IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.5.2018
COM(2018) 256 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta' appoġġ għas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (SST) (2014-2017)
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018DC0256
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on the implementation of the Space Surveillance and Tracking (SST) support framework (2014-2017)
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta' appoġġ għas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (SST) (2014-2017)
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta' appoġġ għas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (SST) (2014-2017)
COM/2018/256 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.5.2018
COM(2018) 256 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta' appoġġ għas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (SST) (2014-2017)
1. INTRODUZZJONI
L-assi u s-servizzi spazjali saru indispensabbli għall-ekonomija u għas-soċjetà tagħna, u d-disponibbiltà tagħhom fit-tul hija essenzjali għas-sikurezza u s-sigurtà tal-Ewropa. L-għadd u l-kritikalità tal-assi spazjali Ewropej żdiedu b’mod konsistenti, kif żdiedu l-perikli tal-ispazju. Sal-2020 l-Ewropa hija mistennija li jkollha 40 satellita Galileo u Copernicus fl-ispazju u madwar 12 % tas-satelliti tad-dinja. Għalhekk għandha interess vitali li tiżgura li l-assi u s-servizzi spazjali tagħha jistgħu jiġu llanċjati u jitħaddmu b’mod sikur. Fl-2008, il-Kunsill 1 enfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata kapaċità Ewropea għall-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-infrastruttura spazjali Ewropea u tat-tifrik spazjali.
Ir-rispons inizjali tal-UE kien li tistabbilixxi kapaċità tal-Unjoni Ewropea ta’ sorveljanza u insegwiment fl-ispazju (EU SST) permezz tad-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li tistabbilixxi Qafas għall-Appoġġ tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (“id-Deċiżjoni SST”) 2 . Kif rikjest mill-Artikolu 11(2) tagħha, dan ir-rapport jippreżenta informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-kisbiet tagħha.
Id-Deċiżjoni SST tirrikonoxxi li l-iżgurar ta’ livell aċċettabbli ta’ awtonomija fl-attivitajiet tal-SST jista’ jirrikjedi l-adozzjoni ta’ att bażiku 3 u li r-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020 tal-UE għandu jeżamina possibbiltà bħal din. Konsegwentement, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan ir-rapport se jikkontribwixxu għall-ħidma prevista fl-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa 4 fuq l-EU SST.
2. KUNTEST
Is-sigurtà tal-infrastruttura spazjali Ewropea kritika hija mhedda mir-riskju ta’ kolliżjoni bejn l-inġenji spazjalistess u bejn l-inġenzji spazjali u t-tifrik spazjali. Barra minn hekk, id-dħul mill-ġdid mhux ikkontrollat tal-inġenji spazjali u t-tifrik spazjali lejn id-Dinja jirrappreżenta periklu għas-sigurta tal-popolazzjoni tad-dinja. Qabel ma ġie stabbilit il-qafas, ma kienx hemm servizz tal-SST fl-Ewropa kollha biex jindirizza dawn il-perikli. Għalkemm xi Stati Membri kellhom assi tal-SST, dawn ma kinux jiffurmaw netwerk Ewropew. U lanqas ma pprovdew servizzi tal-SST operattivi disponibbli għall-operaturi tas-satelliti kollha fl-Ewropa.
F’dan il-kuntest, il-qafas ġie stabbilit bl-għan ġenerali li jgħin fl-iżgurar tas-sostenibbiltà fit-tul tal-infrastruttura, tal-faċilitajiet u tas-servizzi spazjali Ewropej u nazzjonali, u l-għanijiet speċifiċi li ġejjin:
a)li jivvaluta u jnaqqas ir-riskji tal-operazzjonijiet fl-orbita li jinvolvu inġenji spazjali Ewropej u jippermetti lill-operaturi tal-inġenji spazjali jippjanaw u jwettqu miżuri ta’ mitigazzjoni b’mod aktar effiċjenti;
b)li jnaqqas ir-riskji fl-illanċjar tal-inġenji spazjali Ewropej;
c)li jeżamina d-dħul mill-ġdid mhux ikkontrollat tal-inġenji spazjali u tat-tifrik spazjali fl-atmosfera tad-Dinja u jipprovdi twissijiet bikrija aktar preċiżi u effiċjenti; u
d)li jipprova jevita l-proliferazzjoni tat-tifrik spazjali 5 .
B’mod aktar ġenerali, id-Deċiżjoni SST tipprevedi wkoll li l-qafas għandu jrawwem is-sinerġiji fl-oqsma ewlenin kollha tal-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali (l-SST, il-meteoroloġija spazjali u l-oġġetti qrib id-Dinja) u jikkumplementa l-inizjattivi internazzjonali rilevanti dwar it-tifrik spazjali u l-attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku.
Sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ hawn fuq, l-ambizzjoni tal-qafas hija li jistabbilixxi kapaċità Ewropea tal-SST f’livell xieraq ta’ awtonomija Ewropea. Għal dan l-għan, id-Deċiżjoni SST tistabbilixxi tliet azzjonijiet:
a)l-istabbiliment u l-operat ta’ funzjoni ta’ sensuri li tikkonsisti f’netwerk ta’ sensuri tal-Istati Membri bbażati fuq l-art jew fl-ispazju biex jeżaminaw u jsegwu l-oġġetti spazjali, u biex jipproduċu bażi ta’ dejta;
b)l-istabbiliment u l-operat ta’ funzjoni ta’ pproċessar biex tipproċessa u tanalizza d-dejta tal-SST fil-livell nazzjonali biex tipproduċi informazzjoni u servizzi tal-SST għat-trażmissjoni lill-funzjoni tal-provvista ta’ servizzi tal-SST; u
c)l-istabbiliment ta’ funzjoni li tipprovdi servizzi tal-SST ċivili lill-utenti għall-valutazzjoni tar-riskji ta’ kolliżjoni (CA) u tad-dħul mill-ġdid ta’ oġġetti fl-atmosfera tad-Dinja (RE) u d-detezzjoni tal-frammentazzjoni fl-orbita (FG) 6 .
Fid-dawl tas-sensittività tal-qasam, il-qafas propost kien ibbażat fuq mudell ta’ governanza innovattiv: l-Istati Membri parteċipanti, li jkunu integrati f’konsorzju 7 , jimplimentaw l-azzjonijiet tas-sensuri, tal-ipproċessar u tas-servizzi biex iwettqu s-servizzi tal-SST, u jaġixxu bħala l-korp ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-UE f’kooperazzjoni maċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN) fi rwol ta’ front desk. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa primarjament li timmaniġġa l-qafas u tiżgura l-implimentazzjoni tiegħu, bis-setgħat li tieħu miżuri rilevanti biex tappoġġa l-għanijiet tal-qafas.
3. METODOLOĠIJA
Dan ir-rapport ikopri l-ewwel tliet snin u tmien xhur tal-attività tal-qafas (April 2014 sa Diċembru 2017), li jinkludu 18-il xahar ta’ operazzjonijiet reali. Tħejja fuq il-bażi tad-dejta u l-informazzjoni miġbura minn dokumentazzjoni, stħarriġ u laqgħat mal-partijiet ikkonċernati, kif ġej:
-riżultati u dokumenti prodotti mill-Konsorzju tal-SST bejn Jannar 2016 u Diċembru 2017, fosthom ir-rapport finali dwar l-għeluq tal-għotjiet u l-istatistiki tal-SST tal-2015 dwar l-attività tal-portal tal-provvista tas-servizzi tal-EU SST minn Diċembru 2017;
-il-feedback mill-Istati Membri fl-2017 permezz ta’ konsultazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-evoluzzjoni tal-EU SST fil-Kumitat tal-SST 8 u l-Grupp tal-Esperti tal-SST 9 u l-laqgħat tekniċi mal-Konsorzju tal-SST 10 .
-kampanja ta’ feedback tal-utenti organizzata mis-SATCEN u mill-Konsorzju tal-SST f’Mejju-Ġunju 2017 mal-utenti rreġistrati tal-EU SST;
-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati pubbliċi fuq l-Istrateġija dwar l-Ispazju għall-Ewropa (April-Ġunju 2016), li kien fiha mistoqsijiet speċifiċi dwar l-SST 11 .
-analiżi minn esperti tekniċi esterni u indipendenti mqabbda mill-Kummissjoni biex jappoġġaw l-evalwazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-għotjiet tal-SST.
Kif rikjest mill-Artikolu 11(2) tad-Deċiżjoni SST, ir-rapport jivvaluta l-kisbiet tal-għanijiet tal-qafas mill-perspettiva tar-riżultati u l-impatti, tal-użu effettiv tar-riżorsi u tal-valur miżjud Ewropew. Ir-rapport jagħti informazzjoni dwar il-progress tal-attivitajiet, l-outputs u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni fil-pjan ta’ koordinazzjoni 2017-2020 fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-2016 12 .
4. IMPLIMENTAZZJONI TAL-QAFAS TA’ APPOĠĠ TAL-SST
4.1. Fażi ta’ tħejjija
Bosta attivitajiet ħejjew il-bażi għall-bidu tal-operazzjonijiet tal-EU SST fl-1 ta’ Lulju 2016. Dawn inkludew:
-f’Marzu 2015, ħames Stati Membri (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit) tqiesu konformi mal-kriterji għall-parteċipazzjoni fil-qafas ta’ appoġġ tal-SST stipulat fid-Deċiżjoni SST u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-2014 13 u ħatru entitajiet nazzjonali biex jiffurmaw il-Konsorzju tal-SST 14 ;
-fis-16 ta’ Ġunju 2015, l-Istati Membri parteċipanti ffirmaw il-Ftehim SST, li stabbilixxa uffiċjalment il-Konsorzju tal-SST.
-fl-14 ta’ Settembru 2015, il-Konsorzju tal-SST u s-SATCEN iffirmaw l-Arranġament ta’ Implimentazzjoni tal-SST, li stabbilixxa uffiċjalment il-Kooperazzjoni tal-SST; u
-fl-1 ta’ Jannar 2016 tnedew l-ewwel għotjiet taħt il-programmi tal-UE (baġit tal-2015) biex jiffinanzjaw l-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal-EU SST.
|
Adozzjoni tad-Deċiżjoni SST (April 2014) |
Dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni SST (Ġunju 2014) |
Ħolqien tal-Konsorzju tal-SST (Ġunju 2015) |
Ħolqien tal-Kooperazzjoni tal-SST (Settembru 2015) |
Twettiq tas-servizz inizjali tal-SST (Lulju 2016) |
Evoluzzjoni tas- servizz inizjali tal-SST (minn Lulju 2016) |
|
Fażi ta’ tħejjija (April 2014 - Ġunju 2016) |
Fażi operattiva (minn Lulju 2016) |
||||
4.2. Fażi operattiva
Funzjoni tas-sensuri
Skont id-Deċiżjoni SST, kull Stat Membru jżomm il-kontroll tas-sensuri tal-SST tiegħu stess u joperahom u dawn ikunu kkollegati maċ-ċentru tal-operazzjonijiet nazzjonali (NOC) tiegħu. Is-sensuri tal-SST nazzjonali jiġġeneraw dejta dwar l-oġġetti spazjali fl-orbita, li huma input essenzjali għall-funzjoni tal-ipproċessar tad-dejta u tal-informazzjoni.
