IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.2.2018
COM(2018) 73 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief
1. Introduzzjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi l-emissjonijiet medji tas-CO2 għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda rreġistrati fl-Unjoni, permezz ta’ titjib fit-teknoloġija tal-vetturi u teknoloġiji innovattivi.
Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, kif imsemmi fl-Artikolu 15(1) bil-ħsieb li:
·temenda l-Anness II u tadotta regoli dettaljati għall-monitoraġġ u r-rappurtar tad-data dwar l-emissjonijiet medji, kif previst fl-Artikolu 8(9);
·tissupplimenta r-Regolament, fost l-oħrajn, dwar l-interpretazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għad-derogi, dwar il-kontenut tal-applikazzjonijiet, u dwar il-kontenut u l-valutazzjoni ta’ programmi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2, kif previst fl-Artikolu 11(7);
·sal-31 ta’ Ottubru 2016 (u kull tliet snin minn dakinhar), temenda l-Anness I biex tiġi aġġustata ċ-ċifra ta’ M0 għall-massa medja ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda fit-tliet snin preċedenti, kif previst fl-Artikolu 13(5);
·temenda l-Anness I biex tadatta l-formoli biex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet speċifiċi indikattivi ta’ CO2 ta’ vetturi kummerċjali ħfief, kif previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 13(6).
2. Bażi ġuridika
B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha l-għan li tissodisfa l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011. Skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin, li jibda mit-3 ta’ Ġunju 2011. Il-Kummissjoni hija meħtieġa wkoll tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lilha b’dak ir-Regolament. Ir-rapport għandu jitfassal sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta’ ħames snin tad-delega. Id-delega tas-setgħa tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokawhiex.
3. Eżerċitar tad-delega
L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 8(9), l-Artikolu 11(7), l-Artikolu 13(5) u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 13(6) ta’ dak ir-Regolament.
3.1 L-Artikolu 8(9) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 jeħtieġ li l-Kummissjoni temenda l-Anness II u tistabbilixxi, permezz ta’ atti delegati, regoli dettaljati għall-monitoraġġ u r-rappurtar tad-data dwar l-emissjonijiet medji ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda rreġistrati fit-territorju tal-UE.
Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 510/2011, il-Kummissjoni adottat żewġ atti delegati skontu:
a)Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 205/2012 jemenda l-Anness II tar-Regolament dwar l-Emissjonijiet tal-Vannijiet fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri. Dan l-att delegat ġie adottat mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Jannar 2012 u ntbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-iskrutinju. L-objettiv ewlieni tiegħu huwa li jitjiebu l-mezzi għall-verifika tal-preċiżjoni tad-data billi:
·jitlob li d-data miġbura mill-Istati Membri tkun konsistenti maċ-ċertifikat tal-konformità tal-vetturi kkonċernati;
·jippermetti l-użu ta’ sorsi oħra ta’ data li jipprovdu preċiżjoni ekwivalenti għall-finijiet tal-monitoraġġ u r-rappurtar tas-CO2;
·iżid in-numru tal-approvazzjoni tat-tip bħala parametru tad-data dettaljata li għandu jkun rappurtat;
·jaġġorna l-format għat-trażmissjoni tad-data, sabiex tkun żgurata konsistenza bejn ir-rekwiżiti differenti.
b)Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2014 jissuplimenta r-Regolament (UE) Nru 510/2011 fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri. Dan l-att delegat ġie adottat mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Frar 2014 u ntbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-iskrutinju. L-objettiv ewlieni tiegħu hu li jadatta r-regoli dwar ir-rekwiżiti tar-rappurtar għall-metodu l-ġdid għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet ta’ CO2 għal vetturi kompletati b’diversi stadji, kif stipulat fl-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008.
3.2 L-Artikolu 11(7) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 jeħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti delegati sabiex tissupplimenta r-Regolament, fost l-oħrajn, fejn tidħol l-interpretazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għad-derogi, il-kontenut tal-applikazzjonijiet, u l-kontenut u l-valutazzjoni tal-programmi għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2.
Dan l-att delegat
ġie adottat mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Novembru 2012 u ntbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-iskrutinju. L-għan ewlieni ta’ dan l-att legali huwa li jistabbilixxi l-informazzjoni li għandha tingħata mill-manifatturi ta' volum żgħir, bil-fini li juru li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal deroga minn miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 skont ir-Regolament (UE) Nru 510/2011.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat żewġ atti delegati għall-fini li jiġu kkoreġuti l-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2 ta’ referenza għal żewġ manifatturi ta’ volum żgħir:
a)Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1047/2013
jikkoreġi l-emissjonijiet speċifiċi medji tal-manifattur Piaggio għas-sena kalendarja 2010, wara n-notifika mill-applikant ta’ emissjonijiet ogħla mill-valur indikat fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 114/2013
;
b)Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 482/2014
jikkoreġi l-emissjonijiet speċifiċi medji tal-manifattur Great Wall Motor Company Limited għas-sena kalendarja 2010, wara n-notifika mill-applikant ta’ emissjonijiet ogħla mill-valur indikat fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 114/2013;
3.3 L-Artikolu 13(5) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 jeħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti delegati biex sal-31 ta’ Ottubru 2016 (u kull tliet snin minn dik id-data ’l quddiem) temenda l-Anness I ta’ dak ir-Regolament.
Dan l-att delegat
ġie adottat mill-Kummissjoni fl-14 ta’ Diċembru 2016 u ntbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-iskrutinju. L-għan ewlieni ta’ dan l-att legali huwa li jadatta l-valur tal-massa medja użat għall-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda, billi titqies il-massa medja tal-vetturi l-ġodda rreġistrati fl-Unjoni.
3.4 Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 13(6) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 jeħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti delegati biex tadatta l-formoli stabbiliti fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament.
Dan l-att delegat
ġie adottat mill-Kummissjoni fit-2 ta’ Ġunju 2017 u ntbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-iskrutinju. L-għan ewlieni ta’ dan l-att legali huwa li jadatta l-miri speċifiċi tal-emissjonijiet ta’ CO2 u r-rekwiżit tal-monitoraġġ u r-rappurtar għall-bidla fil-proċedura tat-test regolatorju għall-kejl ta’ emissjonijiet bħal dawn. Il-Proċedura ta' Ttestjar Armonizzata fuq Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP) hija stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151
u tissostitwixxi ċ-Ċiklu ta’ Sewqan Ewropew Ġdid (NEDC) skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008
, b’effett mill-1 ta’ Settembru 2017.
4. Konklużjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 ilu japplika mill-2011. Sa issa, il-Kummissjoni adottat atti delegati biex tiddefinixxi u temenda r-regoli għall-monitoraġġ u r-rappurtar tad-data dwar l-emissjonijiet medji, b’mod partikolari dawk li jistabbilixxu d-dettalji dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-manifatturi li jixtiequ japplikaw għal deroga tal-emissjonijiet u jaġġustaw il-formoli tal-kalkolu tal-miri u tal-valuri tal-massa fl-Annessi I u II ta’ dak ir-Regolament. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma qajmu l-ebda oġġezzjoni bħala riżultat tal-iskrutinju ta’ dawk l-atti.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.