Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017SC0448

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (riformulazzjoni)

SWD/2017/0448 final - 2017/0332 (COD)

Brussell, 1.2.2018

SWD(2017) 448 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal

Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (riformulazzjoni)

{COM(2017) 753 final}
{SWD(2017) 449 final}
{SWD(2017) 451 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva 98/83/KE dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

L-ilma tax-xorb sikur huwa essenzjali għas-saħħa u l-benesseri pubbliku. Il-kontaminazzjoni jew l-iskarsezza jwasslu għal spejjeż soċjali u ekonomiċi għolja. L-evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva 98/83/KE, li hija azzjoni ta’ segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) “Right2Water”, ikkonfermat li din id-direttiva tissodisfa l-għan tagħha li tħares is-saħħa tal-bniedem mill-effetti ħżiena ta’ kull kontaminazzjoni ta’ ilma tal-vit. Madankollu, l-evalwazzjoni, il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u l-Qorti tal-Awdituri identifikaw ħames oqsma problematiċi: 1) standards tal-kwalità skaduti; 2) approċċ skadut; 3) flessibbiltà fid-dispożizzjonijiet rigward materjali li jiġu f’kuntatt mal-ilma tax-xorb li toħloq ostakolu għas-suq intern; 4) nuqqas ta’ trasparenza u nuqqas ta’ aċċess għal informazzjoni aġġornata għall-konsumaturi, u rappurtar kumpless wisq; 5) skont l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, madwar 2 miljun persuna m’għandhomx aċċess għall-ilma tal-vit.

X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?

L-għan tal-inizjattiva huwa li l-provvista sostenibbli tal-ilma tax-xorb ta’ kwalità għolja tiġi żgurata għal għexieren ta’ snin oħra permezz tal-modernizzazzjoni tad-Direttiva dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.

X'inhu l-valur miżjud ta' azzjoni fil-livell tal-UE?

Il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, it-tneħħija tal-ostakoli tas-suq intern, it-titjib tal-aċċess għall-ilma u l-ġestjoni sostenibbli tal-provvista tal-ilma ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom. Iċ-ċittadini, l-Istati Membri u n-negozji jiddependu fuq standards aġġornati tal-kwalità tal-ilma tax-xorb li huma komuni għall-UE kollha.

B. Soluzzjonijiet

X'għażliet ta' politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex?

Abbażi tal-għażliet identifikati fil-valutazzjoni tal-impatt, ġew ikkunsidrati żewġ pakketti ta’ politika, li t-tnejn li huma fihom 1) lista estiża u aġġornata tal-parametri; 2) il-promozzjoni tal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju; 3) it-tneħħija tal-ostakoli għas-suq intern b’rabta ma’ prodotti li jiġu f’kuntatt mal-ilma tax-xorb; 4) l-għoti ta’ informazzjoni SMART lill-konsumaturi, u obbligi ta’ rappurtar aktar iffokati. It-tieni pakkett jinkludi wkoll 5) it-titjib u l-promozzjoni tal-aċċess għall-ilma tax-xorb. Iż-żewġ pakketti ta’ politika preferuti jikkorrispondu bl-aħjar mod mal-objettiv ġenerali tal-inizjattiva, filwaqt li jieħdu vantaġġ mis-sinerġija bejn lista estiża tal-parametri u l-applikazzjoni sħiħa ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju, biex il-benefiċċji tas-saħħa jiġu massimizzati filwaqt li jitnaqqsu l-kostijiet. It-tieni pakkett jindirizza b’mod aktar dirett “l-aċċess għall-ilma” identifikat mill-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Right2Water”, inkluż l-obbligu li jiġi żgurat l-aċċess għall-ilma tax-xorb għall-gruppi vulnerabbli u emarġinati.

Liema għażla u min jappoġġaha?

Il-fornituri tal-ilma u l-awtoritajiet appellaw bil-qawwi favur lista estiża u aġġornata tal-parametri , u favur l-introduzzjoni tal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju. L-industrija, il-konsumaturi u l-awtoritajiet urew appoġġ qawwi favur it-tneħħija tal-ostakoli għas-suq intern. Il-konsumaturi appoġġaw l-idea li jkun hemm aktar trasparenza u aċċess imtejjeb għall-ilma għal kulħadd. Parti mill-operaturi tal-ilma kienu tal-fehma li ma hemmx bżonn il-ħtieġa ta' aċċess aħjar għall-informazzjoni SMART. L-industrija tal-ilma fi fliexken ikkontestatat l-idea li l-konsum tal-ilma fi fliexken jintuża bħala indikatur tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-ilma tal-vit.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Iż-żewġ pakketti ppreferuti jiżguraw il-forniment sostenibbli ta’ ilma tax-xorb ta’ kwalità għolja. L-introduzzjoni tal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju fl-intier tiegħu ttejjeb il-koerenza ma’ politiki oħra, bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, u tippermetti identifikazzjoni aħjar tas-sorsi possibbli ta’ kontaminazzjoni, biex jitnaqqsu r-riskji u biex b’hekk l-isforzi ta’ trattament u ta’ monitoraġġ ikunu jistgħu jiġu ffukati aħjar. Iż-żewġ pakketti jnaqqsu l-ammont ta’ persuni li bħalissa jinsabu f’riskju potenzjali għas-saħħa fl-UE minn 20 miljun għal bejn 4.7 miljun u 4.1 miljun. Inaqqsu wkoll ir-riskju ta’ effetti marġinali potenzjali fuq medda twila ta’ żmien u l-kostijiet korrispondenti tas-saħħa. Trasparenza akbar b’rabta mal-provvista tal-ilma tagħti s-setgħa lill-konsumaturi jħeġġu lill-fornituri biex jiżguraw li jingħataw servizzi effiċjenti fir-riżorsi. Il-fiduċja fl-ilma tal-vit tittejjeb, b’impatti soċjali u ambjentali addizzjonali pożittivi: tnaqqis tal-konsum tal-ilma fil-fliexken b’madwar 17 % (meta mqabbel mal-2015), li jirriżulta f’inqas emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u skart tal-plastik. Il-piż tar-rappurtar jitnaqqas, billi jiġi meħtieġ li tintbagħat biss informazzjoni essenzjali lill-Kummissjoni (okkorrenzi meta jinqabżu l-valuri, inċidenti).

