EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE6204

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: Tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent”(COM(2018) 673 final)

EESC 2018/06204

ĠU C 240, 16.7.2019, p. 37–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/37


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: Tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent”

(COM(2018) 673 final)

(2019/C 240/09)

Relatur: Mindaugas MACIULEVIČIUS

Korelatur: Udo HEMMERLING

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 14.12.2018

Bażi legali

L-Artikoli 29(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Bureau

16.10.2018

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, Żvilupp Rurali u Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

25.4.2019

Adottata fil-plenarja

15.5.2019

Sessjoni plenarja Nru

543

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

203/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Jeżisti sens ta’ urġenza globali: l-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima u t-tkabbir tal-popolazzoni madwar id-dinja kollha qed jitolbuna li, bħala kwistjoni ta’ urġenza, insibu sostituti għall-fjuwils fossili u nużaw il-bijoriżorsi b’mod aktar effiċjenti. L-agrikoltura u s-settur ibbażat fuq il-foresti huma produtturi ewlenin tal-bijomassa għal użi oħra għajr l-ikel jew l-għalf u bħala tali huma kontributuri importanti għall-bijoekonomija. Ktajjen tal-valur ġodda joffru opportunitajiet addizzjonali għall-attivitajiet fl-ekonomija rurali biex issir bidla minn ekonomija bbażata fuq il-fjuwils fossili għal ekonomija b’bażi bijoloġika.

1.2.

F’dan l-isfond, għarfien aħjar tal-konsum tagħna tal-bijoriżorsi jrid jingħata prijorità f’konformità mal-objettivi klimatiċi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Lil hinn mill-kisba ta’ fehim aħjar, jeħtieġ li l-attivitajiet tal-bijoekonomija jinvolvu lill-konsumaturi permezz ta’ pariri u informazzjoni regolari, sabiex jiġu ffaċilitati l-bidliet meħtieġa u titwitta t-triq għall-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ ħolqien tas-suq biex tingħata spinta akbar lill-fiduċja tal-konsumaturi u l-użu ta’ bijoprodotti li huma magħmula fl-UE min-naħa tax-xerrejja pubbliċi.

1.3.

Jeżistu opportunitajiet għall-bijodiversità, l-industrija, l-iżvilupp ekonomiku u l-impjiegi. Il-KESE jilqa’ l-aġġornament tal-Istrateġija tal-2012 dwar il-Bijoekonomija li huwa pass importanti fid-direzzjoni t-tajba. Hemm domanda globali għal bijoprodotti sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi. Madankollu, minkejja l-progress sinifikanti li sar fil-verżjoni l-ġdida, xi wħud mill-miżuri inklużi għad iridu jiġu implimentati:

1.3.1.

Minbarra l-aċċess għal strumenti finanzjarji, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti servizzi ta’ konsulenza jew ta’ pariri individwali u flessibbli sabiex l-SMEs agroalimentari jkunu megħjuna fit-tnedija ta’ proġetti fit-tul u innovattivi. Ta’ spiss dawn ma jkollhomx il-kompetenza jew l-għarfien interni meħtieġa għal bosta raġunijiet, inklużi riżorsi umani, finanzjarji u tal-infrastruttura.

1.3.2.

Il-kooperazzjoni pubblika-privata għandha tagħti attenzjoni xierqa lill-produtturi primarji. Dan il-mudell jista’ jiġi appoġġjat b’firxa ta’ miżuri u strumenti skont il-Politika Agrikola Komuni (PAK).

1.3.3.

Il-fatt li l-attivitajiet tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-bijoekonomija jiġu inkorporati fi strateġija fit-tul se jiffaċilita l-appoġġ għall-iżvilupp u għar-replikazzjoni.

1.3.4.

It-tkomplija tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema u tal-produtturi primarji hija kruċjali. Huwa importanti li jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-għarfien, jingħata appoġġ lin-netwerks transnazzjonali u jinżamm il-pass mat-tibdil fis-soċjetà u fit-teknoloġija. Approċċi edukattivi, ta’ involviment u ta’ komunikazzjoni li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati fil-bijoekonomija rurali huma kruċjali.

