Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0041

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tad-Direttiva 2009/110/KE b’mod partikolari dwar l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi

    COM/2018/041 final

    Brussell, 25.1.2018

    COM(2018) 41 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tad-Direttiva 2009/110/KE b’mod partikolari dwar l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi


    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

    dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tad-Direttiva 2009/110/KE b’mod partikolari dwar l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi

    1.INTRODUZZJONI

    L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/110/KE, dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi (minn hawn ’il quddiem l-“EMD2”) jeżiġi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew b’valutazzjoni sħiħa tal-implimentazzjoni u l-impatt tad-Direttiva, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta għar-reviżjoni tagħha, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Novembru 2012. Dan ir-rapport huwa t-tweġiba tal-Kummissjoni għal dan ir-rekwiżit.

    Il-proċess ta’ reviżjoni tal-EMD2 huwa bbażat fuq żewġ studji esterni ddedikati. L-ewwel studju kien jikkonsisti f’valutazzjoni tal-konformità ġuridika tat-traspożizzjoni tal-EMD2 fis-27 Stat Membru u ġie ffinalizzat f’April 2013. It-tieni studju analizza l-impatt ekonomiku tal-EMD2 fuq is-suq tal-flus elettroniċi u ġie ffinalizzat fl-aħħar tal-2014. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset il-kontribut mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati li nġabar permezz tal-kumitati konsultattivi tagħha għall-politika dwar il-pagamenti bl-imnut u aġġornat id-data dwar l-għadd ta’ istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi awtorizzati, eżentati u passportanti minn Jannar 2017.

    Dan ir-rapport ikopri s-snin bejn l-2009 u l-2014. Il-produzzjoni ta’ dan ir-rapport ġiet posposta minħabba li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri naqsu milli jimplimentaw id-Direttiva sad-data tat-traspożizzjoni ta’ April 2011. Sal-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ dan ir-rapport, jiġifieri fl-1 ta’ Novembru 2012, 23 Stat Membru biss kienu ttrasponew bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi fil-liġi nazzjonali rispettiva tagħhom –u f’ħafna każijiet, dan sar reċentement. Dak iż-żmien, l-esperjenza prattika li s-suq tal-flus elettroniċi kellu bl-EMD2 kienet limitata wisq biex jipprovdi rispons sinifikanti dwar l-effetti attwali tal-leġiżlazzjoni l-ġdida. Il-Kummissjoni qieset ukoll li kien importanti li jitqiesu r-riżultati tal-proċess ta’ rieżami tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas 1 (minn hawn ’il quddiem: il-PSD), li ser ikollha impatt fuq il-qafas legali għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi permezz tad-diversi kontroreferenzi fl-EMD2 għall-qafas legali tagħha. Id-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi ta’ Ħlas (PSD2) ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-aħħar tal-2015 u daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Jannar 2016.

    Fil-5 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat ukoll proposta leġiżlattiva għall-emendar tar-raba' Direttiva ((UE) 2015/849) dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus biex jiġu indirizzati l-aktar r-riskji reċenti ta’ finanzjament tat-terroriżmu li ħarġu wara l-attakki terroristiċi f’Pariġi (COM (2016), 450 (final)). Huwa probabbli li anke din il-proposta jkollha impatt fuq is-suq tal-flus elettroniċi fl-Unjoni, b’mod partikolari fejn tittratta strumenti anonimi mħallsa minn qabel, li l-użu tagħhom jista’ jsir aktar limitat. Ir-rapport dwar l-EMD2 ma setax iqis dan l-aktar żvilupp reċenti, iżda kwalunkwe tibdil potenzjali fil-qafas tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/finanzjament tat-terroriżmu f’dawn l-istrumenti ser ikollu jitqies f’reviżjoni possibbli tal-EMD2.

    Dan ir-rapport jiddeskrivi t-traspożizzjoni tal-EMD2 (taqsima 3), jirrieżamina l-applikazzjoni tagħha u l-impatt tagħha s’issa (taqsima 4) u l-impatt tar-reviżjoni reċenti tal-PSD (taqsima 5) u r-relazzjoni bejn l-EMD2 u r-Raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-flus 2 (AMLD4) (taqsima 6). Jidentifika l-kwistjonijiet ewlenin emerġenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva (taqsima 7), u jislet ċerti konklużjonijiet fit-taqsima 8. Il-ħidma fuq dan ir-rapport saret qabel l-adozzjoni tal-Linji Gwida attwali dwar Regolamentazzjoni Aħjar, u għalhekk ma jirrappreżentax valutazzjoni tal-EMD2 f’konformità ma’ dawn il-Linji Gwida.

