Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AP0114

P8_TA(2018)0114L-iskart ***IRiżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (COM(2015)0595 – C8-0382/2015 – 2015/0275(COD)) P8_TC1-COD(2015)0275Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' April 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

ĠU C 390, 18.11.2019, pp. 183–185 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 390/183


P8_TA(2018)0114

L-iskart ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (COM(2015)0595 – C8-0382/2015 – 2015/0275(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2019/C 390/38)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0595),

wara li kkunsidra l-Artikoli 294(2) u l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0382/2015),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati preżentati mis-Senat Franċiż u l-Kunsill Federali Awstrijak, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju tas-sussidjarjetà,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta' April 2016 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-15 ta' Ġunju 2016 (2),

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-23 ta' Frar 2018, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0034/2017),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt (3);

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98.

(2)  ĠU C 17, 18.1.2017, p. 46.

(3)  Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fl-14 ta' Marzu 2017 (Testi adottati, P8_TA(2017)0070).


P8_TC1-COD(2015)0275

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' April 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Direttiva (UE) 2018/851.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONIJIET MILL-KUMMISSJONI

DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI DWAR QAFAS TA' POLITIKA GĦALL-EKONOMIJA ĊIRKOLARI

Il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari (1). Biex jinżamm rekord tal-progress lejn l-ekonomija ċirkolari, il-Kummissjoni adottat qafas ta' monitoraġġ (2) li jibni fuq il-Valutazzjoni tal-Effiċjenza tar-Riżorsi u tal-Materja Prima eżistenti. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni wkoll lejn il-ħidma tagħha li għaddejja dwar indikatur tal-impatt għall-prodotti u l-organizzazzjonijiet.

L-azzjonijiet meħuda skont il-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari jikkontribwixxu wkoll biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, fil-kuntest tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 12. Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-istrateġija dwar il-plastik (3) jew tal-proposta reċentement emendata dwar il-garanzija legali għal prodotti tal-konsumatur (4).

F'dak li jirrigwarda l-konsistenza bejn l-oqfsa regolatorji tal-Unjoni, il-Kummissjoni dan l-aħħar adottat ukoll Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-għażliet biex tiġi indirizzata l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni tas-sustanzi kimiċi, il-prodotti u l-iskart (5). Fl-2018, il-Kummissjoni se teżamina wkoll għażliet u azzjonijiet għal qafas ta' politika aktar koerenti għal-linji ta' ħidma differenti dwar il-politika tal-prodotti tal-UE fil-kontribut tagħhom lejn l-ekonomija ċirkolari. L-interazzjonijiet bejn il-leġiżlazzjoni u l-kooperazzjoni tal-industrija dwar l-użu ta' prodotti sekondarji u l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart se jiġu wkoll ikkunsidrati fil-qafas ta' dawn l-inizjattivi u s-segwitu tagħhom.

Fir-rigward tal-ekodisinn, il-Kummissjoni, skont il-Pjan ta' Ħidma tal-Ekodisinn għas-snin 2016–2019 (6), tikkonferma l-impenn qawwi tagħha biex jiġi żgurat li l-ekodisinn joffri kontribut aktar sinifikanti lill-ekonomija ċirkolari, pereżempju billi jindirizza b'mod aktar sistematiku l-kwistjonijiet tal-effiċjenza tal-materjali bħad-durabbiltà u r-riċiklabbiltà.

DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI DWAR L-INIZJATTIVI GĦALL-EKONOMIJA KOLLABORATTIVA

Skont il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari (7), il-Kummissjoni nediet għadd ta' inizjattivi dwar l-ekonomija kollaborattiva. Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tagħha dwar aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva (8) f'Ġunju 2016, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-iżviluppi ekonomiċi u regolatorji tal-ekonomija kollaborattiva, bil-ħsieb li tħeġġeġ l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda u innovattivi, filwaqt li tiżgura protezzjoni tal-konsumatur u soċjali adegwata.

DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI DWAR IL-MIKROPLASTIK

Fil-kuntest tal-istrateġija Ewropea għall-Plastiks adottata reċentement fl-Ekonomija Ċirkolari (9), il-Kummissjoni ressqet approċċ ta' strateġija integrata biex tindirizza tħassib dwar il-mikroplastik, inkluż ingredjenti tal-mikrożibeġ. Dan jiffoka fuq azzjonijiet preventivi u għandu l-għan li jnaqqas ir-rilaxx tal-mikroplastik minn sorsi ewlenin kollha – kemm jekk minn prodotti li fihom huma intenzjonalment miżjuda (bħal prodotti għall-kura personali u ż-żebgħat) jew minn dawk li joriġinaw mill-produzzjoni jew użu ta' prodotti oħrajn (bħall-plastik osso, it-tajers, il-gerbub tal-plastik, u t-tessuti).

DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI DWAR ir-rapportar tad-data dwar l-iskart fl-2020

Bil-ħsieb li jkun monitorat il-progress lejn il-miri ġodda għall-iskart muniċipali u l-iskart mill-imballaġġ, u fid-dawl tal-klawsoli ta' reviżjoni rilevanti, b'mod partikolari biex jiġu stabbiliti miri għall-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel u r-riċiklaġġ ta' żjut ta' skart, il-Kummissjoni tissottolinja l-importanza ta' fehim komuni li ntlaħaq bejn il-koleġiżlaturi li l-Istati Membri ser jiżguraw li r-rapportar ta' data taħt id-Direttivi 2008/98/KE dwar l-iskart, 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ u 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma kif emendat, ser ikopri s-sena 2020.


(1)  COM(2015)0614

(2)  COM(2018)0029

(3)  COM(2018)0028

(4)  COM(2017)0637

(5)  COM(2018)0032

(6)  COM(2016)0773

(7)  COM(2015)0614

(8)  COM(2016)0356

(9)  COM(2018)0028


Top