It-tip, il-kapaċità u d-distribuzzjoni ġeografika tas-sensuri tal-EU SST jiddeterminaw il-kopertura orbitali u l-għadd ta’ oġġetti spazjali ta’ daqs minimu speċifiku li jistgħu jiġu osservati, u finalment l-awtonomija u l-kapaċità tal-EU SST.
L-għadd ta’ sensuri operattivi żdied b’mod gradwali mill-bidu tal-operazzjonijiet f’Lulju 2016. Sa Diċembru 2017, 33 sensur taħt il-kontroll nazzjonali (3 radars ta’ sorveljanza, 8 radars ta’ insegwiment, 18-il teleskopju u 4 stazzjonijiet għall-kejl tad-distanza bil-laser) kienu kkontribwixxew għall-operazzjonijiet tal-EU SST, li jintużaw għall-insegwiment jew/u s-sorveljanza. Bejniethom, ikopru l-orbiti kollha (LEO, MEO, HEO u GEO) 15 , iżda l-għadd ta’ oġġetti li jkopru huwa limitat minħabba:
-id-disponibbiltà insuffiċjenti ta’ xi s-sensuri għall-EU SST;
-il-pożizzjoni ġeografika ta’ sensuri tal-SST eżistenti; u
-in-nuqqas ta’ individwazzjoni ta’ oġġetti taħt ċertu daqs.
Biex jingħelbu dawn in-nuqqasijiet huwa meħtieġ ammeljorament tas-sensuri eżistenti u l-użu ta’ sensuri ġodda tal-SST. Fl-2017, twettqet simulazzjoni li stmat il-livell ta’ kopertura li ġej għal daqsijiet differenti ta’ oġġetti skont kategoriji tal-orbita differenti, u qabblet il-prestazzjoni tal-arkitettura inizjali fl-2017 ma’ dik mistennija fl-2021 wara l-ammeljoramenti:
|
2017
|
2021
|
|||
|
Arkitettura tal-Istati Membri (orbita u daqs tal-oġġetti) |
Total osservat (%)* |
Total osservat sew (% tat-total)** |
Total osservat (%)* |
Total osservat sew (% tat-total)** |
|
LEO (> 7 cm) |
19 % |
14 % |
35 % |
19 % |
|
LEO (> 50 cm) |
79 % |
72 % |
95 % |
80 % |
|
LEO (> 1 m) |
96 % |
95 % |
98 % |
97 % |
|
MEO (> 40 cm) |
18 % |
7 % |
62 % |
7 % |
|
GEO (> 50 cm) |
40 % |
30 % |
66 % |
42 % |
* L-oġġetti osservati huma oġġetti li ġew osservati mill-inqas darba matul il-perjodu ta’ 14-il jum tas-simulazzjoni.
** L-oġġetti osservati sew huma dawk l-oġġetti osservati li ġew osservati kuljum fil-LEO u kull tlitt ijiem fil-MEO/GEO.
Fir-rigward tal-funzjoni tas-sensuri, il-ħidma tal-Konsorzju tal-SST l-aktar tinvolvi:
·in-netwerking tas-sensuri tal-SST fis-sistemi nazzjonali tal-SST
Il-maġġoranza tas-sensuri kellhom il-kollegamenti meħtieġa mal-NOC tagħhom fil-bidu tal-operazzjonijiet u issa ġew stabbiliti l-kollegamenti għall-bqija. Għadha għaddejja l-ħidma biex jiġi adattat l-użu tas-sensuri mal-ħtiġijiet tal-EU SST;
·l-immappjar tas-sensuri Ewropej u l-istudji tal-arkitettura
L-immappjar tas-sensuri Ewropej li huma potenzjalment xierqa għall-EU SST tlesta fl-2017. L-almanakk tas-sensuri Ewropej li rriżulta fforma bażi għall-istudji tal-arkitettura u ffaċilita t-tkabbir tas-sensuri tal-EU SST. Jiġbor dejta minn 133 sensur potenzjali minn disa’ Stati Membri (il-pajjiżi tal-Konsorzju tal-SST, flimkien mal-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall u r-Rumanija). Se jkunu meħtieġa aġġornamenti kontinwi, inkluża l-estensjoni tal-kopertura tal-pajjiż. L-istudji dwar l-arkitettura inizjali tal-EU SST u l-prestazzjoni tagħha tlestew fl-2017 u fl-2018 hija mistennija l-valutazzjoni dettaljata tal-alternattivi tal-arkitettura futura għall-EU SST;
·l-ammeljorament tas-sensuri
Fuq il-bażi tar-riżultati tal-istudji inizjali dwar is-sensuri Ewropej, fl-2016 beda l-ammeljorament ta’ 18-il sensur mill-pajjiżi kollha tal-Konsorzju tal-SST (kofinanzjat mill-UE). Ma huwa ppjanat l-ebda żvilupp ta’ assi ġodda tal-EU SST fil-programmi tal-UE għall-2015-2020.
