Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0782

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Iżvezja - EGF/2017/007 SE/Ericsson

COM/2017/0782 final

Brussell, 18.12.2017

COM(2017) 782 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni mill-Iżvezja - EGF/2017/007 SE/Ericsson


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 1 (ir-“Regolament tal-FEG”).

2.Fid-9 ta’ Awwissu 2017, l-Iżvezja ressqet l-applikazzjoni EGF/2017/007 SE/Ericsson għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji 2 fl-Ericsson (Telefonaktiebolaget LM Ericsson) fl-Iżvezja.

3.Wara l-valutazzjoni tagħha ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, skont id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament tal-FEG, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG huma ssodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

Applikazzjoni tal-FEG

EGF/2017/007 SE/Ericsson

Stat Membru

L-Iżvezja

Ir-reġjun(i) ikkonċernat(i) (il-livell NUTS 3 2)

Stokkolma (SE11),

Östra Mellansverige (SE12)

Sydsverige (SE22)

Västsverige (SE23)

Id-data tat-tressiq tal-applikazzjoni

Id-9 ta' Awwissu 2017

Id-data ta’ konferma tal-wasla tal-applikazzjoni

Id-9 ta' Awwissu 2017

Id-data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

It-23 ta' Awwissu 2017

Id-data ta’ skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali

L-4 ta' Ottubru 2017

L-iskadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni

Is-27 ta' Diċembru 2017

Il-kriterju ta’ intervent

L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG


L-intrapriża primarja

Telefonaktiebolaget LM Ericsson 4


L-għadd ta’ intrapriżi kkonċernati

1

Is-settur(i) tal-attività ekonomika

(Id-Diviżjoni NACE Reviżjoni 2) 5

Id-Diviżjoni 26 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi)


L-għadd ta’ sussidjarji, fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni

0

Il-perjodu ta’ referenza (erba’ xhur):

Is-17 ta' Jannar 2017 sas-17 ta' Mejju 2017

L-għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)

1 990

L-għadd ta’ sensji qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza (b)

398

L-għadd totali ta’ sensji (a + b)

2 388

L-għadd totali ta' benefiċjarji eliġibbli

2 388

L-għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

900

L-għadd ta’ żgħażagħ fil-mira barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETs)

0

Il-baġit għal servizzi personalizzati (EUR)

3 408 644

Il-baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 6 (EUR)

142 023

Il-baġit totali (EUR)

3 550 667

Il-kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (EUR)

2 130 400

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Proċedura

4.Fid-9 ta' Awwisssu 2017, l-Iżvezja ressqet l-applikazzjoni EGF/2017/007 SE/Ericsson fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-FEG. Il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-applikazzjoni fl-istess jum, u talbet aktar informazzjoni mill-Iżvezja sat-23 ta' Awwissu 2017. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien sitt ġimgħat mid-data tat-talba. L-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni sħiħa li fiha l-Kummissjoni jenħtieġ li tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tiskadi fis-27 ta’ Diċembru 2017.

L-eliġibbiltà tal-applikazzjoni

L-intrapriżi u l-benefiċjarji kkonċernati

5.L-applikazzjoni tikkonċerna 2 388 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-Ericsson (il-kumpanija omm Telefonaktiebolaget LM Ericsson u s-sussidjarja, Ericsson AB) li minnhom 900 ħaddiem se jkunu fil-mira. Din l-intrapriża topera prinċipalment fis-settur ekonomiku kklassifikat fid-Diviżjoni 26 ta’ NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi). Is-sensji mogħtijin mill-Ericsson huma primarjament fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta’ Stokkolma (SE11), Västsverige (SE23) u Östra Mellansverige (SE12), iżda kien hemm ħaddiema ssensjati ukoll fil-qasam Sydsverige (SE22).

L-intrapriżi u l-għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza

Telefonaktiebolaget LM Ericsson (inkluża l-Ericsson AB)

1 990

Kriterji ta’ intervent

6.L-Iżvezja ppreżentat l-applikazzjoni skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jitlob li tal-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta’ erba' xhur f'intrapriża ta' Stat Membru.

7.Il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur għall-applikazzjoni huwa mis-17 ta' Jannar 2017 sas-17 ta' Mejju 2017.

