Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE4060

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari” (COM(2018) 460 final — 2018/0243 (COD))

    EESC 2018/04060

    ĠU C 110, 22.3.2019, p. 163–170 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 110/163


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari”

    (COM(2018) 460 final — 2018/0243 (COD))

    (2019/C 110/29)

    Relatur:

    Cristian PÎRVULESCU

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 2.7.2018

    Kummissjoni Ewropea, 12.7.2018

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 18.7.2018

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

     

    Artikolu 206 tat-Trattat Euratom

     

     

    Sezzjoni kompetenti

    Relazzjonijiet Esterni

    Adottata fis-sezzjoni

    23.11.2018

    Adottata fil-plenarja

    12.12.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    539

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    176/0/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.   L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali

    1.1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja l-għanijiet ġenerali u speċifiċi tal-proposta u jqis li l-inizjattiva biex jiġu ssimplifikati l-istrumenti użati fir-rigward tal-pajjiżi tal-viċinat u tal-pajjiżi terzi hija milqugħa u utli. L-UE trid tibni relazzjoni kostruttiva, realistika u prammatika mal-viċinat u mal-pajjiżi terzi, fejn il-valuri għandhom jibqgħu ċentrali.

    1.1.2.

    Il-Kumitat jinnota d-determinazzjoni evidenti f’din il-proposta, min-naħa tal-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra u l-Istati Membri, biex jappoġġjaw l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, id-demokrazija u s-sistemi li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem. Il-funzjonament tal-istrument ġdid u konsolidat għandu jkun, fil-fażijiet kollha, mill-ippjanar sal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, immirat biex jippromovi l-valuri tal-UE, inklużi l-istat tad-dritt, l-integrità, il-pluraliżmu, id-demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. F’dan il-kuntest, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżid b’mod sinifikanti l-allokazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u programmi tematiċi tas-soċjetà ċivili.

    1.1.3.

    Il-Kumitat jappoġġja l-għan tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali li huwa li jiddefendi u jippromovi l-valuri u l-interessi tal-Unjoni madwar id-dinja sabiex isegwi l-għanijiet u l-prinċipji tal-azzjoni esterna tiegħu. Il-komunikazzjoni tiddikjara wkoll li meta jiġi implimentat dan ir-Regolament, il-konsistenza ma’ oqsma oħra ta’ azzjoni esterna u ma’ politiki rilevanti oħra tal-UE se tkun żgurata kif rifless fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (Aġenda 2030). Dan ifisser li jiġi kkunsidrat l-impatt tal-politiki kollha dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-livelli kollha – nazzjonali, fl-UE, f’pajjiżi oħra u fil-livell dinji.

    1.1.4.

    Il-Kumitat jieħu din l-opportunità biex ifakkar lill-Unjoni Ewropea li l-Aġenda 2030 tipprevedi dinja li fiha kull pajjiż, filwaqt li jitqiesu l-livelli differenti ta’ żvilupp u kapaċitajiet nazzjonali, igawdi tkabbir ekonomiku sostnut, inklużiv u sostenibbli, żvilupp soċjali, inkluż xogħol deċenti għal kulħadd, u protezzjoni ambjentali. Dinja fejn id-demokrazija, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt kif ukoll ambjent favorevoli fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, huma elementi essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli.

    1.1.5.

    Din ir-responsabbiltà ewlenija biex tappoġġja l-pjan ta’ azzjoni tal-Aġenda 2030 għan-nies, għall-pjaneta u għall-prosperità tirrikjedi enfasi akbar fuq l-istrumenti ta’ appoġġ, u kif dawn jiġu organizzati u jorbtu mar-realtajiet diffiċli tal-politika globali. Is-simplifikazzjoni u l-unifikazzjoni tal-istrumenti użati tikkostitwixxi pass kbir ’il quddiem lejn azzjoni effiċjenti u orjentata lejn il-prijoritajiet biex jintlaħqu l-għanijiet proposti. L-UE spiss tkun f’pożizzjoni biex taġixxi b’mod deċiżiv b’appoġġ għall-aktar gruppi u individwi vulnerabbli. Din hija responsabbiltà li għandha tinżamm u tintrefa’ kif xieraq.

    1.1.6.

    Il-pajjiżi tal-viċinat u l-pajjiżi terzi jiffaċċjaw għadd ta’ problemi kbar, diversi u li jikkoinċidu. Fil-klima globali attwali, li fiha r-riformi li jippromovu d-demokratizzazzjoni, l-istabbilizzazzjoni politika u l-iżvilupp ekonomiku jidhru li waqfu, l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha minflok ma tabbandunahom. Għandha żżomm kuntatt permanenti mal-gvernijiet ta’ pajjiżi ġirien u pajjiżi terzi, timmotivahom u tħeġġiġhom biex jikkooperaw b’mod responsabbli. Ir-relazzjonijiet tagħha bbażati fuq sħubija ma’ dawn il-gvernijiet għandhom ikunu solidi, assertivi u mmirati sew lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies li jgħixu hemm.

