EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018BP1328

Riżoluzzjoni (UE) 2018/1328 tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima X — Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

ĠU L 248, 3.10.2018, p. 128–132 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2018/1328/oj

3.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/128


RIŻOLUZZJONI (UE) 2018/1328 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-18 ta’ April 2018

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima X — Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima X — Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0128/2018),

1.

Jinnota li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) kompla jimplimenta l-baġit amministrattiv tiegħu mingħajr ma ġie affettwat minn żbalji kbar u li, skont ma stmat il-Qorti tal-Awdituri (minn hawn ’il quddiem il-“Qorti”), il-livell ġenerali ta’ żbalji fl-infiq relatat mal-baġit għall-“Amministrazzjoni” huwa 0,2 %;

2.

Jiddispjaċih li, l-istess bħal fl-2015, il-Qorti reġgħet sabet nuqqasijiet fil-proċeduri ta’ akkwist organizzati mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni għal kuntratti b’valur ta’ anqas minn EUR 60 000;

3.

Jirrikonoxxi li s-SEAE adotta sensiela ta’ inizjattivi maħsubin biex inaqqsu l-iżbalji fil-proċeduri ta’ akkwist permezz ta’ titjib fit-taħriġ, fl-appoġġ u fil-pariri mogħtija lill-persunal tad-delegazzjonijiet responsabbli għall-akkwist; jitlob, madankollu, lis-SEAE jkompli għaddej bl-isforzi tiegħu biex b’mod attiv jappoġġja u jissorvelja l-implimentazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tal-akkwist fid-delegazzjonijiet bil-għan li dawn itejbu l-konformità u l-effikaċja ġenerali tal-proċeduri li jużaw għall-offerti u tal-mod kif jipproċedu bil-ġestjoni tal-kuntratti; jinkoraġġixxi lis-SEAE jikkunsidra l-possibbiltà li jintroduċi proċeduri ta’ akkwist globali jew reġjonali li jkopru diversi delegazzjonijiet tal-Unjoni biex jissostitwixxu kuntratti individwali ta’ valur baxx; jitlob lis-SEAE biex jevalwa sa liema punt tali arranġament jista’ jnaqqas in-nuqqasijiet fil-proċeduri tal-akkwist u biex jinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament bir-riżultat ta’ din l-analiżi;

4.

Jinnota li r-rakkomandazzjonijiet preċedenti li jirrigwardaw kemm l-aġġornament tas-sitwazzjoni personali tal-membri tal-persunal u d-dokumentazzjoni ta’ appoġġ relatata kif ukoll il-ġestjoni tal-allowances tal-familja tagħhom ġew implimentati fil-biċċa l-kbira tal-aspetti;

5.

Josserva li 15 mill-20 impenn li ġew eżaminati mill-Qorti kienu ppreparati qabel tmiem is-sena, filwaqt li s-servizzi u l-oġġetti relatati u l-pagamenti korrispondenti kellhom jiġu pprovduti parzjalment jew totalment fl-2017; ifakkar li din il-prattika ta’ riporti tmur kontra l-prinċipju tal-annwalità tal-baġit u għandha tibqa’ eċċezzjoni u mhux issir mod kif jiġi massimizzat il-perċentwali tal-konsum tal-approprjazzjonijiet fi tmiem is-sena;

6.

Jieħu nota tar-rata għolja ta’ anomaliji maqbuda fil-verifiki ex ante tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, filwaqt li jinnota n-natura tal-iżbalji u tal-irregolaritajiet, bħal pereżempju n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ dokumenti ta’ appoġġ jew l-ineliġibbiltà tal-infiq; jilqa’ s-sistema estensiva ta’ rappurtar intern tas-SEAE li tippermetti l-antiċipazzjoni ta’ żbalji potenzjali u b’hekk tikkontribwixxi għal-livell baxx tar-rata ta’ żball misjuba mill-Qorti; jinkoraġġixxi lis-SEAE jieħu miżuri biex inaqqas din ir-rata għolja ta’ anomaliji; jenfasizza, madankollu, li t-tnaqqis tal-anomaliji maqbuda fil-verifiki ex ante m’għandux jinkiseb għad-detriment taż-żamma ta’ rata baxxa ta’ żball;

7.

