This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018AE2925
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on minimum requirements for water reuse (rolling programme)’ (COM(2018) 337 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (programm kontinwu)” (COM(2018) 337 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (programm kontinwu)” (COM(2018) 337 final)
EESC 2018/02925
ĠU C 110, 22.3.2019, p. 94–98
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 110/94 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (programm kontinwu)”
(COM(2018) 337 final)
(2019/C 110/18)
Relatur: |
Mindaugas MACIULEVIČIUS |
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 2.7.2018 Kunsill, 26.6.2018 |
Bażi legali |
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Deċiżjoni tal-Bureau |
19.9.2017 |
|
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
Adottata fis-sezzjoni |
27.11.2018 |
Adottata fil-plenarja |
12.12.2018 |
Sessjoni plenarja Nru |
539 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
140/1/0 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Din hija inizjattiva f’waqtha u pożittiva ħafna mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-regolament propost jinkoraġġixxi ħafna l-iżvilupp ta’ riżorsi tal-ilma addizzjonali u sikuri għall-irrigazzjoni agrikola – ilma li jista’ jiġi pproċessat sabiex ikun sikur għal użu agrikolu u apparti minn hekk, meta xieraq, jinżamm kontenut siewi ta’ nutrijenti utli kif ukoll materja organika xierqa u li tarrikkixxi l-ħamrija. |
1.2. |
Il-valur miżjud ta’ tali dispożizzjoni se jtaffi primarjament l-istress minn fuq il-provvisti tal-ilma tax-xorb, u se jiffaċilita wkoll kemm l-investiment pubbliku kif ukoll dak privat sabiex jinħolqu dawn ir-riżorsi tal-ilma supplementari. Dawn l-infrastrutturi separati u ddedikati għat-trattament u l-provvista għall-użu agrikolu se jkunu b’żieda ma’ sorsi eżistenti u l-provvista tal-infrastruttura, li skont l-Istat Membru, huma servizzi essenzjali operati taħt ir-responsabbiltajiet statali, muniċipali jew privati. |
1.3. |
Il-KESE jilqa’ dan ir-regolament propost bħala żieda utli fir-realizzazzjoni tal-intenzjonijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, kif ukoll bħala li jikkontribwixxi għall-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari. Dan se jinkoraġġixxi l-użu b’mod aktar sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma eżistenti u ż-żieda tal-fiduċja tal-konsumaturi fis-sikurezza ta’ dawk il-prodotti agrikoli affettwati. |
1.4. |
Fil-preżent, il-konsumaturi mhumiex konxji tal-istandards varji dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma li jeżistu bejn l-Istati Membri u ħafna minnhom mhumiex konxji li l-ilma reklamat jintuża b’mod wiesa’ fl-irrigazzjoni. Billi dan ir-regolament jipprevedi approċċ konsistenti bbażat fuq parir xjentifiku qawwi, huwa jista’ jitqies bħala pedament neċessarju fil-politika dwar is-sikurezza alimentari. |
1.5. |
Kuntrarju għall-impressjoni maħluqa mit-titolu ġenerali tar-regolament, is-sustanza proprja tal-proposta hija ffokata sewwa fuq l-użu mill-ġdid tal-ilma urban mormi għal skopijiet ta’ irrigazzjoni. Huwa rrakkomandat li, għalkemm dan jissemma fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għar-regolament, tingħata prominenza akbar lil din l-enfasi sabiex jitnaqqas it-tħassib li l-opportunitajiet ta’ użu mill-ġdid industrijali u domestiku qegħdin jiġu injorati. |
1.6. |
Il-potenzjal tal-użu mill-ġdid tal-ilma għar-risanament tal-akwiferi, għalkemm mhux l-għan tar-regolament, jibqa’ ta’ interess u analiżi teknika ulterjuri għandha titwettaq biex jiġu solvuti l-problemi kumplessi identifikati fil-valutazzjoni tal-impatt. |
1.7. |
