IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.6.2018
COM(2018) 482 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport tal-2017 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni
{SWD(2018) 349 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport tal-2017 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni
1. Introduzzjoni
L-2017 kienet is-sena tas-60 anniversarju mill-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma, li bena l-pedamenti għall-Unjoni Ewropea tal-lum. Dak ifisser li l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE wkoll issa ilha aktar minn sittin sena fis-seħħ. Tabilħaqq, sa mill-ewwel jum tal-eżistenza tagħha, l-UE kellha regoli li jiddefendu l-kompetizzjoni ġusta u mhux imxekkla.
Fl-aħħar deċennji, il-politika tal-kompetizzjoni għamlet differenza kbira f’ħajjet in-nies: jista’ jkun li ċ-ċittadini Ewropej mhux dejjem ikunu midħla tar-regoli tal-kompetizzjoni, iżda dawn jieħdu sehem fis-suq ta’ kuljum. Il-kompetizzjoni tixpruna n-negozji biex jikkompetu bil-merti – fil-prezzijiet, fil-kwalità u fl-innovazzjoni – u biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konsumaturi. Billi tinstiga lill-kumpaniji biex jibqgħu jitjiebu, il-kompetizzjoni tixħet is-setgħa f’idejn il-konsumatur.
Barra minn hekk, matul id-deċennji, il-kumpaniji kollha attivi fis-suq uniku setgħu jiddependu fuq sett stabbli ta’ regoli u fuq l-implimentazzjoni imparzjali ta’ dawn. Infurzar robust, konsistenti u prevedibbli jibgħat il-messaġġ ċar li kull kumpanija hi mogħtija kundizzjonijiet ekwi biex topera u possibbiltajiet ekwi biex tirnexxi.
L-infurzar tal-kompetizzjoni jiżgura li dinja ta’ kummerċ globali, u ta’ negozji globali, tista’ tkun dinja li tagħti lin-negozji ż-żgħar u lill-individwi possibbiltà ġusta. Barra minn hekk, ir-regoli tal-kompetizzjoni jiggarantixxu li l-kumpaniji kollha li jinnegozjaw fis-suq uniku jsegwu l-istess regoli – kemm jekk ikunu kbar kif ukoll jekk ikunu żgħar, u jiġu mnejn jiġu minn madwar id-dinja.
Il-politika tal-kompetizzjoni hi wkoll attur essenzjali fis-sostenn tal-prijoritajiet tal-politika tal-Kummissjoni. Fl-2017, l-azzjonijiet tal-politika tal-kompetizzjoni kkontribwixxew biex jagħtu ħajja lill-aġenda tal-Kummissjoni, billi pprovdew riżultati f’dawk l-oqsma li huma importanti għaċ-ċittadini Ewropej. L-ekonomija diġitali, l-enerġija, is-settur farmaċewtiku u agrokimiku, l-industriji tan-netwerk u s-swieq finanzjarji huma fost is-setturi fejn l-isforzi tal-politika tal-kompetizzjoni komplew jagħmlu differenza għall-konsumaturi Ewropej.
Il-Kummissjoni taħdem id f’id mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, biex il-benefiċċji tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jiġu mmoltiplikati u jitferrxu għal kull Stat Membru fl-UE. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed tissieħeb ma’ aġenziji tal-kompetizzjoni minn madwar id-dinja kollha biex tikseb kundizzjonijiet ekwi verament globali.
Għall-aħħar sittin sena, il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE kienet qed tagħti s-setgħa lin-negozji u lill-konsumaturi, billi tiżgura li kull kumpanija u kull ċittadin ikunu jistgħu jħossu l-benefiċċji li jiġu mill-kompetizzjoni ġusta.
Dan ir-rapport hu sommarju mhux eżawrjenti tal-attivitajiet imwettqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni fis-sena 2017. Aktar tagħrif jista’ jinstab fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja u fis-sit web tal-Direttorat-Ġenerali tal-Kompetizzjoni
.
2. It-tisħiħ tal-effettività tal-infurzar tal-kompetizzjoni
L-infurzar effettiv tal-kompetizzjoni jippermetti lill-konsumaturi tal-UE jkollhom aċċess għal prodotti aħjar u għal għażla akbar. L-indirizzar tal-prattiki antikompetittivi jiżgura wkoll li s-swieq miftuħa jaħdmu għall-benefiċċju ta’ kulħadd. Iżda biex dan iseħħ, hu essenzjali li jiġi żgurat li kull Ewropew jibbenefika mill-istess protezzjoni.
Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri ilhom aktar minn għaxar snin jaħdmu mill-qrib fuq l-infurzar tar-regoli tal-antitrust tal-UE fil-qafas tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK). Dan in-netwerk hu l-bażi għall-applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-antitrust tal-UE mill-awtoritajiet kollha li jinfurzawhom: Ma għandux ikun importanti fejn tkun ibbażata kumpanija fi ħdan is-suq uniku fil-każ tal-infurzar tal-kompetizzjoni.
F’Marzu 2017, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda biex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jkunu jistgħu jinfurzaw b’mod aktar effettiv ir-regoli tal-antitrust tal-UE (l-hekk imsejjaħ “NEK+”). Il-proposta tfittex li tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tiżgura li dawn ikollhom l-għodod kollha li jeħtieġu biex jiksbu dan.
NEK+: kif id-Direttiva proposta ser issaħħaħ l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-UE
Ir-regoli proposti, ladarba jiġu adottati, se jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni b’sett minimu ta’ għodod komuni, kif ukoll b’setgħat effettivi ta’ infurzar, biex jiġi żgurat li huma:
a) jaġixxu b’mod indipendenti meta jinfurzaw ir-regoli antitrust tal-UE u jaħdmu b’mod totalment imparzjali, mingħajr ma jieħdu struzzjonijiet minn entitajiet pubbliċi jew privati;
b) ikollhom ir-riżorsi neċessarji finanzjarji u umani biex ikunu jistgħu jaħdmu;
c) ikollhom is-setgħat kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jiġbru l-evidenza kollha relevanti, bħalma hu d-dritt li jfittxu f’telefowns ċellulari, f’laptops u f’tablets;
d) ikollhom l-għodod neċessarji biex ikunu jistgħu jimponu sanzjonijiet proporzjonati u ta’ deterrent fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE. Il-proposta tiżgura li l-kunċetti ta’ impenn, ta’ responsabbiltà tal-kumpanija prinċipali u ta’ suċċessjoni jiġu applikati f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, biex il-kumpaniji ma jkunux jistgħu jevitaw multi permezz ta’ ristrutturar korporattiv. L-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ser ikunu jistgħu wkoll jinfurzaw il-pagament ta’ multi kontra kumpaniji li jkunu qegħdin iwettqu ksur u li ma jkollhomx preżenza legali fit-territorju tagħhom, karatteristika importanti peress li għadd dejjem akbar ta’ kumpaniji qed joperaw internazzjonalment;
e) ikunu armonizzati l-kundizzjonijiet ewlenin għall-programmi ta’ klemenza u sistema komuni ta’ applikazzjonijiet sommarji, li jħeġġu lill-kumpaniji jikxfu evidenza ta’ kartelli illegali. Dan iżid l-inċentivi ġenerali għall-kumpaniji biex jipparteċipaw fi programmi ta’ klemenza u biex jirrapportaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’kartelli.
Il-proposta tal-Kummissjoni tissottolinja l-importanza tad-drittijiet fundamentali tal-kumpaniji u tobbliga lill-awtoritajiet biex jirrispettaw ċerti salvagwardji xierqa fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE.
Il-proposta għal regoli ġodda tieħu l-forma ta’ Direttiva li se tippermetti li jiġu rispettati speċifikazzjonijiet nazzjonali. Id-Direttiva ntbagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex tiġi adottata, f’konformità mal-proċess leġiżlattiv normali. Meta d-Direttiva tiġi adottata, l-Istati Membri jkollhom jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali.
Għodda ġdida għall-informaturi
Sa issa, il-biċċa l-kbira tal-kartelli ġew identifikati permezz tal-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni, li jippermetti lin-negozji jirrapportaw l-involviment tagħhom stess f’kartell biex imbagħad jirċievu tnaqqis tal-multa li tiġi imposta fuqhom. F’Marzu 2017, il-Kummissjoni nediet għodda anonima ġdida għall-informaturi, li tagħti opportunità wkoll lill-individwi li jkollhom għarfien dwar l-eżistenza jew il-funzjonament ta’ kartell, jew dwar tipi oħra ta’ ksur tal-antitrust, biex jgħinu biex iġibu fi tmiemhom prattiki bħal dawn.
Jekk in-nies ikunu mħassba bi prattiki kummerċjali li jistgħu jkunu qed jiksru d-dritt tal-kompetizzjoni, din l-għodda l-ġdida tista’ tirranġa l-affarijiet billi tipprovdi informazzjoni, filwaqt li żżomm l-anonimità. L-informazzjoni minn ġewwa tista’ tkun għodda qawwija biex tgħin lill-Kummissjoni tikxef il-kartelli u prattiki antikompetittivi oħrajn. Is-sistema l-ġdida żżid il-probabbiltà tal-identifikazzjoni u tal-prosekuzzjoni, u għalhekk għandha l-possibbiltà li tkompli tkun ta’ detterrent għan-negozji li jidħlu jew jibqgħu f’kartelli jew iwettqu mġiba antikompetittiva illegali oħra. L-informazzjoni tista’ tikkontribwixxi għas-suċċess tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni malajr u b’mod aktar effiċjenti, għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tal-ekonomija tal-UE kollha kemm hi.
Iċ-ċifri wara l-ewwel ftit xhur ta’ użu huma pożittivi u juru li l-kanal il-ġdid qed jitħaddem mill-informaturi. Il-messaġġi jaslu fuq bażi regolari.
“Żgħar fuq iż-żgħar" - lejn politika aktar effettiva tal-għajnuna mill-Istat
F’konformità mal-approċċ tal-Kummissjoni “kbar fuq il-kbar, żgħar fuq iż-żgħar”, numru ferm akbar ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li huma iżgħar u mhux problematiċi issa saru eżentati min-notifika minn qabel permezz tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, biex minflok ġew introdotti kontrolli msaħħa fil-livell tal-Istati Membri, trasparenza akbar u evalwazzjoni aħjar tal-impatt tal-għajnuna. Fis-17 ta’ Mejju, il-Kummissjoni estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa għal portijiet u għal ajruporti u inkludiet simplifikazzjonijiet ulterjuri f'oqsma oħra, bħal proġetti kulturali u areni sportivi b’diversi skopijiet u kumpens għal kumpaniji li joperaw fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE. Din l-estensjoni hi mistennija tiffaċilita l-investiment pubbliku b’appoġġ tal-għanijiet komuni tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi u t-tkabbir, il-klima, l-innovazzjoni u l-koeżjoni soċjali.
Il-Kummissjoni kompliet tipprovdi gwida lill-awtoritajiet tal-Istati Membri permezz tal-hekk imsejħa “grilji analitiċi” dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-finanzjament pubbliku ta’ proġetti infrastrutturali, li ġew riveduti fid-dawl tal-adozzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fl-2016.
Ir-Regolament emendat għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u l-grilji analitiċi jagħmluha eħfef biex l-investimenti infrastrutturali jiġu implimentati b’mod aktar veloċi u b’ċertezza tad-dritt sħiħa għall-iżviluppaturi ta’ proġetti u għall-awtoritajiet li jagħtu l-għajnuna.
Is-servizzi tal-Kummissjoni ffaċilitaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza tal-Modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (SAM) billi, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, żviluppaw il-Modulu għall-Għotjiet bi Trasparenza – għodda informatika ġdida għas-sottomissjoni u għall-pubblikazzjoni ta’ data dwar l-għajnuna mill-Istat.
Sa tmiem Ottubru 2017, 24 Stat Membru ssieħbu fil-Modulu għall-Għotjiet bi Trasparenza. Madwar 15 000 għotja ta’ għajnuna ġew ippubblikati minn 22 Stat Membru.
Il-Kummissjoni tappoġġja wkoll lill-Istati Membri fil-qafas ta’ sħubija multilaterali bħall-Grupp ta’ Ħidma dwar l-implimentazzjoni tal-Modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Il-Grupp jippermetti lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar is-sistemi tagħhom għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, u jaġixxi bħala netwerk għad-diskussjoni informali dwar kwistjonijiet relatati mal-għajnuna mill-Istat bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni.
