Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018BP1374

    Riżoluzzjoni (UE) 2018/1374 tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2016

    ĠU L 248, 3.10.2018, p. 229–232 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2018/1374/oj

    3.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 248/229


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2018/1374 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-18 ta’ April 2018

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2016

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2016,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0107/2018),

    A.

    billi, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, l-awtorità ta’ kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta’ titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

    B.

    billi, skont ir-rapporti tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2016 kien ta’ EUR 9 967 000, li jfisser żieda ta’ 8,14 % meta mqabbel mal-2015; billi ż-żieda kienet dovuta prinċipalment għal għotjiet addizzjonali ad hoc relatati mal-Proġetti Pilota tal-Gwardja tal-Kosta Ewropea; billi l-baġit kollu tal-Aġenzija huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni;

    C.

    billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.

    Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 99,6 %; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 88,5 %;

    2.

    Jinnota li l-fondi addizzjonali li waslu mill-Kummissjoni matul is-sena għall-proġetti pilota dwar il-funzjonijiet tal-Gwardja tal-Kosta Ewropea influwenzaw b’mod sinifikanti l-baġit, b’mod partikolari żewġ għotjiet ad hoc, total ta’ EUR 750 000, waslu fil-baġit bħala dħul assenjat li għandhom jintefqu fis-snin baġitarji 2016 u 2017 (jiġifieri pluriennali), li jiġġustifika l-fatt li r-rata ta’ implimentazzjoni tagħhom hija meqjusa apparti mill-implimentazzjoni tal-bqija tal-baġit;

    3.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-passi miksuba fl-2016 fil-qasam tal-amministrazzjoni elettronika: l-implimentazzjoni tal-moduli e-Prior għal offerti, ordnijiet u fatturazzjonijiet elettroniċi f’kooperazzjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-Informatika (DĠ DIGIT) tal-Kummissjoni, l-implimentazzjoni tal-għodda tal-ġestjoni tal-kuntratti ABAC għar-reġistrazzjoni u s-segwitu ta’ kuntratti qafas, l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni tal-missjonijiet tal-Kummissjoni (MIPS) li twassal għal tnaqqis sostanzjali fl-użu ta’ formoli stampati, l-użu fil-futur tas-Sysper 2, (għodda tal-IT għar-riżorsi umani); jirrikonoxxi mill-Aġenzija li, flimkien mal-implimentazzjoni ta’ miżuri oħra ta’ razzjonalizzazzjoni għat-titjib, bħalissa qed tipproċessa madwar 95 % tat-tranżazzjonijiet finanzjarji tagħha b’mod elettroniku, li twassal għal aktar effiċjenza, affidabbiltà tad-data u traċċabbiltà għall-awditjar;

    4.

    Ifakkar li l-baġit tal-Aġenzija baqa’ l-istess matul dawn l-aħħar ħames snin finanzjarji minkejja ż-żieda fil-missjonijiet u fl-ispezzjonijiet tagħha, jinnota, madankollu, li l-infiq tagħha fuq ir-riżorsi umani ma nbidilx u li l-kost tal-operazzjonijiet tagħha naqas matul l-istess perjodu; jisħaq fuq il-fatt li dawn l-elementi, li jissarrfu fl-ottimizzazzjoni tar-riżorsi u fil-kwalità tal-ġestjoni tal-Aġenzija, jissograw li jxekklu l-avvanz tagħha minħabba approprjazzjonijiet baġitarji insuffiċjenti, u jikkostitwixxu pressjoni fuq l-attività tal-aġenti li jeħtieġ li tkun suġġetta għal awditjar biex tkun żgurata l-kwalità tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom;

    Impenji u riporti

    5.

    Jinnota li l-livell ta’ fondi riportati mill-2016 għall-2017 kien ta’ 11 % tas-sussidju totali tal-2016; jinnota li r-rata ta’ riporti għat-Titolu II (infiq amministrattiv) kienet ta’ 34 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 14 % meta mqabbel mar-riżultati tal-2015; jinnota madankollu li rata ta’ implimentazzjoni aktar baxxa għat-Titolu II tista’ tiġi spjegata b’għadd ta’ servizzi esterni li t-tlestija u l-pagamenti finali tagħhom għadhom pendenti fi tmiem is-sena (bħall-ICT, is-servizzi ta’ traduzzjoni u ta’ evalwazzjoni esterna); jirrikonoxxi mill-Aġenzija li l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom se ssir matul l-2017 u li l-approprjazzjonijiet mhux se jkollhom jiġu kkanċellati;

    6.