Il-Kumitat jirrakkomanda bil-qawwa li, sabiex dan ir-regolament ikollu l-akbar impatt maħsub tiegħu, jeħtieġ li jiġu segwiti regolazzjoni effettiva tar-riżorsi tal-ilma u sistema ta’ infurzar u responsabbiltà attiva fl-Istati Membri kollha. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġu infurzati projbizzjonijiet fuq estrazzjonijiet illegali tal-ilma, b’mod aktar konsistenti. |
1.8. |
Hemm każ ta’ negozju konvinċenti li jappoġġja l-investiment kapitali meħtieġ biex tiġi stabbilita l-infrastruttura meħtieġa għall-użu mill-ġdid tal-ilma, iżda l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura bħal din tkun assistita minn appoġġ mill-fondi strutturali, prinċipalment mill-Fond għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond ta’ Koeżjoni. |
1.9. |
Għalkemm l-impatti fuq il-kompetizzjoni b’importazzjonijiet minn pajjiżi terzi mistennija jkunu newtrali, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu din l-opportunità sabiex tuża dan l-iżvilupp ta’ standards fil-livell tal-UE, flimkien mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, biex issaħħaħ il-pożizzjoni f’diskussjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma sabiex l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi jkunu konformi wkoll. Il-KESE sostna b’mod regolari għall-konsistenza fl-istandards agrikoli internazzjonali u dan ir-regolament jista’ jistabbilixxi punt ta’ riferiment globali għall-użu mill-ġdid tal-ilma (1). |
2. Introduzzjoni
2.1. |
Minħabba t-tibdil fil-klima u d-domanda dejjem tiżdied, ħafna partijiet tal-UE diġà qegħdin jesperjenzaw stress tal-ilma (2), bl-iskarsezza u l-problemi ta’ kwalità diġà qegħdin jaffettwaw terz tat-territorju tal-UE matul is-sena kollha (3). Opinjonijiet preċedenti mill-Kumitat enfasizzaw dan it-tħassib, ħeġġew sabiex ikun hemm aktar investiment fit-trattament tal-ilma mormi bil-għan li jkun jista’ jintuża mill-ġdid u rrimarkaw li l-objettiv li jingħalaq iċ-ċiklu tal-ilma ma għadux jidher bħala wieħed mhux realistiku (4). Proporzjon kbir tar-riżorsi tal-ilma jintuża għall-irrigazzjoni agrikola, b’mod partikolari fl-Istati Membri tan-nofsinhar, fejn il-prodotti agrikoli jagħtu kontribut ekonomiku sinifikanti. L-intenzjoni ta’ dan ir-regolament mhijiex li tiġi estiża ż-żona diġà taħt irrigazzjoni, iżda li r-riżorsi tal-ilma eżistenti jintużaw b’mod aktar sikur u effiċjenti. |
2.2. |
Iż-żamma tal-fiduċja tal-konsumaturi fil-provvisti tal-ikel u fis-sistema regolatorja u ta’ spezzjoni li tiżgura s-sikurezza tagħhom hija, kif wieħed jista’ jifhem, waħda mill-ogħla prijoritajiet fl-Unjoni. Dan ir-regolament se jżid iċ-ċertezza f’dan il-qasam, fejn bħalissa l-istandards ivarjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri. Potenzjalment, dan ir-regolament jista’ jżid l-ilma disponibbli għall-irrigazzjoni b’4,9 biljun m3 fis-sena, bi tnaqqis ta’ aktar minn 5 % tal-istress tal-ilma b’mod ġenerali. Dan jiggarantixxi s-sikurezza tal-ilma reklamat u jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent. |
2.3. |
Dan ir-regolament jista’ jitqies bħala li jsaħħaħ l-ekonomija ċirkolari, itejjeb is-sigurtà alimentari tal-UE u jikkontribwixxi għas-saħħa pubblika. Huwa jindirizza direttament il-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi armonizzati dwar il-kwalità tal-ilma reklamat, li l-maġġoranza kbira tagħhom tintuża fl-agrikoltura. Hija prevista trasparenza pubblika akbar billi jintalab li l-informazzjoni adegwata u aġġornata dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma tkun disponibbli onlajn. Barra minn hekk, ir-regolament propost jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni mill-UE tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u, b’mod partikolari, l-SDG 6 dwar l-Ilma Nadif u s-Sanità. Huwa jikkomplementa l-proposta tal-Kummissjoni għal Politika Agrikola Komuni ġdida billi jikkontribwixxi għal immaniġġjar aħjar tal-ilma fl-agrikoltura, bil-bdiewa jkollhom aċċess għal provvista tal-ilma aktar sostenibbli. |
