Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018BP1371

    Riżoluzzjoni (UE) 2018/1371 tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2016

    ĠU L 248, 3.10.2018, p. 223–226 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2018/1371/oj

    3.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 248/223


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2018/1371 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-18 ta' April 2018

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2016

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2016,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0090/2018),

    A.

    billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

    B.

    billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 50 509 265, li jfisser żieda ta' 2,75 % meta mqabbel mal-2015; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

    C.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2016 (ir-“rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.

    Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,9 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 89,8 %;

    Impenji u riporti

    2.

    Jieħu nota li r-riporti mill-2016 għall-2017 kienu ta' EUR 4 203 111, jiġifieri tnaqqis ta' EUR 741 628 meta mqabbel mas-sena ta' qabel (EUR 4 944 739 fl-2015);

    3.

    Jinnota li r-riporti ħafna drabi jistgħu jkunu parzjalment jew kompletament ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Aġenzija u kkomunikati lill-Qorti;

    Politika tal-persunal

    4.

    Jirrikonoxxi l-fatt li l-bord ta' mmaniġġjar tal-Aġenzija huwa mħasseb dwar it-tnaqqis kontinwu tal-persunal allokat lill-Aġenzija fid-dawl tat-tnaqqis previst ta' 10 % tal-postijiet tax-xogħol li jirriżulta mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014–2020 u l-istabbiliment ta' “riżerva ta' riallokazzjoni” għal aġenziji b'kompiti ġodda;

    5.

    Jinnota li l-bord ta' mmaniġġjar jaqbel mal-rwol futur propost tal-Aġenzija u tan-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (EIONET) fil-qasam tal-Unjoni tal-Enerġija, u jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tqiegħed riżorsi addizzjonali għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija b'rabta mal-kompiti ġodda proposti;

    6.

    Jinnota li l-Aġenzija kisbet rata ta' okkupanza ta' 99,2 % għall-aġenti temporanji, b'129 membru tal-persunal mill-130 post tax-xogħol awtorizzat mill-baġit tal-Unjoni; jieħu nota li l-aħħar post tax-xogħol huwa riżervat għat-tnaqqis ippjanat fit-tabella tal-persunal fl-2017; jilqa' l-fatt li madwar 77 % tal-persunal kollu huwa ddedikat għal attivitajiet operattivi;

    7.

    Jinnota b'sodisfazzjon il-bilanċ bejn is-sessi fil-bord ta' mmaniġġjar tal-Aġenzija; madankollu, jiddispjaċih dwar l-iżbilanċ bejn is-sessi fit-tim tal-maniġment superjuri tal-Aġenzija; jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija għandha biss seba' pożizzjonijiet disponibbli ta' kap ta' unità, u dan jillimita l-ħeffa potenzjali ta' tranżizzjoni lejn proporzjon aħjar irġiel/nisa;

    8.

    Japprezza l-fatt li min-numru tal-postijiet tax-xogħol kollha okkupati fl-2015 intlaħaq bilanċ bejn is-sessi peress li l-proporzjon huwa 54,6 % fil-każ tan-nisa u 45,4 % fil-każ tal-irġiel;

    9.

    Jenfasizza li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal tal-Aġenzija u li l-baġit minfuq fuq attivitajiet ta' benessri jammonta għal madwar EUR 560 għal kull membru tal-persunal, li jikkorrispondi għal jumejn xogħol; josserva li l-medja tal-liv minħabba mard tammonta għal 13,8 ġurnata għal kull membru tal-persunal, li jirrappreżenta medja ta' kważi tliet ġimgħat tax-xogħol; jistieden lill-Aġenzija biex, b'urġenza, teżamina din il-kwistjoni bil-għan li jiġu aċċertati u indirizzati l-kawżi ewlenin tagħha, u tistabbilixxi b'mod partikolari jekk l-istress fuq il-post tax-xogħol huwiex b'xi mod responsabbli;

    10.

