    L-evalwazzjoni tal-EUROSUR    

3.1.L-ambitu tal-evalwazzjoni

3.2.Is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-EUROSUR

3.3.Ir-riżultati tal-evalwazzjoni

3.3.1.Rilevanza

3.3.2.Effikaċja

3.3.3.Effiċjenza

3.3.4.Koerenza

3.3.5.Valur miżjud tal-UE

3.4.Il-Konformità u l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali

3.4.1.Pajjiżi terzi u non-refoulement

3.4.2.Immaniġġjar tad-data personali

3.4.3.Titjib issuġġerit

4.    Kwistjonijiet li jeħtiġilhom aktar attenzjoni    

4.1.It-titjib fil-funzjonament tal-EUROSUR

4.1.1.It-tisħiħ tal-kompetenzi taċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni

4.1.2.It-titjib fil-governanza tal-EUROSUR

4.1.3.It-tnaqqis tar-rekwiżiti tekniċi

4.1.4.Kapitalizzazzjoni fuq is-Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR

4.2.It-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUROSUR

4.2.1.L-inklużjoni tal-kontrolli fil-fruntieri fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera

4.2.2.Sorveljanza fil-fruntieri tal-ajru

4.2.3.Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ġirien

4.2.4.Il-EUROSUR u l-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri

5.    Il-konklużjonijiet u s-segwitu tagħhom    



0.Introduzzjoni

Il-ġestjoni effiċjenti tal-fruntieri esterni tal-Unjoni hija prijorità ewlenija u hija kundizzjoni biex iż-żona Schengen ta’ vjaġġar ħieles, li hija waħda mill-akbar kisbiet tal-integrazzjoni Ewropea, tkun implimentata u ppreservata kif suppost.

Ir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 adottat fl-2013, li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) 1 jipprovdi qafas komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri tal-Istati Membri u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”. Il-qafas tal-EUROSUR ilu jitħaddem mit-2 ta’ Diċembru 2013. Ir-Regolament jipprovdi għal evalwazzjoni ġenerali tal-EUROSUR mill-Kummissjoni kull erba’ snin akkumpanjat, fejn meħtieġ, minn proposti xierqa biex jemendaw ir-Regolament.

Ir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta 2 adottat fl-14 ta’ Settembru 2016 stabbilixxa l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCG) bħala responsabbiltà kondiviża bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri, espanda l-mandat tal-Aġenzija u ddefinixxa l-komponenti tal-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri. Minħabba li l-Aġenzija għandha rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-EUROSUR, in-novitajiet introdotti mir-Regolament EBCG għandhom impatt kbir fuq l-implimentazzjoni ta’ kuljum tal-EUROSUR u għandhom jitqiesu meta jkun qed jiġi żviluppat aktar il-EUROSUR.

Biex titqies l-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament EBCG u l-impatt tiegħu fuq il-EUROSUR, l-evalwazzjoni tal-EUROSUR, li kienet inizjalment prevista għal Diċembru 2016, ġiet posposta għal Settembru 2018.

1.Kuntest

Il-EUROSUR tistabbilixxi mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni, li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali differenti li jwettqu attivitajiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri biex jiskambjaw informazzjoni u biex jikkooperaw f’livelli operazzjonali u strateġiċi, kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejniethom kif ukoll mal-Aġenzija.

L-għan tal-EUROSUR huwa li tindividwa, tipprevjeni u tiġġieled kontra l-immigrazzjoni irregolari u l-kriminalità transfruntiera u li tikkontribwixxi għall-protezzjoni u ssalva l-ħajjiet tal-migranti. Il-EUROSUR timmira li ttejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni u żżid il-kapaċità ta’ reazzjoni fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri 3 .

Il-EUROSUR tapplika għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni fuq l-art u fil-baħar. Fuq bażi volontarja, din tista’ tiġi applikata wkoll għas-sorveljanza tal-fruntieri tal-ajru u għall-kontrolli fil-fruntieri fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera. L-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-EUROSUR jinkludu l-monitoraġġ, l-individwazzjoni, l-identifikazzjoni, it-traċċar, il-prevenzjoni u l-interċettazzjoni tal-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri.

Il-EUROSUR ma tapplikax għal kwalunkwe miżura legali jew amministrattiva meħuda ladarba l-awtoritajiet responsabbli ta’ Stat Membru jkunu wettqu attivitajiet kriminali transkonfinali jew qsim mhux awtorizzat minn persuni fil-fruntieri esterni u b’mod partikolari, ma tkoprix l-aspetti relatati mal-prosekuzzjoni.

