This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017XX0523(01)
Summary of the Opinion of the European Data Protection Supervisor on the Proposal for a European Travel Information and Authorisation System (ETIAS)
Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS)
Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS)
ĠU C 162, 23.5.2017, p. 9–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
23.5.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 162/9 |
Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS)
(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-KEPD www.edps.europa.eu)
(2017/C 162/06)
Il-politika tal-UE dwar il-ġestjoni tal-fruntieri rat żviluppi notevoli tul l-aħħar snin, minħabba l-isfidi li ġab miegħu l-influss ta’ refuġjati u ta’ migranti, kif ukoll minħabba t-tħassib relatat mas-sigurtà li kiber wara l-attakki f’Pariġi, fi Brussell u f’Nizza. Is-sitwazzjoni bħalissa u l-bżonn li tiġi ggarantita s-sikurezza fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri wasslu sabiex il-Kummissjoni tniedi diversi inizjattivi leġiżlattivi mmirati sabiex itejbu l-kontroll fuq persuni li jaċċessaw iż-Żona Schengen.
Waħda minn dawn l-inizjattivi hija l-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (“ETIAS”), imressqa mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Novembru 2016.
Skont il-Proposta, is-sistema tkun teħtieġ li l-vjaġġaturi eżentati mill-viża ssirilhom valutazzjoni tar-riskju fir-rigward tar-riskji tas-sigurtà, tal-migrazzjoni irregolari u tas-saħħa pubblika qabel ma jaslu fil-fruntieri tax-Schengen. Din il-valutazzjoni titwettaq permezz tal-kontroverifika tad-data tal-applikant sottomessa permezz tal-ETIAS ma’ sistemi ta’ informazzjoni oħrajn tal-UE, lista ta’ sorveljanza ddedikata tal-ETIAS u regoli dwar il-kontrolli. Dan il-proċess jirriżulta fl-għoti -jew it-tiċħid- ta’ awtorizzazzjoni awtomatizzata għad-dħul fl-UE.
Bil-Proposta dwar l-ETIAS, il-leġiżlatur tal-UE jidher li jsegwi t-tendenza li qiegħda tikber li l-iskopijiet ta’ ġestjoni tas-sigurtà u tal-migrazzjoni jiġu indirizzati b’mod konġunt, mingħajr ma jittieħdu f’kunsiderazzjoni d-distinzjonijiet sostanzjali bejn dawn iż-żewġ oqsma ta’ politika. L-istabbiliment tal-ETIAS ikollu impatt sinifikanti fuq id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, peress li diversi tipi ta’ data, miġburin inizjalment għal skopijiet differenti ħafna, se jsiru aċċessibbli għal firxa usa’ ta’ awtoritajiet pubbliċi (jiġifieri l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni, il-gwardji tal-fruntieri, l-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi, eċċ.). Għal din ir-raġuni, il-KEPD iqis li hemm bżonn li ssir valutazzjoni tal-impatt li l-Proposta se tixħet fuq id-dritt għall-privatezza u fuq id-dritt għall-protezzjoni tad-data mnaqqxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li tieħu f’kunsiderazzjoni l-miżuri eżistenti kollha fil-livell tal-UE għall-objettivi relatati mal-migrazzjoni u mas-sigurtà.
Barra minn hekk, il-Proposta tal-ETIAS tqajjem tħassib dwar il-proċess ta’ kif jiġu ddeterminati r-riskji possibbli li jġib miegħu l-applikant. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċifiċika lejn id-definizzjoni ta’ dawk ir-riskji bħala tali. Peress li l-konsegwenza għal individwu tista’ tkun ċaħda tad-dħul, jenħtieġ li l-liġi tiddefinixxi biċ-ċar x’inhuma r-riskji vvalutati. Il-KEPD għandu dubji wkoll dwar l-eżistenza tar-regoli ta’ kontroll tal-ETIAS. Il-KEPD jifhem li l-objettiv tal-leġiżlatur huwa li joħloq għodda li tippermetti l-individwar awtomatiku ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-viża li huma ssuspettati li jġibu riskji bħal dawn. Minkejja dan, it-tfassil ta’ profil, bħal kwalunkwe forma oħra ta’ analiżi kompjuterizzata tad-data applikata għall-individwi, iqajjem kwistjonijiet tekniċi, legali u etiċi serji. Għaldaqstant, il-KEPD jitlob evidenza konvinċenti li ssostni n-neċessità li jintużaw għodod ta’ tfassil ta’ profil għall-finijiet tal-ETIAS.