1.3.5.

Huwa essenzjali li jiġu promossi l-ekonomija ċirkolari u r-rabtiet intersettorjali u territorjali fl-UE u lil hinn minnha, b’mod partikolari biex jiġu onorati l-impenji skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-objettivi tas-COP21.

1.3.6.

L-Istati Membri kollha għandhom jintegraw strateġija komprensiva dwar il-bijoekonomija fil-politiki u fil-programmi tagħhom u jinvolvu lill-awtoritajiet lokali kompetenti u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti (il-produtturi primarji, il-fornituri tar-riċerka u l-edukazzjoni, l-industrija, is-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali, eċċ.).

1.3.7.

L-UE għandha tagħmel kull sforz għal sistema globali tal-prezzijiet għall-emissjonijiet tal-karbonju, li jkun mod newtrali u effettiv ta’ kif tiġi promossa l-bijoekonomija u kif l-atturi kollha tas-suq jistgħu jinġiebu flimkien biex jiġi mmitigat it-tibdil fil-klima.

1.4.

Ir-rispett tal-prinċipji tas-sostenibbiltà huwa essenzjali għal bijoekonomija “ġdida”, u għandhom jiġu kkonservati r-riżorsi naturali sabiex jinżammu produttivi. F’dan ir-rigward, il-Bijoekonomija għandha ssegwi kriterji ta’ sostenibbiltà. Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet għall-iżvantaġġ tal-ambjent, l-ekonomija u s-soċjetà, l-istess regoli għandhom japplikaw għall-bijomassa mill-Unjoni Ewropea u minn barra l-pajjiż.

2.   Kummenti ġenerali

Il-bijoekonomija tħaddan il-produzzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi rinnovabbli u l-konverżjoni tagħhom f’ikel, għalf, bijoprodotti u bijoenerġija. Din tinkludi l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-ikel, il-produzzjoni tal-polpa u l-karta, kif ukoll partijiet tal-industriji kimiċi, bijoteknoloġiċi u tal-enerġija.

2.1.

L-Istrateġija tal-UE tal-2012 dwar il-Bijoekonomija kellha l-għan “[…] li twitti t-triq għal soċjetà aktar innovattiva, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva li tirrikonċilja s-sigurtà tal-ikel mal-użu sostenibbli ta’ riżorsi rinnovabbli għal skopijiet industrijali, filwaqt li jkun żgurat il-ħarsien ambjentali”. Fl-2017, il-Kummissjoni wettqet reviżjoni tal-Istrateġija tal-UE tal-2012 tagħha dwar il-Bijoekonomija, li kkonkludiet li l-Istrateġija wriet ir-rilevanza tal-għanijiet tagħha u li l-importanza tal-opportunitajiet offruti mill-bijoekonomija qed tiġi dejjem aktar rikonoxxuta fl-Ewropa u lil hinn minnha. F’Ottubru 2018, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ azzjoni biex tiġi żviluppata bijoekonomija sostenibbli u ċirkolari “sabiex jittejjeb u jiżdied l-użu sostenibbli tar-riżorsi rinnovabbli bil-għan li jiġu indirizzati l-isfidi globali u lokali bħat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli” (1).

2.2.

Il-popolazzjoni globali hija mistennija li tikber għal kważi 10 biljun persuna sal-2050 (2) u huwa urġenti li r-riżorsi bijoloġiċi jintużaw b’mod aktar effiċjenti, biex b’hekk ikun hemm ikel san, nutrittiv, ta’ kwalità għolja u affordabbli għal aktar nies b’inqas impatt ambjentali u klimatiku għal kull unità prodotta, u materjal bijoloġiku rinnovabbli suffiċjenti biex tjiġi prodotta parti sostanzjali minn dak li bħalissa qed jiġi utilizzat miż-żejt fossili mhux maħdum, flimkien ma’ enerġija mir-riħ u x-xemx u enerġiji rinnovabbli oħra. Iffukar mill-ġdid tal-azzjonijiet u aġġornament tal-istrateġija dwar il-bijoekonomija kienu għalhekk meħtieġa fid-dawl tal-iżviluppi ta’ politika reċenti, inklużi l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (3) u l-Konvenzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti (l-impenji tas-COP21).

