Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018BP1386

    Riżoluzzjoni (UE) 2018/1386 tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2016

    ĠU L 248, 3.10.2018, p. 253–256 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2018/1386/oj

    3.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 248/253


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2018/1386 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-18 ta' April 2018

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2016

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2016,

    wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 4/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: “Jeħtieġ li l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija jimmodifika l-mekkaniżmi operazzjonali tiegħu u l-elementi tat-tfassil tiegħu biex jikseb l-impatt mistenni”,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0096/2018),

    A.

    billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tissaħħaħ ulterjorment permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

    B.

    billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u n-nefqa tiegħu (1), il-baġit finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (l-“Istitut”) għas-sena finanzjarja 2016 kien jammonta għal EUR 293 796 532,54, li jfisser żieda ta' 4,51 % meta mqabbel mal-2015; billi, l-kontribuzzjoni kumplessiva tal-Unjoni għall-baġit tal-Istitut għall-2016 tammonta għal EUR 252 158 953,03;

    C.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2016 (ir-“rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Istitut huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

    Segwitu għall-kwittanzi 2012, 2014 u 2015

    1.

    Jiddispjaċih ħafna dwar l-għadd ta' kwistjonijiet pendenti u miżuri korrettivi li għadhom għaddejjin bħala tweġiba għall-kummenti tal-Qorti fl-2012, 2014 u 2015 relatati b'mod partikolari għall-kundizzjoni ta' finanzjament, il-verifikazzjoni ex ante tad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż, il-finanzjament minn sorsi pubbliċi u privati, l-approprjazzjonijiet mhux użati, l-awtonomija finanzjarja, ir-rispett tal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba; iħeġġeġ lill-Istitut biex fl-2018 jikkonkludi malajr kemm jista' jkun l-azzjonijiet korrettivi;

    2.

    Iqis li l-possibbiltà li tingħata kwittanza fis-snin li ġejjin ser tkun ta' problema jekk ma jittieħdux azzjonijiet effiċjenti u ma jinkisbux riżultati effettivi mingħajr aktar dewmien;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    3.

    Jinnota li, skont il-kontijiet finali tal-Istitut li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju tiegħu matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 95 %, li tfisser żieda sinifikanti meta mqabbel mas-sena preċedenti (meta mqabbel mad- 90,58 % fl-2015); jinnota li r-rata għolja ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 99 %, li tfisser żieda ta' 3,41 % meta mqabbel mal-2015;

    Impenji u riporti

    4.

    Jinnota mir-rapport tal-Qorti, li l-livell ta' riporti tal-approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu II kien għoli, 40 % (EUR 400 000) meta mqabbel ma' 44 % fl-2015; jirrikonoxxi li dawn ir-riporti huma prinċipalment relatati ma' kuntratti għal servizzi tal-IT li jkomplu wara tmiem is-sena, u għal laqgħat li għadhom ma ġewx fatturati;

    5.

    Jinnota li r-riporti spiss huma parzjalment jew għal kollox ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li ma jmorrux dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel u kkomunikati lill-Qorti;

    Politika tal-persunal

    6.

    Jiddispjaċih li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Istitut kellu erba' diretturi mill-ħolqien tiegħu fl-2008 sa Lulju 2014; josserva li minn Awwissu 2014, il-pożizzjoni ta' Direttur u, minn Frar 2013, pożizzjoni maniġerjali oħra mtlew fuq bażi ad interim; japprova l-kumment tal-Qorti li dan mhuwiex biss f'kontradizzjoni mal-perjodu massimu ta' sena li huwa ssettjat għal kollokamenti interim fir-Regolamenti tal-Persunal, iżda wkoll li l-bidliet frekwenti u s-soluzzjonijiet interim fit-tul jikkawżaw ukoll inċertezza għall-partijiet ikkonċernati u għall-kontinwità strateġika; jagħraf ir-risposta tal-Istitut li mhuwiex f'pożizzjoni li jikkummenta dwar il-proċedura ta' reklutaġġ tad-Direttur tal-Istitut, li hija ġestita mill-Kummissjoni; iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni tiffinalizza din il-proċedura pendenti; jinnota li fl-2017 l-Istitut ser itemm ir-reklutaġġ tal-postijiet l-oħra tal-maniġment;

    7.