    1.1.7.

    Il-Kumitat huwa favur li l-UE tkun proattiva minn issa sal-2030, biex issostni t-tmiem tal-faqar u l-ġuħ; biex tiġġieled l-inugwaljanzi fi ħdan kif ukoll fost il-pajjiżi; biex tibni soċjetajiet paċifiċi, ġusti u inklużivi; biex tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u tippromovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tan-nisa u l-bniet; u biex tiżgura l-protezzjoni dejjiema tal-pjaneta u tar-riżorsi naturali tagħha.

    1.1.8.

    Il-Kumitat jilqa’ l-inizjattiva f’din il-proposta biex jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri u tiffoka aktar fuq l-għanijiet politiċi u l-impenn lejn l-imsieħba esterni. Il-Kumitat jilqa’ u jappoġġja l-avvanzi sinifikanti li tressqu fil-proposta: simplikazzjoni u flessibiltà akbar u monitoraġġ aħjar tar-riżultati.

    1.1.9.

    Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-poteri baġitarji u ta’ skrutinju tal-Parlament Ewropew jiġu estiżi wara l-inkorporazzjoni tal-attivitajiet attwalment iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) fil-baġit tal-UE.

    1.1.10.

    Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tibni fuq il-kisbiet u l-avvanzi li saru bl-istrumenti preċedenti. Pereżempju, l-Istrument għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxa id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali kollha, u ppromova d-djalogu soċjali (1). L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiġġieldu għal-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u proċessi elettorali ġusti kienu appoġġjati minkejja l-attitudni ostili ta’ xi gvernijiet lejhom. Dan l-impenn għandu jinżamm u jitmexxa ’l quddiem.

    1.1.11.

    Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-proċessi demokratiċi u elettorali fil-viċinat u fil-pajjiżi terzi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti prijorità lill-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet elettorali indipendenti u b’saħħithom. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni ta’ Venezja, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE u n-netwerks ta’ esperti elettorali sabiex jagħtu sustanza lill-appoġġ kruċjali tagħhom lejn proċessi elettorali ġusti u solidi.

    1.1.12.

    Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jikkooperaw bis-sħiħ, abbażi tar-relazzjoni twila tagħhom mal-viċinat u mal-pajjiżi terzi, sabiex itejbu r-riżultati tal-funzjonament tal-istrument.

    1.1.13.

    Il-Kumitat jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet li tressqu fl-Opinjoni mill-Kumitat tar-Reġjuni u jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tiżgura fil-każijiet kollha li l-partijiet interessati rilevanti, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, jiġu debitament ikkonsultati u jkollhom aċċess f’waqtu għal informazzjoni rilevanti li tippermetti li jkollhom rwol sinifikanti matul it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-proċess ta’ monitoraġġ assoċjat tal-programmi. Il-Kumitat jenfasizza wkoll li d-demokrazija fil-livell subnazzjonali għandha tkun inkluża fil-prinċipji gwida, peress li l-livell lokali u reġjonali huwa fejn iċ-ċittadini jistgħu jesperjenzaw id-demokrazija b’mod l-aktar dirett.

    1.2.   Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari

    1.2.1.

    Fir-rigward tal-Istrument Ewropew għas-Sikurezza Nukleari, wara l-katastrofi nukleari ta’ Fukushima, deher perfettament ċar li l-problemi u r-riskji tal-użu tal-enerġija nukleari huma globali. Sfortunatament, il-proposta ma tindirizzax fil-livell strateġiku u politiku d-domanda leġittima għall-ippjanar fit-tul għall-enerġija nukleari li ġejja miċ-ċittadini, mis-soċjetà ċivili, u mis-settur tan-negozju.

    1.2.2.

    Il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi attivitajiet fil-qasam nukleari li huma konformi mal-politika ta’ żvilupp u kooperazzjoni internazzjonali għas-saħħa, l-agrikoltura, l-industrija u l-proġetti soċjali li jindirizzaw il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe inċident nukleari. Madankollu, mhuwiex ċar kif il-baġit disponibbli u s-sitwazzjonijiet istituzzjonali fis-seħħ jistgħu jwasslu għal din l-intenzjoni fil-prattika.

    1.2.3.

    Ir-rwol tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika huwa essenzjali u l-aġenzija għandha tiehu responsabbiltà sabiex tiżgura t-trasparenza u twissija bikrija fir-rigward tal-iżvilupp ta’ impjanti tal-enerġija nukleari ġodda mad-dinja kollha. L-UE għandha tikkoopera bis-sħiħ mal-istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet globali sabiex jippromovu s-sikurezza nukleari.

    1.2.4.