Il-komponenti ewlenin tal-EUROSUR huma:

·Iċ-ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni, li f’kull Stat Membru jservu bħala ċentri għal kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tas-sorveljanza tal-fruntieri;

·Netwerk ta’ komunikazzjoni , li jappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan il-EUROSUR, inkluża wkoll l-informazzjoni sensittiva u tal-UE, u li jospita servizz ta’ vidjokonferenzi operat mill-Aġenzija;

·Il-EUROSUR Fusion Services ipprovdut mill-Aġenzija, li jipprovdi lill-Istati Membri u lill-Aġenzija b’servizzi ta’ sorveljanza fuq il-fruntieri esterni u ż-żona ta’ qabel il-fruntiera bbażata fuq taħlita ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza u sorsi ta’ informazzjoni, bħalma huma l-immaġni bis-satellita, is-servizzi ta’ rappurtar ta’ bastimenti u tat-temp u s-servizzi ambjentali;

·Ritratti tas-sitwazzjoni differenti, li fihom informazzjoni dwar avvenimenti u assi ta’ pattulja kif ukoll informazzjoni analitika. Kull Stat Membru jimmaniġġja l-Istampa tas-Sitwazzjoni Nazzjonali tiegħu stess. L-Aġenzija tamministra l-Istampa tas-Sitwazzjoni Ewropea, li tkun qed tkopri t-territorju tal-Istati Membri kif ukoll l-istampa tal-informazzjoni Komuni ta’ Qabel il-fruntiera li tkun tkopri ż-żona lil hinn mill-fruntieri esterni. 4

Ir-Regolament jipprovdi wkoll għal kapaċità msaħħa ta’ reazzjoni, b’mod partikolari permezz tat-twaqqif ta’ taqsimiet tal-fruntieri esterni mill-Istati Membri. Abbażi tal-analiżi tar-riskju u bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, l-Aġenzija tattribwixxi livelli ta’ impatt differenti (baxx, medju, għoli) għal dawn it-taqsimiet tal-fruntiera. Il-livelli tal-impatt attribwiti jagħtu bidu għal miżuri ta’ rispons korrispondenti mill-Istati Membri u l-Aġenzija.

Ir-Regolament jinkludi wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ġirien għall-finijiet ta’ EUROSUR fuq kwistjonijiet bħall-skambju ta’ data personali, li huwa strettament limitat mir-Regolament (UE) Nru 1052/2013.

2.L-evalwazzjoni tal-EUROSUR

2.0.L-ambitu tal-evalwazzjoni

L-evalwazzjoni tkopri l-ambitu sħiħ tar-Regolament (UE) Nru 1052/2013, li jiffoka fuq l-implimentazzjoni tiegħu mill-Istati Membri u mill-Aġenzija. F’konformità mal-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-Regolament u mal-linji gwida dwar regolamentazzjoni aħjar, dan jinkludi valutazzjoni ta’:

·Ir-rilevanza tal-EUROSUR u tal-validità kontinwa tar-raġunijiet sottostanti tagħha;

·L-effettività tal-EUROSUR permezz ta’ valutazzjoni tar-riżultati miksuba meta mqabbla mal-objettivi stabbiliti;

·L-effiċjenza tal-EUROSUR inkluż evalwazzjoni tal-kost-benefiċċju;

·Il-koerenza tal-EUROSUR ma’ politiki u atti legali oħra u

·Il-valur miżjud tar-Regolament tal-UE permezz ta’ kontroll tas-sussidjarjetà.

L-evalwazzjoni tinkludi wkoll valutazzjoni indipendenti mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali dwar il-konformità mad-drittijiet fundamentali u l-impatt li tħalli fuqhom.

2.1.Is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-EUROSUR 

Il-EUROSUR tinkludi kemm qafas ta’ governanza kif ukoll sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni. B’mod ġenerali, l-implimentazzjoni tal-qafas tal-EUROSUR saret kif stipulat fir-Regolament:

·L-Istati Membri kollha stabbilixxew iċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni tagħhom bħala punt fokali għas-sorveljanza tal-fruntieri fil-livell nazzjonali, li normalment jopera fuq bażi 24/7. Skont id-diviżjoni tal-kompetenzi u s-sitwazzjoni ġeografika tal-Istat Membru, iċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni jintuża jew biex jikkmanda u jikkontrolla l-gwardji tal-fruntiera jew biss bħala “hub” għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri. Iċ-ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni kollha jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni ma’ ċentri fi Stati Membri oħra u mal-Aġenzija u kważi kollha kemm huma ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra tal-istess Stat Membru. Madankollu, diversi Stati Membri għad iridu jġibu ċ-ċentri tagħhom kompletament konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1052/2013, kif identifikat matul il-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen.

·L-Istati Membri kollha stabbilixxew L-Istampa tas-Sitwazzjoni Nazzjonali tagħhom tal-qagħda tal-fruntiera, il-kondiviżjoni tal-inċidenti fil-fruntieri (il-livell tal-avvenimenti) u r-rapporti analitiċi (il-livell tal-analiżi). Madankollu, bħalissa nofs l-Istati Membri biss jikkondividu fuq il-livell nazzjonali l-pożizzjonijiet tal-assi tal-pattulja tagħhom permezz tal-livell operattiv. Nofs l-Istati Membri jikkondividu wkoll l-informazzjoni mill-Istampa tas-Sitwazzjoni Nazzjonali tagħhom ma’ Stati Membri ġirien.

·L-Istati Membri kollha ddefinixxew is-sezzjonijiet tal-fruntiera tagħhom fejn l-Aġenzija attribwiet u adattaw il-livelli ta’ l-impatt bi qbil mal-Istati Membri kkonċernati. L-appoġġ tal-Aġenzija għat-taqsimiet tal-fruntiera b’livell ta’ impatt għoli ġie pprovdut lill-Istati Membri kollha kkonċernati, bħall-Italja u l-Greċja.