3. L-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku Diġitali
It-teknoloġija diġitali issa saret parti integrali mill-ħajja taċ-ċittadini tal-UE d-dar, fuq ix-xogħol, waqt li jistudjaw jew meta jivvjaġġaw. Kuljum hemm 360 miljun Ewropew li jużaw l-internet, bi kważi 60% minnhom jiksbu aċċess permezz ta’ mowbajl jew smart phone. Biex tisfrutta bl-aħjar mod l-opportunitajiet il-ġodda li din iġġib magħha, l-Ewropa teħtieġ Suq Uniku Diġitali konness ġenwinament. Il-politika tal-kompetizzjoni hi parti integrali mill-istrateġija tal-Kummissjoni biex ittejjeb u ssaħħaħ is-Suq Uniku Diġitali, billi toħloq tkabbir ġdid u tiġġenera mijiet ta’ eluf ta’ impjiegi ġodda.
L-infurzar tal-antitrust biex titkattar l-innovazzjoni fis-swieq online
Fis-settur diġitali, hu kruċjali li l-kumpaniji li jirnexxu, li jiddominaw is-suq, ma jitħallewx jużaw is-setgħa tagħhom biex jeliminaw il-kompetizzjoni, għaliex dan jista’ jispiċċa jagħmel ħsara serja lill-innovazzjoni.
F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni sabet li Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha bħala magna tat-tiftix billi ppromwoviet is-servizz tax-xiri bi tqabbil tagħha stess fir-riżultati tat-tiftix tagħha.
Il-każ “Google Shopping”: twessigħ tal-għażliet għall-konsumaturi
Il-prodott ewlieni ta’ Google hu l-magna tat-tiftix Google, li tipprovdi riżultati tat-tiftix lill-konsumaturi, li jħallsu għas-servizz bid-data tagħhom. Fl-2004, Google daħlet fis-suq separat tat-tqabbil tax-xiri fl-Ewropa, bi prodott li llum jissejjaħ “Google Shopping”. Mill-2008, Google bdiet timplimenta fis-swieq Ewropej strateġija biex tiffavorixxi s-servizz tagħha ta’ tqabbil tax-xiri li kien imsejjes fuq id-dominanza ta’ Google fit-tiftix ġenerali fuq l-internet, minflok fuq il-kompetizzjoni bil-merti fis-swieq ta’ tqabbil tax-xiri. Google sistematikament tat pożizzjoni prominenti lis-servizz tagħha stess ta’ tqabbil tax-xiri, u niżżlet ’l isfel is-servizzi rivali ta’ tqabbil tax-xiri fir-riżultati tat-tiftix tagħha. L-evidenza wriet li anki s-servizz rivali bl-ogħla klassifikazzjoni deher bħala medja fir-raba’ paġna tar-riżultati tat-tiftixa
f’Google, u oħrajn dehru saħansitra aktar ’l isfel. Is-servizz ta’ Google stess ta’ tqabbil tax-xiri ma kienx soġġett għal algoritmi ġeneriċi tat-tiftix ta’ Google, inkluża t-tali dimozzjoni. Konsegwentement, is-servizz
ta’ Google ta’ tqabbil tax-xiri kien ferm aktar viżibbli għall-konsumaturi fir-riżultati tat-tiftixa ta’ Google, meta mqabbel ma’ servizzi rivali ta’ tqabbil tax-xiri.
L-evidenza turi li l-konsumaturi jikklikkjaw ferm aktar fuq ir-riżultati li jkunu aktar viżibbli, jiġifieri r-riżultati li jidhru aktar ’il fuq fir-riżultati tat-tiftix ta’ Google. Bħala riżultat tal-prattiki illegali ta’ Google, it-traffiku lejn is-servizz ta’ Google ta’ tqabbil tax-xiri żdied b’mod sinifikanti, filwaqt li r-rivali ġarrbu telf tassew sostanzjali ta’ traffiku fuq bażi dejjiema.
Il-Kummissjoni mmultat lil Google EUR 2.42 biljun talli kisret ir-regoli tal-antitrust tal-UE. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ordnat ukoll lil Google biex tikkonforma mal-prinċipju ta’ għoti ta’ trattament indaqs lil servizzi rivali ta’ tqabbil tax-xiri u lis-servizz tagħha stess.
Il-pożizzjoni dominanti, minnha nfisha, mhix illegali skont ir-regoli tal-antitrust tal-UE. Madankollu, il-kumpaniji dominanti għandhom responsabbiltà speċjali biex ma jabbużawx mill-pożizzjoni b’saħħitha tagħhom fis-suq billi jirrestrinġu l-kompetizzjoni, la fis-suq fejn huma dominanti u lanqas fi swieq separati iżda marbuta ma’ xulxin. L-imġiba ta’ Google ċaħħdet lil kumpaniji oħra mill-possibbiltà li jikkompetu bil-merti u jinnovaw u, għalhekk, kienet qed tikser ir-regoli tal-antitrust tal-UE. Aktar importanti minn hekk, din ċaħħdet lill-konsumaturi Ewropej minn għażla ġenwina tas-servizzi u mill-benefiċċji sħaħ tal-innovazzjoni.
Il-Kummissjoni għadha qed tinvestiga l-abbużi possibbli ta’ Google mill-pożizzjoni dominanti f’żewġ każijiet oħra, li jikkonċernaw l-apps u s-servizzi tal-mowbajl (Android) u r-reklami tat-tiftix ta’ Google li jidhru fuq siti web oħra (AdSense).
Il-Kummissjoni ħarset ukoll lejn il-ftehimiet ta’ distribuzzjoni ta’ Amazon ma’ pubblikaturi tal-kotba elettroniċi fl-Ewropa. Il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni għaliex kienet imħassba dwar il-klawżoli inklużi fil-ftehimiet ta’ distribuzzjoni tal-kotba elettroniċi ta’ Amazon li setgħu kisru r-regoli tal-antitrust tal-UE. Dawn il-klawżoli, kultant imsejħa bħala klawżoli “tan-nazzjon l-aktar iffavorit”, kienu jeħtieġu li l-pubblikaturi joffru lil Amazon patti u kundizzjonijiet simili għal dawk offruti lil-kompetituri tagħha, jew aħjar minnhom, u/jew li jinformaw lil Amazon dwar patti aktar favorevoli jew alternattivi mogħtija lill-kompetituri ta’ Amazon. Il-Kummissjoni qieset li klawżoli bħal dawn jistgħu jagħmluha aktar diffiċli għal pjattaformi oħra tal-kotba elettroniċi biex jiżviluppaw servizzi innovattivi għall-kotba elettroniċi u jikkompetu b’mod effettiv ma’ Amazon.
Amazon fittxet li tindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni billi toffri li ma tinfurzax, ma tintroduċix u lanqas ma tbiddel il-patti tal-ftehimiet tagħha mal-pubblikaturi. L-impenji proposti oriġinarjament minn Amazon ġew emendati wara l-feedback riċevut mingħand il-partijiet interessati. F’Mejju, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-verżjoni finali emendata tal-impenji kienet toffri soluzzjoni puntwali, effettiva u komprensiva għat-tħassib dwar il-kompetizzjoni li kienet identifikat. L-impenji se jgħinu fl-iżgurar tal-innovazzjoni u tal-kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-kotba elettroniċi tal-Ewropa li jiswa aktar minn EUR 1 biljun, u jżidu l-għażla u l-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-konsumaturi Ewropej.
L-infurzar tal-antitrust fis-swieq tal-isport
Fit-8 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li sabet li r-regoli ta’ eliġibilità tal-Unjoni Internazzjonali tal-Iskejzjar (ISU) kienu qed jiksru l-Artikolu 101 TFUE. Ir-regoli kkonċernati kienu jimponu penali severi fuq l-atleti li jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet ta’ skejzjar veloċi li ma kinux awtorizzati mill-ISU, anki meta t-tali kompetizzjonijiet ma kienu jirrappreżentaw ebda riskju għall-objettivi leġittimi tal-isport, bħall-protezzjoni tal-integrità u l-kondotta xierqa tal-isport, jew is-saħħa u s-sikurezza tal-atleti.
Il-Kummissjoni sabet li, bħala riżultat tar-regoli ta’ eliġibbiltà tal-ISU, l-atleti ma tħallewx jikkompetu f’avvenimenti ta’ skejzjar mhux organizzati mill-ISU u jistgħu jkunu mċaħħda minn sorsi addizzjonali ta’ introjtu matul il-karrieri relattivament qosra tagħhom ta’ skejzjar veloċi. Barra minn hekk, ir-regoli ta’ eliġibbiltà tal-ISU għamluha diffiċli għal organizzaturi indipendenti biex jorganizzaw il-kompetizzjonijiet tagħhom stess ta’ skejzjar veloċi għaliex ma setgħux jattiraw l-aqwa atleti. Dan illimita l-iżvilupp ta’ kompetizzjonijiet alternattivi u innovattivi ta’ skejzjar veloċi, għad-detriment tas-sostenituri u tal-ispettaturi.
Filwaqt li l-Kummissjoni qieset li l-intervent tagħha kien neċessarju fiċ-ċirkustanzi tal-każ, id-deċiżjoni ma tfissirx li l-Kummissjoni qed timmira li tkun ir-referee f’kull tilwima dwar l-isport.
Inkjesta settorjali tal-Kummissjoni fil-kummerċ elettroniku:
Il-kummerċ elettroniku għandu jagħti lill-klijenti għażla akbar ta’ oġġetti u ta’ servizzi, kif ukoll l-opportunità li jagħmlu xirjiet b’mod transfruntier. Madankollu, minkejja li qed jiġu nnegozjati dejjem aktar oġġetti u servizzi fuq l-internet madwar id-dinja kollha, il-bejgħ online transfruntier f l-UE qed jikber biss bil-mod. Fl-2015, il-Kummissjoni nediet inkjesta settorjali biex tidentifika t-tħassib dwar il-kompetizzjoni possibbli fis-swieq Ewropej tal-kummerċ elettroniku. Matul l-inkjesta, il-Kummissjoni ġabret evidenza mingħand kważi 1 900 kumpanija li joperaw fil-kummerċ elettroniku ta’ oġġetti tal-konsum u ta’ kontenut diġitali u analizzat madwar 8 000 kuntratt ta’ distribuzzjoni u ta’ liċenzja. F’Mejju 2017, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport finali tal-inkjesta settorjali, filwaqt li qieset il-kummenti riċevuti dwar ir-rapport preliminari ta’ Settembru 2016. Is-sejbiet diġà qed jgħinu lill-Kummissjoni timmira aħjar l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE fis-swieq tal-kummerċ elettroniku. Barra minn hekk, l-inkjesta settorjali wasslet biex numru ta’ kumpaniji jirrieżaminaw il-prattiki kummerċjali tagħhom minn jeddhom.
L-indirizzar tar-restrizzjonijiet fil-prezzijiet u tal-prattiki tal-imblukkar ġeografiku
Fi Frar 2017, il-Kummissjoni nediet tliet investigazzjonijiet separati biex tivvaluta jekk ċerti prattiki ta’ bejgħ online jipprevjenux lill-klijenti milli jgawdu minn għażla transfruntiera u milli jkunu jistgħu jixtru prodotti elettroniċi għall-konsumatur, logħob vidjo u akkomodazzjoni f’lukandi bi prezzijiet kompetittivi. It-tliet investigazzjonijiet għandhom l-għan li jindirizzaw il-kwistjonijiet speċifiċi ta’ restrizzjonijiet fuq il-prezzijiet fil-livell tal-konsumatur, id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-post u l-imblukkar ġeografiku inklużi fi ftehimiet vertikali bejn il-kumpaniji. Ir-riżultati preliminari tal-inkjesta settorjali tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni fil-kummerċ elettroniku juru li l-użu ta’ dawn ir-restrizzjonijiet hu mifrux madwar l-UE.
