Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE4405

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-perjodu 2021–2025 li jikkumplimenta Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni” (COM(2018) 437 final — 2018/0226)

    EESC 2018/04405

    ĠU C 110, 22.3.2019, p. 132–135 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 110/132


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-perjodu 2021–2025 li jikkumplimenta Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”

    (COM(2018) 437 final — 2018/0226)

    (2019/C 110/24)

    Relatur:

    Giulia BARBUCCI

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 12.7.2018

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 13.7.2018

    Bażi legali

    L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

     

     

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Adottata fis-sezzjoni

    20.11.2018

    Adottata fil-plenarja

    12.12.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    539

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    208/3/4

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta għal Regolament dwar il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) 2021–2025, li jenfasizza l-kontinwità mal-programmi preċedenti għar-riċerka u l-iżvilupp tal-fużjoni, tal-fissjoni u tas-sikurezza nukleari, u l-JRC, filwaqt li jindirizza wkoll oqsma ġodda ta’ azzjoni bħall-protezzjoni mir-radjazzjoni u d-dekummissjonar tal-impjanti nukleari.

    1.2.

    Il-KESE jqis il-baġit tal-Euratom adegwat għall-objettivi stabbiliti u jqis essenzjali li dan il-baġit jinżamm irrispettivament mir-riżultati tan-negozjati dwar il-Brexit. F’dan ir-rigward, il-Kumitat iqis li huwa kruċjali li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-programm Euratom jiġi mmaniġġjat bir-reqqa, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-linji ta’ riċerka diġà mibdija, l-infrastrutturi kondiviżi u l-impatt soċjali fuq il-persunal (eż. kundizzjonijiet tax-xogħol) fir-Renju Unit u barra mill-pajjiż.

    1.3.

    Il-KESE jqis il-proġett JET bħala fattur kruċjali għall-iżvilupp tal-proġett ITER, li għalih l-ITER jirrappreżenta wkoll l-evoluzzjoni suċċessiva mill-perspettiva xjentifika. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat iqis importanti li JET jibqa’ operattiv (jew bħala proġett tal-UE jew bħala proġett kondiviż bejn l-UE u r-Renju Unit) sakemm il-proġett ITER ikun operattiv.

    1.4.

    Il-KESE jemmen li l-aspetti innovattivi introdotti fil-programm, bħalma huma s-simplifikazzjoni tiegħu, l-estensjoni tal-għanijiet (radjazzjoni jonizzanti u d-dekummissjonar tal-faċilitajiet), it-titjib tas-sinerġija mal-Programm Orizzont Ewropa u l-possibbiltà li jiġu ffinanzjati azzjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ għar-riċerkaturi (eż. Marie Skłodowska-Curie), jissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini u jsaħħu l-effiċjenza u l-effettività tal-programm.

    1.5.

    Il-Kumitat jemmen li s-sikurezza nukleari għandha tinftiehem skont kunċett dinamiku, li jinvolvi l-monitoraġġ u l-aġġustament kostanti tal-leġislazzjoni attwali skont l-aktar skoperti u innovazzjonijiet reċenti, li jkopru l-ispettru sħiħ tal-ħajja tal-faċilitajiet. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-faċilitajiet li jinsabu fuq il-fruntieri bejn pajjiżi tal-UE, billi tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u lokali u jiġi żgurat l-involviment effettiv taċ-ċittadini u tal-ħaddiema.

    1.6.

    Il-KESE jqis li l-edukazzjoni sa mis-snin obbligatorji u t-taħriġ huma fattur essenzjali biex iż-żgħażagħ jiġu mħajra għas-suġġetti xjentifiċi u teknoloġiċi. Dan l-element huwa kruċjali biex fil-futur jiżdied in-numru ta’ riċerkaturi Ewropej tas-settur, li attwalment mhumiex biżżejjed biex ikopru d-domanda tas-sistema produttiva u ta’ riċerka.

    2.   Introduzzjoni

    2.1.

    Il-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) 2021-2025 tifforma parti mill-pakkett leġislattiv tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont Ewropa” 2021-2027 (1). Il-Programm propost se jdum ħames snin skont l-Artikolu 7 tat-Trattat Euratom, bil-possibbiltà li jiġi estiż b’sentejn biex jiġi allinjat mat-tul ta’ żmien tal-“Orizzont Ewropa” u tal-“Qafas Finanzjarju Pluriennali” (QFP).