2.4. |
Għandu jiġi nnotat li dan ir-regolament huwa ppreżentat bħala parti minn programm kontinwu u l-intenzjoni fit-tul hija li jiġu kkunsidrati oqsma oħrajn ta’ użu mill-ġdid tal-ilma. Madankollu, dan ir-regolament speċifiku huwa ffokat sewwa u jittratta kważi b’mod esklussiv l-ipproċessar tal-ilma urban mormi diġà ttrattat sabiex ikun jista’ jintuża f’diversi forom ta’ irrigazzjoni agrikola. L-użu mill-ġdid domestiku u industrijali ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta preżenti u, sa ċertu punt, huwa diġà kopert — pereżempju fid-direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, li bħalissa qed tiġi riveduta (5). |
3. Il-kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni
3.1. |
Ir-regolament propost jifforma parti minn approċċ integrat għall-immaniġġjar tal-ilma sabiex jindirizza l-problema severa u li qed tiżdied tal-istress tal-ilma madwar l-UE. Flimkien mal-miżuri ta’ ffrankar tal-ilma u effiċjenza tal-ilma, l-ilma ttrattat mill-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi jista’ jikkontribwixxi billi jipprovdi provvista alternattiva affidabbli. |
3.2. |
L-użu mill-ġdid tal-ilma ġeneralment ikollu impatt ambjentali aktar baxx minn provvisti tal-ilma alternattivi u jista’ joffri firxa ta’ benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Ir-regolament jiffoka fuq l-użu mill-ġdid tal-ilma għall-irrigazzjoni agrikola, li bħalissa jirrappreżenta madwar kwart tal-ilma ħelu totali estratt fl-UE. |
3.3. |
Minbarra l-Istati Membri, ir-regolament se jkun direttament applikabbli għall-operaturi tan-negozju, billi potenzjalment jistimula l-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġija ambjentali. Il-proposta tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-kwalità u l-monitoraġġ tal-ilma reklamat, tintroduċi kompiti ewlenin tal-immaniġġjar tar-riskji u toffri approċċ armonizzat għall-użu mill-ġdid tal-ilma għall-irrigazzjoni madwar l-UE. Speċifikament, il-proposta tistabbilixxi: |
3.3.1. |
Rekwiżiti minimi għall-kwalità tal-ilma reklamat u monitoraġġ, li jkopri elementi mikrobijoloġiċi (pereżempju, livelli ta’ batterji E. coli) u rekwiżiti ta’ monitoraġġ għal monitoraġġ ta’ rutina u validazzjoni. Dawn se jiggarantixxu li l-ilma reklamat prodott f’konformità mar-regolament propost ikun sikur għall-irrigazzjoni. |
3.3.2. |
Kompiti ewlenin tal-immaniġġjar tar-riskji li jżidu saff addizzjonali ta’ protezzjoni minbarra r-rekwiżiti minimi, jiġifieri l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe periklu addizzjonali li jeħtieġ li jiġi indirizzat sabiex l-użu mill-ġdid tal-ilma jkun sikur. Dan jinvolvi primarjament lill-operatur tal-impjant tar-reklamazzjoni li jfassal Pjan għall-Immaniġġar tar-Riskji tal-Użu mill-ġdid tal-Ilma, li huwa neċessarju għall-ħruġ ta’ permess mill-awtorità kompetenti, li għandu jiġi rivedut mill-inqas kull ħames snin. |
3.3.3. |
Trasparenza akbar. Ir-regoli ġodda tat-trasparenza jirrikjedu li l-pubbliku jikseb informazzjoni onlajn, b’mod faċli għall-utent, dwar il-prattika tal-użu mill-ġdid tal-ilma fl-Istati Membri tiegħu. Se jkun meħtieġ att ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu stabbiliti regoli dettaljati rigward il-format u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta. |
3.4. |
Huwa previst li l-Istati Membri jiżviluppaw settijiet ta’ data li jkun fihom informazzjoni dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li regolarment tipprovdi ħarsiet ġenerali lejn l-implimentazzjoni tar-regolament fil-livell tal-Unjoni. L-ewwel evalwazzjoni hija skedata għal sitt snin wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament. |
3.5. |