Barra minn hekk, il-KEPD jixħet dubju fuq ir-rilevanza tal-ġbir u tal-ipproċessar tad-data dwar is-saħħa kif previst fil-Proposta. Jitlob ġustifikazzjoni aħjar tal-perjodu magħżul għaż-żamma ta’ data u tan-neċessità li jingħata aċċess lill-aġenziji nazzjonali ta’ infurzar tal-liġi u lill-Europol.
Finalment, jipprovdi rakkomandazzjonijiet, pereżempju, dwar il-qsim tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet bejn l-entitajiet differenti involuti u l-arkitettura u s-sigurtà tal-informazzjoni tal-ETIAS.
I. INTRODUZZJONI
1. |
L-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (minn hawn ’il quddiem imsejħa “ETIAS”) tmur lura għal Komunikazzjoni tal-2008 intitolata “It-tħejjija tal-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea” (1). F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ssuġġeriet għodod ġodda għall-ġestjoni fil-futur tal-fruntieri Ewropej -b’mod partikolari s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (“EES”) u l-Programm ta’ Vjaġġaturi Rreġistrati (“RTP”)- u kkunsidrat għall-ewwel darba l-introduzzjoni tal-ETIAS, li kienet imsejħa s-Sistema Elettronika tal-UE tal-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (“ESTA”) dak iż-żmien. Il-KEPD ħareġ kummenti preliminari (2) dwar din il-Komunikazzjoni fl-istess sena. |
2. |
Fi Frar 2011, il-Kummissjoni ħarġet Studju tal-Politika (3) li analizza erba’ għażliet differenti għall-introduzzjoni ta’ ESTA tal-UE. L-Istudju wasal għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet ma kinux issodisfati dak iż-żmien sabiex jiġi ġġustifikat il-bini ta’ ESTA tal-UE. F’Komunikazzjoni (4) tal-2012 relatata mal-Fruntieri Intelliġenti, il-Kummissijoni qieset li jenħtieġ li l-istabbiliment ta’ ESTA tal-UE jitwarrab temporanjament iżda ħabbret l-intenzjoni tagħha li tkompli taħdem fuq l-EES u fuq l-RTP. |
3. |
Fil-Komunikazzjoni (5)“Sistemi ta' Informazzjoni aktar bsaħħithom u aktar intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà” tas-6 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ħabbret li se tivvaluta n-neċessità, il-fattibbiltà teknika u l-proporzjonalità tat-twaqqif ta’ Sistema futura Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar. Fl-istess sena, il-Kummissjoni wettqet Studju tal-Fattibbiltà, li bħala parametru referenzjarju uża tliet sistemi eżistenti oħrajn għall-awtorizzazzjoni tal-ivvjaġġar fid-dinja: l-ESTA fl-Istati Uniti, l-eTA fil-Kanada u l-eVisitor fl-Awstralja. |
4. |
Fis-16 ta’ Novembru, il-Kummissjoni ħarġet ir-Rapport Finali tal-Istudju tal-Fattibbiltà (6) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Istudju tal-Fattibbiltà tal-2016”) kif ukoll il-Proposta għall-ETIAS (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Proposta”). |
5. |
Il-KEPD jilqa’ l-fatt li huwa kien ikkonsultat b’mod informali mis-servizzi tal-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tal-Proposta. Madankollu, jiddispjaċih li minħabba l-iskadenza ristretta ħafna u l-importanza u l-kumplessità tal-Proposta, ma kienx possibbli li jipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti dak iż-żmien. |
V. KONKLUŻJONI
113. |
Il-KEPD jilqa’ l-attenzjoni mogħtija lill-protezzjoni tad-data fil-Proposta għall-istabbiliment tal-ETIAS. |
114. |
Bir-rispett sħiħ għar-rwol tal-leġiżlatur fil-valutazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-miżuri proposti, il-KEPD ifakkar li dawn iż-żewġ rekwiżiti legali ta’ livell għoli mnaqqxin fil-Karta jistgħu jiġu skrutinizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u li l-KEPD huwa inkarigat li jissalvagwardjahom. Jisħaq li n-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-impatt (fuq il-protezzjoni tad-data) ma jagħmilhiex possibbli li jiġu vvalutati n-neċessità u l-proprozjonalità tal-ETIAS fil-forma proposta bħalissa. |
115. |
