Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017SC0359

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank

SWD/2017/0359 final - 2017/0288 (COD)

Brussell,8.11.2017

SWD(2017) 359 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank

{COM(2017) 647 final}

{SWD(2017) 358 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

Il-problemi ewlenin huma li: 1) l-operaturi qed isibu bosta xkiel fis-swieq nazzjonali biex joħolqu servizzi tal-kowċ interurbani u 2) il-modi sostenibbli tat-trasport tal-passiġġieri għandhom sehem żgħir. Iċ-ċittadini qed iġarrbu nuqqas ta’ konnettività. Qed ibatu minħabba żieda fl-inċidenti, xi drabi fatali, l-emissjonijiet u l-konġestjonijiet għax żdiedu l-karozzi fit-toroq.

X’għandu jinkiseb?

L-għanijiet ġenerali qed jagħmlu l-mobbiltà u l-konnettività interurbani aktar faċli għall-Ewropej u jżidu s-sehem tal-modi sostenibbli tat-trasport.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (is-sussidjarjetà)?

Fejn jidħlu r-regoli dwar l-aċċess għas-swieq nazzjonali għas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank, fl-UE teżisti frammentazzjoni sħiħa li qed ixxekkel il-kapaċità tat-trasportaturi biex joħolqu servizzi fi ħdan in-netwerks tal-kowċ pan-Ewropej. Waħedhom, l-Istati Membri la jistgħu jintroduċu regoli uniformi tal-aċċess għas-suq jew lanqas jistgħu jiżguraw il-koerenza u l-koordinazzjoni tagħhom.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-għażliet varji biex jinkisbu l-għanijiet? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

L-għażla 1: aċċess miftuħ għas-suq tas-servizzi regolari bil-possibbiltà li l-awtorizzazzjoni tiġi rrifjutata jekk tkun kompromessa l-vijabbiltà tal-kuntratt tas-servizz pubbliku (PSC).

L-għażla 2: aċċess miftuħ għas-suq interurban tas-servizzi regolari sa distanzi ta’ 100 km jew iżjed. L-awtorizzazzjoni tista’ tiġi rrifjutata jekk il-vijabbiltà tal-kuntratt tas-servizz pubbliku (PSC) tkun kompromessa.

L-għażla 3: aċċess miftuħ għas-suq interurban tas-servizzi regolari mingħajr proċess tal-awtorizzazzjoni għal servizzi ta’ distanzi twal.

L-għażla 4: regolamentazzjoni mhux vinkolanti li tħeġġeġ aċċess ġust u mhux diskriminatorju għall-vendi.

L-għażla 5: regoli dwar l-aċċess ekwu li jeżiġu aċċess ġust u mhux diskriminatorju għall-vendi.

L-għażla ppreferuta hi taħlita tal-Għażla 2 u l-Għażla 5.

X’inhuma l-fehmiet differenti tal-partijiet konċernati? Liema għażla u min jappoġġaha?

B’mod ġenerali, il-partijiet konċernati jappoġġaw it-twaqqif ta’ qafas komuni tal-UE, iżda l-fehmiet tal-awtoritajiet nazzjonali huma mħallta. L-opinjonijiet kienu mħallta wkoll fejn tidħol il-kwistjoni li jkun żgurat aċċess għas-swieq nazzjonali tas-servizzi regolari mingħajr diskriminazzjoni u li jitneħħa r-rekwiżit li s-servizzi okkażjonali jkollhom formola tal-vjaġġ (jiġifieri PO1, PO2, & PO3). Kien hemm qbil mifrux li għandha titħaddem il-proċedura tal-awtorizzazzjoni (jiġifieri PO1 & PO2) u titfassal definizzjoni ta’ vendi tal-kowċijiet (jiġifieri PO4 & PO5). Il-biċċa l-kbira tal-partijiet konċernati appoġġaw ukoll it-twaqqif ta’ rekwiżiti komuni biex ikun żgurat li l-aċċess għall-vendi tal-kowċijiet ikun ġust.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella ta’ dawk ewlenin)?

Iffrankar kumulattiv nett ta’ EUR 183 miljun fil-kostijiet tal-emissjonijiet tas-CO2 u ffrankar kumulattiv nett ta’ EUR 590 miljun fil-kostijiet tat-tniġġis tal-arja; fl-2030 jinħolqu 85,000 impjieg ġdid; jorħsu n-nollijiet, tiżdied il-frekwenza u titjieb id-disponibbiltà tas-servizzi; in-negozji u l-amministrazzjonijiet jiffrankaw madwar EUR 1,560 miljun; tiżdied l-attività tat-trasport bil-kowċ b’madwar 11 % fl-2030 meta mqabbel max-xenarju bażi u b’madwar punt perċentwali wieħed mil-lat ta’ sehem modali; tissaħħaħ il-konnettività tal-gruppi soċjali żvantaġġati bi 62 biljun kilometru tal-passiġġieri fl-2030 meta mqabbel max-xenarju bażi; u l-kostijiet tal-inċidenti jonqsu għal EUR 2.8 biljun.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?

- Impatt ħażin iżda limitat fuq il-modi l-oħra tat-trasport bi tnaqqis stmat ta’ 4.8% għall-attività tat-trasport ferrovjarju fl-2030 meta mqabbel max-xenarju bażi, għax titjieb il-prestazzjoni tas-servizzi tal-kowċ.

- Impatt ħażin fuq uħud mill-kuntratti tas-servizz pubbliku (PSCs) b’telf fl-introjtu mis-servizzi ferrovjarji tal-PSCs ta’ madwar 1.4 %.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Ħafna mill-miżuri mhux mistennija jħallu xi impatti partikolari fuq l-SMEs iżda malli jiżdiedu l-opportunitajiet, mistennija tiżdied ukoll l-istimulazzjoni tas-swieq.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

L-għażliet ippreferuti jfissru żidiet fil-kostijiet għall-awtoritajiet nazzjonali biex jinfurzaw ir-regoli fuq il-vendi (iżda dawn huma ferm inqas sinifikanti mill-iffrankar għan-negozji).

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

Jiżdied l-ivvjaġġar interurban. Titjieb il-mobbiltà taċ-ċittadini li inkella ma jkunux jifilħu jħallsu biex jivvjaġġaw. Jonqsu l-impatti ħżiena tat-trasport interurban tal-passiġġieri, bħall-emissjonijiet, l-inċidenti, il-fatalitajiet u l-konġestjonijiet fit-toroq, u tiżdied l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi tat-trasport.

Il-proporzjonalità?

L-għażla ppreferuta ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex tissolva l-problema oriġinali u biex jintlaħqu l-għanijiet tal-proposta.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Ħames snin minn meta jibdew japplikaw ir-regoli.

Top