    Huwa neċessarju li jiġġeddu l-isforzi biex jiġi żgurat li siti eżistenti u ppjanati fil-viċinat Ewropew joperaw bi standards għoljin ta’ trasparenza u sikurezza. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġjaw dan l-għan u jagħmlu s-sikurezza nukleari għan ewlieni fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali mal-pajjiżi msieħba.

    1.2.5.

    Barra minn hekk, meta jitqiesu l-isfidi globali ewlenin relatati mal-enerġija nukleari, u l-preżenza ta’ numru għoli ta’ siti ta’ enerġija nukleari fil-viċinat tiegħu, il-Kumitat iqis il-pakkett finanzjarju previst għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-perjodu 2021 – 2027 ta’ EUR 300 miljun fil-prezzijiet attwali bħala insuffiċjenti ħafna.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.   Sfond tal-proposta — L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali

    2.1.1.

    Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-prijoritajiet ewlenin u l-qafas baġitarju kumplessiv għall-programmi ta’ azzjoni esterna tal-UE taħt l-intestatura “Viċinat u d-Dinja”, inkluż l-istabbiliment tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali.

    2.1.2.

    Permezz ta’ din il-proposta, l-UE se tkompli tkun kapaċi taqdi rwol attiv fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, fil-prosperità, fl-istabbilizzazzjoni, fl-iżvilupp, fis-sigurtà, fil-ġlieda kontra l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari, fil-kummerċ, fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fil-ħarsien tal-ambjent, fost kwistjonijiet oħra. Madankollu, hija se tkun tista’ tagħmel dan b’mod aktar komprensiv filwaqt li tipprovdi aktar flessibbiltà biex tieħu r-riżorsi fejn ikunu meħtieġa hekk kif jinbideli l-kuntest internazzjonali.

    2.1.3.

    Din il-proposta tipprovdi qafas ta’ abilitazzjoni li permezz tiegħu jistgħu jiġu implimentati l-politiki u l-obbligi tal-azzjoni esterna. L-obbligi internazzjonali jinkludu l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa, il-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri (2015-2030) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2282 (2016) dwar iż-żamma tal-paċi. Fl-UE, il-qafas ta’ politika jinkludi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-azzjoni esterna, li huma definiti ulterjorment fl-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid, is-Sħubija UE-Afrika mġedda u l-Politika Ewropea tal-Viċinat rieżaminata, fost dokumneti politiċi oħrajn. Ir-Regolament se jikkostitwixxi wkoll il-qafas għall-implimentazzjoni tas-sħubija suċċessur tal-Ftehim ta’ Cotonou attwali, li se tistabbilixxi assoċjazzjoni u sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

    2.1.4.

    Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-biċċa l-kbira tal-istrumenti apparti minn dawk ta’ natura speċifika ħafna bħall-għajnuna umanitarja bil-prinċipju tan-newtralità tagħha jistgħu jingħaqdu fi strument wieħed, jiġifieri: ir-Regolament Komuni ta’ Implimentazzjoni, l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Mandat ta’ Self Estern, l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Fond ta’ Garanzija, l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, u l-Istrument ta’ Sħubija. Dawk l-istrumenti li għandhom jibqgħu separati huma: l-istrument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni; l-għajnuna umanitarja; il-baġit tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni; il-pajjiżi u territorji extra-Ewropej inkluż Greenland; il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE; l-iskema tal-voluntiera tal-għajnuna tal-UE; l-appoġġ għall-komunità Ċiprijotta Torka; ir-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza; u l-Faċilità Ewropea l-ġdida għall-Paċi.

    2.1.5.

    Is-simplifikazzjoni ta’ għadd ta’ strumenti fi strument wieħed wiesa’ se tipprovdi opportunità għar-razzjonalizzazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni u sorveljanza u b’hekk jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-Istati Membri. Minflok ma jiffukaw fuq ħafna proċessi ta’ programmazzjoni, id-dibattiti jkunu aktar iffukati fuq l-għanijiet politiċi u l-involviment mal-imsieħba esterni. Barra minn hekk, l-azzjonijiet li jirċievu finanzjament kumulattiv minn programmi differenti tal-Unjoni se jiġu awditjati darba biss, u jkunu koperti l-programmi involuti kollha u r-regoli applikabbli rispettivi tagħhom.

    2.1.6.

    Is-simplifikazzjoni ma tfissirx li jkun hemm anqas skrutinju jew akkontabbiltà. Il-bilanċ interistituzzjonali jiġi ppreservat b’mod sħiħ. Pjuttost, is-setgħat baġitarji u ta’ skrutinju tal-Parlament Ewropew jiġu estiżi bl-inkorporazzjoni fil-baġit tal-UE tal-attivitajiet attwalment iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

    2.1.7.