    2. SFOND

    Il-flus elettroniċi huma l-ekwivalenti diġitali tal-flus u jistgħu jkunu bbażati fuq softwer jew fuq ħardwer. Il-flus elettroniċi bbażati fuq kard, bħal flus elettroniċi maħżuna fuq kard imħallsa minn qabel jew f'kartiera elettronika, ġeneralment huma deskritti bħala bbażati fuq ħardwer. Possibbiltà oħra hija li l-flus elettroniċi jinżammu f’kont tal-pagamenti fuq l-Internet. Imbagħad jitqiesu bħala bbażati fuq softwer.

    Il-qafas legali għall-flus elettroniċi ġie stabbilit bid-Direttiva 2000/46/KE dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenti tal-kummerċ ta’ istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi (minn hawn ’il quddiem: l-ewwel Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi).

    Fiż-żmien tar-rieżami tal-ewwel Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi fl-2006, iċ-ċifri dwar l-għadd limitat ta’ istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi kompletament liċenzjati jew dwar il-volum baxx ta’ flus elettroniċi maħruġa, urew li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-flus elettroniċi kienu effettivament għadhom ma qabdux. Retrospettivament ħafna qiesu li wħud mid-dispożizzjonijiet tal-Ewwel Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi, b’mod partikolari r-rekwiżiti kapitali imposti fuq l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, kienu għoljin wisq u għalhekk ostakolu għall-iżvilupp tas-suq tal-flus elettroniċi. Ir-rieżami tal-2006 ikkonkluda, b’mod partikolari fid-dawl tal-adozzjoni imminenti tal-PSD, li kien hemm bżonn ta’ azzjoni ulterjuri għall-promozzjoni tal-ħolqien ta’ suq uniku veru għas-servizzi tal-flus elettroniċi fl-Unjoni Ewropea.

    Wara dan, il-Kummissjoni pproponiet l-EMD2. Din id-Direttiva tiffoka fuq l-immodernizzar tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi, b’referenza speċjali għar-reġim prudenzjali tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, filwaqt li tiġi żgurata konsistenza mad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas.

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw l-EMD2 fl-2009 bil-għan li jiġi stabbilit qafas legali modern u armonizzat għall-ħruġ u l-fidi tal-flus elettroniċi, li jippermetti t-tfassil ta’ servizzi tal-flus elettroniċi ġodda, innovattivi u siguri. Għaldaqstant, l-EMD2 tipprovdi sett ta’ regoli kompletament armonizzati u ssimplifikati fir-rigward tal-liċenzjar ta’ istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi u ssaħħaħ id-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-fidi ta’ fondi mill-konsumaturi. Dan japplika għall-fornituri ta’ servizzi tal-flus elettroniċi fl-Istati Membri kollha tal-UE kif ukoll fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja.

    Permezz tal-immodernizzar tar-regoli tal-UE dwar il-flus elettroniċi, speċjalment billi ġabet ir-reġim prudenzjali għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi konformi mar-rekwiżiti għall-istituzzjonijiet ta’ pagamenti fil-PSD, l-għan tal-EMD2 kien li kumpaniji ġodda jingħataw aċċess għas-suq u li titrawwem kompetizzjoni reali u effettiva bejn il-parteċipanti kollha fis-suq biex titjieb l-effiċjenza u jitnaqqas il-kost tal-pagamenti.



    3.TRASPOŻIZZJONI TAL-EMD2

    L-Istati Membri kellhom jimplimentaw id-Direttiva 3 f’liġi nazzjonali sat-30 ta’ April 2011. Konsulent estern 4 wettaq valutazzjoni tal-konformità tal-miżuri nazzjonali f’27 Stat Membru (minbarra l-Kroazja) li jimplimentaw l-EMD2, li kopriet ħafna mill-artikoli tad-Direttiva li ġiet finalizzata f’April 2013.