8.Is-sensji matul il-perjodu ta' referenza huma kif ġej:

1 990 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-Ericsson.

Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien tal-attività

9.Is-sensji mogħtija matul il-perjodu ta' referenza ġew ikkalkulati kif ġej:

1 990 mid-data tal-avviż individwali ta’ min iħaddem biex ikeċċi jew iwaqqaf il-kuntratt ta’ impjieg tal-ħaddiem.

Benefiċjarji eliġibbli

10.Minbarra l-ħaddiema li diġà ssemmew, il-benefiċjarji eliġibbli jinkludu 398 ħaddiem li ngħataw is-sensja qabel jew wara l-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur. Dawn il-ħaddiema ngħataw l-avviż tas-sensji kollettivi fil-31 ta’ Ottubru 2016, iżda l-avviżi individwali kienu barra l-perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur din it-talba.

11.Għaldaqstant, l-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 2 388.

Rabta bejn is-sensji u bidliet strutturali ewlenin fil-mudelli kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni

12.Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-waqfien tal-attività u l-bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, l-Iżvezja qiegħda targumenta li s-sensji seħħew fil-linja tan-negozju ħardwerċentriku tal-industrija tat-telekomunikazzjoni, minħabba t-tkabbir negattiv f’dan is-settur għall-kumpanija fl-Iżvezja, minħabba l-kompetizzjoni globali.

13.Din hija diġà t-tieni applikazzjoni tal-FEG tal-Iżvezja fir-rigward tal-Ericsson. L-intrapriża reċentement ċaqalqet ħafna mill-produzzjoni tal-ħardwerċentriku tagħha lejn l-Asja minħabba relazzjonijiet tajbin bejn l-ispiża u l-kwalità tal-produzzjoni fl-Indja u ċ-Ċina, u minħabba d-daqs tas-swieq li qed jikbru qrib il-faċilitajiet ta’ produzzjoni għall-prodotti tal-ħardwer.

14.Bħala parti mit-terminazzjonijiet kontinwi fl-Ericsson, l-ewwel applikazzjoni tal-Iżvezja f’isem grupp preċedenti ta’ ħaddiema ssensjati (fil-bidu tad-delokalizzazzjoni li għaddejja bħalissa kkawżata mill-globalizzazzjoni) kienet tressqet fil-31 ta’ Marzu 2016 u approvata mill-Parlament u mill-Kunsill fil-11 ta’ Ottubru 2016.

15.Studju mwettaq minn EY fl-Ewropa fl-2013 7 wera li l-industriji tal-produzzjoni tal-IT u tat-telekomunikazzjoni kienu partikolarment suxxettibbli li jkunu esternalizzati u delokalizzati lejn l-Asja. Din it-tendenza hija mistennija tkompli minħabba l-kompetizzjoni globali biex jitnaqqsu ż-żidiet fl-ispejjeż, u minħabba li ħafna kumpaniji fis-settur jgħaddu minn esternalizzazzjoni ulterjuri.

16.Skont id-dejta mogħtija mill-Ericsson, il-kumpanija kienet ilha tnaqqas gradwalment l-istaff fl-Iżvezja (minn 21 178 fl-2005 8 , sa 14 483 f’Ġunju 2017 9 ). Minkejja s-sensji tal-Iżvezja, in-numru ta’ ħaddiema impjegati globalment fl-Ericsson kiber bejn l-2005 u l-2014 minn 56 055 għal 118 055 impjegat 10 , iżda minn dak iż-żmien naqas għal 109 127 impjegat f’Ġunju 2017 11 . Dan jirrifletti t-tbatija u l-kompetizzjoni li l-kumpanija qiegħda tiffaċċja globalment, mhux biss fl-Iżvezja.

17.Sal-lum, is-settur tad-Diviżjoni 26 ta' NACE Reviżjoni 2 (manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi) kien is-suġġett ta’ 17-il applikazzjoni għall-FEG, li 14 minnhom kienu bbażati fuq globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ (inkluż din l-applikazzjoni) u 3 fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali 12 .