    2.2.

    Il-Programma “Orizzont Ewropa” se jkollu baġit finanzjarju ta’ EUR 100 biljun għall-perjodu 2021-2027, li EUR 2,4 biljun minnhom se jkunu ddedikati għall-Programm Euratom. Il-Programm Qafas “Orizzont Ewropa” jistabbilixxi wkoll qafas ta’ referenza għall-istrumenti u l-metodi ta’ parteċipazzjoni kif ukoll għad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni, valutazzjoni u governanza. Is-setturi ta’ riċerka appoġġjati mill-Euratom mhumiex inklużi fl-“Orizzont Ewropa” kemm għal raġunijiet legalii (Trattati separati), kif ukoll għal raġunijiet ta’ ġestjoni (l-evitar ta’ duplikazzjoni) u jsaħħu s-sinerġiji bejn il-programmi.

    2.3.

    Il-KESE ddedika Opinjoni ad hoc għall-proposta tal-programm “Orizzont Ewropa” (2), li hija relatata ma’ din l-Opinjoni kemm f’dak li jirrigwarda viżjoni kif ukoll rakkomandazzjonijiet. Il-KESE fassal ukoll żewġ Opinjonijiet oħrajn relatati ma’ din, dwar il-proġett ITER (3) u dwar l-iżmantellar tal-impjanti nukleari (4).

    3.   Sommarju tal-proposta

    3.1.

    Il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ Euratom jirrigwarda d-diversi applikazzjonijiet tal-enerġija nukleari fl-Ewropa, kemm għall-produzzjoni tal-enerġija kif ukoll għal skopijiet oħrajn f’setturi oħrajn (eż. radjazzjoni jonizzanti fis-settur mediku). L-isforzi tal-Unjoni Ewropea huma mmirati lejn l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji siguri, li jnaqqsu r-riskji u jiżguraw l-aħjar protezzjoni mir-radjazzjoni. Għaldaqstant, l-Euratom jippermetti li jiġu kkomplementati l-kontributi tal-Istati Membri billi jkun hemm kondiviżjoni tal-proċessi ta’ innovazzjoni, riċerka u taħriġ.

    3.2.

    Il-Proposta tistabbilixxi l-baġit u l-għanijiet komuni ta’ riċerka għall-azzjonijiet kemm diretti (li jittieħdu direttament mill-Kummissjoni permezz taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka – JRC), kif ukoll indiretti (imwettqa minn individwi pubbliċi jew privati ffinanzjati mill-Programm), li jiġu implimentati b’konformità mal-programmi ta’ ħidma maqbula mal-Istati Membri.

    3.3.

    Il-Programm Euratom 2021-2025 se jiġi implimentat b’mod ta’ ġestjoni diretta. Madankollu, il-Kummissjoni, tista’ tiddeċiedi, jekk tqis li huwa adatt u effettiv, li tuża ġestjoni kondiviża u/jew indiretta, billi tassenja permezz ta’ kuntratt l-eżekuzzjoni ta’ ċerti partijiet tal-programm lil Stati Membri, persuni jew impriżi u lil Stati terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’konformità mal-Artikolu 10 tat-Trattat Euratom.

    3.4.

    Il-programm propost se jkompli bl-attivitajiet ta’ riċerka ewlenin tal-programm Euratom li għaddej bħalissa (radjuprotezzjoni, sikurezza nukleari kemm tal-faċilitajiet kif ukoll fil-kuntest tal-politika internazzjonali, l-immaniġġjar tal-iskart radjuattiv u l-enerġija mill-fużjoni), iżda jagħti aktar attenzjoni lid-diżattivazzjoni kif ukoll lil applikazzjonijiet differenti mill-ġenerazzjoni tal-enerġija bħar-radjazzjoni jonizzanti. Il-baġit propost ta’ EUR 1 675 000 000 għall-perjodu 2021–2025 huwa mqassam bejn ir-riċerka u l-iżvilupp għall-fużjoni nukleari (EUR 724 563 000), il-fissjoni nukleari, is-sikurezza nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni (EUR 330 930 000) u l-JRC (EUR 619 507 000).

    3.5.