Funzjoni tal-ipproċessar
Il-funzjoni tal-ipproċessar hija mwettqa mill-NOCs, li jitħaddmu mill-Istati Membri taħt il-koordinazzjoni tal-Konsorzju tal-SST. Kull NOC idaħħal id-dejta u l-informazzjoni minn sorsi interni u esterni fil-bażi ta’ dejta nazzjonali tiegħu, imbagħad jipproċessahom u janalizzahom biex jipprovdi servizzi tal-SST. Kull NOC huwa indipendenti u juża formati ta’ dejta u ta’ informazzjoni, softwer tal-ipproċessar tad-dejta u algoritmi differenti.
Meta mqabbel mal-katalgu tal-Istati Uniti, il-bażijiet ta’ dejta nazzjonali fihom għadd limitat ta’ oġġetti u sa issa ma hemm l-ebda bażi ta’ dejta Ewropea komuni tal-oġġetti spazjali; għalhekk, il-proċess jiddependi kważi kompletament fuq id-dejta tal-Istati Uniti. Il-kwalità u l-frekwenza tal-aġġornamenti tad-dejta tal-Istati Uniti jvarjaw skont l-orbita u jiddependu fuq il-ftehimiet bilaterali mal-Istati Unit fil-livell nazzjonali. Ta’ spiss din id-dejta tirrikjedi aktar analiżi, verifiki u rfinar. It-tabella ta’ hawn taħt tippreżenta s-sehem tal-messaġġi ta’ dejta dwar il-konġunzjoni (CDM) 16 iġġenerati bl-użu tad-dejta mis-sensuri tal-EU SST mqabbel mal-għadd totali ta’ CDM li ttellgħu fil-portal tal-EU SST.
|
Orbita: Sors tas-CDM: |
LEO |
MEO/GEO |
|
EU SST |
3 % |
22 % |
|
Parzjalment mill-Istati Uniti 17 |
97 % |
78 % |
L-EU SST hija magħmula minn ħames NOCs: ISOC (l-Italja), S3TOC (Spanja), COO (Franza), GSSAC (il-Ġermanja) u UKSpOC (ir-Renju Unit). Il-kollegamenti ta’ komunikazzjoni bejn l-NOCs ġew stabbiliti u l-NOCs huma f’kuntatt regolari ma’ xulxin sabiex jiskambjaw l-għarfien u l-informazzjoni. Il-politika dwar il-kondiviżjoni tad-dejta u tal-informazzjoni qed titħejja biex tiffaċilita l-kollaborazzjoni futura bejn il-Konsorzji. L-istudji inizjali dwar l-istatus tal-proċessi ta’ kull NOC (il-formati tad-dejta u tal-informazzjoni, l-algoritmi, il-bażijiet ta’ dejta, l-użu ta’ dejta esterna, eċċ.) tlestew. Fuq din il-bażi, se jkun possibbli li jiġu stabbiliti l-formati u l-proċeduri għall-iskambju tad-dejta u tal-informazzjoni li huma prerekwiżit għan-netwerking imtejjeb, għall-interoperabbiltà tad-dejta, għall-assenjazzjoni tal-kompiti tas-sensuri bejn il-Konsorzji u għall-kompilazzjoni ta’ bażi ta’ dejta Ewropea komuni.
Funzjoni tas-servizzi
It-twettiq ta’ tliet servizzi tal-SST inizjali beda fl-1 ta’ Lulju 2016:
-l-analiżi u t-twissija tal-konġunzjoni (CA)
-l-analiżi u l-informazzjoni dwar id-dħul mill-ġdid (RE)
-l-analiżi tal-frammentazzjoni (FG)
L-NOCs jipprovdu s-servizzi skont il-portafoll tas-servizzi tal-EU SST, li huwa magħmul minn:
-il-“linja bażi komuni garantita” (CGB, jiġifieri s-servizzi minimi tal-EU SST ipprovduti mill-NOCs kollha); flimkien ma’
-servizzi ta’ valur miżjud (ibbażati fuq il-kapaċitajiet eżistenti tal-NOC ikkonċernat u li jridu jiġu inklużi b’mod gradwali fis-CGB).
Bħalissa, għall-evitar tal-kolliżjonijiet, it-talbiet tal-utenti huma allokati lil NOC wieħed jew aktar skont il-każ, u dan jista’ jinkludi l-immaniġġar konġunt jew kondiviż ta’ flotta ta’ inġenji spazjali. Issir rotazzjoni tal-NOCs kull xahar biex jiġu pprovduti servizzi dwar il-frammentazzjoni u dwar id-dħul mill-ġdid, fuq il-bażi ta’ proċeduri ta’ trasferiment.
Is-SATCEN jopera l-portal tal-EU SST u l-helpdesk tal-EU SST. Il-prodotti normalment jiġu kkonsenjati lill-utenti tal-EU SST irreġistrati permezz tal-portal tal-EU SST. Fejn xieraq, l-NOC ikkonċernat jista’ jipprovdi informazzjoni lill-utenti assenjati tiegħu biex jiġu evitati l-kolliżjonijiet.
