Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0097

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta' Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli

    COM/2018/097 final

    Brussell, 8.3.2018

    COM(2018) 97 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Pjan ta' Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli


    Deskrizzjoni tal-isfond     

    Meta adottaw il-Ftehim ta’ Pariġi 1 dwar it-tibdil fil-klima u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli 2 tan-NU fl-2015, gvernijiet minn madwar id-dinja għażlu triq iktar sostenibbli għall-pjaneta tagħna u għall-ekonomija tagħna. L-Aġenda 2030 tan-NU għandha fil-qalba tagħha 17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs). Matul il-15-il sena li ġejjin, dawn l-għanijiet se jiggwidawna biex inħejju għal futur li jiżgura stabbiltà, pjaneta f’saħħitha, soċjetajiet ġusti, inklużivi u reżiljenti u ekonomiji għonja. Il-Ftehim ta’ Pariġi, iffirmat f’Diċembru 2015 minn 195 pajjiż, huwa l-ewwel ftehim universali dwar il-klima globali li jadatta u jibni reżiljenza għat-tibdil fil-klima u li jillimita t-tisħin globali għal ferm anqas minn 2°C.

    Is-sostenibbiltà u t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ċirkolari huma kruċjali fl-iżgurar tal-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-UE. Is-sostenibbiltà ilha ferm fil-qalba tal-proġett tal-Unjoni Ewropea, u t-Trattati tal-UE jagħrfu d-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tagħha 3 . L-UE hija impenjata favur żvilupp li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, filwaqt li jiftaħ opportunitajiet ta’ investiment u impjiegi ġodda u jiżgura t-tkabbir ekonomiku. Bosta mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni 4 għall-2014-2020 jikkontribwixxu għall-miri tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima u jaħdmu favur l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU.Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq Dokument ta’ Riflessjoni “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030” u nediet pjattaforma b’bosta partijiet ikkonċernati biex dawn jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs.

    Billi qegħdin dejjem aktar niffaċċjaw il-konsegwenzi imprevedibbli u diżastrużi tat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riżorsi, hija meħtieġa azzjoni urġenti biex il-politiki pubbliċi jiġu adattati għal din ir-realtà l-ġdida. Is-sistema finanzjarja għandha rwol ewlieni xi twettaq f’dan ir-rigward. Is-sistema finanzjarja qed tiġi rriformata biex tindirizza l-lezzjonijiet ipprovduti mill-kriżi finanzjarja, u f’dan il-kuntest tista’ tkun parti mis-soluzzjoni għal ekonomija iżjed ekoloġika u sostenibbli. Ir-riorjentament tal-kapital privat lejn investimenti aktar sostenibbli jitlob bidla kumplessiva fil-mod kif taħdem is-sistema finanzjarja. Dan huwa meħtieġ biex l-UE tiżviluppa tkabbir ekonomiku aktar sostenibbli, tiżgura l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, u trawwem aktar trasparenza u perspettiva aktar għal żmien twil fl-ekonomija. Dan il-ħsieb huwa wkoll fil-qalba tal-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (Capital Markets Union, CMU) tal-UE 5 .

    Fi tmiem l-2016, il-Kummissjoni ħatret Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-finanzi sostenibbli. Fil-31 ta’ Jannar 2018, il-grupp ta’ esperti ppubblika r-rapport finali 6 tiegħu li joffri viżjoni kumplessiva dwar kif għandha tinbena strateġija ta’ finanzi sostenibbli fl-UE. Ir-Rapport jargumenta li finanzi sostenibbli jirrigwardaw żewġ imperattivi urġenti: (1) li tittejjeb il-kontribuzzjoni tal-finanzi għat-tkabbir sostenibbli u inklużiv billi jiffinanzjaw il-ħtiġijiet fit-tul tas-soċjetà; (2) li tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja billi jiġu inkorporati fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (environmental, social and governance, ESG) fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment. Ir-Rapport jipproponi tmien rakkomandazzjonijiet ewlenin, diversi rakkomandazzjonijiet trażversali u azzjonijiet immirati lejn setturi speċifiċi tas-sistema finanzjarja. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-grupp biex tiġi stabbilita strateġija tal-UE għal finanzi sostenibbli.

    1Settur finanzjarju għal dinja aktar sostenibbli

    Is-settur finanzjarju jappoġġa l-ekonomija billi jipprovdi finanzjament għall-attivitajiet ekonomiċi u fl-aħħar mill-aħħar l-impjiegi u t-tkabbir. Id-deċiżjonijiet tal-investiment huma tipikament ibbażati fuq diversi fatturi, imma dawk relatati ma’ kunsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali ta’ spiss ma jiġux ikkunsidrati biżżejjed, peress li dawn ir-riskji aktarx li jimmaterjalizzaw fuq perjodu ta’ żmien itwal. Huwa importanti li wieħed jirrikonoxxi li l-kunsiderazzjoni tal-interessi fit-tul tas-sostenibbiltà tagħmel sens mil-lat ekonomiku u mhux neċessarjament twassal għal dħul aktar baxx għall-investituri.

    “Finanzi sostenibbli” ġeneralment jirreferu għall-proċess ta’ teħid f’kunsiderazzjoni b’mod xieraq ta’ fatturi ambjentali u soċjali fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment, li jwassal għal aktar investimenti f’attivitajiet fit-tul u sostenibbli. B’mod aktar speċifiku, il-kunsiderazzjonijiet ambjentali jirreferu għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-ambjent b’mod aktar wiesa’ 7 u r-riskji relatati (pereżempju diżastri naturali 8 ). Il-kunsiderazzjonijiet soċjali jistgħu jirreferu għal kwistjonijiet tal-inugwaljanza, l-inklużività, ir-relazzjonijiet tal-impjieg, l-investiment fil-kapital uman u l-komunitajiet. Il-kunsiderazzjonijiet soċjali u dawk ambjentali huma spiss marbutin ma’ xulxin, speċjalment billi t-tibdil fil-klima jista’ jaggrava sistemi eżistenti ta’ inugwaljanza. Il-governanza tal-istituzzjonijiet pubbliċi u privati, inklużi l-istrutturi tal-ġestjoni, ir-relazzjonijiet mal-impjegati u r-remunerazzjoni eżekuttiva, għandha rwol fundamentali biex tiġi żgurata l-inklużjoni ta’ kunsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet 9 . 

    Dan il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-finanzi sostenibbli huwa parti minn sforzi usa’ biex il-finanzi jiġu kkollegati mal-ħtiġijiet speċifiċi tal-ekonomija Ewropea u globali għall-benefiċċju tal-pjaneta u tas-soċjetà tagħna. B’mod speċifiku, dan il-Pjan ta’ Azzjoni għandu l-għan li:

    1.jirriorjenta l-flussi tal-kapital lejn investiment sostenibbli sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv;

    2.jimmaniġġa r-riskji finanzjarji li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima, mit-tnaqqis tar-riżorsi, mid-degradazzjoni ambjentali u minn kwistjonijiet soċjali; kif ukoll

    3.irawwem it-trasparenza u l-perspettiva fit-tul fl-attività finanzjarja u ekonomika.

    1.1 Ir-riorjentament tal-flussi tal-kapital lejn ekonomija aktar sostenibbli

    Il-livelli ta’ investiment attwali mhumiex suffiċjenti biex jappoġġaw sistema ekonomika ekoloġikament u soċjalment sostenibbli. L-Ewropa trid telimina nuqqas annwali fl-investiment ta’ kważi EUR 180 biljun biex tilħaq il-miri tal-klima u tal-enerġija tal-UE sal-2030 10 . Skont stimi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), in-nuqqas kumplessiv tal-investiment fit-trasport, fl-enerġija u fl-infrastruttura tal-immaniġġar tar-riżorsi laħaq ċifra annwali sorprendenti ta’ EUR 270 biljun 11 . In-nuqqas ta’ ċarezza fost l-investituri dwar x’jikkostitwixxi investiment sostenibbli huwa fattur li kkontribwixxa għal dan in-nuqqas fl-investiment u huwa wkoll ta’ xkiel għall-finanzjament tal-infrastruttura soċjali li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-inugwaljanza u tal-inklużività.

    Li nittrasformaw l-ekonomija tal-Ewropa f’sistema aktar ekoloġika, aktar reżiljenti u ċirkolari mhux biss se jnaqqas l-impatt ambjentali tagħna fuq il-pjaneta u jindirizza l-inugwaljanzi li jeżistu. Huwa jżid ukoll il-kompetittività billi jtejjeb l-effiċjenza tal-proċessi tal-produzzjoni u jnaqqas l-ispejjeż tal-aċċess għar-riżorsi u l-immaniġġar tagħhom.

    L-UE hija impenjata favur din it-tranżizzjoni u wiegħdet li tagħmel mill-inqas 20 % tal-baġit tagħha direttament rilevanti għall-klima 12 . Pereżempju, diġà fl-2017, kważi terz tal-investimenti mmobilizzati mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) kienu diretti lejn proġetti tal-enerġija, l-ambjent u l-effiċjenza fir-riżorsi u l-infrastruttura soċjali. Il-FEIS 2.0 jestendi l-fond sal-2020 u jżid il-miri tal-investiment għal EUR 500 biljun, b’mill-inqas 40 % tal-finanzjament tal-FEIS imur għall-infrastruttura u l-innovazzjoni bħala appoġġ għal proġetti ta’ azzjoni klimatika. Iżda huwa ċar li huma meħtieġa passi ulterjuri biex saħansitra aktar investiment jiġi dirett lejn setturi sostenibbli.

    1.2L-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fil-politika tal-ġestjoni tar-riskji

    Li jiġu inklużi miri ambjentali u soċjali fit-teħid tad-deċiżjonijiet finanzjarji għandu l-għan li jillimita l-impatt finanzjarju tar-riskji ambjentali u soċjali. Pereżempju, żieda fit-temperatura dinjija ta’ 2 gradi Celsius jista’ jkollha effetti destabbilizzanti fuq l-ekonomija u s-sistema finanzjarja tal-Ewropa.