    It-twessigħ tal-firxa tal-għanijiet iżid it-trasversalità tal-istrument, billi jitqiegħed aktar għas-servizz taċ-ċittadini. B’mod partikolari, l-għadd dejjem jikber ta’ applikazzjonijiet differenti tar-radjazzjoni jonizzanti jirrikjedi l-protezzjoni tal-persuni u l-ambjent minn esponiment bla bżonn għar-radjazzjoni. It-teknoloġiji radjoloġiċi jonizzanti jintużaw kuljum fl-Ewropa f’għadd ta’ oqsma, speċjalment fil-qasam mediku. Għaldaqstant, anki r-riċerka fuq ir-radjuprotezzjoni se tkun żviluppata b’mod trasversali, kemm fil-produzzjoni tal-enerġija nukleari kif ukoll għas-settur mediku, mingħajr ma jiġu esklużi forom oħrajn ta’ użu fis-settur industrijali, agrikolu, ambjentali u tas-sigurtà.

    3.6.

    Element innovattiv ieħor huwa r-riċerka għall-iżvilupp u l-valutazzjoni tat-teknoloġiji għad-diżattivazzjoni u l-irkupru ambjentali tal-impjanti nukleari, wara li żdiedet it-talba għalihom. Dan l-aspett huwa kruċjali biex tingħalaq il-ħolqa fir-rigward tal-aspetti l-oħrajn ta’ sigurtà li diġà huma koperti mill-programm li għadu għaddej: is-sikurezza nukleari (jiġifieri s-sikurezza tar-reatturi u taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari), il-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, il-protezzjoni radjoloġika u t-tħejjija għall-emerġenzi (inċidenti radjuattivi u riċerka fuq ir-radjuekoloġija) u azzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-politiki għas-sikurezza nukleari, salvagwardji u n-nonproliferazzjoni.

    3.7.

    Dawn l-inizjattivi se jkunu kkomplementati minn azzjoni speċifika li tappoġġja l-iżvilupp ta’ enerġija mill-fużjoni, sors ta’ enerġija potenzjalment ineżawribbli u b’inqas impatt ambjentali. B’mod partikolari, il-proposta tiffoka fuq l-iżgurar tal-kontinwità fl-implimentazzjoni tal-“pjan direzzjonali għall-fużjoni”, li għandu jwassal għall-kostruzzjoni tal-ewwel impjant fit-tieni nofs ta’ dan is-seklu. Għal din ir-raġuni, l-UE se tkompli tappoġġja l-proġett ITER bi programm speċifiku (5) u, f’perspettiva futura, il-proġett DEMO.

    3.8.

    Fl-aħħar nett, minbarra l-attivitajiet ta’ riċerka, il-proposta tipprovdi l-possibbiltà għar-riċerkaturi nukleari li jipparteċipaw fil-programmi ta’ tagħlim u taħriġ (eż. l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie), biex jinżamm livell għoli ta’ ħiliet, u appoġġ finanzjarju apposta biex jingħata l-aċċess għall-infrastrutturi ta’ riċerka Ewropej u internazzjonali (inkluż il-JRC).

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1.

    Il-KESE jilqa’ l-Proposta għal Regolament għall-programm Euratom 2021-2025. B’mod partikolari, il-Kumitat jilqa’ ż-żieda fl-interazzjonijiet taħt il-programm qafas “Orizzont Ewropa”, sabiex jiġu żgurati mekkaniżmi komuni ta’ governanza, aċċess u ġestjoni tal-fondi, kif ukoll l-integrazzjoni bejn l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ taħriġ, biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet.

    4.2.

    Il-KESE jqis il-baġit allokat għal Euratom bħala adatt għall-għanijiet li l-UE stabbilixxiet fil-qasam nukleari. Għal din ir-raġuni, iqis fundamentali li din l-allokazzjoni finanzjarja tinżamm irrispettivament mir-riżultati tan-negozjati dwar il-Brexit. F’dan ir-rigward, il-Kumitat iqis li huwa kruċjali li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-programm Euratom jiġi mmaniġġjat bir-reqqa, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-linji ta’ riċerka diġà mibdija, l-infrastrutturi kondiviżi u l-impatt soċjali fuq il-persunal (eż. kundizzjonijiet tax-xogħol) fir-Renju Unit u barra mill-pajjiż (6).