Mill-1 ta’ Diċembru 2017, ir-reġistrazzjonijiet li ġejjin ġew approvati mill-bidu tal-operazzjonijiet tal-EU SST: 27 għas-CA, 30 għall-FG u 36 għall-RE. Dawk jirrappreżentaw 27 organizzazzjoni minn 12-il Stat Membru 18 u, biex jiġu evitati l-kolliżjonijiet, 79 inġenju spazjali, li minnhom 35 fl-LEO, 18 fil-MEO u 26 fil-GEO. Is-satelliti tal-UE Galileo u Copernicus huma rreġistrati mas-servizzi tal-EU SST.
Bejn il-bidu tal-operazzjonijiet f’Lulju 2016 u Diċembru 2017, ġew immaniġġati jew irrappurtati aktar minn miljun avveniment u prodott, u r-rapporti ġew ipprovduti permezz tal-portal tal-EU SST. L-Anness jipprovdi l-istatistiki dwar il-prodotti kkonsenjati.
Huwa mistenni li l-mekkaniżmu tal-interazzjoni mal-utenti se jiġi stabbilit fl-2018. L-ewwel kampanja għall-feedback tal-utenti twettqet f’Mejju-Ġunju 2017. Ir-rispondenti għall-kwistjonarju b’mod ġenerali kienu sodisfatti bis-servizzi inizjali tal-SST, iżda r-rata ta’ rispons kienet biss ta’ 26 %. Huma ssuġġerew titjib għall-armonizzazzjoni u l-ħin tal-konsenja tal-prodott u aktar informazzjoni dwar l-oġġett u l-avveniment. Is-SATCEN u l-Konsorzju tal-SST identifikaw il-ħtiġijiet tal-utenti u lista preliminarja ta’ utenti potenzjali.
L-immaniġġar tal-għotjiet tal-SST
L-għotjiet tal-UE ffinanzjaw l-attivitajiet tal-EU SST fi tliet oqsma ewlenin:
-il-provvista tas-servizzi tal-EU SST (1SST);
-in-netwerking tal-assi u l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet (2SST); u
-l-ammeljorament tal-assi tal-SST eżistenti u l-iżvilupp ta’ assi tal-SST ġodda (3SST).
Permezz ta’ diversi għotjiet taħt il-programmi Copernicus, Galileo u Orizzont 2020, ġie allokat total ta’ EUR 167,5 miljun għall-2015-2020 , li minnu madwar EUR 70,5 miljun se jintużaw biex jiġu implimentati l-azzjonijiet tad-Deċiżjoni SST (għotjiet 1SST u 2SST) u EUR 97 miljun għall-ammeljoramenti tas-sensuri (3SST).
L-attivitajiet deskritti f’dan ir-rapport ġew kofinanzjati mill-għotjiet tal-2015, li kienu soġġetti għall-għeluq amministrattiv f’Diċembru 2017. L-għotjiet tal-2016-2017 li ġew iffirmati f’Diċembru 2017 għandhom jiżguraw il-kontinwità tal-attivitajiet u t-tranżizzjoni għal servizzi tal-EU SST aktar komprensivi u effettivi. Is-suġġetti tas-sejħiet għal għotjiet fl-2018-2020 tal-Orizzont 2020 ġew ippubblikati fl-2017 19 .
L-arranġamenti ta’ finanzjament mill-UE għall-ewwel proġetti tal-SST kienu kumplessi u ta’ piż amministrattiv. Fl-2015-2017, dan wassal għall-ġestjoni simultanja ta’ bosta għotjiet ta’ tul relattivament qasir (18-il xahar) b’regoli finanzjarji differenti. Saru xi sforzi biex jiġu ssimplifikati l-arranġamenti tal-immaniġġar tal-għotjiet 20 .
Governanza
Id-Deċiżjoni SST tirrikonoxxi n-natura sensittiva tal-SST u tħalli l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-kapaċità tal-EU SST lill-Istati Membri parteċipanti, bis-sjieda tal-assi fil-livell nazzjonali. L-involviment tal-Kummissjoni fl-2014-2017 kien l-aktar relatat mal-monitoraġġ tal-proċedura għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, mal-eżekuzzjoni tal-għotjiet, mal-interazzjoni formali mal-Konsorzju tal-SST u mat-tfassil tal-pjan ta’ koordinazzjoni 2017-2020.
L-istruttura ta’ governanza tal-Konsorzju tal-SST tinvolvi ħidma fil-kumitati ta’ tmexxija, tekniċi u ta’ sigurtà u fil-koordinazzjoni tal-proġetti u tal-finanzi, u d-deċiżjonijiet jittieħdu b’unanimità. Il-maġġoranza tad-deċiżjonijiet, inklużi dawk li jirrigwardaw l-immanniġġar tal-programm, jittieħdu fil-kumitat ta’ tmexxija, fejn il-Kummissjoni ilha osservatur mill-2017. Il-kumitat ta’ koordinazzjoni huwa responsabbli għall-governanza tal-Kooperazzjoni tal-SST (il-Konsorzju tal-SST u s-SATCEN).