Jiddispjaċih dwar il-persistenza tal-istess nuqqasijiet matul is-snin f’dak li jirrigwarda l-istandards ta’ kontroll intern għall-“kontinwità tal-attivitajiet” u l-“ġestjoni tad-dokumenti”, liema standards iġibu magħhom ir-riskju li jxekklu d-disponibbiltà u l-affidabbiltà ta’ informazzjoni ewlenija b’rabta mal-ġestjoni li tintuża għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-attivitajiet u l-proġetti mid-delegazzjonijiet; ifakkar li t-trasparenza tad-dokumentazzjoni tkun utli mhux biss biex ittejjeb il-kwalità tal-monitoraġġ u tal-kontroll, iżda wkoll bħala strument effiċjenti għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-korruzzjoni;

8.

Jinnota li delegazzjoni waħda biss, li taqa’ taħt il-kompetenza taċ-Ċentru Reġjonali tal-Ewropa, ħarġet u ġeddet riżerva fid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha b’rabta mal-ġestjoni tal-akkwist; jistieden lis-SEAE jagħti attenzjoni lill-koerenza bejn l-implimentazzjoni effikaċi, jew biss formali, tal-istandards ta’ kontroll intern u l-assigurazzjoni tal-ġestjoni tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u jistiednu wkoll jirrifletti dwar tali koerenza;

9.

Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-analiżi u l-irfinar tal-kosteffikaċja tal-kontroll ex post permezz tal-ipparagunar tal-ispiża tal-attivitajiet ta’ kontroll ex post mal-valur tal-iżbalji maqbuda; jinnota li l-ispiża unitarja għall-qbid tal-iżbalji (spiża għal kull euro) fl-2016 kienet tammonta għal 23 ċenteżmu; jirrikonoxxi li din l-ispiża unitarja hija relatata mar-rata baxxa ta’ żball u għaldaqstant tkun aktar baxxa kemm-il darba s-somma affettwata mill-iżball tkun ogħla;

10.

Jilqa’ l-introduzzjoni ta’ linji gwida ġodda għaċ-ċiklu ta’ żjajjar ta’ spezzjoni fl-2016, fosthom il-kriterji segwenti għall-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet tad-delegazzjonijiet, bħal pereżempju ambaxxaturi tal-Unjoni li jkunu qed jeżerċitaw il-kariga tagħhom għall-ewwel darba, delegazzjonijiet li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi partikolari, il-perjodu li jkun għadda mill-ispezzjoni ta’ qabel u d-daqs tad-delegazzjonijiet, b’obbligu ta’ spezzjoni kull ħames snin għad-delegazzjonijiet li jkunu akbar; jinkoraġġixxi lis-SEAE jkompli jiddefinixxi ċ-ċikli ta’ spezzjoni tiegħu fuq tali raġunijiet ibbażati fuq ir-riskju, u jistieden lis-SEAE jinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bl-esperjenzi u bir-riżultati tiegħu fl-ambitu tal-użu tal-linji gwida l-ġodda;

11.

Jinnota li l-baġit inizjali għall-2016 kien ta’ EUR 633,6 miljun, jiġifieri żieda ta’ 5,1 % meta mqabbel mas-sena finanzjarja ta’ qabel, inklużi EUR 18,9 miljun biex jikkumpensaw għat-telf fil-valur tal-euro u l-approprjazzjonijiet għall-ftuħ ta’ delegazzjoni fl-Iran, it-trasferiment tad-delegazzjoni fis-Somalja minn Nairobi għal Mogadishu u l-aġġustamenti tas-salarji fi tmiem is-sena; jinnota li ġew approvati EUR 2,5 miljun f’approprjazzjonijiet supplimentari għall-implimentazzjoni tal-pakkett dwar is-sigurtà fin-netwerk kollu tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, partikolarment għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali tas-sigurtà reġjonali, xogħlijiet tas-sigurtà jew taħriġ dedikat lill-persunal tas-SEAE, u permezz ta’ hekk il-baġit tas-SEAE laħaq l-ammont finali ta’ EUR 636,1 miljun;

12.

Josserva li l-baġit finali tas-SEAE ta’ EUR 636,1 miljun għall-2016 ġie eżegwit b’99,7 % f’impenji u 87,5 % f’pagamenti fi tmiem is-sena;

13.

Jieħu nota tat-tqassim attwali tal-baġit, jiġifieri EUR 222,7 miljun għall-kwartieri ġenerali tas-SEAE u EUR 413,4 miljun għad-delegazzjonijiet;

14.