2.3.

Il-Kummissjoni tiddikjara, permezz tal-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija Aġġornata (4), li se tniedi 14-il miżura fl-2019, inkluż:

l-istabbiliment ta’ Pjattaforma Tematika ta’ Investiment fil-Bijoekonomija ta’ EUR 100 miljun sabiex l-innovazzjonijiet b’bażi bijoloġika jinġiebu eqreb tas-suq u l-investimenti privati f’soluzzjonijiet sostenibbli jsiru inqas riskjużi; l-iffaċilitar tal-iżvilupp ta’ bijoraffineriji ġodda sostenibbli madwar l-Ewropa;

l-iżvilupp ta’ aġenda strateġika dwar l-użu għas-sistemi tal-ikel u tal-biedja sostenibbli u għall-prodotti tal-forestrija u l-bijoprodotti;

l-istabbiliment ta’ Faċilità għall-Appoġġ tal-Politika tal-UE dwar il-Bijoekonomija għall-pajjiżi tal-UE taħt Orizzont 2020 biex jiġu żviluppati aġendi nazzjonali u reġjonali dwar il-bijoekonomija;

it-tnedija ta’ azzjonijiet pilota għall-iżvilupp tal-bijoekonomiji f’żoni rurali, kostali u urbani, pereżempju fir-rigward tal-immaniġġjar tal-iskart jew tas-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola;

l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ monitoraġġ mifruxa madwar l-UE kollha sabiex jiġi intraċċat il-progress lejn bijoekonomija sostenibbli u ċirkolari;

it-titjib tal-bażi tal-għarfien u tal-fehim tagħna fir-rigward tal-oqsma speċifiċi tal-bijoekonomija bil-ġbir ta’ data u billi jiġi żgurat li jingħata aċċess aħjar għaliha permezz taċ-Ċentru tal-Għarfien għall-Bijoekonomija;

l-għoti ta’ gwida u l-promozzjoni ta’ prattiki tajba dwar kif wieħed għandu jopera fil-bijoekonomija fi ħdan il-limiti ekoloġiċi sikuri.

2.4.

Il-bijoekonomija tista’ tipprovdi għażliet li jistgħu jnaqqsu kemm l-emissjonijiet tas-CO2 kif ukoll id-dipendenza fuq ir-riżorsi fossili importati. Pereżempju, il-foresti tal-UE jissekwestraw ammont ta’ karbonju li jikkorrispondi għal 10 % tal-emissjonijiet annwali tal-UE, filwaqt li jipprovdu provvista kostanti u sostenibbli ta’ bijomassa għall-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, l-istimi juru li 100 000 sustanza kimika li qed jiġu prodotti bħalissa jistgħu, fit-teorija, jiġu minn materja prima rinnovabbli. Dan ma jfissirx li dan għandu jsir għal kollha kemm huma, iżda huwa teoretikament possibbli. Dan ma joffrix biss il-possibbiltà li jiġu pprovduti oġġetti tad-dar ta’ kuljum fuq livell lokali u b’mod rinnovabbli, iżda se jgħin ukoll biex joħloq impjiegi, b’mod partikolari fiż-żoni kostali u rurali, u tkabbir fl-Ewropa, fejn il-vantaġġ teknoloġiku għadu b’saħħtu. Skont l-istimi tal-industrija, jistgħu jinħolqu miljun impjieg ġdid sal-2030 fl-industriji b’bażi bijoloġika.

2.5.