    Din il-valutazzjoni tal-konformità wriet li b’mod ġenerali, il-liġijiet ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri kienu konformi mad-Direttiva. Filwaqt li l-approċċ ġenerali tal-EMD2 kien wieħed ta’ armonizzazzjoni sħiħa, uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha ħallew xi flessibbiltà għall-Istati Membri. Għalhekk il-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi nazzjonali u l-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni konsistenti, f’waqtha u ekwivalenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet f’liġi nazzjonali kienet kruċjali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni organizzat workshops dwar l-aħjar prattika u waqqfet sit web interattiv ta’ mistoqsijiet u tweġibiet magħruf bħala YQOL (Il Your questions on legislation). Illum, l-Istati Membri kollha tal-UE implimentaw id-Direttiva.

    4. APPLIKAZZJONI U IMPATT TAL-EMD2

    L-istudju ekonomiku dwar l-impatt tal-EMD2 fuq is-suq elettroniku Ewropew ikkonkluda li l-effett kumplessiv tal-EMD2 fuq is-suq huwa pożittiv.

    4.1. Suġġett, ambitu u definizzjonijiet (Titolu I tal-EMD2)

    L-istudju ekonomiku kkonferma li filwaqt li d-definizzjonijiet ta’ flus elettroniċi u l-ambitu kumplessiv tal-EMD2 huma ġeneralment meqjusa xierqa, kemm l-Istati Membri kif ukoll il-partijiet ikkonċernati jiffaċċjaw sfidi meta jiġu biex jiddeċiedu dwar il-qafas legali xieraq li jenħtieġ li japplika għal prodotti aktar kumplessi. Għal dawn il-prodotti, huwa diffiċli li ssir distinzjoni bejn kont tal-pagamenti, kont tal-flus elettroniċi u kont tal-bank. Dan huwa partikolarment il-każ għal skemi ta’ kards imħallsa minn qabel, li f’xi każijiet ġew meqjusa soġġetti għall-PSD, u f’każijiet oħra bħala istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi.

    Hemm ukoll diverġenzi fl-approċċ fir-rigward tal-kunċett legali ta’ aġent u l-kunċett mhux definit ta’ distributur, li għandu status differenti fl-EMD2. Qed jiġu mfittxija wkoll kjarifiki fir-rigward tal-approċċ għal netwerks limitati, li huma esklużi mill-ambitu tal-EMD2. L-interpretazzjoni diverġenti bejn l-awtoritajiet nazzjonali f’dak ir-rigward, spiss ibbażata fuq applikazzjoni ta’ każ b’każ, ġiet espressa bħala kwistjoni ta’ tħassib.

    L-approċċi differenti fir-rigward tal-ambitu u s-suġġett tal-EMD2 wasslu sabiex għadd ta’ awtoritajiet kompetenti jikkonkludu li jkun aħjar li fil-ġejjieni l-PSD (issa l-PSD2) u l-EMD2 jiġu amalgamati sabiex tiġi żgurata applikazzjoni u interpretazzjoni aktar konsistenti fost l-Istati Membri.

    4.2. Aċċess għas-suq, struttura u regoli prudenzjali (Titolu II tal-EMD2)

    Abbażi tad-data tas-suq ipprovduta fil-kuntest tal-istudju ekonomiku, u d-data aġġornata miġbura mill-Kummissjoni dwar l-istituzzjonijiet liċenzjati, eżentati u passportanti fl-Istati Membri kollha, hemm evidenza ta’ interess akbar f’liċenzji għall-flus elettroniċi u li l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi attivi fis-suq illum ilhom li kisbu l-liċenzji tagħhom mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva fl-2011 (ara t-tabella fl-Anness). Jidher li kards imħallsa minn qabel u l-kartieri elettroniċi huma aktar popolari, b’varjetà kbira fl-għadd ta’ servizzi marbuta ma’ dawn il-prodotti.

    Għalkemm hemm tkabbir ċar fl-għadd ta’ istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi liċenzjati mill-2011, minħabba d-disponibbiltà limitata ta’ data kwantitattiva komparabbli, huwa diffiċli li abbażi ta’ din l-analiżi empirika tintwera l-eżistenza ta’ korrelazzjoni bejn il-modernizzazzjoni tal-qafas legali permezz tal-EMD2 u dik ix-xejra pożittiva.