Bl-adozzjoni tat-tieni Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni fl-2016, il-Kummissjoni nediet it-tieni sensiela ta’ applikazzjonijiet mill-Istati Membri biex jidħlu fil-Konsorzju tal-SST. Tliet Stati Membri (il-Polonja, ir-Rumanija u l-Portugall) ressqu applikazzjonijiet formali biex jidħlu fil-Konsorzju tal-SST sad-data ta’ skadenza tad-19 ta’ Awwissu 2017 u l-proċedura għandha titlesta fl-2018. Il-parteċipazzjoni ta’ Stati Membri ġodda tista’ tgħin biex tiżdied il-prestazzjoni tal-EU SST.
Tmien Stati Membri oħra (l-Awstrija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, il-Latvja, is-Slovakkja u l-Iżvezja) esprimew l-intenzjoni tagħhom li jikkollaboraw mal-Konsorzju tal-SST bħala entitajiet parteċipanti fl-implimentazzjoni ta’ għotjiet futuri. Is-settur privat jikkontribwixxi għall-EU SST, l-aktar billi jipprovdi t-teknoloġija u d-dejta, u ma jipparteċipax fil-governanza tal-EU SST.
5. VALUTAZZJONI
5.1 Riżultati u impatti
Il-qafas ta riżultati fir-rigward tal-istabbiliment u l-operat tal-funzjonijiet u tal-azzjonijiet tal-EU SST. Madankollu, minħabba l-perjodu relattivament qasir tal-operazzjonijiet tal-EU SST, għadu mhux possibbli li jiġu identifikati l-impatti soċjoekonomiċi.
Il-kisbiet ewlenin tal-qafas jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:
-id-disponibbiltà tas-servizzi tal-EU SST – il-Konsorzju tal-SST ipprovda servizzi taħt il-logo tal-EU SST mill-1 ta’ Lulju 2016, permezz tal-portal tal-EU SST. Is-servizzi tal-evitar tal-kolliżjonijiet, tal-frammentazzjoni fl-orbita u tad-dħul mill-ġdid huma pprovduti lill-utenti istituzzjonali Ewropej kollha u lis-sjieda u lill-operaturi tal-inġenji spazjali bla ħlas u fuq bażi ta’ 24/7. L-għadd ta’ utenti żdied b’mod konsistenti;
-jintlaħqu l-utenti – ġew identifikati l-utenti potenzjali u l-ħtiġijiet tagħhom ġew dokumentati. Il-feedback mill-utenti huwa limitat iżda promettenti. L-EU SST għenet biex tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati dwar ir-riskji spazjali u dwar il-ħtieġa li tiġi protetta l-infrastruttura spazjali;
-il-kooperazzjoni u l-ġbir tal-għarfien espert kondiviż – ġiet stabbilita komunikazzjoni regolari bejn l-NOCs. L-esperti nazzjonali jaqsmu l-għarfien u l-prattiki tax-xogħol permezz ta’ gruppi ta’ ħidma li jimplimentaw l-għotjiet tal-SST. Ġew ivvalutati kull sistema, proċess u proċedura tal-NOC;
-l-immappjar u l-kondiviżjoni tal-assi Ewropej – b’mod ġenerali, 33 sensur ikkontribwixxew għall-operazzjonijiet inizjali tal-EU SST, u koprew l-orbiti kollha. L-arkitettura u l-prestazzjoni inizjali tagħhom ġew ivvalutati. Ġew identifikati s-sensuri Ewropej li huma potenzjalment xierqa għall-EU SST u bdew l-ammeljoramenti tas-sensuri nazzjonali;
-jintlaħqu Stati Membri oħra – l-EU SST attirat l-interess u ġiegħlet lil Stati Membri ġodda jikkollaboraw mal-Konsorzju tal-SST jew jingħaqdu miegħu.
5.2 Effettività
Il-qafas iffaċilita l-istabbiliment tal-kapaċità inizjali tal-EU SST lejn l-għan ġenerali li tiġi żgurata s-sostenibbiltà fuq terminu twil tal-infrastruttura u tas-servizzi spazjali Ewropej. It-tliet servizzi ġew stabbiliti u saru operattivi kif previst fid-Deċiżjoni SST. Minn mindu bdew l-operazzjonijiet tal-EU SST, l-NOCs ipprovdew twissijiet dwar il-kolliżjonijiet u ma kien hemm l-ebda inċident katastrofiku li involva inġenji spazjali rreġistrati, inklużi s-satelliti tal-UE. L-avvenimenti tad-dħul mill-ġdid ġew immonitorjati u rrappurtati. It-tkabbir tal-Konsorzju tal-SST u l-eżekuzzjoni tal-għotjiet tal-SST minn tmiem l-2017 imxew kif previst. Il-qafas ġie implimentat b’pass xieraq skont il-pjan ta’ koordinazzjoni, meta jitqiesu l-kumplessità u s-sensittività tal-qasam. Il-mudell ta’ governanza innovattiv tal-EU SST iffaċilita l-progress f’dan il-qasam sensittiv ħafna.
Minkejja dawn il-kisbiet, l-EU SST għadha trid ittejjeb il-prestazzjoni u l-awtonomija tagħha. L-EU SST taħdem bħala total tal-kapaċitajiet nazzjonali, b’bażijiet ta’ dejta nazzjonali differenti u livell ta’ servizzi li jvarja, u għad iridu jsiru ekonomiji ta’ skala u jiġu evitati duplikazzjonijiet mhux meħtieġa. Għal dan l-għan, twettqet il-ħidma ta’ tħejjija għan-netwerking tal-NOCs u għall-iskambju tad-dejta u tal-informazzjoni tal-SST bil-mira li tiġi żviluppata bażi ta’ dejta Ewropea komuni u jiġu ottimizzati l-operazzjonijiet tal-EU SST. Barra minn hekk, kif intwera mill-istudji inizjali tal-arkitettura mwettqa taħt l-għotjiet tal-SST, il-progress ulterjuri lejn l-awtonomija tal-SST Ewropea jiddependi fuq investimenti sostanzjali fis-sensuri eżistenti u f’sensuri ġodda għas-sorveljanza u l-insegwiment tal-oġġetti spazjali. Għal dan l-għan, hija meħtieġa gwida fil-livell tal-UE dwar il-viżjoni u l-għanijiet strateġiċi fit-tul.