    Jilqa' l-fatt li, f'Ġunju 2017, l-Aġenzija adottat politika ġdida dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; isostni s-sessjoni ta' taħriġ organizzata biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-persunal u jissuġġerixxi l-organizzazzjoni perjodika ta' sessjonijiet ta' taħriġ u informazzjoni dwar il-kwistjoni; jiddispjaċih dwar l-allegat każ ta' fastidju li tressaq ilment dwaru fis-16 ta' Diċembru 2016; jitlob informazzjoni addizzjonali mingħand id-direttur eżekuttiv filwaqt li jirrispetta l-preżunzjoni tal-innoċenza u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; jistenna d-deċiżjoni finali u jikkunsidra li din se tingħata segwitu bir-reqqa matul l-eżerċizzju tal-kwittanza li jmiss;

    11.

    Jinnota li tressqu żewġ ilmenti abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (21 ta' Diċembru 2016 u 8 ta' Marzu 2017) kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra (AIPN) li tittermina kuntratt matul il-perjodu ta' prova u li ma tikkonfermax kuntratt fi tmiem il-perjodu ta' prova; jitlob aktar informazzjoni mingħand id-direttur eżekuttiv, filwaqt li jirrispetta r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

    12.

    Jenfasizza li t-tnaqqis li għadu għaddej fil-persunal jirrappreżenta riskju għall-Aġenzija biex twettaq bis-sħiħ il-programm ta' ħidma pluriennali tagħha għas-snin 2014-2020, u jillimita l-kapaċità tagħha li tirrispondi għal żviluppi tal-politika; jenfasizza li sar dejjem aktar diffiċli għall-Aġenzija biex timmaniġġja r-riskji assoċjati mat-tnaqqis fir-riżorsi; jinnota li l-limitazzjoni ta' riżorsi umani kkontribwiet għar-rata ta' realizzazzjoni aktar baxxa li ġiet osservata f'xi oqsma strateġiċi;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

    13.

    Jilqa' l-fatt li 18-il membru tal-bord qiegħdu għad-dispożizzjoni s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tagħhom fis-sit web tal-Aġenzija; barra minn hekk, jirrikonoxxi l-fatt li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tat-tim tal-maniġment superjuri tagħha huma ppubblikati fis-sit web;

    14.

    Jirrikonoxxi l-fatt li l-membri tal-persunal ġodda li jiġu rreklutati jieħdu sehem f'korsijiet tal-etika u l-integrità u li, għal kull membru tal-persunal, valutazzjoni tal-kunflitti ta' interess potenzjali hija parti mill-analiżi tal-prestazzjoni annwali tal-persunal; barra minn hekk, jinnota li jiġi pprovdut taħriġ speċifiku għall-persunal kollu b'responsabbiltajiet ta' maniġment;

    15.

    Jinnota li, f'Novembru 2014, il-bord ta' mmaniġġjar tal-Aġenzija adotta strateġija kontra l-frodi bil-għan li tiġi żgurata ġestjoni xierqa ta' kwistjonijiet ta' kunflitt ta' interess u li jiġu żviluppati attivitajiet kontra l-frodi speċjalment permezz ta' pjan ta' azzjoni li jkopri tliet objettivi: li tiġi żgurata organizzazzjoni interna effikaċi għall-identifikazzjoni ta' frodi potenzjali, li tissaħħaħ il-formalizzazzjoni tal-awtorizzazzjoni tad-drittijiet tal-aċċess għall-bażi ta' data tar-Repożitorju tad-Data Kummerċjali u li jinżamm livell għoli ta' etika u sensibilizzazzjoni dwar il-frodi fi ħdan l-Aġenzija;

    16.

    Jilqa' l-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-Aġenzija dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta li għandhom l-għan, inter alia, li jiċċaraw ir-regoli li jirrigwardaw l-etika professjonali fi ħdan l-Aġenzija billi jipprovdu informazzjoni dwar it-tipi ta' sitwazzjonijiet li fihom japplika l-obbligu li tiġi żvelata informazzjoni protetta u dwar il-mezzi li bihom wieħed jista' jirrapporta; jilqa' l-fatt li dawk il-linji gwida jindirizzaw ukoll il-protezzjoni li għandha tingħata lill-informatur u l-gwida u l-appoġġ li jistgħu jingħataw mill-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dawk il-linji gwida;

    17.