    L-istudju ekonomiku madankollu jindika li l-fatt li d-Direttiva tipprovdi aktar ċarezza u tbaxxi r-rekwiżiti kapitali meta mqabbla mal-ewwel Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi huwa titjib importanti fil-qafas legali li jirregola l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi. Barra minn hekk, il-fatt li s-servizzi ta’ ħlas u s-servizzi ta’ flus elettroniċi jistgħu jingħataw taħt liċenzja unika ġie identifikat bħala pożittiv, u fil-fatt ħafna istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jipprovdu servizzi ta’ ħlas flimkien ma’ servizzi ta’ flus elettroniċi.

    Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jinnotaw li hemm differenzi fl-implimentazzjoni u fl-interpretazzjoni nazzjonali tad-dispożizzjonijiet dwar is-superviżjoni li għandhom impatt fuq il-kundizzjonijiet ekwi għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi fl-UE. Bħala riżultat ta’ dan, l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jwettqu għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni, fejn jagħżlu li jirreġistraw fl-Istati Membri li mill-perspettiva tagħhom jipprovdu l-oqfsa legali l-aktar ta’ benefiċċju.

    L-ispejjeż ta’ konformità għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jvarjaw skont id-daqs tal-istituzzjoni kkonċernata, il-pajjiż li fih hija liċenzjata u n-natura tal-mudell kummerċjali tagħha. Kumplessivamen, dawn l-ispejjeż ta’ konformità huma stmati li jirrappreżentaw bejn 1 u 5 % tal-ispejjeż globali (li jvarjaw bejn EUR 25 000 u EUR 0,5 miljuni). F’termini assoluti dawn l-ispejjeż jistgħu għalhekk ikunu relattivament għoljin għal xi istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi. Madankollu, f’dawn il-każijiet u f’każijiet oħra dawn għandhom jiġu paċuti bi tnaqqis fir-rekwiżiti kapitali rikjesti mill-EMD2 (minn EUR 1 miljun għal EUR 350 000).

    L-attività transfruntiera permezz tal-użu ta’ passportar żdiedet fl-Istati Membri mill-2011. Il-feedback mill-awtoritajiet kompetenti fl-istudju ekonomiku jikkonferma li għad hemm lok għal titjib fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-każ tal-passportar.

    Għadd ta’ Stati Membri użaw ir-reġim ta’ eżenzjoni fakultattiv għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi iżgħar propost fl-Artikolu 9. L-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li bbenefikaw minnha jqisu l-għażla bħala waħda ġeneralment pożittiva. Xi partijiet ikkonċernati tal-industrija jippreferu approċċ aktar gradwali fil-każ ta’ kategoriji intermedjarji ta’ istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, biex jiġi evitat approċċ ta’ “kollox jew xejn”.

    4.3 Ħruġ u fidi ta’ flus elettroniċi (Titolu III tal-EMD2)

    L-istudju ekonomiku ma identifikatx kwistjonijiet serji fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-kapaċità ta’ ħruġ u ta’ fidi ta’ flus elettroniċi. Ma nstabet ebda evidenza li l-EMD2 kellha impatt fuq il-kwalità u fuq il-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi pprovduti mill-emittenti, u lanqas fuq il-fiduċja tal-konsumaturi f’dawn il-prodotti u servizzi. L-organizzazzjonijiet tal-konsumatur ma rrapportawx tħassib jew problemi speċifiċi relatati mal-flus elettroniċi mill-perspettiva tal-konsumaturi.

    Fir-rigward tal-ispejjeż assoċjati mal-obbligu li l-emittenti jifdu l-flus elettroniċi kull meta jintalbu mid-detentur tal-flus elettroniċi, l-istudju ma rrapportax kwistjonijiet serji jew spejjeż sinifikanti assoċjati mal-konsumaturi li jinvokaw dan id-dritt.