Avvenimenti li wasslu għas-sensji u l-waqfien tal-attività

18.L-avvenimenti li wasslu għal dawn is-sensji u l-waqfien tal-attività huma parti mir-ristrutturar u d-delokalizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ kumpanija tat-telekomunikazzjonijiet li bdew fl-2014. Matul dan iż-żmien, il-linji tal-produzzjoni tal-ħardwer tat-telekomunikazzjoni ġew magħluqin f’diversi siti u tliet fabbriki sħaħ tal-Ericsson (Kumla, Borås u Katrinenholm) ingħalqu

19.L-Ericsson qiegħda tħabbat wiċċha ma’ ġejjieni inċert minħabba l-bidliet strutturali li l-industrija għaddiet minnhom minħabba l-globalizzazzjoni u ż-żieda fil-kompetizzjoni minn kompetituri kkawżata mill-globalizzazzjoni, b’mod partikolari fl-Asja, li jistgħu jwaqqgħu l-prezzijiet Ewropej.

20.L-Ericsson tara l-vantaġġ kompetittiv tagħha pjuttost fl-iżvilupp tas-softwer, u qed tipprova tibdel l-enfasi tagħha f’konformità mal-kwistjonijiet tad-domanda kkawżati mill-globalizzazzojni. Għalhekk l-intrapriża mhux biss qiegħda ċċaqlaq il-produzzjoni tagħha barra mill-pajjiż, iżda qiegħda wkoll iċċaqlaq il-fokus tagħha mill-produzzjoni tal-ħardwerċentirku għas-servizz u l-bejgħ marbut mas-softwer. Is-sehem ta’ dan is-settur kiber għal 67 % tal-produzzjoni fl-2016, minn 50 % għaxar snin ilu 13 .

21.Is-suq tal-infrastruttura tan-Netwerk ta’ Aċċess bir-Radju (RAN) qabel kien qasam ewlieni ta’ skjerament għall-Ericsson, madankollu s-sehem mis-suq tagħha f’dan is-settur qed jonqos minħabba l-globalizzazzjoni u l-kompetizzjoni. Huawei (kumpanija Ċiniża tat-telekomunikazzjoni) diġà ssuperat lill-Ericsson f’dan il-qasam 14 .

22.Biex tibqa’ fuq quddiem tat-tendenzi globali, l-Ericsson qiegħda timmira li fil-futur, tespandi l-qasam ġdid ewlieni tat-teknoloġija cloud. Sabiex tegħleb il-problemi tal-kumpanija li ġabet il-kompetizzjoni globali, ħafna mill-R&D ippjanat tal-Ericsson f’dan il-qasam mhux ser jintefaq fuq il-ħaddiema Żvediżi jew is-siti Żvediżi, iżda pereżempju fiċ-Ċina, fejn, kemm il-ġabra ta’ talenti tal-ħaddiema kif ukoll id-domanda globali huma ferm akbar — pereżempju globalment 40,8 % tal-persuni impjegati fit-teknoloġija tal-cloud huma fiċ-Ċina 15 .

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u l-impjiegi

23.L-impatt mistenni tas-sensji fuq l-ekonomija u l-impjiegi lokali u reġjonali jvarja; madankollu, il-kwistjonijiet li qed jiffaċċjaw ir-reġjuni huma simili. B’mod globali, il-problema ewlenija hi li hemm ħafna iktar ħaddiema ssensjati b’ħiliet speċjalizzati f’industrija li ma għadhiex teżisti.

24.Filwaqt li hemm talba kbira għal persuni b’ħiliet fl-IT fir-reġjuni kollha differenti, hemm nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet minn dawk li ssensjati mill-Ericsson u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Fil-livell nazzjonali, is-suq tax-xogħol fl-Iżvezja huwa pjuttost f’qagħda tajba. L-isfida hija li ħafna nies bl-istess ħiliet qed jingħataw is-sensja fl-istess ħin, fl-istess żoni ġeografiċi.

25.Ħaddiema manwali huma f’sitwazzjoni aktar diffiċli peress li, fl-Iżvezja, baqa’ verament ftit impjiegi tradizzjonali fil-manifattura. Dawn se jeħtieġu sforzi kbar ta’ taħriġ mill-ġdid biex ikunu jistgħu jaħdmu fis-setturi tas-servizz, fl-ambitu pubbliku u privat, is-setturi ewlenin b’domanda għall-impjegati. Din hija r-raġuni għaliex il-fondi tal-FEG għal 900 ħaddiema se jintużaw biex jikkonċentraw prinċipalment fuq l-għajnuna lill-ħaddiema manwali, li se tkun diffiċli għalihom li jsibu opportunitajiet ta’ impjieg mill-ġdid. It-telf tal-impjiegi manwali fis-siti tal-produzzjoni tal-Ericsson jaffettwa l-aktar is-siti ta’ Kumla u Borås 16 .

