EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018BP1330

Riżoluzzjoni (UE) 2018/1330 tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

ĠU L 248, 3.10.2018, p. 134–136 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2018/1330/oj

3.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/134


RIŻOLUZZJONI (UE) 2018/1330 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-18 ta' April 2018

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0097/2018),

A.

billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità tal-kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont u billi jiġu implimentati l-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.

Jilqa' l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”) li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-pagamenti b'mod ġenerali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2016 għall-infiq amministrattiv u nfiq ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi ma kellhom l-ebda żball materjali;

2.

Jinnota li, fir-Rapport Annwali 2016 tagħha, il-Qorti osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tas-suġġetti awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (“il-Kumitat”);

3.

Jinnota li, skont il-proċedura ta' kwittanza attwali, il-Kumitat jippreżenta r-rapporti ta' attività annwali lill-Qorti f'Ġunju, il-Qorti mbagħad tippreżenta r-rapport tagħha lill-Parlament f'Ottubru, u sa Mejju ssir votazzjoni dwar il-kwittanza mill-Parlament fis-sessjoni plenarja; jinnota li, sakemm il-kwittanza ma tiġix differita, jgħaddu mill-inqas 17-il xahar bejn l-għeluq tal-kontijiet annwali u l-għeluq tal-proċedura ta' kwittanza; jirrimarka li l-awditjar fis-settur privat isegwi skeda ta' żmien ħafna iqsar; jenfasizza li l-proċedura ta' kwittanza jeħtiġilha tiġi ssimplifikata u mħaffa; jitlob lill-Kumitat u lill-Qorti jsegwu l-aħjar prattika fis-settur privat; jipproponi, f'dan ir-rigward, li l-iskadenza għall-preżentazzjoni tar-rapporti ta' attività annwali tkun il-31 ta' Marzu tas-sena li tiġi wara s-sena kontabilistika u dik għall-preżentazzjoni tar-rapport tal-Qorti tkun l-1 ta' Lulju; jipproponi wkoll li jsir rieżami tal-iskeda taż-żmien għall-proċedura ta' kwittanza kif stabbilita fl-Artikolu 5 tal-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament sabiex il-votazzjoni dwar il-kwittanza ssir fis-sessjoni parzjali tal-Parlament f'Novembru, biex b'hekk tagħlaq il-proċedura ta' kwittanza matul is-sena ta' wara s-sena kontabilistika inkwistjoni;

4.

Jilqa' l-ġestjoni finanzjarja kumplessivament prudenti u soda tal-Kumitat fil-perjodu tal-baġit tal-2016; jesprimi appoġġ għall-bidla fundamentali lejn ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni fl-ippjanar tal-baġit tal-Kummissjoni, introdotta f'Settembru 2015 mill-Viċi President Kristalina Georgieva bħala parti mill-inizjattiva “Baġit tal-UE ffukat fuq ir-Riżultati”; iħeġġeġ lill-Kumitat japplika dak il-metodu għall-proċedura ta' ppjanar tal-baġit tiegħu stess;

5.

Jinnota li, fl-2016, il-baġit tal-Kumitat ammonta għal EUR 130 586 475 (EUR 129 100 000 fl-2015), b'rata ta' użu ta' 97,55 %; jinnota ż-żieda fir-rata ta' użu fl-2016 meta mqabbla mal-2015;

6.

Jenfasizza li l-baġit tal-Kumitat huwa purament amministrattiv, b'parti kbira minnu użat għan-nefqa li tikkonċerna persuni li jaħdmu fl-istituzzjoni u l-bqija tal-ammont għal bini, għamara, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji; jinnota li l-Kumitat ikkonferma l-importanza li jiġu applikati prinċipji ta' baġit ibbażati fuq il-prestazzjoni għall-operazzjonijiet ta' kuljum tiegħu u informa dwar l-aġġornament tal-indikaturi tal-prestazzjoni tal-attività ewlenija (KAPIs) fl-2017; jitlob lill-Kumitat ikompli japplika dawk il-prinċipji u jinforma debitament u regolarment lill-Parlament dwar il-KAPIs riformati;

7.

