This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017XG0613(10)
Communication from the Minister for National Development of Hungary pursuant to Article 3(2) of Directive 94/22/EC of the European Parliament and of the Council on the conditions for granting and using authorisations for the prospection, exploration and production of hydrocarbons
Komunikazzjoni mill-Ministru għall-Iżvilupp Nazzjonali tal-Ungerija skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi
Komunikazzjoni mill-Ministru għall-Iżvilupp Nazzjonali tal-Ungerija skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi
ĠU C 187, 13.6.2017, p. 42–46
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
13.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 187/42 |
Komunikazzjoni mill-Ministru għall-Iżvilupp Nazzjonali tal-Ungerija skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi
(2017/C 187/13)
STEDINA PUBBLIKA GĦALL-PREŻENTAZZJONI TAL-OFFERTI GĦAL KONĊESSJONI GĦALL-PROSPETTAR, ESPLORAZZJONI U PRODUZZJONI TA’ IDROKARBURI TAĦT KONĊESSJONI FIŻ-ŻONA TA’ SOMOGYBÜKKÖSD
F’isem l-Istat Ungeriż, il-Ministru għall-Iżvilupp Nazzjonali (“l-Awtorità Kontraenti” jew “il-Ministru”) bħala l-Ministru responsabbli għall-minjieri u għas-sorveljanza tal-assi li huma proprjetà tal-istat-, hawnhekk qiegħed joħroġ stedina pubblika għall-preżentazzjoni tal-offerti għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi b’kuntratt ta’ konċessjoni abbażi tal-Att CXCVI tal-2011 dwar l-assi nazzjonali (“l-Att dwar l-Assi Nazzjonali”), l-Att XVI tal-1991 dwar il-Konċessjonijiet (“l-Att dwar il-Konċessjonijiet”) u l-Att XLVIII tal-1993 dwar il-minjieri (“l-Att dwar il-Minjieri”), soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin.
1. |
Il-Ministru se jippubblika l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti, jiġġudika l-offerti u jikkonkludi l-kuntratt ta’ konċessjoni f’kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ungeriż għall-Minjieri u l-Ġeoloġija (Magyar Bányászati és Földtani Hivatal) f’konformità mal-Att dwar il-Konċessjonijiet u l-Att dwar il-Minjieri. L-offerti li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet se jiġu evalwati minn Kumitat ta’ Evalwazzjoni mwaqqaf mill-Ministru. Fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni l-Ministru se joħroġ id-deċiżjoni li tagħti l-konċessjoni, li abbażi tagħha l-Ministru jista’ mbagħad jikkonkludi l-kuntratt ta’ konċessjoni mal-offerent rebbieħ skont it-Taqsima 5(1) tal-Att dwar il-Konċessjonijiet (1). Il-lingwa tal-proċedura tal-offerti hija l-Ungeriż. |
2. |
Il-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-offerti hija miftuħa għal kwalunkwe persuna fiżika domestika jew barranija u għal kwalunkwe organizzazzjoni transparenti skont it-tifsira tal-Att dwar l-Assi Nazzjonali, sakemm dawn jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet; huma permessi wkoll offerti konġunti. Fil-każ ta’ offerti konġunti għal din l-attività ta’ konċessjoni, l-offerenti għandhom jinnominaw wieħed minn fosthom bħala rappreżentant, imma jassumu obbligazzjoni in solidum għall-prestazzjoni tal-kuntratt ta’ konċessjoni. Skont il-proċedura tal-offerti, l-offerenti domestiċi u barranin se jiġu ttrattati fuq bażi ugwali. Sabiex iwettaq l-attività soġġetta għall-konċessjoni, filwaqt li juża r-riżorsi tiegħu stess, l-offerent li jiffirma l-kuntratt ta’ konċessjoni (“id-Detentur tal-Konċessjoni”) għandu jwaqqaf kumpanija b’uffiċċju rreġistrat fl-Ungerija (“il-Kumpanija tal-Konċessjoni”) fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tal-kuntratt ta’ konċessjoni; id-Detentur tal-Konċessjoni għandu jkollu l-maġġoranza tal-ishma, tal-interessi tan-negozju u tad-drittijiet tal-vot fil-kumpanija meta tiġi mwaqqfa u sakemm tkun qed twettaq l-operat tagħha, u bħala sid, għandu jimpenja ruħu li jinforza r-rekwiżiti speċifikati fil-kuntratt ta’ konċessjoni fi ħdan il-Kumpanija tal-Konċessjoni. Il-Kumpanija tal-Konċessjoni se tgawdi d-drittijiet u tkun soġġetta għall-obbligi skont il-kuntratt ta’ konċessjoni bħala operatur tal-minjieri. |
3. |
Id-durata tal-konċessjoni: 20 sena mid-dħul fis-seħħ tal-kuntratt ta’ konċessjoni; id-durata oriġinali tista’ tiġi estiża darba mingħajr ebda sejħa għall-offerti oħra għal massimu ta’ nofs id-durata oriġinali tagħha jekk id-Detentur tal-Konċessjoni u l-Kumpanija tal-Konċessjoni jkunu kkonformaw mal-obbligi kollha tagħhom skont il-kuntratt u fil-ħin. |
4. |
Id-dejta dwar iż-żona magħżula għall-konċessjoni: Iż-żona magħżula għall-konċessjoni: iż-żona tinsab bejn il-muniċipalitajiet mogħtija fit-tabella ta’ hawn taħt fil-kontej ta’ Somogy u Zala.