    Jinnota li fl-2016, l-Istitut irrekluta 15-il membru tal-persunal u espert nazzjonali ssekondat wieħed, li b'hekk in-numru totali tal-persunal ammonta għal 59 fil-31 ta' Diċembru 2016, li jikkorrispondi għal żieda ta' disgħa meta mqabbel mal-31 ta' Diċembru 2015, b'sitt proċessi tal-għażla li għadhom għaddejjin;

    8.

    Josserva mit-tabella tal-persunal tal-Istitut li 36 post (mid-39 post awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni) kienu okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, meta mqabbel ma' 39 post fil-31 ta' Diċembru 2015;

    9.

    Jinnota b'sodisfazzjon li, b'referenza għan-numru ta' postijiet okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, hemm kważi bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal, bi proporzjon ta' 56 % nisa u 44 % irġiel; jinnota, madankollu, bi tħassib, li r-rati bejn il-ġeneri fil-Bord ta' Tmexxija qegħdin b'36 % u 64 %;

    10.

    Jisħaq li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal tal-Istitut; jisħaq li l-baġit li ntefaq għall-attivitajiet ta' benesseri jammonta għal madwar EUR 226 għal kull membru tal-persunal li jikkorrispondi għal nofs jum għal kull membru tal-persunal; josserva li l-medja tal-liv minħabba mard tammonta għal 11,67 ġurnata għal kull membru tal-persunal;

    11.

    Jappoġġa s-sessjonijiet ta' taħriġ u informazzjoni dwar l-etika u l-integrità, inkluża l-ġlieda kontra l-fastidju, organizzati biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-persunal; jissuġġerixxi li sessjonijiet ta' taħriġ u informazzjoni jiġu organizzati regolarment;

    12.

    Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2016 l-Istitut ma rċieva ebda lment, ma ttieħdet l-ebda azzjoni legali jew ma ġewx irrapportati każijiet marbuta mal-ingaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal;

    13.

    Jinnota li l-maġġoranza tal-postijiet jappartjenu għall-attivitajiet operazzjonali jew newtrali (70 %), filwaqt li r-rwoli ta' appoġġ amministrattiv u koordinazzjoni jikkorrispondu għal 30 % tal-postijiet kollha;

    Akkwist

    14.

    Jirrikonoxxi li l-Istitut huwa strutturalment nieqes mill-persunal, kif ikkonfermat fir-Rapport Speċjali tal-Qorti Nru 4/2016; jinnota li l-ammont ta' għotjiet ġestiti għal kull persuna fl-Istitut huwa ferm ogħla minn dak għal kwalunkwe programm ieħor ta' għotjiet tal-Unjoni għar-riċerka: filwaqt li l-baġit ġestit għal kull membru tal-persunal taħt is-Seba' Programm Qafas kien bejn EUR 12 500 000 u EUR 20 400 000, l-uffiċjali tal-proġetti tal-Istitut jiġġestixxu għotjiet annwali sa EUR 90 000 000; jinnota li l-ammont kbir ta' xogħol u responsabbiltà eventwali jista' jżid iċ-ċaqliq tal-persunal li jaffettwa l-ħidma ewlenija tal-Istitut;

    15.

    Jinnota li, għall-perjodu 2016, f'April 2016 ingħataw għotjiet u ġew iffirmati ftehimiet ta' għotja; jirrikonoxxi li minkejja t-titjib li sar fl-2016, id-dewmien fid-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta' għotjiet u fl-iffirmar joħloq inċertezza u jfixkel ir-rieda tas-sħab biex jimpenjaw ir-riżorsi u jibdew attivitajiet fil-bidu tas-sena;

    16.