Josserva li, fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE, 65,1 % tal-baġit jew EUR 144,2 miljun ġew allokati għall-ħlas tas-salarji u intitolamenti oħra tal-persunal statutorju u dak estern, 13 % jew EUR 30 miljun għall-ġestjoni tal-bini u l-ispejjeż assoċjati, u 14 % jew EUR 30,8 miljun għas-sistemi (inklużi sistemi ta’ informazzjoni klassifikata) u t-tagħmir tal-informatika;

15.

Jinnota li l-baġit tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni ta’ EUR 413,4 miljun kien maqsum bejn EUR 109,1 miljun (26,4 %) għar-remunerazzjoni u l-intitolamenti tal-persunal statutorju, EUR 64,3 miljun (15,6 %) għall-persunal estern u għas-servizzi esterni, EUR 25,2 miljun (6,1 %) għal infiq ieħor relatat mal-persunal, EUR 169 miljun (40,9 %) għall-bini u l-ispejjeż assoċjati, u EUR 45,7 miljun (11,1 %) għal infiq amministrattiv ieħor; jinnota li, biex ikopri l-ispiża amministrattiva tal-persunal tal-Kummissjoni li jaħdem fid-delegazzjonijiet, is-SEAE rċieva mill-Kummissjoni kontribuzzjoni ta’ EUR 185,6 miljun; dan l-ammont (li ma jinkludix id-dħul assenjat) huwa maqsum bejn l-Intestatura V tal-Kummissjoni (EUR 50,4 miljun), il-linji amministrattivi tal-programmi operattivi (EUR 89,9 miljun) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) (EUR 45,4 miljun); jinnota li, fl-2016, il-FEŻ għall-ewwel darba ħallas ammont standard għal kull persuna għall-ispejjeż ġenerali tad-delegazzjonijiet għall-membri tal-persunal tal-Kummissjoni ffinanzjati mill-FEŻ;

16.

Jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm stampa trasparenti u effikaċi tal-baġit tas-SEAE; jiddispjaċih li l-frammentazzjoni tal-istrumenti tiegħu tagħmilha diffiċli biex jinkiseb aċċess għall-informazzjoni; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tagħti aċċess għad-data relatata mal-ispejjeż tal-missjonijiet tagħha;

17.

Jissottolinja li l-eżekuzzjoni tal-baġit amministrattiv tas-SEAE, b’mod partikolari għad-delegazzjonijiet, għandha titjieb fl-effiċjenza, peress li ċerti delegazzjonijiet qed jirċievu kontribuzzjonijiet separati mill-Kummissjoni minn 33 linja baġitarja differenti rigward l-ispejjeż amministrattivi tal-persunal tal-Kummissjoni fid-delegazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni taħdem f’kooperazzjoni mal-Kunsill u mal-Parlament favur semplifikazzjoni baġitarja sabiex tittejjeb il-ġestjoni tal-baġit u sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jingħataw stampa ġenerali trasparenti tal-ispejjeż;

18.

Ifakkar lis-SEAE li hemm differenza sottili bejn id-diplomazija ekonomika u l-illobbjar; jistieden għaldqastant lis-SEAE jistabbilixxi regoli dwar l-illobbjar sabiex issir distinzjoni bejn it-tnejn u sabiex tiġi żgurata t-trasparenza għall-illobbjar kemm fil-kwartieri ġenerali kif ukoll fid-delegazzjonijiet;

19.

Jinnota b’apprezzament li, fl-2016, l-ispejjeż ġenerali komuni tal-uffiċċji tad-delegazzjonijiet kollha (kera, sigurtà u spejjeż ġenerali oħra), inklużi d-delegazzjonijiet tal-FEŻ, ġew iffinanzjati kompletament mil-linji baġitarji tas-SEAE, fatt li jirrappreżenta pass sinifikanti ’l quddiem fir-razzjonalizzazzjoni tal-baġit; jistieden lis-SEAE jkompli javvanza lejn tali semplifikazzjoni tas-sorsi u l-arranġamenti baġitarji;

20.

Jappoġġja l-isforzi kontinwi tas-SEAE matul dawn l-aħħar sentejn biex jissemplifika u jirrazzjonalizza l-arranġamenti ġenerali fil-livell ta’ organizzazzjoni u governanza billi fittex integrazzjoni aktar fil-fond tas-servizzi u flussi msaħħa għar-rappurtar u l-komunikazzjoni; iqis li t-tisħiħ tal-kultura tas-servizz tas-SEAE jkun ta’ benefiċċju għall-prestazzjoni tas-SEAE; jinnota li, fl-2016, bħala riżultat ta’ sforzi matul dawn l-aħħar sentejn biex titnaqqas l-organizzazzjoni b’ammont sproporzjonat ta’ karigi tal-ogħla livell, il-persunal li jokkupa pożizzjonijiet maniġerjali jirrappreżenta 6,4 % tal-persunal totali minflok 7,5 % fl-2014;

21.

