EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE4922

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament emendatorju (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea); ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq); ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju; ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej; ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; ir-Regolament (UE) 2015/760 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil; ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; ir-Regolament (UE) 2017/1129 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat; u d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu” (COM(2018) 646 final — 2017/0230 (COD))

EESC 2018/04922

ĠU C 110, 22.3.2019, p. 58–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament emendatorju (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea); ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq); ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju; ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej; ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; ir-Regolament (UE) 2015/760 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil; ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; ir-Regolament (UE) 2017/1129 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat; u d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu”

(COM(2018) 646 final — 2017/0230 (COD))

(2019/C 110/11)

Relatur ġenerali:

Petr ZAHRADNÍK

Konsultazzjoni

Il-Parlament Ewropew, 4.10.2018

il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 12.11.2018

Bażi ġuridika

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni tal-plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

121/0/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-flessibilità li biha l-Kummissjoni Ewropea tirreaġixxi għal problemi attwali f’istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji u tieħu miżuri addizzjonali biex teqred il-prattika tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

1.2.

Fl-istess ħin, il-KESE jaħseb li, minbarra t-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri, l-operazzjonijiet għandhom ukoll jiġu kkoordinati ma’ partijiet rilevanti oħra biex jindirizzaw din il-problema perikoluża ħafna b’mod effettiv.

1.3.

Il-KESE jwissi li t-teknoloġija u komunikazzjonijiet mhux biss iservu għall-iżvilupp ta’ prodotti finanzjarji innovattivi għall-benefiċċju tad-depożituri u l-investituri, iżda huma wkoll inċentiv qawwi għall-kriminali attivi fil-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Din hija raġuni waħda għaliex jappella li s-soluzzjonijiet adottati jiffokaw kemm jista’ jkun possibbli fuq il-prevenzjoni ta’riskji futuri.

1.4.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li dejjem qed tikber ta’ din il-problema f’relazzjoni ma’ pajjiżi terzi fir-rigward tar-riskji ġeopolitiċi, politiċi u ta’ sigurtà li dejjem qed imorru għall-agħar u jenfasizza l-ħtieġa biex l-UE tkun preparata bl-aħjar mod biex telimina l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u biex telimina l-abbuż tas-suq finanzjarju u l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-UE.

1.5.

Il-KESE jirrikonoxxi u jirrispetta l-fatt li l-miżuri proposti fil-proposta leġislattiva, filwaqt li huma importanti, huma biss parti mill-passi ta’ koordinazzjoni, organizzattivi u ġurisdizzjonali li jridu jiġu segwiti minn sett addizzjonali ta’ miżuri biex il-problema tiġi indirizzata b’suċċess. Fl-istess ħin, huwa jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li, sabiexjiġi żgurat li r-rotta magħżula hija fattibbli u sostenibbli, huwa preferibbli li jkun hemm ċaqliq fi stadji sabiex jiġi evitat tfixkil għall-istabbiltà u l-funzjonament tas-sistema eżistenti.

1.6.

Il-KESE jemmen li taħt bilanċ ġdid tas-setgħat bejn il-korpi superviżorji, relazzjoni bilanċjata għandha tinstab bejn l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), bis-setgħat ġodda u mifruxa tagħha, u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, sabiex il-partijiet kollha involuti jagħmlu l-aħjar użu tal-kapaċitajiet tagħhom sabiex jilħqu s-soluzzjoni mixtieqa għall-problema.

1.7.

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ komunikazzjoni interna u esterna dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu għal ksib tal-għanijiet tal-miżuri. L-element prinċipali f’komunikazzjonijiet interni huwa t-titjib u l-ħarsien ta’ flussi ta’ informazzjoni bejn il-korpi ta’ sorveljanza kkonċernati; fil-każ ta’ komunikazzjoni esterna, il-pubbliku inkwistjoni għandu jingħata informazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar il-modi diversi kif dan it-tip ta’ delitt jista’ jseħħ, bħala mezz ta’ prevenzjoni u tħejjija għalih.

1.8.

Il-KESE jinteressa ruħu fuq liema bażi s-settur bankarju ġie identifikat bħala l-aktar vulnerabbli għall-abbuż tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li wassal għal-aktar tisħiħ u setgħat għall-EBA miż-żewġ awtoritajiet superviżorji l-oħra tal-UE.