    Jinnota li l-aktar sejħiet reċenti għal komunitajiet ta' konoxxenza u innovazzjoni (KKI) ġodda, li l-oqsma tematiċi tagħhom ġew iddefiniti fl-aġenda strateġika ta' innovazzjoni tal-Istitut għas-snin 2014 sa 2020, urew kompetizzjoni limitata; jinnota li s-sejħa tal-2016 għal żewġ KKI addizzjonali (ikel u manifattura b'valur miżjud) irċeviet tliet proposti, filwaqt li l-proposta unika għal KKI tal-manifattura b'valur miżjud ma ntgħażlitx għal raġunijiet ta' kwalità; jinnota li tfasslet sħubija eċċellenti ħlief għall-Manifattura tal-EIT; jinnota b'sodisfazzjon li l-Istitut ikkonkluda fuq diversi miżuri ta' mitigazzjoni, li ser inaqqsu r-riskju li fil-futur jirċievi proposta waħda biss għal tema; jappella lill-Istitut sabiex jirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-kontenut u l-effiċjenza ta' dawk il-miżuri; jinnota li l-Kummissarju għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni fl-2015 introduċa l-kunċett ta' “Innovazzjoni Miftuħa” bħala kunċett politiku ewlieni għat-tfassil tal-politika tal-innovazzjoni fil-livell tal-Unjoni; iqis li mhuwiex ċar xi rwol l-Istitut jiżvolġi f'dan il-kunċett; jenfasizza li dan il-kunċett ma jipprovdix qafas ċar għall-iżvilupp ta' azzjoni koerenti u kkoordinata mill-Kummissjoni, meta wieħed iqis l-għadd ta' politiki u strumenti inkwistjoni u l-għadd ta' Direttorati-Ġenerali involuti fl-appoġġ għall-innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura politika dwar l-innovazzjoni li tkun koordinata u effiċjenti, fejn id-Direttorati-Ġenerali responsabbli jaġġustaw l-attivitajiet u l-istrumenti, u biex tinforma lill-Parlament dwar dawk l-isforzi; jifhem l-objettiv tal-missjoni tal-Istitut li jippromwovi l-kooperazzjoni fost l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni; huwa tal-fehma li l-kumpaniji jistgħu jkunu fl-aħħar mill-aħħar il-benefiċjarji ewlenija bħala l-proprjetarji ġuridiċi tal-prodott innovattiv li jitqiegħed fis-suq u li minnu huma jirċievu l-profitti finanzjarji; jenfasizza l-ħtieġa, f'din is-sitwazzjoni, li fil-mudell ta' kooperazzjoni tiġi inkorporata struttura fejn fondi mogħtija jmorru lura lejn l-Istitut;

    17.

    Jiddispjaċih li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-akkwisti tal-Entitajiet Legali tal-KKI sa EUR 2 200 000 kienu meqjusa bħala illegali fl-2016 u wrew nuqqasijiet sinifikanti fil-proċeduri ta' akkwist tagħhom;

    Kisbiet ewlenin

    18.

    Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Istitut fl-2016, jiġifieri li:

    l-ewwel tliet Komunitajiet ta' Innovazzjoni tiegħu (InnoEnergy tal-EIT, KKI Climate tal-EIT u Digital tal-EIT) laħqu l-maturità sħiħa u l-programmi edukattivi tagħhom qegħdin joffru numru dejjem ikbar ta' prodotti innovattivi, servizzi u imprendituri b'diversi kompetenzi u ħiliet;

    sar l-ikbar netwerk tal-innovazzjoni fl-Ewropa li jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-kompetittività, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa, u li b'hekk joffri valur fil-livell tal-Unjoni għall-qasam tal-innovazzjoni Ewropew;

    implimenta l-Iskema ta' Innovazzjoni Reġjonali tal-EIT bħala element importanti tal-istrateġija ta' sensibilizzazzjoni tal-Komunità tal-EIT, iffinanzjata minn għotjiet allokati mill-Istitut u li jinvolvu partijiet ikkonċernati minn 16-il pajjiż Ewropej ieħor, l-aktar mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li qabel ma kinux involuti fl-attivitajiet tal-Istitut;

    Kontrolli interni

    19.

    Jinnota bi tħassib li l-Qorti sabet dgħufijiet fir-rigward ta' verifikazzjonijiet ex-post ta' proċeduri ta' akkwist li twettqu mill-entitajiet legali tal-KKI; jinnota li l-Qorti kkonkludiet b'mod differenti dwar il-legalità u r-regolarità taż-żewġ proċeduri ta' akkwist, fejn l-Istitut aċċetta l-għoti dirett jew l-estensjoni eċċessiva ta' kuntratti u qieset t-tranżazzjonijiet relatati bħala legali u regolari;

    20.