    Ir-riskji ambjentali u klimatiċi bħalissa mhumiex dejjem qegħdin jitqiesu adegwatament mis-settur finanzjarju. Iż-żieda fil-qawwa tad-diżastri naturali relatati mat-temp tfisser li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jridu jħejju għal spejjeż ogħla. Il-banek se jkunu wkoll esposti għal telf akbar minħabba t-tnaqqis fil-profitabbiltà tal-kumpaniji l-aktar esposti għat-tibdil fil-klima jew dipendenti ħafna fuq riżorsi naturali li qed jonqsu. Bejn l-2000 u l-2016, id-diżastri annwali relatati mat-temp madwar id-dinja żdiedu b’46 % 13 u bejn l-2007 u l-2016, it-telf ekonomiku mit-temp estrem madwar id-dinja żdied b’86 % (EUR 117-il biljun fl-2016). 14 Din hi xejra inkwetanti, peress li kważi 50 % tal-iskopertura għar-riskju tal-banek taż-żona tal-Euro hija direttament jew indirettament marbuta mar-riskji li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima 15 . Kwistjonijiet ambjentali oħra qed ikunu dejjem aktar rikonoxxuti li jheddu l-mudelli tan-negozju attwali 16 .

    Fatturi soċjali, bħal kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena u inugwaljanzi dejjem akbar jista’ jkollhom konsegwenzi konkreti għall-istituzzjonijiet finanzjarji inklużi riskji legali. Kumpaniji li, pereżempju, ma jimxux mal-istandards internazzjonali tax-xogħol isibu li r-reputazzjoni tagħhom issofri ħsara. Ħsara legali u għar-reputazzjoni tista’ fl-aħħar mill-aħħar twassal għal telf finanzjarju. Bl-istess mod, iż-żieda fl-inugwaljanza fid-dħul tista’ xxekkel it-tkabbir fit-tul u stabbli: riċerka mill-FMI wriet li ż-żieda fl-inugwaljanza u t-tkabbir fraġli huma marbuta 17 .

    1.3 Trawwim tat-trasparenza u tal-perspettiva fit-tul 

    It-trasparenza tal-attivitajiet tal-parteċipanti tas-suq hija essenzjali għal sistema finanzjarja li tiffunzjona tajjeb. It-trasparenza korporattiva dwar kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà finanzjarja hija prerekwiżit li jippermetti lill-atturi tas-suq biex jivvalutaw kif xieraq il-ħolqien ta’ valur fit-tul tal-kumpaniji u l-ġestjoni tar-riskji tas-sostenibbiltà. Ir-rappurtar korporattiv huwa ineffettiv meta r-riskji fit-tul ma jkunux kompletament trasparenti u għalhekk ma jkunux jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. It-trasparenza korporattiva dwar is-sostenibbiltà mhux biss se tinforma lill-parteċipanti fis-suq, iżda se tgħin ukoll biex tiggwida l-kumpaniji f’direzzjoni aktar sostenibbli u fit-tul.

    Żieda fit-trasparenza, ibbażata fuq teknoloġiji innovattivi, tagħti s-setgħa liċ-ċittadini biex iqabblu l-prestazzjoni tas-sostenibbiltà tal-kumpaniji u tippermetti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur biex jagħmlu deċiżjonijiet tal-investiment infurmati tajjeb. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tilqa’ u tinkoraġġixxi l-inizjattivi privati dwar id-divulgazzjoni li jippromwovu informazzjoni faċilment aċċessibbli dwar il-finanzi sostenibbli.

    Is-sostenibbiltà u l-perspettiva għal żmien twil jimxu id f’id. Il-perspettiva għal żmien twil tirreferi għall-prattika li jsiru deċiżjonijiet li jkollhom miri jew konsegwenzi fit-tul. L-investimenti f’objettivi ambjentali u soċjali jeħtieġu orjentazzjoni fit-tul. Madankollu, il-prattiki attwali tas-suq ħafna drabi jiffukaw fuq il-kisba ta’ redditu għoli fuq perjodu ta’ żmien qasir. Għalhekk, prijorità ċentrali tal-aġenda tas-sostenibbiltà hija li tnaqqas il-pressjoni żejda għal prestazzjoni fuq terminu ta’ żmien qasir fit-teħid ta’ deċiżjonijiet finanzjarji u ekonomiċi, partikolarment permezz ta’ aktar trasparenza, b’tali mod li l-investituri, kemm jekk korporattivi kif ukoll jekk fil-livell tal-konsumatur, ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar l-investiment li jkunu infurmati aħjar u aktar responsabbli.

    2Ir-riorjentament tal-flussi tal-kapital lejn ekonomija aktar sostenibbli

    2.1 Sistema ta’ klassifikar unifikata għall-attivitajiet sostenibbli 

    Ċaqliq tal-flussi tal-kapital lejn attivitajiet ekonomiċi aktar sostenibbli jrid ikun ibbażat fuq fehim komuni ta’ xi tfisser li tkun “sostenibbli”. Sistema ta’ klassifikazzjoni - jew tassonomija - unifikata tal-UE se tipprovdi ċarezza dwar liema attivitajiet jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “sostenibbli”. F’dan l-istadju, din hija l-aktar azzjoni importanti u urġenti ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni. Gwida ċara dwar l-attivitajiet li jikkwalifikaw bħala li jikkontribwixxu għal miri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, u dawk ambjentali u soċjali se tgħin biex tinforma lill-investituri. Hija se tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar is-setturi u l-attivitajiet rilevanti, abbażi ta’ kriterji tal-iskrinjar, solji u metodi ta’ kejl. Dan huwa pass essenzjali fl-appoġġ tal-fluss tal-kapital f’setturi sostenibbli li jeħtieġu l-finanzjament. Tassonomija tal-UE se tiġi gradwalment integrata fil-leġiżlazzjoni tal-UE biex tipprovdi aktar ċertezza legali.

    Minħabba l-kumplessità u n-natura teknika ħafna tal-iżvilupp ta’ din is-sistema ta’ klassifikazzjoni, se jkun meħtieġ iż-żmien biex tiġi żviluppata tassonomija sħiħa tal-UE dwar is-sostenibbiltà li tkopri l-aspetti tal-klima, tal-ambjent u soċjali. Barra minn hekk, se jkun meħtieġ monitoraġġ kontinwu fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-objettivi ta’ politika tal-UE u aspetti oħra, bħalma huma l-iżviluppi ambjentali, teknoloġiċi u tas-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li tipproċedi b’approċċ pass b’pass, li jibda b’tassonomija dwar l-attivitajiet tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u xi attivitajiet ambjentali. Bħala t-tieni pass, it-tassonomija se tkopri l-attivitajiet ambjentali u soċjali li jibqa’, filwaqt li tirrikonoxxi li aspett wieħed tas-sostenibbiltà ma jistax ikun ta’ detriment għal riskji jew objettivi relatati oħra.

    Azzjoni 1: It-twaqqif ta’ sistema ta’ klassifikar unifikata għall-attivitajiet sostenibbli

    1. Soġġett għall-eżitu tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha, il-Kummissjoni se tressaq proposta leġiżlattiva fit-tieni kwart tal-2018 li se tiżgura l-iżvilupp progressiv ta’ tassonomija tal-UE għall-attivitajiet tat-tibdil fil-klima, ambjentali u soċjalment sostenibbli, li se tibni fuq il-ħidma eżistenti, fejn rilevanti. L-għan huwa li t-tassonomija futura tas-sostenibbiltà tal-UE tiġi inkluża fil-liġi tal-UE u tipprovdi l-bażi għall-użu ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni bħal din f’oqsma differenti (pereżempju standards, tikketti, il-fattur tas-sostenn ekoloġiku għar-rekwiżiti prudenzjali, parametri referenzjarji tas-sostenibbiltà). Il-proposta se tinkludi għodod li jippermettu li sistema ta’ klassifikazzjoni bħal din tiġi stabbilita u aġġornata regolarment.

    2. Barra minn hekk, u bħala l-ewwel pass intermedju, il-Kummissjoni se twaqqaf grupp ta’ esperti tekniċi dwar il-finanzi sostenibbli. Il-grupp se jintalab, fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati kollha, sabiex jippubblika rapport li jipprovdi l-ewwel tassonomija b’enfasi partikolari fuq l-attivitajiet tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima sal-ewwel kwart tal-2019. Dan għandu jiġi estiż għall-adattament għat-tibdil fil-klima u attivitajiet ambjentali oħra sat-tieni kwart tal-2019. Dawn ir-rapporti se jkunu element kostitwenti fl-iżvilupp progressiv min-naħa tal-Kummissjoni tat-tassonomija tas-sostenibbiltà tal-UE u sadittant se jkunu punt inizjali ta’ riferiment għall-investiment fl-attivitajiet relatati mat-tibdil fil-klima u ambjentali.

    2.2 Standards u tikketti għall-prodotti finanzjarji sostenibbli

    Standards u tikketti tal-UE għal prodotti finanzjarji sostenibbli, li jibnu fuq it-tassonomija futura tas-sostenibbiltà, jipproteġu l-integrità u l-fiduċja fis-suq finanzjarju sostenibbli, filwaqt li jippermettu aċċess aktar faċli għall-investituri li jfittxu dawk il-prodotti. Pereżempju, il-bonds ekoloġiċi jippermettu lil entitajiet (kumpaniji, banek, organizzazzjonijiet governattivi, eċċ.) sabiex jissellfu l-flus mingħand l-investituri biex jiffinanzjaw jew jiffinanzjaw mill-ġdid proġetti, assi jew attivitajiet ta’ negozju ekoloġiċi. Filwaqt li s-suq tal-bonds ekoloġiċi qed jespandi b’mod mgħaġġel, għadu jirrappreżenta inqas minn 1 % tat-total ta’ bonds fiċ-ċirkolazzjoni madwar id-dinja 18 . Filwaqt li jibbaża ruħu fuq l-aħjar prattiki attwali, standard tal-UE aċċessibbli għall-parteċipanti tas-suq jagħmilha eħfef li wieħed jidderieġi aktar investimenti fi proġetti ekoloġiċi u jikkostitwixxi l-bażi għall-iżvilupp ta’ tikkettar affidabbli ta’ prodotti finanzjarji.