Barra minn hekk, f’Ġunju 2017, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni antitrust formali dwar il-ftehimiet ta’ distribuzzjoni u dwar il-prattiki ta’ manifatturar u tal-bejjiegħ bl-imnut tal-ilbies Guess. Il-Kummissjoni nediet ukoll tliet investigazzjonijiet antitrust separati biex tivvaluta jekk Nike, Sanrio u Universal Studios humiex qed jirrestrinġu l-bejgħ transfruntier u online ta’ prodotti tal-merchandising. Il-Kummissjoni qed teżamina jekk il-prattiki ta’ liċenzjar u ta’ distribuzzjoni ta’ dawn il-kumpaniji jistgħux ikunu qed iċaħħdu lill-konsumaturi minn aċċess għal għażla akbar u għal prezzijiet aħjar fis-suq uniku.
Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-istrateġija tal-Kummissjoni għal Suq Uniku Diġitali hu li tagħti aċċess aħjar għall-konsumaturi u għan-negozji għal oġġetti u għal servizz, pereżempju billi tiżgura konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, ittemm l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u tippermetti l-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online.
L-iżgurar ta’ kompetizzjoni vibranti fis-settur tal-midja
Is-settur tal-midja hu vitali għall-progress tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, kif ukoll biex jiġu żviluppati u ppreservati l-kultura, l-informazzjoni, l-edukazzjoni u d-demokrazija. Hekk kif il-kontenut diġitali qed isir dejjem aktar disponibbli u distribwit fuq diversi pjattaformi (netwerks terrestri diġitali, tal-kejbil, satellitari, tal-Internet, tal-mowbajl), id-ditti għandhom tendenza li jgħaqqdu l-produzzjoni u l-kontenut u d-distribuzzjoni ta’ dan. Meta tivvaluta l-fużjonijiet fis-settur tal-midja, aspett ta’ importanza ewlenija għall-Kummissjoni hu li l-aċċess għal elementi importanti - kemm jekk kontenut, teknoloġija jew inkella l-interkonnessjoni - ma jkunx affettwat b’mod negattiv.
F’April 2017, il-Kummissjoni approvat skont ir-Regolament dwar l-Għaqdiet l-akkwiżizzjoni proposta ta’ Sky minn Twenty-First Century Fox, kumpanija tal-midja globali diversifikata bbażata fl-Istati Uniti tal-Amerka. Sky hi l-operatur prinċipali tat-televiżjoni bi ħlas fl-Awstrija, fil-Ġermanja, fl-Irlanda, fl-Italja u fir-Renju Unit, filwaqt li Twenty-First Century Fox hi wieħed mis-sitt studjos ewlenin tal-films ta’ Hollywood, u operatur tal-kanali tat-televiżjoni. Fox u Sky huma primarjament attivi fi swieq differenti fl-Awstrija, fil-Ġermanja, fl-Irlanda, fl-Italja u fir-Renju Unit. Il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tranżazzjoni ma tqajjimx tħassib dwar il-kompetizzjoni fl-Ewropa.
F’Mejju, il-Kummissjoni approvat l-akkwiżizzjoni tal-kontroll de facto fuq Telecom Italia minn Vivendi. Kemm Telecom Italia (l-Italja) kif ukoll Vivendi (Franza) huma attivi fis-suq għall-aċċess għall-operaturi għal netwerks terrestri diġitali għax-xandir ta’ kanali tat-televiżjoni, permezz tal-parteċipazzjonijiet rispettivi tagħhom f’żewġ kumpaniji oħra, Persidera u Mediaset. Il-Kummissjoni sabet li, wara t-tranżazzjoni, Vivendi kien ikollha inċentiv li tgħolli l-prezzijiet mitluba għall-kanali tat-televiżjoni fis-suq għall-aċċess għall-operaturi għal netwerks tat-televiżjoni terrestri diġitali. Biex tindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni, Vivendi ħadet impenn li tiddivesti l-parteċipazzjoni ta’ Telecom Italia f’Persidera. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hi kundizzjonali fuq il-konformità sħiħa mal-impenji.
Il-Kummissjoni għandha ġuriżdizzjoni esklużiva biex tivvaluta l-impatt tat-tranżazzjonijiet proposti fuq il-kompetizzjoni fid-diversi swieq affettwati fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Madankollu, ir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet jagħraf li l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa, inkluż billi jipprojbixxu t-tranżazzjonijiet proposti, biex iħarsu interessi leġittimi oħra, bħall-pluralità tal-midja. F’dan ir-rigward, is-Segretarju tal-Istat tar-Renju Unit għall-Kultura, għall-Midja u għall-Isport bħalissa qed jikkunsidra jekk jiħux miżuri xierqa biex iħares il-pluralità tal-midja fir-Renju Unit b’rabta mal-akkwiżizzjoni proposta ta’ Sky minn Twenty-First Century Fox.
Il-Kummissjoni approvat ukoll żewġ skemi ta’ għajnuna li jappoġġjaw l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ logħob vidjo diġitali edukattiv u ta’ valur kulturali fil-Ġermanja u fid-Danimarka.
Kontroll tal-fużjonijiet u l-importanza li tiġi pprovduta informazzjoni korretta
Meta tivvaluta tranżazzjoni ta’ fużjoni proposta, il-Kummissjoni trid tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet b’għarfien sħiħ tal-fatti preċiżi. Ir-
Regolament tal-UE dwar
l-Għaqdiet jobbliga lill-kumpaniji f’investigazzjoni dwar fużjoni biex jipprovdu informazzjoni korretta li mhix qarrieqa, peress li din hi essenzjali biex il-Kummissjoni tirrieżamina l-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet b’mod puntwali u effettiv. Dan l-obbligu japplika indipendentement minn jekk l-informazzjoni għandhiex impatt fuq l-eżitu finali tal-valutazzjoni tal-fużjoni.
Meta Facebook innotifikat l-akkwiżizzjoni ta’ WhatsApp fl-2014, din informat lill-Kummissjoni li hi ma kinitx se tkun tista’ tistabbilixxi tlaqqigħ awtomatizzat affidabbli bejn il-kontijiet tal-utenti ta’ Facebook u l-kontijiet tal-utenti ta’ Whatsapp. Madankollu, aktar tard, il-Kummissjoni sabet li, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjonijiet ta’ Facebook fil-proċess ta’ rieżami tal-fużjonijiet tal-2014, il-possibbiltà teknika ta’ tlaqqigħ awtomatiku tal-identitajiet tal-utenti ta’ Facebook u ta’ Whatsapp diġà kienet teżisti fl-2014, u li Facebook kienet taf b’din il-possibbiltà. Wara Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet, f’Mejju 2017 il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 110 miljun fuq Facebook talli pprovdiet informazzjoni skorretta jew qarrieqa. Id-deċiżjoni tibgħat sinjal ċar lill-kumpaniji li huma jridu jikkonformaw mal-aspetti kollha tar-regoli tal-fużjonijiet tal-UE, li jinkludu l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni korretta.
L-appoġġjar tal-konnettività madwar l-UE
Il-konnessjonijiet u l-kopertura tal-internet huma prekundizzjoni għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni diġitali. Bħala parti mill-istrateġija tagħha għal
Suq Uniku Diġitali
, il-Kummissjoni għandha l-għan li tħeġġeġ it-tnedija tal-broadband, speċjalment f’żoni mhux moqdija għalkollox, u li tiżgura livell għoli ta’ konnettività fl-UE. Il-Kummissjoni stabbilixxiet mira ta’ konnessjonijiet tal-internet b’veloċitajiet ta’ tniżżil/ta’ tlugħ ta’ Gigabit (1) ta’ data fis-sekonda sal-2025 għall-iskejjel kollha, għaċ-ċentri tat-trasport u għall-fornituri ewlenin tas-servizzi pubbliċi, kif ukoll għal intrapriżi diġitalment intensivi. Barra minn hekk, il-familji Ewropej kollha għandu jkollhom aċċess għal netwerks li joffru veloċità tat-tniżżil ta’ mill-anqas 100 Mbps, li jistgħu jissaħħu għal Gigabit (1) sal-2025. Finalment, ukoll sal-2025, iż-żoni urbani kollha u l-perkorsi terrestri ewlenin kollha tat-trasport għandu jkollhom kopertura mhux interrotta tal-5G.
Ir-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER) li hu maħsub b’mod partikolari għal żoni mhux moqdija għalkollox u jippermetti lill-Istati Membri jniedu netwerks tal-broadband mingħajr notifika ta’ għajnuna mill-Istat u l-Linji Gwida tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mat-tnedija rapida ta’ netwerks tal-broadband joffru stabbiltà u ċertezza tad-dritt għall-investiment fil-broadband. Dawk ir-regoli jħeġġu t-tnedija rapida ta’ infrastruttura tal-broadband iffinanzjata pubblikament b’fondi pubbliċi filwaqt li jimminimizzaw ir-riskju ta’ esklużjoni ta’ investimenti privati jew ta’ ħolqien ta’ monopolji. L-Istati Membri kollha issa adottaw u/jew aġġornaw strateġiji nazzjonali u/jew reġjonali tal-broadband u qed jadattawhom b’mod progressiv għall-objettivi strateġiċi l-ġodda tal-konnettività għall-2025. Matul l-2017 il-Kummissjoni approvat skemi nazzjonali u reġjonali estensivi tal-broadband, b’mod partikolari għal-Litwanja, għall-Kroazja, għall-Awstrija, għall-Ġermanja u għall-Polonja. Il-miżuri ppjanati se jġibu internet aktar veloċi għall-konsumaturi u għan-negozji. Fl-2017, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni kkontribwixxa b’mod attiv bl-għarfien espert tiegħu dwar id-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għan-netwerk Ewropew il-ġdid ta’ Uffiċjali b’Għarfien Espert dwar il-Broadband u bis-Sett ta’ Għodod għall-Broadband Rurali. Iż-żewġ inizjattivi huma mmirati lejn il-bini ta’ kapaċitajiet (legali, tekniċi jew finanzjarji) u t-tixrid tal-għarfien fil-broadband, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattiki kurrenti għal implimentazzjoni veloċi tal-pjanijiet tal-broadband fl-Ewropa.
4. Il-promozzjoni tal-kompetizzjoni ġusta fi swieq konċentrati, għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji
Konċentrazzjoni għolja tas-suq tfisser li ftit kumpaniji jkollhom ishma għolja mis-suq f’settur partikolari. L-infurzar rigoruż tal-kompetizzjoni jiżgura li kumpaniji kbar u b'saħħithom ma jitħallewx jużaw ħażin is-saħħa fis-suq tagħhom għad-detriment tal-klijenti tagħhom u tal-bqija tal-ekonomija. F’Settembru l-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat il-qafas għall-valutazzjoni tal-legalità tar-ribassi tal-esklużività applikati minn kumpaniji dominanti. Din ikkonfermat li t-tali ribassi huma, bħala punt tat-tluq, illegali u li l-effetti antikompetittivi jistgħu jintwerew b’diversi modi differenti. Minn perspettiva proċedurali, il-Qorti bagħtet ukoll tfakkira dwar l-importanza taż-żamma ta’ rekords tal-kuntatti mal-kumpaniji u ma’ partijiet oħra involuti fl-investigazzjonijiet dwar il-kompetizzjoni, li hi kompletament konformi mal-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-ġustizzja u r-rispett għad-drittijiet tad-difiża tal-kumpaniji.
Infurzar tal-antitrust fis-settur farmaċewtiku
Iċ-ċittadini Ewropej għandhom bżonn ta’ aċċess għal prodotti farmaċewtiċi innovattivi, sikuri u affordabbli. Meta jkun hemm deterrenza biex il-kumpaniji farmaċewtiċi, il-kumpaniji ta’ apparati mediċi jew kumpaniji oħra relatati mas-saħħa ma jużawx prattiki inġusti, iċ-ċittadin jirbaħ. Jiġu żviluppati prodotti ġodda u aħjar, jorħsu l-prezzijiet u jiġu ffrankati baġits għas-saħħa. Fl-UE, kull Stat Membru għandu politiki differenti dwar l-ipprezzar u r-rimborż farmaċewtiċi, adattati għall-ħtiġijiet ekonomiċi u tas-saħħa tiegħu stess; minkejja dan, il-kumpaniji farmaċewtiċi kollha li joperaw fis-suq uniku tal-UE jridu jirrispettaw ir-regoli tal-kompetizzjoni.
