Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0246

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (85/374/KEE)

    COM/2018/246 final

    Brussell, 7.5.2018

    COM(2018) 246 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

    dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (85/374/KEE)

    {SWD(2018) 157 final}
    {SWD(2018) 158 final}


    1.Introduzzjoni

    Għal aktar minn tliet deċennji, id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodott 1 (“id-Direttiva”) żgurat li l-produtturi jassumu r-responsabbiltà għall-prodotti difettużi fil-konfront tal-konsumaturi. Meta ġiet adottata fl-1985, id-Direttiva kienet strument kuraġġuż u modern li kien jeħtieġ adattamenti sostanzjali tal-kodiċijiet ċivili tal-Istati Membri.

    Id-Direttiva kienet waħda mill-ewwel biċċiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE li espliċitament kienet immirata biex tipproteġi lill-konsumaturi. Hija introduċiet il-kunċett ta’ responsabbiltà stretta, fejn il-produtturi huma responsabbli għall-prodotti difettużi, irrispettivament minn jekk id-difett huwiex tort tagħhom. Id-Direttiva għandha wkoll l-għan li tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku billi tipprovdi ambjent stabbli u legali ta’ kompetizzjoni ugwali li jippermetti lill-kumpaniji jqiegħdu prodotti innovattivi fis-suq.

    Id-Direttiva tikkumplimenta l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-prodotti u dak li hu magħruf bħala l-“Approċċ Ġdid” għas-sikurezza tal-prodott. L-“Approċċ Ġdid” ġie introdott fl-istess żmien tad-Direttiva u jimmira li jipprevjeni aċċidenti billi jistabbilixxi regoli komuni ta’ sikurezza 2 li jippermettu li s-suq uniku għall-oġġetti jaħdem sewwa u li jitnaqqas il-piż amministrattiv. Id-Direttiva hija x-xibka ta’ sikurezza għal każijiet fejn xorta jseħħu l-aċċidenti.

    L-2018 mhix l-1985. L-UE u r-regoli tagħha dwar is-sikurezza tal-prodotti evolvew, bħalma għamlu l-ekonomija u t-teknoloġiji. Ħafna prodotti disponibbli llum għandhom karatteristiċi li kienu kkunsidrati fantaxjenza fis-snin tmenin. L-isfidi li qed niffaċċjaw issa u saħansitra aktar u aktar fil-ġejjieni - biex insemmu xi wħud - jirrigwardaw id-diġitalizzazzjoni, l-Internet tal-Oġġetti, l-intelliġenza artifiċjali u ċ-ċibersigurtà.

    It-tkabbir esponenzjali fil-qawwa komputazzjonali, id-disponibbiltà tad-dejta u l-progress fl-algoritmi qed jagħmlu speċjalment l-intelliġenza artifiċjali (IA) b’mod partikolari waħda mit-teknoloġiji l-iktar importanti tas-seklu 21. Il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha dwar “Il-massimizzazzjoni tal-benefiċċji tal-Intelliġenza Artifiċjali” 3 biex tiżgura rispons ta’ politika koerenti li jindirizza wkoll l-isfidi legali. Is-sikurezza u r-responsabbiltà għall-prodott–— jekk ikun hemm ħsara –— huma aspett essenzjali biex tinstab tweġiba politika li tippermetti lis-soċjetajiet, lin-negozji u lill-konsumaturi Ewropej jibbenefikaw mill-intelliġenza artifiċjali.

    Minħabba li d-Direttiva qatt ma ġiet evalwata minn meta daħlet fis-seħħ u fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi teknoloġiċi reċenti, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tad-Direttiva biex tivvaluta l-prestazzjoni tagħha. L-evalwazzjoni tinkludi konsiderazzjoni tal-iżviluppi teknoloġiċi riċenti. B’mod aktar speċifiku, analizzat jekk id-Direttiva: (i) għadhiex effettiva biex tilħaq l-għanijiet oriġinali tagħha; (ii) hijiex effiċjenti; (iii) hijiex konsistenti mar-regoli rilevanti tal-UE; (iv) tibqax rilevanti billi tħaddan il-bidliet teknoloġiċi reċenti; u (v) jekk il-leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltà għall-prodott tal-UE għadhiex tipprovdi valur miżjud lill-intrapriżi u lill-persuni li jkunu ġarrbu dannu 4 .

    L-evalwazzjoni eżaminat ukoll jekk id-Direttiva fil-forma attwali tagħha għadhiex sservi l-iskop tagħha. Tindirizza b’mod adegwat l-isfidi ta’ apparat dejjem aktar awtonomu u taċ-ċibersigurtà? Xi ngħidu dwar is-sostenibbiltà u li tintlaħaq ekonomija ċirkolari? Id-Direttiva tiskoraġġixxi bla bżonn lill-produtturi milli jqiegħdu prodotti innovattivi fis-suq? Jew għall-kuntrarju, tiskoraġġixxi lill-manifatturi milli jqiegħdu prodotti difettużi u mhux sikuri fis-suq? Għadha tipproteġi lill-persuni li jkunu ġarrbu dannu f’dinja li qed tinbidel?

    L-evalwazzjoni wriet li anke jekk il-prodotti huma ħafna aktar kumplessi llum milli fl-1985, id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodott għadha għodda adegwata.

    Madankollu, għandna bżonn niċċaraw il-fehim legali ta’ ċerti kunċetti (bħal prodott, produttur, difett, ħsara u l-oneru tal-prova) u nħarsu mill-qrib lejn ċerti prodotti bħall-farmaċewtiċi, li jistgħu jkunu ta’ sfida għall-prestazzjoni tad-Direttiva.