Is-servizzi tal-EU SST ma jkoprux il-perikli tal-ispazju fiċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-missjonijiet tal-inġenji spazjali mill-illanċjar sal-iskart, li xorta jheddu s-sostenibbiltà fit-tul tal-infrastruttura u tas-servizzi spazjali Ewropej. Barra minn hekk, il-qafas ma jiddefinixxix azzjonijiet jew ma jipprovdix il-mezzi biex tiġi ffaċilitata l-esplorazzjoni ta’ sinerġiji potenzjali ma’ segmenti oħra tal-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali (il-meteoroloġija spazjali u l-oġġetti qrib id-Dinja) u għad irid ikollu influwenza fix-xena internazzjonali waqt li tiżviluppa l-kapaċità.
5.3 Valur miżjud Ewropew
Il-qafas ta’ appoġġ tal-SST ta inċentiv lill-Istati Membri biex jikkooperaw f’dan il-qasam sensittiv fil-livell nazzjonali u għen biex tiżdied it-trasparenza u tinbena l-fiduċja.
Servizzi tal-SST aċċessibbli għall-utenti Ewropej u t-trawwim tal-eċċellenza
Is-servizzi tal-EU SST huma disponibbli bla ħlas għall-utenti Ewropej ikkonċernati kollha, u kienu importanti b’mod speċjali għas-sidien u għall-operaturi tas-satelliti pubbliċi u privati Ewropej li jista’ jkun li ma jkollhomx il-kapaċità tal-evitar tal-kolliżjonijiet ta’ kwalità għolja tagħhom stess. Waslu talbiet għall-aċċess tas-servizzi tal-EU SST minn pajjiżi mhux tal-UE; jenħtieġ li jiġu żviluppati kriterji speċifiċi biex jiġu indirizzati talbiet bħal dawn.
Il-qafas ħoloq pjattaforma għat-tagħlim u għall-kondiviżjoni tal-għarfien bejn l-NOCs, li tiffaċilita t-titjib tas-servizzi b’valur miżjud, inkluż għall-benefiċċju tal-utenti li qabel kienu jużaw is-servizzi tal-SST nazzjonali.
Tingħeleb il-frammentazzjoni tal-kapaċitajiet tal-SST nazzjonali u tissaħħaħ l-awtonomija Ewropea
L-istudji Ewropej inizjali dwar l-immappjar tas-sensuri u l-arkitettura jipprovdu input strateġiku li għandu jippermetti l-iżvilupp futur tal-kapaċità tal-EU SST b’mod aktar ikkoordinat u kosteffiċjenti. Bħala riżultat, għandu jkun possibbli li jiġu ottimizzati, ammeljorati u żviluppati s-sensuri fl-Ewropa.
L-Ewropa tiddependi ħafna fuq id-dejta mill-Istati Uniti, u dik id-dejta tvarja fil-kwalità u fl-aċċessibbiltà. Il-ħolqien tal-EU SST jipprovdi l-bażi u l-ewwel pass lejn l-iżvilupp futur ta’ ċertu livell ta’ awtonomija Ewropea fl-SST. Minħabba l-ispejjeż kbar assoċjati mal-istabbiliment tal-kapaċità tal-SST bi prestazzjoni għolja, l-ebda Stat Membru mhu se jkun kapaċi jinviesti waħdu. L-EU SST wriet volontà li tikkoopera fil-livell tal-UE lejn dan l-għan.
6. KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET
Meta jitqies il-perjodu relattivament qasir tal-implimentazzjoni tal-qafas, l-attivitajiet huma fi triqthom biex jiksbu r-riżultati ppjanati għall-2014-2020 fil-pjan ta’ koordinazzjoni. L-EU SST tat ir-riżultati tagħha għall-azzjonijiet kollha u għal tliet servizzi previsti fid-Deċiżjoni SST u ħolqot valur miżjud tal-UE. Madankollu, jeħtieġ li titħaffef l-implimentazzjoni fil-fażi li jmiss u jeħtieġ li l-EU SST tevolvi biex ittejjeb l-effettività tagħha.
L-istadji importanti operattivi li ġejjin jistgħu jagħmluha iktar faċli li jinkiseb l-għan ġenerali, li huwa li jgħinu biex jiżguraw ii s-sostenibbiltà fit-tul tal-infrastruttura u tas-servizzi spazjali Ewropej:
-id-definizzjoni ta’ arkitettura futura tal-EU SST u arranġamenti xierqa għall-konsenja tas-servizzi – dan huwa kruċjali għall-ottimizzazzjoni u għall-valur miżjud Ewropew. L-iżvilupp futur jeħtieġ li jiżgura li l-EU SST tibni fuq il-komplimentarjetà bejn l-assi nazzjonali u tottimizza l-arkitettura tal-EU SST filwaqt li tevita d-duplikazzjoni mhux meħtieġa bejn il-funzjonijiet. L-investimenti fis-sensuri eżistenti u f’sensuri ġodda, fuq il-bażi tal-istudji dwar l-arkitettura, huma meħtieġa biex jittejbu l-kapaċitajiet u s-servizzi tal-EU SST. Għal dan l-għan, il-passi li jmiss iridu jinkludu l-istabbiliment ta’ pjan ta’ żvilupp sod li jwassal għall-arkitettura futura tal-EU SST.