26.Persuni ssensjati mill-Ericsson li għandhom edukazzjoni għolja għandu jkollhom ċans ikbar li jsibu impjieg, speċjalment f’oqsma bħall-akkwist pubbliku u l-edukazzjoni, kif ukoll f’oqsma kompletament ġodda ta’ kompetenza bħall-IT, li jeħtieġu taħriġ kbir mill-ġdid. Hemm domanda għall-ħaddiema f’dawn l-oqsma u l-korsijiet ta’ taħriġ mill-ġdid għandhom jgħinu lill-ħaddiema mhux manwali jsibu impjieg f’dawn is-setturi. Speċifikament, Karlskrona, kif ukoll Stokkolma, Göteborg u Linköping 17 kienu ssemmew bħala siti tal-Ericsson fejn is-sensji tal-impjegati mhux manwali l-aktar li se jolqtu lill-ekonomija u l-impjiegi reġjonali.

27.Għar-rieżami tal-pajjiż ta’ kull tliet xhur, l-aħħar statistika mit-tieni kwart tal-2017 turi li r-rata tal-qgħad fit-tul ta’ dawk li għandhom bejn l-74 u l-25 sena fl-Iżvezja hija b’mod ġenerali ta’ 25,5 %. Għall-grupp tal-età 25-49 dan il-persentaġġ jaqa’ għal 20,5 %, madankollu, għall-grupp tal-età 55-64, il-qgħad fit-tul ta’ aktar minn minn 12-il xahar huwa fir-rata enormi ta’ 39 % tal-qgħad totali 18 . Huwa ċar li għalkemm is-sitwazzjoni tal-impjiegi bħalissa hija relattivament stabbli fl-Iżvezja, għall-ħaddiema tal-grupp tal-età 55-64 hu diffiċli biex isibu impjieg.

28.Dan il-grupp jikkostitwixxi aktar minn 30 % tad-900 ħaddiem fil-mira li ngħataw is-sensja. Il-proġett għandu l-għan speċifiku li jiffoka fuq dan il-grupp taħt it-titlu “Miżuri għall-Gruppi Żvantaġġati”. Ħafna mill-ħaddiema f’dan il-grupp kienu ilhom jaħdmu għall-Ericsson għal żmien twil b’ħiliet li mhumiex meħtieġa barra mill-kumpanija u mill-industrija tat-tagħmir tat-telekomunikazzjoni offshored. Dawn il-ħaddiema qed jiffaċċjaw suq tax-xogħol diffiċli ħafna b’ġabra ta’ ħiliet skaduti, ta’ spiss bi ftit esperjenza fis-suq tax-xogħol, u bit-theddida verament reali li jispiċċaw qiegħda għal żmien twil. Fl-Iżvezja, dawk li għandhom aktar minn 47 sena ma jistgħux jirċievu allowance għall-istudju mill-Istat. Pereżempju, dan ifisser li l-opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid huma biss wieħed mill-modi kif dan il-grupp fil-mira jeħtieġ b’mod speċifiku s-solidarjetà mill-FEG, sabiex ikun jista’ jitħarreġ mill-ġdid u jsib xogħol f’settur u professjoni ġodda.

Benefiċjarji fil-mira u azzjonijiet proposti

Benefiċjarji fil-mira

29.L-għadd stmat ta’ ħaddiema ssensjati li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa ta’ 900. It-tqassim ta' dawn il-ħaddiema skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-grupp ta’ età huwa kif ġej:

Il-kategorija

L-għadd ta'
benefiċjarji fil-mira (perċentwali arrotondati)

Sess:

Irġiel:

600

(66,67 %)

Nisa:

300

(33,33 %)

Ċittadinanza:

Ċittadini tal-UE:

900

(100,00 %)

ċittadini mhux tal-UE:

0

(0 %)