Jinnota l-varar ta' riflessjonijiet dwar il-modernizzazzjoni tal-Kumitat; jitlob li jkun infurmat dwar l-inizjattiva u l-iżviluppi tagħha; jitlob lill-Kumitat jipprovdi lill-awtorità ta' kwittanza bi kjarifiki dwar l-infiq marbut ma' din il-modernizzazzjoni, sabiex iżid it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u jitolbu jippubblika l-valutazzjoni tal-kosti u l-benefiċċji;

8.

jinnota li l-approprjazzjonijiet finali għall-ivvjaġġar u għas-sussistenza għall-membri kienu jammontaw għal EUR 19 561 194; jilqa' r-rendikont dettaljat tal-ispejjeż tal-membri rigward il-punt 1 004 li l-Kumitat ippreżenta lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, u jitlob lill-Kumitat jinkludi dan ir-rendikont għas-sena 2017 fir-rapport ta' attività annwali li jmiss tiegħu jew fir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja; jitlob lill-Kumitat jipprovdi lill-awtorità ta' kwittanza valutazzjoni tal-kosti u l-benefiċċji tal-missjonijiet għall-Unjoni u l-pajjiżi miżjura, u l-lista ta' pajjiżi li nżaru fl-2016; iħeġġeġ li jiġu adottati miżuri xierqa sabiex isir iffrankar u jitnaqqas it-tniġġis ambjentali; jistieden lill-membri tal-Kumitat biex jivvalutaw il-potenzjal ta' strumenti oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-iffrankar, fost l-oħrajn fl-ispejjeż tal-ivvjaġġar;

9.

Josserva li l-Kumitat jiddikjara li hemm lok għal żvilupp ulterjuri tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Parlament; huwa fiduċjuż li l-iżvilupp ulterjuri ta' sinerġiji jġib riżultati pożittivi għaż-żewġ partijiet; jieħu nota tal-progress fil-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Parlament, jiġifieri l-kuntatti bejn il-President tal-Kumitat u l-Bureau tiegħu u l-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati tal-Parlament; jitlob li jkomplu jissaħħu l-kuntatti bejn il-Kumitat u l-presidenti u r-rapporteurs tal-kumitati tal-Parlament sabiex jiżguraw segwitu aħjar għall-kontribut tal-Kumitat għall-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni;

10.

Huwa tal-fehma li valutazzjoni konġunta tal-iffrankar baġitarju li jirriżulta mill-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Parlament hija ta' interess għaż-żewġ istituzzjonijiet u għaċ-ċittadini tal-Unjoni; jipproponi li dan l-eżerċizzju jsir b'mod konġunt mal-Parlament bħala parti mill-istrateġija għat-tisħiħ tal-kuntatti bejn iż-żewġ istituzzjonijiet; huwa konxju li l-Kumitat qed jibni l-kapaċità f'termini ta' valutazzjoni ta' politika biex isaħħaħ ir-rwol tiegħu fil-proċess leġiżlattiv bħala korp konsultattiv; jitlob lill-Kumitat jippreżenta analiżi dettaljata tal-funzjonament ta' dawk l-attivitajiet lill-awtorità ta' kwittanza fir-rapport ta' attività annwali li jmiss tiegħu;

11.

Jilqa' l-ftuħ mill-ġdid tal-aċċess dirett bejn il-binjiet RMD u REM wara d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Belġjani li jbaxxu l-livell ta' theddida għall-istituzzjonijiet Ewropej; jemmen li dan se jiffaċilita l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Parlament; jistieden liż-żewġ istituzzjonijiet biex jinfurmaw lill-membri u lill-persunal tagħhom dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-passaġġ;

12.

