Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XG0225(02)

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-Inklużjoni fid-Diversità biex tinkiseb Edukazzjoni ta’ Kwalità Għolja għal Kulħadd

ĠU C 62, 25.2.2017, pp. 3–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/3


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-Inklużjoni fid-Diversità biex tinkiseb Edukazzjoni ta’ Kwalità Għolja għal Kulħadd

(2017/C 62/02)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI,

FILWAQT LI JFAKKRU fil-kuntest politiku ta’ din il-kwistjoni kif deskritt fl-Anness u b’mod partikolari fl-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) Nru 4 tan-NU (1), fir-Rapport Konġunt dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ (ET2020) (2), u fid-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni (3);

FILWAQT LI JIEĦDU NOTA tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-titjib u l-immodernizzar tal-edukazzjoni (4);

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU LI:

—

L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq valuri komuni u prinċipji ġenerali tad-dritt, stipulati fl-Artikoli 1 sa 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jimmarka pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli tal-Ewropa;

—

Il-politika tal-edukazzjoni għandha rwol ewlieni x’taqdi fit-trawwim tal-inklużjoni u r-rispett lejn id-diversità fl-Unjoni Ewropea (UE);

—

L-edukazzjoni inklużiva tindirizza u tirreaġixxi għal bżonnijiet differenti tal-istudenti kollha f’ambjent tal-edukazzjoni formali, mhux formali u informali bl-objettiv li tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta’ kulħadd fl-edukazzjoni ta’ kwalità għolja;

—

Id-diversità tas-soċjetajiet Ewropej iġġib magħha kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jirrikjedu enfasi akbar fuq il-promozzjoni tal-inklużjoni u l-valuri komuni sabiex tiġi ffaċilitata l-koeżistenza ta’ identitajiet kulturali differenti f’Ewropa paċifika u demokratika;

—

Id-diversità fl-Ewropa ser tkompli tiżdied fil-futur u jeħtieġ verament li niġġieldu kontra kull forma ta’ intolleranza u esklużjoni soċjali li jaffettwaw kemm liċ-ċittadini Ewropej kif ukoll lill-migranti, b’mod partikolari dawk li jkunu għadhom kif waslu;

—

L-importanza li tiġi inkoraġġita l-unità fid-diversità fil-politiki tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, anke fil-perspettiva tas-60 anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma tal-1957, hija element ewlieni għat-tiswir ta’ soċjetà inklużiva;

JISSOTTOLINJAW

—

il-ħtieġa li l-edukazzjoni u t-taħriġ irawmu l-inklużjoni fid-diversità biex tinkiseb edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd, filwaqt li l-istudenti kollha jiġu mgħammra b’kompetenzi soċjali, ċiviċi u interkulturali biex jissaħħu, jiġu rriaffermati u jitrawmu l-valuri demokratiċi tal-UE, id-drittijiet fundamentali, l-inklużjoni soċjali u n-nondiskriminazzjoni kif ukoll iċ-ċittadinanza attiva;

—

li l-iżgurar ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja li tkun inklużiva għandu jitqies f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja li jkopri l-aspetti kollha tal-edukazzjoni. Din għandha tkun disponibbli u aċċessibbli għall-istudenti kollha ta’ kull età, inkluż dawk li qed jiffaċċaw sfidi, bħal persuni bi bżonnijiet speċjali jew li għandhom diżabbiltà, dawk li ġejjin minn ambjent soċjoekonomiku żvantaġġat, minn ambjent ta’ migrazzjoni jew minn żoni ġeografikament żvantaġġati jew żoni ta’ gwerra, irrispettivament mis-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;

JIRRIKONOXXU LI

—

kif stipulat fl-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) Nru 4 tan-NU dwar l-iżgurar ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja li tkun inklużiva u ġusta u l-promozzjoni tal-opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd, edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja għandhom jiżguraw li l-istudenti kollha jiksbu l-kompetenzi (għarfien, ħiliet u attitudni) meħtieġa biex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli, inkluż, fost affarijiet oħra, permezz tal-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-istili ta’ ħajja, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-promozzjoni ta’ kultura ta’ paċi u nonvjolenza, iċ-ċittadinanza globali u apprezzament tad-diversità kulturali u tal-kontribut tal-kultura lejn l-iżvilupp sostenibbli;

—

edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja għal kulħadd ibbażati fuq l-inklużività, l-ugwaljanza, l-ekwità, il-kompetenzi u l-valuri adatti jikkontribwixxu wkoll biex jitrawmu l-impjegabbiltà, l-intraprenditorija, il-ħsieb innovattiv, il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali u l-iżvilupp olistiku ta’ student għaċ-ċittadinanza attiva;