Peress li l-Proposta tistabbilixxi sistema addizzjonali li tinvolvi l-ipproċessar ta’ ammont sinifikanti ta’ data personali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-objettivi relatati mal-immigrazzjoni u mas-sigurtà, il-KEPD jirrakkomanda li l-leġiżlatur jagħmel eżerċizzju li bih iqis il-miżuri kollha fil-livell tal-UE li jinvolvu l-ipproċessar tad-data għall-objettivi relatati mal-migrazzjoni u mas-sigurtà u jagħmel analiżi approfondita f’termini tal-għanijiet u tal-kisbiet tagħhom. |
116. |
F’dan il-kuntest, il-KEPD jirrakkomanda li tiddaħħal definizzjoni tar-riskji relatati mal-migrazzjoni irregolari u tar-riskji relatati mas-sigurtà fil-Proposta sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-iskop. |
117. |
Barra minn hekk, il-KEPD huwa mħasseb dwar jekk l-użu tar-regoli dwar il-kontroll tal-ETIAS huwiex se jkun konformi bis-sħiħ mad-drittijiet fundamentali mnaqqxin fil-Karta. Jirrakkomanda li r-regoli proposti dwar il-kontroll tal-ETIAS ikunu soġġetti għal valutazzjoni komprensiva minn qabel tal-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali. Għandu dubji wkoll fuq jekk hemmx evidenza konvinċenti li ssostni n-neċessità tal-użu tat-tfassil ta’ profil għall-finijiet tal-ETIAS u, quod non, iħeġġeġ lil-leġiżlatur sabiex jerġa’ jibdielu dwar l-użu tat-tfassil ta’ profil. |
118. |
Il-KEPD jiddubita mir-rilevanza u mill-effiċjenza tal-ġbir u tal-ipproċessar ta’ data dwar is-saħħa kif previst fil-Proposta minħabba n-nuqqas ta’ affidabbiltà ta’ dawn. Għandu dubji wkoll dwar in-neċessità li tiġi pproċessata data bħal din minħabba r-rabta limitata bejn ir-riskji għas-saħħa u l-vjaġġaturi eżentati mill-viża. |
119. |
Fir-rigward tal-infurzar tal-liġi u tal-aċċess tal-Europol għad-data tal-ETIAS, il-KEPD jisħaq li sal-lum għad m’hemmx evidenzza konvinċenti li ssostni n-neċessità ta’ aċċess bħal dan. Il-KEPD ifakkar li l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-iskemi l-ġodda t-tnejn għandhom jiġu indirizzati fuq livell globali, filwaqt li għandhom jitqiesu s-sistemi tal-IT li diġà jeżistu fuq skala kbira fl-UE, u b'mod speċifiku, fil-każ speċifiku taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati li jżuru u jidħlu fl-UE b’mod legali. |
120. |
Flimkien mat-tħassib ewlieni identifikat iktar ’il fuq, ir-rakkomandazzjonijiet tal-KEPD f’din l-opinjoni huma relatati mal-aspetti li ġejjin tal-Proposta:
|
121. |
Il-KEPD jibqa’ disponibbli sabiex jipprovdi iktar pariri dwar il-Proposta, anki b’rabta ma’ kwalunkwe att delegat jew ta’ implimentazzjoni adottat skont ir-Regolament propost, li jista’ jħalli impatt fuq l-ipproċessar ta’ data personali. |
Brussell, is-6 ta' Marzu 2017.
Giovanni BUTTARELLI
Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
(1) Komunikazzjoni tat-13 ta’ Frar 2008 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “It-tħejjija tal-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea”, COM(2008) 69 final.
(2) Kummenti Preliminari tal-KEPD tat-3 ta’ Marzu 2008, disponibbli fuq: https://secure.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/shared/Documents/Consultation/Comments/2008/08-03-03_Comments_border_package_EN.pdf.
(3) Policy study on an EU Electronic System for travel Authorization (EU ESTA) ta’ Frar 2011, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/e-library/docs/pdf/esta_annexes_en.pdf.
(4) Komunikazzjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Fruntieri intelliġenti - alternattivi u t-triq ‘il quddiem”, COM(2011) 680 final.
(5) Komunikazzjoni tas-6 ta’ April 2016 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Sistemi ta' Informazzjoni aktar b'saħħithom u aktar intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà”, COM(2016) 205 final.
(6) Feasibility Study of 16 November 2016 for a European Travel Information and Authorisation System (ETIAS) - Ir-Rapport Finali disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/policies/european-agenda-security/legislative-documents/docs/20161116/etias_feasability_study_en.pdf.