Il-grupp ta’ età 19 :

15-24 sena:

1

(0,11 %)

25-29 sena:

5

(0,56 %)

30-54 sena:

617

(68,56 %)

55-64 sena:

272

(30,22 %)

iktar minn 64 sena:

5

(0,56 %)

L-eliġibbiltà tal-azzjonijiet proposti

30.Is-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin:

Pariri u ppjanar tal-karriera:

Valutazzjoni fil-fond u ppjanar individwali: Din il-miżura tinkludi proċess ta’ reġistrazzjoni ġenerali, stħarriġ standardizzat tal-esperjenza u t-taħriġ preċedenti, valutazzjoni tal-impjegabilità tal-applikant u l-ħolqien ta’ “pjan ta’ azzjoni” individwali, diversi laqgħat u valutazzjonijiet individwali fil-fond. Diversi uffiċjali tal-impjiegi ser ikunu involuti biex jipprovdu servizzi adattati għall-bżonnijiet individwali tal-applikanti.

Għajnuna relatata mat-tfittix ta’ impjieg: Din il-miżura tgħaqqad is-servizzi standard tas-Servizz Pubbliku Żvediż għall-Impjiegi (PES), jew Arbetsförmedlingen, fil-qasam tat-tiftix tal-impjieg, inklużi seminars dwar is-CV u taħriġ dwar l-intervisti, b’miżuri ġodda mfasslin skont l-individwu. Dawn il-miżuri ġodda u l-għajnuna addizzjonali li se jingħataw flimkien mal-finanzjament tal-FEG jinkludu l-kooperazzjoni u laqgħat mar-rappreżentanti minn kumpaniji ta’ rikollokament, kuntatt dirett ma’ kumpaniji li qed jimpjegaw, appoġġ individwali u ta’ grupp biex jgħinu lill-applikanti jlaqqgħu l-ħiliet individwali tagħhom mal-impjiegi disponibbli fis-suq, u preżentazzjonijiet dwar kif id-diversi swieq tax-xogħol fir-reġjuni ntlaqtu. L-applikanti se jirċievu wkoll għajnuna dwar kif b’mod speċifiku jikkomerċjalizzaw il-ħiliet eżistenti tagħhom f’oqsma ġodda ta’ xogħol.

Ikkowċjar motivanti u ppjanar tal-karrieri: Din il-miżura se tipprovdi lill-applikanti b’għajnuna u appoġġ motivazzjonali u ta’ ispirazzjoni permezz ta’ laqgħat dwar il-karriera u avvenimenti tal-konferenzi ma’ kelliema esterni magħżula b’mod speċifiku għall-benefiċjarji tal-FEG. Dawn l-avvenimenti ser jinkoraġġixxu lill-ħaddiema lejn ħiliet, edukazzjoni u taħriġ ġodda. Il-konferenzi ser jipprovdu informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol, dwar liema ħiliet huma importanti f’liema oqsma, dwar opportunitajiet ta’ taħriġ, kif ukoll dwar netwerking ma’ partijiet kkonċernati oħra — kemm f’livell individwali kif ukoll fi gruppi. B’mod speċjali, ħaddiema ssensjati ta’ età ’l fuq minn 50 sena huma mistennija jibbenefikaw minn din il-miżura.

Miżuri għal gruppi żvantaġġati

Din il-miżura se tikkonċentra b’mod speċifiku l-isforzi biex jiġu megħjuna l-impjegati ssensjati żvantaġġati, dawk li għandhom’ il fuq minn 50 sena li huma fil-periklu li jispiċċaw qiegħda għal żmien twil, u dawk b’diżabbiltà ta’ tagħlim jew fiżika li jistgħu jeħtieġu aktar appoġġ. Il-miżura tinkludi għajnuna speċjalizzata (inklużi psikologu u terapista fiżiku) biex tgħin lin-nies jidħlu fi professjonijiet ġodda. Peress li fl-Iżvezja, għal dawk li huma ta’ aktar minn 47 sena, mhuwiex possibbli li jirċievu allowance għall-istudju, l-edukazzjoni mill-ġdid ta’ dan il-grupp, li hu speċjalment vulnerabbli u fil-bżonn ta’ solidarjetà, se jkunu ffinanzjati permezz tal-FEG.