    5. IMPATT TAL-PSD2 FUQ L-EMD2

    Hemm trikkib sinifikanti bejn il-PSD u l-EMD2. Din tal-aħħar issegwi l-qafas loġiku li jinsab fil-PSD. Kif stabbilit fl-Artikolu 3(1) tal-EMD2, l-Artikoli 5 u 10 sa 15, l-Artikolu 17(7) u l-Artikoli 18 sa 25 tal-PSD japplikaw għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi. Dawn l-artikoli jirrigwardaw applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet, għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, komunikazzjoni ta' deċiżjoni, irtirar ta’ awtorizzazzjoni, reġistrazzjoni, żamma ta’ awtorizzazzjoni, awditjar kontabilistiku u statutorju, rekwiżiti ta’ notifika fil-każ ta’ esternalizzazzjoni tal-funzjonijiet operazzjonali ta’ servizzi ta’ ħlas, responsabbiltà, żamma ta’ rekords, deżinjazzjoni ta’ awtoritajiet kompetenti, superviżjoni, segretezza professjonali, dritt ta’ rikors quddiem il-qrati, skambju ta’ informazzjoni u eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    Il-PSD ġiet riveduta reċentement. F’Lulju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-proposta tagħha. Il-Parlament ivvota dwar it-test ta’ kompromess finali fit-8 ta’ Ottubru 2015 u fil-25 ta’ Novembru 2015 ġie adottat mill-Kunsill. Fost it-tibdil maġġuri li sar permezz tal-PSD2 (regolamentazzjoni tal-hekk imsejħa fornituri terzi ta’ servizzi ta’ ħlas, żieda fir-rekwiżiti ta’ sigurtà għal ħlasijiet elettroniċi, kopertura parzjali ta’ tranżazzjonijiet internazzjonali ġewwa jew barra mill-UE), dak bl-akbar impatt fuq l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jirrigwarda t-tisħiħ tar-regoli prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ ħlas li jipprevedi rwol superviżorju u kompetenzi aktar b’saħħithom għall-Istat Membru ospitanti fejn l-istituzzjoni tal-ħlas tkun qiegħda tippasporta s-servizzi tagħha lejn Stat Membru ieħor.

    Barra minn hekk, il-kjarifiki fil-PSD2 dwar l-eżenzjoni fuq netwerks limitati, flimkien mal-obbligu li n-netwerks limitati kollha jinnotifikaw l-attivitajiet tagħhom ladarba d-daqs tan-negozju tagħhom jilħaq ċertu limitu, se jipprovdu gwida aħjar lill-awtoritajiet kompetenti biex jivvalutaw l-applikabbiltà tal-qafas legali tal-PSD2 jew tal-EMD2 għal dawn in-netwerks. Peress li dawn in-netwerks limitati għandhom ikunu rreġistrati wkoll fir-reġistri nazzjonali u fir-reġistru ċentrali mmaniġġjat mill-EBA, ser ikun hemm ukoll aktar trasparenza dwar il-mod kif awtoritajiet differenti jivvalutaw in-netwerks limitati.

    6. IL-ĠLIEDA KONTRA L-ĦASIL TAL-FLUS U L-EMD2

    L-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Ir-raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD4) li ġiet adottata fl-2015, ser tapplika għalihom ukoll. Id-data għat-traspożizzjoni tal-AMLD4 kienet ta’ Ġunju 2017.

    L-istudju ekonomiku ma jagħmel l-ebda rakkomandazzjoni fuq terminu qasir jew medju f’dan ir-rigward. L-istudju sab li l-partijiet ikkonċernati tal-industrija jqisu l-maġġoranza tat-tranżazzjonijiet ta’ flus elettroniċi bħala ta’ riskju baxx parzjalment minħabba d-daqs żgħir tas-suq tal-flus elettroniċi. Madankollu, rakkomandazzjoni għal terminu itwal tkun li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet speċifiċi jiġu armonizzati sal-massimu possibbli, b’mod partikolari l-limiti għad-diliġenza dovuta taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni bħala istituzzjonijiet żgħar tal-flus elettroniċi. Dan ser jgħin biex jiġu żgurati kundizzjonijiet aktar ekwi. Il-limiti għad-diliġenza dovuta jistgħu jiġu eżaminati wara t-traspożizzjoni tal-AMLD4.

    Ir-rieżami jenħtieġ li jqis ukoll it-tibdil ulterjuri li ser isir fl-AMLD4, li kien ġie propost mill-Kummissjoni fil-proposta leġiżlattiva tagħha tal-5 ta’ Lulju 2016 (COM (2016), 450 (final)), u li attwalment qed jiġu nnegozjati mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.