Jilqa’ l-prijoritajiet stabbiliti mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mis-SEAE, f’konformità mal-Istrateġija Globali tal-Unjoni, biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, inkluża l-attenzjoni mogħtija lill-kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, drogi u traffikar tal-bniedem, u l-implimentazzjoni ta’ diplomazija abbażi tad-drittijiet tal-bniedem sabiex il-prijoritajiet politiċi u l-isfidi internazzjonali emerġenti jiġu indirizzati aħjar permezz ta’ reazzjonijiet koordinati; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol dejjem aktar importanti tas-SEAE fil-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp tal-bniedem, kif muri, fost oħrajn, permezz tar-rwol tiegħu bħala medjatur u rappreżentant f’organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU, l-innegozjar u l-preservazzjoni tal-ftehim nukleari mal-Iran, u r-rwol tiegħu bħala medjatur fil-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina u l-proċess ta’ Brussell għas-Sirja;

22.

Jenfasizza li l-bilanċ ġeografiku, jiġifieri relazzjoni proporzjonata bejn il-membri tal-persunal ta’ nazzjonalità partikolari u d-daqs tal-Istat Membru rilevanti, għandu jibqa’ wieħed mill-prinċipji ta’ gwida fil-ġestjoni tar-riżorsi, partikolarment fir-rigward tal-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni fl-2004 jew wara; ifakkar ukoll fl-impenn mogħti lill-Parlament mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà li tindirizza r-rappreżentanza żejda eżistenti ta’ diplomatiċi nazzjonali fil-pożizzjoni ta’ kap ta’ delegazzjoni;

23.

Jiddispjaċih li minn 136 kap ta’ delegazzjoni tal-Unjoni, 21 biss ġejjin mit-13-il Stat Membru li ngħaqdu mal-Unjoni wara l-2004; jistieden lis-SEAE jwettaq valutazzjoni fil-fond tal-politika ta’ reklutaġġ tiegħu sabiex tkun tista’ ssir implimentazzjoni aħjar tal-politika dwar il-bilanċ ġeografiku li tinsab fil-mira tas-SEAE;

24.

Għadu mħasseb dwar l-iżbilanċi kontinwi fil-profil tal-persunal tas-SEAE fir-rigward tan-nazzjonalità; jinnota li, fi tmiem l-2016, 31,7 % tal-persunal tas-SEAE kien ġej mill-Istati Membri meta mqabbel ma’ 32,9 % fl-2015 (25,3 % fil-kwartieri ġenerali u 40,8 % fid-delegazzjonijiet); jappella għal distribuzzjoni aktar bilanċjata tal-persunal, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (1); jilqa’ l-impenn lill-Parlament mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà li tindirizza r-rappreżentanza żejda eżistenti ta’ diplomatiċi nazzjonali fil-pożizzjoni ta’ kap ta’ delegazzjoni;

25.

Jinnota li t-13-il Stat Membru li ngħaqdu mal-Unjoni mill-2004 ’l hawn jirrappreżentaw 19,6 % tal-persunal kollu tas-SEAE li għandu l-istatus ta’ amministratur, ammont li huwa qrib is-sehem tagħhom mill-popolazzjoni tal-UE (20,6 %); jiġbed, madankollu, l-attenzjoni għall-fatt li t-tali Stati Membri jirrappreżentaw biss 13,28 % tal-pożizzjonijiet maniġerjali u jenfasizza li, filwaqt li jirrispetta politika ta’ reklutaġġ ibbażata fuq il-mertu, dan l-iżbilanċ jista’ jitqies aħjar fil-proċeduri ta’ reklutaġġ fil-futur; jinnota bi tħassib li l-Istati Membri inkwistjoni huma sottorappreżentati b’mod speċjali fil-livell ogħla tal-amministrazzjoni; jirrimarka wkoll li huwa rrakkomandat li jsir progress f’din il-kwistjoni;

26.

Jitlob lis-SEAE biex, sat-30 ta’ Ġunju 2018, jagħti spjegazzjoni ulterjuri dwar l-għadd dejjem jikber ta’ esperti nazzjonali sekondati, li laħqu l-445 fl-2016 (85 % minnhom ibbażati Brussell) meta mqabbla ma’ 434 fl-2015 u 407 fl-2014;

27.

Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-iżbilanċi bejn is-sessi fil-persunal tas-SEAE fil-livelli ogħla tal-amministrazzjoni; jieħu nota taż-żieda żgħira fin-nisa li jokkupaw postijiet maniġerjali u jenfasizza li għad hemm lok għal titjib sabiex tiżdied ir-rata attwali (22,7 %, fosthom 14 % fil-maniġment superjuri, jiġifieri 6 postijiet minn total ta’ 44, u 25 % fil-maniġment intermedju, jiġifieri 53 post minn total ta’ 215); jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu b’mod aktar attiv lil kandidati nisa biex japplikaw għal postijiet fil-livell maniġerjali fi ħdan is-SEAE;

28.

Jilqa’, f’dan il-kuntest, il-ħolqien tat-task forces dwar “Żvilupp tal-Karriera, Ugwaljanza bejn is-Sessi u Opportunitajiet Indaqs” u “Qafas ta’ Tagħlim u Żvilupp” (LEAD) kif ukoll il-ħolqien tan-netwerk “In-Nisa u s-SEAE” (WEEAS) bħala stadji importanti għat-titjib tal-funzjonament tas-SEAE; jemmen li dawn l-inizjattivi jiddefinixxu perkorsi ta’ karriera aktar attraenti, jissemplifikaw ir-reklutaġġ u jiżguraw il-ħatra ta’ individwi kompetenti, l-adegwatezza tal-kompetenzi kif ukoll ugwaljanza bejn is-sessi u opportunitajiet indaqs mill-perspettiva kemm tas-sessi kif ukoll tal-isfond etniku; jistieden lill-Istati Membri jistinkaw aktar biex jippromwovu kandidati kwalifikati nisa għall-pożizzjonijiet maniġerjali sabiex jitnaqqsu l-iżbilanċi bejn is-sessi; jilqa’ l-intenzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà li tiżgura li l-frekwenza tar-rotazzjoni tal-persunal ma tippreġudikax il-kontinwità ta’ għarfien u kompetenzi speċifiċi disponibbli kemm fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE kif ukoll fid-delegazzjonijiet;

29.

Jiddispjaċih li, fl-2016, is-Servizz ta’ Medjazzjoni tas-SEAE rċieva notifika ta’ 75 każ ta’ kunflitt, fastidju jew ambjent tax-xogħol ħażin u li 23 każ kienu għadhom miftuħin fi tmiem is-sena; jinnota li, fl-2015, 36 minn 65 każ kienu għadhom miftuħin fi tmiem l-2015 u, għalhekk, li l-għadd relattiv ta’ każijiet miftuħin fi tmiem is-sena naqas fl-2016; jilqa’ s-sistema ta’ twissija stabbilita mis-SEAE li tippermetti segwitu sistematiku tal-ilmenti u jirrikonoxxi b’sodisfazzjon l-azzjonijiet meħuda biex jiġi indirizzat dan il-fenomenu permezz tal-iżvilupp ta’ servizzi ta’ appoġġ bħal pereżempju medjatur, konsulenti kunfidenzjali, appoġġ mediku u psikoloġiku, sensibilizzazzjoni u miżuri dixxiplinarji xierqa; jistieden lis-SEAE jkompli jtejjeb il-politika tiegħu f’dan ir-rigward sabiex jimpedixxi kwalunkwe forma ta’ fastidju psikoloġiku u sesswali kif ukoll każijiet ta’ kunflitt, u jistiednu jinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bl-iżviluppi li jkunu saru;

30.

Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp indipendenti ta’ żvelar, konsulenza u riferiment b’riżorsi baġitarji suffiċjenti, bil-għan li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jagħtihom l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

31.

Josserva li s’issa s-SEAE kkonforma mal-ftehim interistituzzjonali li l-persunal jitnaqqas b’5 % fuq perjodu ta’ ħames snin billi neħħa sbatax-il post tax-xogħol fl-2016, u b’hekk it-tnaqqis tal-postijiet applikat s’issa huwa ta’ 68, filwaqt li aktar postijiet iridu jiġu identifikati għall-2017 sabiex is-SEAE jilħaq kontribut kumplessiv ta’ 84 post matul il-perjodu ta’ ħames snin li jintemm fl-2017; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni fuq il-post m’għandhiex tiġi mfixkla minn ammont enormi ta’ xogħol għall-persunal, speċjalment f’delegazzjonijiet żgħar jew meta delegazzjoni tkun responsabbli għal aktar minn pajjiż wieħed; jistieden lill-awtoritajiet baġitarji joqogħdu attenti għall-impatt fit-tul tat-tnaqqis tal-persunal huma u jippjanaw l-allokazzjoni futura tar-riżorsi finanzjarji għall-persunal;

32.