F’Mejju 2017, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni formali dwar it-tħassib li Aspen Pharma kienet involuta f’ipprezzar eċċessiv rigward ħames mediċini tal-kanċer li jsalvaw il-ħajja. Il-Kummissjoni qed tinvestiga jekk Aspen abbużatx minn pożizzjoni dominanti bi ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE. Issa l-Kummissjoni se tagħmel l-investigazzjoni fil-fond tagħha bħala prijorità. Il-ftuħ tal-proċedimenti formali ma jippreġudikax l-eżitu tal-investigazzjoni.
Il-Kummissjoni qed tixtarr il-prattiki ta’ pprezzar għall-mediċni li jsalvaw il-ħajja: il-każ ta’ Aspen
Aspen hi kumpanija farmaċewtika globali bi kwartieri ġenerali fl-Afrika t’Isfel, b’diversi sussidjarji fiż-ŻEE. L-investigazzjoni tikkonċerna l-prattiki ta’ pprezzar ta’ Aspen għal mediċini niċċa użati għat-trattament tal-kanċer, bħal tumuri ematoloġiċi. Il-mediċini jinbiegħu b’formulazzjonijiet differenti u taħt diversi marki kummerċjali. Aspen akkwiżixxiet dawn il-mediċini wara li skadiet il-protezzjoni tal-privattiva tagħhom.
Il-Kummissjoni qed tinvestiga allegazzjonijiet li jindikaw li Aspen imponiet żidiet ferm sinifikanti u inġustifikati fil-prezz sa diversi mijiet fil-mija, l-hekk imsejjaħ “price gouging”. Biex timponi t-tali żidiet fil-prezz, Aspen heddet li tirtira l-mediċini inkwistjoni f’xi Stati Membri u fil-fatt hekk għamlet f’ċerti każijiet. L-investigazzjoni tkopri ż-ŻEE kollha minbarra l-Italja, fejn l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Italja diġà adottat deċiżjoni ta’ ksur kontra Aspen f’Settembru 2016.
Din hi l-ewwel investigazzjoni tal-Kummissjoni fi tħassib dwar prattiki ta’ pprezzar eċċessiv fl-industrija farmaċewtika.
Il-Kummissjoni kienet viġilanti wkoll biex tindirizza tentattivi minn kumpaniji oriġinaturi biex jittardjaw jew ixekklu l-introduzzjoni ta’ mediċini ġeneriċi fis-suq. F’Lulju 2017, il-Kummissjoni bagħtet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet lill-kumpanija farmaċewtika Teva. Il-Kummissjoni informat lil Teva dwar il-fehma preliminari tagħha li ftehim konkluż mal-kompetitur tagħha Cephalon kien qed jikser ir-regoli tal-antitrust tal-UE. Skont il-Ftehim, Teva ħadet impenn li ma tqegħidx fis-suq verżjoni ġenerika orħos tal-mediċina ta’ Cephalon għal disturbi tal-irqad, modafinil.
Id-dħul fis-suq u l-kompetizzjoni minn mediċini ġeneriċi huma element essenzjali biex titjieb l-affordabilità tal-kura tas-saħħa. Id-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet tallega li l-ftehim ta’ saldu tal-privattiva bejn Cephalon u Teva seta’ ttardja d-dħul ta’ mediċina ġenerika orħos, u b'hekk wassal għal prezzijiet ogħla għal modafinil u kkawża ħsara sostanzjali għall-pazjenti u għall-baġits tas-servizzi tas-saħħa tal-UE. Il-kumpaniji issa għandhom l-opportunità li jwieġbu għat-tħassib tal-Kummissjoni. Il-ħruġ ta’ Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet ma jippreġudikax l-eżitu tal-investigazzjoni.
L-operazzjonijiet ewlenin ta’ fużjoni fis-settur farmaċewtiku
F’Ġunju, il-Kummissjoni approvat l-akkwiżizzjoni ta’ Actelion minn Johnson & Johnson, soġġetta għal rimedji. Filwaqt li l-attivitajiet taż-żewġ kumpaniji kienu fil-parti l-kbira komplimentari, it-tnejn kienu qed jaħdmu fuq trattament għall-insomnja, fuq il-bażi ta’ mod ġdid kif titfejjaq din il-kundizzjoni. L-investigazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni indikat li t-tranżazzjoni kif notifikata tkun tagħti lil Johnson & Johnson il-ħila u l-inċentiv li tirrazzjonalizza l-programmi f’kompetizzjoni tagħha ta’ riċerka u ta’ żvilupp fl-insomnja billi tittardja jew inkella billi twaqqaf wieħed minnhom. Biex tindirizza dan it-tħassib dwar il-kompetizzjoni, Johnson & Johnson offriet rimedji biex jiġi żgurat li hi ma tkunx tista’ tinfluwenza b’mod negattiv l-iżvilupp ta’ xi wieħed mill-programmi ta’ riċerka dwar l-insomnja.
L-operazzjonijiet ewlenin ta’ fużjoni fis-settur agrokimiku
Iż-żrieragħ u l-prodotti tal-pestiċidi huma essenzjali għall-bdiewa u, finalment, għall-konsumaturi. Il-Kummissjoni tiżgura kompetizzjoni effettiva f’dan is-settur, biex il-bdiewa jkun jista’ jkollhom aċċess għal prodotti innovattivi, għal kwalità aħjar u għal prezzijiet kompetittivi. F’dan is-suq, il-Kummissjoni vvalutat skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet il-fużjonijiet riċenti bejn Dow u Dupont u bejn Syngenta u ChemChina, kif ukoll bejn Bayer u Monsanto. Iż-żewġ deċiżjonijiet segwew reviżjoni fil-fond tat-tranżazzjonijiet proposti.
L-approvazzjoni kundizzjonali tal-fużjoni ta’ Dow u ta’ Dupont u tal-akkwiżizzjoni minn ChemChina ta’ Syngenta
F’Marzu 2017, il-Kummissjoni approvat il-fużjoni bejn il-kumpaniji tas-sustanzi kimiċi bbażati fl-Istati Uniti, Dow u DuPont, soġġetta għall-kundizzjonijiet dwar id-divestitura ta’ partijiet kbar min-negozju globali tal-pestiċidi ta’ DuPont, inkluża l-organizzazzjoni globali tagħha tar-Riċerka u tal-Iżvilupp. Il-Kummissjoni kienet imħassba li l-fużjoni kif notifikata kienet tnaqqas il-kompetizzjoni fil-prezzijiet u fl-għażla f’numru ta’ swieq għall-pestiċidi eżistenti. Barra minn hekk, investigazzjoni dettaljata tal-effetti tal-fużjoni fuq il-kompetizzjoni fl-innovazzjoni f’numru ta’ spazji tal-innovazzjoni li fihom l-isforzi ta’ R&Ż tal-partijiet kienu f’kompetizzjoni kontra xulxin kif ukoll dwar il-kompetizzjoni fl-innovazzjoni tal-pestiċidi b’mod ġenerali wriet li l-fużjoni kienet tnaqqas l-innovazzjoni b’mod sinifikanti wkoll. L-impenji sottomessi minn Dow u minn DuPont indirizzaw dan it-tħassib kollu bis-sħiħ.
F’April 2017, il-Kummissjoni approvat l-akkwiżizzjoni minn ChemChina ta’ Syngenta (ibbażati, rispettivament, fiċ-Ċina u fl-Iżvizzera), soġġetta għal kundizzjonijiet. Il-Kummissjoni kienet imħassba li t-tranżazzjoni kif notifikata kienet tnaqqas il-kompetizzjoni f’numru ta’ swieq eżistenti għall-pestiċidi fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet imħassba li t-tranżazzjoni setgħet tnaqqas il-kompetizzjoni għal regolaturi tat-tkabbir tal-pjanti. Għaldaqstant, l-approvazzjoni kienet kundizzjonali għad-divestitura ta’ partijiet sinifikanti tan-negozju tal-pestiċidi u tar-regolaturi tat-tkabbir tal-pjanti fl-Ewropa ta’ ChemChina. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni ffokat fuq il-kompetizzjoni għal pestiċidi eżistenti, peress li ChemChina ma tikkompetix ma’ Syngenta għall-iżvilupp ta’ pestiċidi ġodda u innovattivi.
F’Awwissu, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni fil-fond biex tivvaluta l-akkwiżizzjoni proposta ta’ Monsanto (l-Istati Uniti) minn Bayer (il-Ġermanja) skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet. L-entità fuża jkollha kemm l-akbar portafoll ta’ prodotti tal-pestiċidi kif ukoll l-aktar pożizzjonijiet b’saħħithom fis-suq globali fiż-żrieragħ u fil-karatteristiċi, biex b’hekk issir l-akbar kumpanija integrata fl-industrija. Il-Kummissjoni kellha tħassib preliminari li l-akkwiżizzjoni proposta tista’ tnaqqas il-kompetizzjoni f’numru ta’ swieq differenti li tirriżulta fi prezzijiet ogħla, fi kwalità inferjuri, f’anqas għażla u f’anqas innovazzjoni. B’mod partikolari, l-investigazzjoni tas-suq inizjali identifikat tħassib preliminari fl-oqsma tal-pestiċidi, taż-żrieragħ u tal-karatteristiċi, kif ukoll fl-agrikoltura diġitali. Il-Kummissjoni investigat ukoll jekk l-aċċess mill-kompetituri għal distributuri u għal bdiewa jistax isir aktar diffiċli jekk Bayer u Monsanto jaggregaw jew jiġbru l-bejgħ tal-prodotti tal-pestiċidi u taż-żrieragħ tagħhom, b’mod partikolari bil-miġja tal-agrikoltura diġitali. L-agrikoltura diġitali tikkonsisti fil-ġbir ta’ data u ta’ informazzjoni dwar il-farms bl-għan li jiġu pprovduti pariri personalizzati jew data aggregata lill-bdiewa. Kemm Bayer kif ukoll Monsanto kienu qed jinvestu f’din it-teknoloġija emerġenti. Fid-dawl tal-ambitu dinji tal-attivitajiet ta’ Bayer u ta’ Monsanto, il-Kummissjoni kkooperat mill-qrib ma’ awtoritajiet oħra tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari mad-Department of Justice fl-Istati Uniti tal-Amerka u mal-awtoritajiet tal-antitrust tal-Awstralja, tal-Brażil, tal-Kanada u tal-Afrika t’Isfel.
L-iżgurar ta’ prezzijiet tal-input kompetittivi għall-industriji Ewropej
F’April 2017, il-Kummissjoni pprojbixxiet l-akkwiżizzjoni proposta ta’ Cemex Croatia minn HeidelbergCement u minn Schwenk skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet. Il-Kummissjoni kienet ferm imħassba li l-akkwiżizzjoni kienet tnaqqas b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fi swieq tas-siment griż u żżid il-prezzijiet fil-Kroazja.
L-akkwiżizzjoni kienet telimina l-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji li kienu qed jikkompetu ras imb ras għan-negozju tal-klijenti tas-siment tal-Kroazja u setgħet twassal għal pożizzjoni dominanti fis-suq. L-ishma kombinati mis-suq tal-partijiet kienu jkunu ta’ madwar 45-50% u jilħqu aktar minn 70% f’partijiet mill-pajjiż. Wara investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rimedju propost ma kienx biżżejjed biex jieħu post il-kompetizzjoni li kienet tgħib mal-fużjoni.
Is-siment hu input importanti għall-industrija tal-bini, li tipprovdi ħafna impjiegi fil-Kroazja u li kienet qed tbati fl-aħħar snin. Il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tipproteġi lill-klijenti u tipprevjeni l-effetti negattivi minn prezzijiet tal-input ogħla għal dan is-settur importanti.
5. It-tisħiħ tat-tkabbir bil-protezzjoni tal-kompetizzjoni fl-industriji li jużaw netwerk
Fis-settur tal-enerġija, il-Kummissjoni tkompli taħdem favur Unjoni tal-Enerġija Ewropea li fiha l-enerġija nadifa tista’ timxi b’mod liberu u sigur. Provvisti tal-enerġija affidabbli, bi prezzijiet raġonevoli għan-negozji u għall-konsumaturi u b’impatt ambjentali minimu, huma kruċjali għall-ekonomija Ewropea.
Miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għaċ-ċittadini u għan-negozji Ewropej
L-inkjesta settorjali tal-2016 tal-Kummissjoni fil-mekkaniżmu ta’ kapaċità
fformat il-bażi għal kooperazzjoin msaħħa bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE biex jiġi żgurat li l-mekkaniżmi ta’ kapaċità jkunu mfassla sew u idonei. Fl-2017, il-Kummissjoni bdiet bl-azzjonijiet ta’ infurzar tagħha fuq il-bażi tas-sejbiet tar-Rapport u ħadet deċiżjoni finali dwar mekkaniżmu ta’ kapaċità fi Franza. Barra minn hekk, ġie approvat l-ewwel mekkaniżmu konġunt ta’ kapaċità għall-Irlanda u għall-Irlanda ta’ Fuq. Dan
il-mekkaniżmu ta’ kapaċità hu miftuħ għat-tipi potenzjali kollha ta’ fornituri ta’ kapaċità, inkluż ir-rispons tad-domanda, fl-“all-island market”. Barra minn hekk, f’kooperazzjoni msaħħa mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, il-Kummissjoni kompliet tiżgura li sitt mekkaniżmi ta’ kapaċità oħra fil-Belġju, fi Franza, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fl-Italja u fil-Polonja - li jikkonċernaw aktar minn nofs il-popolazzjoni tal-UE - huma mfassla tajjeb u jissodisfaw il-kriterji stretti skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-2014 tal-Kummissjoni dwar
l-Għajnuna mill-Istat għall-Protezzjoni Ambjentali u l-Enerġija. B’mod partikolari, l-għotja tal-għajnuna sseħħ permezz ta’ offerti kompetittivi, miftuħa għat-teknoloġiji kollha li huma kapaċi jipprovdu s-servizzi mixtieqa, inkluż ir-rispons tad-domanda. Dawn l-attivitajiet ta’ infurzar jikkomplimentaw l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-Unjoni tal-Enerġija għall-provvista ta’ enerġija sigura, sostenibbli u kompetittiva fl-Ewropa.
Il-promozzjoni ta’ suq miftuħ u integrat għall-gass
Fl-2017, il-Kummissjoni kompliet tinvestiga l-prattiki kummerċjali ta’ Gazprom fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Skont il-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, Gazprom kienet qed tikser ir-regoli tal-antitrust tal-UE billi ssegwi strateġija ġenerali biex taqsam is-swieq tal-gass tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.
Gazprom offriet impenji biex issolvi t-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni sabet li l-impenji offruti minn Gazprom kienu jkopru t-tħassib tagħha dwar il-kompetizzjoni, u ddeċidiet li tissottomettihom għal test tas-suq. F’Marzu 2017, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha biex jissottomettu l-fehmiet tagħhom dwar l-impenji offruti minn Gazprom, u rċiviet numru sinifikanti ta’ kummenti u ta’ sottomissjonijiet. Fid-dawl tal-kummenti riċevuti fit-test tas-suq, il-Kummissjoni tista’ titlob modifiki fl-impenji u mbagħad tadotta deċiżjoni li tagħmel l-impenji legalment vinkolanti fuq Gazprom. Jekk kumpanija tikser it-tali impenji, il-Kummissjoni tista’ timponi multa sa 10% tal-fatturat dinji tal-kumpanija, bla ma jkollha turi bil-provi li kien hemm ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE.
Il-Kummissjoni kompliet ukoll bl-investigazzjoni tagħha fl-esklużjoni possibbli mis-swieq tal-gass fil-Bulgarija mill-inkombenti Bulgara, Bulgarian Energy Holding (“BEH”).
Kompetizzjoni fuq bażi ekwa bejn is-swieq Ewropej tal-enerġija
Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jaqdu rwol importanti fl-ilħuq tal-miri ambizzjużi tal-UE dwar l-enerġija u l-klima bl-anqas kost possibbli għall-kontribwenti u mingħajr distorsjonijiet indebiti tal-kompetizzjoni fis-suq uniku. B’mod partikolari, il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Protezzjoni Ambjentali u l-Enerġija jeħtieġu rkanti kompetittivi għall-appoġġ għar-rinnovabbli mill-2017 ’l hawn. L-irkanti għandhom ikunu bbażati fuq kriterji ċari, trasparenti u nondiskriminatorji. Dan ir-rekwiżit jiżgura li l-użu ta’ fondi pubbliċi jkun limitat u ma jkun hemm ebda kumpens eċċessiv.
Pereżempju, f’Lulju l-Kummissjoni approvat skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat l-iskema ta’ appoġġ il-ġdida tal-Ungerija għall-elettriku rinnovabbli. Taħt din l-iskema, diversi teknoloġiji u daqsijiet tal-impjanti huma eliġibbli. L-installazzjonijiet b’kapaċità ta’ aktar minn megawatt (1) u installazzjonijiet tar-riħ se jingħażlu fi proċess ta’ offerti kompetittv newtrali għat-teknoloġiji.
F’Settembru, il-Kummissjoni approvat skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat erba’ skemi biex tappoġġja l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn installazzjonijiet eoliċi u solari fuq l-art fuq il-binjiet u fuq l-art fi Franza. L-iskemi se jippermettu lil Franza tiżviluppa aktar minn seba’ gigawatts addizzjonali f’enerġija rinnovabbli, biex jgħinuha tilħaq il-mira tal-2020 tagħha li tipproduċi 23% tal-ħtiġijiet tal-enerġija tagħha minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, f’Novembru l-Kummissjoni sabet skema Spanjola għall-elettriku rinnovabbli bħala konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. L-iskema tappoġġja l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja tas-sħana, l-enerġija u l-iskart, u tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ta’ Spanja lejn provvista tal-enerġija sostenibbli b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u ambjentalment sostenibbli.
Dawk l-iskemi kollha huma akkumpanjati minn pjan ta’ evalwazzjoni dettaljat għall-valutazzjoni tal-impatt tagħhom. Ir-riżultati finali tal-evalwazzjonijiet ser ikollhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni.
Unjoni tal-Enerġija b’saħħitha teħtieġ fornituri b’saħħithom u innovattivi tat-teknoloġija li għandhom ikunu jistgħu jikkompetu fuq bażi ekwa. Eżempju ta’ dan hu r-ristrutturar tal-fornitur tat-teknoloġija nukleari ta’ Franza, Areva. F’Jannar 2018, Areva biddlet isimha għal Oreno.
Ir-ristrutturar ta’ Areva
Fl-2016, Franza nnotifikat lill-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturar għar-restawrar tal-kompetittività ta’ Areva u għat-titjib tal-pożizzjoni finanzjarja ta’ din. Il-pjan kien jinkludi għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ injezzjoni ta’ kapital pubbliku ta’ aktar minn EUR 4 biljun.
Il-kumpaniji f’diffikultà finanzjarja jistgħu jirċievu għajnuna mill-Istat biss għall-fini ta’ restawrar tal-vijabbiltà fit-tul tagħhom. L-għajnuna mogħtija lil kumpaniji f’diffikultà hi ferm distorsiva peress li żżomm kumpanija b’mod artifiċjali fis-suq li, kieku, kien ikollha toħroġ minnu. Għaldaqstant, tista’ tingħata biss f’kundizzjonijiet stretti.
Il-Kummissjoni analizzat jekk l-injezzjonijiet ta’ kapital pubbliku ppjanati fil-kumpanija jkunux jiffavorixxu b’mod indebitu lil Areva fuq il-kompetituri tagħha, billi jagħtuha aċċess għal finanzjament b’patti mhux disponibbli fis-suq. F’Jannar 2017, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet, waħda li approvat l-għajnuna għas-salvataġġ (fil-Każ SA.46077) u l-oħra dwar l-għajnuna għar-ristrutturar (Każ SA.44727) lill-grupp Areva. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-pjanijiet ta’ Franza huma konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, biex il-kumpanija setgħet issir vijabbli mingħajr distorsjoni indebita tal-kompetizzjoni fis-suq uniku. L-awtoritajiet Franċiżi se jissottomettu rapporti ta’ monitoraġġ regolari lill-Kummissjoni, biex din tiżgura li l-pjan ta’ ristrutturar jiġi implimentat bis-sħiħ u f’konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, sakemm il-perjodu ta’ ristrutturar ta’ Areva jasal fi tmiemu fl-2019.
Il-pjan inkluda d-divestitura tan-negozju tar-reatturi ta’ Areva lill-kumpanija tal-enerġija Franċiża EDF, soġġetta għar-rieżami tal-Kummissjoni tat-tranżazzjoni ppjanata skont ir-regoli tal-UE dwar il-kontroll tal-fużjonijiet. F’Mejju 2017, il-Kummissjoni sabet li t-tranżazzjoni ma kinitx tqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni skont ir-Regolament dwar l-Għaqdiet.
F’ristrutturamenti kumplessi bħal dawn, l-għodod tal-kompetizzjoni bħall-kontroll tal-fużjonijiet u tal-għajnuna mill-Istat jikkontribwixxu għall-iżgurar li s-swieq ikomplu jipprovdu inċentivi għall-kumpaniji biex ikunu effiċjenti u innovattivi, għall-benefiċċju tal-familji u tan-negozji tal-UE.
Barra minn hekk, f’Marzu 2017 il-Kummissjoni approvat skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat l-appoġġ mill-Ungerija għall-bini ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda f’Paks (Paks II). Ir-reatturi l-ġodda se jieħdu post l-erba’ reatturi li bħalissa qed joperaw fis-sit ta’ Paks, li nbnew fis-snin tmenin u li bħalissa jirrappreżentaw madwar 50% tal-ġenerazzjoni domestika tal-elettriku tal-Ungerija. Skont it-Trattati tal-UE, l-Istati Membri huma ħielsa li jiddeterminaw it-taħlita enerġetika tagħhom u għandhom l-għażla li jinvestu f’teknoloġija nukleari. Ir-rwol tal-Kummissjoni hu li tiżgura li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-enerġija bħala riżultat tal-appoġġ mill-Istat tiġi limitata għal minimu. Matul l-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, il-Gvern Ungeriż ħa impenji sostanzjali, li ppermettew lill-Kummissjoni tapprova l-investiment.
It-trawwim ta’ settur tat-trasport kompetittiv u effiċjenti
Is-settur tat-trasport jirrappreżenta settur ewlieni għall-familji Ewropej: l-oġġetti u s-servizzi relatati mat-trasport huma t-tieni l-akbar partita tal-baġit tal-familji wara nefqa relatata mad-dar
. Prezzijiet kompetittivi għal servizzi ta’ trasport għandhom importanza diretta għal miljuni ta’ Ewropej. Il-Kummissjoni hi attiva fil-promozzjoni ta’ kompetizzjoni vibranti u tindirizza d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-modalitajiet tat-trasport kollha.
Is-settur tat-trasport bl-ajru għadu ferm frammentat fl-UE u l-ħtieġa ta’ konsolidazzjoni ulterjuri ġiet ipprovata mill-insolvenza ta’ diversi linji tal-ajru tal-UE fl-2017. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni rrieżaminat l-akkwiżizzjoni ta’ ċerti assi ta’ Air Berlin minn Lufthansa
u minn easyJet
. Filwaqt li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni kienet għadha għaddejja, Lufthansa rrexxindiet it-tranżazzjoni NIKI fit-13 ta’ Diċembru, liema rexxinsjoni wasslet biex NIKI tippreżenta dikjarazzjoni ta’ insolvenza dakinhar stess.
Il-Kummissjoni eventwalment approvat, soġġetta għar-rimedji xierqa, il-parti li kien fadal tat-tranżazzjoni bejn Lufthansa u Air Berlin fil-21 ta’ Diċembru.
F’dan il-kuntest hu importanti li l-kumitati tal-kredituri u l-amministraturi tal-insolvenza ma jissottovalutawx ir-riskju li tranżazzjoni jaf ma tiġix implimentata fuq bażijiet regolatorji (li jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, regoli dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u tal-fużjonijiet). Filwaqt li l-akkwirent potenzjali tal-kumpanija insolventi jaf jieħu ċerti miżuri interim biex jippreserva l-vijabbiltà ta’ din tal-aħħar, dawn il-miżuri jridu jkunu soġġetti għall-konformità mar-Regolament dwar l-Għaqdiet.
