This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018AE3845
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions: A Europe that protects: clean air for all’ (COM(2018) 330 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd” (COM(2018) 330 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd” (COM(2018) 330 final)
EESC 2018/03845
ĠU C 110, 22.3.2019, p. 112–117
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 110/112 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd”
(COM(2018) 330 final)
(2019/C 110/21)
Relatur: |
Octavian Cătălin ALBU |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 18.6.2018 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
|
Data tal-Assemblea Plenarja |
19.6.2018 |
|
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
Adottata fis-sezzjoni |
27.11.2018 |
Adottata fil-plenarja |
12.12.2018 |
Sessjoni tal-plenarja Nru |
539 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
129/0/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Fl-aħħar 30 snin, il-kwalità tal-arja fl-Unjoni Ewropea (UE) żdiedet bħala riżultat ta’ politiki rilevanti promulgati madwar l-Unjoni. Madankollu, għad hemm ħafna xi jsir, minħabba li l-valuri awtorizzati għall-kategoriji prinċipali tas-sustanzi niġġiesa fl-arja rreġistrati qegħdin jinqabżu f’bosta okkażjonijiet. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkooperaw mill-qrib, peress li din il-kwistjoni hija ta’ importanza kritika għas-saħħa tal-Ewropej. Il-KESE jħoss li huwa importanti li jkun hemm twissija dwar il-kwalità tal-arja u l-kundizzjonijiet ambjentali. |
1.2. |
Il-KESE jikkunsidra li huwa essenzjali li jitnaqqas it-tniġġis fis-setturi istituzzjonali, domestiku u tat-trasport. L-istituzzjonijiet u l-Istati Membri għandhom jagħtu eżempju tajjeb hawnhekk, u għandhom jinħolqu aktar programmi ta’ appoġġ biex jgħinu lill-individwi jaqilbu għal forom ta’ tisħin li huma nodfa, moderni u aktar effiċjenti fl-enerġija. |
1.3. |
Peress li t-trasport huwa wieħed mis-sorsi ewlenin tat-tniġġis tal-arja, il-KESE jilqa’ l-pakkett ta’ mobbiltà nadifa li jinkludi diversi inizjattivi li, barra li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, se jnaqqsu wkoll it-tniġġis lokali u reġjonali. |
1.4. |
Il-miżuri leġislattivi addizzjonali proposti mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġu rimedjati ċerti problemi, bħal Dieselgate, jew l-azzjoni li ttieħdet kontra l-Istati Membri li naqsu milli jikkonformaw mar-regoli attwali dwar it-tniġġis tal-arja huma pass fid-direzzjoni t-tajba u l-KESE jappoġġja dan l-approċċ. |
1.5. |
Il-KESE jemmen bis-sħiħ li r-regolamenti ambjentali u tat-trasport il-ġodda għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri ta’ appoġġ ekonomiku biex jiġu promossi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji nodfa ġodda, bħall-batteriji, il-karozzi elettriċi u sistemi alternattivi ta’ tisħin u ta’ ventilazzjoni. |
1.6. |
Il-KESE jinsab imħasseb li għalkemm sar progress fir-rigward tat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja fis-settur agrikolu, dan mhuwiex biżżejjed. Il-KESE jirrakkomanda li fil-futur, il-politika agrikola komuni, flimkien ma’ strumenti oħra finanzjarji u ta’ investiment, għandhom jiffokaw aktar fuq inizjattivi biex jitnaqqas l-impatt ambjentali u jkunu aktar konsistenti u koerenti fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lill-bdiewa bil-ħsieb li jiġu implimentati programmi li jkollhom l-għan li jilħqu dan l-għan. Idea tajba hawnhekk tkun il-kooperattivi, fejn il-bdiewa jistgħu jiġġeneraw l-elettriku mill-bijogass prodott minn skart tal-biedja. |