Ifakkar fir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman dwar il-prattika tas-SEAE li joffri traineeships mingħajr remunerazzjoni fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u jissottolinja li huwa importanti li t-trainees kollha tas-SEAE jitħallsu allowance xierqa, sabiex l-isforzi tat-trainees jiġu remunerati b’mod suffiċjenti u sabiex ma tissaħħaħx id-diskriminazzjoni abbażi ta’ kriterji ekonomiċi; jilqa’, għalhekk, il-miżuri meħuda mis-SEAE biex jirristruttura l-programm ta’ traineeships tiegħu, inkluż billi joffri boroż ta’ studju għal traineeships fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni; jinsab imħasseb, madankollu, minħabba li l-għadd ta’ boroż ta’ studju offrut huwa aktar baxx b’mod sinifikanti mill-għadd ta’ traineeships fid-delegazzjonijiet offrut fl-2016; jistieden lis-SEAE jsib modi oħra biex joffri traineeships imħallsin bil-għan li jiżgura opportunitajiet indaqs, pereżempju, f’kooperazzjoni ma’ universitajiet jew istituzzjonijiet pubbliċi oħra;

33.

Jinsab imħasseb minħabba li n-nuqqasijiet fil-proċeduri tal-akkwist fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni (sejħiet għall-offerti, proposti u oħrajn) affettwaw 87 proġett fl-2015 u fl-2016 b’valur totali ta’ EUR 873 197 910; iqis li huwa essenzjali li l-kapijiet tad-delegazzjonijiet ikomplu jirċievu taħriġ regolari u li, waqt sessjonijiet ta’ tgħarrif qabel ma jieħdu l-kariga tagħhom, waqt seminars ad hoc jew matul il-konferenza annwali tal-ambaxxaturi, jiġu mfakkra regolarment fir-rwol ewlieni li jiżvolġu fit-tisħiħ kumplessiv tal-assigurazzjoni tas-SEAE u fl-obbligu ta’ rendikont tagħhom, kemm għall-ġestjoni tal-infiq amministrattiv u l-portafolli tal-proġetti li jirrikjedu valutazzjoni adegwata kif ukoll għall-ponderazzjoni tad-diversi komponenti li x’aktarx jattivaw il-ħruġ ta’ riżerva, apparti d-dmirijiet politiċi tagħhom;

34.

Jenfasizza li n-nuqqasijiet sostanzjali fil-loġika tal-intervent, fis-suppożizzjonijiet jew fil-valutazzjoni tar-riskju kienu l-problemi ewlenin irrappurtati fl-2015 u fl-2016 mill-kapijiet tad-delegazzjonijiet u affettwaw 293 proġett b’ammont totali ta’ EUR 2 574 730 715; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jwettqu analiżi fil-fond biex tittejjeb il-ġestjoni tal-proġetti, jiġifieri billi jivvalutaw kif xieraq ir-riskji, il-prijoritajiet ġeografiċi, il-kapaċità tad-delegazzjonijiet tal-UE li jlaħħqu mal-ammont ta’ xogħol u li jkomplu jiffokaw fuq l-oqsma ta’ appoġġ sabiex ikattru l-impatt tal-għajnuna;

35.

Jinnota li l-baġit annwali għall-185 binja intiża għall-uffiċini u l-144 residenza uffiċjali tas-SEAE jammonta għal madwar EUR 160 miljun, ċifra li tirrappreżenta 20 % tal-baġit tas-SEAE; jirrikonoxxi l-isforzi li saru mis-SEAE mill-aħħar proċedura ta’ kwittanza ’l hawn biex jadatta u jikkoreġi diversi komponenti tal-politiki immobiljari tiegħu; jafferma mill-ġdid, madankollu, li l-monitoraġġ u l-irkupru tal-ispejjeż kollha u l-proċedura ta’ selezzjoni jridu jiġu approfonditi; jenfasizza li huwa importanti li jinstab bilanċ bejn il-kwistjonijiet ta’ sigurtà, il-politika ambjentali u l-aċċess għall-persuni b’diżabbiltà u l-ħtieġa li jsir aktar iffrankar b’rabta mal-bini; jenfasizza li huwa importanti li l-kuntratti jiġu nnegozjati sabiex joffru ffrankar u kontinwità fil-politika immobiljari; jissuġġerixxi li s-SEAE jwettaq analiżi komprensiva tad-delegazzjonijiet kollha tal-Unjoni biex jiddetermina f’liema pajjiżi jkun aktar kosteffiċjenti li d-delegazzjonijiet jixtru, u mhux jikru, il-bini intiż għall-uffiċini jew għar-residenza;

36.

