IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.1.2018
COM(2018) 15 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL
skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018DC0015
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE COUNCIL in accordance with Article 395 of Council Directive 2006/112/EC
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE
COM/2018/015 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.1.2018
COM(2018) 15 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL
skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE
1.SFOND
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (id-Direttiva tal-VAT), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijet ta’ din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa. Billi din il-proċedura tipprevedi derogi mill-prinċipji ġenerali tal-VAT, b’konformità mad-deċiżjonijiet konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tali derogi għandhom ikunu proporzjonati u limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni.
Permezz ta’ ittra reġistrata mal-Kummissjoni fit-18 ta’ Settembru 2017, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, bl-ittra tas-27 ta’ Ottubru 2017, bit-talba li għamlet il-Latvja. Bl-ittra tal-31 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talba.
Bħala regola ġenerali, il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT, hija l-persuna taxxabbli li tforni l-oġġetti. L-għan tad-deroga mitluba mil-Latvja huwa li dik l-obbligazzjoni titqiegħed fuq il-persuna taxxabbli li tirċievi l-fornimenti (l-hekk imsejjaħ mekkaniżmu tar-reverse charge), fil-każ ta’ prodotti partikolari, b’mod partikolari fir-rigward ta’ prodotti elettroniċi tal-konsum u apparat tal-elettriku li jintuża fid-dar. Il-mira tad-deroga mitluba hija l-ġlieda kontra l-frodi.
2.IR-REVERSE CHARGE
Il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT hija l-persuna taxxabbli li tforni l-oġġetti jew is-servizzi. L-għan tal-mekkaniżmu tar-reverse charge huwa li jċaqlaq dik l-obbligazzjoni fuq il-persuna taxxabbli li tirċievi l-fornimenti.
Il-frodi b’negozjant nieqes iseħħ meta n-negozjanti jbigħu oġġetti jew ifornu servizzi u jiġbru l-VAT mingħand il-konsumaturi tagħhom u sussegwentement jisparixxu bla ma jħallsu l-VAT miġbura mingħand il-konsumaturi tagħhom lill-awtoritajiet tat-taxxa. Fil-każijiet l-aktar aggressivi ta’ evażjoni tat-taxxa ta’ dan it-tip, l-istess oġġetti jew servizzi jiġu fornuti diversi drabi, permezz ta’ skema “karusell” (li tinvolvi n-negozjar tal-oġġetti jew tas-servizzi bejn l-Istati Membri), mingħajr ma titħallas il-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa, filwaqt li fl-istess ħin il-konsumatur se jnaqqas il-VAT li jkun ħallas lill-fornituri tiegħu. Bin-nomina tal-persuna li tkun fornuta bil-merkanzija jew bis-servizzi bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT f’dawn il-każijiet, instab li l-mekkaniżmu tar-reverse charge domestiku jelimina l-opportunità biex wieħed iwettaq dik il-forma ta’ evażjoni fiskali.
3.IT-TALBA
Il-Latvja titlob, skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, jawtorizza lil-Latvja sabiex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fir-rigward tal-fornimenti ta’ oġġetti domestiċi ta’ prodotti elettroniċi tal-konsum u apparat tal-elettriku li jintuża fid-dar.
Fid-dawl tal-frodi li sseħħ, il-Latvja introduċiet il-mekkaniżmu tar-reverse charge fis-settur tal-mowbajls, tat-tagħmir b’ċirkwiti integrati, tablets u laptops. Bħala konsegwenza, skont il-Latvja, il-frodi tal-VAT naqset f’dawn is-setturi, iżda fl-istess ħin din iċċaqilqet għall-provvisti ta’ prodotti elettroniċi tal-konsum u apparat tal-elettriku li jintuża fid-dar. Il-Latvja tiddikjara li r-riskji tal-frodi huma għoljin minħabba n-natura tal-oġġetti, li ġeneralment ikunu żgħar u ta’ valur għoli.
Il-frodi inkwistjoni tikkonsisti minn persuni taxxabbli reġistrati għall-VAT li jiddikjaraw b’mod falz tranżazzjonijiet li fuqhom il-VAT titħallas fil-baġit tal-Istat. Imbagħad dawn in-negozjanti jisparixxu mingħajr ma jħallsu l-VAT dovuta lill-baġit tal-Istat.
Bin-nomina tal-persuna li lilha l-oġġetti jew is-servizzi jiġu pprovduti bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT, il-Latvja tixtieq tiġġieled kontra l-frodi msemmija hawn fuq li seħħet fis-settur tal-prodotti elettroniċi tal-konsum u tal-apparat tal-elettriku li jintuża fid-dar. Mit-talba jidher u ġie kkonfermat permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Ottubru 2017 li l-Latvja qed tipprevedi l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvisti ta’ dawn il-prodotti mill-1 ta’ Jannar 2018.