Appoġġ għall-intraprenditorija

Din il-miżura se tippromwovi l-intraprenditorija fost l-applikanti billi jingħataw l-opportunità li japplikaw għal għotjiet għal negozji ġodda permezz tal-programm tal-PES (dan jinkludi servizzi ta’ konsulenza dettaljata tan-negozju u l-fattibbiltà qabel tiġi approvata l-għotja għeluq is-sitt xahar).

Edukazzjoni u taħriġ

Din il-miżura tinkludi opportunitajiet ta’ taħriġ fuq ix-xogħol li jikkombinaw l-edukazzjoni formali u l-esperjenza f’kumpaniji (li normalment ma jkunux offruti mill-PSE), kif ukoll l-użu ta’ organizzazzjonijiet tas-servizzi ta’ rikollokament. Barra minn dan, il-miżura se tgħin lill-applikanti jkollhom aċċess għal korsijiet akkademiċi u adatti skont l-individwu, kif ukoll edukazzjoni speċjalizzata għal mhux iktar minn 12-il xahar, jew sa żewġ semestri f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni tat-tielet livell. Edukazzjoni jew korsijiet ta’ taħriġ li jdumu sentejn jew aktar jistgħu jiġu approvati għal żmien massimu ta’ sitt xhur aktar, sad-9 ta’ Frar 2020, jekk, fil-valutazzjoni profonda, jinstab li dan hu meħtieġ. Se tingħata attenzjoni speċjali lill-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-motivazzjoni tal-applikanti biex isegwu karrieri ġodda fi rwoli mhux tradizzjonali għall-ġeneri.

B’mod ġenerali, l-enfasi ser tkun fuq korsijiet qosra ta’ taħriġ mill-ġdid, edukazzjoni supplimentari u ċertifikazzjoni. Minħabba l-isfond tal-ħaddiema u d-domandi tas-suq tax-xogħol dawn il-korsijiet ta’ taħriġ mill-ġdid se jkunu l-aktar fis-settur tal-IT. Madankollu, permezz ta’ dawn il-miżuri, l-oqsma ta’ kompetenza fil-mira jistgħu jitwessgħu hekk kif il-proġett jevolvi filwaqt li xorta waħda jiffokaw fuq l-individwu u fuq il-bżonnijiet individwali tal-klijenti.

Allowances għat-tiftix ta’ impjieg u ta’ mobilità

Dawn il-miżuri se jgħinu lill-applikanti jgħixu ħajjithom ta’ kuljum, u jħallsu l-ispejjeż tal-ivvjaġġar biex imorru għall-intervisti (‘il fuq minn SEK 600 20 ), it-taħriġ, eċċ. filwaqt li jkunu qed ifittxu impjieg. L-allowance se tkun bil-kundizzjoni li l-applikanti jipprovdu prova tal-attivitajiet tagħhom ta’ tiftix għall-impjieg, kif ukoll u s-somma tagħha tiddependi fuq programmi speċifiċi li l-applikanti se jkunu qed jieħdu sehem fihom.

31.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fil-qafas tal-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jieħdux post miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

32.Il-proġett se jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli fl-Iżvezja. Arbetsförmedlingen (PSE) hu obbligat li jinkludi t-talbiet ambjentali fis-sejħiet għall-offerti tiegħu u fil-prattika tiegħu stess, u b’hekk il-programmi ta’ taħriġ huma konformi mal-Kodiċi Ambjentali tal-Iżvezja jew għas-16-il Objettiv tal-Kwalità Ambjentali tal-Iżvezja.

33.L-Iżvezja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar l-azzjonijiet li huma obbligatorji għall-impriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex sejra tieħu post dawn l-azzjonijiet.

Baġit stmat

34.L-ispejjeż totali stmati huma ta' EUR 3 550 667, li jinkludu nefqa ta' EUR 3 408 644 għal servizzi personalizzati u nefqa ta' EUR 142 023 għal attivitajiet preparatorji, ta' ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar.