    Skemi ta’ tikkettar jistgħu jkunu partikolarment utli għal investituri fil-livell ta’ konsumatur li jixtiequ jesprimu l-preferenzi tagħhom dwar l-investiment fuq attivitajiet sostenibbli. Huma jistgħu jiffaċilitaw l-għażla tal-investituri fil-livell tal-konsumatur billi gradwalment jiġu integrati f’għodod, bħal siti web ta’ tqabbil jew servizzi ta’ ppjanar finanzjarju, li qed jiġu żviluppati bħalissa fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur tal-Kummissjoni. L-istħarriġiet li saru juru li l-investituri fil-livell tal-konsumatur dejjem aktar jixtiequ li l-investimenti tagħhom jieħdu kont tal-kunsiderazzjonijiet klimatiċi, ambjentali u soċjali. 19 Madankollu, in-nuqqas ta’ prodotti finanzjarji jista’ jimpedixxi lill-investituri milli jidderieġu direttament il-fondi tagħhom f’investimenti sostenibbli. Il-Kummissjoni tara l-mertu potenzjali fl-użu tar-Regolament dwar l-Ekotikketta tal-UE sabiex joħloq skema volontarja ta’ tikkettar fl-UE kollha. Ikollhom jiġu identifikati kriterji għal prodotti finanzjarji speċifiċi offruti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur (bħall-Prodotti tal-Investiment u tal-Assigurazzjoni f’Pakkett fil-Livell tal-Konsumatur). Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll il-merti ta’ skema ta’ tikkettar għal prodotti finanzjarji soċjalment responsabbli, bħal SRI, 20 u tibni fuq l-esperjenza tal-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej.

    Azzjoni 2: Il-ħolqien ta’ standards u tikketti għal prodotti finanzjarji ekoloġiċi

    1. Bħala l-ewwel pass, il-grupp ta’ esperti tekniċi tal-Kummissjoni dwar il-finanzi sostenibbli se jkun responsabbli, abbażi tar-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika, biex iħejji rapport dwar standard tal-UE tal-bonds ekoloġiċi sat-Q2 2019, li jibni fuq l-aħjar prattiki attwali.

    2. Fil-qafas tar-Regolament dwar il-Prospett, il-Kummissjoni se tispeċifika mit-Q2 2019 il-kontenut tal-prospett għall-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi sabiex tipprovdi lill-investituri potenzjali b’informazzjoni addizzjonali.

    3. Il-Kummissjoni se tesplora l-użu tal-qafas tat-tikketta ekoloġika tal-UE għal ċerti prodotti finanzjarji, li għandha tiġi applikata ladarba tiġi adottata t-tassonomija tas-sostenibbiltà tal-UE.

    2.3It-trawwim tal-investiment fi proġetti sostenibbli

    Il-mobilizzazzjoni ta’ kapital privat għal proġetti sostenibbli, speċjalment għall-infrastruttura, hija prerekwiżit għat-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku iktar sostenibbli. Skont l-OECD, l-infrastruttura tikkontribwixxi madwar 60 % tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra 21 . Minħabba l-ħtiġijiet għal investiment fl- infrastruttura sostenibbli, hija essenzjali t-tkomplija tal-progress fl-iżvilupp ta’ oqfsa xierqa li jistimulaw l-investiment privat flimkien ma’ fondi pubbliċi.

    Il-kapaċità li jiġu żviluppati u implimentati l-proġetti, madankollku, tvarja ħafna madwar l-UE u bejn is-setturi. Għajnuna teknika u ta’ pariri akbar tikkontribwixxi għal provvista akbar ta’ proġetti sostenibbli. Minbarra l-proġetti tal-infrastruttura fuq skala kbira, it-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa titlob ukoll finanzjament adegwat disponibbli għal proġetti fuq skala żgħira u distribwiti 22 .

    Minbarra l-għotjiet, 23 bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, il-Kummissjoni saħħet b’mod sinifikanti l-appoġġ finanzjarju u tekniku tagħha għall-investiment fl-infrastruttura sostenibbli, b’mod partikolari permezz tal-FEIS u ċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti. Il-FEIS irriżulta bħala strumentali biex jiġbed investiment privat għal proġetti strateġiċi ta’ investiment madwar l-UE, u mmobilizza kważi EUR 265 biljun f’investimenti totali 24 . Wara s-suċċess fl-ewwel snin tal-ħidma tiegħu, il-FEIS kien reċentament estiż sal-2020 (FEIS 2.0) u l-mira tal-investiment tiegħu żdiedet għal nofs triljun euro. Barra minn hekk, il-FEIS 2.0 se jiffoka saħansitra aktar fuq proġetti sostenibbli, u mill-inqas 40 % tal-finanzjament tal-FEIS għall-infrastruttura u l-innovazzjoni se jappoġġa proġetti ta’ azzjoni klimatika. Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti, il-portal tal-UE għall-appoġġ għall-investiment, se jipprovdi wkoll aktar kapaċità konsultattiva fil-livell reġjonali u lokali għall-promozzjoni ta’ proġetti b’impatt soċjali, ambjentali u klimatiku.

    B’mod parallel, l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment Estern (PIE) se tinkoraġġixxi investimenti sostenibbli f’pajjiżi sħab, b’bidu fl-Afrika u fil-Viċinat tal-UE. Il-PIE huwa mistenni li jistimula investimenti ta’ aktar minn EUR 44 biljun sal-2020, billi jimmobilizza finanzjament pubbliku u privat permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (European Fund for Sustainable Development, EFSID) u jipprovdi għajnuna teknika dwar il-proġetti ta’ investiment, u jrawwem klima tal-investiment u ambjent tan-negozju favorevoli. L-iżvilupp sostenibbli huwa integrat fid-disinn tal-istrument u l-proġetti kollha se jkollhom dimensjoni ċara tas-sostenibbiltà, pereżempju billi jappoġġaw l-agrikoltura sostenibbli u l-konnettività, kif ukoll il-ħolqien ta’ impjiegi diċenti.

    Għall-qafas finanzjarju pluriennali ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni ressqet l-idea tat-twaqqif ta’ fond ta’ investiment uniku li jintegra l-istrumenti bbażati fuq is-suq tal-UE kollha biex tiżdied aktar l-effiċjenza tal-appoġġ għall-investiment tal-UE għad-diskussjoni mill-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea 25 . Waqt li jibni fuq l-implimentazzjoni b’suċċess tal-FEIS, dan il-fond jista’ jipprovdi appoġġ finanzjarju u assistenza teknika relatata sabiex jinġibed l-investiment privat, inkluż għall-infrastruttura sostenibbli. Appoġġat minn garanzija baġitarja tal-UE, fond ta’ investiment wieħed jista’ jappoġġa l-prijoritajiet tal-investiment u jissimplifika l-interazzjoni bejn l-investituri, il-benefiċjarji, il-Kummissjoni tal-UE, is-sħab involuti fl-implimentazzjoni, bħall-BEI u l-banek promozzjonali nazzjonali, u sħab potenzjali ġodda, bħal fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet filantropiċi. Bħala kontinwazzjoni taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti, appoġġ bħal dan jista’ jinkludi wkoll element ta’ għajnuna għall-iżvilupp ta’ proġetti sabiex tkompli tinbena aktar kapaċità għall-iżvilupp ta’ proġetti sostenibbli.

    Azzjoni 3: It-trawwim tal-investiment fi proġetti sostenibbli

    Filwaqt li tibni fuq l-isforzi li għaddejjin biex issaħħaħ il-kapaċità konsultattiva, inkluż għall-iżvilupp ta’ proġetti ta’ infrastruttura sostenibbli, il-Kummissjoni se tieħu aktar miżuri li se jtejbu l-effiċjenza u l-impatt ta’ strumenti mmirati lejn l-appoġġ għall-investiment sostenibbli fl-UE u f’pajjiżi sħab.

    2.4Kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fil- pariri finanzjarjo

    Billi jipprovdu pariri, id-ditti tal-investiment u d-distributuri tal-assigurazzjoni jistgħu jaqdu rwol ċentrali biex jirriorjentaw is-sistema finanzjarja lejn is-sostenibbiltà. Qabel il-proċess ta’ għoti ta’ pariri, dawn l-intermedjarji huma obbligati li jevalwaw l-objettivi tal-investiment u t-tolleranza tar-riskju tal-klijent sabiex jirrakkomandaw strumenti finanzjarji jew prodotti tal-assigurazzjoni xierqa. Madankollu, il-preferenzi tal-investituri u tal-benefiċjarji fir-rigward tas-sostenibbiltà ta’ spiss mhumiex ikkunsidrati biżżejjed meta jingħata parir. 

    Id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID II) u d-Direttiva dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni (Insurance Distribution Directive, IDD) jistipulaw li d-ditti tal-investiment u d-distributuri tal-assigurazzjoni joffru prodotti “adatti” li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-klijenti tagħhom, meta jagħtu parir. Għal din ir-raġuni, dawn id-ditti għandhom jistaqsu dwar il-preferenzi tal-klijenti tagħhom (bħall-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza) u jikkunsidrawhom meta jivvalutaw il-firxa ta’ strumenti finanzjarji u prodotti tal-assigurazzjoni li għandhom jiġu rakkomandati, jiġifieri fil-proċess tal-għażla tal-prodott u tal-valutazzjoni tal-adegwatezza tiegħu.

    Azzjoni 4: L-inkorporazzjoni tas-sostenibbiltà meta jingħataw pariri finanzjarji

    Soġġett għall-eżitu ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni se temenda l-atti delegati tal-MiFID II u tal-IDD fit-Q2 2018 biex tiżgura li l-preferenzi tas-sostenibbiltà jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-adegwatezza. Abbażi ta’ dawn l-atti delegati, il-Kummissjoni se tistieden lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities Markets Authority, ESMA) biex tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-preferenzi tas-sostenibbiltà fil-linji gwida tagħha dwar il-valutazzjoni tal-adegwatezza li għandhom jiġu aġġornati sar-Q4 2018.