·L-Istati Membri kollha rrappurtaw lill-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni tagħhom ma’ pajjiżi terzi ġirien. Kooperazzjoni bħal din normalment isseħħ fil-qafas ta’ netwerks ta’ kooperazzjoni reġjonali jew permezz ta’ ftehimiet bilaterali. Bħala parti mill-evalwazzjoni, l-Istati Membri kkondividew it-testi ta’ ftehimiet bilaterali magħżulin konklużi ma’ pajjiżi terzi mal-Kummissjoni.

·L-Aġenzija bħalissa qed tagħti tlettax-il Servizz ta’ Fużjoni tal-EUROSUR . Dawn is-servizzi jipprovdu servizzi ta’ informazzjoni ta’ valur miżjud għoli liċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni permezz tan-netwerk ta’ komunikazzjoni tal-EUROSUR u direttament lill-Operazzjonijiet Konġunti kkoordinati mill-Aġenzija. Dawn is-servizzi jintużaw biex jappoġġaw operazzjonijiet transkonfinali, biex isibu u janalizzaw attivitajiet kriminali transkonfinali, bħall-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin, il-kuntrabandu tal-armi, id-drogi, is-sigaretti u kuntrabandu ieħor, u biex jiskopru l-migranti f’diffikultà. Jintużaw ukoll biex jappoġġaw l-attivitajiet ta’ pattulja tal-Istati Membri.

Is-servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR huma r-riżultat tal-kooperazzjoni ta’ kuljum tal-Aġenzija mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) u ċ-Ċentru Satellitari tal-UE u dawn ġew estiżi bl-appoġġ finanzjarju tal-Programm Spazjali tal-UE COPERNICUS. Bħalissa qed jiġi ttestjat servizz ġdid imsejjaħ “Multipurpose Aerial Surveillance” (M.A.S.) fil-qafas tal-kooperazzjoni Ewropea dwar il-Funzjonijiet tal-Gwardja tal-Kosta u dwar l-arranġament ta’ ħidma tripartitiku bejn l-EMSA, l-EFCA u l-Aġenzija.

·In-netwerk ta’ komunikazzjoni tal-EUROSUR qed jintuża u jitħaddem mill-Aġenzija. Minn Diċembru tal-2013, aktar minn 184 000 avveniment relatat mal-fruntieri ġew irrappurtati u skambjati permezz tal-Istampa Ewropea tas-Sitwazzjoni. F’Jannar 2018, l-Aġenzija ffinalizzat uffiċjalment l-akkreditazzjoni tas-sigurtà ta’ dan in-netwerk, u b’hekk setgħet tiskambja l-informazzjoni Ristretta tal-UE maċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni.

Bil-ħsieb li l-iskambju ta’ informazzjoni jkun aktar faċli għall-utent, għad hemm bżonn li titjieb id-disponibbiltà tan-netwerk u l-interfaċċa tal-utent. Dan jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu użu aktar mgħaġġel u aħjar mill-informazzjoni disponibbli. U filwaqt li diġà hemm ċertu grad ta’ eteroġeneità fl-informazzjoni rrapportata fil-EUROSUR, kemm fuq it-tip ta’ inċidenti kif ukoll fuq il-perjodi ta’ żmien għar-rappurtar fl-istampi tas-sitwazzjoni, l-użu tal-informazzjoni disponibbli għal skopijiet analitiċi xorta jista’ jitjieb billi tiġi permessa ġestjoni tal-informazzjoni aktar awtomatizzata.

·Ġie mmobilizzat in-netwerk ta’ komunikazzjoni tal-EUROSUR bejn iċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni u l-Aġenzija flimkien ma’ sistema oħra ta’ informazzjoni ġestita mill-Aġenzija, li hija ddedikata għall-Applikazzjoni ta’ Rapportar ta’ Operazzjonijiet Konġunti (JORA) tal-Aġenzija li twettaq funzjonijiet simili. Din id-duplikazzjoni kienet sors ta’ konfużjoni għall-Istati Membri u ħalliet impatt negattiv fuq il-kwalità tar-rappurtar fil-fruntieri esterni. Is-sitwazzjoni qed titjieb peress li l-Aġenzija qed tamalgama b’mod progressiv in-netwerks ta’ komunikazzjoni tal-JORA u tal-EUROSUR, li għandhom isiru għodda waħda f’nofs il-perjodu.

·Fl-2015, il-Kummissjoni adottat il-Manwal tal-EUROSUR 5  li fih linji gwida tekniċi u operazzjonali, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki, inkluż dwar il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

2.2.Ir-riżultati tal-evalwazzjoni 

2.2.0.Rilevanza

Il-kriżi migratorja, b’mod partikolari tul ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent 2015/2016, u l-attakki terroristiċi li seħħew fl-Ewropa huma ż-żewġ sitwazzjonijiet ta’ kriżi ewlenin li l-UE kellha tħabbat wiċċha magħhom mill-adozzjoni tal-EUROSUR. Iż-żewġ sitwazzjonijiet ta’ kriżi wrew biċ-ċar il-ħtieġa li jkun hemm fis-seħħ qafas ta’ skambju u ta’ kooperazzjoni robust u komprensiv għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Il-EUROSUR għandha tkun żviluppata aktar f’dan ir-rigward.

Il-EUROSUR hija rilevanti għall-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari u għall-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera. Ġew irrapportati ħafna eżempji ta’ każijiet fejn l-informazzjoni skambjata permezz tal-EUROSUR mal-Aġenzija u bejn l-Istati Membri waqqfet każijiet ta’ kuntrabandu ta’ drogi, armi, sigaretti u prodotti illeċiti oħra kif ukoll il-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin u wasslet biex jinqabdu l-kuntrabandisti li mbagħad tressqu l-qorti.