Is-suq tal-UE tal-merkanzija bil-ferrovija ġie lliberalizzat fl-2007. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kummissjoni kienet qed taħdem biex tlesti s-suq uniku għas-servizzi ferrovjarji, inkluż billi tiżgura l-ġestjoni indipendenti tal-infrastruttura ferrovjarja u tkattar l-investiment f’binarji li jgħaqqdu l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE hu importanti biex jiġi żgurat li l-ostakli regolatorji ma jittiħdilhomx posthom minn imġiba antikompetittiva ta’ kumpaniji ferrovjarji dominanti, li twaqqaf lill-UE milli tilħaq l-għanijiet tagħha għat-trasport ferrovjarju.
Il-Kummissjoni mmultat lil Lithuanian Railways talli xekklet il-kompetizzjoni fis-suq tal-merkanzija ferrovjarja
L-investigazzjoni tal-Kummissjoni sabet li l-azzjonijiet mill-kumpanija ferrovjarja inkombenti proprjetà tal-Istat tal-Litwanja li hi responsabbli kemm għall-infrastruttura ferrovjarja kif ukoll għat-trasport ferrovjarju xekklu l-kompetizzjoni fis-suq tal-merkanzija ferrovjarja billi neħħiet taqsima, twila 19-il km, ta’ binarju li jgħaqqad il-Litwanja u l-Latvja u, b’hekk, waqqfet lil klijent kbir ta’ Lithuanian Railways milli juża s-servizzi ta’ operatur ferrovjarju ieħor. Lithuanian Railways ma setgħet turi ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għat-tneħħija tal-binarju.
Il-Kummissjoni ddeċidiet li twaħħal multa ta’ EUR 27.9 miljun lil Lithuanian Railways talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fil-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja fil-Litwanja. Il-Kummissjoni ordnat ukoll lil Lithuanian Railways biex terġa’ tibni l-binarji.
F’Ġunju, il-Kummissjoni approvat skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat l-għajnuna għar-ristrutturar lill-kumpaniji ferrovjarji Griegi OSE u TRAINOSE. Għall-miżuri ta’ għajnuna lil OSE u lil TRAINOSE li l-Kummissjoni sabet li huma konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ħadet f’kunsiderazzjoni b’mod partikolari d-diffikultajiet li qed jaffaċċja s-settur ferrovjarju Grieg u l-importanza ta’ servizz ferrovjarju li jaħdem kif suppost għall-popolazzjoni. Il-miżuri għandhom l-objettiv leġittimu li jevitaw taqlib serju għall-ekonomija Griega, bla ma joħolqu distorsjoni indebita tal-kompetizzjoni fis-Suq Uniku. L-għajnuna se tiffaċilita wkoll il-privatizzazzjoni futura ta’ TRAINOSE, li hi mistennija tappoġġja l-ftuħ tas-suq ferrovjarju Grieg għall-kompetizzjoni u jkollha impatt pożittiv fuq il-kwalità tas-servizzi tat-trasport. Il-Kummissjoni ħadet ukoll deċiżjoni li sabet li l-miżuri ta’ sostenn tal-Bulgarija favur l-inkombenti ferrovjarja proprjetà pubblika BDZ kienu konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.
Kemm id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lil OSE u lil TRAINOSE kif ukoll id-deċiżjoni dwar il-miżuri ta’ sostenn tal-Bulgarija favur BDZ juru kif il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jista’ jgħin fl-indirizzar tal-problemi rigward il-livelli ta’ dejn li ċerti operaturi ferrovjarji inkombenti qed iġorru. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jippermettu lill-Istati Membri jgħinu lil dawn il-kumpaniji jevitaw diffikultajiet finanzjarji serji jew ikollhom inaqqasu b’mod sinifikanti l-persunal, filwaqt li jħaffu t-tranżizzjoni lejn suq ferrovjarju miftuħ u kompetittiv għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tal-kontribwenti wkoll.
L-infurzar kontra l-kartelli b’sostenn tal-kompetittività tal-UE
It-trasport tal-merkanzija bit-triq hu parti essenzjali mis-settur tat-trasport Ewropew u l-kompetittività ta’ dan tiddependi mill-prezzijiet tat-trakkijiet.
Il-Kummissjoni mmultat lil Scania talli ħadet sehem f’kartell
F’Settembru, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 880 miljun fuq Scania, talli ħadet sehem f’kartell fis-suq għall-manifattura ta’ trakkijiet medji (li jiżnu bejn 6 sa 16-il tunnellata) u tqal (li jiżnu aktar minn 16-il tunnellata). F’Lulju 2016, il-Kummissjoni kienet laħqet deċiżjoni ta’ soluzzjoni rigward il-kartell tat-trakkijiet ma’ MAN, ma’ DAF, ma’ Daimler, ma’ Iveco u ma’ Volvo/Renault. Scania ddeċidiet li ma taqbilx dwar is-soluzzjoni ta’ dan il-każ tal-kartell mal-Kummissjoni, għall-kuntrarju tal-ħames parteċipanti l-oħra. Bħala riżultat ta’ dan, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni kontra Scania twettqet skont il-proċedura ordinarja tal-kartelli.
Fi Frar, f’dak li saret l-ewwel każ ta’ kartell fl-ekonomija ċirkolari, il-Kummissjoni imponiet multa totali ta’ EUR 68 miljun fuq erba’ kumpaniji Ewropej tar-riċiklaġġ ta’ batteriji awtomobilistiċi taċ-ċomb-aċidu għar-rimi (Campine, Eco-Bat Technologies, Johnson Controls u Recylex) talli bejn l-2009 u l-2012 ħadu sehem f’kartell biex jiffissaw il-prezzijiet tax-xiri ta’ batteriji awtomobilistiċi taċ-ċomb-aċidu għar-rimi fil-Belġju, fi Franza, fil-Ġermanja u fin-Netherlands.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet qed tagħmel numru ta’ investigazzjonijiet fis-settur tal-partijiet tal-karozzi, filwaqt li ssanzjonat lill-impriżi involuti fi tliet kartelli b’ammont totali ta’ multi li jammonta għal EUR 220 miljun. Il-kartelli għall-partijiet tal-karozzi jżidu l-ispejjeż tal-input għall-manifatturi tal-karozzi, u b’hekk jindebolixxu l-kompetittività tas-settur awtomobilistiku u jżidu b’mod artifiċjali l-prezz imħallas mill-konsumaturi Ewropej li jixtru l-karozzi.
Regoli ssimplifikati għall-investiment pubbliku fil-portijiet u fl-ajruporti, fil-kultura u fir-reġjuni ultraperiferiċi
Il-Kummissjoni kienet qed tiffoka l-isforzi tagħha ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat fuq każijiet kbar li jħallu impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni fis-suq uniku, bl-akbar benefiċċju għall-konsumaturi. F’dan l-ispirtu, ir-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa adottat fl-2014 bħala parti mill-inizjattiva ta’ Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat, ippermetta lill-Istati Membri biex jimplimentaw firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni. Fl-2017, il-Kummissjoni estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-portijiet u għall-ajruporti. Dan inkluda wkoll numru ta’ simplifikazzjonijiet ġodda f’oqsma oħra. Pereżempju, il-Kummissjoni se tħares biss lejn il-każijiet il-kbar ta’ għajnuna mill-Istat li jinvolvu ammont ogħla tal-għajnuna għal proġetti kulturali.
Miżuri ġodda ta’ għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tissimplifika r-regoli għall-investiment pubbliku fil-portijiet u fl-ajruporti, fil-kultura u fir-reġjuni ultraperiferiċi
Fir-rigward tal-ajruporti l-Istati Membri issa jistgħu jagħmlu investimenti pubbliċi fl-ajruporti reġjonali li minnhom jgħaddu sa 3 miljun passiġġier fis-sena b’ċertezza tad-dritt sħiħa u mingħajr kontroll minn qabel tal-Kummissjoni. Dan se jiffaċilita l-investiment pubbliku f’aktar minn 420 ajruport madwar l-UE (li minnhom jgħaddi madwar 13 % tat-traffiku tal-ajru). Ir-Regolament jippermetti wkoll li l-awtoritajiet pubbliċi jkopru l-kostijiet operatorji ta’ ajruporti żgħar li minnhom jgħaddu 200 000 passiġġier fis-sena. Dawn l-ajruporti ż-żgħar jirrappreżentaw kważi nofs l-ajruporti kollha fl-UE, iżda anqas minn 1% tat-traffiku tal-ajru. Jaf mhux dejjem ikun profittabbli daqs ajruporti kbar, iżda jistgħu jaqdu rwol importanti għall-konnettività ta’ reġjun u hu improbabbli li jfixklu l-kompetizzjoni fis-suq uniku tal-UE.
Fir-rigward tal-portijiet, l-Istati Membri issa jistgħu jagħmlu investimenti pubbliċi ta’ mhux aktar minn EUR 150 miljun fil-portijiet marittimi u sa EUR 50 miljun fil-portijiet interni b’ċertezza tad-dritt sħiħa u mingħajr kontroll minn qabel tal-Kummissjoni. Dan jinkludi kostijiet tat-tħammil li ċerti portijiet iridu jġarrbu biex iżommu l-passaġġ fuq l-ilma fond biżżejjed għat-trakkar tal-bastimenti. Għall-portijiet, dawn il-kostijiet ma jkunux negozjabbli minħabba l-ġeografija tagħhom, indipendentement minn kemm huma effiċjenti u kompetittivi.
6. L-indirizzar tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur tat-tassazzjoni u finanzjarju għal suq uniku aktar ġust
Il-fiduċja fis-suq uniku tal-UE tiddependi fuq il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji biex jikkompetu fuq il-bażi tal-mertu, anki fejn tidħol it-tassazzjoni. Pereżempju, Stat Membru ma jistax jagħti benefiċċji tat-taxxa lil gruppi multinazzjonali li mhumiex disponibbli għal kumpaniji awtonomi (spiss negozji lokali), peress li dawn ikunu jfixklu l-kompetizzjoni serjament.
F’Ottubru 2017, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Lussemburgu ta benefiċċji illegali tat-taxxa lil Amazon.
Terminazzjoni ta’ benefiċċji selettivi fuq it-taxxa: Id-deċiżjoni dwar Amazon
Wara investigazzjoni fil-fond imnedija f’Ottubru 2014, il-Kummissjoni kkonkludiet li deċiżjoni dwar it-taxxa maħruġa mil-Lussemburgu fl-2003, u estiża fl-2011, naqqset it-taxxa mħallsa minn Amazon fil-Lussemburgu mingħajr ebda ġustifikazzjoni valida.
Id-deċiżjoni dwar it-taxxa ppermettiet lil Amazon biex iċċaqlaq il-maġġoranza vasta tal-profitti tagħha minn kumpanija tal-grupp Amazon li hi soġġetta għat-taxxa fil-Lussemburgu (Amazon EU) għal kumpanija li mhix soġġetta għat-taxxa (Amazon Europe Holding Technologies), mingħajr ġustifikazzjoni ekonomika valida. It-tranżazzjonijiet bejn il-kumpaniji fi grupp korporattiv iridu jkunu pprezzati b’mod li jirrifletti r-realtà ekonomika. Dan ifisser li l-pagamenti bejn żewġ kumpaniji fl-istess grupp għandhom ikunu konformi mal-arranġamenti li jseħħu skont il-kundizzjonijiet kummerċjali bejn negozji indipendenti (l-hekk imsejjaħ “prinċipju tad-distakkament”).
L-investigazzjoni tal-Kummissjoni wriet li l-livell tal-pagamenti tar-royalties, approvat mid-deċiżjoni dwar it-taxxa, kien minfuħ u ma kienx jirrifletti r-realtà ekonomika. B’riżultat ta’ dan, dawn il-profitti ma ġewx intaxxati. Fil-fatt, id-deċiżjoni ppermettiet lil Amazon tevita t-tassazzjoni fuq kważi tliet kwarti mill-profitti li għamlet mill-bejgħ kollu ta’ Amazon fl-UE. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-deċiżjoni dwar it-taxxa tat vantaġġ ekonomiku selettiv lil Amazon.
Kumpanija awtonoma, ukoll ibbażata fil-Lussemburgu u soġġetta għall-istess liġijiet nazzjonali dwar it-tassazzjoni, kien ikollha tħallas erba’ darbiet l-ammont ta’ taxxa meta mqabbla ma’ Amazon fuq l-istess profitti. B’hekk, id-deċiżjoni dwar it-taxxa
tat lil Amazon vantaġġ kompetittiv li ma kienx disponibbli għal impriżi komparabbli u rriżultat f’għajnuna illegali mll-Istat.