    4.3.

    B’mod partikolari, il-KESE jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-proġett ITER teħtieġ l-appoġġ tal-proġett JET (Joint European Taurus), li l-impjant tiegħu jinsab fir-Renju Unit u huwa ffinanzjat minn Euratom. Fil-fatt, permezz tal-proġett JET jiġu ttestjati, fost l-oħrajn, partijiet tal-impjant ITER li attwalment jinsab taħt kostruzzjoni u li, fil-fatt, jirrappreżenta l-evoluzzjoni tal-proġett JET mill-perspettiva xjentifika. Dan l-impjant huwa uniku fid-dinja u ma jistax jiġi sostitwit. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat iqis importanti li JET jibqa’ operattiv (jew bħala proġett tal-UE jew bħala proġett kondiviż bejn l-UE u r-Renju Unit) sakemm il-proġett ITER ikun operattiv.

    4.4.

    Il-Kumitat jappoġġja l-istruttura tal-Proposta għal Regolament, li hija prinċipalment immirata biex tkompli l-attivitajiet ta’ riċerka u l-proġetti ta’ riċerka li diġà jeżistu, bħall-proġett ITER li jirrappreżenta objettiv importanti fil-proċessi tad-dekarbonizzazzjoni (7), il-provvista tal-enerġija u l-iżvilupp industrijali (8). Il-programm il-ġdid jinkludi wkoll innovazzjonijiet interessanti li jiftħu l-firxa tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni eliġibbli għall-finanzjament orjentati lejn l-iżvilupp u t-tkabbir.

    4.5.

    Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta li jiġu inklużi fost l-azzjonijiet eliġibbli għall-finanzjament dawk dwar ir-radjazzjoni jonizzanti, billi tiġi estiża t-trasversalità tal-programm b’konformità ma’ dak li ġie stabbilit fil-programm “Orizzont Ewropa” dwar l-isfidi tas-soċjetà. F’dan ir-rigward, huwa importanti li r-riżultati tal-proċessi ta’ riċerka u innovazzjoni mil-lat ta’ privattivi u teknoloġiji ġodda jinħarġu b’mod rapidu u sistematiku, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tagħhom (9).

    4.6.

    Huwa importanti li r-riżultati miksuba permezz tal-finanzjament u l-isforzi konġunti fuq skala Ewropea jiġu mħabbra liċ-ċittadini. Dan għandu jsaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fix-xjenza u fir-riċerka, kif ukoll l-għarfien dwar l-importanza tal-Unjoni Ewropea u ta’ strateġija speċifika għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.

    4.7.

    Il-Kumitat iqis bħala pożittiva wkoll l-estensjoni tal-finanzjamenti għar-riċerka u l-kondiviżjoni ta’ għarfien fuq id-diżattivazzjoni u tar-rimedju ambjentali tal-impjanti nukleari, kemm biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-Istati Membri, kemm biex tingħalaq il-ħolqa fl-immaniġġjar tal-proċessi marbuta mal-produzzjoni tal-enerġija nukleari, li għandha twassal li jinstab rimedju ambjentali sigur tal-impjanti li ma għadhomx jintużaw.

    4.8.

    Il-KESE jqis li l-estensjoni tal-programm għall-attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, bħal fil-każ tal-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, hija kruċjali biex jinżammu l-istandards għoljin tal-għarfien espert fl-UE. Madankollu, huwa importanti li jiġu stabbiliti objettivi anki mil-lat ta’ kwantità minbarra ta’ kwalità, peress li sal-lum ir-riċerkaturi Ewropej tas-settur mhumiex biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet tas-sistema Ewropea għall-produttivà u r-riċerka (10).

    5.   Kummenti speċifiċi

    5.1.

    Il-qafas il-ġdid għas-sikurezza nukleari żviluppat wara d-diżastru ta’ Fukushima (11) jindirizza t-tħassib taċ-ċittadini. L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet sistema ta’ kontrolli sistematiċi (“rieżami bejn il-pari”) u mekkaniżmi ta’ sikurezza dinamiċi u fuq diversi livelli li żiedu l-istandard tas-sikurezza tal-impjanti. Il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni korretta ta’ din id-direttiva, kif ukoll li tiġi aġġornata u adatta għall-isfidi l-ġodda, li jkopru l-ispettru kollu tal-ħajja tal-impjanti, mill-ippjanar ta’ reatturi ġodda għall-adattament kostanti ta’ dawk eżistenti, sakemm jiġu dekummissjonati (12). F’dan il-kuntest nemmnu li attivitajiet ta’ monitoraġġ minn partijiet interessati esterni u indipendenti jistgħu jiggarantixxu l-ilħuq tal-ogħla standards ta’ sikurezza.