Eżempji ta’ użu ta’ Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR biex tiġi miġġielda l-kriminalità transfruntiera

Fid-29 ta’ Novembru 2014, il-persuna tal-Gwardja tal-Kosta Ellenika, li jisfrutta l-intelligence disponibbli, sab lanċa tal-karozzi li kienet qed tbaħħar bil-bandiera tat-Tanzanija, li kienet qed iġġorr 9 trakkijiet. Il-bastiment kien ġie segwit b’mod estensiv permezz tas-Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR għal perjodu twil ta’ żmien. Instabet kwantità notevoli ta’ tabakk fit-trakkijiet, aktar minn 60 miljun sigarett, mingħajr ebda dokument dwar il-pussess legali. Sa dak iż-żmien, din kienet it-tieni l-akbar kwantità li kienet issekwestrata mill-Gwardja tal-Kosta Ellenika, b’valur stmat ta’ madwar EUR 30 000 000.

Għal ftit xhur il-bastiment ‘Haddad I’ (li jbaħħar bil-bandiera Bolivjana) ġie identifikat bħala potenzjalment suspettuż, u ntraċċat permezz tas-Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR. F’Settembru tal-2015, wara mġiba mhux tas-soltu fuq il-baħar, il-bastiment ġie mwaqqaf u kkontrollat mill-awtoritajiet Griegi. Din l-operazzjoni wasslet għall-iskoperta ta’ madwar 5,000 arma u 500,000 balla, flimkien ma’ sigaretti bil-kuntrabandu abbord il-bastiment; il-bastiment kien sejjer il-Libja.

Fil-15 ta’ Ġunju 2017, il-Gwardji tal-Kosta Ellenika (HCG) waqqfu bastiment tal-merkanzija (Golendri) b’sigaretti bil-kuntrabandu u arrestaw 6 traffikanti. L-użu tas-Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR ibbażat fuq talba tal-HCG ikkumplimenta l-monitoraġġ tal-bastiment tal-kuntrabandu mill-Montenegro għal Kreta.

F’Lulju tal-2017, is-Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR ikkontribwixxew għall-interċettazzjoni tal-bastiment tat-tagħbija ‘Falkvag’. Il-bastiment kien immarkat b’assi mill-ajru u l-movimenti tiegħu ġew immonitorjati mill-Aġenzija. L-informazzjoni kollha li nġabret ingħatat liċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni Spanjol. Sitt kontenituri ta’ sigaretti bil-kuntrabandu ġew issekwestrati. Kif ġie ddikjarat mill-midja Spanjola, “din kienet l-akbar kwantità maqbuda fl-istorja tad-dwana Spanjola”. 

F’diversi każijiet il-EUROSUR ikkontribwiet direttament biex issalva mijiet ta’ ħajjiet ta’ migranti billi l-ewwel tindividwahom fuq il-baħar u wara tiskatta l-mekkaniżmi ta’ Tfittxija u Salvataġġ. Indirettament il-EUROSUR salvat bosta aktar ħajjiet billi tistabbilixxi u tiżgura l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-gwardji tal-fruntiera u tal-kosta li jaħdmu fiċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni u ċ-Ċentri ta’ Koordinazzjoni ta’ Salvataġġ Marittimu.



Eżempji ta’ kontribuzzjonijiet minn Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR biex jiġu salvati l-ħajjiet ta’ migranti

F’Ottubru 2015, l-Aġenzija, permezz tas-Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR, sabet oġġetti mhux identifikati fuq il-baħar fiż-żona qrib il-kosta Libjana. L-informazzjoni għaddiet malajr lill-awtoritajiet Taljani, li nnotifikaw l-inizjattiva ewlenija EUNAVFOR MED li wasslet għas-salvataġġ tal-migranti.

F’Settembru tal-2016, is-Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR, bl-użu ta’ teknoloġija innovattiva tar-radar bis-satellita, ikkontribwixxew biex jiġu salvati n-nies f’diffikultà fil-baħar fit-Tramuntana tal-Marokk. L-awtoritajiet Spanjoli ġew innotifikati minn uffiċjali Marokkini b’dgħajsa li ntilfet fiż-żona, mingħajr indikazzjoni tal-post eżatt. L-Aġenzija, bħala parti mis-Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR, talbet li tiġi skennjata ż-żona bis-satellita u din ippuntat lejn oġġett fuq il-baħar. L-informazzjoni ġiet mgħoddija minnufih lill-awtoritajiet Spanjoli li nedew operazzjoni ta’ tiftix u salvataġġ. Fiż-żona indikata instabet dgħajsa b’35 migrant, inklużi nisa u tfal, u n-nies ġew salvati minn dgħajsa Franċiża skjerata fl-Operazzjoni Konġunta Indalo.

 

Fl-24 ta’ Ġunju 2017 ġew identifikati żewġ dgħajjes żgħar tal-lastku b’73 persuna abbord permezz ta’ Operazzjoni Konġunta Indalo 2017 li twettaq titjiriet ta’ segwitu għar-rilevament tal-bastimenti. Is-servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR li dan l-aħħar ġew imsaħħa, ikkonfermaw il-pożizzjoni tad-dgħajjes fit-Tramuntana tal-kosta tal-Afrika ta’ Fuq, li wrew il-kapaċità tagħhom li jiskopru anki oġġetti żgħar (5 sa 7 m) fuq il-baħar. In-nies fuq id-dgħajjes kienu salvati u ddaħħlu għall-kenn fil-port Spanjol ta’ Motrim.