35.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 2 130 400 (60 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet

L-għadd stmat ta’ parteċipanti

L-ispiża stmata (arrotondata) għal kull parteċipant
(f’EUR)  21

L-ispejjeż totali stmati

(f’EUR)  22  

Servizzi personalizzati (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament tal-FEG)

Pariri u Ppjanar tal-Karriera

900

438

393 841

Miżuri għal Gruppi Żvantaġġati
(Xogħol protett u appoġġat)

130

1 005

130 700

Appoġġ għall-intraprenditorija

85

1 538

130 700

Edukazzjoni u Taħriġ
(L-għoti ta’ edukazzjoni jew taħriġ biex jinkiseb impjieg ġdid)

155

10 119

1 568 394

Is-subtotal (a):

Il-perċentwal tal-pakkett ta' servizzi personalizzati

2 223 635

(65,24 %)

L-allowances u l-inċentivi (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG)

Allowances għal meta wieħed ikun qed ifittex impjieg:

- Programm ta’ Taħriġ dwar is-Suq tax-Xogħol

- Attività ta’ Appoġġ (għall-Apprendistati, in-Negozji ġodda, eċċ.)

- Allowance ta’ Parteċipazzjoni u Attività ta’ Appoġġ għall-Programm ta’ Riabilitazzjoni

95

10 823

1 028 170

Allowance tal-Mobilità

70

2 241

156 839

Is-subtotal (b):

Il-perċentwal tal-pakkett ta' servizzi personalizzati

1 185 009

(34,76 %)

L-azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-FEG

1. L-attivitajiet ta' tħejjija

-

2. Ġestjoni

95 846

3. L-informazzjoni u l-pubbliċità

17 427

4. Il-kontroll u r-rapportar

28 750

Is-subtotal (c):

Il-perċentwal tal-ispejjeż totali:

142 023

(%)

L-ispejjeż totali (a + b + c):

3 550 667

Il-kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-ispejjeż totali)

2 130 400

36.L-ispejjeż tal-azzjonijiet identifikati fit-tabella ta' hawn fuq bħala azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG ma jaqbżux il-35 % tal-ispejjeż totali tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati. L-Iżvezja kkonfermat li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f'attivitajiet ta' tfittxija tal-impjiegi jew taħriġ.

37.L-Iżvezja kkonfermat li l-ispejjeż tal-investimenti għal impjieg indipendenti, bidu ta’ negozju u akkwiżizzjoni tal-impjegati mhux se jaqbżu s-somma ta’ EUR 15 000 għal kull benefiċjarju.

Perjodu ta' eliġibbiltà tan-nefqa

38.L-Iżvezja bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fis-7 ta' Frar 2017. Għalhekk, in-nefqa fuq l-azzjonijiet se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mis-7 ta’ Frar 2017 sad-9 ta’ Awwissu 2019, bl-eċċezzjoni tal-korsijiet fil-livell terzjarju tal-edukazzjoni jew ta’ taħriġ li jdumu sentejn jew iktar, li se tkun eliġibbli sad-9 ta’ Frar 2020.

39.L-Iżvezja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG fis-7 ta’ Frar 2017. Għalhekk, in-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità kif ukoll dawk ta' kontroll u rapportar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mis-7 ta’ Frar 2017 sad-9 ta’ Frar 2020.

Kumplimentarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

40.Is-sors ta' prefinanzjament jew kofinanzjament nazzjonali huwa l-baġit ta' Arbetsförmedlingen.

41.L-Iżvezja kkonfermat li l-miżuri deskritti hawn fuq, li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, mhumiex se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.

Proċeduri għall-konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew ir-rappreżentanti tagħhom jew is-sħab soċjali kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali

42.L-Iżvezja indikat li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal wara konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira u mar-rappreżentanti, kif ukoll mal-atturi pubbliċi lokali. PSE ilu jaħdem mill-qrib mal-Ericsson mill-bidu tal-proċessi aġġustament strutturali mill-ġdid, u dan hija diġà mewġa ġdida ta’ sensji li għalihom l-Iżvezja qed titlob l-appoġġ mill-FEG. Bħal fl-ewwel każ, il-PSE kellu wkoll laqgħa u kkonsulta mar-rappreżentanti tal-kumpanija, mal-awtoritajiet lokali, mad-diversi unions kif ukoll mal-aġenziji tar-rikollokament matul dan il-perjodu l-ġdid ta’ sensji.