    5.2.

    Peress li ħafna reatturi jinsabu fuq il-fruntieri bejn żewġ pajjiżi tal-UE jew aktar, huwa importanti li jinħoloq qafas imsaħħaħ ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati, sabiex jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ reazzjoni rapida għall-inċidenti transkonfinali mhux prevedibbli (13), u b’hekk tiġi żgurata kollaborazzjoni effettiva u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u nazzjonali kkonċernati. Dan il-proċess, fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/87/Euratom, għandu jipprevedi wkoll attività effettiva u mifruxa ta’ informazzjoni u taħriġ għall-ħaddiema u għaċ-ċittadini, li għalihom huma previsti forom ta’ appoġġ permezz ta’ linji speċifiċi ta’ finanzjament. Inizjattivi simili għandhom jitwettqu mal-pajjiżi terzi ġirien li jaqsmu dawn ir-riskji wkoll (14).

    5.3.

    Il-Kumitat jemmen li s-sottokuntrattar jista’ jirrappreżenta fattur ta’ inċertezza fil-manutenzjoni tal-impjanti nukleari u għalhekk jirrakkomanda li dan ikun “limitat u kkontrollat b’mod strett” (15).

    5.4.

    Il-KESE jqis essenzjali li l-interess taż-żgħażagħ fir-rigward tax-xjenza u t-teknoloġija għandu jiġi sostnut u appoġġjat, li jeħtieġ l-involviment attiv u infurmat tal-għalliema skolastiċi. Dawn tal-aħħar, permezz ta’ taħriġ u aġġornament kontinwu, għandhom ikunu dawk li jwasslu l-għarfien b’mod pożittiv u jinkoraġġixxu d-diskussjonijiet miftuħa mal-istudenti fuq is-suġġett, ħielsa minn preġudizzji u sterjotipi.

    5.5.

    B’mod partikolari, il-KESE jappoġġja l-inizjattivi (anki permezz tal-programm Erasmus+) li għandhom l-għan li jxerrdu s-suġġetti STEAM fl-iskejjel, jiġifieri x-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika flimkien mal-arti. Permezz ta’ dan l-approċċ, l-istudenti jitħeġġu jadottaw attitudni sistematika u sperimentali, peress li jingħataw iċ-ċans li jsolvu problemi tad-dinja reali b’mod kreattiv. Ir-riċerka u l-proġetti diġà ffinanzjati mill-UE fl-aħħar snin taw riżultati ferm pożittivi, li juri li dan l-approċċ jistimula l-interess f’suġġetti tekniċi, matematiċi u xjentifiċi, li mbagħad isiru l-ewwel għażla għall-istudenti meta jagħżlu l-kors universitarju tagħhom (16).

    Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  COM(2018) 435 final.

    (2)  INT/858, Orizzont Ewropa (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 33).

    (3)  TEN/680, Il-QFP u l-ITER (ara paġna 136 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  TEN/681, Il-QFP, id-dekummissjonar tal-impjanti nukleari u l-iskart radjuattiv (ara paġna 141 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (5)  TEN/680, Il-QFP u l-ITER (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3).

    (6)  https://www.nature.com/articles/d41586-018-06826-y.

    (7)  ĠU C 107, 06.07.2018, p. 37.

    (8)  ĠU C 229, 31.07.2012, p. 60.

    (9)  INT/858, Orizzont Ewropa (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).

    (10)  ĠU C 237, 06.07.2018, p. 38.

    (11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/87/Euratom (ĠU L 219, 25.7.2014, p. 42) u d-Direttivi relatati magħha.

    (12)  ĠU C 341, 21.11.2013, p.92.

    (13)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 127

    (14)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 104.

    (15)  ĠU C 237, 06.07.2018, p. 38.

    (16)  ĠU C 75, 10.03.2017, p.6.


    Top