    Jinnota li, fir-rigward ta’ impenji riportati mis-sena ta’ qabel, l-implimentazzjoni hija ta’ 95,3 %, u l-kanċellazzjoni korrispondenti tirrappreżenta 0,4 % tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tal-2016;

    7.

    Jirrimarka li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għalkollox ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b’mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-aġenziji u kkomunikati lill-Qorti tal-Awdituri;

    Trasferimenti

    8.

    Jinnota b’sodisfazzjon li, skont il-kontijiet finali tal-Aġenzija, il-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2016 baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji;

    Proċedura ta’ akkwist u politika tal-persunal

    9.

    Jinnota li fil-31 ta’ Diċembru 2016, l-għadd totali tal-persunal f’attività kien ta’ 56, li jfisser li t-tabella tal-persunal kienet mimlija 100 %;

    10.

    Josserva li l-Aġenzija wettqet it-tnaqqis ġenerali ta’ 5 % tal-persunal; jinnota madankollu li, minħabba t-tibdil fir-regolament fundatur, l-Aġenzija ngħatat 13-il post tax-xogħol għall-kompiti l-ġodda assoċjati fit-tabella tal-persunal għall-2017;

    11.

    Jinnota li l-istruttura interna tal-Aġenzija ġiet riorganizzata biex tadatta għall-bidliet ġodda u għar-riżorsi addizzjonali relatati mal-emenda tar-regolament fundatur tal-Aġenzija;

    12.

    Jinnota bi tħassib li l-perċentwal globali ta’ membri tal-persunal irġiel huwa ta’ 62 % u ta’ 38 % nisa, proporzjon żbilanċjat ta’ kważi żewġ nisa għal kull raġel; jistieden lill-Aġenzija tindirizza u tirrimedja dan l-iżbilanċ mill-aktar fis possibbli;

    13.

    Jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija għamlet il-maġġoranza kbira ta’ pagamenti fil-limiti ta’ żmien stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju u li ma ntalab ebda mgħax mill-fornituri għal pagamenti tard; jinnota, barra minn hekk, li l-għadd medju ta’ ġranet għall-pagamenti fl-2015 kien ta’ 22 jum;

    14.

    Jisħaq fuq il-punt li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal tal-Aġenzija; jinnota li l-baġit li ntefaq fuq attivitajiet ta’ benessri jammonta għal EUR 138,14 għal kull membru tal-persunal; josserva li l-ammont medju ta’ liv minħabba mard għal kull membru tal-persunal huwa ta’ 3,7 ġranet, ferm anqas mill-medja tal-aġenziji tal-Unjoni;

    15.

    Jinnota li r-regoli ta’ implimentazzjoni dwar fastidju ġew adottati mill-bord amministrattiv fl-2017; jiddispjaċih dwar id-dewmien fl-introduzzjoni ta’ dawn ir-regoli; jappella lill-Aġenzja tappoġġa l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ u informazzjoni sabiex iżżid is-sensibilizzazzjoni tal-persunal;

    16.

    Jinnota b’sodisfazzjon li fl-2016, l-Aġenzija ma rċeviet ebda lment, azzjoni legali jew każ irrapportat marbuta mal-ingaġġ jew mat-tkeċċija ta’ membri tal-persunal;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, trasparenza u demokrazija

    17.

    Jirrikonoxxi li l-Aġenzija adottat politika komprensiva dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, li ġiet emendata fl-2016, u strateġija kontra l-frodi; jieħu nota tal-fatt li minn total ta’ 13-il azzjoni li huma ppjanati li jiġu implimentati sa tmiem l-2017, 11 minnhom diġà ġew implimentati; jieħu nota tal-fatt li l-kontrolli tal-Aġenzija mmirati biex jimpedixxu u jidentifikaw il-frodi huma simili għal dawk li jiżguraw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet, bħall-prinċipju ta’ “erba’ għajnejn aħjar minn tnejn”, il-kontrolli awtomatizzati fis-sistemi finanzjarji u tal-kontabilità, il-kalkolu esternalizzat tas-salarji kif ukoll il-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ kunflitti ta’ interess ikunu ffirmati dejjem mill-membri tal-bord; jinnota b’sodisfazzjon mill-Aġenzija li, sa mit-twaqqif tagħha, ma seħħ ebda każ ta’ frodi;

    18.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-emendi għall-politika tal-kunflitti ta’ interess tal-Aġenzija adottata fl-2016, b’mod partikolari, l-obbligu li l-membri tal-Bord Amministrattiv, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija u l-Kapijiet ta’ Unitajiet jippreżentaw CVs li huma soġġetti għal pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-Aġenzija u għandu jiġi aġġornat kull meta jkun meħtieġ; jinnota l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-membri tal-Bord Konsultattiv;

    19.

    Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li kull dikjarazzjoni ta’ interess annwali bil-miktub ġiet immonitorjata mill-Aġenzija; jiddispjaċih madankollu li, sa tmiem l-2016, żewġ membri tal-Bord Amministrattiv ma kinux għadhom ippreżentaw id-dikjarazzjoni ta’ interess tagħhom; jinnota li l-membri tal-Bord huma mitluba mill-President biex qabel kull laqgħa tal-Bord Amministrattiv jikkonfermaw il-korrettezza fattwali tad-dikjarazzjoni ta’ interess billi jiddikjaraw kwalunkwe kunflitt potenzjali li jista’ jinqala’ f’dak li jirrigwarda l-laqgħa; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li sar rigward is-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ interess li għadhom neqsin;

    20.

    Jirrikonoxxi li l-Aġenzija qed tistenna d-deċiżjoni mudell mill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha stess dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta; jinnota madankollu li, sakemm tiġi proposta d-deċiżjoni mudell mill-Kummissjoni, id-deċiżjoni attwali tal-Kummissjoni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta se tkompli tiġi pprovduta bħala gwida lill-persunal; jinnota li fl-2016 ma kien hemm ebda każ ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta fl-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni mudell;

    21.

    Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp indipendenti ta’ żvelar, konsulenza u riferiment b’riżorsi baġitarji suffiċjenti, sabiex jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jagħtihom l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

    Kisbiet ewlenin

    22.

    Jilqa’ t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Aġenzija fl-2016, jiġifieri li:

    ikkoordinat 20 000 spezzjoni tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni u fl-ilmijiet internazzjonali permezz tal-pjanijiet tal-eżerċizzju konġunt tagħha;

    stabbiliet kooperazzjoni ma’ Aġenziji oħra tal-Unjoni għall-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu Ewropew ta’ Gwardja tal-Kosta;

    appoġġat l-implimentazzjoni reġjonali tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS);

    Kontrolli interni

    23.

    Jinnota li l-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija adotta sett ta’ Standards ta’ Kontroll Intern (ICS) maħsub biex jiżgura l-kisba tal-objettivi tal-politika u dawk operattivi; jirrikonoxxi li 12 mill-ICS għandhom livell għoli ta’ implimentazzjoni, fejn erba’ oqsma għandhom livell medju ta’ implimentazzjoni fis-sistema ta’ kontroll intern;

    24.

    Jinnota b’sodisfazzjon mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri li ICS 10 (Kontinwità tan-Negozju), ICS 11 (Ġestjoni tad-Dokumenti) u ICS 12 (Informazzjoni u Komunikazzjoni) issa huma mmarkati bħala “Ikkompletata”;

    Awditu intern

    25.

    Jinnota li, fl-2016, is-Servizz ta’ Awditjar Intern (IAS) wettaq valutazzjoni tar-riskju li tkopri l-proċessi ewlenin tal-Aġenzija, kemm operattivi kif ukoll amministrattivi; jinnota li, b’riżultat tax-xogħol tal-IAS, ġie stabbilit “il-Pjan ta’ Awditjar Intern Strateġiku tal-IAS 2017-2019”; jinnota b’sodisfazzjon li ma hemm ebda rakkomandazzjoni miftuħa tal-IAS;

    26.

    Jieħu nota li t-tieni Evalwazzjoni Esterna Indipendenti fuq Ħames Snin tal-Aġenzija għall-perjodu 2012-2016 bdiet f’Ottubru 2015 u kienet ippjanata li titlesta fl-2017; jirrimarka li kull evalwazzjoni għandha tivvaluta l-utilità, ir-rilevanza u l-effikaċja tal-Aġenzija u l-prattiki tax-xogħol tagħha u sa liema punt tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ konformità mar-regoli li saru taħt il-PKS; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-eżitu ta’ din l-evalwazzjoni;

    27.

    Jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija żviluppat u implimentat monitoraġġ ċentralizzat tar-rakkomandazzjonijiet kollha ta’ awditjar maħruġa mill-Qorti tal-Awdituri, l-IAS u l-Kapaċità ta’ Kontroll Intern tagħha, bil-ħsieb li tikkonsolidahom u tissorveljahom, kif ukoll biex jittejjeb is-segwitu għall-pjanijiet ta’ azzjoni korrispondenti;

    Prestazzjoni

    28.