    Jagħraf li l-Istitut stabbilixxa proċessi ta' kontroll interni maħsuba biex jiżguraw il-ġestjoni adegwata tar-riskji relatati mal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti, inklużi l-verifika ex-ante, il-miżuri ex-ante speċifiċi applikati għal tranżazzjonijiet ta' għotjiet u l-verifika ex-post;

    21.

    Jinnota li fl-2016, ġew irreġistrati tliet rapporti ta' eċċezzjoni u tnax-il okkorrenza ta' nonkonformità, għal valur totali ta' EUR 5 654 245 (meta mqabbel ma' EUR 7 140 586 fl-2015); jinnota, madankollu, li EUR 5 500 000, jirrappreżentaw 99,7 % tal-valur totali, relatati ma' okkorrenza partikolari, jiġifieri dewmien amministrattiv tal-bażi ġuridika li ġiet korretta fl-2016; jagħraf li l-Istitut waqqaf miżuri ta' mitigazzjoni li jindirizzaw id-dgħufijiet fil-kontroll intern identifikati fir-rapporti ta' eċċezzjoni u l-okkorrenzi ta' nonkonformità reġistrati matul l-2016, bħal pereżempju li l-Istitut jaġġorna u jtejjeb kontinwament iċ-ċirkwiti finanzjarji, il-flussi tax-xogħol, il-listi ta' kontroll u l-iter ta' ċirkolazzjoni (routing slips) tiegħu;

    Strateġija kontra l-frodi

    22.

    Josserva li l-Istitut żviluppa strateġija kontra l-frodi għall-perjodu mill-2015 sal-2017, li inkludiet stħarriġ intern dwar l-għarfien kontra l-frodi fost il-persunal, il-valur referenzjarju għas-sensibilizzazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-frodi, taħriġ intern obbligatorju dwar il-ġlieda kontra l-frodi, valutazzjoni annwali mwettqa dwar is-sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interessi għall-membri tal-bord ta' tmexxija tal-Istitut u l-miżuri ta' mitigazzjoni identifikati u implimentati meta jkun meħtieġ;

    Awditu intern

    23.

    Jinnota li s-servizz tal-awditjar intern wettaq awditu f'April 2016 dwar it-“Tranżizzjoni lejn Orizzont 2020”, li kopra t-tranżizzjoni legali lejn ir-regoli u r-regolamenti ta' Orizzont 2020 kif ukoll l-għotjiet għal negozji ġodda mogħtija lil żewġ KKI tat-tieni mewġa magħżula fl-2014; jinnota li r-rapport tal-awditjar finali inħareġ f'Diċembru 2016 bi tliet rakkomandazzjonijiet, bl-ebda waħda ma tkun kritika; jinnota li l-Istitut aċċetta r-rakkomandazzjonijiet u waqqaf pjan ta' azzjoni li ser jiġi implimentat fl-2017;

    24.

    Jinnota li l-bord ta' tmexxija tal-Istitut approva l-pjan ta' awditjar annwali tal-2016 propost mill-kapaċità tal-awditjar intern (IAC); jinnota li l-IAC wettqet tliet assenjazzjonijiet fl-2016, inklużi awditu tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT), konsultazzjoni dwar titjib potenzjali fl-effiċjenza fil-qasam tal-ġestjoni tar-riżorsi umani u segwitu għall-assenjazzjonijiet ta' konsultazzjonijiet passati; jinnota li l-IAC ħarġet 41 rakkomandazzjoni ġdida fl-2016, bi tmienja minnhom ikklassifikati bħala “importanti ħafna”, 11 bħala “importanti” u 22 bħala “mixtieqa” u li l-ġestjoni tal-Istitut aċċettat ir-rakkomandazzjonijiet kollha li rriżultaw mill-assenjazzjonijiet tal-IAC għall-2016;

    Prevenzjoni u ġestjoni ta' kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

    25.

    Jirrikonoxxi li qiegħda tiġi abbozzata l-politika tal-Istitut dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u ser tintbagħat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għal verifika preliminari qabel tiġi adottata mill-bord ta' tmexxija tal-Istitut; jinnota, barra minn hekk, li l-politika li jmiss ser ikun fiha mezz għal rapportar intern anonimu; jitlob lill-Istitut biex iżomm lill-awtorità tal-kwittanza infurmata dwar il-progress tagħha fir-rigward ta' din il-kwistjoni;

    26.