Is-saff fuqani taż-żona magħżula għall-konċessjoni: il-wiċċ u s-sodda ta’ blat: 5 000 metru taħt il-livell tal-Baħar Baltiku Iż-żoni mnaddfa biex jagħmlu spazju għal minjiera stabbilita għall-estrazzjoni ta’ riżorsi minerali ta’ idrokarburi mhumiex inklużi fiż-żona magħżula għall-konċessjoni. Wieħed jista’ jara l-koordinati tal-angoli li jiddelimitaw iż-żona magħżula għall-konċessjoni fis-Sistema tal-Projezzjoni Uniformi Nazzjonali, filwaqt li d-dejta dwar iż-żoni mnaddfa biex jagħmlu spazju għal minjiera stabbilita għall-estrazzjoni ta’ riżorsi minerali ta’ idrokarburi, li mhumiex inklużi fiż-żona magħżula għall-konċessjoni, tista’ tiġi kkonsultata fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ungeriż għall-Minjieri u l-Ġeoloġija (www.mbfh.hu) u/jew fuq is-sit web tal-Ministeru għall-Iżvilupp Nazzjonali (www.kormany.hu/hu/nemzeti-fejlesztesi-miniszterium). Id-daqs taż-żona magħżula għall-konċessjoni: 1 088,106 km2. Iż-żoni tal-minjiera li s-saff fuqani tagħhom jinsab fl-istess għoli jew f’pożizzjoni ogħla mis-saff fuqani taż-żona magħżula għall-konċessjoni u li għandhom sodda ta’ blat li tikkorrispondi għas-sodda ta’ blat taż-żona magħżula għall-konċessjoni, jew testendi tagħha, mhumiex inklużi fiż-żona magħżula għall-konċessjoni. |
5. |
Il-miżata minima netta tal-konċessjoni: HUF 363 000 000 (tliet mija u tlieta u sittin- miljun forint) + VAT, iżda tista’ tiddaħħal offerta għal ammont fiss akbar fil-proċedura tal-offerti. Hekk kif ir-riżultat jiġi ppubblikat, l-offerent rebbieħ għandu jħallas il-miżata tal-konċessjoni għall-ammont, skont il-mod u sad-data kif speċifikat fil-kuntratt ta’ konċessjoni. |
6. |
Il-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-offerti għall-konċessjoni hija soġġetta għall-ħlas ta’ miżata għall-parteċipazzjoni ta’ HUF 10 000 000 (għaxar miljun forint) + VAT; dan l-ammont għandu jitħallas skont il-mod speċifikat fid-Dokument tal-Istedina għall-Offerti. |
7. |
Minbarra li jħallsu l-miżata għall-parteċipazzjoni, biex l-offerta tagħhom tkun valida, l-offerenti għandhom jippreżentaw garanzija tal-offerta ta’ HUF 50 000 000 (ħamsin miljun forint) sal-jum ta’ qabel id-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti, bħala garanzija li l-offerta hija vinkolanti. Il-garanzija tal-offerta mħallsa tiġi ċeduta lill-Awtorità Kontraenti jekk l-offerent jirtira jew jekk l-offerent jikseb suċċess iżda mbagħad ma jikkonkludix il-kuntratt jew jonqos milli jħallas il-miżata tal-konċessjoni offruta, għall-ammont, skont il-mod u sad-data tal-iskadenza stipulata fil-kuntratt. Il-garanzija tal-offerta għandha titħallas skont il-mod speċifikat fid-Dokument tal-Istedina għall-Offerti. |
8. |
L-aktar rata baxxa tar-royalty tal-minjieri pagabbli abbażi tal-kuntratt ta’ konċessjoni se tkun 16 % f’konformità mad-deċiżjoni tal-Ministru; fil-proċedura tal-offerti tista’ tiddaħħal offerta għal royalty ogħla tal-minjieri, li jekk ikun hemm qbil tiġi rreġistrata fil-kuntratt ta’ konċessjoni u għandha titħallas għad-durata tal-konċessjoni. Il-każijiet speċifikati fit-Taqsima 20(3)(e) u (i) u fit-Taqsima 20(5) tal-Att dwar il-Minjieri huma eċċezzjonijiet, fejn għandu japplika r-royalty tal-minjieri prevalenti speċifikat fl-Att dwar il-Minjieri. |
9. |
Il-kundizzjonijiet legali, finanzjarji, tekniċi u kundizzjonijiet oħra u informazzjoni dwar il-proċedura tal-offerti jistgħu jinsabu fid-Dokument tal-Istedina għall-Offerti. |
10. |