1.9.

Il-KESE jixtieq jara spjegazzjoni aktar dettaljata tar-relazzjonijiet ġodda bejn l-EBA u l-awtoritajiet superviżorji l-oħra tal-UE, kif ukoll l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u b’mod partikolari l-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi fil-qasam ta’ koordinazzjoni u sinerġiji fil-ġlieda kontra flus maħmuġa u ffinanzjar tat-terroriżmu.

2.   Kuntest ġenerali tal-proposta u fatti ewlenin

2.1.

Sa mill-2011, l-UE għandha sistema ġdida superviżjoni tas-suq finanzjarju, li kkontribwixxiet b’mod sostanzjali għall-istabbiltà tiegħu u għal-limitazzjoni tar-riskju. Wasslet għal armonizzazzjoni tar-regoli tas-swieq finanzjarji fl-UE, kif ukoll għall-konverġenza tal-attivitajiet ta’ superviżjoni tagħhom. Madankollu, l-espansjoni sussegwenti ta’ innovazzjoni teknoloġika u finanzjarja kompliet tibdel il-firxa ta’ attività kriminali li tisfrutta s-settur finanzjarju biex dan jinkoraġġixxi atti kriminali u biex jaħsel ir-rikavat tagħhom. Huwa ċar li dawn i-żewġ tipi ta’ attivitajiet mhux biss mhumiex soċjalment mixtieqa ħafna iżda fl-istess ħin joħolqu distorsjoni fil-mod kif joperaw is-swieq finanzjarji u fl-effettività tagħhom, peress li l-għan primarju tagħhom mhuwiex li jimmassimizzaw il-profitti bbażati fuq il-potenzjal oġġettiv tal-assi u l-valur tagħhom li jevolvi, iżda s-segretezza, il-ħabi u nuqqas ta’ divulgazzjoni; imġieba li tfisser li r-riżorsi finanzjarji mhumiex qegħdin jiġu allokati neċessarjament bl-aħjar mod.

2.2.

L-għan tal-miżuri proposti għalhekk huwa mhux biss li jiġu evitati jew limitati l-mezzi disponibbli għat-twettiq ta’ reati jew il-legalizzazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom iżda wkoll li jkunu ppreservati sew l-istituzzjonijiet finanzjarji li qed jiġu sfruttati permezz ta’dan ir-reat u jiżguraw l-istabbiltà u s-sigurtà tagħhom għal klijenti u investituri. Dan ukoll x’aktarx se jillimita r-riskji kemm politiċi kif ukoll dawk ta’ reputazzjoni għall-Istati Membri individwali u fl-UE kollha kemm hi.

2.3.

Billi s-swieq finanzjarji huma attwalment multinazzjonali u interkonnessi bħal qatt qabel, għall-finijiet ta’ din il-proposta huwa kruċjali ħafna li tiġi stabbilita sistema li tissodisfa l-funzjoni tagħha f’kuntest transkonfinali, peress li l-analiżi empirika turi li dan ir-reat kriminali dejjem aktar jitwettaq fuq bażi transkonfinali, u fost affarijiet oħrajn, jinvolvi operaturi minn pajjiżi terzi. Għalhekk, sabiex dawn l-isforzi jkollhom suċċess mhuwiex biżżejjed li l-prosekuzzjoni ta’ dan ir-reat isseħħ f’pajjiż wieħed biss – anke jekk tkun effettiva. Għalhekk, huwa importanti ħafna li jkun hemm sinerġiji effettivi bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fil-qasam tal-ħasil tal-flus jew dawk li qed jissuperviżżaw is-suq finanzjarju u mal-istituzzjonijiet tal-UE li jispeċjalizzaw f’dawn l-oqsma kif ukoll ma’ awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi.

2.4.

Il-miżura proposta eżaminata f’din l-Opinjoni hija biss waħda minn pakkett ta’ miżuri f’dawn l-isforzi msemmija. Sabiex dawn l-isforzi jkollhom suċċess, huwa essenzjali li jkun hemm koordinazzjoni ma’ elementi oħra li flimkien jiffurmaw approċċ sistematiku u konsistenti, li jagħmluha diffiċli kemm jista’ jkun biex l-awturi jwettqu dawn ir-reati.