Jilqa’ l-isforzi maħsubin biex jiżdied l-appoġġ koordinat għad-delegazzjonijiet tal-Unjoni rigward il-ġestjoni tal-bini pprovdut mill-kwartieri ġenerali, inkluż, fost l-oħrajn, il-varar ta’ verżjoni aġġornata tal-għodda informatika għall-Ġestjoni tal-Bini (IMMOGEST) jew iż-żieda ta’ persunal kuntrattwali speċjalizzat fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE; jistieden lis-SEAE jkompli jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti fir-rapport speċjali tagħha dwar kif is-SEAE jimmaniġġja l-binjiet tiegħu madwar id-dinja; (2) jitlob lis-SEAE jwettaq rieżami tal-miżuri l-ġodda u jżomm lill-Parlament infurmat bir-riżultati;

37.

Jinsab konvint li huwa importanti li jkun hemm netwerk konsistenti ta’ uffiċjali tas-sigurtà reġjonali għas-sigurtà tal-persunal;

38.

Iqis li, fi kwalunkwe fajl ġdid jew tranżazzjoni ġdida ta’ natura immobiljari li jridu jiġu maqbula fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE, trid tiġi żgurata verifika fil-fond tal-kundizzjonijiet tal-kera jew l-għażliet tax-xiri ta’ bini intiż għall-uffiċini u residenzi; jirrikonoxxi li, mill-2016 ’l hawn, is-SEAE tejjeb is-sistema ta’ verifika għax-xiri ta’ proprjetà immobbli permezz tal-implimentazzjoni ta’ evalwazzjonijiet finanzjarji u awditi tekniċi esterni magħmula minn esperti rikonoxxuti u jistieden lis-SEAE jippreżenta r-riżultati ta’ dawk l-azzjonijiet; jistieden lis-SEAE jkompli jissorvelja l-ispazju intiż għall-uffiċini sabiex jilħaq il-parametri referenzjarji previsti; jilqa’ l-fatt li d-daqs medju tal-bini tad-delegazzjonijiet ċkien bi ftit fl-2016 iżda jiddispjaċih li l-fatt li s-SEAE qabeż il-limitu massimu ta’ 35 m2 għal kull persuna f’dak li jirrigwarda l-bini intiż għall-uffiċini wassal għal spejjeż addizzjonali ta’ EUR 7,4 miljun; jirrikonoxxi li d-delegazzjonijiet huma mxekkla fil-kapaċità tagħhom li jċekknu d-daqs tal-bini meta, pereżempju, ikunu marbutin b’kuntratti lokatizji eżistenti;

39.

Jistieden ukoll lis-SEAE jidentifika l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni tal-proprjetà immobbli li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-politika immobiljari tiegħu b’mod kosteffikaċi; jinnota li, mill-2016 ’l hawn, is-SEAE kkonkluda kuntratt ma’ fornitur tas-servizzi biex b’mod sistematiku jissorvelja l-informazzjoni dwar is-suq u biex jikkalkula r-redditu fuq l-investiment fid-dawl tal-għażliet tal-kiri eżistenti;

40.

Jilqa’ t-task force mal-Istati Membri ddedikata għall-kwistjoni politika ewlenija tal-kolokazzjoni tal-bini diplomatiku u tal-estensjoni potenzjali tagħha; jinnota li 11-il kolokazzjoni ġdida ġew maqbula matul l-2016 u li b’hekk l-għadd totali ta’ arranġamenti ta’ dan it-tip bħalissa jammonta għal 91;

41.

Jinnota b’apprezzament l-arranġamenti interistituzzjonali mad-DĠ Protezzjoni Ċivili u Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO) u l-arranġament mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), fil-fażi ta’ tħejjija, għall-kondiviżjoni tal-bini u t-tnaqqis tal-ispejjeż; jistieden lis-SEAE biex, bħala parti mill-monitoraġġ tal-ispejjeż, jestendi tali memoranda ta’ qbil għal entitajiet oħrajn tal-Unjoni;

42.