    2.5Parametri referenzjarji ta’ sostenibbiltà

    Il-parametri referenzjarji huma indiċi li għandhom rwol ċentrali fil-formazzjoni tal-prezz ta’ strumenti finanzjarji u assi rilevanti oħrajn fis-sistema finanzjarja. Il-parametri referenzjarji huma għodda utli għall-investituri, peress li jippermettu li tiġi intraċċata u mkejla l-prestazzjoni u li l-assi jiġu allokati skont dan.

    Il-parametri referenzjarji tradizzjonali jirriflettu l-istatus quo u l-metodoloġiji tagħhom, bħala riżultat, jirriflettu l-miri tas-sostenibbiltà biss sa ċertu punt limitat. Bħala tali, dawn mhumiex xierqa biex ikejlu l-prestazzjoni tal-investimenti sostenibbli. B’rispons għal dan, il-fornituri ta’ indiċi ta’ riferiment qed jiżviluppaw parametri referenzjarji tal-ESG biex jirriflettu l-miri tas-sostenibbiltà, iżda n-nuqqas ta’ trasparenza rigward il-metodoloġiji tagħhom affettwa l-affidabilità tagħhom. Metodoloġiji aktar trasparenti u aktar sodi tal-indiċi sostenibbli huma meħtieġa biex jitnaqqsu r-riskji ta’ “greenwashing” 26 . Pereżempju, metodoloġija soda għall-indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju jenħtieġ li tirrifletti l-kompatibbiltà mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, sabiex titjieb il-valutazzjoni tal-prestazzjoni ta’ fondi b’livell baxx ta’ karbonju.

    Azzjoni 5: L-iżvilupp ta’ parametri referenzjarji tas-sostenibbiltà

    Sat-Q2 2018, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li (i) tadotta atti delegati, fil-qafas tar-Regolament tal-Parametri Referenzjarji, dwar it-trasparenza tal-metodoloġiji u l-karatteristiċi tal-parametri referenzjarji sabiex tippermetti lill-utenti biex jivvalutaw aħjar il-kwalità tal-parametri referenzjarji tas-sostenibbiltà; u (ii) tippreżenta, soġġett għall-eżitu ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt, inizjattiva għall-armonizzazzjoni tal-parametri referenzjarji li tinkludi l-emittenti b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, ibbażati fuq metodoloġija soda biex jiġi kkalkulat l-impatt tal-karbonju tagħhom, li titpoġġa fis-seħħ ladarba tkun fis-seħħ it-tassonomija tal-klima. Il-grupp ta’ esperti tekniċi tal-Kummissjoni sejjer, abbażi ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, jippubblika rapport dwar id-disinn u l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju tal-livell baxx ta’ karbonju sat-Q2 2019.

    3L-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fil-ġestjoni tar-riskji

    3.1Is-sostenibbiltà fir-riċerka tas-suq u fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu 

    F’dawn l-aħħar snin, il-fornituri tar-riċerka tas-suq u l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tas-sostenibbiltà żiedu l-isforzi tagħhom biex jivvalutaw il-prestazzjoni ambjentali, soċjali u ta’ governanza tal-kumpaniji u l-kapaċità tagħhom biex jimmaniġġaw ir-riskji tas-sostenibbiltà. Dawn il-valutazzjonijiet jikkontribwixxu għal allokazzjoni ta’ kapital aktar sostenibbli u jtejbu l-fluss ta’ informazzjoni bejn l-emittenti u l-investituri. In-nuqqas ta’ standards tas-suq aċċettati b’mod wiesa’ biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tas-sostenibbiltà tal-kumpaniji jagħmel it-trasparenza tal-metodoloġija użata minn dawk li jipprovdu r-riċerka partikolarment importanti. Barra minn hekk, xi partijiet ikkonċernati jargumentaw li l-enfasi tal-fornituri ta’ riċerka tas-sostenibbiltà fuq l-emittenti kbar ħafna għandu impatt negattiv fuq attrattività ta’ emittenti iżgħar għall-investituri istituzzjonali.

    Il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu huma wkoll element importanti ta’ swieq finanzjarji li jaħdmu kif suppost, peress li jipprovdu lill-investituri b’valutazzjonijiet tal-affidabilità kreditizja ta’ kumpaniji u istituzzjonijiet pubbliċi. L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu joperaw f’suq ikkonċentrat ħafna u jadottaw il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu tagħhom fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli rilevanti. Madankollu, għadu mhuwiex ċar sa liema punt qed jiġu kkunsidrati fatturi ta’ sostenibbiltà. Il-Kummissjoni qed timmonitorja l-iżviluppi fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u tirrikonoxxi l-bżonn ta’ fehim u trasparenza akbar dwar kif l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jieħdu kont tal-fatturi tas-sostenibbiltà. Il-Kummissjoni se tistieden lill-ESMA sabiex tippromwovi soluzzjonijiet li jiżguraw li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jintegraw b’mod sħiħ ir-riskji tas-sostenibbiltà u dawk fit-tul. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll taħdem dwar dawn il-kwistjonijiet mal-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż dwar il-ħolqien possibbli ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ġodda li jilħqu dan l-objettiv.

    Azzjoni 6: Integrazzjoni aħjar tas-sostenibbiltà fil-klassifikazzjonijiet u fir-riċerka dwar is-suq

    1.Sa mit-Q2 2018, il-Kummissjoni se timpenja ruħha mal-partijiet ikkonċernati kollha biex tesplora l-vantaġġi ta’ emenda tar-Regolament dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu sabiex l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jkollhom il-mandat li jintegraw b’mod espliċitu l-fatturi ta’ sostenibbiltà fil-valutazzjonijiet tagħhom b’mod proporzjonat sabiex jiġi ppreservat l-aċċess għas-suq għal atturi iżgħar. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jirrappurtaw dwar il-progress li sar dwar dan sat-Q3 2019.

    2.Il-Kummissjoni tistieden lill-ESMA sabiex: (i) tivvaluta l-prattiki kurrenti fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu sat-Q2 2019, u tanalizza sa fejn kunsiderazzjonijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza qed jiġu kkunsidrati; (ii) tinkludi informazzjoni dwar is-sostenibbiltà ambjentali u soċjali fil-linji gwida tagħha dwar id-divulgazzjoni għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu sat-Q2 2019 u tikkunsidra linji gwida jew miżuri addizzjonali, fejn meħtieġ.

    3.Il-Kummissjoni se twettaq studju kumplessiv dwar il-klassifikazzjonijiet u r-riċerka tas-sostenibbiltà sat-Q2 2019. Hija se tanalizza l-metodoloġiji u tesplora aspetti bħall-istruttura tas-suq tal-klassifikazzjonijiet tas-sostenibbiltà u tas-servizzi tar-riċerka tas-suq, il-profondità u l-wisgħa tal-valutazzjonijiet u l-evalwazzjoni tar-riċerka tas-sostenibbiltà, u l-indipendenza ta’ dawk il-fornituri tar-riċerka/evalwazzjonijiet. Barra minn hekk, l-istudju se jesplora wkoll miżuri possibbli li jinkoraġġixxu l-klassifikazzjonijiet u r-riċerka tas-suq tas-sostenibbiltà.

    3.2 Id-dmirijiet tas-sostenibbiltà tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi 

    Diversi atti ta’ leġiżlazzjoni tal-UE 27 jobbligaw lill-investituri istituzzjonali u lill-maniġers tal-assi biex jaġixxu fl-aħjar interess tal-investituri/benefiċjarji finali tagħhom. Dan hu spiss imsejjaħ id-“dmir fiduċjarju”. Madankollu, ir-regoli attwali tal-UE dwar id-dmir tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi li jqisu fatturi u riskji ta’ sostenibbiltà fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-investiment tagħhom la huma ċari biżżejjed u lanqas konsistenti biżżejjed fis-setturi kollha.

    L-evidenza tissuġġerixxi li l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi għadhom mhumiex qegħdin sistematikament jikkunsidraw il-fatturi u r-riskji għas-sostenibbiltà fil-proċess tal-investiment. Barra minn hekk, l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi mhumiex qegħdin jiddivulgaw biżżejjed lill-klijenti tagħhom jekk humiex u kif qegħdin jikkunsidraw dawn il-fatturi ta’ sostenibbiltà fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. L-investituri finali, għalhekk, jistgħu ma jirċevux l-informazzjoni kollha li jeħtieġu, jekk ikunu jixtiequ jikkunsidraw kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fid-deċiżjonijiet tal-investiment tagħhom. B’riżultat ta’ dan, l-investituri ma jiħdux biżżejjed kont tal-impatt tar-riskji ta’ sostenibbiltà meta jivvalutaw il-prestazzjoni tal-investimenti tagħhom matul iż-żmien.

    Azzjoni 7: Kjarifika tad-dmirijiet tal-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi

    Suġġett għar-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni se tressaq proposta leġislattiva biex tiċċara d-dmirijiet tal-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi f’relazzjoni mal-kunsiderazzjonijiet tas-sostenbbiltà sat-Q2 2018. Il-proposta se timmira li (i) tobbliga espliċitament lill-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi biex jintegraw kunsiderazzjonijiet tas-sostenibblità fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-investiment u (ii) iżżid it-trasparenza lejn l-investitur aħħari dwar kif jintegraw tali fatturi ta’ sostenibbiltà fid-deċiżjonijiet tal-investiment tagħhom, b’mod partikolari rigward l-esponiment għar-riskji tas-sostenibbiltà.