2.5.

B’mod partikolari, il-proposta għandha l-għan li:

tottimizza l-użu tal-għarfien espert u r-riżorsi disponibbli permezz ta’ ċentralizzazzjoni tal-kompiti tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) relatati mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu għas-suq finanzjarju kollu kemm hu;

tikkjarifika l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tal-kompiti relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, fdati lill-EBA;

it-tisħiħ tal-għodod għat-twettiq tal-kompiti marbuta mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus;

it-tisħiħ tar-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea fi kwistjonijiet internazzjonali marbuta mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1.

Il-KESE jemmen li t-tema tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija importanti mhux biss minħabba bidliet teknoloġiċi dinamiċi u innovazzjonijiet finanzjarji, iżda wkoll minħabba għadd kbir ta’ każijiet reċentement identifikati fejn is-sistemi bankarja u finanzjarja f’bosta Stati Membri tal-UE ġew sfruttati għal skopijiet ta’ kriminalità. F’dan il-kuntest huwa importanti wkoll li jiġu identifikati r-riskji ġeopolitiċi qawwija, inklużi attivitajiet terroristiċi.

3.2.

Il-KESE huwa mħasseb li l-problema hija kkumplikata aktar minħabba l-fatt li dan ir-reat u t-tentattivi biex ir-rikavat tiegħu jinħasel permezz tas-settur finanzjarju mhux qed isseħħ biss fuq bażi transkonfinali fi ħdan l-UE, iżda jinvolvi wkoll attivitajiet kriminali li jestendu lejn pajjiżi terzi. Il-KESE jirrikonoxxi li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea qed tfittex attivament biex din tindirizzaha.

3.3.

F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota li għalkemm ir-rieżami tas-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja ġiet indirizzata fl-2017 (1) u l-KESE ħareġ Opinjoni (2) dwarħa, adottata fil-plenarja fit-15 ta’ Frar 2018, ċirkostanzi u ideat ġodda waslu qanqlu l-ħtieġa li l-proposta tiġi emendata billi żdidulha elementi biex titjieb l-effiċjenza tagħha. Il-kontenut tal-Opinjoni tal-KESE għadu validu u applikabbli fl-intier tagħha. Fl-istess ħin, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon rispons flessibbli mill-Kummissjoni għal serje ta’ skandli bankarji f’diversi pajjiżi tal-UE, li kkonfermat li l-kriminali huma kapaċi jisfruttaw it-teknoloġija u mezzi ta’ komunikazzjoni kif ukoll il-leġislazzjoni attwali, fil-proċess jiżvelaw in-nuqqasijiet tar-reġim tal-ħasil tal-flus tal-UE.

3.4.

Il-KESE jinnota li l-elementi ġodda fil-proposta huma prinċipalment ta’ natura teknika u organizzattiva, għalkemm jenħtieġu soluzzjonijiet usa’ u aktar komprensivi biex titranġa s-sitwazzjoni attwali. Il-KESE jżid li l-proposta tikkonċerna firxa dejqa ta’ kwistjonijiet relatati maż-żieda ta’ setgħat lill-EBA u biex iżżid il-koordinazzjoni tagħha ma’ awtoritajiet superviżorji nazzjonali fil-ġlieda kontra flus maħmuġa (superviżuri tal-AML) u f’ċerti każijiet xi kontroll fuqhom. Min-naħa l-oħra, il-proposta ma tindirizzax il-ħidma tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) Il-proposta tikkonċerna l-koordinazzjoni ta’attivitajiet u proċeduri b’mod aktar ġenerali, pjuttost milli l-kontenut speċifiku tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

3.5.