Jenfasizza l-bżonn li d-diżinformazzjoni tiġi esposta, speċjalment fil-Viċinat tal-Lvant, il-Balkani tal-Punent u n-Nofsinhar u jinnota l-ħidma tat-Task Force East StratCom f’dan ir-rigward;

43.

Jilqa’ l-istabbiliment tal-pjattaforma ta’ sostenn għall-missjonijiet maħsuba biex tipprovdi sostenn amministrattiv ċentralizzat lill-missjonijiet tal-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (PSDK); jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa importanti li jiġi indirizzat il-finanzjament tal-pjattaforma, b’qafas ċar u trasparenti għall-allokazzjoni u l-użu tal-finanzjament tagħha, filwaqt li jiġi massimizzat l-effett tal-livelli preeżistenti ta’ nfiq, sabiex jiġi żgurat effett qawwi u osservabbli fil-każijiet fejn tintuża;

44.

Jitlob lill-Kunsill u lis-SEAE jissodisfaw l-obbligu legali tagħhom li jibagħtu lill-Parlament Ewropew, mingħajr dewmien u mingħajr ma jkollha għalfejn issir talba f’dan s-sens, id-dokumenti kollha rilevanti relatati man-negozjati dwar ftehimiet internazzjonali, inklużi d-direttivi ta’ negozjati, it-testi maqbula u l-minuti ta’ kull ċiklu ta’ negozjati, f’konformità mal-Artikolu 218(10) tat-TFUE, li jgħid li l-“Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura”; ifakkar lill-Kunsill u lis-SEAE li, minħabba l-ksur tal-Artikolu 218(10) fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diġà annullat id-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ diversi ftehimiet u jenfasizza li fil-futur l-approvazzjoni tal-Parlament dwar ftehimiet ġodda, bħall-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ mal-Armenja, tista’ ma tingħatax, sakemm il-Kunsill u s-SEAE jissodisfaw l-obbligu legali tagħhom;

45.

Jinnota li s-SEAE għadu ma indirizzax ir-rakkomandazzjoni li saret fir-Rapport Speċjali tal-Qorti Nru 14/2013 (3) li titlob it-tħejjija ta’ pjan ta’ azzjoni dettaljat sabiex titjieb l-effikaċja tal-appoġġ tal-Unjoni lill-Palestina; jinkoraġġixxi lis-SEAE jimplimenta bis-sħiħ din ir-rakkomandazzjoni f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni;

46.

Jinnota li, skont il-proċedura ta’ kwittanza attwali, is-SEAE jippreżenta r-rapporti ta’ attività annwali lill-Qorti f’Ġunju, il-Qorti mbagħad tippreżenta r-rapport tagħha lill-Parlament f’Ottubru, u sa Mejju ssir votazzjoni dwar il-kwittanza mill-Parlament fis-sessjoni plenarja; jinnota li, sakemm il-kwittanza ma tiġix differita, jgħaddu mill-anqas 17-il xahar bejn l-għeluq tal-kontijiet annwali u l-għeluq tal-proċedura ta’ kwittanza; jirrimarka li l-awditjar fis-settur privat isegwi skeda ta’ żmien ħafna iqsar; jenfasizza li l-proċedura ta’ kwittanza jeħtieġ li tiġi ssemplifikata u mħaffa; jitlob li s-SEAE u l-Qorti jsegwu l-aħjar prattika fis-settur privat; jipproponi, f’dan ir-rigward, li l-iskadenza għall-preżentazzjoni tar-rapporti ta’ attività annwali tkun il-31 ta’ Marzu tas-sena li tiġi wara s-sena kontabilistika u l-iskadenza għall-preżentazzjoni tar-rapport tal-Qorti tkun l-1 ta’ Lulju; jipproponi wkoll li jsir rieżami tal-iskeda taż-żmien għall-proċedura ta’ kwittanza kif stabbilit fl-Artikolu 5 tal-Anness IV tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament sabiex il-votazzjoni dwar il-kwittanza ssir fis-sessjoni parzjali tal-Parlament f’Novembru, u b’hekk il-proċedura ta’ kwittanza tingħalaq matul is-sena li tiġi wara s-sena kontabilistika inkwistjoni.

(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(2)  Il-Qorti tal-Awdituri: Rapport speċjali Nru 7/2016: Kif is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jimmaniġġja l-binjiet tiegħu madwar id-dinja.

(3)  Rapport Speċċjali Nru 14/2013 “Appoġġ finanzjarju dirett mill-Unjoni Ewropea lill-Awtorità Palestinjana”.


Top