    3.3Rekwiżiti prudenzjali għall-banek u kumpaniji tal-assigurazzjoni 

    Il-banek, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjonijiet huma s-sors ewlieni ta’ finanzjament estern għall-ekonomija Ewropea u mezz importanti ta’ riżervi għal investimenti. B’riżultat ta’ dan, dawn jistgħu jipprovdu massa kritika ta’ investimenti meħtieġa sabiex jingħalaq id-distakk għat-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli. Madankollu, il-banek, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjonijiet jistgħu wkoll ikunu esposti għal riskji relatati mal-iżvilupp ekonomiku insostenibbli. Pereżempju, xi stimi jsostnu li minn tal-inqas nofs l-assi ta’ banek fiż-żona tal-Euro 28 bħalissa huma esposti għar-riskji marbuta mat-tibdil fil-klima. Dawn ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja kienu wkoll immarkati mis-superviżuri makroprudenzjali 29 .

    Dan jitlob riflessjoni aħjar tar-riskji assoċjati mat-tibdil tal-klima u fatturi ambjentali oħra tar-regolamentazzjoni prudenzjali, b’kalibrazzjoni bir-reqqa li ma tkunx tipperikola l-kredibilità u l-effikaċja tal-qafas prudenzjali attwali tal-UE u n-natura tagħha bbażata fuq ir-riskju. Filwaqt li tibni fuq l-iżvilupp tat-tassonomija ta’ sostenibbiltà tal-UE, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk jistgħux jiġu adottati rekwiżiti ta’ kapital iktar xierqa biex jirriflettu aħjar ir-riskju ta’ assi sostenibbli miżmuma minn banek u kumpaniji tal-assigurazzjoni. Tali fattur ta’ appoġġ ikun jeħtieġ li jiddaħħal b’mod gradwali, hekk kif tiżviluppa t-tassonomija tal-UE. Pereżempju, fil-kalibrazzjoni tagħha l-Kummissjoni se tqis l-evidenza kollha disponibbli dwar ir-rabta bejn it-tfaddil fl-effiċjenza tal-enerġija u l-prestazzjoni ta’ self ipotekarju 30 .

    Barra minn hekk, fl-analiżi tagħha tar-rakkomandazzjonijiet ta’ Basel ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari għall-possibilità tal-impatt negattiv fuq self bankarju Ewropew, investiment u attivitajiet oħra, li huma kruċjali għal finanzi sostenibbli.

    Azzjoni 8: L-inkorporazzjoni tas-sostenibbiltà f’rekwiżiti prudenzjali

    1.Il-Kummissjoni se tesplora l-fattibbiltà tal-inklużjoni ta’ riskji assoċjati ma’ fatturi klimatiċi u ambjentali oħra fil-politiki ta’ ġestjoni tar-riskju tal-istituzzjonijiet u l-kalibrar potenzjali tar-rekwiżiti kapitali tal-banek bħala parti mir-Regolament u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital. L-għan se jkun biex jittieħed kont ta’ tali fatturi, fejn dan huwa ġġustifikat minn perspettiva ta’ riskju, biex tiġi żgurata l-koerenza u l-effettività tal-qafas prudenzjali u tal-istabbiltà finanzjarja. Kwalunkwe kalibrazzjoni mill-ġdid tar-rekwiżiti kapitali, ibbażata fuq data u l-valutazzjoni tar-riskju prudenzjali tal-iskoperturi tal-banek, ikollha bżonn tiddependi fuq u tkun koerenti mat-tassonomija futura tal-UE fuq attivitajiet sostenibbli (ara l-Azzjoni 1).

    2.Fit-Q3 il-Kummissjoni se tistieden lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) biex tipprovdi opinjoni dwar l-impatt ta’ regoli prudenzjali għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni fuq investimenti sostenibbli, b’enfasi partikolari fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-Kummissjoni se tieħu kont ta’ din l-opinjoni fir-rapport li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-1 ta’ Jannar 2021 skont id-Direttiva Solvenza II 31 .

    4It-trawwim tat-trasparenza u l-perspettiva għal żmien twil 

    4.1Divulgazzjoni u kontabbiltà 

    Rappurtar korporattiv dwar kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà jippermetti lill-investituri u lill-partijiet interessati li jivvalutaw il-ħolqien ta’ valur fit-tul tal-kumpaniji u s-sostenibbiltà tagħhom ta’ skopertura għar-riskju. Mill-2018 ‘l hawn, id-Direttiva tal-UE dwar id-divulgazzjoni ta’ Informazzjoni Mhux Finanzjarja (NFI) tirrikjedi li entitajiet ta’ interess pubbliku kbar jiddivulgaw informazzjoni materjali dwar l-aspetti ambjentali, soċjali u ta’ governanza u kif jiġu ġestiti r-riskji li jirriżultaw minnhom 32 . Id-Direttiva tippermetti li l-kumpaniji jirrappurtaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà b’mod flessibbli. Għall-ġejjieni, jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn il-flessibbiltà u l-istandardizzazzjoni tad-divulgazzjoni meħtieġa biex jiġġeneraw id-dejta meħtieġa għal deċiżjonijiet ta’ investiment. F’termini ta’ divulgazzjoni mis-settur finanzjarju, hemm mertu fit-titjib tat-trasparenza ta’ maniġers tal-assi u investituri istituzzjonali, inkluż il-mod kif huma jqisu r-riskji għas-sostenibbiltà u l-iskoperturi tagħhom għar-riskji b’rabta mal-klima.

    Hemm ukoll tħassib li qed jikber li r-regoli attwali tal-kontabbiltà ma jwasslux għal teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment sostenibbli. B’mod partikolari, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Standard ta’ Rapportar Finanzjarju Internazzjonali (IFRS) 9, adottata fis-6 ta’ Ottubru 2016, 33 qajmet tħassib dwar l-impatt li standard ġdid ta’ kontabbiltà fuq l-istrumenti finanzjarji (l-IFRS 9) jista’ jkollu fuq investimenti fuq terminu twil. Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza li jiġi żgurat li l-istandards tal-kontabbiltà ma jiskoraġġux direttament jew indirettament investimenti sostenibbli u fuq terminu twil. F’dan ir-rigward, jinħtieġ li jiġi kkunsidrat dwar jekk jistax ikun hemm aktar flessibbiltà fir-rigward tal-approvazzjoni tal-IFRS fejn aġġustamenti speċifiċi jistgħu jwasslu għal aktar investiment fit-tul.

    Azzjoni 9: It-tisħiħ tad-divulgazzjoni għas-sostenibbiltà u t-tfassil tar-regoli tal-kontabbiltà

    1.Il-Kummissjoni qed tniedi kontroll tal-idoneità tal-leġislazzjoni tal-UE dwar ir-rapportar korporattiv pubbliku, inkluż id-Direttiva NFI sabiex jiġi valutat jekk rekwiżiti ta’ rapportar pubbliku għal kumpaniji elenkati u mhux elenkati humiex adattati għal dan l-iskop. Dan ser jinkludi l-evalwazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar tas-sostenibbiltà u l-prospetti għal rappurtar diġitalizzat. Il-Kummissjoni se tniedi wkoll konsultazzjoni pubblika dwar dan fl-Q1 tal-2018. Il-konklużjonijiet tal-kontroll tal-idoneità se jiġu ppubblikati fit-Q2 tal-2019 u se jintużaw għal kwalunkwe proposti leġislattivi li se jiġu adottati mill-Kummissjoni.

    2.Sat-Q2 tal-2019, il-Kummissjoni se tirrevedi l-linji gwida dwar informazzjoni mhux finanzjarja. Filwaqt li jibnu fuq metriċi żviluppati mill-grupp ta’ esperti tekniċi tal-Kummissjoni dwar il-finanzi sostenibbli, il-linji gwida riveduti għandhom jipprovdu aktar gwida lill-kumpaniji dwar kif għandhom l-informazzjoni relatata mal-klima, f’konformità mat-Task Force tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja dwar id-Divulgazzjoni Finanzjarja relatat mal-Klima (TCFD) 34 u l-metriċi relatati mal-klima żviluppati taħt is-sistema ġdida ta’ klassifikazzjoni (ara l-Azzjoni 1). Sussegwentement, il-linji gwida se jiġi emendat biex jinkludu fatturi oħra ambjentali u soċjali.

    3.Sat-Q3 tal-2018, se jitwaqqaf Laboratorju ta’ Rappurtar Korporattiv Ewropew bħala parti mill-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG), sabiex jippromwovi l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-aħjar prattiki fir-rappurtar korporattiv, bħall-kontabbiltà ambjentali. F’dan il-forum, il-kumpaniji u l-investituri jkunu jistgħu jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar ir-rappurtar dwar is-sostenibbiltà, bħad-divulgazzjoni relatata mal-klima f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tat-TCFD.

    4.F’termini ta’ divulgazzjoni minn maniġers tal-assi u investituri istituzzjonali, bħala parti tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni fl-Azzjoni 7, huma jkunu mitluba li jiżvelaw kif iqisu l-fatturi ta’ sostenibbiltà fl-istrateġija tagħhom u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-investiment, b’mod partikolari għall-iskoperturi tagħhom għar-riskji marbuta mat-tibdil fil-klima.

    5.Il-Kummissjoni se titlob lill-EFRAG, fejn xieraq, biex jiġi vvalutat l-impatt tal-IFRS ġodda jew riveduti fuq l-investimenti sostenibbli 35 . Il-Kummissjoni se titlob ukoll lill-EFRAG biex jesplora trattamenti kontabilistiċi alternattivi potenzjali għall-kejl tal-valur ġust għal portafolli ta’ investiment ta' terminu twil u strumenti ta’ ekwità. Fir-Q4 tal-2018, il-Kummissjoni ser tirrapporta, b’kont meħud tal-ħidma attwali tal-EFRAG, fuq l-impatt tal-IFRS 9 fuq l-investimenti fit-tul u tesplora titjib fl-istandard għat-trattament ta’ strumenti azzjonarji.