    Barra minn hekk, analiżi preliminari dwar kif it-teknoloġiji diġitali emerġenti jaffettwaw il-funzjonament tad-Direttiva, qajmet numru ta’ mistoqsijiet pendenti. Fid-dawl ta’ dawn is-sejbiet, il-Kummissjoni se tikkonsulta b’mod wiesa’ biex tasal għal fehim komuni mal-partijiet ikkonċernati kollha. L-għan hu li titfassal gwida komprensiva dwar kif id-Direttiva għandha tiġi applikata llum. Barra minn hekk, se tevalwa kemm id-Direttiva attwali tindirizza b’mod adegwat it-teknoloġiji diġitali emerġenti. Din il-gwida u l-valutazzjoni se jgħinuna biex nwittu t-triq ’il quddiem għal qafas ta’ responsabbiltà għall-prodott adattat għar-rivoluzzjoni industrijali diġitali.

    L-għan tagħna huwa li niżguraw li: (i) l-UE tkompli jkollha sistema ta’ responsabbiltà għall-prodott li trawwem l-innovazzjoni; (ii) il-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE jkunu sikuri 5 ; u (iii) il-persuni li jsofru dannu minħabba prodotti difettużi jistgħu jitolbu kumpens meta jinqalgħu aċċidenti. Għandna responsabbiltà kemm lejn l-intrapriżi kif ukoll lejn in-nies li jsofru dannu. Dan huwa dak li jiggwidana. Irridu nistudjaw il-bidliet teknoloġiċi li ġejjin bir-reqqa u b’mod sensibbli b’mod li nirrispettaw kull objettiv.

    2.Il-Karatteristiċi Ewlenin tad-Direttiva

    Id-Direttiva tapplika għall-prodotti mobbli kollha, anke jekk ikunu integrati fi prodott mobbli ieħor, u speċifikament tinkludi l-elettriku. Tintroduċi wkoll il-kunċett ta’ responsabbiltà stretta tal-produtturi 6 . Il-produtturi huma responsabbli għall-prodotti tagħhom f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza 7 . Jekk prodott ikun difettuż u jikkawża dannu personali jew ħsara materjali ’l fuq minn EUR 500 għal oġġett ta’ proprjetà prinċipalment għal użu jew konsum privat, il-produtturi huma responsabbli irrispettivament minn jekk huma għandhomx tort jew le. Prodott huwa kkunsidrat difettuż jekk ma jipprovdix is-sikurezza li persuna tkun intitolata li tistenna 8 .

    Eżempju — Waqt li kienet qed issuq karozza, persuna kellha tevita ostakolu li tfaċċa għal għarrieda. Huwa lewa f’daqqa fit-triq u l-vettura tiegħu bdiet tirtogħod ħafna. Is-sensuri tal-airbag kkunsidraw dan bħala aċċident u ġew attivati. Waħda mill-airbags laterali laqtet lis-sewwieq f’għonqu, ikkumpressat l-arterja u kkawżatlu puplesija. Il-Qrati ppruvaw jiddeterminaw jekk il-produttur kienx ikkalkula b’mod korrett ir-riskju ta’ funzjonament ħażin tas-sensuri. It-talba ġiet miċħuda f’żewġ istanzi, iżda mbagħad ġiet invalidata f’livell ogħla. Il-każ ġie finalment solvut barra mill-Qorti.

    Responsabbiltà stretta tirrappreżenta għodda b’saħħitha għall-protezzjoni tal-persuni li jkunu ġġarrbu dannu. Madankollu, hemm numru ta’ ċirkustanzi fejn id-Direttiva tippermetti li l-produtturi jieħdu ċerti riskji kkalkulati meta jqiegħdu prodotti innovattivi fis-suq. Il-produttur mhuwiex responsabbli jekk jista’ juri li: (i) id-difett ma kienx jeżisti meta l-prodott tqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni; (Ii) id-difett huwa minħabba konformità mar-regolamenti maħruġin mill-awtoritajiet pubbliċi; jew (iii) l-istat tal-għarfien tekniku fiż-żmien meta tqiegħed il-prodott fis-suq għamilha impossibbli li jinstab id-difett. L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jiksbu deroga minn din l-aħħar eżenzjoni.

    Eżempju - Persuna korriet serjament meta l-brejkijiet ta’ quddiem tal-mutur użat li kienet qed issuq weħlu għal għarrieda u taret minn fuqu. Il-mutur kien miżmum tajjeb, kellu kilometraġġ baxx u kellu biss sentejn. Il-pretendent fetaħ kawża u rebaħ fl-ewwel istanza. L-appell tal-produttur ma ntlaqax minħabba li l-Qorti spjegat li l-Pretendent ma kellux juri l-eżistenza ta’ disinn speċifiku jew difett fil-manifattura biex ikun hemm sejba ta’ difett, u lanqas ma kellu juri kif ġie kkawżat id-difett. Il-Pretendent kellu juri sempliċement li kien hemm difett fil-ħin rilevanti u li dan ikkawża l-inċident. Il-Qorti sabet mill-evidenza esperta li kien hemm difett fil-brejkijiet ta’ dan il-mutur partikolari. Din is-suxxettibbiltà ma kinitx preżenti f’muturi oħra tal-istess tip, u għalhekk il-Qorti setgħet tiddeduċi li dawn il-brejkijiet partikolari kienu difettużi, u l-Pretendent kien ta prova tal-każ tiegħu

    Mill-jum li jsiru konxji tad-difett, il-persuni li jkunu ġġarrbu dannu għandhom tliet snin biex jitolbu kumpens għad-danni. It-talbiet ma jibqgħux possibbli 10 snin wara li l-prodott tqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni. Biex isostnu t-talba tagħhom, dawk li sofrew dannu jridu jagħtu prova tal-ħsara, id-difett u r-rabta kawżali bejn id-difett u l-ħsara.

    3.Implimentazzjoni tad-Direttiva

    Id-Direttiva teħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Kunsill u lill-Parlament 9 kull ħames snin dwar l-implimentazzjoni tagħha. Dan huwa l-ħames rapport li huwa kkomplementat minn evalwazzjoni.

    Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda ilment jew tat bidu għal xi proċeduri ta’ ksur matul il-perjodu ta’ rappurtar 2011-2017. Madankollu, id-Direttiva ma tkoprix jew tarmonizza l-aspetti kollha tar-responsabbiltà għall-prodott. Hemm lok għal approċċi nazzjonali differenti, per eżempju dwar is-sistemi ta’ soluzzjoni tat-talbiet għad-danni, jew dwar kif jinġiebu l-provi tal-ħsara. Dawn id-deċiżjonijiet jitħallew f’idejn l-Istati Membri. L-Istat Membru jista’ wkoll jintroduċi jew iżomm strumenti nazzjonali oħrajn għar-responsabbiltà tal-produtturi bbażati fuq negliġenza.

    Ħames Stati Membri adottaw id-“deroga għar-riskju ta’ żvilupp” stipulata fl-Artikolu 15(1)(b) tad-Direttiva, fejn produttur huwa responsabbli wkoll jekk l-istat ta’ għarfien xjentifiku u tekniku meta l-prodott daħal fiċ-ċirkolazzjoni ma kienx tali li d-difett jista’ jiġi skopert. Żewġ Stati Membri japplikaw dan għas-setturi kollha 10 , filwaqt li tnejn jeskludu b’mod partikolari l-prodotti farmaċewtiċi 11 u wieħed jeskludi l-prodotti għall-ġisem tal-bniedem 12 .

    Is-sejbiet tal-evalwazzjoni jissuġġerixxu li l-biċċa l-kbira tal-pretensjonijiet ta’ responsabbiltà għall-prodott bejn l-2000 u l-2016 ġew attwalment solvuti barra mill-Qorti. 46 % tal-każijiet ġew solvuti f’negozjati diretti, 32 % fil-Qorti, 15 % permezz ta’ mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim, u 7 % ġew solvuti mod ieħor bħal pereżempju permezz tal-assiguratur tal-parti responsabbli 13 . L-istudju estern ikkummissjonat għall-evalwazzjoni identifika 798 talba bbażata fuq ir-regoli dwar ir-responsabbiltà tgħall-prodott mill-2000 sal-2016 14 . Madankollu, huwa probabbli li n-numru reali ta’ każijiet kien ogħla, u mhux il-każijiet kollha kienu inklużi fil-bażijiet tad-dejta pubbliċi u privati kkonsultati. Il-prodotti l-iktar ikkonċernati huma l-materja prima (21,2 % tal-każijiet), il-farmaċewtiċi (16,1 %), il-vetturi (15,2 %) u l-makkinarju (12,4 %). It-tipi ta’ ħsara identifikati huma relatati mal-karatteristiċi ta’ kull prodott 15 .

    4. Il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja matul l-2011-2017

    Filwaqt li n-numru ta’ każijiet quddiem il-qrati nazzjonali u ta’ setturi involuti ma jindikax il-prevalenza ta’ settur wieħed speċifiku, is-sitwazzjoni hija differenti meta nħarsu lejn il-kwistjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. L-erba’ sentenzi tal-Qorti matul il-perjodu ta’ rappurtar kienu jikkonċernaw apparat mediku u prodotti farmaċewtiċi, li potenzjalment jenfasizzaw problemi speċifiċi fl-applikazzjoni tad-Direttiva għal prodotti tal-kura tas-saħħa.

    F’każ fejn sodda fl-isptar kienet ħarqet pazjent waqt intervent kirurġiku, il-Qorti kkonfermat li d-Direttiva tapplika biss għall-produtturi, mhux għal fornituri tas-servizzi li jistgħu jużaw prodotti li jinstabu li huma difettużi 16 . Madankollu, id-Direttiva ma żżommx lill-Istati Membri milli jistabbilixxu responsabbiltà stretta għall-fornituri tas-servizz sakemm ma jillimitaw bl-ebda mod ir-responsabbiltà stretta tal-produtturi għall-prodotti tagħhom kif previst fid-Direttiva.

    L-aktar pass diffiċli biex wieħed jirċievi kumpens għad-danni huwa l-oneru tal-prova fuq il-persuna li tkun ġarrbet dannu biex turi rabta kawżali bejn id-difett tal-prodott u l-ħsara. Il-Qorti għamlet dan konsiderevolment aktar faċli billi aċċettat regoli nazzjonali li jgħinu lill-persuna li tkun ġarrbet dannu tistabbilixxi din il-prova, sakemm dan ma jfixkilx it-tqegħid mid-Direttiva tal-oneru tal-prova fuq il-persuna li tkun ġarrbet dannu. Pereżempju, il-Qorti indikat li r-regoli nazzjonali li jagħtu lill-konsumaturi d-dritt li jitolbu lill-manifattur ta’ prodott biex jipprovdilhom informazzjoni dwar l-effetti ħżiena ta’ dak il-prodott jistgħu jiġu aċċettati minħabba li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 17 . Regoli bħal dawn jagħmluha eħfef għall-persuna li tkun ġarrbet dannu biex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-produttur. Barra minn hekk, il-Qorti aċċettat regoli evidenzjarji nazzjonali li permezz tagħhom qorti nazzjonali tista’ tikkunsidra li ċerta evidenza fattwali tikkostitwixxi evidenza serja, speċifika u konsistenti ta’ difett ta’ prodott u li tikkostitwixxi r-rabta kawżali mal-ħsara, anki jekk ma jkunx hemm evidenza xjentifika konklużiva ta’ dan 18 . Dan jista’ jagħmilha eħfef għal persuni li sofrew dannu biex jiksbu rimedju, speċjalment fil-każ tal-effetti avversi ta’ prodotti farmaċewtiċi, fejn l-evidenza ta’ spiss tkun inkonklużiva. Il-Qorti indikat ukoll li l-prodotti ta’ grupp wieħed jew tal-istess serje ta’ produzzjoni b’difett potenzjali jistgħu jitqiesu bħala difettużi mingħajr il-ħtieġa li jiġi stabbilit id-difett reali tal-prodott individwali 19 . L-ispiża tal-operazzjoni meħtieġa biex jitneħħew dawn il-prodotti potenzjalment difettużi hija meqjusa wkoll bħala ħsara fis-sens tad-Direttiva 20 .

    Eżempju: Degradazzjoni gradwali tal-pacemakers. Produttur tal-pacemakers għarraf lit-tobba li komponent użat biex jissiġilla b’mod ermetiku l-pacemakers tagħhom jista’ jiddegrada b’mod gradwali. Dak id-difett jista’ jwassal biex il-batterija tinħela aktar malajr, u dan jirriżulta f’telf ta’ telemetrija u/jew telf tal-produzzjoni tar-ritmu kardijaku mingħajr twissija. Il-manifattur irrakkomanda li dawn il-pacemakers jiġu sostitwiti jekk meħtieġ u qal li kien se jipprovdi pacemakers ġodda mingħajr ħlas. Żewġ pazjenti rċevew pacemakers ġodda bla ħlas. Il-pacemakers difettużi inqerdu mingħajr eżami ulterjuri. Il-kumpanija tal-assigurazzjoni talbet ukoll kumpens mingħand il-produttur, skont id-Direttiva, għall-ispiża tal-operazzjoni biex jiġu sostitwiti l-pacemakers ukoll.

    5.Evalwazzjoni tad-Direttiva

    L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq studju estern li s-sejbiet tiegħu huma analizzati fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha 21 . L-evalwazzjoni analizzat: (i) jekk id-Direttiva kinitx għadha tilħaq l-għanijiet oriġinali tagħha li tiżgura r-responsabbiltà tal-produttur, il-funzjonament tas-suq uniku u l-protezzjoni u l-kumpens tal-persuni li jkunu ġarrbu dannu; u (ii) jekk kinitx għadha effettività, effiċjenti, koerenti, rilevanti u ta’ valur miżjud għall-UE.

    5.1.L-effettività

    Hemm għarfien mifrux fost il-partijiet ikkonċernati li l-produtturi huma responsabbli għad-difetti fil-prodotti tagħhom. B’mod ġenerali, l-industrija hija sodisfatta bid-Direttiva bħala mezz biex tiżgura r-responsabbiltà għal prodotti difettużi. Min-naħa l-oħra, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jikkritikaw il-fatt li huwa diffiċli għall-persuni li jkunu ġarrbu dannu li juru r-rabta bejn il-ħsara u d-difett, b’mod partikolari minħabba li jkollhom iħallsu minn qabel kwalunkwe spiża relatata biex iġibu din il-prova u minħabba li ma jkollhomx daqstant għarfien tekniku dwar il-prodott. L-evalwazzjoni identifikat dan bħala l-iktar pass diffiċli għall-konsumaturi biex jiksbu kumpens. Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax ikun injorat. Il-limitu ta’ EUR 500 u l-limiti ta’ żmien għat-talbiet (speċjalment għal ċerti prodotti bħall-farmaċewtiċi) jillimitaw ukoll in-numru ta’ każijiet li għalihom il-konsumaturi jistgħu jitolbu kumpens.

    B’mod ġenerali, id-Direttiva tista’ titqies li tikkontribwixxi għal bilanċ raġonevoli bejn il-protezzjoni ta’ dawk li jsofru xi dannu u l-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku. Madankollu, xi wħud mill-kunċetti tad-Direttiva jeħtieġu gwida u/jew kjarifika minħabba li jfixklu l-effettività tad-Direttiva. B’mod partikolari, id-Direttiva tista’ tkun aktar effettiva jekk ikun hemm fehim komuni aħjar ta’ xi jfissru “prodott”, “ħsara” u “difett” kif ukoll kjarifiki dwar l-oneru tal-prova.

    F’dak li għandu x’jaqsam ma’ teknoloġiji ġodda, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar kawżi speċifiċi tal-Qorti, ilmenti tal-konsumaturi jew esperjenza prattika rilevanti minn partijiet ikkonċernati għamilha impossibbli li tintlaħaq konklużjoni definittiva 22 . Minħabba l-karatteristiċi ta’ dawn it-teknoloġiji (b’mod partikolari, l-kumplessità u l-awtonomija tagħhom), huwa ċar li l-Kummissjoni se jkollha tindirizza kwalunkwe mistoqsija mhux imwieġba. Xi wħud minn dawn il-karatteristiċi jistgħu joħolqu dubju dwar jekk il-qafas eżistenti dwar ir-responsabbiltà għall-prodott huwiex xieraq biex jiżgura rimedju effettiv għall-konsumaturi u l-istabbiltà tal-investiment għan-negozji. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva attwali tista’ tindirizza aspetti oħra b’mod adegwat. Il-Kummissjoni se tanalizza mill-qrib kwalunkwe sfida potenzjali fis-segwitu ta’ dan ir-rapport.

    5.2.Effiċjenza

    L-għan tad-Direttiva huwa l-kisba ta’ bilanċ bejn l-interessi tal-persuni li jkunu ġarrbu dannu u tal-produtturi. L-ispejjeż tagħha huma kompromess dirett: dak li hu għall-benefiċċju tal-persuni li jkunu ġarrbu dannu huwa l-ispiża tal-produtturi u viċi versa. L-ispiża prinċipali għall-produtturi hija r-responsabbiltà stretta. Fil-każ tal-konsumaturi, l-ispejjeż huma relatati mal-oneru tal-prova, il-limitu ta’ EUR 500 u l-limitazzjonijiet tal-ħin. Il-kunċetti huma sempliċi, iżda mhux dejjem ikun faċli tapplikahom.

    B’mod ġenerali, id-Direttiva titqies effiċjenti biex jitwassal qafas legali stabbli għas-suq uniku u għall-armonizzazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur. Madankollu, il-bilanċ bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji relatati mad-Direttiva mhuwiex uniformi bejn l-Istati Membri u bejn is-setturi jew it-tipi ta’ prodott għall-persuni li jkunu ġarrbu dannu. Il-kumplessità ta’ prodott tiddetermina l-ispiża biex jiġi ppruvat difett. Fil-każ tal-prodotti farmaċewtiċi, pereżempju, l-ispejjeż jistgħu ma jitqassmux b’mod ġust bejn il-produtturi u l-persuni li jkunu ġarrbu dannu. Hemm ukoll fatturi oħra li għandhom rwol sinifikanti fid-determinazzjoni tal-effiċjenza tad-Direttiva. Fattur wieħed partikolari, li jirrappreżenta l-piż amministrattiv l-iktar importanti, huwa l-ispiża u t-tul tal-proċedimenti ġudizzjarji. Dawn ivarjaw b’mod sostanzjali minn Stat Membru għal ieħor u għandhom effett iktar dirett fuq il-persuni li jkunu ġarrbu dannu milli fuq il-produtturi. Madankollu, minħabba li dawn mhumiex dovuti għal piżijiet li timponi d-Direttiva stess, l-ebda potenzjal speċifiku ta’ simplifikazzjoni ma ġie identifikat f’dan ir-rigward.

    5.3.Il-koerenza

    Id-Direttiva ma teżistix f’vakwu legali u ma tistax titqies waħedha. Hija parti integrali minn qafas legali tal-UE li jeżisti biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq uniku, jiġu promossi l-innovazzjoni u t-tkabbir permezz ta’ regoli ta’ sikurezza newtrali fir-rigward tat-teknoloġija u biex jiġu mħarsa s-sikurezza u l-benesseri tal-konsumatur.

    L-evalwazzjoni sabet li d-Direttiva hija konsistenti mar-regoli ġenerali rilevanti tal-UE. Din kopriet ir-regoli eżistenti u proposti tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fil-qasam tar-responsabbiltà kuntrattwali kif ukoll dawk dwar is-soluzzjoni tat-tilwim 23 . Aktar importanti minn hekk, id-Direttiva hija konsistenti mar-regoli dwar is-sikurezza tal-prodotti tal-UE kif stabbiliti fir-regoli armonizzati dwar is-sikurezza tal-prodotti tal-UE 24 u d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti 25 . Ir-regoli tas-sikurezza tal-prodotti tal-UE jiddeskrivu l-livelli ta’ sikurezza li jridu jintlaħqu mill-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE. Min-naħa tagħhom, jirrappreżentaw il-livelli ta’ sikurezza għal dawn il-prodotti li l-persuna li tkun ġarrbet dannu hija intitolata li tistenna skont id-Direttiva. Il-produtturi huma wkoll eżenti mir-responsabbiltà jekk ikunu jistgħu jippruvaw li difett huwa riżultat tal-konformità ma’ dawn ir-regoli. Minħabba li l-bidliet teknoloġiċi se jġibu bidliet korrispondenti fil-leġiżlazzjoni tal-UE, jeħtieġ li tinżamm din il-konsistenza fir-regoli ġenerali 26 .

    5.4.Ir-rilevanza

    Id-Direttiva rnexxielha tiflaħ għal tliet deċennji ta’ innovazzjoni teknika. Il-ħtiġijiet oriġinali li jiġu żgurati r-responsabbiltà tal-produtturi, il-protezzjoni tal-konsumatur u kompetizzjoni ġusta jibqgħu rilevanti. Madankollu, fir-rigward ta’ żviluppi teknoloġiċi ġodda, il-partijiet ikkonċernati esprimew tħassib dwar kemm se jibqgħu rilevanti l-kunċetti tad-Direttiva kif inhuma espressi bħalissa. Hemm mistoqsijiet pendenti dwar dak li jifred prodott minn servizz (eż għall-Internet tal-Oġġetti, fejn il-prodotti u s-servizzi jinteraġixxu), l-ambitu tad-dannu kopert (bħalissa limitat għal ħsara materjali) u l-kunċett ta’ dak li jikkostitwixxi difett.

    Se jkun meħtieġ ukoll xogħol analitiku speċifiku fuq, eż. il-prodotti farmaċewtiċi minħabba l-kumplessità tagħhom u l-prodotti rinnovati minħabba n-natura mibdula tagħhom, li tista’ tqajjem problemi li jiddistingwuhom minn kategoriji oħra ta’ prodotti.

    It-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet se teħtieġ riċerka addizzjonali u tweġiba ċara biex tingħata ċertezza legali kemm lill-produtturi kif ukoll lill-konsumaturi.

    5.5.Valur miżjud tal-UE

    Id-Direttiva hija parti integrali mir-regoli tas-suq uniku tal-UE. Il-benefiċċji tagħha mhumiex ikkontestati. Id-Direttiva tipprovdi protezzjoni uniformi tal-konsumatur billi sservi bħala xibka ta’ sikurezza li tikkomplementa l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-prodotti. Id-Direttiva toħloq ukoll bilanċ sensittiv bejn l-innovazzjoni u l-protezzjoni li jista’ jintlaħaq biss fil-livell tal-UE biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq uniku u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    It-tħassir tad-Direttiva jwassal għal frammentazzjoni u livelli differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, peress li l-qrati nazzjonali jkollhom japplikaw biss ir-regoli , il-liġi kuntrattwali jew tal-obbligi nazzjonali. Ta’ min jinnota, madankollu, li d-Direttiva teżisti flimkien ma’ strumenti nazzjonali u li għalhekk għad hemm lok għal approċċi nazzjonali differenti.

    6.Konklużjoni: Ir-raba’ rivoluzzjoni industrijali - approċċ prattiku għar-responsabbiltà

    Il-problemi li niffaċċjaw illum ivarjaw sa ċertu punt minn dawk li kellna fid-dinja fil-biċċa l-kbira tagħha analoga tal-1985. Aħna għaddejjin minn rivoluzzjoni teknoloġika oħra. L-ekonomija u l-prodotti nfushom qed isiru dejjem aktar interkonnessi, diġitali, awtonomi u intelliġenti. Neħtieġu rispons koerenti u globali għal dawn l-isfidi, kif spjegat fl-Inizjattiva dwar l-Intelliġenza Artifiċjali 27 .

    Id-Direttiva sa issa kopriet firxa wiesgħa ta’ prodotti u żviluppi teknoloġiċi. Fil-prinċipju, hija għodda utli biex jiġu mħarsa l-persuni li jkunu ġarrbu dannu u tiġi żgurata l-kompetizzjoni fis-suq uniku, billi tarmonizza r-regoli għall-persuni li jkunu ġarrbu dannu u n-negozji fl-aspetti li tkopri. Huwa qasam fejn ir-regoli fil-livell tal-UE jipprovdu valur miżjud ċar. Ma hemmx dubju li jenħtieġu regoli dwar ir-responsabbiltà għall-prodott fil-livell tal-UE.

    Dan ma jfissirx li d-Direttiva hija perfetta.

    L-effettività tagħha hija mxekkla minn kunċetti (bħal “prodott”, “produttur”, “difett”, “dannu”, jew l-oneru tal-prova) li jistgħu jkunu aktar effettivi fil-prattika. Kif uriet ukoll l-evalwazzjoni, hemm każijiet fejn l-ispejjeż mhumiex imqassma b’mod ugwali bejn il-konsumaturi u l-produtturi. Dan iseħħ l-aktar meta l-oneru tal-prova jkun kumpless, kif jista’ jkun il-każ b’xi teknoloġiji diġitali emerġenti jew prodotti farmaċewtiċi.

    Biex id-Direttiva tibqa’ rilevanti għall-futur, kwistjonijiet bħal dawn għandhom ikunu ċċarati. Id-Direttiva tkopri firxa wiesgħa ta’ prodotti u xenarji possibbli. Gwida tista’ tgħin biex dawn il-kunċetti jsiru aktar effettivi u tenfasizza r-rilevanza kontinwa tagħhom.

    L-għan tagħna huwa li nkomplu niżguraw bilanċ ġust bejn l-interessi tal-konsumaturi u dawk tal-produtturi għall-prodotti kollha:

    Xi wħud mill-kunċetti li kienu ċari fl-1985, bħal “prodott” u “produttur” jew “difett” u “ħsara” huma inqas ċari llum. L-industrija qed tiġi integrata dejjem aktar fil-ktajjen ta’ valur globali u b’bosta atturi mxerrda b’komponenti ta’ servizz b’saħħithom 28 . Il-prodotti jistgħu jinbidlu, jiġu adattati u jiġu rinnovati aktar u aktar, lil hinn mill-kontroll tal-produttur. Se jkollhom ukoll livelli ta’ awtonomija dejjem akbar. Il-mudelli ta’ negozju emerġenti qed iħarbtu s-swieq tradizzjonali. L-impatt ta’ dawn l-iżviluppi fuq ir-responsabbiltà għall-prodott jeħtieġ riflessjoni ulterjuri. Fl-aħħar mill-aħħar, produttur huwa u jeħtieġ li jkun responsabbli għall-prodott li jqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni, filwaqt li l-persuni li jkunu ġarrbu dannu għandhom ikunu kapaċi juru li d-danni ġew ikkawżati minn difett. Kemm il-produtturi kif ukoll il-konsumaturi għandhom ikunu jafu x’għandhom jistennew mill-prodotti f’termini ta’ sikurezza permezz ta’ qafas ta’ sikurezza ċar.

    Min-naħa l-oħra, il-problemi dwar l-attribuzzjoni tal-ħsara għann-negozji u għall-ktajjen tal-provvista u l-fatt li ma jiġux indirizzati dawn il-kwistjonijiet, se jfixklu l-iżvilupp ta’ suq uniku b’saħħtu fil-prodotti u s-servizzi tas-ċibersigurtà, kif enfasizzat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Reżistenza, Deterrenza u Difiża: Il-Bini ta’ ċibersigurtà b’saħħitha għall-UE” 29 . Għal darb’oħra, il-konsumaturi u n-negozji għandhom ikunu konxji tal-livelli ta’ sigurtà li jistgħu jistennew, u jeħtieġu li jkunu jafu lejn min għandhom jirrikorru jekk nuqqas fiċ-ċibersigurtà jwassal għal ħsara materjali.

    Kwistjonijiet transfruntiera reċenti fuq skala kbira li affettwaw lil ħafna konsumaturi fl-UE, bħall-iskandlu ta’ “Dieselgate”, kellhom impatt negattiv fuq il-fiduċja tal-konsumatur fis-suq uniku. Fil-”Patt Ġdid Għall-Konsumaturi” tagħha, il-Kummissjoni tipproponi — fost miżuri oħra — li timmodernizza s-sistemi ta’ rimedju u tagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex jiksbu d-drittijiet tagħhom 30 . Biex niżguraw li s-suq uniku jlaħħaq mal-potenzjal sħiħ tiegħu, jeħtieġ li nassiguraw lill-konsumaturi li d-drittijiet tagħhom se jiġu rrispettati

    Aspetti oħra usa’ jeħtieġu attenzjoni simili. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-kuntest ta’ ekonomija aktar sostenibbli li fiha l-prodotti jiġu rinnovati, imsewwija u użati mill-ġdid. Min se jkun il-manifattur ta’ dawn il-prodotti, eż. fil-każ ta’ tiswija, użu mill-ġdid u rinnovazzjoni? Ukoll, il-fatt li d-deċiżjonijiet preliminari kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja kienu jikkonċernaw l-apparat farmaċewtiku u mediku huwa indikattiv ta’ karatteristiċi speċifiċi f’dan is-settur?

    Il-Kummissjoni nediet grupp ta’ esperti dwar ir-responsabbiltà biex tesplora fid-dettall l-effett ta’ dawn l-iżviluppi. Il-grupp għandu żewġ konfigurazzjonijiet. Wieħed huwa magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri, l-industrija, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, is-soċjetà ċivili u l-akkademja: dan il-grupp se jgħin lill-Kummissjoni fl-interpretazzjoni, l-applikazzjoni u possibbilment l-aġġornament tad-Direttiva, inkluż fid-dawl tal-iżviluppi fil-ġurisprudenza tal-UE u nazzjonali, l-implikazzjonijiet ta’ teknoloġiji ġodda u emerġenti u kwalunkwe żvilupp ieħor fil-qasam tar-responsabbiltà għall-prodott. Il-konfigurazzjoni l-oħra tal-grupp ta’ esperti, magħmul biss minn esperti akkademiċi indipendenti u prattikanti, se tivvaluta jekk l-iskema ġenerali ta’ responsabbiltà hijiex adegwata biex tiffaċilita l-użu ta’ teknoloġiji ġodda bit-trawwim ta’ stabbiltà tal-investiment u tal-fiduċja tal-konsumatur 31 .

    Bħall-Kummissjoni, aħna għandna l-għan li nistabbilixxu qafas pożittiv u affidabbli għar-responsabbiltà għall-prodott li jrawwem l-innovazzjoni, l-impjiegi u t-tkabbir filwaqt li jipproteġi lill-konsumaturi u s-sigurtà tal-pubbliku ġenerali. F’nofs l-2019, se noħorġu gwida dwar id-Direttiva kif ukoll rapport dwar l-implikazzjonijiet usa’ għall-oqfsa ta’ responsabbiltà u sigurtà tal-IA, l-Internet tal-Oġġetti u r-robotika u l-lakuni potenzjali fihom u l-orjentazzjonijiet għalihom. Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni se taġġorna ċerti aspetti tad-Direttiva, bħall-kunċetti ta’ “difett”, “ħsara”, “prodott” u “produttur”. Madankollu, il-prinċipju ġenerali ta’ responsabbiltà stretta se jibqa’ intatt.

    Qafas ta’ sikurezza koerenti u teknoloġikament newtrali għandu jipprevjeni inċidenti sa fejn ikun possibbli. Madankollu, meta jinqalgħu inċidenti, il-qafas tar-responsabbiltà tagħna għandu jiżgura li dawk li jsofru d-danni jiġu kkumpensati.

    (1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/ELI/?eliuri=eli:dir:1985:374:oj
    (2)      Illum dan “it-tip ta’ leġiżlazzjoni” ikopri l-maġġoranza l-kbira tal-prodotti disponibbli fis-swieq tal-UE. Ġiet aġġornata kontinwament biex iżżomm kont tal-iżviluppi teknoloġiċi.
    (3)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Il-Massimizzazzjoni tal-Benefiċċji tal-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa”, (COM(2018)237).
    (4)      Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, (SWD(2018)157).
    (5)      Minbarra l-leġiżlazzjoni li teżisti diġà dwar il-prodotti.
    (6)      Il-kunċett ta’ “produttur” jinkludi l-manifattur ta’ prodott lest, il-produttur ta’ kull materja prima jew il-manifattur ta’ parti komponenti u kull persuna li, billi tqiegħed isimha, l-marka tan-negozju tagħha jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott tippreżenta lilha stess bħala l-produttur tiegħu (l-Artikolu 3 tad-Direttiva).
    (7)      Skont il-leġiżlazzjoni tas-sikurezza tal-UE, il-manifattur huwa dejjem responsabbli biex jiżgura li prodott jissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, anke jekk ikun hemm valutazzjoni obbligatorja tal-konformità minn parti terza.
    (8)      Dan iqis iċ-ċirkustanzi kollha, inkluża l-preżentazzjoni tal-prodott, l-użu raġonevolment mistenni mill-prodott, u ż-żmien meta l-prodott ikun tqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni. L-Artikolu 6 tad-Direttiva jiddikjara li prodott m’għandux jiġi kkunsidrat difettuż għall-unika raġuni li wara prodott aħjar kien tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni.
    (9)      COM(95) 617 final, COM(2000) 893 final, COM(2006) 496 final, COM(2011) 547 final. Ir-rapporti preċedenti nnutaw żieda fil-każijiet relatati mad-Direttiva. Innutaw ukoll il-kunsens ġenerali li għandu jkun hemm qafas ta’ responsabbiltà għall-prodott fil-livell tal-UE. Madankollu, jista’ jitqies li ċerti dibattiti dwar uħud mill-kunċetti użati fid-Direttiva eż. fuq l-oneru tal-prova ilhom għaddejjin. Minbarra li estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva bid-Direttiva 1999/34/KE, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li kien meħtieġ li temendaha.
    (10)      Il-Finlandja u l-Lussemburgu.
    (11)      Il-Kodiċi Ċivili Ungeriż jiddikjara li l-produttur ta’ kwalunkwe prodott farmaċewtiku huwa responsabbli anke jekk l-istat ta’ għarfien xjentifiku u tekniku fiż-żmien meta l-prodott tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni ma kienx tali li jippermetti li tinstab l-eżistenza tad-difett. Fuq l-istess linja, id-Digriet Irjali Leġiżlattiv Spanjol 1/2007 tas-16 ta’ Novembru 2007 jiddikjara li l-produtturi ta’ prodotti mediċinali, ikel jew oġġetti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem ma jistgħux jinvokaw l-eżenzjoni pprovduta skont l-Artikolu 7(e) tad-Direttiva.
    (12)      Franza.
    (13)      Dawn il-persentaġġi huma bbażati fuq it-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika miftuħa u huma l-medji ta’ 28 Stat Membru.
    (14)      Technopolis, Evaluation Study of Council Directive 85/374/EEC on the approximation of laws, regulations and administrative burdens of the Member States concerning liability for defective products.
    (15)      Dan huwa bbażat fuq l-analiżi ta’ 547 każ skont in-Nomenklatura Magħquda.
    (16)      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Kawża C-495/10.
    (17)      Is-Sentenza tal-20 ta’ Novembru 2014, Kawża C-310/13.
    (18)      Is-Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2017, Kawża C-621/15.
    (19)      Is-Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Kawżi Magħquda C-503/13 u C-504/13.
    (20)      Ibid.
    (21)      Ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament SWD(2018)157 dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva.
    (22)      L-istudju estern li fuqu kienet ibbażata l-evalwazzjoni seta’ jidentifika biss każ wieħed tal-qorti fejn il-kwistjoni kkonċernata kienet speċifikament relatata ma’ teknoloġiji diġitali emerġenti. Il-każ kien relatat ma’ unità tal-ħażna tad-dejta fil-Bulgarija. (Il-kawża Bulgara Nru 20942/2012).
    (23)      Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom; Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali, COM/2015/0634 final; Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ online u mill-bogħod ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, COM/2017/0637 final.
    (24)      Eż. id-Direttiva 2006/42/KE dwar il-makkinarju, id-Direttiva 2009/48/KE dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE, id-Direttiva 2013/53/UE dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE, id-Direttiva 2014/29/UE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-twettiq tad-disponibbiltà fis-suq ta’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni, id-Direttiva 2014/33/UE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal liftijiet u komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet, id-Direttiva 2014/35/UE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ, id-Direttiva 2014/53/UE dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE, ir-Regolament (UE) 2017/745 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE, ir-Regolament (UE) 2017/746 dwar apparati mediċi dijanjostiċi in vitro u li jħassar id-Direttiva 98/79/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/227/UE.
    (25)      Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti Ir-regoli tal-UE fil-qasam tat-trasport jallokaw lill-manifatturi jew lill-operaturi r-responsabbiltà li jżommu l-istat sikur tal-vetturi, tal-ajruplani jew tal-bastimenti.
    (26)      L-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Makkinarju diġà sabet li t-teknoloġiji diġitali emerġenti mhumiex speċifikament indirizzati fir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sigurtà tad-Direttiva. Għandha tingħata attenzjoni wkoll f’każ li l-klawsola dwar ir-riskju għall-iżvilupp u l-possibbiltà ta’ deroga minnha twassal għal frammentazzjoni regolatorja li tista’ tkun problematika għall-adozzjoni tal-IA.
    (27)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Il-Massimizzazzjoni tal-Benefiċċji tal-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa”, (COM(2018)237).
    (28)      Aspett ieħor li għandu jitqies huwa l-bejgħ dirett online minn pajjiżi terzi.
    (29)      COM(2017)450.
    (30)      COM(2018)183, COM(2018)184, COM(2018)185.
    (31)      Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar ir-Responsabbiltà għal teknoloġiji diġitali emerġenti (SWD(2018)137) diġà jenfasizza xi wħud mill-kwistjonijiet li għandhom jiġu diskussi minn din il-konfigurazzjoni.
    Top