    Jinnota l-adozzjoni tar-Regolament fundatur emendat tal-Aġenzija fl-2016, li estenda l-missjoni tal-Aġenzija biex tikkopera mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u biex tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu l-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta; josserva li dawn it-tliet Aġenziji ilhom jaħdmu flimkien mat-tliet Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni “sħab” tagħhom (Affarijiet Marittimi u Sajd (MARE), Migrazzjoni u Affarijiet Interni (HOME) u Mobilità u Trasport (MOVE)) fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġett pilota “Il-Ħolqien tal-funzjoni ta’ Gwardja tal-Kosta Ewropea”, stabbilit mill-Parlament bi tħejjija għall-implimentazzjoni tal-“pakkett dwar il-fruntieri”;

    Kummenti oħra

    29.

    Jissottolinja r-rwol importanti tal-Aġenzija fl-armonizzazzjoni u fl-applikazzjoni tal-prinċipji tal-PKS; jilqa’ favorevolment l-effikaċja tagħha, l-avvanz tagħha u r-riżultati eċċellenti li kisbet minn mindu twaqqfet;

    30.

    Jevidenzja l-kontribut li tagħti l-Aġenzija lill-armonizzazzjoni u lill-istandardizzazzjoni tal-miżuri tal-PKS marbuta mal-monitoraġġ, mal-kontroll u mas-sorveljanza maħsuba biex jiżguraw it-trattament indaqs u jtejbu r-rispett tar-regoli tal-PKS, inkluż l-obbligu ta’ ħatt l-art;

    31.

    Jisħaq fuq ir-rwol tal-Aġenzija fil-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali relatati mas-sajd, inklużi l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, sabiex tissaħħaħ il-konformità mal-miżuri, b’mod speċjali dawk li jiġġieldu kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), adottati minn dawn l-organizzazzjonijiet internazzjonali;

    32.

    Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għaż-żieda ta’ 15 % fl-ispezzjonijiet fl-2016, fatt li jixhed titjib fil-koordinament tar-riżorsi umani mal-Istati Membri permezz tal-Pjanijiet tal-Eżerċizzju Konġunt u tal-koordinament tal-pjanijiet operattivi;

    33.

    Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-valutazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, fir-Rapport Speċjali Nru 8/2017 tagħha, tar-rwol fundamentali tal-Aġenzija fl-iżvilupp u fit-titjib ta’ approċċ armonizzat u koerenti tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u ta’ skambji tad-data dwar il-prodotti tas-sajd;

    34.

    Jirrikonoxxi l-kwalità u r-rilevanza tal-kollaborazzjoni li saret mill-Aġenzija fil-qafas tal-proġett pilota komuni mal-EMSA u ma’ Frontex fir-rigward tal-ħolqien ta’ funzjoni ta’ gwardji tal-kosta; iżda jfakkar lill-Kummissjoni li jeħtieġ li l-Aġenzija tkun mgħammra b’biżżejjed mezzi għal dan it-tip ta’ proġetti jew kull proġett ieħor fil-ġejjieni, speċjalment dawk marbuta mal-użu ta’ teknoloġiji ġodda fil-monitoraġġ (droni) jew fit-taħriġ (e-learning);

    35.

    Ifakkar fl-importanza li jissaħħaħ il-mandat tal-Aġenzija sabiex jiġu żviluppati azzjonijiet operattivi konġunti ma’ aġenziji tal-Unjoni oħra speċjalizzati fis-settur marittimu, bil-għan li jiġu evitati d-diżastri fuq il-baħar u jiġu kkoordinati l-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta Ewropej;

    36.

    Jisħaq fuq il-bżonn ta’ żieda fl-allokazzjoni ta’ riżorsi biex tissaħħaħ il-kapaċità operattiva tal-Aġenzija quddiem l-inċertezzi marbuta mal-Brexit u mal-kontrolli supplementari li jirriżultaw minnu;

    37.

    Jipproponi li jiddaħħal Membru tal-Parlament Ewropew fil-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija bil-għan li tissaħħaħ it-trasparenza istituzzjonali tagħha, partikolarment fl-okkażjoni tal-approvazzjoni tal-baġit minn dan il-Bord; jipproponi li l-Membru jkun elett mill-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament;

    38.

    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

    (1)  ĠU C 333, 9.9.2016, p. 31.

    (2)  Testi adottati, P8_TA(2018)0133 (ara paġna 393 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top