    7. RIEŻAMI TAL-EMD2 U KWISTJONIJIET EMERĠENTI

    Waħda mill-isfidi ewlenin identifikata mill-istudju ekonomiku hija l-klassifikazzjoni ta’ prodotti u ta’ servizzi bħala flus elettroniċi jew bħala servizzi ta’ ħlas, bħal kontijiet tal-flus elettroniċi jew kontijiet tal-pagamenti, u għalhekk liema qafas legali jkun xieraq li jiġi applikat. Barra minn hekk l-approċċi differenti mill-awtoritajiet nazzjonali lejn l-aġenti u d-distributuri ġew identifikati bħala kwistjoni ta’ tħassib.

    Il-kwistjoni ta’ interpretazzjonijiet diverġenti fir-rigward ta’ netwerks limitati hija ta’ tħassib partikolari għas-servizzi tal-flus elettroniċi u l-hekk imsejħa skemi loop magħluqin (bħal kards għal rigali, kards tal-ħwienet, kards tal-petrol), skemi loop semimagħluqin (varjant tal-kategorija loop magħluqa, determinat mill-ambitu tan-netwerk li fih tista’ tintuża l-kard) u skemi loop miftuħin (bħal kards ta’ debitu mħallsa minn qabel għal skopijiet ġenerali). It-titjib li sar fil-kuntest tar-rieżami tal-PSD2 ser ikollu wkoll effett pożittiv fuq l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni fl-EMD2.

    Sfida ewlenija oħra mqajma mill-istudju ekonomiku hija l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-kuntest tas-superviżjoni transfruntiera. Bl-adozzjoni tal-PSD2 u d-dispożizzjonijiet dettaljati tagħha f’dan il-qasam, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni ser ikomplu jissaħħu bi rwol aktar b’saħħtu għall-Istat Membru ospitanti biex jissorvelja l-attivitajiet tal-EMI li jippasportaw fit-territorju tiegħu.

    L-istudju jinnota li l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jiffaċċjaw problemi minħabba d-dipendenza fuq il-banek kummerċjali għad-depożiti. Is-soluzzjonijiet previsti mill-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi biex jiġu indirizzati dawn id-diffikultajiet jikkonsistu fit-titjib tal-aċċess tagħhom għas-sistema interbankarja jew għall-banek ċentrali għaż-żamma ta’ depożiti. Il-PSD2 ser ittejjeb is-sitwazzjoni għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi b’rabta ma’ dan il-punt, permezz tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tagħha dwar l-aċċess għal kontijiet bankarji u dwar l-aċċess nondiskriminatorju għal sistemi ta’ pagament.

    Għalkemm l-istudju juri li kien hemm appoġġ minn xi partijiet ikkonċernati għall-amalgamazzjoni tal-PSD u l-EMD2, dan l-appoġġ ma kienx unanimu. Barra minn hekk din l-amalgamazzjoni mhijiex ser tipprovdi soluzzjoni għall-kwistjonijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ prodotti bħala flus elettroniċi. Dan huwa partikolarment evidenti mill-Istati Membri li għandhom regolament uniku li jirregola kemm id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas kif ukoll id-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi u li għadhom jiffaċċjaw dik l-isfida.

    8.KONKLUŻJONIJIET

    Il-valutazzjoni ġenerali tal-EMD2 hija pożittiva. L-objettiv tal-EMD2 kien li jitneħħew l-ostakoli għad-dħul fis-suq u li jiġu ffaċilitati l-adozzjoni u l-eżerċizzju tan-negozju tal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, billi jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha fis-suq. Jidher li l-EMD2, fil-parti l-kbira tagħha, issodisfat dan l-objettiv. Hemm evidenza ta’ interess akbar fil-liċenzji għal flus elettroniċi, u l-attività transfruntiera permezz tal-użu tal-passportar żdiedet mill-2011. B’mod partikolari qed tikber l-offerta ta’ kards elettroniċi mħallsa minn qabel, inkluż permezz tad-distribuzzjoni tagħhom minn atturi istituzzjonali bħal Uffiċċji tal-Posta nazzjonali. Il-flus elettroniċi għadhom suq niċċa, li paradossalment jidher li ma tantx kien affettwat mit-tibdil teknoloġiku reċenti, kemm mill-feġġ ta’ muniti virtwali – li ftit li xejn jintużaw bħala mezzi ta’ ħlas – jew mill-Fintechs, li qed jixprunaw tibdil diġitali fl-aktar segmenti tradizzjonali tas-suq tal-pagamenti.

    Jista’ jsir aktar titjib biex jissaħħaħ il-qafas regolatorju attwali. Għalhekk jista’ jsir titjib konkret fuq terminu qasir jew medju billi tingħata gwida fi tliet oqsma, jiġifieri l-klassifikazzjoni ta’ prodotti bħala flus elettroniċi, l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni dwar in-netwerks limitati u d-distinzjoni bejn il-kunċett ta’ aġent u ta’ distributur fil-kuntest tal-flus elettroniċi. L-isfidi li tfaċċaw fis-superviżjoni transfruntiera tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jidhru li huma indirizzati b’mod adegwat fil-kuntest tal-PSD2, li permezz tal-kontroreferenzi rilevanti, ser japplikaw ukoll għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi.

    Fuq medda itwal ta’ żmien tista’ tingħata aktar kunsiderazzjoni lill-promozzjoni tal-armonizzazzjoni massima għal dispożizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward tar-reġim attwalment fakultattiv ta’ eżenzjonijiet għal istituzzjonijiet żgħar tal-flus elettroniċi skont l-Artikolu 9 tal-EMD. Bl-istess mod, tista’ ssir analiżi ulterjuri dwar l-iżvilupp ta’ kategorija intermedja ta’ “netwerk limitat kbir” li jkun soġġett għal uħud mir-rekwiżiti tal-EMD2 iżda mhux għal kollha. Fl-istess ħin, dwar l-aħħar aspett, iċ-ċarezza mtejba pprovduta fil-PSD2 dwar netwerks limitati diġà ġġib aktar ċertezza tad-dritt għall-entitajiet li joperaw netwerk limitat u tista’ diġà tipprovdi rispons sodisfaċenti għall-aspettattivi tas-suq.

    Reviżjoni futura tad-Direttiva u l-amalgamazzjoni tagħha mad-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi ta’ Ħlas tkun teżiġi analiżi ulterjuri. Jidher xieraq li tali passi jiġu kkunsidrati biss wara li l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jkunu kisbu esperjenza bil-qafas adattat wara l-adozzjoni tal-PSD2, li ser ikollha wkoll impatt fuq l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi.

    (1)    Direttiva 2007/64/KE dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern.
    (2)    Direttiva 2015/849/UE.
    (3)    L-Artikolu 22 tal-EMD2.
    (4)    Studju Tipik, ippubblikat fuq is-sit web tal-Kummissjoni:  http://ec.europa.eu/finance/payments/emoney/transposition/by-country_en.htm
    Top

    Brussell, 25.1.2018

    COM(2018) 41 final

    ANNESS

    tar-

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tad-Direttiva 2009/110/KE b'mod partikolari fuq l-applikazzjoni tar-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi


    ANNESS I

    Pajjiż

    ISTITUZZJONIJIET TAL-FLUS ELETTRONIĊI

    (liċenzjati

    ISTITUZZJONIJIET ŻGĦAR TAL-FLUS ELETTRONIĊI

    (eżentati)

    ISTITUZZJONIJIET TAl-FLUS ELETTRONIĊI PASSPORTATI (mill-iSM tad-domiċilju)

    L-Awstrija

    0

    0

    0

    Il-Belġju

    8

    0

    5

    Il-Bulgarija

    3

    0

    2

    Ir-Repubblika Ċeka

    -

    -

    -

    Ċipru

    10

    0

    0

    Id-Danimarka

    3

    0

    0

    Il-Ġermanja

    6

    0

    0

    L-Estonja

    0

    0

    0

    Spanja

    5

    0

    1

    Il-Finlandja

    1

    5

    0

    Franza

    7

    8

    0

    Il-Ġreċja

    1

    0

    1

    Il-Kroazja

    5

    0

    1

    L-Ungerija

    1

    0

    0

    L-Irlanda

    2

    0

    2

    L-Italja

    4

    0

    0

    Il-Litwanja

    8

    6

    1

    Il-Latvja

    3

    12

    2

    Il-Lussemburgu

    4

    0

    4

    Malta

    13

    0

    10

    In-Netherlands

    1

    23

    0

    Il-Polonja

    0

    0

    0

    Il-Portugall

    1

    0

    0

    Ir-Rumanija

    3

    0

    1

    L-Iżvezja

    5

    1

    5

    Is-Slovenja

    1

    0

    0

    Is-Slovakkja

    1

    0

    0

    Ir-Renju Unit

    87

    19

    -

    TOTAL

    172

    74

    28

    Top