F’Ottubru tal-2017, is-Servizz il-Ġdid ta’ Fużjoni ta’ EUROSUR għal Skopijiet Diversi ta’ Sorveljanza mill-Ajru kkontribwixxa għal Operazzjonijiet ta’ Tiftix u Salvataġġ li kient tinvolvi 19-il bastiment differenti fil-Baħar Mediterran, li wasslet għas-salvataġġ ta’ madwar 716-il migrant. F’Novembru tal-2017, total ta’ 8 bastiment ġew individwati fil-Mediterran Ċentrali u dan wassal biex ġew salvati madwar 314-il migrant.

2.2.1.Effikaċja 

Il-qafas tal-EUROSUR huwa effettiv biex jippromwovi l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni.

Il-ħolqien ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni ġab miegħu valur miżjud billi tejjeb il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-iskambju tal-informazzjoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali, mal-Istati Membri ġirien u mal-Aġenzija. Ir-rwol taċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni jista’ jissaħħaħ aktar billi tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar mal-livelli lokali u reġjonali tal-ġestjoni tal-fruntieri, u jista’ jkopri aspetti oħra ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri bħall-monitoraġġ tal-movimenti sekondarji.



Eżempji ta’ fejn il-EUROSUR tikkontribwixxi għat-titjib tal-kapaċitajiet ta’ reazzjoni fl-Istati Membri

Fil-Portugall il-EUROSUR wasslet biex jiġu stabbiliti linji ta’ komunikazzjoni diretti bejn iċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Kmand u Kontroll li jopera s-Sistema ta’ Sorveljanza Nazzjonali (SIIVC), iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni ta’ Salvataġġ Marittimu (Navigazzjoni Marittima) u l-Kmand tal-Ajru (Forza ta’ l-Ajru). Dan il-pass żied il-kapaċità li wieħed jirreaġixxi għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi b’mod sinifikanti ħafna.

Fl-Iżvizzera, il-ferroviji internazzjonali tal-merkanzija li jaqsmu l-pajjiż jista’ jkollhom migranti irregolari abbord. L-informazzjoni dwar dawn il-ferroviji miċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni tal-Istati Membri ġirien għenet biex il-migranti jiġu salvati minn ipotermja u korrimenti serji fuq dawn il-ferroviji.

Lejn ix-xellug: Fiċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni tal-Istat Taljan, Carabinieri, il-Gwardja tal-Kosta, Guardia di Finanza, il-Flotta u d-Dwana jaħdmu flimkien.

Taħt: Iċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni Spanjol jirrapporta fl-EUROSUR l-interċezzjoni ta’ speedboat li kienet qed idaħħal id-droga bil-kutrabandu.

Tista’ tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni kondiviża bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri permezz tal-Istampa tas-Sitwazzjoni Ewropea. Kif diġà msemmi hawn fuq, is-sistemi ta’ informazzjoni differenti użati mill-Aġenzija, bħall-Applikazzjoni ta’ Rappurtar ta’ Operazzjonijiet Konġunti (JORA) u n-netwerk ta’ komunikazzjoni tal-EUROSUR għandhom jingħaqdu. L-awtomatizzazzjoni u l-użu mill-utenti għandhom jittejbu bl-użu tat-teknoloġija tal-ogħla livell. L-Aġenzija għandha tissorvelja u, jekk meħtieġ, tinforza wkoll il-kwalità tas-servizz u l-informazzjoni kondiviża fil-EUROSUR.

B’mod ġenerali, biex tkun aktar effettiva, il-EUROSUR għandha tevolvi minn sistema għal qafas ta’ governanza aktar ġenerali għall-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni.

2.2.2.Effiċjenza 

L-ispejjeż għall-implimentazzjoni tal-EUROSUR li huma appoġġati mill-baġits nazzjonali, permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE u mill-Aġenzija huma stmati li jammontaw għal madwar EUR130 miljun; jinsabu tajjeb fi ħdan il-EUR 208 mijun stmati fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta leġiżlattiva tal-EUROSUR 6 fl-2011.

L-UE tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-EUROSUR permezz tal-Fond għall-Fruntieri Esterni (EBF) li jkopri l-perjodu 2007–2013 u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF)/Fruntieri u Viża tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali kemm taħt ġestjoni kondiviża kif ukoll diretta. Dawn l-istrumenti jgħaddu minn evalwazzjonijiet speċifiċi tal-implimentazzjoni tagħhom.

Il-EUROSUR ħolqot piż amministrattiv limitat. Sors wieħed għall-piż amministrattiv muri mill-partijiet interessati kkonsultati huwa l-intervent manwali għall-iskambju ta’ informazzjoni.

Skont il-partijiet ikkonċernati, il-vantaġġi li jittejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni miġjuba mill-EUROSUR jiżbqu l-kostijiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-EUROSUR: Il-EUROSUR ikkontribwixxiet għall-infurzar ta’ sinerġiji fil-livell Ewropew, u b’hekk illimitat l-ispejjeż fil-livell nazzjonali.