Madankollu, għad hemm ostakli kbar fit-triq lejn innovazzjoni akbar fil-bijoekonomija tal-UE. Ostaklu importanti huwa relatat mal-kostkompetittività tal-prodotti, li t-tnejn huma mqabbla mal-alternattivi fossili u ma’ prodotti ekwivalenti minn inħawi oħra fid-dinja. Il-kostkompetittività hija affettwata minn ħafna fatturi, inklużi l-livell ta’ tħejjija teknoloġika u l-kost lavorattiv, is-sussidji fuq il-karburanti fossili u l-amortizzament, kif ukoll il-livell baxx ta’ appoġġ tas-suq għall-bijoprodotti. Din il-kwistjoni tal-kompetittività taggrava meta wieħed iqis id-diffikultajiet fl-aċċess ta’ finanzi għal proġetti innovattivi u l-faċilitajiet ta’ produzzjoni u, ħafna drabi, il-livell kontinwament baxx tal-għarfien min-naħa tal-utenti finali dwar il-bijoprodotti, kif ukoll in-nuqqas ta’ ħiliet u relazzjonijiet operazzjonali biex dan is-settur jimxi ’l quddiem. Barra minn hekk, il-proċeduri ta’ permessi għal proġetti ġodda b’bażi bijoloġika qed isiru twal u diffiċli, filwaqt li qed iwasslu għal inċertezzi legali u riskji finanzjarji sinifikanti għall-atturi ekonomiċi.

3.   Kummenti speċifiċi

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni li taġġorna l-istrateġija tal-2012 dwar il-bijoekonomija. Hemm bżonn ta’ politika fit-tul, konsistenti u effiċjenti biex tiġi promossa l-bijoekonomija. Madankollu, il-konnessjoni bejn din l-istrateġija globali dwar il-bijoekonomija u strumenti ta’ politika eżistenti oħra għadha mhix awtomatika. Għalhekk, is-soluzzjoni għal politika effettiva dwar il-bijoekonomija għadha tidentifika sinerġiji bejn l-oqsma ta’ politika b’mod li jitqiesu l-objettivi ta’ produzzjoni vijabbli tal-ikel, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, l-iżvilupp territorjali bbilanċjat fiż-żoni rurali, u l-għajxien sigur u deċenti.

3.1.

Filwaqt li l-aġġornament għandu l-għan li juża l-investimenti tal-UE u jagħmel enfasi sinifikanti fuq it-tisħiħ u t-tkabbir tas-setturi b’bażi bijoloġika, bl-iffaċilitar tal-investimenti u tas-swieq, għadha teżisti diskrepanza (lil hinn mir-riċerka u l-iżvilupp) f’dak li għandu x’jaqsam mal-għoti ta’ appoġġ lill-kumpaniji tal-bijoekomomija fir-rigward tal-ġbir ta’ fondi, l-istrateġija “go-to-market”, l-iżvilupp tal-organizzazzjoni u l-maturazzjoni tal-prodotti. L-investituri ta’ tkabbir fi stadju bikri fuq livelli nazzjonali u reġjonali b’konsulenza ppersonalizzata għall-industriji ta’ skala mikro u żgħira u negozji ġodda huma meħtieġa daqs il-mobilizzazzjoni tal-investimenti tal-UE għal proġetti kbar. Jinħtieġ approċċ ta’ finanzjament komprensiv sabiex jiġu kummerċjalizzati prodotti ġodda.

3.2.

L-aġġornament jenfasizza wkoll il-fatt li s-sinerġiji bejn is-settur pubbliku u privat jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minn sorsi differenti ta’ investimenti. F’dan il-kuntest, l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika qed turi li hija kruċjali biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ infrastruttura industrijali Ewropea b’bażi bijoloġika u ktajjen ta’ valur iċċentrati fuq l-użu ta’ riżorsi rinnovabbli – inkluż l-iskart.

3.3.