    6.Fi ħdan il-kontroll tal-idoneità tal-leġislazzjoni tal-UE dwar ir-rapportar korporattiv pubbliku, il-Kummissjoni se tevalwa wkoll aspetti rilevanti tar-Regolament dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà. B’mod partikolari, se tesplora kif il-proċess tal-adozzjoni tal-IFRSs jista' jippermetti aġġustamenti speċifiċi għall-istandards fejn ma jwasslux għall-ġid pubbliku Ewropew, eż. fejn l-istandards jistgħu joħolqu ostaklu għal għanijiet ta’ investiment fuq terminu twil.

    4.2 Governanza korporattiva u perspettiva għal żmien qasir tas-swieq kapitali sproporzjonata 

    Il-governanza korporattiva tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal ekonomija aktar sostenibbli, li tippermetti lill-kumpaniji li jieħdu passi strateġiċi meħtieġa biex jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda, biex isaħħu l-mudelli ta’ negozju u biex titjieb il-prestazzjoni. Dan min-naħa tiegħu jista’ jwassal għal titjib fil-prattiki ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom u l-kompetittività, biex b’hekk jinħolqu l-impjiegi u tiżdied l-innovazzjoni. Ħafna kumpaniji għandhom strateġiji ta’ governanza korporattiva għal dan il-għan, anki jekk dawn mhux dejjem ikunu faċilment komparabbli.

    Minkejja l-isforzi li saru minn diversi kumpaniji Ewropej, il-pressjonijiet tas-suq fuq żmien qasir bla bżonn jistgħu jagħmluha diffiċli biex jitwal iż-żmien tat-teħid ta’ deċiżjonijiet korporattivi. Maniġers korporattivi jistgħu jsiru wisq iffukati fuq il-prestazzjoni finanzjarja għal perjodu qasir u jinjoraw l-opportunitajiet u r-riskji li jirriżultaw minn kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà ambjentali u soċjali. Bħala konsegwenza, l-interazzjonijiet bejn pressjonijiet tas-suq kapitali u inċentivi korporattiva, jistgħu jwasslu għal esponiment bla bżonn fuq medda twila ta’ żmien għal riskji ta’ sostenibbiltà. Il-Kummissjoni se taħdem mal-partijiet interessati kollha biex tanalizza din il-kwistjoni aktar mill-qrib.

    Azzjoni 10: It-trawwim ta’ governanza korporattiva sostenibbli u l-attenwazzjoni tal-perspettiva għal żmien qasir tas-swieq kapitali

    1.Biex tippromwovi l-governanza korporattiva li hija aktar favorevoli għal investimenti sostenibbli, mit-Q2 tal-2019, il-Kummissjoni se twettaq xogħol analitiku u konsultattiv mal-partijiet interessati rilevanti biex tivvaluta: (i) il-ħtieġa possibbli li l-bordijiet korporattivi jiġu obbligati biex tiżviluppaw u jiżvelaw strateġija għas-sostenibbiltà, inkluż diliġenza xierqa dovuta tul il-katina tal-provvista, u miri għas-sostenibbiltà li jistgħu jitkejlu; u (ii) il-ħtieġa possibbli li jiġu ċċarati r-regoli li skont liema d-diretturi huma mistennija li jaġixxu fl-interess fit-tul tal-kumpanija.

    2.Il-Kummissjoni tistieden lill-ESAs li jiġbru evidenza ta’ pressjoni bla bżonn fuq terminu qasir mis-swieq kapitali fuq il-korporazzjonijiet u tikkunsidra, jekk ikun meħtieġ, aktar passi ibbażata fuq tali provi sat-Q1 tal-2019. B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni tistieden lill-ESMA biex tiġbor informazzjoni fuq perspettiva għal żmien qasir wisq fis-swieq kapitali, inkluż: (i) fatturat tal-portafoll u perjodi ta’ parteċipazzjoni fil-kapital minn maniġers tal-assi; (ii) jekk ikunx hemm xi prattiki fis-swieq kapitali li jiġġeneraw pressjoni bla bżonn fuq terminu qasir fl-ekonomija reali.

    5L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni

    Politiki kuraġġużi u ambizzjużi lejn l-ilħuq tal-isfidi tat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali, it-tnaqqis tar-riżorsi u s-sostenibbiltà soċjali jistgħu jkunu ta’ suċċess biss jekk jiġu indirizzati bil-prijoritizzazzjoni u s-sekwenzar ġust.

    Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jenfasizza b’mod partikolari l-importanza u l-urġenza tal-iżvilupp ta’ tassonomija tal-UE, li tkun tipprovdi defini unifikati u tippermetti informazzjoni affidabbli u komparabbli dwar investimenti sostenibbli. Dan huwa prekundizzjoni għal azzjonijiet bħal standards, tikketti, il-kalibrar tar-rekwiżiti prudenzjali u l-użu ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju. It-tassonomija tal-UE hija wkoll kumplimentari għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet bħad-divulgazzjoni korporattiva jew l-għoti ta’ parir finanzjarju 36 . Filwaqt li x-xogħol tat-tassonomija se jibda fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-ambitu se jiġi estiż progressivament għall-adattament għat-tibdil fil-klima u kwistjonijiet ambjentali oħra u, aktar tard, għal sostenibbiltà soċjali. Dan l-approċċ jirrifletti l-urġenza li tittieħed azzjoni kontra l-bidla fil-klima u li jintlaħqu l-miri fuq terminu twil tal-klima u l-enerġija tagħna.

    L-implimentazzjoni tal-istrateġija tgħaqqad flimkien azzjonijiet mhux leġislattivi u leġislattivi ma’miżuri ġodda u emendi mmirati bir-reqqa għar-regoli eżistenti. Flimkien ma’ miżuri leġiżlattivi, miżuri mhux leġiżlattivi se jiżguraw l-adattabbiltà u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi 37 . Il-Kummissjoni se tiżgura li kwalunkwe impatt rilevanti tal-leġiżlazzjoni tas-servizzi finanzjarji fuq is-sostenibbiltà tiġi evalwata b’mod adegwat fil-valutazzjonijiet tal-impatt rilevanti, konsultazzjonijiet pubbliċi u l-evalwazzjonijiet ex post, f’konformità mal-linji gwida u s-sett ta’ għodod dwar Regolamentazzjoni Aħjar 38 .

    L-implimentazzjoni bla xkiel ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, kif ukoll il-monitoraġġ tal-kisba tat-tliet għanijiet ewlenin, se jkun jeħtieġ appoġġ tekniku xieraq u struttura ta’ governanza soda, minħabba l-kompetenza meħtieġa madwar l-oqsma kollha ta’ żvilupp sostenibbli.

    Fi żmien qasir, il-Pjan ta’ Azzjoni jitlob lill-ESAs sabiex jipprovdu appoġġ dirett għall-implimentazzjoni tagħha billi jwettqu kompiti speċifiċi, skont il-linji proposti f’din l-istrateġija. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-ESAs jipprovdu gwida dwar kif kunsiderazzjonijiet rigward is-sostenibbiltà jistgħu effettivament jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji rilevanti tal-UE u jgħinu biex jiġu identifikati l-lakuni eżistenti. Jenħtieġ li huma jippromwovu wkoll il-konverġenza dwar l-implimentazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà, fil-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni se tivvaluta r-riżorsi futuri tal-ESAs fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali ta’ wara l-2020. Fi żmien qasir jenħtieġ li l-ESAs ikollhom rwol importanti fl-identifikazzjoni u r-rappurtar dwar ir-riskji li joħolqu fatturi ta’ sostenibbiltà għall-istabbiltà finanzjarja. Dan jista’ jsir permezz tal-iżvilupp ta’ metodoloġija komuni tal-UE għal analiżi tax-xenarji rilevanti, li aktar tard jistgħu jevolvu fi klima/ambjent tal-ittestjar tal-istress.

    Fuq medda itwal ta’ żmien, minħabba l-implikazzjonijiet li s-sistema ta’ klassifikazzjoni ġdida (tassonomija) għandha fuq l-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni u biex tiġi żgurata l-adattabbiltà tul iż-żmien, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tistabbilixxi struttura ta’ governanza aktar stabbli, li għandha tkun operattiva ladarba l-qafas legali dwar it-tassonomija jkun fis-seħħ. Din l-istruttura ta’ governanza se tkun pjattaforma pubblika-privata li tlaqqa’ flimkien l-esperti u l-parteċipanti tas-suq ma’ korpi tas-settur pubbliku, bħal l-ESAs, l-EEA, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Eurostat. B’mod partikolari, din il-Pjattaforma se tissorvelja l-iżviluppi ewlenin sabiex jiġi żgurat skalar’ il fuq b’mod progressiv u l-adattabilità tat-tassonomija ta’ sostenibbiltà tal-UE. Maż-żmien, din tista’ twettaq ukoll kompiti oħra meħtieġa sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni. Il-pjattaforma tista’ wkoll tagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet finanzjarji sostenibbli futuri u se tipprovdi l-forum ċentrali għad-diskussjoni fost dawk li jfasslu l-politika u partijiet interessati rilevanti oħra. Billi tqajjem kuxjenza u tiffaċilita l-ħidma li trid issir, il-Pjattaforma se tiżgura li s-sostennibbiltà tibqa’ element permanenti fit-tfassil tal-politika matul iż-żmien.

    6It-triq 'il quddiem

    Dan il-Pjan ta’ Azzjoni se jkun strumentali biex jgħin jinkisbu r-riżultati dwar il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-passi li jmiss għal futur Ewropew Sostenibbli: azzjonijiet Ewropej għas-sostenibbiltà”. Fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017, il-President Jean-Claude Juncker iddikkjara l-ambizzjoni għall-Ewropa li tkun fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Wara d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li tirtira mill-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015, hemm ħtieġa dejjem tikber għal tmexxija globali fil-mixja lejn żvilupp sostenibbli. L-Ewropa qiegħda f’pożizzjoni tajba biex issaħħaħ ir-rwol ta’ mexxejja globali u, permezz ta’ dan, tista’ ssir id-destinazzjoni magħżula għal investimenti sostenibbli, bħal teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju.