1.7. |
Il-kooperazzjoni internazzjonali hija kruċjali għall-ġlieda kontra t-tniġġis u t-tibdil fil-klima, u l-KESE jilqa’ l-kunsens wiesa’ fost l-Istati Membri biex jilħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. L-iskambju ta’ prattiki tajbin f’dan il-qasam u n-Netwerk Diplomatiku Ekoloġiku huma importanti ħafna. Barra minn hekk, huma meħtieġa miżuri speċifiċi biex jitnaqqsu s-sustanzi niġġiesa fl-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim. |
1.8. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkooperaw mill-qrib, peress li din il-kwistjoni hija ta’ importanza kritika għas-saħħa tal-Ewropej. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jaħdmu kemm jista’ jkun mill-qrib mas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet ċiviċi lokali u reġjonali biex jiżviluppaw u jimplimentaw programmi ta’ protezzjoni ambjentali kif ukoll kampanji biex jedukaw, jinfurmaw u jrawwmu l-għarfien fost il-pubbliku ġenerali dwar il-kwalità tal-arja. |
2. Introduzzjoni
2.1. |
Fl-aħħar għoxrin sa tletin sena, il-kwalità tal-arja fl-UE tjiebet b’mod sinifikanti permezz ta’ politiki speċifiċi implimentati mill-UE u l-Istati Membri f’dan il-qasam. Dawn il-politiki għandhom l-għan li jiksbu livell tal-kwalità tal-arja li ma jkunx ta’ ħsara jew jhedded b’mod sinifikanti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. B’riżultat ta’ dan, għalkemm il-PDG tal-UE żdied, il-kwantità tas-sustanzi niġġiesa fl-atmosfera naqas bi 8 % għall-ammonijaka u bi 72 % għall-ossidi tal-kubrit (1). |
2.2. |
Il-kwalità tal-arja hija fattur determinanti fis-saħħa pubblika. L-akbar sorsi tat-tniġġis tal-arja huma l-materja partikolata (PM10 u PM2,5) u l-ożonu troposferiku, li huma direttament affettwati mill-ossidi tan-nitroġenu (NOx) rrilaxxat fl-atmosfera. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, espożizzjoni għat-tniġġis tal-arja fil-forma ta’ partiċelli fini hija responsabbli għal 8 % tal-imwiet kollha kkawżati mill-kanċer tal-pulmun u 3 % tal-imwiet kollha minħabba mard kardjovaskulari (2). Dawn il-kawżi huma responsabbli għal aktar minn 400 000 mewta qabel il-waqt fl-UE kull sena (3). |
2.3. |
Fid-dawl ta’ dan, hemm tħassib dejjem jikber fost iċ-ċittadini tal-UE dwar il-livelli ta’ tniġġis tal-arja (4). B’riżultat ta’ dan, permezz ta’ leġislazzjoni, l-UE u l-Istati Membri stabbilixxew l-għan li jinkiseb livell tal-kwalità tal-arja li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa tan-nies jew lill-ambjent, u qegħdin gradwalment inaqqsu l-emissjonijiet ta’ ħsara permezz ta’ konformità sħiħa mal-leġislazzjoni attwali tal-UE dwar il-kwalità tal-arja. |
2.4. |
Il-politiki tal-UE f’dan il-qasam huma bbażat fuq tliet pilastri:
|
2.5. |
Skont ir-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tal-2017 dwar il-kwalità tal-arja fl-Ewropa, is-sorsi ewlenin tat-tniġġis tal-arja fl-Ewropa huma t-trasport (bit-triq u mod ieħor), il-kombustjoni għall-użu kummerċjali/istituzzjonali/domestiku, il-ġenerazzjoni tal-enerġija, il-proċessi industrijali, is-settur agrikolu u l-iskart (5). |
2.5.1. |
Fir-rigward tal-kontribut tiegħu għall-emissjonijiet totali tas-sustanzi niġġiesa, it-trasport bit-triq huwa responsabbli għal 39 % tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx), 29 % tal-karbonju iswed, 20 % tal-monossidu tal-karbonju (CO) u 11 % tal-materja partikolata PM10 u PM2,5. Skont il-pakkett ta’ mobilità nadifa, il-Kummissjoni qiegħda għalhekk timmira li tistabbilixxi standards ġodda għall-emissjonijiet tas-CO2 għall-2025 u l-2030. Teknoloġiji ġodda – bħall-batteriji, karburanti alternattivi u l-infrastruttura għalihom – huma promossi billi jiġu riveduti r-regolamenti (6) u permezz ta’ pjani ta’ azzjoni (7). Il-qafas ġdid tal-pakkett ta’ proposti għal mobbiltà nadifa jirrakkomanda wkoll li jiġi inkluż l-użu ta’ ferroviji u trakkijiet sabiex tiżdied l-effiċjenza (8), inkluża l-effiċjenza fl-enerġija, u jiġi promoss l-iżvilupp ta’ rotot ta’ kowċis għal distanza twila sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-konġestjoni tat-traffiku (9). |
2.5.2. |
Il-kombustjoni għall-użu kummerċjali/istituzzjonali/domestiku kienet responsabbli għall-biċċa l-kbira tat-tniġġis (42 % u 57 %) mill-materja partikolata (PM2,5 u PM10), il-monossidu tal-karbonju (CO) u l-partiċelli tal-karbonju iswed, sustanza niġġiesa prinċipali li ġejja mill-kombustjoni mhix kompluta tal-karburanti fossili u l-bijomassa. Il-valuri tat-tniġġis għal dan is-settur kienu ftit jew wisq kostanti bejn l-2000 u l-2015. |
2.5.3. |
Saru sforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa (59 % għall-SO2 u 19 % għall-NOx tat-totali) mis-setturi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u tat-tisħin billi ġew żviluppati u estiżi sorsi alternattivi ta’ enerġija u sistemi tal-enerġija tal-koġenerazzjoni, ġew immodernizzati u żdiedu l-livelli ta’ prestazzjoni tal-impjanti ta’ ġenerazzjoni, ġiet ottimizzata l-prestazzjoni tal-enerġija tal-proċessi ta’ ġenerazzjoni, il-bini sar iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u gradwalment tneħħiet il-kombustjoni tal-karburanti fossili u nbidlu bil-gass tal-metan. |
2.5.4. |
Ittieħdu miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn impjanti industrijali (50 % għal komposti organiċi volatili minbarra l-metanu (NMVOC) u 17 % għall-partiċelli PM10), li huma konsistenti u jikkonformaw mar-regoli fis-seħħ fil-livell Ewropew. Sabiex it-tniġġis jiġi pprevenut u mmonitorjat, kull installazzjoni industrijali jrid ikollha permess li jistabbilixxi l-valuri ta’ limitu għas-sustanzi niġġiesa u l-miżuri meħtieġa għall-ħarsien ambjentali. |
2.5.5. |
Peress li s-settur agrikolu jipproduċi 95 % tal-emissjonijiet tal-ammonijaka (NH3) u 52 % tal-emissjonijiet tal-metan (CH4), it-tnaqqis ta’ dawn hija ta’ importanza kbira. Miżuri biex jitnaqqsu emissjonijiet bħal dawn jinkludu miżuri agronomiċi (l-użu bbilanċjat ta’ nitroġenu fl-irziezet, il-promozzjoni ta’ għelejjel ta’ kopertura u ta’ ħxejjex fuq art li tinħarat bil-għan li l-ħamrija tkun iktar fertili), miżuri relatati mal-bhejjem (il-ħażna tad-demel fi spazji magħluqa u l-użu tiegħu fil-faċilitajiet tal-bijogass), miżuri relatati mal-enerġija (l-użu tal-bijomassa għat-tisħin, l-iżvilupp ta’ installazzjonijiet fotovoltajċi u t-tnaqqis tal-konsum tal-karburanti tradizzjonali u l-elettriku) u miżuri agroambjentali (it-tisħiħ tal-ħiliet professjonali tal-bdiewa u jitħeġġu jadottaw prattiki li jiġġeneraw livell aktar baxx ta’ emissjonijiet). |
2.6. |
Il-KESE jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar l-istat tal-ambjent. Il-KESE diġà wissa dwar dan (10) u enfasizza li “l-ewwel nett jeħtieġ li jsiru aktar sforzi sabiex tiġi evitata l-ħsara ambjentali u li strateġija ta’ prevenzjoni dejjem għandha tkun ippreferuta minn soluzzjoni” (11). |
3. Kummenti ġenerali
3.1. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri meħuda mill-UE biex jintlaħaq l-objettiv ta’ livell ta’ kwalità tal-arja li ma jkunx ta’ ħsara għall-persuni jew għall-ambjent, iżda jqis li dawn l-isforzi jeħtieġ li jiżdiedu b’mod drammatiku kemm fil-livell tal-UE u kemm f’livelli nazzjonali peress li r-riżultati li nkisbu s’issa mhumiex sodisfaċenti għal kollox. Għalkemm sar progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa, il-kwalità tal-arja għadha taffettwa s-saħħa pubblika (12). |
3.2. |
Il-KESE huwa mħasseb li bħalissa, madwar partijiet kbar tal-UE, il-konċentrazzjoni fl-arja ta’ materja partikolata taqbeż il-valuri ta’ limitu. Il-valuri ta’ limitu ta’ kuljum inqabżu f’19 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ għall-PM10, u f’6 % ta’ dawn l-istazzjonijiet għall-partiċelli PM2,5. Sfortunatament fl-2015, 19 % tal-popolazzjoni urbana tal-UE kienet esposta għal livelli li jaqbżu l-valuri ta’ limitu għall-PM10 (żieda fuq is-sena preċedenti) u 7 % għall-PM2,5 (tnaqqis mis-sena preċedenti). |
3.3. |
Il-KESE jixtieq jindika li fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, miljuni ta’ residenzi privati jaħarqu l-injam u l-faħam għat-tisħin. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, din il-prattika tikkontribwixxi attwalment u ser tikkontribwixxi fil-futur għat-tniġġis bil-PM2,5, li għadu fil-livelli tal-2010-2015 (13). Hemm bżonn ta’ aktar miżuri ta’ appoġġ biex il-pubbliku inġenerali jitħeġġeġ jaqleb għal forom iktar nodfa ta’ tisħin. |
3.4. |
Il-KESE huwa mħasseb ukoll li l-valuri ta’ konċentrazzjoni annwali tad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) inqabżu b’mod sinifikanti fi 22 Stat Membru u f’10 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ, bil-livelli jkunu aktar mid-doppju tal-valuri awtorizzati reġistrati f’distretti ta’ għadd ta’ bliet. |
3.5. |
Il-KESE jixtieq jirrimarka li l-kwalità tal-arja hija kruċjali kemm għan-nies kif ukoll għan-negozji (14). Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell Ewropej u nazzjonali għalhekk jeħtieġ li jieħdu l-passi prattiċi sabiex jinħoloq u jiġi infurzat qafas leġislattiv f’dan il-qasam. |
3.6. |
Il-KESE jirrikonoxxi li sabiex jitnaqqas il-livell tas-sustanzi niġġiesa li ġej mis-setturi kummerċjali, istituzzjonali u dak domestiku, l-Istati Membri, appoġġjati mill-Kummissjoni, għandhom jappoġġjaw u jwettqu b’mod deċisiv titjib fir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, itejbu l-prestazzjoni tal-impjanti tal-elettriku u tat-tisħin, jestendu u jimmodernizzaw in-netwerks tat-tisħin ċentralizzat urban u jappoġġjaw sistemi alternattivi għall-arja kkundizzjonata. Eżempju wieħed hawnhekk huwa l-uffiċċju prinċipali tal-Bank Ċentrali Ewropew, li juża sistema innovattiva u li tirrispetta l-ambjent għat-tisħin u l-ventilazzjoni. |