Madankollu, ma ssirx biżżejjed enfasi fuq is-settur privat, u b’mod partikolari fuq il-produtturi primarji, jiġifieri l-bdiewa, is-sidien tal-foresti u l-kooperattivi tagħhom, li jaqdu rwol sinifikanti fl-iżvilupp ta’ bijoekonomija sostenibbli; l-SMEs, li jagħmlu parti kbira mill-katina agroalimentari, iridu wkoll jingħataw attenzjoni xierqa. F’dan il-kuntest, il-PAK tista’ ssir għodda interessanti biex tgħin lill-bdiewa, lis-sidien tal-foresti u lill-kooperattivi tagħhom jinvestu aktar fil-produzzjoni tagħhom u jagħmluha aktar sostenibbli.

3.4.

F’dan l-isfond, il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet favorevoli tas-suq huwa kritiku u jimxi id f’id mal-livell ta’ fiduċja li l-konsumaturi għandhom fl-informazzjoni li jingħataw dwar il-prodotti li qed jikkunsidraw li jixtru. Hemm mertu f’li jiġu kkunsidrati l-istandards ta’ informazzjoni, u l-ewwel pass importanti kien l-istabbiliment ta’ standards ċari fl-UE kollha għal prodotti b’bażi bijoloġika sabiex jipproteġu aħjar il-kredibbiltà ta’ standards maqbula mill-industrija, u fl-istess ħin jevitaw il-konfużjoni tal-konsumaturi u jagħtu fiduċja lill-klijenti industrijali u lix-xerrejja pubbliċi. Għad fadal ħafna xi jsir biex il-konsumaturi jiġu megħjuna jagħmlu għażla infurmata permezz ta’ strateġiji ta’ komunikazzjoni intelliġenti.

3.5.

L-istrateġija ssaħħaħ ukoll l-idea ta’ “espansjoni”, iżda ma tinkludix il-kunċett ta’ “replikazzjoni”. Ir-riċerka hija disponibbli u l-istrateġiji fit-tul dwar l-innovazzjoni u l-bijoekonomija jridu jimxu id f’id. Ir-riċerka bażika u applikata għandha tkun sinkronizzata tajjeb u tikkontribwixxi għal objettivi strateġiċi komuni. Għandha tingħata wkoll attenzjoni lill-iżvilupp, lill-aċċess u liż-żamma ta’ infrastrutturi jew raggruppamenti ta’ kwalità għolja fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Pereżempju, l-istabbiliment ta’ ċentri ta’ livell dinji għar-riċerka applikata fil-manifattura tal-bijoproċess fuq skala sħiħa u l-ħolqien ta’ soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli, jistgħu jgħinu lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) biex jisfruttaw firxa sħiħa ta’ għarfien. It-trasferiment tal-għarfien jiġi megħjun minn dimostrazzjonijiet u eżempji. Id-dimostrazzjonijiet għandhom jagħtu lill-SMEs stampa komprensiva tat-teknoloġiji disponibbli f’dak il-qasam partikolari tal-bijoekonomija.

3.6.

Iż-żoni rurali għaddejjin minn perjodu ta’ trasformazzjoni ekonomika, demografika u istituzzjonali profonda fl-UE. Għalhekk, għandha tingħata l-attenzjoni dovuta wkoll lejn l-infrastruttura u t-titjib loġistiku biex jitrawmu l-ktajjen ta’ provvista tal-bijomassa eżistenti u ġodda, filwaqt li tiġi ottimizzata l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ħolqien tal-impjiegi u l-valur miżjud fiż-żoni rurali.

3.7.