    Il-Kummissjoni tagħraf li s-settur finanzjarju għandu rwol ewlieni biex jintlaħqu dawn l-għanijiet ambjentali u soċjali fundamentali, peress li ammonti kbar ta’ kapital privat jeħtieġ li jiġu mobilizzati għal tali bidla. Il-Kummissjoni ser timmira wkoll li jiġi minimizzat l-impatt ta’ riskji għall-istabbiltà finanzjarja li jirriżultaw minn kwistjonijiet soċjali u ambjentali għas-sistema finanzjarja u għaċ-ċittadini li huma affettwati mill-impatti negattivi sinifikattivi tat-tibdil fil-klima. Dan se jgħin biex in-negozji Ewropej jibqgħu kompetittivi f’ekonomija globali li qed tinbidel.

    Madankollu, l-Unjoni Ewropea ma tistax twassal din il-bidla fit-tul waħedha. Sforz globali u koordinat, huwa kruċjali. Bi-twaqqif ta’ parametru referenzjarju għal politiki tal-finanzi sostenibbli f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni tappella wkoll għal atturi oħra, inklużi l-Istati Membri, 39 is-superviżuri, is-settur privat u pajjiżi ewlenin mhux tal-UE, biex jieħdu azzjoni deċiżiva biex jippromwovu u jmexxu t-trasformazzjoni fl-oqsma rispettivi tagħhom. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni għalhekk għandu l-għan li jkun mudell għal diskussjonijiet futuri f’fora internazzjonali biex jiġi promoss approċċ imġedded lejn il-ġestjoni tas-sistema finanzjarja b’mod aktar sostenibbli. Il-Kummissjoni se tippromwovi diskussjonijiet dwar dan il-Pjan ta’ Azzjoni f’fora eżistenti, bħall-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, il-G20, il-G7, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO).

    Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni fl-2019. L-istrateġija stipulata f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni hija l-ewwel pass essenzjali fil-mixja lejn is-sostenibbiltà. Iżda jeħtieġ li tiġi kkumplimentata b’miżuri f’oqsma oħra 40 , li jeħtieġu sforzi miftiehma mill-atturi rilevanti kollha, biex tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha.



    Anness I — Rwol tat-tassonomija tal-UE fil-Pjan ta’ Azzjoni



    Anness II — Implimentazzjoni kronoloġija

    Miżuri lejn l-inkorporazzjoni tar-riskji relatati mal-klima f’rekwiżiti prudenzjali skont it-tassonomija tal-UE

    Il-Grupp ta’ Esperti jirrapporta dwar tassonomija fuq l-attivitajiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima NL

    Il-Grupp ta’ Esperti jirrapporta dwar tassonomija fuq l-attivitajiet ta’ adattament tat-tibdil fil-klima u attivitajiet ambjentali oħra NL

    COM għandha tippubblika kontroll tal-idoneità tal-leġislazzjoni tal-UE dwar ir-rapportar korporattiv pubbliku NL

    COM għandha temenda linji gwida mhux vinkolanti dwar informazzjoni mhux finanzjarja C

    COM għandha tippubblika studju komprensiv dwar klassifikazzjonijiet u riċerka ta’ sostenibbiltà NL

    COM għandha temenda l-atti delegati IDD u MiFID II biex issaħħaħ il-konsiderazzjoni ta’ sostenibbiltà fil-valutazzjoni tal-adegwatezza L2

    Proposta biex tiċċara d-dmirijiet tal-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi L; Inizjattiva għall-armonizzazzjoni tal-parametri referenzjarji emittenti ta’ karbonju baxx L/NL

    Proposta għal regolament bi prinċipji u kamp ta’ applikazzjoni għal tassonomija tal-UE L


    Anness III — Ħidma tal-inizjattivi stabbiliti minn dan il-Pjan ta’ Azzjoni 

    Dan l-anness jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-inizjattivi inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni. It-tabelli hawn taħt ukoll jindikaw- fejn diġà stabbilit — jekk miżura tiħux il-forma ta’ proposta leġiżlattiva (L), l-miżura ta’ livell 2 (L2) jew miżura mhux leġiżlattiva (NL).

    1. Twaqqif ta’ SISTEMA TA’ KLASSIFIKAZZJONI TAL-UE għal ATTIVITAJIET ta’ Sostenibbiltà

    Skont ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt, il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp għal tassonomija tal-UE għall-bidla fil-klima, attivitajiet ambjentalment u soċjalment sostenibbli

    (L)

    Q2 2018

    Rapport tal-grupp espert tekniku tal-Kummissjoni li jipprovdi tassonomija għal attivitajiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima

    (NL)

    Q1 2019

    Rapport tal-grupp espert tekniku tal-Kummissjoni li jipprovdi tassonomija għal attivitajiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u attivitajiet oħra ambjentali

    (NL)

    Q2 2019

    2. ĦOLQIEN TA’ STANDARDS U TIKKETTI JEW GĦAL PRODOTTIFINANZJARJI TEKNOLOĠIĊI

    Rapport tal-grupp espert tekniku tal-Kummissjoni dwar standard għal bonds ekoloġiċi

    (NL)

    Q2 2019

    Att delegat tal-Kummissjoni dwar il-kontenut tal-prospett għal ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi

    (L2)

    Q2 2019

    Valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE għal prodotti finanzjarji

    (NL)

    Mit-Q2 tal-2018

    3. TRAWWIM TA’ INVESTIMENT FI PROĠETTI SOSTENIBBLI

    Filwaqt li tibni fuq l-isforzi li għaddejjin biex tissaħħaħ il-kapaċità konsultattiva, inkluż għall-iżvilupp ta’ proġetti ta’ infrastruttura sostenibbli, il-Kummissjoni se tieħu aktar miżuri li jtejbu l-effiċjenza u l-impatt ta’ strumenti mmirati lejn l-appoġġ għall-investiment sostenibbli fl-UE u fil-pajjiżi sieħba.

    4. L-INKORPORAZZJONI TAL-INVESTIMENT META JIĠU PROVDUTI pariri finanzjarji

    Skont ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha, l-atti delegati tal-Kummissjoni (MiFID u IDD) dwar il-valutazzjoni ta’ adegwatezza

    (L2)

    Q2 2018

    L-ESMA se tinkludi l-preferenzi tas-sostenibbiltà bħala parti mill-linji gwida tagħha dwar il-valutazzjoni ta’ adegwatezza  

    (NL)

    Q4 2018

    5. ŻVILUPP TA’ PARAMETRI REFERENZJARJI TAS-SOSTENIBBILTÀ

    Atti delegati tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza tal-metodoloġija ta’ parametri referenzjarji u dwar il-karatteristiċi ta’ parametri referenzjarji

    (L2)

    Q2 2018

    Skont ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha, inizjattiva li toħloq kategorija speċifika ta’ parametri referenzjarji li jinkludu l-emittenti b’livell baxx ta’ karbonju

    (L/NL)

    Q2 2018

    Rapport ta’ grupp ta’ esperti tekniċi tal-Kummissjoni dwar it-tfassil u l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju

    (NL)

    Q2 2019

    6. INTEGRAZZJONI AĦJAR TAS-SOSTENIBBILTÀ FIL-KLASSIFIKAZZJONI U R-RIĊERKA

    Ir-rapport tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar fuq l-azzjonijiet li jinvolu l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu

    (NL)

    Q3 2019

    L-ESMA tivvaluta l-prattiki kurrenti fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu; L-ESMA se tinkludi informazzjoni dwar l-ESG fil-linji gwida tagħha dwar id-divulgazzjoni għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu

    (NL)

    Q2 2019

    Studju il-klassifikazzjonijiet u r-riċerka tas-sostenibbiltà

    (NL)

    Q2 2019

    7. KJARIFIKA TAD-DMIRIJIET TAL-INVESTITURI ISTITUZZJONALI U L-MANIĠERS TAL-ASSI

    Skont ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt, il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni biex tiċċara d-dmirijiet tal-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi fuq is-sostenibbiltà u biex tiżdied it-trasparenza tal-investituri finali, inkluż it-trasparenza dwar l-istrateġija tagħhom u l-iskoperturi relatati mal-klima

    (L)

    Q2 2018

    8. L-INKORPORAZZJONI TAS-SOSTENIBBILTÀ FIR-REKWIŻITI PRUDENZJALI

    Ħidma lejn l-inkorporazzjoni tar-riskji tal-klima f’politiki tal-ġestjoni tar-riskju tal-istituzzjonijiet u dwar l-ikkalibrar tar-rekwiżiti kapitali tal-banek u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital u d-Direttiva sabiex jitqiesu r-riskji relatati mat-tibdil fil-klima filwaqt li tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja u tiġi żgurata l-koerenza mat-tassonomija tal-UE.

    Il-kwistjoni qed tiġi diskussa fil-proċedura leġiżlattiva li għaddejja bħalissa

    2018-2019

    Il-Kummissjoni se tistieden lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol se tivvaluta l-impatt tar-regoli prudenzjali għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni fuq l-investiment sostenibbli

    (NL)

    Q3 2018

    9. IT-TISĦIĦ TAD-DIVULGAZZJONI GĦAS-SOSTENIBBILTÀ U T-TFASSIL TAR-REGOLI TAL-KONTABBILTÀ

    Il-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-kontroll tal-idoneità dwar ir-rapportar korporattiv pubbliku. Dan ser jiġi kkunsidrat fi kwalunkwe azzjoni leġiżlattiva futura mill-Kummissjoni.

    (NL)

    Q2 2019

    Reviżjoni tal-linji gwida dwar informazzjoni mhux finanzjarja fir-rigward ta’ informazzjoni relatata mal-klima.

    (NL)

    Q2 2019

    Suġġett għar-riżultat tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha, proposta li teħtieġ li l-maniġers tal-assi u l-investituri istituzzjonali jiżvelaw kif iqisu fatturi ta’ sostenibbiltà fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom (bħala parti mill-proposta prevista fl-azzjoni 7).