Għandu jiġi nnotat li r-regolament propost ma jirrikjedix li l-Istati Membri jwettqu trattament tal-ilma mormi għall-irrigazzjoni. L-għan primarju tiegħu huwa li joħloq fiduċja fil-firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati – awtoritajiet tal-ilma, bdiewa, investituri u konsumaturi – li l-ogħla standards ta’ sikurezza ġew applikati b’mod konsistenti fil-provvista tal-ilma użat għal skopijiet ta’ irrigazzjoni. Dan se jkun avvanz konsiderevoli fuq il-prattika attwali. |
3.6. |
Hemm analiżi dettaljata ta’ kwistjonijiet tekniċi, partikolarment id-detezzjoni, l-istandards tas-sikurezza, il-parametri tal-livell limitu, fil-valutazzjoni tal-impatt kif ukoll fl-appoġġ tad-dokumentazzjoni tar-riċerka. |
4. Kummenti ġenerali
4.1. |
Il-Kumitat jappoġġja b’mod pożittiv dan ir-regolament bħala li jikkontribwixxi sabiex jittaffew il-pressjonijiet tat-tibdil fil-klima u bħala li huwa żieda utli mal-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) u l-ekonomija ċirkolari b’mod ġenerali. Aħna ninnotaw l-eżempji pożittivi ta’ użu mill-ġdid estensiv tal-ilma flimkien mal-produzzjoni agrikola, b’mod partikolari Ċipru u l-Iżrael, fejn kważi 90 % tal-ilma mormi ttrattat bħalissa qed jintuża mill-ġdid. Il-KESE jistaqsi jekk ir-regolament dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma kellux jeżamina wkoll il-kwistjoni dwar l-irkupru tas-sħana mill-ilma qabel dan imur fl-impjant tat-trattament. Dan it-tagħmir għandu jiġi installat fi djar b’familja waħda, djar b’bosta familji, pixxini u lukandi. |
4.2. |
Ir-regolament propost jirrikonoxxi s-supremazija tal-miżuri tal-iffrankar u l-effiċjenza tal-ilma fil-ġerarkija tal-immaniġġjar tal-ilma. L-għażla volontarja ta’ użu mill-ġdid tintgħażel biss meta tkun rilevanti, sikura u kosteffiċjenti. Hemm kamp ta’ applikazzjoni konsiderevoli għall-applikazzjoni tal-użu mill-ġdid tal-ilma għall-irrigazzjoni, b’mod partikolari fi wħud mill-Istati Membri tan-nofsinhar tal-UE, fejn huma prevalenti livelli baxxi; pereżempju, l-Italja u l-Greċja jużaw biss 5 % mill-ġdid u Spanja 12 %, u huwa inkoraġġanti li issa l-użu mill-ġdid tal-ilma qed jiżdied b’ritmu kostanti. |
4.3. |
Il-Kumitat jinnota li r-regolament huwa maħsub sabiex jistabbilixxi approċċ uniformi għall-istandards ta’ kwalità sabiex l-ilma jkun jista’ jintuża mill-ġdid. Fil-preżent, dan mhuwiex il-każ. Il-konsumaturi ġeneralment ma jkunux konxji tal-varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kwalità tal-ilma użat mill-ġdid għall-irrigazzjoni. Standard minimu wieħed jinkoraġġixxi l-adozzjoni u l-investiment, kif ukoll jipprovdi sigurtà akbar dwar kwistjonijiet ta’ saħħa għall-konsumaturi. |
4.4. |
Il-Kumitat jinnota wkoll li issa huwa previst tħassib dwar patoġeni, kontaminanti ta’ tħassib emerġenti, prodotti sekondarji tad-diżinfezzjoni u reżistenzi antibijotiċi (fl-Anness 2), abbażi tar-rapport tekniku tal-JRC dwar ix-Xjenza għall-Politika, li jesplora f’ħafna dettall il-ġestjoni tar-riskji għas-saħħa u għall-ambjent għall-użu mill-ġdid tal-ilma fl-irrigazzjoni agrikola (6). Dan għandu jiżgura li, fuq bażi ta’ kull proġett individwali, il-ħamrija, l-ilma ta’ taħt l-art, l-ilma tax-xorb u l-prodotti tal-ikel jiġu protetti. |
4.5. |
Hemm ħafna sitwazzjonijiet fejn ir-riżorsi tal-ilma konvenzjonali ġeneralment ikunu bi prezz baxx u ma jirriflettux il-kost ambjentali u tar-riżorsi. Barra minn hekk, għad hemm astrazzjoni illegali konsiderevoli mix-xmajjar u minn boreholes privati. Sabiex dan ir-regolament ikollu l-akbar impatt maħsub tiegħu, jeħtieġ li jiġu segwiti regolazzjoni effettiva tar-riżorsi tal-ilma u sistema ta’ infurzar u responsabbiltà attiva fl-Istati Membri kollha. |
4.6. |
Ir-regolament propost jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni definita għall-proġetti tal-użu mill-ġdid tal-ilma. Dan għandu jikkontribwixxi għal tqassim ċar tar-responsabbiltajiet fost l-atturi differenti taċ-ċiklu tal-ilma għall-użu mill-ġdid tal-ilma. |