2.2.3.Koerenza 

Il-EUROSUR trawwem sinerġiji u għalhekk koerenza ma’ politiki oħrajn: iċ-ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni huwa punt fokali għal kooperazzjoni operattiva ma’ atturi politiċi oħra f’oqsma bħalma huma l-affarijiet marittimi, is-sigurtà u l-kontroll doganali. Huwa wkoll eżempju tajjeb ta’ kooperazzjoni ċivili/militari peress li diversi Ċentri ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali qed jospitaw ukoll atturi militari bħall-uffiċjali tal-Forza Navali.

Fil-livell tal-UE, is-Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR hija għodda li tista’ tintuża għal funzjonijiet oħra tal-gwardja tal-kosta bħall-kontroll tas-sajd. Hemm ukoll benefiċċji reċiproċi għas-sigurtà esterna bħal pereżempju il-prodotti informattivi tal-EUROSUR ġew kondiviżi permezz tal-Aġenzija bl-operazzjoni tal-PSDK EUNAVFOR Med Sophia.

Is-Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR huma wkoll għodda biex jitħaddmu proġetti u programmi ta’ riċerka u huma riżultat konkret tal-Programm Spazjali Copernicus.

Il-EUROSUR għandha tkun emendata biex tadatta għan-novitajiet introdotti mir-Regolament EBCG u biex tirrifletti kemm il-mandat il-ġdid tal-Aġenzija u l-implimentazzjoni tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri tal-UE.

2.2.4.Valur miżjud tal-UE

Il-valur miżjud tal-UE tal-EUROSUR huwa rikonoxxut bis-sħiħ mill-komunità tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE. It-tneħħija tal-qafas tal-EUROSUR mhuwiex konċepibbli peress li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri issa jiddependu minnu għas-sorveljanza tal-fruntieri.

Is-Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR jġibu valur miżjud reali lill-utenti finali involuti fis-sorveljanza tal-fruntieri. L-ebda organizzazzjoni ta’ gwardja nazzjonali waħedha ma tista’ taffordja s-servizzi ta’ sorveljanza bbażati fuq l-ispazju u l-pjattaformi l-oħrajn ta’ medda twila offruti mis-Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR.

2.3.Il-Konformità u l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali 

L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) evalwat il-EUROSUR. Fir-rapport tagħha 7 , l-FRA tikkonkludi li l-EUROSUR hija konformi kemm mad-drittijiet fundamentali kif ukoll mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data filwaqt li tissuġġerixxi għadd ta’ oqsma ta’ titjib possibbli.

2.3.0.Pajjiżi terzi u non-refoulement 

L-FRA tat attenzjoni partikolari lill-kwistjoni ta’ non-refoulement meta tikkoopera ma’ pajjiżi terzi dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, u ma sabet ebda nuqqas ta’ konformità:

Il-maġġoranza tal-20 Stat Membru, li kkonkludew ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tas-sorveljanza tal-fruntieri, jużaw valutazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali f’pajjiżi terzi filwaqt li 11-il Stat Membru inkorporaw klawżoli ta’ salvagwardja tad-drittijiet fundamentali fil-ftehimiet tagħhom.

L-FRA irrevediet seba’ ftehimiet bilaterali magħżula b’mod aleatorju, li l-ebda waħda minnhom ma kien fih dispożizzjonijiet li jikkontradixxu d-dispożizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tal-UE u fil-Premessa (15) u fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 1052/2013. B’mod partikolari, skont l-evalwazzjoni tal-FRA fil-biċċa l-kbira tal-ftehimiet hemm referenza ġenerali li tiddikjara li l-ftehim għandu jiġi implimentat skont l-obbligi internazzjonali tal-Partijiet u jista’ jiġi ċċarat permezz ta’ salvagwardji espliċiti li jippromwovu implimentazzjoni kompatibbli mad-drittijiet fundamentali.

2.3.1.Immaniġġjar tad-data personali 

B’mod ġenerali, id-data personali hija mmaniġġjata kif xieraq fil-EUROSUR permezz ta’ taħriġ u gwida xierqa fil-Manwal tal-EUROSUR.

Ħlief għan-numri ta’ identifikazzjoni tal-bastimenti, l-ebda data personali ma tiġi skambjata bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri fil-kuntest tal-EUROSUR. 6 Stati Membri biss qed jipproċessaw id-data personali fil-kuntest tal-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-EUROSUR.

2.3.2.Titjib issuġġerit 

Fir-rapport tagħa, l-FRA issuġġeriet bosta evoluzzjonijiet possibbli tal-EUROSUR bħall-inklużjoni ta’ klawżoli speċifiċi li skonthom irid jiġi applikat il-ftehim skont id-drittijiet fundamentali, b’rispett sħiħ tal-prinċipju tan-non-refoulement u li jirrifletti s-salvagwardji ewlenin tal-protezzjoni tad-data fi ftehimiet futuri ma’ pajjiżi terzi. Bħala alternattiva possibbli din issuġġeriet l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tekniċi u proċedurali għal avvenimenti aħjar tad-dokumenti marbuta mat-Tfittxija u s-Salvataġġ, u avvenimenti li jinvolvu gruppi vulnerabbli ta’ persuni bħat-tfal. L-FRA tqis li dan jista’ jtaffi r-riskju ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

3.Kwistjonijiet li jeħtiġilhom aktar attenzjoni

It-titjib li ġej jista’ jinkiseb bl-emenda ppjanata għar-Regolament EUROSUR.