Qatt ma tista’ ssir enfasi żejda fuq ir-realtà li l-introduzzjoni ta’ makkinarju teknoloġikament avvanzat fil-bijoekonomija tirrikjedi ħiliet imtejba ta’ tħaddim u manutenzjoni, inklużi ħiliet ulterjuri fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), programmi ġodda ta’ taħriġ dwar is-saħħa u s-sikurezza, kif ukoll fehim u attenzjoni aħjar fir-rigward tal-aspetti relatati mal-konservazzjoni tal-ambjent. L-iżgurar tal-iżvilupp kontinwu u l-adattament tal-ħiliet tal-individwi matul ħajjithom huwa ta’ importanza kbira, bħalma huwa l-indirizzar tad-diskrepanzi fil-ħiliet f’dan is-settur tal-bijoekonomija emerġenti. Fl-istrateġija aġġornata ma ssemmewx l-iskambji bejn il-pari, l-attivitajiet konġunti tar-riċerkaturi, is-servizzi ta’ appoġġ fil-qasam tal-innovazzjoni, il-bdiewa, il-forestiera, il-kooperattivi tagħhom u atturi privati oħra, iżda jkun kruċjali li jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-għarfien.

3.8.

Aħna ma nistgħux nilħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u nnaqqsu t-tibdil fil-klima (5) mingħajr ma ntejbu r-residwi, il-kurrenti laterali u l-iskart u nippromovu l-ekonomija ċirkolari. Il-kollaborazzjoni bejn is-setturi (is-sistemi tal-ikel, mhux tal-ikel u t-territorji rurali) u l-kontinenti hija essenzjali hawnhekk. Għandha tingħata aktar attenzjoni lir-rabtiet territorjali u lokali (urbani-rurali, rurali-rurali u art-baħar) u l-kontribut tagħhom għall-ktajjen ta’ valur u raggruppamenti tal-bijoekonomika sostenibbli fiż-żoni rurali. L-iżvilupp ta’ dawn ir-rabtiet fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant ikun essenzjali biex jgħin lil dawn il-pajjiżi jiżviluppaw l-għanijiet strateġiċi ta’ żvilupp tagħhom għal ipproċessar aħjar tal-bijomassa. Ir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant huwa rikk fil-bijomassa minħabba l-attivitajiet estensivi tiegħu fl-oqsma tal-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd, b’kapaċità ta’ bijomassa għolja iżda mhux użata jew li mhix utilizzata biżżejjed mil-lat ta’ ikel, għalf, materja prima industrijali, bijofjuwil u użu tal-enerġija. Barra minn hekk, l-istrateġija aġġornata ma saħqitx biżżejjed fuq l-idea li hija meħtieġa kooperazzjoni internazzjonali sabiex jinġabru l-għarfien espert u l-kapaċitajiet eżistenti bl-aktar mod effettiv u jissaħħu s-sinerġiji mal-Istati Membri u mal-programmi tar-riċerka mhux tal-UE. Is-sħubijiet internazzjonali huma partikolarment importanti għall-ittestjar u r-replikazzjoni tas-soluzzjonijiet.

3.9.

Fl-aħħar nett, fl-implimentazzjoni tal-objettivi stabbiliti skont il-Ftehim ta’ Pariġi, għandu jsir użu sħiħ tal-mekkaniżmi tas-suq. Is-sistema ta’ pprezzar globali għall-emissjonijiet tal-karbonju tkun mod newtrali u effettiv biex jinkiseb l-appoġġ tal-atturi kollha tas-suq. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora b’mod attiv rotot u stadji differenti kif ukoll tinvolvi ruħha ma’ pajjiżi oħra sabiex jintlaħaq progress lejn ipprezzar globali għall-emissjonijiet tal-karbonju. Sistema globali tal-ipprezzar tal-karbonju effiċjenti u ġusta tassigura kundizzjonijiet ekwi għal negozji ta’ esportazzjoni fis-swieq dinjija u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-investiment u tal-impjiegi. Barra minn hekk, din telimina l-vantaġġ kompetittiv ta’ prodotti importati li huma orħos minħabba anqas rekwiżiti marbuta mal-klima.

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  https://ec.europa.eu/research/bioeconomy/pdf/ec_bioeconomy_strategy_2018.pdf

(2)  https://www.un.org/development/desa/en/news/population/world-population-prospects-2017.html

(3)  https://sustainabledevelopment.un.org/?menu=1300

(4)  https://ec.europa.eu/research/bioeconomy/index.cfm?pg=policy&lib=strategy

(5)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 45.


Top