-bażi ta’ dejta komuni tal-UE tal-oġġetti fl-orbita, li tibni fuq id-dejta nazzjonali – dan huwa indispensabbli għall-awtonomija futura tal-SST tal-Ewropa. Għal dan l-għan, jeħtieġ li jsir progress fil-futur qrib fuq in-netwerking bejn l-NOCs u l-iskambju tad-dejta u tal-informazzjoni tal-SST. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-UE tiddeċiedi dwar il-livell ta’ ambizzjoni biex tiggwida l-iżvilupp strateġiku tal-EU SST. Jenħtieġ li tiddetermina livell ta’ awtonomija xieraq, aċċettabbli u li jista’ jinkiseb u tqis l-istrateġiji possibbli għall-iżgurar tal-komplimentarjetà mal-pajjiżi sħab ewlenin;
-l-ilħiq tal-utenti potenzjali u l-involviment attiv magħhom, appoġġati mill-iżvilupp ulterjuri tas- servizzi tal-EU SST – l-EU SST għenet biex jiġu attirati l-utenti għas-servizzi tagħha u fis-sensibilizzazzjoni dwar it-theddid spazjali, iżda għad irid jintlaħaq grupp kbir ta’ utenti potenzjali. Għal dan l-għan, il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi tal-EU SST iridu jittejbu skont il-ħtiġijiet tal-utenti, inkluż f’termini ta’ valur miżjud u l-immaniġġar operattiv tal-flotta. Dan jenħtieġ li jiġi appoġġat permezz ta’: kampanji ta’ lħiq intensifikati; żvilupp ulterjuri tal-mekkaniżmu ta’ feedback mill-utenti u tal-proċeduri operattivi komuni tal-EU SST u tal-istandards għall-provvista tas-servizzi; u l-inklużjoni ta’ servizzi b’valur miżjud fil-linja bażi komuni garantitia;
-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet, u l-mezzi possibbli biex jinkisbu sinerġiji ma’ segmenti oħra tal-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali u l-ħtieġa li s-servizzi tal-SST ikopru l-perikli tal-ispazju fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-missjonijiet kollha tal-inġenji spazjali;
-formulazzjoni ta’ viżjoni f’terminu twil, ta’ għanijiet strateġiċi u linji gwida ġenerali fil-livell tal-UE – dawn jenħtieġ li jiġu appoġġati permezz ta’ pjanijiet direzzjonali għall-implimentazzjoni u pjanijiet pluriennali, u billi titqies il-ħidma ta’ tħejjija li saret sa issa;
-simplifikazzjoni ulterjuri tal-iskema għall-ġestjoni tal-għotjiet tal-EU SST – din hija meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi marbuta mal-arranġamenti ta’ finanzjament tal-UE kumplessi u ta’ piż amministrattiv u biex jiġu pprovduti prevedibbiltà u stabbiltà għall-iżvilupp futur tal-EU SST; u
-bidliet fil-governanza biex tiġi żgurata l-ġestjoni kosteffettiva – dan huwa kruċjali biex jippermettu l-parteċipazzjoni usa’ possibbli tal-Istati Membri u l-iżvilupp tal-EU SST. L-involviment tal-Kummissjoni fl-EU SST jenħtieġ li jiġi intensifikat biex tkun tista’ tipprovdi aktar gwida u monitoraġġ fil-livelli strateġiċi, ta’ politika u organizzattivi. Ir-rwol tas-SATCEN fil-faċilitazzjoni tal-provvista tas-servizzi tal-UE SST jenħtieġ li jiġi eżaminat aktar.
Commission Implementing Decision of 19 December 2016 on a coordination plan for the space surveillance and tracking support framework and on the procedure for the participation of Member States, (C(2016) 8482).
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.5.2018
COM(2018) 256 final
ANNESS
tar-
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta' appoġġ għas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (SST) (2014-2017)
ANNESS
Prodotti disponibbli permezz tal-portal tal-provvista ta’ servizzi tal-EU SST
Mill-1 ta’ Lulju 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2017
|
Prodotti tal-EU SST |
||
|
Servizz |
Imtellgħin miċ-ċentri tal-operazzjonijiet nazzjonali (NOC) |
Imniżżlin mill-utenti tal-EU SST |
|
L-analiżi u t-twissija tal-konġunzjoni (CA) |
CDM 1 : 1 559 381 Rapporti tas-CA: 14 762 Total: 1 574 143 |
CDM: 927 977 Rapporti tas-CA: 1 630 Total: 929 607 |
|
L-analiżi tal-frammentazzjoni (FG) |
Rapporti tal-FG: 12 |
Rapporti tal-FG: 64 |
|
L-analiżi u l-informazzjoni dwar id-dħul mill-ġdid (RE) |
Rapporti tal-RE: 149 |
Rapporti tal-RE: 529 |