    Jesprimi l-ħtieġa li jiġi stabbilit korp indipendenti ta' żvelar, konsulenza u riferiment b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jiġu offruti l-appoġġ u l-konsulenza li jeħtieġu;

    Kisbiet ewlenin

    18.

    Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Aġenzija fl-2016, jiġifieri:

    il-pubblikazzjoni tar-rapport 2016 dwar il-kwalità tal-arja fl-Ewropa;

    il-pubblikazzjoni fl-2016 tal-ewwel rapport ta' valutazzjoni dwar “Circular economy in Europe – Developing the knowledge base”, li jindirizza l-prospettiva tat-tnaqqis tal-pressjonijiet u l-impatti ambjentali mill-użu tar-riżorsi materjali;

    il-pubblikazzjoni tar-rapport “Transforming the EU power sector: avoiding a carbon lock-in”, li jivvaluta l-punt sa fejn is-settur tal-enerġija termali fl-Unjoni għandu l-potenzjal li jiffaċilita t-tranżizzjoni meħtieġa lejn objettivi fit-tul tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima;

    Awditu intern

    19.

    Jinnota li s-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu fuq ir-Rapport dwar l-Istat tal-Ambjent (SOER), li ġie ffinalizzat fl-2016; jinnota b'sodisfazzjon li, skont il-konklużjonijiet tal-IAS, is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll stabbiliti mill-Aġenzija għall-proċess ta' tħejjija tas-SOER 2015 kienu ġeneralment adegwati għall-iskop u żguraw koordinazzjoni interna u esterna effiċjenti u effikaċi ta' dan il-proġett pluriennali kumpless; jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Aġenzija u l-IAS qablu dwar pjan biex dawn jittejbu aktar; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' azzjoni;

    20.

    Jieħu nota li l-IAS wettaq awditu fuq il-ġestjoni tad-data/tal-informazzjoni, inkluż komponent tal-IT, li ġie ffinalizzat fl-2015; jirrikonoxxi l-fatt li, sabiex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-IAS b'rabta ma' dak l-awditu, tfassal pjan ta' azzjoni li jkopri s-snin li ġejjin; jinnota b'sodisfazzjon li fl-2017 il-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet ingħalqu mill-IAS, u dan juri li ġew implimentati miżuri xierqa biex tiġi żgurata ġestjoni adegwata ta' volum ogħla ta' data;

    Kontrolli interni

    21.

    Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li, anke kieku l-Aġenzija kellha taġġorna l-politika tas-sigurtà tagħha fl-2016, ħafna proċeduri interni oħra huma antikwati; jinnota li l-maniġment superjuri approva pjan ta' azzjoni li jinkludi r-rieżami u l-aġġornament tal-pjan tal-kontinwità tan-negozju u li l-Aġenzija wkoll biħsiebha tirrieżamina l-politika tagħha tal-ġestjoni tad-dokumenti, li adottat fl-2009, skont il-politika tas-sigurtà l-ġdida; barra minn hekk, jinnota li l-Aġenzija biħsiebha tirrieżamina u taġġorna l-istandards tagħha ta' kontroll intern, meta jkun meħtieġ; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' azzjoni;

    22.

    Jieħu nota li l-Kapaċita’ ta’ Awditjar Intern stabbiliet valutazzjoni tar-riskju biex jintgħażlu benefiċjarji għal verifiki fuq il-post, u din wasslet għall-verifika ta' pagamenti għal żewġ benefiċjarji b'rabta ma' tmien għotjiet biex tiġi żgurata l-eżattezza u l-affidabbiltà tal-ispejjeż tal-persunal iddikjarati; jinnota li, b'konsegwenza ta' dan, ġie identifikat pagament mhux ġustifikat li tħallas lura lill-Aġenzija skont id-dispożizzjonijiet kuntrattwali; josserva li, abbażi tal-politika l-ġdida approvata f'Ottubru 2015, saru aktar verifiki fuq il-post fl-2016; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati ta' dawk il-verifiki;

    23.