—

l-ugwaljanza u l-ekwità mhumiex l-istess u li s-sistemi tal-edukazzjoni jridu jitbiegħdu mill-mentalità tradizzjonali ta’ universalità. Opportunitajiet indaqs għal kulħadd huma kruċjali, iżda mhux biżżejjed: jeħtieġ li tinkiseb l-“ekwità” fl-għanijiet, il-kontenut, il-metodi ta’ tagħlim u l-forom ta’ tgħallim previsti mis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex tinkiseb edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd;

JENFASIZZAW LI

—

is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jakkomodaw id-diversi bżonnijiet, abbiltajiet u kapaċitajiet tal-istudenti kollha u joffru opportunitajiet ta’ tgħallim lil kulħadd f’ambjent tal-edukazzjoni formali, mhux formali u informali;

—

jeħtieġ li jingħata aktar appoġġ lill-għalliema, lill-edukaturi u persunal ieħor ta’ tagħlim biex joperaw b’suċċess fis-sistemi tat-taħriġ li jippermettu perkorsi ta’ tgħallim u li jindirizzaw il-bżonnijiet, l-abbiltajiet u l-kapaċitajiet differenti tal-istudenti. Fejn ikun adatt, jeħtieġ li dawn il-perkorsi ta’ tgħallim ikunu mfassla apposta, minn isfel għal fuq u kollaborattivi;

—

l-edukazzjoni u t-taħriġ ma jistgħux jitqiesu b’mod iżolat mill-aspetti soċjali, politiċi, storiċi, ambjentali u ekonomiċi. Ir-rwol ewlieni tal-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandu jkun ikkomplementat u appoġġat b’mod kooperattiv minn sferi oħra ta’ politika sabiex tinkiseb edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd;

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI BIEX SKONT IĊ-ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI

1.

jikkunsidraw l-approċċ edukattiv ġenerali filwaqt li jinkoraġġixxu l-involviment kemm mal-komunità edukattiva ġenerali (5) kif ukoll ma’ firxa usa’ ta’ partijiet ikkonċernati (6) flimkien mal-komunità inġenerali biex jiġu ttrattati kwistjonijiet li dwarhom l-iskejjel ma għandhomx u ma jistax ikollhom l-għarfien espert rilevanti. Dan ser jgħin biex tinkiseb edukazzjoni ta’ kwalità li tkun inklużiva u ġusta għal kulħadd;

2.

jippromwovu kultura edukattiva u etos demokratiċi u inklużivi li jagħtu valur lid-diversità, jinkoraġġixxu l-litteriżmu tal-media u tal-informazzjoni għal valutazzjoni kritika u riflessiva tal-informazzjoni u jagħmlu sensibilizzazzjoni dwar il-manipulazzjoni u l-propaganda, jagħtu lok għad-djalogu u d-diskussjoni dwar kwistjonijiet kontroversjali, u jipprovdu ambjent li jistimola u jrawwem filwaqt li jippermetti lill-istudenti kollha jisfruttaw il-potenzjal kollu tagħhom;

3.

jippromwovu l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ miżuri li jippermettu l-identifikazzjoni bikrija u l-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali, il-bullying, it-tluq bikri mill-iskola u s-sinjali bikrin ta’ radikalizzazzjoni, li jista’ jwassal għall-estremiżmu vjolenti;

4.

jinkoraġġixxu l-għoti ta’ opportunitajiet lill-istudenti kollha biex jinvolvu ruħhom f’perkorsi flessibbli, inkluż l-iżvilupp ta’ ħiliet u kwalifiki vokazzjonali, it-taħlita ta’ programmi formali, taħriġ fuq il-post tax-xogħol, tagħlim diġitali u mill-bogħod, validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali, abbażi ta’ sħubiji sodi bejn l-istituzzjonijiet vokazzjonali, in-negozji, is-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra;

5.

jinkoraġġixxu edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal li jkunu ta’ kwalità għolja bħala miżura bikrija importanti, inkluż miżuri ta’ appoġġ għat-tfal bi bżonnijiet speċjali, filwaqt li jieħdu inkonsiderazzjoni, fejn adatt, il-Prinċipji prinċipali ta’ Qafas ta’ Kwalità għall-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal (7). L-evidenza turi li edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal li jkunu ta’ kwalità għolja jispikkaw bħala miżura ta’ politika li tista’ tnaqqas l-inugwaljanzi fil-perkors kollu tat-tagħlim tul il-ħajja ta’ persuna;

6.

jinkoraġġixxu approċċi li jappoġġaw lill-istudenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż billi jinġabru l-opinjonijiet tal-istudent dwar l-esperjenzi ta’ tgħallim tiegħu, flimkien ma’ dispożizzjonijiet dwar l-inklużività u l-ekwità li jippruvaw jikkumpensaw għall-punti ta’ tluq differenti, jiġifieri dispożizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-ugwaljanza tal-opportunità, biex tiġi żgurata l-inklużjoni fid-diversità u l-progress fil-kisba tal-ekwità;