    Il-pakkett finanzjarju għandu jikkonsisti fi:

    (a)

    EUR 68 000 miljun għall-programmi ġeografiċi:

    għall-Viċinat tal-UE mill-anqas EUR 22 000 miljun;

    għall-Afrika Sub-Saħarjana mill-anqas EUR 32 000 miljun;

    għall-Asja u l-Paċifiku EUR 10 000 miljun;

    għall-Kontinent Amerikan u l-Karibew EUR 4 000 miljun;

    (b)

    EUR 7 000 miljun għall-programmi tematiċi:

    għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija EUR 1 500 miljun;

    għall-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili EUR 1 500 miljun;

    għall-Istabbiltà u l-Paċi EUR 1 000 miljun;

    għall-Isfidi Dinjija EUR 3 000 miljun;

    (c)

    EUR 4 000 miljun għal azzjonijiet ta’ rispons rapidu.

    2.1.8.

    Ir-riżerva ta’ EUR 10 200 miljun għall-isfidi u l-prijoritajiet emerġenti se żżid l-ammonti msemmija fl-Artikolu 6(2) skont l-Artikolu 15.

    2.1.9.

    Il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, b’mod partikolari l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati, il-pajjiżi b’introjtu baxx, il-pajjiżi f’sitwazzjoni ta’ kriżi, ta’ wara kriżi u f’sitwazzjonijiet fraġli u vulnerabbli, inkluż Stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, għandhom jingħataw prijorità fil-proċess tal-allokazzjoni tar-riżorsi.

    2.1.10.

    Il-Patt ta’ Stabbiltà u Paċi u għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, kif ukoll l-azzjonijiet ta’ reazzjoni rapida, huma miftuħa għall-pajjiżi kollha minħabba l-interess tal-Unjoni li jkollha l-akbar offerta possibbli fid-dawl tal-ambitu mondjali tal-azzjonijiet, iċ-ċirkostanzi diffiċli li fihom tingħata l-għajnuna u l-ħtieġa ta’ azzjoni rapida. Organizzazzjonijiet internazzjonali huma eliġibbli wkoll.

    2.1.11.

    Il-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp (“il-Kunsens”), iffirmat fis-7 ta’ Ġunju 2017, jipprovdi l-qafas għal approċċ komuni dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw l-Aġenda 2030 u l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa. Il-qerda tal-faqar, l-indirizzar tad-diskriminazzjonijiet u l-inugwaljanzi, li ħadd ma jitħalla lura huma u t-tisħiħ tar-reżiljenza jinsabu fil-qalba tal-politika tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

    2.1.12.

    B’mod partikolari, kif miftiehem fil-Kunsens, l-azzjonijiet permezz ta’ dan ir-Regolament huma mistennija li jikkontribwixxu 20 % tal-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp iffinanzjata skont dan ir-Regolament għall-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bniedem, inklużi l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa.

    2.1.13.

    Sabiex ikun żgurat li r-riżorsi jmorru fejn hemm l-akbar ħtieġa, speċjalment għand il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati u l-pajjiżi f’sitwazzjoni ta’ fraġilità u kunflitt, dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-mira kollettiva li sa 0,20 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni jmur lejn il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati fil-perjodu tal-Aġenda 2030.

    2.1.14.

    Dan ir-Regolament jenħtieġ li jirrifletti l-ħtieġa ta’ konċentrazzjoni fuq prijoritajiet strateġiċi, kemm ġeografikament — il-Viċinat Ewropew u l-Afrika, kif ukoll pajjiżi li huma fraġli u li huma l-aktar fil-bżonn, iżda wkoll tematikament — is-sigurtà, il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem.

    2.1.15.

    Il-Politika Ewropea tal-Viċinat, kif riveduta fl-2015, hija mmirata lejn l-istabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien u t-tisħiħ tar-reżiljenza, b’mod partikolari billi jiġu bbilanċjati t-tliet dimensjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli: ekonomika, soċjali u ambjentali. Sabiex tilħaq l-objettiv tagħha, il-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta kienet qed tiffoka fuq erba’ oqsma ta’ prijorità: il-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, b’fokus partikolari fuq aktar involviment mas-soċjetà ċivili; l-iżvilupp ekonomiku; is-sigurtà; il-migrazzjoni u l-mobilità, inkluż l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostament sfurzat.

    2.1.16.

    Filwaqt li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa jenħtieġ li jiġu riflessi matul l-implimentazzjoni kollha ta’ dan ir-Regolament, l-assistenza tal-Unjoni permezz tal-programmi tematiċi għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jenħtieġ li jkollha rwol speċifiku komplementari u addizzjonali minħabba n-natura dinjija tagħha, u l-indipendenza tal-azzjoni tagħha mill-kunsens tal-gvernijiet u tal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiżi terzi kkonċernati.

    2.1.17.

    L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jenħtieġ li jinkludu firxa wiesgħa ta’ atturi bi rwoli u mandati differenti li jinkludi l-istrutturi kollha mhux Statali, mhux għall-profitt, mhux partiġġjani u mhux vjolenti, li bihom persuni jorganizzaw ruħhom sabiex isegwu għanijiet u ideali komuni, sew politiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi. Huma joperaw mil-livell lokali sal-livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, u jinkludu organizzazzjonijiet urbani u rurali, formali u informali.

    2.1.18.

    Dan ir-Regolament għandu jippermetti lill-Unjoni tirrispondi għall-isfidi, il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet relatati mal-migrazzjoni, f’komplementarjetà mal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-impenn tagħha għall-Aġenda 2030. Dan l-impenn (SDG 10.7) jirrikonoxxi l-kontribut pożittiv tal-migranti għal tkabbir inklużiv u żvilupp sostenibbli; jirrikonoxxi li l-migrazzjoni internazzjonali hija realtà multidimensjonali ta’ rilevanza kbira għall-iżvilupp ta’ pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni, li tirrikjedi tweġibiet koerenti u komprensivi; u jimpenja ruħu li jikkoopera fuq livell internazzjonali biex jiżgura migrazzjoni sikura, ordnata u regolari li tinvolvi rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u t-trattament uman tal-migranti irrispettivament mill-istatus tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u ta’ persuni spostati. Din il-kooperazzjoni għandha ssaħħaħ ukoll ir-reżiljenza tal-komunitajiet li jospitaw lir-refuġjati.

    2.2.   Kummenti speċifiċi

    2.2.1.

    L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) jipprovdu bażi tajba biex tiżdied il-konsistenza bejn il-politiki interni u esterni u l-Kumitat jikkunsidra li l-enfasi fuq SDGs 16.3, 16.6 u 16.7, il-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istituzzjonijiet trasparenti u t-teħid ta’ deċiżjonijiet parteċipattiv u rappreżentattiv huma importanti biex jgħaqqdu l-isforzi u jagħtuhom direzzjoni strateġika.

    2.2.2.

    L-istrument il-ġdid għandu l-vantaġġ li jippromovi l-konsistenza ta’ miżuri u azzjonijiet esterni. Din il-konsistenza għandha tiġi promossa kemm fil-livell tal-governanza Ewropea tal-istrument kif ukoll fil-livell tal-pajjiżi tal-viċinat u tal-pajjiżi terzi. L-amministrazzjonijiet ċentrali u lokali ta’ dawn il-pajjiżi mhumiex mgħammra bl-istess mod biex jikkoordinaw u jimplimentaw il-programmi. Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti għall-koordinazzjoni tad-diversi attivitajiet fil-livell ta’ kull gvern bl-għajnuna tal-UE u bl-appoġġ u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet ikkonċernati soċjali.

    2.2.3.

    Il-firxa ta’ sfidi u ħtiġijiet fil-pajjiżi msieħba tfisser li hemm bżonn ta’ proċessi tal-ippjanar aktar b’saħħithom għal kull pajjiż. Dan huwa rikonoxxut fil-Mezzi ta’ Implimentazzjoni tal-Aġenda tal-2030 u l-SDG 17 li jiddikjaraw li “L-iskala u l-ambizzjoni tal-Aġenda l-ġdida jirrikjedu Sħubija Globali rivitalizzata sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħha. Din is-Sħubija se taħdem fi spirtu ta’ solidarjetà globali. Se tiffaċilita involviment globali intensiv favur l-implimentazzjoni tal-għanijiet u l-miri kollha, li jgħaqqad gvernijiet, is-settur privat, is-soċjetà ċivili u atturi oħra u jimmobilizza r-riżorsi kollha disponibbli”.

    2.2.4.

    Il-Kumitat jemmen li għandu jiġi stabbilit proċess bħal dan u l-proċess għandu jiġġenera pjan integrat għal kull pajjiż, li jkun suġġett għal kunsens politiku u prijorità għal-livell amministrattiv. Dan il-pjan, fil-prattika, se jiżgura sinerġiji u komplementaritajiet, u jgħin biex jiġu identifikati l-miżuri u l-impatt tal-appoġġ Ewropew fil-pajjiżi msieħba.

    2.2.5.

    Il-Kumitat iqis li l-isforzi biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi u finanzjarji għandhom ikunu prijorità, sabiex jagħmluha aktar faċli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għall-awtoritajiet lokali biex ikollhom aċċess għall-appoġġ finanzjarju tal-UE.

    2.2.6.

    Il-Kumitat jappoġġja l-pożizzjoni li l-ammont allokat għall-azzjoni esterna m’għandux ikun anqas mis-somma tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u tal-istrumenti l-oħra ta’ finanzjament estern flimkien. Jaqbel ukoll mat-trasferiment tal-flessibbiltajiet tal-FEŻ għall-baġit tal-UE.

    2.2.7.

    Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-SDG 16, speċifikament l-istruttura ta’ governanza tal-istrument il-ġdid u tal-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdanha. Bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea, b’għarfien espert u b’rabtiet f’ħafna pajjiżi tal-viċinat u pajjiżi terzi, il-Kumitat joffri li jkollu rwol f’dan l-istrument, fil-fażijiet kollha tal-miżuri u l-proġetti tiegħu.

    2.2.8.

    Il-Kumitat jittama li s-sostituzzjoni tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem eżistenti, li jappoġġja l-SDG 16, speċifikament b’interventi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tad-demokrazija f’pajjiżi terzi, bl-ebda mod ma taffettwa l-kopertura u l-istruttura ta’ dawk il-miżuri, iżda pjuttost issaħħaħhom.

    2.2.9.

    Il-Kumitat japprezza li hemm ħtieġa urġenti għal azzjoni fil-livell nazzjonali u internazzjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jappoġġja l-għan tal-UE li jiddedika mill-inqas 25 % tal-baġit tagħha għal dan l-iskop.

    2.2.10.

    Il-Kumitat irid itenni d-dikjarazzjoni tal-Aġenda 2030 dwar l-interkonnessjonijiet u n-natura integrata tal-SDGs li huma ta’ importanza kruċjali biex jiżguraw li l-għan ta’ din l-Aġenda jitwettaq. Nirrakkomandaw l-istabbiliment ta’ programmi trażversali, li jkopru bosta oqsma ta’ azzjoni rilevanti u jkunu jistgħu jagħtu riżultati tanġibbli fil-pajjiżi terzi individwali. Pereżempju, it-tibdil fil-klima qed jaffettwa ħażin l-attivitajiet agrikoli fl-Afrika sub-Saħarjana. Il-fatt li mhux possibbli li tinħadem l-art qed iwassal għat-tifrik tal-komunitajiet u jikkostitwixxi kawża ewlenija ta’ migrazzjoni lejn l-Ewropa. Fil-prattika, dawn il-persuni jistgħu jitqiesu bħala “refuġjati minħabba l-klima”, u dan jirrikjedi rispons kumpless, li fil-qalba tiegħu għandu jkun hemm it-twaqqif tad-deżertifikazzjoni, kif ukoll it-tnedija ta’ programmi ta’ appoġġ kemm għal dawk li qeghdin fir-riskju kif ukoll għal dawk li ddeċidew li jemigraw.

    2.2.11.

    Il-pajjiżi terzi li huma wkoll pajjiżi ta’ oriġini għall-migranti u r-refuġjati għandhom jingħataw assistenza sabiex l-infrastruttura ekonomika u l-kapaċitajiet tagħhom jitjiebu, u għandhom jingħataw għajnuna meta jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi akbar – ekonomiċi, politiċi, soċjali u ambjentali. L-istrument għandu jindirizza l-kawżi primarji tal-migrazzjoni, speċjalment fir-rigward tar-refuġjati, u juża b’mod strateġiku r-riżorsi eżistenti sabiex jippromovi l-paċi, l-istabbiltà, id-demokrazija u l-prosperità fil-pajjiżi msieħba.

    2.2.12.

    Il-Kumitat jinnota li 10 % mill-pakkett finanzjarju tal-UE huma mistennija jkunu ddedikati biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u tal-ispostament sfurzat u biex jiġu appoġġjati l-ġestjoni u l-governanza tal-migrazzjoni inkluża l-protezzjoni tad-drittijiet tar-refuġjati u tal-migranti fl-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-Kumitat jieħu din l-opportunità biex ifakkar lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jaderixxu mal-obbligi internazzjonali tagħhom fir-rigward tal-migranti.

    2.2.13.

    Bħal fil-proċess tal-ippjanar imsemmi hawn fuq, fir-rigward tal-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-rapportar dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament, il-Kumitat jirrakkomanda l-inklużjoni ta’ perspettiva skont il-pajjiż. Ir-raggruppament tal-azzjonijiet u l-indikaturi skont il-pajjiż jista’ jgħin biex jiġu identifikati sinerġiji u komplementaritajiet, jew in-nuqqas tagħhom, u l-konsistenza tagħhom mal-għanijiet fundamentali tal-politika tal-UE.

    2.2.14.

    Bħala prinċipju ġenerali, il-Kumitat jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li fil-każijiet kollha l-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-pajjiżi msieħba, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, jiġu kkonsultati kif dovut u jkollhom aċċess f’waqtu għall-informazzjoni rilevanti li jippermettilhom li jkollhom rwol siewi matul it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-proċessi assoċjati ta’ monitoraġġ tal-programmi.

    2.2.15.

    Il-Kumitat jilqa’ l-pass li l-prinċipju tal-irfigħ tar-responsabbiltajiet jiġi applikat fir-rigward tal-pajjiżi msieħba, u jqis li l-użu tas-sistemi tal-pajjiżi msieħba biex jimplimentaw il-programmi huwa wkoll it-tattika t-tajba. Madankollu, għandu jiġi nnotat li dan jista’ jiġri biss jekk il-kundizzjonijiet it-tajba jkunu stabbiliti u jekk ikun hemm garanziji kredibbli dwar l-effiċjenza, l-integrità u l-imparzjalità ta’ dawk is-sistemi.

    2.2.16.

    Fir-rigward tal-ipprogrammar ġeografiku u l-istabbiliment ta’ qafas speċifiku u mfassal apposta għall-kooperazzjoni, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea mhux biss għandha tqis l-indikaturi nazzjonali, iżda tiffoka wkoll fuq komunitajiet definiti territorjalment f’riskju li jiġu injorati. Il-komunitajiet rurali u l-komunitajiet li huma ’l bogħod mill-bliet kapitali u miċ-ċentri urbani spiss huma kritikament prekarji u vulnerabbli. L-ewwel għandhom isiru viżibbli, u għandhom jitqiesu fil-proċess tal-ippjanar.

    2.2.17.

    L-ipprogrammar ġeografiku għandu jqis ukoll is-sitwazzjoni ta’ gruppi u komunitajiet soċjali mhux territorjali li jistgħu jiffaċċjaw problemi serji, bħaż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni b’diżabilità u kategoriji oħra.

    2.3.   Sfond tal-proposta — L-Istrument Ewropew għas-Sikurezza Nukleari

    2.3.1.

    L-għan tal-Istrument Ewropew għas-Sikurezza Nukleari l-ġdid huwa li jippromovi l-istabbiliment ta’ standards tas-sikurezza nukleari effettivi u effiċjenti f’pajjiżi terzi skont l-Artikolu 206 tat-Trattat Euratom, li jibni fuq l-esperjenza tal-attivitajiet tas-sikurezza nukleari fil-Komunità tal-Euratom.

    2.3.2.

    L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikkomplementa dawk l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni nukleari li huma ffinanzjati taħt [ir-Regolament NDICI], b’mod partikolari sabiex jappoġġja l-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ sikurezza nukleari, il-protezzjoni radjoloġika, u l-applikazzjoni ta’ salvagwardji effettivi u effiċjenti ta’ materjali nukleari f’pajjiżi terzi, li jibni fuq l-attivitajiet fil-Komunità u f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament għandu jimmira b’mod partikolari lejn:

    (a)

    il-promozzjoni ta’ kultura effettiva tas-sikurezza nukleari u l-implimentazzjoni tal-ogħla standards ta’ sikurezza nukleari u protezzjoni radjoloġika, u titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari;

    (b)

    il-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv u d-dekummissjonar u r-rimedjar ta’ eks siti u stallazzjonijiet nukleari;

    (c)

    l-istabbiliment ta’ sistemi effiċjenti u effettivi ta’ salvagwardja.

    2.3.3.

    L-azzjonijiet iffinanzjati taħt din il-proposta għandhom ikunu konsistenti u jikkumplimentaw lil dawk li twettqu skont l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, ikopru attivitajiet nukleari, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, id-Deċiżjoni dwar il-Pajjiżi u Territorji Barranin, il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u l-Faċilità Ewropea għall-Paċi li għadha kif ġiet proposta, li hija ffinanzjata lil hinn mill-baġit tal-UE.

    2.3.4.

    L-industrija nukleari tal-UE topera f’suq globali b’valur ta’ EUR 3 triljun sal-2050 u timpjega direttament nofs miljun ruħ. F’madwar 14-il Stat Membru, qed jitħaddmu 129 reattur tal-enerġija nukleari, u reatturi mibnija ġodda huma ppjanati f’10 minn dawk l-istati. L-UE għandha l-istandards legalment vinkolanti l-aktar avvanzati għas-sikurezza nukleari madwar id-dinja, u l-kumpaniji Ewropej huma involuti b’mod qawwi fil-produzzjoni globali tal-fjuwil nukleari. (Stqarrija għall-Istampa tal-KESE “EESC urges the EU to adopt a more comprehensive nuclear strategy (PINC)” (“Il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex tadotta strateġija nukleari aktar komprensiva (PINC)”), Nru 58/2016, 22/09/2016).

    2.4.   Kummenti speċifiċi

    2.4.1.