4.7. |
Il-Kumitat jivvaluta l-opportunità offruta mir-regolament, li jinkoraġġixxi l-adattament jew id-disinn tal-impjanti tat-trattament tal-użu mill-ġdid sabiex jiffaċilitaw il-“fertigazzjoni”. Din hija ż-żamma fl-ilma pproċessat, skont ir-regoli tas-sikurezza, ta’ fertilizzanti li jinħallu, bħan-nitroġenu u l-fosfru u materja organika ta’ benefiċċju u li tarrikkixxi l-ħamrija li, matul l-użu domestiku u industrijali, daħlu fiċ-ċiklu tal-ilma. Dawn il-benefiċċji addizzjonali huma meqjusin sekondarji fejn il-benefiċċju ewlieni li jiġu pprovduti riżorsi ġodda tal-ilma permezz tal-użu mill-ġdid. |
5. Kummenti speċifiċi
5.1. |
Għandu jiġi nnotat li t-terminu “użu mill-ġdid tal-ilma” jirreferi għall-użu tal-ilma li jiġi ġġenerat mill-ilma mormi (primarjament urban) u li, wara t-trattament, jikseb kwalità xierqa għall-użu maħsub tiegħu. |
5.2. |
L-enfasi ta’ dan ir-regolament hija primarjament fuq l-iżgurar tal-kwalità u s-sikurezza tal-użu mill-ġdid tal-ilma mill-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi. Dan ma jikkonċernax ir-regolamentazzjoni tal-ilma tajjeb għax-xorb jew miżuri diretti tal-effiċjenza tal-ilma. Madankollu, il-Kumitat jinnota li t-trattament effettiv tal-ilma mormi u l-użu mill-ġdid tiegħu għandhom benefiċċji ambjentali konsiderevoli meta mqabbla ma’ għażliet oħrajn. Pereżempju, fl-2017, in-nixfa wasslet għal telf stmat ta’ EUR 2 biljun għas-settur tal-biedja Taljan u l-kundizzjonijiet estremi tat-temp esperjenzati f’ħafna Stati Membri fis-sajf tal-2018 x’aktarx se jżidu din iċ-ċifra madwar l-UE. Madankollu, l-użu mill-ġdid tal-ilma jista’ jkopri stima ta’ 47 % tad-domanda għall-irrigazzjoni kollha fl-Italja, iżda fil-preżent dan qed jintuża biss b’mod limitat ħafna. |
5.3. |
Għalkemm il-potenzjal għall-użu tal-ilma reklamat fl-irrigazzjoni agrikola huwa preżenti b’mod qawwi fl-Istati Membri tan-nofsinhar, fil-ġejjieni, l-istimolu tekniku u operattiv li jiġġenera dan ir-regolament se jkun ta’ benefiċċju madwar l-UE kollha. |
5.4. |
Ir-responsabbiltà għall-iżgurar ta’ standards ta’ sikurezza alimentari, li b’mod ġenerali huma stabbiliti mill-UE b’referenza għar-Regolament dwar il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel, hija, kif xieraq, tal-Istati Membri. Ir-regolament propost se jiżgura li, fejn ikun hemm użu mill-ġdid tal-ilma għall-irrigazzjoni ta’ uċuħ tar-raba’, is-sikurezza tal-konsumaturi hija ta’ importanza kbira. L-importazzjonijiet agrikoli minn pajjiżi terzi huma inklużi fin-neċessità li jikkonformaw mal-liġijiet tal-UE dwar is-sikurezza alimentari, għalkemm fil-preżent ma hemmx rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw prattiki ta’ irrigazzjoni f’pajjiżi terzi. Huwa sostnut li l-istandards komuni tal-UE jistgħu jservu bħala mudell għal pajjiżi terzi u, b’mod partikolari, għall-imsieħba kummerċjali bilaterali tagħna, għalkemm dan ikun soġġett għal negozjati fuq livell internazzjonali. Diġà hemm użu sinifikanti tal-ilma mormi ttrattat u mhux ittrattat għall-irrigazzjoni madwar id-dinja, inklużi ħafna pajjiżi minn fejn l-UE timporta prodotti agrikoli. |
Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) Opinjoni tal-KESE dwar L-agrikoltura fin-negozjati kummerċjali, paragrafu 4.3 (ĠU C 173, 31.5.2017, p. 20).
(2) L-istress tal-ilma jseħħ meta d-domanda għall-ilma taqbeż l-ammont disponibbli matul perjodu partikolari jew meta l-kwalità ħażina tirrestrinġi l-użu tiegħu.
(3) COM(2012) 672 final.
(4) Opinjoni tal-KESE dwar Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa (ĠU C 327, 12.11.2013, p. 93).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).
(6) JRC publication: Towards a legal instrument on water reuse at EU level.