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)?

Il-kost annwali attwali tas-settur tal-ilma tax-xorb jammonta għal EUR 46.3 biljun, u huwa mistenni li jiżdied għal EUR 47.9 biljun fl-2050. Il-benefiċċji pożittivi sinifikanti għas-saħħa ta’ provvista tal-ilma tax-xorb iktar sikur iġibu magħhom kostijiet addizzjonali moderati. Il-pakketti jinvolvu żieda addizzjonali stmata ta’ bejn EUR 5.9 biljun u EUR 7.3 biljun fil-kostijiet tal-istabiliment 1 . L-impjiegi fis-settur tal-provvista tal-ilma jiżdiedu bejn 17 000 u 26 000 impjieg ekwivalenti għall-full time (FTE), iżda jonqsu b’9 000 impjieg ekwivalenti għall-full time fix-xenarju bażi. Il-parti ewlenija tal-kostijiet tiġi mgħoddija lill-konsumaturi, iżda l-finanzjament mill-UE jew il-politiki nazzjonali jistgħu jnaqqsu dan l-impatt. Rigward l-affordabbiltà, il-pakketti jżidu bi ftit l-infiq tal-unitajiet domestiċi fuq is-servizzi tal-ilma minn 0.73 % għal bejn 0.75 % u 0.76 % tad-dħul medju tal-unitajiet domestiċi. Il-kostijiet medji għal kull unità domestika, stmati li huma ta’ EUR 229 għall-2015, jiżdiedu bejn EUR 7.90 u EUR 10.40 fis-sena. Billi l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni (eż. għas-sussidjar), huwa probabbli li l-kostijiet proprja jkunu iżgħar. Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-konsum tal-ilma fil-fliexken jista’ jgħin lill-familji biex il-kostijiet jitpattew b’madwar EUR 600 miljun.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Il-fornituri tal-ilma jiġu affettwati l-aktar. Id-distinzjoni bejn fornituri kbar u żgħar se tinżamm u se tiġi rfinuta. B’mod partikolari, il-fornituri ż-żgħar se jibbenifikaw minn implimentazzjoni simplifikata u gradwali tal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju. B’mod ġenerali, it-tibdiliet kollha se jġibu magħhom aktar opportunitajiet ta’ impjieg. Il-pakketti se jkollhom effetti pożittivi għall-SMEs fis-settur tat-trattament u tal-analiżi (l-effetti sekondarji tal-impjiegi jistgħu jilħqu l-1 000 impjieg). B’kuntrast għall-impatti negattivi żgħar potenzjali fuq l-industrija tal-ilma fi fliexken, huma mistennija effetti pożittivi fis-settur tal-manifattura ta’ prodotti u materjali, fuq l-SMEs, fuq l-aċċess għas-suq u l-innovazzjoni, u fis-settur tal-ICT.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Il-modernizzazzjoni ta’ leġiżlazzjoni eżistenti implimentata sew se jkollha impatti minuri fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali. L-impatti ewlenin għall-awtoritajiet jirrigwardaw it-tnaqqis tal-piż amministrattiv permezz ta’ rappurtar simplifikat (EUR -0.35 miljun f’kostijiet operattivi). L-Istati Membri se jkollhom jittrasponu t-test legali u jistgħu jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali ta’ valutazzjoni tar-riskji speċifiċi u/jew gwida, flimkien ma’ taħriġ.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

L-iffrankar annwali fil-kostijiet b'rabta mat-tnaqqis tal-ostakoli għas-suq intern huwa stmat għal EUR 669 miljun, iżda dan l-iffrankar jista’ jwassal għal telf potenzjali għal xi korpi nazzjonali ta’ approvazzjoni tal-prodotti. Id-dispożizzjonijiet inklużi fit-tieni pakkett se jikkontribwixxu lejn aċċess imtejjeb għall-ilma (l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 6).

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tad-Direttiva mhux aktar tard minn 12-il sena wara d-data tat-traspożizzjoni tagħha. Il-klawżoli ta’ rieżami biex l-Annessi tekniċi jiġu adattati b’mod regolari għall-progress xjentifiku se jinżammu.

(1) Id-differenza fil-kostijiet operattivi annwali bejn iż-żewġ pakketti ta’ politika hija kkunsidrata bħala negliġibbli.
Top