    Il-Kumitat jilqa’ l-proposta fil-forma ta’ Regolament, li jiżgura l-applikazzjoni uniformi tiegħu, in-natura vinkolanti fl-intier tiegħu u l-applikabbiltà diretta. L-Unjoni u l-Komunità jistgħu jikkomplementaw u jkunu responsabbli biex jikkomplementaw l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-indirizzar ta’ sitwazzjonijiet potenzjalment perikolużi jew fil-każ ta’ interventi partikolarment għalja. Kif tindika l-Proposta, f’xi oqsma fejn l-Istati Membri mhumiex attivi, l-Unjoni u l-Komunità jibqgħu l-atturi ewlenin, u xi kultant l-uniċi atturi, li jintervjenu.

    2.4.2.

    Wara l-katastrofi nukleari ta’ Fukushima, deher perfettament ċar li l-problemi u r-riskji tal-użu tal-enerġija nukleari huma globali. L-UE għandha profil uniku, li jagħmilha waħda mill-atturi prinċipali responsabbli u ta’ riżorsi fl-isforz globali kemm għas-sikurezza nukleari kif ukoll għal teknoloġiji ta’ enerġija nadifa.

    2.4.3.

    Sfortunatament, il-proposta ma tidħolx f’livell strateġiku u politiku fid-domanda leġittima għall-ippjanar fit-tul għall-enerġija nukleari li ġejja miċ-ċittadini, mis-soċjetà ċivili, u mis-settur tan-negozju. Mhuwiex ċar kif l-UE se tuża r-riżorsi tagħha biex tindirizza l-isfidi ewlenin tal-enerġija nukleari, b’rabta mat-tħassib dejjem jikber u l-ħtiġijiet għal enerġija nadifa u affordabbli, fl-UE u fid-dinja.

    2.4.4.

    Ir-rwol tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika huwa essenzjali u l-aġenzija għandha tiehu responsabbiltà sabiex tiżgura t-trasparenza u twissija bikrija fir-rigward tal-iżvilupp ta’ impjanti tal-enerġija nukleari ġodda mad-dinja kollha. L-UE għandha tikkoopera bis-sħiħ mal-istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet globali sabiex jippromovu s-sikurezza nukleari.

    2.4.5.

    L-UE għandha tippromovi b’mod attiv l-oghla standards ta’ sikurezza nukleari u tiżgura li l-proċeduri Ewropej l-aktar avvanzati, l-aħjar prattiki u t-teknoloġija jiġu promossi mad-dinja kollha, bil-ħsieb li tiżgura li installazzjonijiet u reatturi li għadhom kif ġew ippjanati huma sikuri.

    2.4.6.

    Huwa neċessarju li jiġġeddu l-isforzi biex jiġi żgurat li siti eżistenti u ppjanati fil-viċinat Ewropew joperaw bi standards għoljin ta’ trasparenza u sikurezza. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġjaw dan l-għan u jagħmlu s-sikurezza nukleari għan ewlieni fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali mal-pajjiżi msieħba.

    2.4.7.

    Il-KESE jsostni l-fehma tiegħu li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tirrifletti dwar il-kwistjonijiet jaħarqu tal-kompetittività tal-enerġija nukleari, il-kontribut tagħha għas-sigurtà tal-provvista u għat-tibdil fil-klima u għall-miri tal-karbonju, is-sikurezza tagħha flimkien mal-kwistjonijiet ta’ trasparenza u tħejjija għall-emerġenzi, fil-proposta tagħha għal programm illustrattiv (PINC) dwar miri ta’ produzzjoni nukleari u investiment (2).

    2.4.8.

    Il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżgura l-koerenza u l-komplementarjetà mal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, inkluż billi timplimenta attivitajiet fil-qasam nukleari li huma anċillari għall-għanijiet usa’ tagħha, prinċipalment l-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari f’konformità mal-politika ta’ żvilupp u kooperazzjoni internazzjonali għas-saħħa, l-agrikoltura, l-industrija u l-proġetti soċjali li jindirizzaw il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe inċident nukleari. Madankollu, mhuwiex ċar kif il-baġit disponibbli u s-sitwazzjonijiet istituzzjonali fis-seħħ jistgħu jwasslu għal din l-intenzjoni fil-prattika.

    2.4.9.

    Meta jitqiesu l-isfidi globali ewlenin relatati mal-enerġija nukleari, u l-preżenza ta’ numru għoli ta’ siti ta’ enerġija nukleari fil-viċinat tiegħu, il-Kumitat iqis il-pakkett finanzjarju previst għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-perjodu 2021–2027 ta’ EUR 300 miljun fil-prezzijiet attwali bħala insuffiċjenti ħafna.

    Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-Istrument għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), relatur: is-Sur Iuliano (ĠU C 182, 4.8.2009, p. 13); Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-istrument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) tal-Unjoni Ewropea: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali, relatur: is-Sur Iuliano (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 123).

    (2)  Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Opinjoni dwar Il-Programm Nukleari Illustrattiv, relatur: Brian Curtis, adottata fit-22 ta’ Settembru 2016 (ĠU C 487, 28.12.2016, p. 104).


    Top