    Jirrikonoxxi li, f'Lulju 2017, l-Istitut adotta politika ġdida dwar l-għażla ta' esperti esterni indipendenti, li tindirizza l-implimentazzjoni tal-Artikolu 89 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013 rigward is-sorsi ta' għażla, kif ukoll it-trattament tar-rakkomandazzjonijiet u tipprovdi l-kriterji tal-kunflitt ta' interess;

    27.

    Jinnota li l-Istitut ser iwaqqaf politika dettaljata u proattiva dwar it-trasparenza relatata mal-kuntatti tiegħu mal-partijiet ikkonċernati bħala parti mill-programm ta' ħidma annwali tiegħu għall-2018; jitlob lill-Istitut biex iżomm lill-awtorità tal-kwittanza infurmata dwar il-progress fir-rigward ta' din il-kwistjoni;

    28.

    Jinnota b'sodisfazzjon l-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' taħriġ intern dwar l-etika u l-integrità, il-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-frodi, il-ġestjoni tal-proġetti, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u Orizzont 2020 dwar il-ġestjoni finanzjarja u l-awditjar;

    29.

    Jiddispjaċih li l-Istitut ma jippubblikax il-minuti tal-laqgħat tal-bord maniġerjali tiegħu; jappella lill-Istitut biex ibiddel il-politika tiegħu f'dan ir-rigward;

    Kummenti oħra

    30.

    Jinnota li fl-2016, il-Qorti ppubblikat żewġ rapporti speċjali li jaffettwaw l-Istitut: Rapport Speċjali Nru 4/2016 “Jeħtieġ li l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija jimmodifika l-mekkaniżmi operazzjonali tiegħu u l-elementi tat-tfassil tiegħu biex jikseb l-impatt mistenni”, li ġie ppubblikat fl-14 ta' April 2016, u r-Rapport Speċjali Nru 12/2016 “L-użu li l-aġenziji jagħmlu minn għotjiet: mhuwiex dejjem xieraq u mhux dejjem jista' jintwera li huwa effettiv” li ġie ppubblikat fil-21 ta' April 2016; jinnota b'sodisfazzjon li ttieħdu miżuri biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti;

    31.

    Jinnota li l-mira oriġinali stabbilita mill-Kummissjoni biex l-Istitut jikseb l-awtonomija finanzjarja kienet l-2010; jinnota, barra minn hekk, li l-Istitut kiseb awtonomija finanzjarja parzjali f'Ġunju 2011, bil-kundizzjoni ta' approvazzjoni ex-ante kontinwa ta' tranżazzjonijiet relatati ma' għotjiet u ta' akkwisti 'l fuq minn EUR 60 000 mid- Direttorati-Ġeneral tal-Kummissjoni għall-Edukazzjoni u l-Kultura; jirrikonoxxi li l-Istitut talab lill-Kummissjoni tniedi mill-ġdid il-proċess li jwassal għal awtonomija finanzjarja sħiħa; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li f'Mejju 2016 il-Kummissjoni stabbilixxiet il-pjan direzzjonali u l-iskeda ta' żmien tal-proċessi u li f'Ottubru 2016 l-Istitut ippreżenta awtovalutazzjoni sħiħa lill-Kummissjoni; jappella lill-Istitut jirrapporta lura lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-progress;

    32.

    Jinnota li l-Kummissjoni ħolqot ċentru ta' appoġġ komuni għal Orizzont 2020 sabiex tiżgura koerenza fost il-korpi li jimplimentaw il-programm li jkopri aspetti bħas-servizzi legali, l-għodod tal-IT, il-ġestjoni tal-għotjiet, it-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati tar-riċerka; jinnota, madankollu, li l-Istitut ma għandux aċċess dirett għaċ-ċentru ta' appoġġ iżda jeħtieġ approvazzjoni fuq bażi ta' każ b'każ mid-Direttorat Ġenerali prinċipali tiegħu fil-Kummissjoni; jirrikonoxxi li din il-limitazzjoni taffettwa l-effiċjenza tal-operazzjonijiet tal-Istitut;

    33.

    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

    (1)  ĠU C 84, 17.03.2017, p. 205.

    (2)  Testi adottati, P8_TA(2018)0133. Ara paġna 393 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Top