3.0.It-titjib fil-funzjonament tal-EUROSUR

Minn sistema waħda, il-EUROSUR għandha tevolvi f’qafas ta’ governanza li jrawwem l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni fuq livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE u ma’ partijiet terzi.

3.0.0.It-tisħiħ tal-kompetenzi taċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni

L-istabbiliment ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (National Coordination Centres — NCC) fl-Istati Membri huwa wieħed mill-akbar kisbiet tar-Regolament EUROSUR. Meta diversi awtoritajiet nazzjonali jkunu involuti fil-kontroll tal-fruntieri, iċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni spiss jintuża bħala “pjattaforma” biex irawwem kooperazzjoni bejn l-aġenziji fost diversi organizzazzjonijiet li jappartjenu għal ministeri differenti.

Iċ-ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni għen ukoll fl-istrutturar tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji lil hinn mil-livell nazzjonali u ’l fuq minnu, filwaqt li jrawwem kooperazzjoni bilaterali u multilaterali fil-qasam tas-sorveljanza tal-fruntieri. Il-mudell taċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni issa qed jiġi esportat lejn pajjiżi terzi li jippermetti l-iżvilupp ta’ netwerks ta’ kooperazzjoni reġjonali.

Kwalunkwe żvilupp ieħor tal-EUROSUR bil-ħsieb li tiġi promossa l-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropej għandu jqis il-varjetà ta’ strutturi u kulturi amministrattivi fl-Istati Membri. It-tisħiħ u l-kjarifika tar-rwol u l-kompetenzi taċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni jippermettu ż-żamma ta’ grad ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni filwaqt li jiżdiedu l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni.

3.0.1.It-titjib fil-governanza tal-EUROSUR

Ir-Regolament tal-EUROSUR għandu jiddefinixxi aħjar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi varji sabiex itejbu l-iskambju tal-informazzjoni u jibnu l-fiduċja fost il-partijiet interessati.

Pereżempju, ir-rappurtar ta’ avvenimenti u t-twettiq ta’ servizzi tal-informazzjoni fil-EUROSUR għandhom jiġu ċċarati aktar fid-dettall, b’mod partikolari fid-definizzjoni ta’ liema huma l-entitajiet responsabbli kif ukoll min għandu s-sjieda tal-informazzjoni u x’inhu l-perjodu ta’ żmien li fih għandhom jiġu rrappurtati l-inċidenti.

Għandhom jiġu stabbiliti standards biex jikkonverġu l-proċeduri ta’ rappurtar, it-tip ta’ avvenimenti rrappurtati u l-interfaċċji tekniċi biex irawmu l-konessjoni bejn il-magni. Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu awtomatizzat sabiex tiġi kkontrollata u infurzata l-kwalità tal-informazzjoni skambjata fi ħdan il-EUROSUR.

3.0.2.It-tnaqqis tar-rekwiżiti tekniċi 

L-iżvilupp rapidu tat-teknoloġija huwa faċilitatur li jippermetti wkoll implimentazzjoni ġdida u aktar effiċjenti ta’ soluzzjonijiet ta’ skambju ta’ informazzjoni.

Filwaqt li kien kruċjali li jiġu pprovduti rekwiżiti tekniċi stretti, pereżempju dwar l-istruttura tal-istampi tas-sitwazzjoni, biex titwaqqaf il-EUROSUR fi żmien qasir ħafna, dawn ir-rekwiżiti malajr jistgħu jinbidlu f’ostaklu għal skambju rapidu u effiċjenti tal-informazzjoni u b’hekk ixekklu titjib ulterjuri.    

Pereżempju, minbarra l-iskambju tal-informazzjoni bejn il-livell nazzjonali u tal-UE deskritt fir-Regolament tal-EUROSUR, l-informazzjoni tattika u operazzjonali tista’ tiġi skambjata aktar malajr fil-livell lokali bejn l-Istati Membri fuq bażi bilaterali jew multilaterali fil-qafas “globali” tal-EUROSUR.

L-istess japplika għall-iskambju tal-informazzjoni fi ħdan l-Operazzjonijiet Konġunti permezz tas-sistema tal-JORA tal-Aġenzija, li hija wkoll sors primarju bħala sors tal-informazzjoni għall-EUROSUR.

3.0.3.Kapitalizzazzjoni fuq is-Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR

Is-servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR huma sett ta’ servizzi ta’ informazzjoni ġġenerati permezz ta’ kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-aġenziji fil-livell tal-UE. Hemm qbil ġenerali li dan il-mekkaniżmu jġib valur miżjud tal-UE reali għall-operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri.

Bl-evoluzzjoni tas-sorveljanza tal-fruntieri, qed jiġu żviluppati għodod ġodda bħal-Multipurpose Aerial Surveillance (Sorveljanza mill-Ajru bi Skopijiet Differenti). Il-EUROSUR għandu jippermetti skjerament rapidu ta’ dawn is-Servizzi ġodda filwaqt li jiżgura li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tad-Drittijiet Fundamentali u tal-protezzjoni tad-data.

3.0.It-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUROSUR

Abbażi tat-tagħlimiet meħuda u s-suċċess tal-EUROSUR bħala qafas legali għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament jista’ jitwessa’ progressivament sabiex jindirizza diversi aspetti ta’ ġestjoni tal-fruntieri.