7.

jinkoraġġixxu s-sensibilizzazzjoni għall-edukazzjoni diġitali fil-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ biex jiżdiedu l-kwalità, l-ekwità u l-inklużjoni, konxji li implimentazzjoni li tirnexxi tirrikjedi approċċ imħallat li jinkludi kontenut, infrastruttura (8), appoġġ (9) u kultura (10) adegwati;

8.

fejn meħtieġ, jiżviluppaw rotot edukattivi differenti li jwasslu għaċ-ċertifikazzjoni u jippromwovu perkorsi flessibbli tat-tgħallim. Dan ser jappoġġa t-tipi kollha ta’ studenti bil-possibbiltà li jiksbu kwalifiki rikonoxxuti biex isibu impjieg siewi u jiżviluppaw f’livell personali;

9.

jappoġġaw lill-għalliema, lill-edukaturi u persunal ieħor ta’ tagħlim u jrawmu l-motivazzjoni u kompetenzi tagħhom, inkluż pereżempju l-intelliġenza emozzjonali u l-ħiliet soċjali, biex jittrattaw id-diversità permezz ta’ programmi ta’ edukazzjoni inizjali tal-għalliem u l-iżvilupp professjonali kontinwu, inkluż l-edukazzjoni diġitali, għodod prattiċi, appoġġ u gwida kontinwi, filwaqt li jinkoraġġixxu wkoll forza ta’ għalliema aktar diversa;

10.

jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni u approċċi innovattivi bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-komunitajiet lokali, l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali, il-ġenituri, il-familja inġenerali, l-atturi fil-qasam taż-żgħażagħ, il-voluntiera, is-sħab soċjali, l-impjegaturi u s-soċjetà ċivili biex tiżdied l-inklużjoni, jissaħħu s-sens ta’ appartenenza u l-identità pożittiva, u b’hekk jingħata kontribut għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li jwassal għall-estremiżmu vjolenti (11) u barra minn hekk jiġi żgurat li l-kontenut edukattiv, il-pedagoġiji u l-għodod ikun aġġornati u rilevanti għall-kuntest lokali;

11.

jinkoraġġixxu kooperazzjoni aktar mill-qrib u approċċi innovattivi bejn l-edukazzjoni u oqsma rilevanti oħra, bħall-kultura, iż-żgħażagħ, l-isport, l-impjieg, il-benessri, is-sigurtà u kanali oħra ta’ ħidma fuq l-inklużjoni soċjali; u, fejn meħtieġ, jiżviluppaw appoġġ reċiproku bejn il-politika soċjali, kulturali, taż-żgħażagħ, ekonomika u tal-edukazzjoni biex tiġi żgurata l-inklużjoni fid-diversità (12);

12.

jinkoraġġixxu diversi forom ta’ evalwazzjoni u valutazzjoni biex jiġi żgurat li jiġu koperti forom differenti ta’ tgħallim;

13.

jikkunsidraw l-użu ta’ kurrikula u approċċi pedagoġiċi li jirriflettu d-diversitajiet soċjali, kulturali u diversitajiet oħra tal-istudenti;

14.

jappoġġaw istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-isforzi tagħhom biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u t-tlestija minn gruppi li huma sottorappreżentati, u jippromwovu l-involviment mill-persunal u l-istudenti f’attivitajiet tal-ħajja pubblika;

15.

irawmu l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-edukazzjoni, inkluż benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali li jkunu għadhom kemm jaslu, inkluż permezz tat-tagħlim tal-lingwa;

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI

1.

tkompli tippromwovi l-iskambju ta’ prattiki tajba u approċċi innovattivi dwar kif tinkiseb edukazzjoni ta’ kwalità għolja li tkun inklużiva u ġusta għal kulħadd, pereżempju permezz tal-Gruppi ta’ Ħidma dwar l-ET2020, b’mod partikolari l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni u l-iżvilupp ta’ kompendju online ta’ prattiki tajba;

2.

tippromwovi investimenti adegwati u effiċjenti sabiex tinkiseb edukazzjoni ta’ kwalità għolja li tkun inklużiva u ġusta għal kulħadd, pereżempju permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej;

3.

tappoġġa l-konsulenza bejn il-pari fil-qasam tal-“inklużjoni fid-diversità” fl-edukazzjoni billi tlaqqa’ lill-pari minn amministrazzjonijiet nazzjonali, sabiex tingħata konsulenza esterna lil pajjiż li jitlob appoġġ kif ukoll ikun jista’ jsir skambju ta’ esperjenzi u għarfien fost il-pari. Jista’ jiġi esplorat jekk il-konsulenza bejn il-pari tistax tkompli tissaħħaħ, inkluż bi żjajjar ta’ studju għal terminu qasir bejn l-amministrazzjonijiet tal-edukazzjoni.