Jilqa' l-ftehim ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Kumitat u l-Kumitat tar-Reġjuni, li daħal fis-seħħ fl-2016, u li jipprevedi direttorati kondiviżi tat-traduzzjoni u tal-loġistika; jikkunsidra li dan jikkostitwixxi bażi tajba għall-iffrankar potenzjali fiż-żewġ kumitati; huwa fiduċjuż li dan il-ftehim se jwassal ukoll għal kooperazzjoni f'oqsma oħra; jitlob li jkun hemm pjan u deskrizzjoni dettaljati tal-attivitajiet tal-kumitati f'dawk l-oqsma; jemmen li dan il-ftehim se jiżgura wkoll aktar effiċjenza fil-prestazzjoni taż-żewġ kumitati kif ukoll iffrankar;

13.

Jilqa' l-konformità tal-Kumitat mal-miri stabbiliti mill-ftehim interistituzzjonali biex isir tnaqqis ta' 5 % fil-persunal fuq perjodu ta' ħames snin; jinnota li, minħabba t-trasferiment tal-persunal lejn is-servizz EPRS tal-Parlament, il-Kumitat naqqas bi 8 % l-għadd ta' postijiet fit-tabella tal-persunal tiegħu, li jikkorrispondi għal tnaqqis ta' 43 post fl-2016; jistieden lill-awtoritajiet baġitarji biex ikunu konxji mill-impatt fit-tul tat-tnaqqis tal-persunal, b'mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità tal-Kumitat li jtejjeb il-bilanċ bejn is-sessi u dak ġeografiku, kif ukoll mill-ħtieġa li, meta jippjanaw l-allokazzjoni futura tar-riżorsi finanzjarji għall-persunal, jibnu fuq il-kapaċità ta' uffiċjali ta' esperjenza li jassumu postijiet maniġerjali;

14.

Jinnota żieda ġenerali fir-rata ta' assenzi minħabba mard fil-Kumitat; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti miżuri biex jittejjeb il-benessri fuq il-post tax-xogħol u jitlob għal monitoraġġ aktar mill-qrib tal-assenzi; jilqa' l-inizjattivi meħuda mill-Kumitat bħall-ħolqien ta' figura ta' “konsulent kunfidenzjali” biex jiġġieled kontra l-fastidju u jrawwem ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Kumitat biex jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar fil-benessri tal-persunal fl-2017;

15.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-proporzjon ta' nisa li jokkupaw postijiet ta' maniġment intermedju fil-Kumitat huwa ogħla minn 40 %; iħeġġeġ lill-Kumitat biex jilħaq l-istess riżultati fejn ikunu kkonċernati postijiet ta' maniġment superjuri u biex jagħmel dak li jkun meħtieġ sabiex ikompli jnaqqas l-iżbilanċ ġeografiku;

16.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li għal 9 minn 22 sejħa għall-offerti li saru fl-2016, il-kuntratti ngħataw mingħajr kompetizzjoni lill-unika kumpanija li kienet applikat għas-sejħa għall-offerti; jitlob lill-Kumitat jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-kompetizzjoni fost l-offerenti;

17.

Jilqa' l-fatt li, fl-2016, il-kopertura tal-Kumitat mill-midja żdiedet b'madwar 30 %; josserva li l-Kumitat stabbilixxa preżenza fil-midja soċjali u jistenna bil-ħerqa li jisma' dwar il-kisbiet minnha;

18.

jinnota li r-rata ta' servizzi tal-interpretazzjoni rikjesti iżda mhux użati żdiedet minn 3,5 % fl-2015 għal 4 % fl-2016, u jitlob li jsir monitoraġġ aktar mill-qrib tal-għoti effettiv ta' dawn is-servizzi;

19.

Jinnota ż-żieda kontinwa fir-rata ta' esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni (minn 9,74 % fl-2015 għal 16,61 % fl-2016) prevista fil-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Kumitat tar-Reġjuni minħabba l-volum akbar ta' traduzzjonijiet u t-tnaqqis fil-persunal fid-direttorat (aktar minn 9 % meta mqabbel mal-2015); jinnota l-awditjar intern tal-2016 dwar l-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni u l-implimentazzjoni u r-restrizzjonijiet tagħha fil-prattika, u jistenna bil-ħerqa li jkun infurmat dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-awditur intern fir-rapport ta' attività annwali li jmiss tal-Kumitat;

20.