4.IL-FEHMA TAL-KUMMISSJONI
Meta l-Kummissjoni tirċievi talbiet skont l-Artikolu 395, dawn jiġu eżaminati biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet bażiċi biex jintlaqgħu dawn it-talbiet ikunu ssodisfati, jiġifieri, jekk il-miżura speċifika proposta tissimplifikax il-proċeduri għall-persuni taxxabbli u/jew għall-amministrazzjoni tat-taxxa jew jekk il-proposta tipprevjenix ċerti tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni dejjem adottat approċċ ristrett u kawt biex tiżgura li d-derogi ma jxekklux it-tħaddim tas-sistema ġenerali tal-VAT, ikollhom ambitu limitat, ikunu meħtieġa u proporzjonati.
Għalhekk, kwalunkwe deroga mis-sistema ta’ pagament frazzjonat tista’ tkun biss l-aħħar għażla u miżura ta’ emerġenza, u trid toffri garanziji dwar il-ħtieġa u n-natura eċċezzjonali tad-deroga mogħtija.
F’dan l-isfond, għandu jiġi mfakkar li kienet il-politika tal-Kummissjoni li tikkunsidra d-derogi dwar il-mekkaniżmu tar-reverse charge biss meta, fl-istess waqt, l-oġġetti inkwistjoni ma jkunux jistgħu jilħqu l-istadju finali tal-konsum, kontribwent dgħajjef jiġi sostitwit b’wieħed aktar affidabbli, u ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ frodi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jew għal Stati Membri oħrajn li ma jużawx il-mekkaniżmu.
Fl-ewwel lok, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-prodotti kkonċernati jistgħu jkunu intiżi għall-konsum privat li għalhekk, jinvolvi riskju li l-frodi tiċċaqlaq aktar ’l isfel fil-katina tal-provvista, li jista’ jsir saħansitra aktar diffiċli biex jiġi kkontrollat. Għalhekk, iċ-ċaqliq tal-obbligazzjoni kollha tal-VAT lill-aħħar ħolqa fil-katina tista’ żżid ir-riskji. Hemm ukoll ir-riskju ta’ ċaqliq tal-frodi lejn Stati Membri oħra jew lejn setturi oħra. Il-Latvja ssostni prinċipalment li l-frodi f’dan is-settur ikkonċernat seħħet minħabba l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge f’setturi qrib dawk tal-mowbajls, tat-tagħmir b’ċirkwiti integrati, tablets u laptops.
Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ deroga mhijiex soluzzjoni fit-tul, u lanqas ma tissostitwixxi miżuri xierqa ta’ kontroll għas-settur u għall-persuni taxxabbli. Għalkemm fit-talba tagħha l-Latvja indikat li bħalissa għandha fis-seħħ firxa komprensiva ta’ miżuri ta’ kontroll kontra dawk li jwettqu l-frodi tal-VAT, hija ma wrietx għaliex dawn il-miżuri ta’ kontroll ma kinux biżżejjed sabiex tiġi miġġielda l-frodi fis-settur tal-prodotti elettroniċi tal-konsum u tal-apparat tal-elettriku li jintuża fid-dar. Mhux hekk biss, il-Latvja lanqas indikat konkretament liema miżuri ttieħdu jew se jittieħdu għall-ġlieda kontra l-frodi fis-settur tal-prodotti elettroniċi tal-konsum u tal-apparat tal-elettriku li jintuża fid-dar.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rrifjutat għadd ta’ talbiet għal deroga biex jiġi applikat il-mekkaniżmu tar-reverse charge abbażi tal-elementi msemmijin hawn fuq. F’dan ir-rigward issir referenza għall-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-industrija tat-trobbija tal-ħnieżer u tal-għalf tal-annimali (COM(2013)148 final tad-19.3.2013 - bi tweġiba għal talba mill-Ungerija), is-settur taz-zokkor (COM(2014)229 final tat-22.4.2014 - bi tweġiba għal talba mill-Ungerija), ħaġar prezzjuż (COM(2014) 623 final tal-10.10.2014 - talba mill-Estonja), is-settur tal-laħam (COM(2017) 24 final tad-19.1.2017 - talba mis-Slovakkja).
Filwaqt li jitqies dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li deroga li tippermetti li jiġi applikat il-mekkaniżmu tar-reverse charge fis-settur tal-prodotti elettroniċi tal-konsum u tal-apparat tal-elettriku li jintuża fid-dar jista’ jkollha impatti negattivi fuq il-frodi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u fuq Stati Membri oħra. Għalhekk, mhijiex meqjusa bħala soluzzjoni xierqa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ frodi f’dan is-settur.
Għandha tinstab soluzzjoni fuq livell aktar mifrux li jinvolvi miżuri xierqa ta’ kontroll. Il-Kummissjoni tibqa’ disponibbli biex tipprovdi lil-Latvja bl-assistenza meħtieġa sabiex tikkumbatti l-problemi tal-frodi tal-VAT.
5.KONKLUŻJONI
Abbażi tal-elementi msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni toġġezzjona għat-talba magħmula mil-Latvja.