3.0.0.L-inklużjoni tal-kontrolli fil-fruntieri fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera

Kif previst fl-Artikolu 2.2 tar-Regolament (UE) Nru 1052/2013, informazzjoni relatata mal-kontrolli fil-punti tal-qsim tal-fruntieri u għas-sorveljanza tal-fruntieri tal-ajru hija pprovduta minn għadd konsiderevoli ta’ Stati Membri fuq bażi volontarja. Fis-sitwazzjoni attwali, ħafna inċidenti li jseħħu fuq dawk il-fruntieri jistgħu “jiskappaw” l-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea peress li ma jiġux irrappurtati mill-Istati Membri kollha.

Huwa għalhekk meħtieġ li l-inċidenti jiġu inklużi fil-punti ta’ qsim bejn il-fruntieri fuq bażi sistematika.

3.0.1.Sorveljanza fil-fruntieri tal-ajru 

Minbarra l-kwistjonijiet tal-ajruporti, li huma indirizzati hawn fuq, il-kwistjoni tas-sorveljanza tal-fruntieri tal-ajru jistħoqqilha attenzjoni speċifika. Qed jiġu rrapportati attivitajiet kriminali ġodda bl-użu ta’ inġenji tal-ajru żgħar, inkluż Sistemi ta’ Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod għall-kuntrabandu tad-drogi u s-sigaretti. Kemm is-soluzzjonijiet tekniċi kif ukoll dawk organizzazzjonali jistgħu jiġu indirizzati fi żvilupp ulterjuri tal-Qafas tal-EUROSUR.

3.0.2.Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ġirien 

L-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ pajjiżi terzi ġirien huwa essenzjali għall-ġestjoni tal-flussi migratorji u għall-prevenzjoni tal-kriminalità fil-fruntieri esterni.

L-Artikoli 54 u 55 tar-Regolament EBCG joffru possibbiltajiet ġodda u usa’ għall-Aġenzija f’dan ir-rigward mill-Artikolu 20 tar-Regolament EUROSUR.

Hemm bżonn li titjieb il-koerenza tal-qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fiż-żewġ regolamenti sabiex jiġi evitat l-irduppjar u biex tiġi żgurata l-komplementarjetà ma’ atti leġiżlattivi oħra bħall-Regolament tal-ILO 8 .

3.0.3.Il-EUROSUR u l-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri 

Ir-Regolament EBCG jiddefinixxi l-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea (IBM) bħala responsabbiltà kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija EBCG. Għal dan il-għan, ma hemm l-ebda qafas ġenerali komuni għall-IBM għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni.

Il--EUROSUR implimentat b’suċċess tali qafas fil-qasam tas-sorveljanza tal-fruntieri. L-opportunità li jiġi estiż il-kunċett ta’ qafas komuni ta’ Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri għandha tiġi kkunsidrata li tinkludi s-sorveljanza tal-movimenti sekondarji.

5.Il-konklużjonijiet u s-segwitu tagħhom

Fid-dawl tas-sejbiet tal-evalwazzjoni SWD (2018) 410 u tad-diskussjonijiet mal-esperti tal-Istati Membri u tal-Aġenzija, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin:

Filwaqt li l-Qafas tal-EUROSUR irreġistra progress lejn l-ilħuq tal-objettivi tiegħu, il-funzjonament tiegħu jista’ jittejjeb billi tevolvi minn sistema ta’ informazzjoni teknika f’qafas ta’ governanza għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni, li tkopri l-kontroll tal-fruntieri u possibbilment ukoll komponenti magħżula oħra ta’ Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea.

Segwitu:

F’konformità mal-Artikolu 22(3) tar-Regolament EUROSUR, il-Kummissjoni għalhekk qed takkumpanja dan ir-rapport dwar l-evalwazzjoni tal-EUROSUR bi proposta biex jiġi emendat ir-Regolament EUROSUR u biex tinkludi l-EUROSUR fil-proposta li temenda r-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

(1)       Ir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 .
(2)      Ir-Regolament (UE) Nru 2016/1624.
(3)      30 Stat Membru qed japplikaw ir-Regolament tal-EUROSUR, jiġifieri 26 Stat Membru tal-UE (mingħajr ir-Renju Unit u l-Irlanda) u erba’ pajjiżi assoċjati ta’ Schengen (l-Iżlanda, in-Norveġja, il-Liechtenstein, u l-Iżvizzera).
(4)      Fil-EUROSUR l-informazzjoni tiġi skambjata u distribwita b’mod deċentralizzat minn kull Stat Membru u l-Aġenzija. L-ebda data personali ma tiġi skambjata permezz tan-netwerk ta’ komunikazzjoni tal-EUROSUR u huma biss ftit l-Istati Membri li jiskambjaw data personali permezz taċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni tagħhom.
(5)      Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-15.12.2015 li tadotta Manwal Prattiku għall-implimentazzjoni u l-ġestjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (Manwal tal-EUROSUR)
(6)      COM(2011) 873 final.
(7)    L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali: Kif ir-Regolament Eurosur jaffettwa d-drittijiet fundamentali, http://fra.europa.eu/en/publication/2018/evaluation-impact-eurosur-fundamental-rights
(8)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 tad-19 ta' Frar 2004 dwar il-ħolqien ta' network bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni
Top