Jinnota l-impenn tal-Kumitat fir-rigward tal-EMAS u r-riżultati ambjentali tiegħu, li juru tnaqqis fil-konsum ta' gass, ilma, elettriku, karti u prodotti tat-tindif kif ukoll fil-produzzjoni tal-iskart; iħeġġeġ lill-Kumitat biex ikompli jtejjeb il-prestazzjoni tiegħu f'dan ir-rigward;

21.

Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kumitat dam s'issa biex beda jħejji abbozzi ta' linji gwida dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess fil-kuntest tad-djalogu soċjali; jinnota li l-abbozzi ta' linji gwida qegħdin attwalment jiġu ffinalizzati permezz ta' djalogu mal-organizzazzjonijiet soċjoprofessjonali; jitlob lill-Kumitat iħaffef il-proċess ta' finalizzazzjoni, jadotta linji gwida f'waqthom, jinkludi fihom rekwiżit li jipprovdi dettalji ta' sħubija fi kwalunkwe organizzazzjoni oħra, u jippubblika l-linji gwida fis-sit web tiegħu;

22.

Jiddeplora l-fatt li la l-President, la l-Viċi Presidenti u lanqas is-Segretarjat tal-Kumitat ma ppubblikaw dikjarazzjonijiet ta' interess fis-sit web tiegħu; iħeġġeġ lill-Kumitat biex jippubblikahom sal-aħħar ta' Ġunju 2018, bl-indikazzjoni tas-sħubija tagħhom fi kwalunkwe organizzazzjoni oħra; jiddeplora l-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri huma ppubblikati b'diversi lingwi u f'formati differenti, b'mod li jillimita t-trasparenza; iħeġġeġ lill-Kumitat biex jippubblikahom, sal-aħħar ta' Ġunju 2018, f'format uniku u b'waħda mit-tliet lingwi uffiċjali tal-Unjoni li l-aktar jintużaw;

23.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, skont l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, kull rekluta ġdid huwa obbligat jipprovdi dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess, minflok dikjarazzjoni ta' kunflitti ta' interess; jenfasizza li, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tan-nuqqas ta' kunflitti ta' interess ta' persuna, ir-responsabbiltà ma għandhiex taqa' f'idejn il-persuna; itenni li għandu jkun korp newtrali li jivvaluta l-eżistenza ta' kunflitti ta' interess; iħeġġeġ lill-Kumitat, għalhekk, biex iressaq formola ta' dikjarazzjoni unika u kompluta ta' kunflitti ta' interess biex tieħu post id-dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess;

24.

Jilqa' l-arranġamenti amministrattivi miftiehma bejn il-Kumitat u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) sabiex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni;

25.

Jilqa' d-deċiżjonijiet komplementari meħuda mill-Kumitat dwar regoli interni għall-iżvelar ta' informazzjoni u jenfasizza li huwa importanti li din l-inizjattiva tittejjeb;

26.

Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp indipendenti ta' żvelar, konsulenza u riferiment b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, sabiex jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jagħtihom l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

27.

Jirrileva l-każ marbut ma' fastidju fil-Kumitat li swieh EUR 55 772; jiddispjaċih dwar l-okkorrenza ta' dak il-każ, iżda huwa sodisfatt li kien debitament segwit; jinnota li 20 membru ieħor tal-persunal ikkuntattjaw in-netwerk ta' kunsilliera kunfidenzjali tal-Kumitat rigward kwistjonijiet relatati ma' fastidju allegat; jistieden lill-Kumitat itejjeb il-politika tiegħu f'dan ir-rigward sabiex jipprevjeni kwalunkwe forma ta' fastidju psikoloġiku u sesswali; jitlob lill-Kumitat jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri li biħsiebu jieħu ħalli jindirizza dawn il-każijiet;

28.

Jiddispjaċih għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea; josserva li, f'dan il-waqt, ma tista' ssir l-ebda previżjoni tal-konsegwenzi finanzjarji, amministrattivi, umani u oħrajn relatati mal-ħruġ, u jitlob lill-Kumitat u lill-Qorti jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt u jinformaw lill-Parlament dwar ir-riżultati sa tmiem l-2018.

Top