    Jinnota li, wara l-osservazzjonijiet mill-awtorità ta' kwittanza, l-Aġenzija tejbet il-metodi ta' verifika billi pprovdiet linji gwida u taħriġ lis-sħab taċ-Ċentri Tematiċi Ewropej rigward il-kriterji għall-eliġibilità tal-ispejjeż;

    Kummenti oħra

    24.

    Ifakkar bi tħassib, mir-rapport tal-Qorti, li fl-2014 il-Kummissjoni, f'isem aktar minn 50 istituzzjoni u korp tal-Unjoni (inkluża l-Aġenzija), iffirmat kuntratt qafas (FWC) ma' kuntrattur wieħed għall-akkwist ta' softwer u liċenzji, u għall-forniment ta' servizzi ta' manutenzjoni u konsulenza relatati mal-IT; jinnota li l-kuntrattur qafas jaġixxi bħala intermedjarju bejn l-Aġenzija u l-fornituri u li, għal dawn is-servizzi intermedjarji, il-kuntrattur qafas huwa intitolat japplika żidiet ta' bejn tnejn u disgħa fil-mija fuq il-prezzijiet tal-fornituri; barra minn hekk, jinnota li l-FWC jistipula espliċitament li ma jikkonferixxi ebda dritt esklużiv lill-kuntrattur; josserva li, fl-2016, l-Aġenzija użat dan il-FWC biex tixtri liċenzji tas-softwer għal total ta' EUR 442 754; jinnota li l-biċċa l-kbira ta' dawk l-akkwisti kienu prodotti li jappartjenu għal kategorija partikolari li għandha tintuża biss fuq bażi eċċezzjonali, u li għalihom ma ġewx ikkwotati prezzijiet, la matul il-proċess tal-offerti u lanqas fil-FWC; jirrikonoxxi l-fatt li r-rapport tal-Qorti jindika li din il-proċedura ma tiżgurax kompetizzjoni biżżejjed jew l-applikazzjoni tas-soluzzjoni l-aktar ekonomika; barra minn hekk, jirrikonoxxi l-fatt li ż-żidiet imposti mill-kuntrattur qafas ma ġewx iċċekkjati adegwatament: l-akbar ordni kienet tikkonċerna t-tiġdid ta' liċenzji tas-softwer ipprovduti minn rivenditur Skandinavu esklużiv (EUR 112 248); jesprimi t-tħassib tiegħu li, f'dan il-każ, ma kienx hemm ġustifikazzjoni għall-użu tal-FWC, li rriżulta fi spiża għal żieda li ma kinitx neċessarja; jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija għall-kumment tal-Qorti;

    25.

    Ifakkar li, sa mit-twaqqif tagħha, l-Aġenzija, flimkien mal-EIONET, kienet sors ta' informazzjoni għal dawk involuti fl-iżvilupp, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki tal-Unjoni dwar l-ambjent u l-klima, kif ukoll il-politiki dwar l-iżvilupp sostenibbli, u kienet ukoll sors ta' informazzjoni għall-pubbliku ġenerali;

    26.

    Jenfasizza li l-Kummissjoni, f'konformità mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, fl-2016 bdiet evalwazzjoni tal-Aġenzija u l-EIONET li tkopri l-perjodu bejn nofs l-2012 u tmiem l-2016, li s-sejbiet tagħha se jintużaw biex jiġi vvalutat kemm l-Aġenzija qed taħdem tajjeb;

    27.

    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

    (1)  ĠU C 443, 29.11.2016, p. 1.

    (2)  Testi adottati, P8_TA(2018)0133 (ara paġna 393 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top