Il-Lussemburgu jrid jirkupra madwar EUR 250 miljun f’taxxa mhux imħallsa mingħand Amazon, kif ukoll l-imgħax. Dan l-ammont ikopri l-perjodu ta’ tmien snin li matulu Amazon ħaddmet id-deċiżjoni dwar it-taxxa biex tiddetermina l-obbligazzjoni tagħha ta’ taxxa fuq il-kumpaniji fil-Lussemburgu. Hu f’idejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Lussemburgu li issa jiddeterminaw l-ammont eżatt, fuq il-bażi tal-metodu stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
Fis-26 ta’ Ottubru, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni fil-fond fl-iskema tar-Renju Unit li teżenta ċerti tranżazzjonijiet minn gruppi multinazzjonali mill-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali mmirati lejn l-evitar tat-taxxa.
L-Eżenzjoni ta’ Finanzjament ta’ Grupp tar-Renju Unit teżenta mir-riallokazzjoni tal-Kumpanija Barranija Kkontrollata (CFC) l-introjtu riċevut mis-sussidjarja offshore minn kumpanija ta’ grupp barrani ieħor. F’dan l-istadju, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk din l-eżenzjoni hix konsistenti mal-objettiv ġenerali tar-regoli CFC tar-Renju Unit, li hu li jirriallokaw l-introjtu mmexxi b’mod artifiċjali f’sussidjarji offshore tal-kumpaniji prinċipali tar-Renju Unit lejn ir-Renju Unit għat-tassazzjoni. F’dan l-istadju l-Kummissjoni tqis li r-Renju Unit għandu japplika r-regola kontra l-abbuż għall-kumpaniji kolha li jmexxu l-introjtu b’mod artifiċjali, inklużi dawk li jaqilgħu introjtu ta’ finanzjament ta’ grupp, peress li dawn ilkoll jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli fir-rigward tal-objettiv ta’ dik il-miżura.
Fit-18 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni Ewropea fetħet investigazzjoni fil-fond dwar it-trattament tat-taxxa min-Netherlands ta’ Inter IKEA, wieħed miż-żewġ gruppi li joperaw in-negozju ta’ IKEA.
Inter IKEA Systems, entità Olandiża li hi parti mill-grupp Inter IKEA, tirreġistra d-dħul kollu mit-tariffi ta’ frankiġja mħallsa mill-ħwienet ta’ IKEA madwar id-dinja. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni tikkonċerna żewġ deċiżjonijiet dwar it-taxxa, mogħtija mill-awtoritajiet tat-taxxa Olandiżi fl-2006 u fl-2011, li naqqsu b’mod sinifikanti l-profitti taxxabbli ta’ Inter IKEA Systems fin-Netherlands. F’dan l-istadju l-Kummissjoni tqis li t-trattament approvat fiż-żewġ deċiżjonijiet dwar it-taxxa seta’ rriżulta f’vantaġġ selettiv favur Inter IKEA Systems, li ma kienx disponibbli għal kumpaniji oħra soġġetti għall-istess regoli nazzjonali dwar it-tassazzjoni fin-Netherlands.
Il-kumpaniji ta’ finanzjament jipprovdu servizzi finanzjarji intragrupp u l-profitt tagħhom hu r-remunerazzjoni għall-attivitajiet ta’ finanzjament tagħhom. Din ir-remunerazzjoni trid tkun konformi mal-prinċipju tad-distakkament. Din il-kwistjoni kienet wieħed mill-oqsma ewlenin tal-Kummissjoni mindu bdiet tixtarr il-prattiki tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa tal-Istati Membri. Id-Dokument ta’ Ħidma ppubblikat bħala parti minn dan ir-rieżami f’Ġunju 2016 indika tħassib li ċerti deċiżjonijiet dwar it-taxxa għall-kumpaniji ta’ finanzjament japprovaw marġini baxxi ħafna u bażi taxxabbli baxxa.
Id-DĠ Kompetizzjoni appoġġja lil-Lussemburgu u lil Ċipru fl-isforzi tagħhom biex jemendaw ir-regoli tat-taxxa tagħhom biex jevitaw vantaġġi indebiti għal kumpaniji ta’ finanzjament. Il-Lussemburgu emenda r-regoli tiegħu dwar il-kumpaniji ta’ finanzjament fi tmiem l-2016, permezz ta’ ċirkulari amministrattiva nazzjonali. Dawn ir-regoli daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017. B’mod simili, b’ċirkolari datata t-30 ta’ Ġunju 2017, Ċipru introduċa tibdiliet fir-regoli nazzjonali tiegħu biex jagħmilhom aktar strinġenti fir-rigward tat-trattament tat-taxxa tal-kumpaniji ta’ finanzjament.
Kontroll tal-fużjonijiet li jipprevjeni monopolju de-facto fis-settur finanzjarju
L-ekonomija Ewropea tiddependi minn swieq finanzjarji li jaħdmu kif suppost. Dawn mhumiex importanti biss għall-banek u għal istituzzjonijiet finanzjarji oħra. L-ekonomija sħiħa tibbenefika meta n-negozji jkunu jistgħu jiġbru l-flus fi swieq finanzjarji kompetittivi.
F’Marzu 2017, il-Kummissjoni pprojbixxiet skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet il-fużjoni proposta bejn Deutsche Börse u London Stock Exchange Group. Il-fużjoni proposta kienet tgħaqqad l-attivitajiet tal-akbar żewġ operaturi Ewropej tal-Boroż. Dawn huma l-proprjetarji tal-Boroż tal-Ġermanja, tal-Italja u tar-Renju Unit, kif ukoll ta’ ħafna mill-akbar kmamar tal-ikklirjar Ewropej. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-fużjoni kienet toħloq monopolju de facto fis-swieq għall-ikklirjar ta’ strumenti ta’ introjtu fiss.
Is-servizzi tal-ikklirjar essenzjalment jiżguraw l-eżekuzzjoni tan-negozju li jsir fil-Boroż. Dawn huma pprovduti minn kmamar tal-ikklirjar, li huma pożizzjonati bejn iż-żewġ partijiet għal negozju – il-bejjiegħ u x-xerrej - u jassumu r-riskju ta’ inadempjenza ta’ kull parti li tinnegozja fir-rigward tal-oħra. B’hekk, il-kmamar tal-ikklirjar huma essenzjali għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. Dawn jevitaw effett domino jekk parti minnhom tisfa inadempjenti. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni se tippreserva l-kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-infrastruttura finanzjarja.
Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-kundizzjonijiet ekwi fis-settur bankarju
Il-konsumaturi u n-negozji wkoll jużaw is-servizzi finanzjarji pprovduti mis-settur bankarju. L-Ewropa għandha bżonn ta’ sistema bankarja robusta li tista’ ssostni t-tkabbir fit-tul, fejn il-banek b’mudelli kummerċjali solidi jistgħu jisilfu lil kumpaniji biex ikunu jistgħu jikbru u joħolqu x-xogħol.
L-għawġ fis-swieq finanzjarji, li kien dovut għall-kriżi finanzjarja fl-2008, sejjaħ għal interventi mill-gvernijiet biex tiġi restawrata l-kunfidenza fis-settur finanzjarju u tiġi evitata kriżi sistemika. Il-Kummissjoni tapplika r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, flimkien mar-regoli dwar l-Unjoni Bankarja. Biex tipproteġi l-kundizzjonijiet ekwi meta tivvaluta l-appoġġ pubbliku lis-settur finanzjarju, il-Kummissjoni tagħmel analiżi dettaljata tal-impatt tal-għajnuna mill-Istat filwaqt li tiżgura li l-kontribwenti ma jkollhomx bżonn jikkontribwixxu aktar minn dak li jkun strettament neċessarju u tindirizza wkoll il-kompetizzjoni indebita li tirriżulta mill-għajnuna.
F’Ġunju 2017, wara d-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li ddeterminat li Banca Popolari di Vicenza u Veneto Banca kienu qed ifallu jew aktarx li ser ifallu, u d-deċiżjoni tal-Bord tar-Riżoluzzjoni Ewropew tal-UE li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni taħt il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni ma kinitx fl-interess pubbliku għall-ebda wieħed mill-banek, iż-żewġ banek kellhom jiġu likwidati skont il-proċeduri nazzjonali tal-Italja għall-insolvenza. F’dan il-kuntest, l-Italja ddeterminat li l-istralċ ta’ dawn il-banek kellu impatt serju fuq l-ekonomija reali u ddeċidiet li tipprovdi appoġġ mill-istat għal-likwidazzjoni ordnata.
Wara valutazzjoni tan-notifika mill-Italja, il-Kummissjoni approvat, skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-appoġġ nazzjonali għall-faċilitazzjoni tal-likwidazzjoni u tal-ħruġ mis-suq bankarju taż-żewġ banek skont il-liġi nazzjonali dwar l-insolvenza. Barra l-qafas dwar ir-riżoluzzjoni bankarja, ir-regoli tal-UE jipprevedu l-possibbiltà li jintużaw fondi nazzjonali għall-faċilitazzjoni tal-likwidazzjoni u biex jiġu mmitigati l-effetti ekonomiċi msemmija hawn fuq, soġġetti għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. L-azzjonisti ta’ Banca Popolare di Vicenza u ta’ Veneto Banca tneħħew u l-kredituri subordinati kkontribwixxew bis-sħiħ EUR 1.2 biljun għal-likwidazzjoni, biex b’hekk naqqsu l-kostijiet għall-Istat Taljan, filwaqt li d-depożitanti baqgħu protetti għalkollox. Peress li l-banek megħjuna ma nżammewx ħajjin b’mod artifiċjali iżda telqu mis-suq, il-kompetizzjoni fis-suq bankarju ġiet ippreservata. Madwar EUR 17.8 biljun (valur kontabilistiku gross) f’self improduttiv tneħħew mis-sistema bankarja Taljana.
Ir-regoli tal-UE, b’mod partikolari d-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek, joffru possibbiltà għall-Istat li jinjetta kapital fuq bażi temporanja f’bank solventi mingħajr ma jiskatta falliment jew probabbiltà ta’ falliment, dment li jiġu ssodisfati ċerti kriterji (jiġifieri l-hekk imsejħa “rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja”). F’Lulju, il-Kummissjoni approvat skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat il-pjan tal-Italja li tipprovdi rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja lill-bank Taljan Monte dei Paschi di Siena, fuq il-bażi ta’ pjan dettaljat ta’ ristrutturar. L-għajnuna prekawzjonarja għar-rikapitalizzazzjoni tista’ tingħata biss biex bank jitħejja għal ħtiġijiet kapitali improbabbli li jimmaterjalizzaw biss f'każ li l-kundizzjonijiet ekonomiċi kellhom jitgħarrqu b’mod sostanzjali. Il-miżuri ta’ ristrutturar jiżguraw li l-bank jibqa’ vijabbli fit-terminu itwal, filwaqt li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. F’konformità mar-rekwiżiti ta’ qsim tal-piżijiet, l-azzjonisti ġew dilwiti u d-detenturi subordinati ta’ bonds ġew ikkonvertiti f’ekwità u b’hekk tnaqqsu l-ħtiġijiet ta’ kapital b’EUR 4.3 biljun. Barra minn hekk, il-bank jinsab fil-proċess li jbigħ is-self improduttiv b’valur kontabilistiku gross ta’ EUR 26.1 biljun lil veikolu ta’ titolizzazzjoni.
F’Ottubru 2017, il-Kummissjoni approvat, skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-għajnuna mill-Portugall għall-bejgħ ta’ Novo Banco, il-bank tranżitorju li l-Portugall kien ħoloq fl-2014 fil-qafas tar-riżoluzzjoni ta’ Banco Espirito Santo. L-approvazzjoni tal-għajnuna kienet ibbażata fuq il-vijabbiltà tal-entità mibjugħa permezz ta’ pjan propost mix-xerrej, li kien fih ukoll miżuri għal-limitazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.