Id-Dokument tal-Istedina għall-Offerti jista’ jinġabar sal-jum ta’ qabel id-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-offerti, fuq preżentazzjoni ta’ prova dokumentarja adegwata li l-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Istedina għall-Offerti jkun tħallas. Ix-xerrej se jingħata ċertifikat f’ismu li jikkonferma li hu rċieva d-Dokument tal-Istedina għall-Offerti. Meta jixtri d-Dokument tal-Istedina għall-Offerti, sabiex jiġi kkuntattjat u sabiex jirċievi l-informazzjoni, ix-xerrej għandu jippreżenta wkoll Skeda għall-Identifikazzjoni tal-Offerent tal-Konċessjoni, li tista’ titniżżel mis-sit web tal-Uffiċċju Ungeriż għall-Minjieri u l-Ġeoloġija (www.mbfh.hu) billi wieħed jikklikkja fuq l-għażla “Koncessziós pályázatok közzététele” [“Avviżi dwar l-offerti għall-konċessjonijiet”] fil-menu li jinżel imsejjaħ “Koncesszió” [“Konċessjonijiet”] u/jew mis-sit web tal-Ministeru għall-Iżvilupp Nazzjonali (www.kormany.hu/hu/nemzeti-fejlesztesi-miniszterium). |
11. |
Il-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Istedina għall-Offerti huwa ta’ HUF 100 000 (mitt elf forint) + VAT, li għandu jitħallas permezz ta’ trasferiment bankarju. Il-messaġġ li jakkumpanja t-trasferiment għandu juri l-kodiċi SOBCHDV u l-isem tal-parti li qed tixtri d-Dokument tal-Istedina għall-Offerti. Il-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Istedina għall-Offerti ma jistax jitħallas fi flus kontanti u la jista’ jiġi rimborżat parzjalment u lanqas b’mod sħiħ. Jekk id-Dokument tal-Istedina għall-Offerti ma jiġix riċevut, il-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Istedina għall-Offerti jitħallas lura lill-pagatur fi żmien ħamest ijiem mid-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni. L-informazzjoni dwar it-trasferiment tal-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Istedina għall-Offerti u dwar l-irċevuta tad-Dokument tal-Istedina għall-Offerti tista’ titniżżel mis-sit web tal-Uffiċċju Ungeriż għall-Minjieri u l-Ġeoloġija (www.mbfh.hu) u/jew il-Ministeru għall-Iżvilupp Nazzjonali (www.kormany.hu/hu/nemzeti-fejlesztesi-miniszterium). |
12. |
L-offerti jistgħu jiġu ppreżentati biss minn persuni li xtraw id-Dokument tal-Istedina għall-Offerti u li ħallsu kemm il-miżata tal-parteċipazzjoni kif ukoll il-garanzija tal-offerta. Jekk tiġi ppreżentata offerta konġunta, huwa biżżejjed li wieħed mill-offerenti jixtri d-Dokument tal-Istedina għall-Offerti. |
13. |
L-offerti għandhom jiġu ppreżentati personalment fis-26 ta’ Settembru 2017 bejn l-10:00 u 12:00, bl-Ungeriż, kif speċifikat fid-Dokument tal-Istedina għall-Offerti. Aktar informazzjoni dwar il-post tal-preżentazzjoni hija disponibbli fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ungeriż għall-Minjieri u l-Ġeoloġija (www.mbfh.hu) u/jew tal-Ministeru għall-Iżvilupp Nazzjonali (www.kormany.hu/hu/nemzeti-fejlesztesi-miniszterium). |
14. |
Hekk kif l-offerta tiġi ppreżentata din issir vinkolanti fuq l-offerent u tibqa’ vinkolanti sakemm il-proċedura tal-offerti tispiċċa. L-offerenti ma jistgħux jeskludu r-responsabbiltà għan-nuqqas ta’ konformità mal-offerta tagħhom. |
15. |
Il-Ministru jirriżerva d-dritt li jiddikjara li l-proċedura tal-offerti għall-konċessjoni ma kinitx ta’ suċċess. Ma tista’ titressaq l-ebda pretensjoni li tirriżulta mill-proċedura tal-offerti li tkun ġiet iddikjarata li ma kinitx ta’ suċċess kontra l-Ministru, l-Istat Ungeriż rappreżentat mill-Ministru, jew il-Ministeru għall-Iżvilupp Nazzjonali bħala l-post tax-xogħol tal-Ministru. |