Il-KESE jwissi b’mod enfatiku li l-ħasil tal-flus mhux biss mod kif jiġu llegalizzati ir-rikavati minn attivitajiet meqjusa bħala inkompatibbli mal-liġi u kriminali, iżda jwassal ukoll għal allokazzjoni irrazzjonali ta’ riżorsi fejn l-għan ewlieni ta’ dawn l-operazzjonijiet huma “li ma jinkixfux” u “li jiġu legalizzati” r-riżorsi investiti jew it-trasferiment tagħhom għal post fejn se jitwettqu aktar reati, aktar milli biex jagħmlu qligħ. Fl-istess ħin Il-KESE jirrispetta u jenfasizza l-fatt li l-emenda ma tindirizzax analiżi tat-tendenzi ġodda, u ċ-ċirkostanzi li taħthom l-ħasil tal-flus iseħħ fiċ-ċirkostanzi attwali. Il-proposta tiffoka fuq oqsma partikolari tal-eliminazzjoni ta’ dawn il-prattiki inġusti, prinċipalment it-tisħiħ tar-rwol tal-EBA fil-qafas tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fl-indirizzar tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni tagħha mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, li huma parti mill-awtoritajiet superviżorji tas-suq bankarji jew finanzjarji.

3.6.

Il-KESE jemmen li f’dan il-kuntest id-diviżjoni korretta tal-kompetenzi bejn l-EBA u l-awtoritajiet nazzjonali għandha importanza fundamentali filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta’ sussidjarjetà. It-tisħiħ tas-setgħat tal-EBA fl-indirizzar ta’ tranżazzjonijiet transkonfinali huwa assolutament essenzjali, leġittimu u ġustifikat. Il-KESE jżid, madankollu, li f’każijiet esklussivament nazzjonali fejn l-EBA ma għandhiex rilevanza b’mod ċar, is-setgħat għandhom jitħallew f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali.

3.7.

Peress li l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija kruċjali biex jiġi żgurat ambjent ekonomiku u finanzjarju b’saħħtu fl-UE kollha, il-KESE jistaqsi jekk tkunx idea tajba li titwaqqaf organizzazzjoni dedikata fi ħdan il-fergħa eżekuttiva tal-UE, bħal direttorat ġenerali ġdid għal dan il-qasam. Ir-rilevanza ta’ din il-kwistjoni qed tikber fid-dawl tat-twaqqif ta’ Kummissjoni Ewropea ġdida fil-ħarifa tal-2019.

3.8.

Il-KESE jistaqsi ukoll fuq liema bażi huwa propost li l-EBA għandha taqdi rwol ta’ koordinatur ewlieni fl-indirizzar ta’ din il-problema. Dan ifisser li l-Kummissjoni Ewropea tqis li s-settur bankarju jipprovdi l-akbar ambitu fir-rigward tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fi ħdan l-UE?

3.9.

Il-KESE jaqbel li, fil-kuntest tal-proposta trid tiġi żgurata komunikazzjoni effettiva dwar kif din il-problema qed tiġi indirizzata. Din il-komunikazzjoni għandha tiffoka mhux fuq il-komunikazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet kollha involuti (komunikazzjoni interna), iżda wkoll biex jiġi żgurat li l-arena pubbliku hija infurmata b’mod xieraq (klijenti tas-settur finanzjarju u l-pubbliku ġenerali).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jappella sabiex il-proposta tfassal b’mod konkret ħafna l-oqsma u r-relazzjonijiet fejn l-EBA għandha tieħu pożizzjoni dominanti vis-à-vis l-awtoritajiet superviżorji oħra tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra flus maħmuġa u l-finanzjament tat-terroriżmu, f’forma ta’ mandat komprensiv għas-suq finanzjarju kollu.

4.2.

Bl-istess mod, il-KESE jitlob għal aktar kjarifika dwar il-kundizzjonijiet li taħthom l-EBA tista’ twettaq superviżjoni tal-proċeduri tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jew toħroġ deċiżjonijiet direttament lil operaturi individwali fis-settur finanzjarju.

4.3.

Il-KESE tinteressah ħafna wkoll in-natura tal-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi.

4.4.

Il-KESE jitlob ukoll kjarifika dwar kif l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali għandha tiġi ċentralizzata fil-każ ta’ sorsi sigrieti jew sigrieti ħafna u kif dawn se jiġu protetti.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Proposta leġiżlattiva oriġinali COM (2017) 536 final, 20.9.2017. L-għan tagħha kien li ssaħħaħ il-ħila tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej biex jiżguraw konverġenza u sorveljanza effettiva tas-suq finanzjarju, iżda ma indirizzatx speċifikament it-tisħiħ tal-mandat tagħhom fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(2)  ĠU C 227, 28.6.2018, p. 63.


Top