3.7. |
Il-KESE jirrimarka li t-tniġġis tal-arja interna m’għandux jiġi injorat. Il-kwalità tal-arja interna li nieħdu n-nifs minnha hija kruċjali għal saħħitna, partikolarment għall-persuni vulnerabbli. It-tipjip, it-tisjir, l-umdità, is-sistemi ta’ ventilazzjoni, ix-xemgħat mixgħula, l-użu tad-deterġenti bħala prodotti għat-tindif, il-prodotti tat-tindif f’forma ta’ deterġenti, ix-xama’ jew il-verniċ, diversi materjali tal-bini kollha jistgħu jsiru sorsi importanti tat-tniġġis tal-arja interna. Għalhekk hemm bżonn ta’ politika konsistenti dwar bini tajjeb għas-saħħa. |
3.8. |
Il-KESE jikkunsidra li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jeħtieġu jfassal u jimplimenta kunċett ġdid ta’ żvilupp urban, b’enfasi parzjali fuq l-implimentazzjoni ta’ sistema tat-trasport favur l-ambjent, billi jintużaw inċentivi sabiex jitħeġġu forom elettriċi jew ibridi ta’ trasport, jintużaw applikazzjonijiet tal-IT biex ir-residenti jkunu avżati meta l-valuri awtorizzati għat-tniġġis tal-arja jinqabżu u tiġi appoġġjata l-estensjoni ta’ żoni ekoloġiċi fil-bliet sabiex il-kwalità tal-arja tittejjeb b’mod sinifikanti. |
3.9. |
Il-KESE jqis li l-aċċess taċ-ċittadini għall-informazzjoni u d-data dwar il-kwalità tal-arja huwa fattur importanti fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja (15). Kampanji ta’ informazzjoni u ta’ edukazzjoni jistgħu jissensibilizzaw lill-pubbliku dwar il-periklu tat-tniġġis tal-arja u l-impatt tal-azzjoni meħuda minn individwi. Huwa importanti li wieħed jirrikonoxxi u japprezza kwalunkwe azzjonijiet li jippromovu arja nadifa minn ommijiet ikkonċernati bl-impatt tat-tniġġis fuq is-saħħa tat-tfal tagħhom. Dawn in-nisa iqisu kwalunkwe restrizzjonijiet fuq l-użu tal-ambjent bħala limitazzjoni tad-drittijiet ċivili tagħhom. |
3.10. |
Il-KESE jilqa’ l-ħidma ta’ NGOs u individwi li ħadu azzjoni legali biex jappellaw lill-awtoritajiet nazzjonali biex jintroduċu miżuri addizzjonali biex jitnaqqas it-tniġġis. F’pajjiżi bħar-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit, il-qrati ddeċidew favur il-partijiet rikorrenti (16). |
3.11. |
Il-KESE jemmen li għandhom jitfasslu strateġiji tad-dekarbonizzazzjoni u miri tal-enerġija rinnovabbli sabiex ikun hemm impatt reali fuq l-ambjent, mingħajr ma jitwaqqaf l-iżvilupp ekonomiku tal-Istati Membri. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. |
Il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lir-rispett tal-istandards tas-sustanzi niġġiesa mill-vetturi bil-mutur, b’mod partikulari wara l-iskandlu Dieselgate, u tiċċekkja li jiġu sodisfatti l-obbligi rilevanti imposti mil-leġislazzjoni tal-UE. |
4.2. |
Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni, li talbet lill-Istati Membri biex janalizzaw il-modifiki u t-titjib kollha possibbli bil-għan li l-emissjonijiet iġġenerati minn dawn il-vetturi jinżlu taħt il-limiti regolatorji attwali u, jekk ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet, sabiex tipproponi li l-vetturi affettwati minn dan l-iskandlu jitneħħew fuq bażi mandatorja u/jew volontarja. |
4.3. |
Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi proċeduri ta’ nuqqas ta’ konformità kontra 16-il Stat Membru fir-rigward tat-tniġġis minn partikolati PM10, u kontra 13-il Stat Membru għat-tniġġis mid-diossidu tan-nitroġenu (NO2), u jirrakkomanda li dawn l-Istati Membri jadottaw kemm jista’ jkun malajr miżuri biex jitnaqqsu jew jeliminaw il-perjodi fejn jinqabżu l-valuri ta’ limitu tat-tniġġis. |
4.4. |
Barra minn hekk, il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tressaq tliet Stati Membri (l-Ungerija, l-Italja u r-Rumanija) quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja minħabba n-nuqqas ta’ konformità mal-valuri ta’ limitu għat-tniġġis mill-materja partikolata PM10, u tliet Stati Membri oħra (Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit) minħabba nuqqas ta’ konformità mal-valuri ta’ limitu għat-tniġġis mill-NO2. Dawn is-sitt Stati Membri naqsu milli fi żmien xieraq jipproponu miżuri speċifiċi u effettivi biex iniżżlu t-tniġġis għal-livelli awtorizzati. |
4.5. |
Minħabba l-livelli għoljin ta’ tniġġis ikkawżati minn vetturi bil-mutur, il-KESE jilqa’ l-miżuri proposti mill-Kummissjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, stabbiliti fil-pakkett tal-mobilità, bħalma huma d-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa, standards tas-CO2 ġodda kemm għall-karozzi kif ukoll għall-vetturi tqal, pjan ta’ azzjoni għal infrastruttura għall-fjuwils alternattivi u l-inizjattiva dwar il-batteriji. Dawn il-miżuri żgur se jkollhom l-effett ukoll li jnaqqsu l-emissjonijiet diskussi f’din l-opinjoni. |
4.6. |
Il-KESE jilqa’ r-regoli ġodda proposti mill-Kummissjoni fir-rigward taż-żieda sinifikanti tal-kwalità u l-indipendenza tal-proċeduri involuti fl-approvazzjoni tat-tip u l-ittestjar tal-vetturi qabel ma jitpoġġew fis-suq, u tal-kontrolli aktar effettivi fuq il-vetturi li diġà jinsabu fis-suq. Ir-Regolament li jistabbilixxi dawn ir-regoli, li għandhom jidħlu fis-seħħ f’Settembru 2020, jiddefendi l-projbizzjoni fuq l-apparati ta’ manipulazzjoni, jipprova jnaqqas il-valuri tas-sustanzi niġġiesa tal-vetturi u jistabbilixxi l-qafas għall-bidla lejn vetturi b’emissjonijiet baxxi u bl-ebda emissjonijiet. |
4.7. |
Minħabba l-livelli għoljin tat-tniġġis mill-ammonijaka (NH3) u mill-metan (CH4) fis-settur agrikolu (17), għandhom jittieħdu miżuri attivi biex dawn jitnaqqsu. Il-KESE jqis li fil-ġejjieni, il-politika agrikola komuni għandha tiffoka aktar fuq li tgħin lill-bdiewa individwali u lill-kooperattivi tal-biedja biex inaqqsu l-emissjonijiet, billi jiġi żgurat aċċess eħfef għall-finanzjament minn istituzzjoni bankarja Ewropea sabiex jiġu implimentati programmi li jistgħu jwasslu għal inqas emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-programmi futuri tal-iżvilupp rurali fil-qafas tal-PAK jinkludu miżuri agro-ambjentali li jfittxu li jnaqqsu dawn l-emissjonijiet. |
4.8. |
Il-KESE huwa mħasseb li minkejja l-miżuri implimentati fis-settur agrikolu, bejn l-2000 u l-2015 l-emissjonijiet tal-ammonijaka (NH3) u tal-metan (CH4) naqsu biss b’7 %, minkejja l-isforzi tal-bdiewa. Iż-żieda fin-numru ta’ annimali tar-razzett wasslet għal żieda ta’ 6 % fl-UE kollha fil-komposti organiċi volatili mhux metaniċi (NMVOC), iġġenerati b’mod partikolari mid-demel, għalkemm l-emissjonijiet għal kull kilogramma ta’ laħam naqas. |
4.9. |
It-tniġġis tal-arja huwa kwistjoni transkonfinali u għalhekk il-KESE jqis li huwa imperattiv li l-Istati Membri jaġixxu b’mod koordinat fuq il-bażi ta’ miri u prinċipji maqbula fl-UE, filwaqt li jikkonformaw mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Hemm preċedent f’dan is-sens, u għandna nappoġġjaw kemm jista’ jkun inizjattivi bħal dawn. |
4.10. |
Il-Kumitat jemmen li sabiex ikun hemm armonizzazzjoni mtejba tal-politiki Ewropej u nazzjonali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġ li jaħdmu mill-qrib mas-soċjetà ċivili sabiex jinfurmaw lill-pubbliku u jiżviluppaw programmi lokali u reġjonali. |
4.11. |
Il-KESE jfaħħar il-kunsens wiesa’ espress mill-UE rigward il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, u jqis li l-isforzi tal-UE jridu jirrispettaw l-ispirtu ta’ dan il-kunsens u li l-UE trid taġixxi biex tilħaq il-miri stabbiliti, li ser itejbu wkoll il-kwalità tal-arja. |
4.12. |
Il-KESE jħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jiżviluppaw strateġiji biex jiġi eliminat il-faħam bħala sors ta’ enerġija. Seba’ Stati Membri diġà neħħew il-faħam mit-taħlita enerġetika tagħhom u disgħa oħra għandhom il-pjan li jagħmlu dan (18). |
4.13. |
Il-KESE jemmen li l-UE għandha wkoll tikkondividi prattiki tajbin mal-imsieħba internazzjonali tagħha. Ma nistgħux ninjoraw l-effetti tat-tniġġis tal-arja minn partijiet oħra tad-dinja, li jolqotna kemm direttament kif ukoll indirettament. In-Network Diplomatiku Ekoloġiku u l-koerenza fil-politika għall-iżvilupp huma aktar importanti minn qatt qabel. |
Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) Air quality in Europe – 2017 report (Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa – rapport tal-2017 (mhux disponibbli bil-Malti)
(2) 9 minn kull 10 persuni madwar id-dinja jieħdu n-nifs mill-arja mniġġsa, iżda aktar pajjiżi qed jieħdu azzjoni.
(3) Air quality in Europe – 2017 report (Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa – rapport tal-2017 (mhux disponibbli bil-Malti)
(4) L-istħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru Nru 468 “L-attitudnijiet taċ-ċittadini tal-Ewropa lejn l-ambjent”
(5) Air quality in Europe — 2017 report (Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa – rapport tal-2017 (mhux disponibbli bil-Malti)
(6) COM/2017/0653 final — 2017/0291 (COD)
(7) COM/2017/0652 final.
(8) COM/2017/0648 final — 2017/0290 (COD)
(9) COM/2017/0647 final — 2017/0288 (COD)
(10) ĠU C 451, 16.12.2014, p. 134.
(11) ĠU C 283, 10.8.2018, p. 83.
(12) Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali Nru 23/2018.
(13) L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa: It-tisħin residenzjali bl-injam u l-faħam: l-impatti u l-aternattivi ta’ politika tas-saħħa fl-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq.
(14) L-istħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru Nru 468 “L-attitudnijiet taċ-ċittadini tal-Ewropa lejn l-ambjent”
(15) Air quality in Europe – 2017 report (Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa – rapport tal-2017 (mhux disponibbli bil-Malti)
(16) Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali Nru 23/2018.
(17) Markus Amann, Measures to address air pollution from agricultural sources (Miżuri biex tiġi indirizzata t-tniġġis tal-arja mis-sorsi agrikoli, mhux disponibbli bil-Malti)
(18) Overview: National coal phase-out announcements in Europe. Europe Beyond Coal.