16. |
L-offerent rebbieħ jakkwista d-dritt esklussiv għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni tal-idrokarburi fiż-żona magħżula għall-konċessjoni għad-durata tal-konċessjoni permezz tal-Kumpanija tal-Konċessjoni, imwaqqfa b’mod obbligatorju għal dak l-iskop. Ladarba d-deċiżjoni li tistabbilixxi s-sit għax-xogħol tal-minjieri ssir finali u infurzabbli, id-dritt ta’ konċessjoni għaż-żona għall-prospettar ikun limitat għaż-żona tas-sit għax-xogħol tal-minjieri. |
17. |
Kull offerent jista’ jippreżenta offerta waħda biss. |
18. |
Il-limitu ta’ żmien għall-aġġudikazzjoni tal-offerti għall-konċessjoni: fi żmien 90 jum mid-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti. |
19. |
L-awtorità Kontraenti se tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u mhi se tapplika l-ebda kriterju preferenzjali. |
20. |
Il-kriterji għall-aġġudikazzjoni tal-offerta:
Il-kriterji tal-aġġudikazzjoni dettaljati u l-leġiżlazzjoni li tirregola l-proċedura tal-awtorizzazzjoni tax-xogħol ta’ konċessjoni u kif din għandha ssir u titlesta huma speċifikati fid-Dokument tal-Istedina għall-Offerti. |
21. |
Il-kuntratt ta’ konċessjoni Il-kuntratt ta’ konċessjoni għandu jiġi konkluż fi żmien 90 jum wara li jitħabbar ir-riżultat. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż mill-Ministru darba biss, b’massimu ta’ 60 jum. L-offerent rebbieħ huwa intitolat li jwettaq l-attività ekonomika esklussiva kkontrollata mill-istat (il-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi f’żona delimitata) permessa skont il-konċessjoni għad-durata tal-konċessjoni skont il-leġiżlazzjoni rilevanti u l-kuntratt ta’ konċessjoni. Meta jippreżentaw l-offerta, l-offerenti għandhom iqisu t-Taqsima 22/A(13) tal-Att dwar il-Minjieri, li tiddikjara li fil-każ tal-idrokarburi d-dritt tal-operatur tal-minjieri għall-prospettar jew il-permess tiegħu għall-prospettar jista’ jkopri total ta’ mhux aktar minn 15 000 km2 ta’ territorju għall-prospettar. Meta jiġi stabbilit it-territorju għall-prospettar, għandu jitqies ukoll it-territorju għall-prospettar tal-operatur tal-minjieri li jikkontrolla – skont it-tifsira tal-Kodiċi Ċivili – l-operatur tal-minjieri li jixtieq jikseb id-dritt jew il-permess għall-prospettar. Fil-każ ta’ offerti konġunti, kull wieħed mill-offerenti għandu jissodisfa dan il-kriterju individwalment. L-abbozz tal-kuntratt ta’ konċessjoni huwa anness mad-Dokument tal-Istedina għall-Offerti. |
22. |
Wara li jinxtara d-Dokument tal-Istedina għall-Offerti, l-informazzjoni dwar il-proċedura tal-offerti tista’ tintalab esklussivament bil-miktub fil-lingwa Ungeriża, skont il-mod stipulat fid-Dokument tal-Istedina għall-Offerti; it-tweġibiet se jkunu disponibbli għall-partijiet kollha mill-Uffiċċju Ungeriż għall-Minjieri u l-Ġeoloġija permezz tal-indirizz tal-posta elettronika indikat fuq l-Iskeda għall-Identifikazzjoni tal-Offerent li ġiet ippreżentata meta nxtara d-Dokument tal-Istedina għall-Offerti. |
Budapest, Frar 2017.
Dr Miklós SESZTÁK
Ministru
(1) Fid-data li fiha din l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti qiegħda tiġi ppubblikata, il-membru tal-Gvern responsabbli għas-sorveljanza tal-assi li huma proprjetà tal-istat u għall-minjieri huwa l-Ministru għall-Iżvilupp Nazzjonali f’konformità mat-Taqsima 109(3) u (5) tad-Digriet tal-Gvern Nru 152/2014 tas-6 ta’ Ġunju 2014 li jirregola d-dmirijiet u s-setgħat ta’ ċerti Ministri u membri tal-Gvern.