4.

tapprofondixxi t-tagħlim reċiproku dwar l-inklużjoni fid-diversità, b’mod partikolari permezz tal-programmi Erasmus+ ta’ żvilupp professjonali permezz tal-mobbiltà għall-għalliema kif ukoll tkompli tiżviluppa eTwinning, School Education Gateway u Toolkit Ewropew għall-Iskejjel;

5.

tikkonsolida l-ħidma tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali fil-promozzjoni tar-rispett reċiproku, in-nondiskriminazzjoni, il-libertajiet fundamentali u s-solidarjetà fl-UE kollha;

6.

tikkonsolida l-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u l-Edukazzjoni Inklużiva biex jingħataw informazzjoni u gwida abbażi tal-evidenza dwar l-implimentazzjoni tal-edukazzjoni inklużiva;

7.

torganizza attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, bħal konferenza dwar l-Inklużjoni fid-diversità biex tinkiseb edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd, billi jittieħdu inkonsiderazzjoni attivitajiet simili oħra pprovduti minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra;

8.

tieħu inkonsiderazzjoni dawn il-konklużjonijiet meta tħejji u timplimenta azzjonijiet fil-qasam tal-edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità.


(1)  Unesco (2015), ‘Education 2030: Framework for Action - Towards inclusive and equitable quality education and lifelong learning for all’, p. 2.

(2)  Ir-Rapport Konġunt ta’ Novembru 2015 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ ET2020 (14440/1/15 REV 1).

(3)  Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, Pariġi, 17 ta’ Marzu 2015.

(4)  Dok. 15418/16

(5)  Il-mexxejja tal-iskola, il-persunal tat-tagħlim u mhux tat-tagħlim, l-istudenti, il-ġenituri u l-familji.

(6)  Tali servizzi soċjali, servizzi għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ kollegament għall-qasam tal-kura tas-saħħa, psikologi, infermieri, terapisti tad-diskors u tal-lingwa, speċjalisti fl-għoti ta’ gwida, awtoritajiet lokali, NGOs, negozji, unions, voluntiera.

(7)  Proposal for Key principles of a Quality Framework for Early Childhood Education and Care, Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Ewropea, Ottubru 2014.

(8)  Tagħmir (broadband, 4G, appoġġ għal teknoloġija sussidjata u għal BYOD), infrastruttura tas-software speċjalment portali u repożitorji tar-riżorsi, u netwerks.

(9)  Inċentivi u taħriġ sistematiċi li permezz tagħhom l-għalliema jkunu jistgħu jesperimentaw b’pedagoġiji diġitali inkluż dawk dwar pedagoġiji ta’ tgħallim fi grupp, it-tirqim u d-distribuzzjoni tal-aħjar prattiki kemm fil-livell tal-għalliema kif ukoll fil-livell tal-politika nazzjonali.

(10)  Jeħtieġ li l-viżjoni, il-politika u l-istrateġiji edukattivi jimxu mill-promozzjoni tat-teknoloġija għall-promozzjoni ta’ kultura miftuħa u konnessa appoġġata mit-teknoloġija.

(11)  Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti dok. 14276/16, p. 6.

(12)  Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, Pariġi, 17 ta’ Marzu 2015, p. 5.


ANNESS

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET2020”) (12 ta’ Mejju 2009).

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni ta’ tfal bi sfond ta’ migrazzjoni (26 ta’ Novembru 2009).

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli (18 u 19 ta’ Novembru 2010).

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ (11 ta’ Mejju 2010).

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kapaċità għall-impjieg tal-persuni ggradwati mill-edukazzjoni u t-taħriġ (10 u 11 ta’ Mejju 2012).

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni għolja (16 ta’ Mejju 2013).

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tmexxija effettiva fl-edukazzjoni (25 u 26 ta’ Novembru 2013).

—

Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, Pariġi, 17 ta’ Marzu 2015.

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni primarja fit-trawwim tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenza diġitali (18 u 19 ta’ Mejju 2015).

—

Unesco (2015), ‘Education 2030: Framework for Action - Towards inclusive and equitable quality education and lifelong learning for all’.

—

Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) — Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (23 u 24 ta’ Novembru 2015).

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u l-promozzjoni tas-suċċess fl-iskola (23-24 ta’ Novembru 2015).

—

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-inklużività soċjoekonomiċi fl-UE permezz tal-edukazzjoni: il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-Semestru Ewropew 2016 (24 ta’ Frar 2016).

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tal-litteriżmu fil-media u l-ħsieb kritiku permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ (30 u 31 ta’ Mejju 2016).

—

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (7 ta’ Ġunju 2016).

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti (21 u 22 ta’ Novembru 2016).

—

Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2016 (Novembru 2016).

—

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-titjib u l-immodernizzar tal-edukazzjoni (Diċembru 2016).


Top