    (L)

    Q2 2018

    Twaqqif ta’ Laboratorju ta’ Rappurtar Korporattiv Ewropew bħala parti tal-EFRAG

    (NL)

    Q3 2018

    Il-Kummissjoni se titlob sistematikament lill-EFRAG biex jiġi vvalutat fil-parir ta’ approvazzjoni l-l-impatt potenzjali tal-istandards tal-IFRS ġodda jew riveduti fuq l-investimenti sostenibbli.

    (NL)

    Q1 2018

    Il-Kummissjoni se titlob lill-EFRAG biex trattamenti kontabilistiċi alternattivi sodi għall-kejl tal-valur ġust għal portafolli ta’ investiment ta' terminu twil u strumenti ta’ ekwità.

    (NL)

    Q2 2018

    Rapport tal-Kummissjoni dwar l-impatt tal-IFRS 9 fuq l-investimenti fit-tul

    (NL)

    Q4 2018

    10. IT-TRAWWIM TA’ GOVERNANZA KORPORATTIVA SOSTENIBBLI U T-TNAQQIS TA’ PERSPETTIVA GĦAL ŻMIEN QASIR fis-swieq kapitali

    Il-valutazzjoni ta’ modi potenzjali biex tiġi promossa l-governanza korporattiva li twassal għal finanzi sostenibbli

    (NL)

    Q2 2019

    L-ESAs biex tiġbor evidenza ta’ pressjoni bla bżonn fuq terminu qasir ta’ żmien mis-swieq kapitali fuq il-korporazzjonijiet u tikkunsidra aktar passi ibbażati fuq tali evidenza.

    (NL)

    Q1 2019



    Anness IV - Viżwalizzazzjoni tal-azzjonijiet

    (1)

    Ara l-konklużjonijiet maqbula f’Diċembru 2015 fuq http://unfccc.int/paris_agreement/items/9485.php

    (2)

      https://sustainabledevelopment.un.org/post2015/transformingourworld

    (3)

     Ara, fost l-oħrajn, l-Art. 3.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u r-rwol tal-kwistjonijiet ambjentali u soċjali fil-kooperazzjoni internazzjonali (art. 21 TUE).

    (4)

     Dawn il-prijoritajiet jinkludu l-Pakkett ta’ Politika tal-Arja Nadifa ( http://ec.europa.eu/environment/air/clean_air/index.htm ), il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari ( http://ec.europa.eu/environment/circular-economy/implementation_report.pdf ), l-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija ( http://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:1bd46c90-bdd4-11e4-bbe1-01aa75ed71a1.0001.03/DOC_1&format=PDF ) inkluż il-Pakkett Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima ( https://ec.europa.eu/clima/policies/adaptation/what_en ), l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa ( http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52016DC0381&from=EN ), il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ( https://ec.europa.eu/commission/priorities/deeper-and-fairer-economic-and-monetary-union/european-pillar-social-rights/european-pillar-social-rights-20-principles_en ), l-iżvilupp ta’ “prinċipji tal-finanzjament tal-ekonomija blu” u l-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa ( https://ec.europa.eu/commission/priorities/jobs-growth-and-investment/investment-plan-europe-juncker-plan_en ).

    (5)

      https://ec.europa.eu/info/publications/mid-term-review-capital-markets-union-action-plan_mt

    (6)

      https://ec.europa.eu/info/publications/180131-sustainable-finance-report_en

    (7)

     Li jkopri, pereżempju, it-tniġġis tal-arja u tal-ilma, it-tnaqqis tar-riżorsi u t-telf tal-bijodiversità.

    (8)

     Waħda mill-erba’ prijoritajiet għall-azzjoni skont il-Qafas Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri tiffoka fuq l-investiment fit-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri għar-reżiljenza.

    (9)

     Il-governanza hija għodda biex l-għanijiet ambjentali u soċjali jiġu integrati fid-deċiżjonijiet tal-investiment pubbliċi u privati. Pereżempju, ir-regoli tal-kumpens jew tal-inċentivi tal-maniġers li jipproteġu d-drittijiet tal-azzjonisti mill-maniġers huma għodod li jiżguraw l-ugwaljanza bejn il-partijiet ikkonċernati differenti ta’ kumpanija, jiġifieri l-maniġers, il-ħaddiema, l-azzjonisti u oħrajn. F’dan il-każ, billi tiġġieled kontra l-inugwaljanza f’kumpanija, il-governanza twettaq għan soċjali.

    (10)

     L-istima hija ta’ nuqqas fl-investiment medju annwali għall-perjodu 2021-2030, abbażi tal-projezzjonijiet tal-mudell PRIMES użati mill-Kummissjoni Ewropea fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Proposta tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika (2016), http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1483696687107&uri=CELEX:52016SC0405 .  

    (11)

     BEI, “Restoring EU competitiveness” (“Nerġgħu nistabbilixxu l-kompetittività tal-UE”), 2016. L-istima, sal-2020, tinkludi investimenti fl-immodernizzar tat-trasport u l-loġistika, titjib tan-netwerks tal-enerġija, żieda fl-iffrankar tal-enerġija, sorsi tal-enerġija rinnovabbli, titjib tal-imaniġġar tar-riżorsi, inkluż l-ilma u l-iskart.

    (12)

     Il-Kummissjoni Ewropea, Azzjoni Klimatika, https://ec.europa.eu/clima/policies/budget_en

    (13)

    Lancet Report 2017, p. 7.

    (14)

    $129 biljun, bħal-Lancet Report 2017; b Ostry et al, 2014: https://www.imf.org/external/pubs/ft/sdn/2014/sdn1402.pdf

    (15)

    Battiston, S., A. Mandel, I. Monasterolo, F. Schutze, u G. Visentin, “A climate stresstest of the financial system,” Nat. Clim. Chang., vol. 7, nru 4, pp. 283-288, Apr. 2017.

    (16)

     Kemm it-telf tal-bijodiversità u l-kollass tal-ekosistemi, kif ukoll l-iskarsezza tal-ilma, ġew elenkati fost l-akbar għaxar riskji globali mir-Rapport dwar ir-Riskji Globali tal-2018 tal-Forum Ekonomiku Dinji.

    (17)

     Ostry et al, 2014: https://www.imf.org/external/pubs/ft/sdn/2014/sdn1402.pdf

    (18)

    Il-Grupp ta’ Studju dwar il-Finanzjament Ekoloġiku tal-G20, G20 Green Finance Synthesis Report (ir-Rapport ta’ Sinteżi tal-Qasam Finanzjarju Ekoloġiku tal-G20), 2016.

    (19)

    Bħas-sistema Franċiża u l-SRI: Riżultati tat-Tmien Stħarriġ Nazzjonali mmexxi minn Ipsos għal Vigeo Eiris u l-FIR; Natixis Gobal Asset Management, “Mind Shift – Getting past the screens of responsible investing”, 2017; u Schroders, “Global perspectives on sustainable investing”, 2017.

    (20)

     Fondi tal-investiment soċjalment responsabbli jew Fondi tal-investiment sostenibbli u responsabbli huma fondi li jintegraw il-fatturi ambjentali, soċjali u tal-governanza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-investiment tagħhom.

    (21)

     OECD, Investing in Climate, Investing and Growth, 2017.

    (22)

     Dan jirrigwarda b’mod partikolari t-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, pereżempju fil-binjiet, u l-iskjerar tal-enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni pproponiet azzjonijiet li jistimulaw dawn l-investimenti bħala parti mill-pakkett Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha.

    (23)

     Bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

    (24)

    Minn Frar 2018.

    (25)

     Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b’mod effiċjenti wara l-2020” - il-kontribut tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa Informali tal-Mexxejja tat-23 ta’ Frar 2018.

    (26)

     L-użu tal-kummerċjalizzazzjoni sabiex il-prodotti, l-attivitajiet jew il-politiki ta’ organizzazzjoni jitpinġew bħala favur l-ambjent meta ma jkunux.

    (27)

     Inklużi Solvenza II, IORP II, UCITS, AIFMD u MiFID II.

    (28)

    Battiston et al.; għal litteratura aktar komprensiva, jekk jogħġbok ara ESRB (2016) Too late, too sudden: https://www.esrb.europa.eu/pub/pdf/asc/Reports_ASC_6_1602.pdf .

    (29)

     Il-BERS (2016) Too late, too sudden: https://www.esrb.europa.eu/pub/pdf/asc/Reports_ASC_6_1602.pdf .

    (30)

     Diversi inizjattivi tas-suq qed jibdew jiġbru data rilevanti għal aktar valutazzjoni bir-reqqa tar-riskju ta’ investimenti sostenibbli. Eż. EeMAP inizjattiva ffinanzjata mill-UE qed twettaq ix-xogħol li juri korrelazzjoni bejn l-effiċjenza enerġetika fil-bini u l-prestazzjoni tal-ipoteka.

    (31)

     L-Artikolu 77f u 111 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

    (32)

    Skont is-sena finanzjarja 2017 ta’ kumpaniji kbar b’aktar minn 500 impjegat elenkati f’suq regolat kif ukoll banek u kumpaniji mhux kwotati.

    (33)

      http://www.europarl.europa.eu/oeil-mobile/fiche-procedure/2016/2898(RSP)

    (34)

      https://www.fsb-tcfd.org/

    (35)

     Dan se jsir bħala parti mill-analiżi tal-EFRAG tal-kriterju tal-ġid pubbliku Ewropew.

    (36)

    L-Anness I juri r-rwol kruċjali tat-tassonomija tal-UE għad-diversi miżuri stabbiliti f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni.

    (37)

    L-Anness II jiċċara l-iskeda ta’ żmien u s-sekwenzjar tal-miżuri ewlenin stabbiliti f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni.

    (38)

      https://ec.europa.eu/info/better-regulation-guidelines-and-toolbox_mt

    (39)

     Il-Kummissjoni ser twaqqaf grupp ta’ esperti apposta tal-Istati Membri dwar il-finanzjament sostenibbli.

    (40)

     Bħalma huma l-ambjent (inkluż kapital naturali), id-dimensjonijiet soċjali, ir-riżorsi tal-baħar u l-agrikoltura.

    Top