7. Impenn konġunt għal kultura tal-kompetizzjoni b’effetti estensivi
Hekk kif is-swieq dinjin qed ikomplu jintegraw u dejjem aktar kumpaniji saru jibbażaw fuq ktajjen ta’ valur globali, l-aġenziji tal-kompetizzjoni jridu jaqblu fuq standards u proċeduri komuni aktar minn qatt qabel. L-infurzar effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni jiddependi sa ċertu punt dejjem akbar fuq il-kooperazzjoni ma’ infurzaturi oħra. Meta l-prattiki kummerċjali ta’ kumpanija jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni f’pajjiżi u kontinenti differenti, kundizzjonijiet tas-suq ġusti u uniformi jistgħu jiġu restawrati biss jekk l-awtoritajiet ta’ infurzar jaħdmu bħala tim.
Il-Kummissjoni kienet fuq quddiem nett fil-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni, kemm fil-livell multilaterali kif ukoll f'dak bilaterali. Lura fl-2001, il-Kummissjoni kienet fost il-membri fundaturi tan-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni (ICN) (ICN), li issa jilqa’ fih aktar minn 130 membru. Il-Kummissjoni hi attiva wkoll fil-fora internazzjonali kollha ddedikati għall-kompetizzjoni, inklużi l-OECD, l-UNCTAD, id-WTO u l-Bank Dinji.
Fil-livell bilaterali, il-Kummissjoni torganizza negozjati dwar il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, bl-għan li tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat fit-tali ftehimiet. Fl-2017, il-Kummissjoni kompliet tinnegozja mal-Messiku, mal-Mercosur u mal-Indoneżja, u fetħet negozjati maċ-Ċilì u mal-Ażerbajġan. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hi involuta f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet tal-kompetizzjoni mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni f’numru ta’ pajjiżi terzi, fuq il-bażi ta’ ftehimiet jew ta’ memoranda ta’ qbil. F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni ffirmat Memorandum ta’ Qbil mal-Kummissjoni taċ-Ċina għall-Iżvilupp u r-Riforma Nazzjonali, biex jibdew djalogu dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tinnegozja Ftehim ta’ Faċilitazzjoni Istituzzjonali mal-Iżvizzera.
Id-deċiżjonijiet minn pajjiż wieħed li jagħti sussidju lil kumpanija li topera globalment jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni fi mkejjen oħra. Dan id-djalogu l-ġdid dwar il-kooperazzjoni fl-għajnuna mill-Istat se jappoġġja l-interess reċiproku u l-ħidma konġunta tal-UE u taċ-Ċina biex jippromwovu kompetizzjoni globali ġusta. Id-djalogu se jippermetti l-qsim tal-esperjenza tal-UE maċ-Ċina fl-infurzar tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Dan se jintuża wkoll biex tiġi mifhuma aktar l-implimentazzjoni tar-Rieżami tal-Kompetizzjoni Ġusta adottat dan l-aħħar fiċ-Ċina, li hu mfassal biex jipprevjeni milli l-politiki pubbliċi jfixklu u jirrestrinġu l-kompetizzjoni filwaqt li tinżamm il-kompetizzjoni ġusta tas-suq u jiġi promoss suq unifikat.
Din il-ħidma hi parti mill-istrateġija usa’ tal-Kummissjoni li trawwem kultura tal-kompetizzjoni globali, kif ukoll tippromwovi kundizzjonijiet ekwi globali fejn il-kumpaniji jistgħu jikkompetu bil-merti tagħhom. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni qed taħdem biex tagħti spinta fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għat-trawwim ta’ kundizzjonijiet globali ekwi rigward is-sussidji. Barra minn hekk, għadha attiva f’inizjattivi settorjali għall-indirizzar tas-sussidji fil-kuntest internazzjonali, bħal għall-azzar (Forum Globali tal-G20 dwar il-kapaċità eċċessiva ta’ azzar), għas-semikondutturi (Linji gwida ta’ appoġġ reġjonali għall-industrijia tas-semikondutturi), u għall-bini tal-bastimenti (OECD). Finalment, il-Kummissjoni ħolqot forum dedikat mal-Istati Membri tal-UE biex tqajjem kuxjenza rigward il-politiki internazzjonali dwar is-sussidji u jinqasmu l-fehmiet dwar l-iżviluppi kurrenti fil-livell multilaterali u bilaterali, kif ukoll rigward is-sussidji mogħtija minn pajjiżi terzi.
Iż-żamma ta’ djalogu interistituzzjonali regolari u kostruttiv
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni huma sħab importanti fl-isforzi tal-Kummissjoni biex tispjega r-rilevanza tal-politika tal-kompetizzjoni liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati Ewropej.
Fl-2017, il-Kummissarju Vestager qasmet il-fehmiet tagħha ma’ diversi Kumitati fil-Parlament: il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Affarijiet Reġjonali u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali.
Bħal fi snin preċedenti, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni tilqa’ l-konferma mill-Parlament li hi meħtieġa politika tal-kompetizzjoni robusta biex tiġi ppreservata l-integrità tas-suq intern u li l-kompetizzjoni tagħti s-setgħa liċ-ċittadini billi toffrilhom prezzijiet kompetittivi u għażla ta’ oġġetti u servizzi innovattivi fis-suq. F’dan l-ispirtu, il-Kummissjoni se tkompli bil-ħidma tagħha biex tiġġieled kontra kartelli illegali u abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti minn kumpaniji u tirrieżamina l-fużjonijiet u l-għajnuna mill-Istat fis-suq intern tagħna biex jiġu evitati tnaqqis jew distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.
Il-Kummissjoni tilqa’ l-involviment tal-Parlament fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa. Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat wera li hu effettiv fl-indirizzar tal-benefiċċji selettivi fuq it-taxxa għall-multinazzjonali. Fl-2017, il-Kummissjoni kompliet tieħu azzjonijiet importanti f’dan il-qasam u qed tanalizza b’mod sistematiku l-evidenza fuq id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa mill-Istati Membri kollha. F’Mejju, ġurnalisti investigattivi ppubblikaw l-hekk imsejħa “Paradise Papers” li inkludew dettalji dwar l-arranġamenti fiskali ta’ diversi kumpaniji. Il-Kummissjoni se tivvaluta din l-informazzjoni hekk kif issir disponibbli biex tivverifika jekk tikxifx xi fatt ġdid dwar għajnuna potenzjali mill-Istat lil dawn il-kumpaniji.
Il-Kummissjoni tilqa’ l-appoġġ tal-Parlament għall-azzjoni ta’ infurzar tagħha b’rabta ma’ “Google Shopping” u ma’ inizjattivi oħra fl-ekonomija diġitali. Wara l-inkjesta settorjali tagħha dwar il-kummerċ elettroniku, il-Kummissjoni nediet inkjesti oħra biex tivvaluta jekk ċerti prattiki tal-bejgħ ixekklux l-aċċess online tal-konsumaturi għal oġġetti u għal servizzi bi prezzijiet kompetittivi fi Stati Membri oħra. L-inkjesti jkopru prodotti elettroniċi għall-konsumatur, logħob vidjo u akkomodazzjoni f’lukandi. Il-Kummissjoni qed tivvaluta wkoll l-importanza tad-data, tal-algoritmi u ta’ karatteristiċi oħra tal-ekonomija diġitali fl-infurzar tal-kompetizzjoni.
Kif tenniet qabel il-Kummissjoni, il-Kummissjoni se tkompli taqdi rwol importanti fil-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fis-settur finanzjarju, biex tiżgura li l-għajnuna għall-banek tinżamm għall-minimu neċessarju, u li jittieħdu miżuri adegwati biex il-banek jiġu rritornati għall-vijabbiltà u jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Bħall-Parlament il-Kummissjoni għandha l-għan li tnaqqas l-għajnuna mill-Istat fis-settur finanzjarju maż-żmien u hi lesta li tispjega l-azzjonijiet li tieħu f’dan il-qasam.
Il-Kummissjoni taqsam ir-responsabbiltà għall-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, li jieħdu 85% tad-deċiżjonijiet fuq il-bażi tar-regoli tal-antitrust tal-UE. Il-Kummissjoni tilqa’ l-appoġġ kemm tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kunsill għall-proposta tagħha għal Direttiva li tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jsiru infurzaturi effettivi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni adottat il-proposta fit-22 ta’ Marzu u ż-żewġ istituzzjonijiet qed jagħmlu progress tajjeb ħafna favur l-adozzjoni tad-Direttiva proposta matul il-mandat kurrenti tal-Parlament.
Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza li kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill jagħtu lill-kompetizzjoni effettiva fi ħdan il-katina alimentari kollha. Fl-2017, il-Kummissjoni approvat żewġ fużjonijiet fis-settur agrokimiku iżda biss bil-kundizzjoni stretta li negozji u assi importanti kellhom jinbiegħu lil xerrejja ġodda biex jiġi żgurat li l-bdiewa u l-konsumaturi jkunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-kompetizzjoni li ġġib prezzijiet affordabbli u innovazzjoni għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. F’Novembru, il-Kummissjoni bagħtet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet lil AB InBev rigward ir-restrizzjonijiet ta’ importazzjonijiet paralleli tal-birer tagħha fil-Belġju. Fl-2017, il-koleġiżlaturi ddeċidew li jemendaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għas-settur agrikolu billi emendaw ir-Regolament dwar l-organizzazzjoni komuni fis-swieq agrikoli fil-kuntest tal-hekk imsejjaħ Regolament Omnibus. Il-modifiki, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018, introduċew deroga espliċita dwar il-kompetizzjoni għal, fost l-oħrajn, ippjanar tal-produzzjoni u għal negozjati kuntrattwali (bejgħ konġunt mill-membri tal-produtturi permezz tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjoni tal-produtturi) ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jew ta’ assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-setturi agrikoli kollha b’kundizzjonijiet definiti. Il-Kummissjoni ħadet nota ta’ dawk it-tibdiliet li għamlu l-leġiżlaturi fir-regoli tal-kompetizzjoni fl-agrikoltura. F’dikjarazzjoni ta’ sostenn, il-Kummissjoni esprimiet tħassib li wħud mid-dispożizzjonijiet il-ġodda favur l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jista’ jkollhom l-effett li jipperikolaw il-vijabbiltà u l-benessri tal-bdiewa żgħar u l-interess tal-konsumaturi u jwasslu għal inċertezza tad-dritt u proċedurali. Il-Kummissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jista’ jkollhom bżonn jintervjenu jekk, pereżempju, organizzazzjoni tal-produtturi, li tkopri sehem kbir mis-suq, tfittex li tirrestrinġi l-libertà tal-azzjoni tal-membri tagħha.
Il-Kummissjoni hi involuta b’mod attiv ukoll mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni. F’Lulju, il-Kummissjoni skambjat il-fehmiet mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, b’mod partikolari dwar l-infurzar tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa u deċiżjonijiet oħra ta’ interess għall-Kumitat. Il-Kummissjoni hi grata għall-appoġġ mill-Kumitat għall-modernizzazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u għal aktar trasparenza fin-nefqa pubblika madwar l-UE. Fl-1 ta’ Diċembru, il-Kummissarju Vestager iddiskutiet l-impatt tal-kompetizzjoni fir-reġjuni tagħna fid-dibattitu plenarju tal-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Kumitat esprima appoġġ b’saħħtu għall-infurzar tal-kompetizzjoni fi ħdan l-ekonomija u għar-Regolament espandut għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa għall-għajnuna mill-Istat, u tenna l-importanza tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.
Appoġġ għat-Task Force għat-Tħejjija u għat-Tmexxija tan-Negozjati mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 TUE
Wara n-notifika tal-Artikolu 50 tat-TUE mir-Renju Unit, il-Kummissjoni bdiet tħejji għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jappoġġja t-Task Force tal-Kummissjoni għat-Tħejjija u għat-Tmexxija tan-Negozjati mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 TUE (TF50) rigward l-istrumenti fil-portafoll tagħha (fużjonijiet, antitrust u għajnuna mill-Istat) fil-kuntest tan-negozjati fir-rigward tal-ftehim ta’ ħruġ u l-ftehim li jirregola r-relazzjoni futura mar-Renju Unit. Kif stipulat mill-Kunsill Ewropew, kwalunkwe ftehim kummerċjali futur għandu jiżgura kundizzjonijiet ekwi, b’mod partikolari f’termini tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat.