IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.4.2018
COM(2018) 236 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew
1.Introduzzjoni
L-espożizzjoni taċ-ċittadini għal diżinformazzjoni fuq skala kbira, inkluża informazzjoni qarrieqa jew saħansitra falza, hija sfida ewlenija għall-Ewropa.
Is-soċjetajiet demokratiċi miftuħa tagħna jiddependu fuq id-dibattiti pubbliċi li jippermettu liċ-ċittadini infurmati sew jesprimu l-volontà tagħhom permezz ta’ proċessi politiċi liberi u ġusti. Tradizzjonalment, il-mezzi tal-midja kellhom rwol ewlieni fl-akkontabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi u fil-provvista tal-informazzjoni li tippermetti liċ-ċittadini jiffurmaw l-opinjonijiet tagħhom dwar il-kwistjonijiet soċjetali u jipparteċipaw attivament u effettivament fis-soċjetà demokratika. Fl-Ewropa, il-midja tradizzjonali hija soġġetta għal firxa wiesgħa ta’ regoli dwar l-imparzjalità, il-pluraliżmu, id-diversità kulturali, il-kontenut ta’ ħsara, ir-reklamar u l-kontenut sponsorjat. Id-demokrazija fl-Unjoni Ewropea tiddependi fuq l-eżistenza ta’ midja libera u indipendenti.
Illum, l-Internet mhux biss żied il-volum u l-varjetà tal-aħbarijiet disponibbli għaċ-ċittadini b’mod drastiku, iżda biddel radikalment ukoll il-modi li bihom iċ-ċittadini jaċċessaw l-aħbarijiet u jinvolvu ruħhom fihom. L-utenti żgħażagħ, b’mod partikolari, issa jużaw il-midja online bħala s-sors ewlieni ta’ informazzjoni tagħhom. Id-disponibbiltà faċli ta’ informazzjoni ta’ kwalità diversa għandha l-potenzjal li tagħmel il-proċessi demokratiċi aktar parteċipattivi u inklużivi.
Madankollu, it-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jintużaw, b’mod partikolari permezz tal-midja soċjali, biex ixerrdu d-diżinformazzjoni fuq skala u b’veloċità u bi preċiżjoni ta’ mmirar mingħajr preċedent, u b’hekk joħolqu sferi ta’ informazzjoni personalizzata u jservu ta’ strumenti ta’ tkattir ta’ tagħrif falz fil-kampanji ta’ diżinformazzjoni.
Id-diżinformazzjoni tnaqqas il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u fil-midja diġitali u tradizzjonali u tagħmel ħsara lid-demokraziji tagħna billi xxekkel il-kapaċità taċ-ċittadini li jieħdu deċiżjonijiet infurmati. Id-diżinformazzjoni ta’ spiss tappoġġa wkoll l-ideat u l-attivitajiet radikali u estremisti. Tippreġudika l-libertà ta’ espressjoni, li hija dritt fundamentali minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Il-Karta).
Il-libertà ta’ espressjoni tinkludi r-rispett għal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, kif ukoll id-dritt taċ-ċittadini li jkollhom opinjonijiet u li jirċievu u jagħtu informazzjoni u ideat “mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri”.
L-obbligu ewlieni tal-atturi statali b’rabta mal-libertà ta’ espressjoni u mal-libertà tal-midja huwa li jżommu lura mill-interferenza u ċ-ċensura u li jiżguraw ambjent favorevoli għal dibattitu pubbliku inklużiv u pluralista. Il-kontenut legali, anki dak li huwa allegatament kontenut ta’ ħsara, ġeneralment huwa protett mil-libertà ta’ espressjoni u jeħtieġ li jiġi indirizzat b’mod differenti mill-kontenut illegali, fejn it-tneħħija tal-kontenut innifsu tista’ tkun iġġustifikata. Kif ikkonkludiet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dan huwa partikolarment importanti b’rabta mal-elezzjonijiet.
Il-kampanji ta’ diżinformazzjoni tal-massa online qed jintużaw ħafna minn firxa ta’ atturi domestiċi u barranin biex inaqqsu l-fiduċja u joħolqu tensjonijiet soċjali, b’konsegwenzi potenzjali serji għas-sigurtà tagħna. Barra minn hekk, il-kampanji ta’ diżinformazzjoni minn pajjiżi terzi jistgħu jkunu parti minn theddid ibridu għas-sigurtà interna, inklużi l-proċessi elettorali, b’mod partikolari flimkien mal-attakki ċibernetiċi. Pereżempju, id-duttrina militari Russa tirrikonoxxi b’mod espliċitu l-gwerra tal-informazzjoni bħala waħda mill-oqsma tagħha.
It-tixrid tad-diżinformazzjoni taffettwa wkoll il-proċessi tat-tfassil tal-politika billi tinfluwenza ħażin l-opinjoni pubblika. L-atturi domestiċi u barranin jistgħu jużaw id-diżinformazzjoni biex jimmanipulaw id-dibattiti u l-imġiba politiċi u soċjetali f’oqsma bħat-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, is-sigurtà pubblika, is-saħħa u l-finanzi. Id-diżinformazzjoni tista’ wkoll tnaqqas il-fiduċja fix-xjenza u fl-evidenza empirika.
Fl-2014, il-Forum Ekonomiku Dinji identifika t-tixrid rapidu tal-informazzjoni ħażina online bħala waħda mill-għaxar xejriet l-aktar diffużi fis-soċjetajiet moderni
.
Fl-2016, l-aggregaturi tal-aħbarijiet tal-midja soċjali u l-magni tat-tiftix meqjusa flimkien, kienu l-modi ewlenin ta’ kif 57 % tal-utenti qraw l-aħbarijiet online fl-UE.
Fir-rigward taż-żgħażagħ, terz minn dawk ta’ bejn it-18 u l-24 sena jistqarru li l-midja soċjali huma s-sors ewlieni tagħhom ta’ aħbarijiet.
80 % tal-Ewropej iltaqgħu ma’ informazzjoni li jemmnu li kienet falza jew qarrieqa bosta drabi fix-xahar jew aktar. 85 % tar-rispondenti jqisu li dan il-fatt huwa problema f’pajjiżhom.
Il-pjattaformi online li jqassmu l-kontenut, b’mod partikolari l-midja soċjali, is-servizzi ta’ kondiviżjoni tal-vidjows u l-magni tat-tiftix, għandhom rwol ewlieni fit-tixrid u l-amplifikazzjoni tad-diżinformazzjoni online. Sa issa, dawn il-pjattaformi ma rnexxilhomx jaġixxu b’mod proporzjonat, u ma rnexxilhom jegħlbu l-isfida ppreżentata mid-diżinformazzjoni u l-użu manipulattiv tal-infrastrutturi tal-pjattaformi. Xi wħud minnhom ħadu inizjattivi limitati biex jirrimedjaw għat-tixrid tad-diżinformazzjoni online, iżda dan għamluh f’għadd żgħir ta’ pajjiżi biss u ħallew barra bosta utenti. Barra minn hekk, hemm dubji serji dwar jekk il-pjattaformi humiex qed jipproteġu lill-utenti tagħhom biżżejjed kontra l-użu mhux awtorizzat tad-dejta personali tagħhom minn partijiet terzi, kif muri mir-rivelazzjonijiet reċenti dwar Facebook / Cambridge Analytica, li bħalissa qegħdin jiġu investigati mill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-dejta, dwar l-estrazzjoni tad-dejta personali minn miljuni ta’ utenti tal-midja soċjali tal-UE u sfruttata f’kuntesti elettorali.
Iż-żieda tad-diżinformazzjoni u l-gravità tat-theddida rriżultaw f’aktar sensibilizzazzjoni u tħassib fis-soċjetà ċivili, kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali. F’Marzu 2015, il-Kunsill Ewropew stieden lir-Rappreżentant Għoli biex jiżviluppa pjan ta’ azzjoni biex jindirizza l-kampanji ta’ diżinformazzjoni li għaddejjin fir-Russja, u din l-istedina rriżultat fl-istabbiliment tat-Task Force East StratCom, li, kif kien ippjanat, ilu effettiv minn Settembru 2015. F’Riżoluzzjoni ta’ Ġunju 2017, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex “tanalizza fil-fond is-sitwazzjoni attwali u l-qafas legali fir-rigward tal-aħbarijiet foloz, u tivverifika l-possibbiltà ta’ intervent leġiżlattiv biex jiġu limitati d-disseminazzjoni u t-tixrid ta’ kontenut falz.” F’Marzu 2018, il-Kunsill Ewropew iddikjara li “in-netwerks soċjali u l-pjattaformi diġitali jeħtieġu li jiggarantixxu prattiki trasparenti u protezzjoni sħiħa tal-privatezza u tad-data personali taċ-ċittadini.” Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Libertà ta’ Espressjoni u dwar il-“Fake News”, id-Diżinformazzjoni u l-Propaganda, adottata fl-2017 mir-Relaturi Speċjali maħtura minn organizzazzjonijiet internazzjonali,tipprovdi trattament iffukat tal-applikazzjoni tal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem għal dan il-fenomenu.
Bosta Stati Membri bħalissa qegħdin jesploraw miżuri possibbli biex tiġi protetta l-integrità tal-proċessi elettorali mid-diżinformazzjoni online u biex tiġi żgurata t-trasparenza tar-reklamar politiku online.
Madankollu, huwa ċar li filwaqt li l-protezzjoni tal-proċess elettorali taqa’ primarjament fil-kompetenza tal-Istati Membri, id-dimensjoni transfruntiera tad-diżinformazzjoni online teħtieġ approċċ Ewropew sabiex tiġi żgurata azzjoni effettiva u kkoordinata u sabiex jiġu protetti l-UE, iċ-ċittadini tagħha, il-politiki tagħha u l-Istituzzjonijiet tagħha.
Din il-Komunikazzjoni ġiet żviluppata filwaqt li tqiesu l-konsultazzjonijiet estensivi maċ-ċittadini u mal-partijiet ikkonċernati. Fi tmiem l-2017, il-Kummissjoni stabbilixxiet Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli sabiex jagħtu l-pariri tagħhom dwar din il-kwistjoni. Il-Grupp ippreżenta r-rapport tiegħu fit-12 ta’ Marzu 2018. Il-Kummissjoni nediet ukoll proċess ta’ konsultazzjoni pubblika mifruxa, li tinkludi kwestjonarji online li rċevew 2 986 tweġiba, djalogi strutturati mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, u stħarriġ tal-opinjoni tal-Ewrobarometru li jkopri t-28 Stat Membru.
Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-isfidi assoċjati mad-diżinformazzjoni online. Tiddeskrivi l-prinċipji u l-objettivi ġenerali ewlenin li jenħtieġ li jiggwidaw l-azzjonijiet biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar id-diżinformazzjoni u biex dan il-fenomenu jiġi indirizzat b’mod effettiv, kif ukoll il-miżuri speċifiċi li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tieħu f’dan ir-rigward.
2.Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kawżi tad-diżinformazzjoni online
2.1.Kamp ta’ applikazzjoni
Id-diżinformazzjoni tfisser informazzjoni li tista’ tiġi kkonfermata bħala falza jew qarrieqa, li tinħoloq u li tiġi ppreżentata u disseminata għall-benefiċċju ekonomiku jew biex tqarraq intenzjonalment lill-pubbliku, u li tista’ tikkawża ħsara pubblika. Il-ħsara pubblika tinkludi t-theddid għall-proċessi demokratiċi politiċi u ta’ tfassil tal-politika kif ukoll għall-beni pubbliċi bħal pereżempju l-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini tal-UE, tal-ambjent jew tas-sigurtà. Id-diżinformazzjoni ma tinkludix biss l-iżbalji fir-rappurtar, is-satira u l-parodija, jew l-aħbarijiet u l-kummentarji identifikati b’mod ċar bħala ta’ natura partiġjana. Din il-Komunikazzjoni hija mingħajr preġudizzju għar-regoli legali applikabbli fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-kwistjonijiet diskussi, inkluża d-diżinformazzjoni li jkun fiha kontenut illegali. Din il-Komunikazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-approċċi u għall-azzjonijiet li għaddejjin fir-rigward tal-kontenut illegali, inkluż fir-rigward il-kontenut terroristiku online u l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal.
83 % tal-Ewropej jemmnu li l-aħbarijiet foloz huma problema għad-demokrazija b’mod ġenerali, jew “definittivament” (45 %) jew “sa ċertu punt” (38 %).
Id-diżinformazzjoni intenzjonali bl-għan li tinfluwenza l-elezzjonijiet u l-politiki dwar l-immigrazzjoni kienu l-ewwel żewġ kategoriji li kienu meqjusa li jikkawżaw ħsara lis-soċjetà, skont ir-rispondenti għal konsultazzjoni pubblika mwettqa mill-Kummissjoni. Wara dawn iż-żewġ kategoriji kien hemm id-diżinformazzjoni fl-oqsma tas-saħħa, tal-ambjent u tal-politiki dwar is-sigurtà.
2.2.Il-kuntest u l-kawżi ewlenin tad-diżinformazzjoni
Il-proliferazzjoni tad-diżinformazzjoni għandha kawżi ekonomiċi, teknoloġiċi, politiċi u ideoloġiċi interrelatati.
L-ewwel nett, it-tixrid tad-diżinformazzjoni huwa sintomu ta’ fenomeni usa’ li jaffettwaw lis-soċjetajiet li qegħdin jinbidlu b’pass mgħaġġel. L-insigurtà ekonomika, l-estremiżmu dejjem jikber u l-bidliet kulturali jiġġeneraw l-ansjetà u jipprovdu art fertili biex il-kampanji tad-diżinformazzjoni jrawmu tensjonijiet soċjali, polarizzazzjoni u nuqqas ta’ fiduċja. L-organizzazzjonijiet u l-aġenziji ta’ influwenza (kemm jekk huma impriżi, stati jew organizzazzjonijiet mhux governattivi b’interess fid-dibattiti politiċi u strateġiċi, inklużi sorsi esterni għall-UE) jistgħu jużaw id-diżinformazzjoni biex jimmanipulaw id-dibattiti politiċi u soċjetali. L-impatt tad-diżinformazzjoni tvarja minn soċjetà għal oħra, skont il-livelli tal-edukazzjoni, il-kultura demokratika, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet, l-inklużività tas-sistemi elettorali, ir-rwol tal-flus fil-proċessi politiċi u l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi.
Fit-tul, l-indirizzar tad-diżinformazzjoni se jkun effettiv biss jekk jiġi akkumpanjat minn volontà politika ċara biex tissaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva b’appoġġ għall-bażi demokratika u l-valuri Ewropej tagħna.
It-tieni nett, it-tixrid tad-diżinformazzjoni jseħħ fil-kuntest ta’ settur tal-midja li qed jinbidel ħafna. Iż-żieda ta’ pjattaformi attivi fis-settur tal-midja affettwat sew lill-ġurnalisti u lill-mezzi tal-midja professjonali tal-aħbarijiet, li b’mod ġenerali għadhom qed jippruvaw jadattaw il-mudelli tan-negozju tagħhom u jsibu modi ġodda biex jimmonetizzaw il-kontenut. Barra minn hekk, xi pjattaformi ħadu funzjonijiet li tradizzjonalment huma assoċjati mal-mezzi tal-midja, u daħlu fin-negozju tal-aħbarijiet bħala aggregaturi u distributuri tal-kontenut mingħajr ma neċessarjament kellhom l-oqfsa u l-kapaċitajiet editorjali ta’ mezzi bħal dawn. L-inċentivi ekonomiċi tagħhom iwassluhom biex jiġbru bażi ta’ utenti kbira billi jisfruttaw l-effetti tan-netwerk u jimmassimizzaw il-ħin li l-utenti jgħaddu fuq is-servizzi tagħhom billi jagħtu preferenza lill-kwantità tal-informazzjoni aktar milli lill-kwalità tagħha, ikun xi jkun l-impatt.
Bejn l-2010 u l-2014, id-dħul totali tal-pubblikaturi tal-aħbarijiet mill-istampar naqas b’EUR 13,45 biljun u d-dħul mill-pubblikazzjoni diġitali żdied b’EUR 3,98 biljun: telf nett tad-dħul ta’ EUR 9,47 biljun (-13 %).
Barra minn hekk, il-pubblikaturi tal-aħbarijiet jirrappurtaw li t-tnaqqis attwali tal-industrija diġà wassal għall-għeluq jew it-tnaqqis tat-timijiet editorjali tagħhom.
It-tielet nett, it-teknoloġiji tan-netwerking soċjali huma mmanipulati biex ixerrdu d-diżinformazzjoni permezz ta’ serje ta’ passi sekwenzjali: (i) il-ħolqien; (ii) l-amplifikazzjoni permezz tal-midja soċjali u midja online oħra; u (iii) id-disseminazzjoni mill-utenti.
(i) Il-ħolqien tad-diżinformazzjoni
Id-diżinformazzjoni hija għodda ta’ influwenza b’saħħitha u mhux għalja – u ta’ spiss tiġġenera qligħ. Sa issa, l-aktar każijiet magħrufa involvew artikli bil-miktub, xi kultant ikkumplementati bi stampi jew b’kontenut awdjoviżiv awtentiku li jintuża barra mill-kuntest tiegħu. Iżda issa hija disponibbli teknoloġija ġdida, mhux għalja u faċli biex tintuża biex jinħolqu stampi u kontenut awdjoviżiv falz (l-hekk imsejħa “deep fakes”), li b’hekk toffri mezzi aktar b’saħħithom biex tiġi mmanipulata l-opinjoni pubblika.
(ii) L-amplifikazzjoni permezz tal-midja soċjali u midja online oħra
Varjetà ta’ fatturi jipprovdu art fertili għat-tixrid tad-diżinformazzjoni online. Il-mekkaniżmi tal-proliferazzjoni tad-diżinformazzjoni huma:
–Ibbażati fuq l-algoritmi: L-algoritmi tal-kriterji li jintużaw għall-prijoritizzazzjoni ta’ kif tidher l-informazzjoni huma kkontrollati mill-mudell tan-negozju tal-pjattaformi u mill-mod kif dan jagħti preferenza lill-kontenut personalizzat u sensazzjonali, li normalment x’aktarx li jattira l-attenzjoni u jiġi kondiviż fost l-utenti. L-algoritmi jżidu l-polarizzazzjoni u jsaħħu l-effetti tad-diżinformazzjoni b’mod indirett billi jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-kontenut personalizzat fost l-utenti li jaħsbuha bl-istess mod.
–Immexxija mir-reklamar: Il-mudell tar-reklamar diġitali tal-lum ta’ spiss jirrikjedi li l-utenti jikklikkjaw fuq ikoni, u dan jippremja l-kontenut sensazzjonali u virali. Dan il-mudell jiddependi fuq in-netwerks tar-reklamar operati minn aġenziji li jiżguraw li r-reklami jitqiegħdu f’ħin reali fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet meħuda bl-algoritmi. Dan jiffaċilita t-tqegħid tar-reklami fuq is-siti web li jippubblikaw kontenut sensazzjonali li jappella għall-emozzjonijiet tal-utenti, inkluża d-diżinformazzjoni.
–Iffaċilitati mit-teknoloġija: It-teknoloġiji online bħal pereżempju s-servizzi awtomatizzati (imsejħa “bots”) jamplifikaw it-tixrid tad-diżinformazzjoni b’mod artifiċjali. Dawn il-mekkaniżmi jistgħu jiġu ffaċilitati permezz ta’ profili simulati (kontijiet foloz) li ma jkollhom l-ebda utent awtentiku, u li ġieli jiġu organizzati fuq skala enormi (imsejħa “troll factories”).
(iii) Id-disseminazzjoni mill-utenti
L-utenti nfushom qed jaqdu wkoll rwol importanti fid-disseminazzjoni tad-diżinformazzjoni, li għandha t-tendenza li tivvjaġġa aktar malajr fuq il-midja soċjali minħabba l-propensità tal-utenti li jikkondividu l-kontenut mingħajr verifika minn qabel. Il-volum u l-veloċità dejjem jiżdiedu tal-kontenut online iżidu r-riskju tal-kondiviżjoni tad-diżinformazzjoni mingħajr distinzjoni.
Għalkemm l-aktar siti web popolari għall-aħbarijiet għandhom ilħuq medju fix-xahar ogħla, l-aħbarijiet foloz jinxterdu b’mod aktar virali. Pereżempju, fi Franza, mezz tal-aħbarijiet foloz iġġenera medja ta’ aktar minn 11-il miljun interazzjoni kull xahar — ħames darbiet aktar mill-marki tal-aħbarijiet aktar stabbiliti.
Ir-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika qiesu li d-diżinformazzjoni tinxtered aktar faċilment permezz tal-midja online minħabba li tappella għall-emozzjonijiet tal-qarrejja (88 %), tista’ tinfluwenza d-dibattitu pubbliku (84 %) u hija mfassla biex tiġġenera dħul (65 %).
3.Approċċ Ewropew għall-indirizzar tad-diżinformazzjoni online
Minħabba l-kumplessità tal-kwistjoni u r-ritmu mgħaġġel tal-iżviluppi fl-ambjent diġitali, il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe reazzjoni politika jenħtieġ li tkun komprensiva, li tivvaluta kontinwament il-fenomenu tad-diżinformazzjoni u taddatta l-objettivi tal-politika fid-dawl tal-evoluzzjoni tagħha.
Ma jenħtieġx li jkun hemm l-istennija li soluzzjoni waħda tista’ tindirizza l-isfidi kollha relatati mad-diżinformazzjoni. Fl-istess ħin, wieħed ma jistax ma jieħux azzjoni.
Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-azzjoni biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni tiġi ggwidata mill-prinċipji u l-objettivi ġenerali li ġejjin:
·L-ewwel nett, it-titjib tat-trasparenza fir-rigward tal-oriġini tal-informazzjoni u l-mod kif tiġi prodotta, sponsorizzata, disseminata u mmirata l-informazzjoni sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jivvalutaw il-kontenut li jaċċessaw online u sabiex jiġu żvelati t-tentattivi possibbli biex tiġi mmanipolata l-opinjoni.
·It-tieni nett, il-promozzjoni tad-diversità tal-informazzjoni, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati bbażati fuq ħsieb kritiku, permezz tal-appoġġ għall-ġurnaliżmu ta’ kwalità għolja, għal-litteriżmu fil-midja u r-riekwilibriju tar-relazzjoni bejn dawk li joħolqu l-informazzjoni u dawk li jiddistribwixxuha.
·It-tielet nett, it-trawwim tal-kredibbiltà tal-informazzjoni billi tiġi pprovduta indikazzjoni tal-affidabbiltà tagħha, b’mod partikolari bl-għajnuna ta’ sinjalaturi fdati, u billi jittejbu t-traċċabbiltà tal-informazzjoni u l-awtentikazzjoni tal-fornituri importanti tal-informazzjoni.
·Ir-raba’ nett, it-tfassil ta’ soluzzjonijiet inklużivi. Is-soluzzjoni effettivi fit-tul jirrikjedu s-sensibilizzazzjoni, aktar litteriżmu fil-midja, l-involviment mifrux tal-partijiet ikkonċernati u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, tal-pjattaformi online, ta’ dawk li jirreklamaw, tas-sinjalaturi fdati, tal-ġurnalisti u tal-gruppi tal-midja.
Abbażi tal-input kollu miġbur, il-Kummissjoni biħsiebha tieħu l-azzjonijiet li ġejjin. Dawn jikkumplementaw ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, li se japplika fl-UE kollha mill-25 ta’ Mejju 2018 u li se jsaħħaħ il-protezzjoni tad-dejta personali tal-utenti tal-pjattaformi online. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta jiċċara l-kunċett tal-kunsens u jinkludi l-kunċett ewlieni tat-trasparenza tal-ipproċessar. Jiċċara u jarmonizza wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi kondiviża ulterjorment (“ipproċessata ulterjorment”) id-dejta personali.
3.1.Ekosistema online aktar trasparenti, affidabbli u responsabbli
Il-mekkaniżmi li jippermettu l-ħolqien, l-amplifikazzjoni u d-disseminazzjoni tad-diżinformazzjoni jiddependu fuq nuqqas ta’ trasparenza u traċċabbiltà fl-ekosistema eżistenti tal-pjattaformi u fuq l-impatt tal-algoritmi u tal-mudelli tar-reklamar online. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu promossi bidliet xierqa fl-imġiba tal-pjattaformi, ekosistema tal-informazzjoni aktar responsabbli, kapaċitajiet ta’ verifika tal-fatti msaħħa u għarfien kollettiv dwar id-diżinformazzjoni, u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda sabiex jittejjeb il-mod kif l-informazzjoni tiġi prodotta u disseminata online.
3.1.1.Il-pjattaformi online iridu jaġixxu malajr u b’mod effettiv biex jipproteġu lill-utenti mid-diżinformazzjoni
Hemm ħafna aspettattivi li l-pjattaformi mhux biss għandhom jikkonformaw mal-obbligi legali skont il-liġi tal-UE u l-liġi nazzjonali, iżda li għandhom ukoll jaġixxu b’responsabbiltà xierqa fid-dawl tar-rwol ċentrali tagħhom sabiex jiżguraw ambjent online sikur, jipproteġu lill-utenti mid-diżinformazzjoni, u biex joffru lill-utenti espożizzjoni għal fehmiet politiċi differenti.
B’mod ġenerali, il-pjattaformi ma pprovdewx biżżejjed trasparenza fir-reklamar politiku u fil-kontenut sponsorizzat. Lanqas ma taw biżżejjed informazzjoni dwar l-użu tat-tekniki ta’ disseminazzjoni strateġiċi, bħal pereżempju persuni mħallsa biex jinfluwenzaw u/jew robots biex jippromwovu l-messaġġi. Dan kien motivatur ewlieni għall-inizjattivi f’xi Stati Membri u pajjiżi terzi li qed jadottaw miżuri dwar it-trasparenza fir-reklamar politiku online.
Il-Kummissjoni tistieden lill-pjattaformi biex isaħħu l-isforzi tagħhom fl-indirizzar tad-diżinformazzjoni online. Tqis li l-awtoregolamentazzjoni tista’ tikkontribwixxi lejn dawn l-isforzi, sakemm tiġi implimentata u mmonitorjata b’mod effettiv.
Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta’ Kodiċi ta’ Prattika ambizzjuż, abbażi tal-Prinċipji Ewlenin proposti mill-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli (HLEG) bl-impenn tal-pjattaformi u tal-industrija tar-reklamar biex jinkisbu l-objettivi li ġejjin:
–It-titjib b’mod sinifikanti tal-iskrutinju tat-tqegħid tar-reklami, b’mod partikolari sabiex jitnaqqas id-dħul għall-promoturi tad-diżinformazzjoni, u biex jiġu ristretti l-għażliet ta’ mmirar għar-reklamar politiku;
–L-iżgurar tat-trasparenza tal-kontenut sponsorizzat, b’mod partikolari r-reklamar politiku u r-reklamar ibbażat fuq kwistjonijiet speċifiċi; dan jenħtieġ li jiġi kkumplementat b’repożitorji fejn tiġi pprovduta informazzjoni komprensiva dwar il-kontenut sponsorizzat, bħal pereżempju l-identità reali tal-isponsor, l-ammonti minfuqa u l-kriterji tal-mira użati. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi simili sabiex l-utenti jifhmu għaliex ġew immirati minn reklam speċifiku;
–It-tisħiħ u l-wiri tal-effettività tal-isforzi biex jingħalqu l-kontijiet foloz;
–Il-faċilitazzjoni tal-valutazzjoni tal-kontenut mill-utenti permezz ta’ indikaturi tal-affidabbiltà tas-sors tal-kontenut, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u approvati minn assoċjazzjonijiet tal-midja tal-aħbarijiet, f’konformità mal-prinċipji u l-proċessi ġurnalistiċi, mat-trasparenza fir-rigward tas-sjieda tal-midja u l-identità vverifikata;
–It-tnaqqis tal-viżibbiltà tad-diżinformazzjoni permezz tat-titjib tal-faċilità tas-sejbien ta’ kontenut affidabbli;
–L-istabbiliment ta’ sistemi u regoli ċari dwar l-immarkar għall-bots, u li jiġi żgurat li l-attivitajiet tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu konfużi ma’ interazzjonijiet umani;
–L-għoti tas-setgħa lill-utenti permezz ta’ għodod li jippermettu esperjenza online personalizzata u interattiva sabiex jiġu ffaċilitati l-iskoperta tal-kontenut u l-aċċess għal sorsi differenti ta’ aħbarijiet li jirrappreżentaw perspettivi differenti; l-għoti ta’ għodod faċilment aċċessibbli lill-utenti biex jirrappurtaw id-diżinformazzjoni;
–Li jiġi żgurat li, fid-disinn tagħhom, is-servizzi online jinkludu salvagwardji kontra d-diżinformazzjoni; dan jenħtieġ li jinkludi, pereżempju, informazzjoni dettaljata dwar l-imġiba tal-algoritmi għall-prijoritizzazzjoni ta’ kif tidher l-informazzjoni kif ukoll l-iżvilupp tal-metodoloġiji tal-ittestjar;
–L-għoti ta’ aċċess għad-dejta tal-pjattaformi (b’mod partikolari permezz ta’ interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet) lill-organizzazzjonijiet u lill-akkademji affidabbli li jivverifikaw il-fatti, filwaqt li jiġu rispettati l-privatezza tal-utenti, is-sigrieti tal-mestier u l-proprjetà intellettwali; dan jippermettihom jifhmu aħjar il-funzjonament tal-algoritmi relatati u janalizzaw u jimmonitorjaw aħjar id-dinamiċi tad-diżinformazzjoni u l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà.
L-azzjonijiet li jittieħdu biex jintlaħqu dawn l-objettivi jenħtieġ li jirrispettaw b’mod strett il-libertà ta’ espressjoni u jinkludu salvagwardji li jipprevjenu l-użu ħażin tagħhom, pereżempju, iċ-ċensura ta’ diskors kritiku, satiriku, diverġenti jew xokkanti. Jenħtieġ ukoll li jirrispettaw b’mod strett l-impenn tal-Kummissjoni għal Internet miftuħ, sikur u affidabbli.
Il-Kummissjoni se tlaqqa’ forum għal bosta partijiet ikkonċernati dwar id-diżinformazzjoni, sabiex tipprovdi qafas għal kooperazzjoni effiċjenti fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-pjattaformi online, l-industrija tar-reklamar u l-persuni ewlenin li jirreklamaw, ir-rappreżentanti tal-midja u tas-soċjetà ċivili, u biex tiżgura impenn għal koordinazzjoni u tisħiħ tal-isforzi għall-indirizzar tad-diżinformazzjoni. Dan il-forum huwa differenti mill-Forum tal-UE dwar l-Internet dwar il-kontenut terroristiku online. L-ewwel riżultat tal-forum għandu jkun Kodiċi ta’ Prattika għad-diżinformazzjoni għall-UE kollha li jrid jiġi ppubblikat sa Lulju 2018, bil-perspettiva li jkollu effetti li jistgħu jitkejlu sa Ottubru 2018. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-implimentazzjoni tiegħu, b’konsultazzjoni mifruxa mal-partijiet ikkonċernati u fuq il-bażi ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni bbażati fuq l-objettivi ta’ hawn fuq. Jekk ir-riżultati ma jkunux sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tipproponi aktar azzjonijiet, inklużi azzjonijiet ta’ natura regolatorja.
B’mod parallel, il-Kummissjoni se tniedi studju biex teżamina l-applikabbiltà tar-regoli tal-UE u xi lakuni possibbli b’rabta mal-identifikazzjoni tal-kontenut sponsorizzat online. F’dan il-kuntest, se tivvaluta wkoll l-effettività ta’ għodod ta’ identifikazzjoni possibbli għall-kontenut sponsorizzat online.
3.1.2.It-tisħiħ tal-verifika tal-fatti, tal-għarfien kollettiv u tal-kapaċità tal-monitoraġġ b’rabta mad-diżinformazzjoni
Il-verifikaturi tal-fatti saru element integrali fil-katina tal-valur tal-midja, billi jivverifikaw u jivvalutaw il-kredibbiltà tal-kontenut abbażi tal-fatti u l-evidenza. Dawn janalizzaw ukoll is-sorsi u l-proċessi tal-ħolqien u tad-disseminazzjoni tal-informazzjoni. Il-kredibbiltà tal-verifikaturi tal-fatti tiddependi fuq l-indipendenza tagħhom u fuq il-konformità tagħhom ma’ regoli stretti dwar l-etika u t-trasparenza.
Netwerk kumpatt ta’ verifikaturi tal-fatti sodi u indipendenti huwa rekwiżit essenzjali għal ekosistema diġitali b’saħħitha. Il-verifikaturi tal-fatti jridu joperaw fuq il-bażi ta’ standards għoljin, bħal pereżempju l-Kodiċi tal-Prinċipji tan-Netwerk Internazzjonali għall-Verifika tal-Fatti.
Barra minn hekk, bosta aspetti tad-diżinformazzjoni għadhom mhux qed jiġu analizzati biżżejjed, filwaqt li l-aċċess għad-dejta tal-pjattaformi online għadu limitat. Rispons effettiv jirrikjedi korp solidu ta’ fatti u evidenza dwar it-tixrid tad-diżinformazzjoni u l-impatt tagħha. Il-ġbir u l-analiżi addizzjonali ta’ dejta mill-verifikaturi tal-fatti u mir-riċerkaturi akkademiċi jenħtieġ li jinkludu l-attivitajiet li ġejjin:
–Il-monitoraġġ kontinwu tal-iskala, tat-tekniki u tal-għodod, u tan-natura preċiża u tal-impatt potenzjali tad-diżinformazzjoni;
–L-identifikazzjoni u l-immappjar tal-mekkaniżmi tad-diżinformazzjoni li jikkontribwixxu għall-amplifikazzjoni diġitali;
–Il-kontribuzzjoni għall-iżvilupp ta’ indikaturi ġusti, oġġettivi u affidabbli għat-trasparenza tas-sorsi; u
–Il-kondiviżjoni tal-għarfien mal-midja tal-aħbarijiet, mal-pjattaformi u mal-awtoritajiet pubbliċi sabiex tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku rigward id-diżinformazzjoni.
Il-provvista ta’ aċċess aħjar għad-dejta tal-pjattaformi online u ta’ spazju sigur għall-analiżi u għall-iskambju tal-informazzjoni huma rekwiżiti essenzjali.
Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni se tappoġġa l-ħolqien ta’ netwerk Ewropew indipendenti ta’ verifikaturi tal-fatti sabiex tistabbilixxi metodi ta’ ħidma komuni, tiskambja l-aħjar prattiki, tikseb l-aktar kopertura mifruxa possibbli fl-UE kollha u tieħu sehem fil-verifika konġunta tal-fatti u f’attivitajiet relatati. In-netwerk se jiġi mistieden jieħu sehem fil-forum għal bosta partijiet ikkonċernati dwar id-diżinformazzjoni. Il-Kummissjoni se tipprovdi għodod online (eż. spazju kondiviż sigur) għan-netwerk sabiex ikunu jistgħu jikkollaboraw.
Bħala t-tieni pass, il-Kummissjoni se tniedi pjattaforma online Ewropea sigura dwar id-diżinformazzjoni sabiex tappoġġa n-netwerk Ewropew indipendenti tal-verifikaturi tal-fatti u r-riċerkaturi akkademiċi rilevanti. Il-pjattaforma għandha toffri għodod għall-ġbir u l-analiżi tad-dejta transfruntiera, kif ukoll aċċess għad-dejta mifutħa fl-UE kollha, bħal pereżempju informazzjoni statistika indipendenti affidabbli. Dan se jippermetti lin-netwerk jaġixxi bħala sinjalaturi fdati. Se jiffaċilita wkoll fehim aħjar tad-diżinformazzjoni online u l-formulazzjoni ta’ strateġiji bbażati fuq l-evidenza biex ikompli jiġi limitat it-tixrid tagħha. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-użu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li tibni fuq l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tal-programm “Internet Aktar Sikur”.
3.1.3.It-trawwim tal-akkontabbiltà online
L-identifikazzjoni tas-sors tad-diżinformazzjoni billi jiġi żgurat li jkun jista’ jiġi ntraċċat waqt id-disseminazzjoni hija essenzjali għall-akkontabbiltà, kif ukoll biex tiżdied il-fiduċja f’fornituri identifikabbli ta’ informazzjoni u biex titħeġġeġ imġiba aktar responsabbli online. Pereżempju, utent jista’ jagħżel li jinteraġixxi ma’ oħrajn li jkunu identifikaw ruħhom fuq il-pjattaformi online.
Għal dan l-għan, ir-Regolament dwar l-identifikazzjoni elettronika jipprovdi ambjent regolatorju prevedibbli għall-użu, ir-rikonoxximent u l-infurzar transfruntiera online tal-identifikazzjoni elettronika, tal-awtentikazzjoni u tas-servizzi fiduċjarji li jistgħu jiġu fdati biex jitrawmu l-iżvilupp u l-użu volontarju ta’ sistemi għall-identifikazzjoni tal-fornituri ta’ informazzjoni fuq il-bażi tal-ogħla standards ta’ sigurtà u privatezza, inkluż l-użu possibbli ta’ psewdonimi verifikati.
Sabiex tiġi faċilitata l-investigazzjoni tal-imġiba malizzjuża online, kif indikat fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar iċ-Ċibersigurtà ppreżentata f’Settembru 2017, il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-użu tal-verżjoni 6 tal-Protokoll tal-Internet (IPv6), li tippermetti l-allokazzjoni ta’ utent wieħed għal kull indirizz tal-Protokoll tal-Internet. Barra minn hekk se tkompli l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-funzjonament, id-disponibbiltà u l-akkuratezza tal-informazzjoni fl-Isem tad-Dominju u s-sistemi IP WHOIS bi qbil mal-isforzi tal-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (ICANN) u f’konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta.
Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lin-Netwerk ta’ Kooperazzjoni tal-eIDAS biex, b’kooperazzjoni mal-pjattaformi, jippromwovi sistemi online volontarji li jippermettu l-identifikazzjoni tal-fornituri tal-informazzjoni fuq il-bażi ta’ identifikazzjoni elettronika u mezzi ta’ awtentikazzjoni affidabbli, inklużi psewdonimi verifikati, kif previst fir-Regolament dwar l-identifikazzjoni elettronika.
Flimkien, dawn se jikkontribwixxu wkoll biex jiġu limitati l-attakki ċibernetiċi, li ta’ spiss huma kkombinati ma’ kampanji ta’ diżinformazzjoni fil-kuntest tat-theddid ibridu.
3.1.4.L-isfruttar tat-teknoloġiji l-ġodda
It-teknoloġiji emerġenti se jkomplu jbiddlu l-mod kif tiġi prodotta u disseminata l-informazzjoni, iżda għandhom ukoll il-potenzjal li fit-tul jaqdu rwol ċentrali fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. Pereżempju:
–L-intelliġenza artifiċjali, soġġetta għal sorveljanza xierqa mill-bniedem, se tkun kruċjali biex tiġi vverifikata, identifikata u mmarkata d-diżinformazzjoni;
–It-teknoloġiji li jippermettu lill-midja joħolqu esperjenzi online interattivi u li jistgħu jiġu personalizzati għandhom il-potenzjal jgħinu liċ-ċittadini jiskopru l-kontenut u jidentifikaw id-diżinformazzjoni;
–It-teknoloġiji innovattivi, bħal pereżempju l-blockchain, jistgħu jgħinu biex tiġi ppreservata l-integrità tal-kontenut, biex tiġi vvalidata l-affidabbiltà tal-informazzjoni u/jew is-sorsi tagħha, biex ikun hemm trasparenza u traċċabbiltà, u biex tiġi promossa l-fiduċja fl-aħbarijiet li jintwerew fuq l-Internet. Dan jista’ jiġi kkombinat mal-użu ta’ identifikazzjoni elettronika affidabbli, awtentikazzjoni u psewdonimi vverifikati; u
–L-algoritmi konjittivi li jimmaniġġaw l-informazzjoni b’rilevanza għall-kuntest, inkluża l-akkuratezza u l-kwalità tas-sorsi tad-dejta, se jtejbu r-rilevanza u l-affidabbiltà tar-riżultati tat-tiftix.
Il-Kummissjoni hija attiva fil-qasam tat-teknoloġiji emerġenti, b’mod partikolari permezz tal-inizjattiva tagħha Internet tal-Ġenerazzjoni li Jmiss.
Il-Kummissjoni se tuża bis-sħiħ il-programm ta’ ħidma Orizzont 2020 sabiex timmobilizza dawn it-teknoloġiji. Il-Kummissjoni se tesplora wkoll il-possibbiltà ta’ appoġġ addizzjonali għall-iskjerament ta’ għodod għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, biex jitqassar il-ħin qabel it-tqegħid fis-suq ta’ attivitajiet ta’ innovazzjoni b’impatt għoli u biex titħeġġeġ is-sħubija bejn ir-riċerkaturi u n-negozji.
3.2.Proċessi elettorali siguri u reżiljenti
Is-sigurtà tal-proċessi elettorali, il-bażi tad-demokrazija tagħna, tirrikjedi attenzjoni partikolari. Id-diżinformazzjoni issa hija parti minn firxa usa’ ta’ għodod li jintużaw biex jiġu mmanipulati l-proċessi elettorali, bħal pereżempju l-hacking jew id-degradazzjoni tas-siti web, jew il-ksib ta’ aċċess għal informazzjoni personali dwar il-politiċi bl-għan li tiġi żvelata. L-operazzjonijiet bl-użu tal-Internet jistgħu jintużaw biex jikkompromettu l-integrità tal-informazzjoni pubblika u biex jiġi evitat li s-sorsi tad-diżinformazzjoni jiġu identifikati. Dan huwa ta’ importanza kritika matul il-kampanji elettorali, għaliex l-aġendi jkunu mimlija u dan jista’ ma jħallix li tinkixef id-diżinformazzjoni u li jkun hemm reazzjoni għaliha fil-ħin.
Fis-snin reċenti, ġew skoperti tattiki ta’ manipulazzjoni u ta’ diżinformazzjoni online matul l-elezzjonijiet f’mill-inqas 18-il pajjiż, u “t-tattiki tad-diżinformazzjoni kkontribwixxew għas-seba’ sena konsekuttiva ta’ tnaqqis ġenerali tal-libertà tal-Internet”.
Bil-ħsieb tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019, il-Kummissjoni ħeġġet lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jidentifikaw l-aħjar prattiki għall-identifikazzjoni, il-mitigazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji għall-proċess elettorali minn attakki ċibernetiċi u mid-diżinformazzjoni. Fil-Grupp ta’ Kooperazzjoni stabbilit skont id-Direttiva dwar is-sigurtà tas-Sistemi tan-Netwerks u tal-Informazzjoni (id-Direttiva NIS), l-Istati Membri bdew jidentifikaw l-inizjattivi Ewropej eżistenti dwar iċ-ċibersigurtà tas-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni li jintużaw għall-proċessi elettorali, bl-għan li jiżviluppaw gwida volontarja.
Il-Kollokju dwar id-Drittijiet Fundamentali li se jsir bejn is-26 u s-27 ta’ Novembru 2018 se jiffoka fuq “id-Demokrazija”. Se jiġu diskussi l-elementi ewlenin għal soċjetajiet inklużivi u demokratiċi b’saħħithom, inklużi l-opportunitajiet u l-isfidi li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni għal dibattitu infurmat u pluralistiku, u se jiġi diskuss ukoll l-impatt negattiv tal-propaganda.
Il-Kummissjoni se tagħti bidu għal djalogu kontinwu sabiex tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġestjoni tar-riskji għall-proċess elettorali demokratiku mill-attakki ċiberċinetiċi u mid-diżinformazzjoni, b’mod partikolari bil-ħsieb ta’ proċessi bħal dawn fl-Istati Membri u b’rabta mal-elezzjonijiet Ewropej tal-2019. Dan se jinkludi:
- segwitu xieraq għall-ewwel skambju mal-Istati Membri fil-konferenza dwar l-aħjar prattiki elettorali li se ssir bejn il-25 u s-26 ta’ April 2018;
- l-appoġġ kollu meħtieġ, flimkien mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni, għall-ħidma li qed iwettaq il-Grupp ta’ Kooperazzjoni NIS rigward iċ-ċibersigurtà tal-elezzjonijiet. Sa tmiem l-2018, il-Grupp għandu joħroġ ġabra ta’ rakkomandazzjonijiet u miżuri prattiċi li jistgħu jiġu implimentati mill-Istati Membri għas-sigurtà tal-proċessi tal-elezzjonijiet.
- konferenza ta’ livell għoli mal-Istati Membri dwar it-theddid għall-elezzjonijiet bl-użu tal-Internet fi tmiem l-2018, taħt l-awspiċji tat-Task Force dwar l-Unjoni tas-Sigurtà.
3.3.It-trawwim tal-edukazzjoni u tal-litteriżmu fil-midja
L-iżvilupp tul il-ħajja tal-kompetenzi kritiċi u diġitali, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, huwa kruċjali għat-tisħiħ tar-reżiljenza tas-soċjetajiet tagħha kontra d-diżinformazzjoni.
Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali, adottat mill-Kummissjoni f’Jannar 2018, jenfasizza r-riskji li toħloq id-diżinformazzjoni għall-edukaturi u għall-istudenti u l-ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali ta’ dawk li qed jitgħallmu, kemm fl-edukazzjoni formali u kemm f’dik mhux formali. Il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini, żviluppat mill-Kummissjoni, jistabbilixxi t-taħlita wiesgħa ta’ ħiliet meħtieġa minn dawk kollha li qed jitgħallmu, mil-litteriżmu tal-informazzjoni u tad-dejta, sal-ħolqien tal-kontenut diġitali, sas-sikurezza u l-benessri online.
Il-maġġoranza tar-rispondenti tal-konsultazzjoni pubblika qiesu li fost il-miżuri li jistgħu jieħdu l-pjattaformi online li jista’ jkollhom impatt qawwi fuq l-evitar tat-tixrid tad-diżinformazzjoni hemm l-edukazzjoni tal-utenti u l-għoti tas-setgħa lill-utenti biex jaċċessaw u jużaw aħjar l-informazzjoni online, kif ukoll sistemi li permezz tagħhom l-utenti jiġu mgħarrfa meta jiġi ġġenerat jew jinxtered kontenut minn bot.
Minħabba d-dimensjoni transfruntiera tad-diżinformazzjoni, l-UE għandha rwol x’taqdi fl-appoġġ tad-disseminazzjoni tal-prattika tajba fl-Istati Membri kollha biex tiżdied ir-reżiljenza taċ-ċittadini, u l-Kummissjoni tista’ ssaħħaħ aktar l-azzjonijiet tagħha li jindirizzaw liż-żgħażagħ u lill-adulti:
·Il-Kummissjoni tmexxi l-Grupp ta’ Esperti dwar il-Litteriżmu fil-Midja u tappoġġa proġetti pilota bħal pereżempju “Litteriżmu fil-Midja għal Kulħadd”.
·Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva tirrikonoxxi l-importanza tal-litteriżmu fil-midja, u r-reviżjoni tagħha għandha l-għan li ssaħħaħ il-monitoraġġ tal-azzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet tal-Istati Membri b’rabta mal-litteriżmu fil-midja.
·Il-Kummissjoni tappoġġa, inkluż permezz tal-programm Erasmus+, għadd ta’ inizjattivi dwar is-sikurezza tal-Internet, il-benessri diġitali u l-ħiliet diġitali li għandhom l-għan li jrawmu sensibilizzazzjoni kritika fost iċ-ċittadini – b’mod partikolari, iż-żgħażagħ – tal-ambjent diġitali, u dan jgħin biex jissaħħaħ il-litteriżmu tal-midja diġitali.
·L-Istati Membri, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni jikkondividu l-esperjenza u l-prattika tajba dwar l-edukazzjoni diġitali permezz tal-Grupp ta’ Ħidma tal-UE dwar il-Ħiliet u l-Kompetenzi Diġitali.
·Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimmobilizzaw ir-riżorsi u biex fil-politiki edukattivi tagħhom jinkludu ċ-ċittadinanza diġitali, il-litteriżmu fil-midja, l-iżvilupp ta’ ħiliet ta’ ħsieb kritiku għall-ambjent online u attivitajiet għas-sensibilizzazzjoni dwar id-diżinformazzjoni u t-tekniki ta’ amplifikazzjoni online. L-appoġġ għall-għalliema, inkluż it-taħriġ u l-kondiviżjoni tal-prattika tajba, huma kruċjali f’dan ir-rigward.
Barra minn hekk il-Kummissjoni se:
–Tħeġġeġ lill-verifikaturi tal-fatti indipendenti u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipprovdu materjal edukattiv lill-iskejjel u lill-edukaturi.
–Tinkludi inizjattivi mmirati b’rabta mad-diżinformazzjoni online fil-Kampanja #SaferInternet4EU.
–Torganizza Ġimgħa Ewropea dwar il-Litteriżmu fil-Midja bl-għan li ssaħħaħ is-sensibilizzazzjoni u tappoġġa l-kooperazzjoni transfruntiera fost l-organizzazzjonijiet rilevanti.
–Tirrapporta dwar il-litteriżmu fil-midja fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva.
–Taħdem mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, fil-qafas tal-proċess tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti, sabiex teżamina l-possibbiltà li żżid il-litteriżmu tal-midja mal-kriterji li jintużaw mill-organizzazzjoni fir-rapporti komparattivi tagħha.
–Tħeġġeġ aktar il-ħidma tal-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, biex tappoġġa l-ħiliet diġitali, inkluż għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà.
–Tkompli l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali u tkompli tappoġġa l-inizjattivi, bħal pereżempju t-traineeship dwar l-Opportunità Diġitali, li għandhom l-għan li jsaħħu l-ħiliet diġitali u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej – b’mod partikolari, il-ġenerazzjoni taż-żgħażagħ – u li jippromwovu l-valuri komuni u l-inklużjoni.
|
3.4.Appoġġ għall-ġurnaliżmu ta’ kwalità bħala element essenzjali ta’ soċjetà demokratika
Il-midja tal-aħbarijiet ta’ kwalità – inkluża l-midja pubblika – u l-ġurnaliżmu jaqdu rwol importanti fil-provvista ta’ informazzjoni ta’ kwalità għolja u diversa liċ-ċittadini. Permezz tal-iżgurar ta’ ambjent tal-midja pluralistiku u diversifikat, dawn jistgħu jikxfu u jtaffu d-diżinformazzjoni u jpattu għaliha.
F’ambjent diġitali li dejjem qiegħed jevolvi, hemm il-ħtieġa li jsir investiment fil-ġurnaliżmu ta’ kwalità għolja, li tissaħħaħ il-fiduċja fir-rwol soċjetali u demokratiku ewlieni tal-ġurnaliżmu ta’ kwalità kemm offline u kemm online u li l-midja tal-aħbarijiet ta’ kwalità tiġi mħeġġa tesplora forom innovattivi ta’ ġurnaliżmu.
Skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru, iċ-ċittadini jqisu l-midja tradizzjonali bħala l-aktar sorsi fdati ta’ aħbarijiet: ir-radju (70 %), it-televiżjoni (66 %) u l-gazzetti u r-rivisti tal-aħbarijiet stampati (63 %). L-inqas sorsi fdati tal-aħbarijiet huma s-siti web tal-hosting ta’ vidjows (27 %) u n-netwerks soċjali online (26 %). Ir-rispondenti żgħażagħ aktar għandhom it-tendenza li jafdaw l-aħbarijiet u l-informazzjoni li jaċċessaw online.
Hemm ukoll il-ħtieġa li tiġi riekwilibrata r-relazzjoni bejn il-midja u l-pjattaformi online. Dan se jkun iffaċilitat permezz ta’ approvazzjoni rapida tar-riforma tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur, li se ttejjeb il-pożizzjoni tal-pubblikaturi u tiżgura distribuzzjoni aktar ġusta tad-dħul bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-pjattaformi, u b’mod partikolari tgħin lill-mezzi tal-midja tal-aħbarijiet u lill-ġurnalisti jimmonetizzaw il-kontenut tagħhom.
Il-ġurnalisti u l-professjonisti tal-midja jenħtieġ li jużaw aktar l-opportunitajiet li joffru t-teknoloġiji ġodda, u li jiżviluppaw il-ħiliet diġitali meħtieġa biex ikunu jistgħu jużaw l-analitika tad-dejta u tal-midja soċjali, bil-ħsieb li jissaħħu s-sejbien u l-verifika tal-fatti.
Fl-aħħar nett, l-appoġġ pubbliku għall-midja u għall-midja bħala servizz pubbliku huma importanti ħafna għall-provvista ta’ informazzjoni ta’ kwalità għolja u għall-protezzjoni tal-ġurnaliżmu fl-interess pubbliku. Il-miżuri ta’ appoġġ tal-Istati Membri bil-ħsieb li jiksbu objettivi ta’ interess komuni għall-UE, bħal pereżempju l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, ġew iddikjarati bħala kompatibbli mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, kif muri mid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna għall-midja.
L-Istati Membri huma mħeġġa jqisu skemi ta’ għajnuna orizzontali biex jindirizzaw il-fallimenti tas-suq li jostakolaw is-sostenibbiltà tal-ġurnaliżmu ta’ kwalità, kif ukoll miżuri ta’ appoġġ għal attivitajiet speċifiċi, bħal pereżempju taħriġ għall-ġurnalisti jew l-innovazzjoni tas-servizzi u tal-prodotti.
Ir-regoli eżistenti jiċċaraw il-kundizzjonijiet skont liema l-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ pubbliku. Sabiex jissaħħu t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-infurzar tal-għajnuna mill-Istat f’dan il-qasam, il-Kummissjoni se tqiegħed repożitorju online għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, b’referenza għar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-każijiet preċedenti rilevanti. Barra minn hekk, fuq ir-reġistru tat-trasparenza l-pubbliku se jkollu aċċess għal informazzjoni dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri, li tiġi aġġornata b’mod regolari.
Fl-2018, il-Kummissjoni se tniedi sejħa għall-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta’ kontenut ta’ aħbarijiet ta’ kwalità dwar l-affarijiet tal-UE permezz ta’ midja tal-aħbarijiet ibbażata fuq id-dejta.
Abbażi tal-proġetti li huma għaddejjin, il-Kummissjoni se tesplora opportunitajiet għal aktar finanzjament biex tappoġġa l-inizjattivi li jippromwovu l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, il-midja tal-aħbarijiet u l-ġurnaliżmu ta’ kwalità, inklużi l-ħiliet, it-taħriġ għall-ġurnalisti, it-teknoloġiji ġodda għall-kmamar tal-aħbarijiet u l-pjattaformi kollaborattivi bbażati fuq id-dejta.
Is-sett ta’ għodod għall-professjonisti tal-midja dwar kopertura mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali se jipprovdi rakkomandazzjonijiet, suġġerimenti u għodod għall-ġurnalisti dwar kif jistgħu jindirizzaw id-dilemmi etiċi, inkluża d-diżinformazzjoni, mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali.
3.5.Il-ġlieda kontra t-theddid tad-diżinformazzjoni interna u esterna permezz tal-komunikazzjoni strateġika
Il-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi huma parti integrali tar-reazzjoni għad-diżinformazzjoni. Minbarra d-detezzjoni u l-analiżi tad-dejta, il-komunikazzjoni strateġika tirrikjedi attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni xierqa biex jiġu miġġielda n-narrattivi foloz. Il-miżuri stabbiliti fit-Taqsima 3.1 se jagħmlu d-detezzjoni u l-analiżi tad-diżinformazzjoni online aktar preċiżi u tempestivi, u se jiffaċilitaw il-komunikazzjoni strateġika dwar l-Ewropa u l-politiki tal-UE.
Dan huwa partikolarment importanti peress li l-UE ta’ spiss tkun il-mira tal-kampanji ta’ diżinformazzjoni mfassla biex idgħajfu l-Istituzzjonijiet, il-politiki, l-azzjonijiet u l-valuri tagħha. Is-sorsi ta’ attivitajiet bħal dawn jistgħu jkunu domestiċi jew esterni, u l-atturi jistgħu jkunu privati jew pubbliċi – u jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom kemm fit-territorju tal-UE u kemm fil-pajjiżi terzi. Kif ġie osservat, fl-2015 it-Task Force East StratCom ġie stabbilit fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jindirizza l-kampanji ta’ diżinformazzjoni għaddejjin fir-Russja, b’rikonoxximent ta’ dimensjoni importanti ta’ din l-isfida. B’mod simili, fl-2016 ġiet stabbilita ċ-Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE kontra t-Theddid Ibridu fi ħdan iċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE sabiex timmonitorja u tindirizza t-theddid ibridu minn atturi barranin, inkluża d-diżinformazzjoni, li għandu l-mira li jinfluwenza d-deċiżjonijiet politiċi ġewwa l-UE u fil-viċinat tagħha. Dawn l-istituzzjonijiet, flimkien maċ-Ċentru Ewropew ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu li ġie stabbilit dan l-aħħar, jiffurmaw il-bażi ta’ reazzjoni Ewropea msaħħa, u huma elementi importanti fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana biex jittejbu r-reżiljenza, il-koordinazzjoni u t-tħejjija tal-Ewropa kontra interferenzi ibridi.
Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna se ssaħħaħ il-kapaċità ta’ komunikazzjoni strateġika tagħha l-ewwel billi ssaħħaħ il-koordinazzjoni interna tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tagħha mmirati lejn l-indirizzar tad-diżinformazzjoni.
Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, se testendi din il-kollaborazzjoni, l-għarfien u l-attivitajiet tagħha lil istituzzjonijiet oħrajn tal-UE u, permezz ta’ mekkaniżmu xieraq, lill-Istati Membri. In-netwerk se juża d-dejta miġbura mill-pjattaforma online sigura dwar id-diżinformazzjoni msemmija fit-Taqsima 3.1.2 sabiex ifassal attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni mmirati lejn il-ġlieda kontra n-narrattivi foloz dwar l-Ewropa u l-indirizzar tad-diżinformazzjoni, fl-UE u barra mill-UE.
Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna se jeżaminaw aktar alternattivi biex jiżviluppaw reazzjonijiet ta’ komunikazzjoni strateġika u mekkaniżmi oħra, flimkien mal-Istati Membri, sabiex tinbena r-reżiljenza kif ukoll biex jiġu miġġielda l-kampanji ta’ diżinformazzjoni sistematiċi u l-interferenza ibrida mill-gvernijiet barranin diretti lejn iċ-ċittadini u l-entitajiet fl-UE.
F’Ġunju, il-Kummissjoni f’kooperazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna se tirrapporta dwar il-progress li jkun sar fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-indirizzar tat-theddid ibridu, inklużi l-oqsma taċ-ċibersigurtà, tal-komunikazzjoni strateġika u tal-counter-intelligence.
4.Konklużjoni
Ekosistema tal-informazzjoni li tiffunzjona sew u li hi libera, pluralistika u bbażata fuq standards professjonali għoljin hija indispensabbli għal dibattitu demokratiku f’saħħtu. Il-Kummissjoni toqgħod attenta għat-theddid li toħloq id-diżinformazzjoni għas-soċjetajiet miftuħa u demokratiċi tagħna. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta approċċ komprensiv li għandu l-għan li jirreaġixxi għal dak it-theddid serju billi jippromwovi ekosistemi diġitali bbażati fuq it-trasparenza u li jagħtu prijorità lill-informazzjoni ta’ kwalità għolja, li jagħti s-setgħa liċ-ċittadini kontra d-diżinformazzjoni u li jipproteġi lid-demokraziji u lill-proċessi tat-tfassil tal-politiki tagħna. Il-Kummissjoni tistieden lill-atturi rilevanti kollha biex isaħħu l-isforzi tagħhom b’mod sinifikanti biex il-problema tiġi indirizzata b’mod xieraq. Tqis li, jekk jiġu implimentati b’mod effettiv, l-azzjonijiet deskritti hawn fuq se jikkontribwixxu materjalment għall-ġlieda kontra id-diżinformazzjoni online. Madankollu, il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma tagħha f’dan il-qasam.
Sa Diċembru 2018, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress li jkun sar. Ir-rapport se jeżamina wkoll il-ħtieġa għal aktar azzjoni biex jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni kontinwi tal-azzjonijiet deskritti.