Sistemi ta' ġestjoni u kontroll

43.L-applikazzjoni tinkludi deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. L-Iżvezja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi ġestita mill-Arbetsförmedlingen, kif ġara fil-każ preċedenti tal-Ericsson. Din l-organizzazzjoni nħatret b’mod formali bħala l-awtorità ta' ġestjoni u tal-ħlas. Il-kontijiet tal-proġett se jiġu eżaminati mill-Unità tal-Verifika Interna, li hija entità separata marbuta mal-bord ta' Arbetsförmedlingen. Huwa xogħol dan il-korp li jeżamina l-kontroll intern u l-proċess tal-verifika fl-Arbetsförmedlingen u jissuġġerixxi titjib, kif ukoll jipprovdi pariri u appoġġ lill-Bord u lid-Direttur Ġenerali. L-awditjar tal-proġett se jseħħ fuq bażi regolari.

Impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat

44.L-Iżvezja pprovdiet l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward ta' dawn li ġejjin:

il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u ta' nondiskriminazzjoni sejrin jiġu rispettati fil-kuntest tal-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom,

ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew issodisfati,

L-Ericsson, li ssoktat bl-attivitajiet tagħha wara s-sensji, ikkonformat mal-obbligi legali tagħha li jirregolaw is-sensji u pprovdiet għall-ħaddiema tagħha kif xieraq,

l-azzjonijiet proposti mhumiex sejrin jirċievu għajnuna finanzjarja minn fondi oħrajn jew minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi prevenut,

l-azzjonijiet proposti se jikkumplimentaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Proposta baġitarja

45.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 23 .

46.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-FEG, u b'kont meħud tal-għadd ta' benefiċjarji fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-ispejjeż stmati, il-Kummissjoni qed tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont ta' EUR 2 130 400, li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti, sabiex tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

47.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 24 .

Atti relatati

48.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment tal-ammont ta' EUR 2 130 400 għall-intestatura baġitarja rilevanti.

49.Fl-istess waqt li se tadotta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tadotta deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li se jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni proposta biex jiġi mmobilizzat il-FEG.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni mill-Iżvezja - EGF/2017/007 SE/Ericsson

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 25 , u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 26 , u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u fil-każ ta' persuni li jaħdmu għal rashom meta l-attività tagħhom tkun intemmet b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta' kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u biex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 27 .

(3)Fid-9 ta' Awwissu 2017, l-Iżvezja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji fl-Ericsson (Telefonaktiebolaget LM Ericsson) fl-Iżvezja. Din ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali pprovduta skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)Għalhekk, il-FEG jenħtieġ li jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 130 400 fir-rigward tal-applikazzjoni sottomessa mill-Iżvezja.

(5)Biex jitnaqqas kemm jista' jkun iż-żmien għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 2 130 400 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija għandha tapplika minn [the date of its adoption]*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2)    Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.
(3)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
(4)    Telefonaktiebolaget L. M. Ericsson hija l-kumpanija omm u l-kwartieri ġenerali globali tal-Ericsson, stazzjonata fi Stokkolma. L-Ericsson AB hija sussidjarja ta’ Telefonaktiebolaget L. M. Ericsson. 2 349 impjegat ingħataw is-sensja mill-kumpanija sussidjarja Ericsson AB, u 39 impjegat ingħataw is-sensja mill-kumpanija omm Telefonaktiebolaget L. M. Ericsson.
(5)    ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(6)    Skont ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(7)     http://www.ey.com/Publication/vwLUAssets/Outsourcing_in_Europe_2013/$FILE/EY-outsourcing-survey.pdf  
(8)     https://www.ericsson.com/assets/local/investors/documents/financial-reports-and-filings/annual-reports/ericsson-annual-report-2014-en.pdf  
(9)     https://www.ericsson.com/assets/local/investors/documents/financial-reports-and-filings/interim-reports-archive/2017/6month17-en.pdf  
(10)     https://www.ericsson.com/assets/local/investors/documents/financial-reports-and-filings/annual-reports/ericsson-annual-report-2014-en.pdf
(11)     https://www.ericsson.com/assets/local/investors/documents/financial-reports-and-filings/interim-reports-archive/2017/6month17-en.pdf  
(12)     http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=582&langId=mt
(13)     https://www.ericsson.com/assets/local/investors/documents/2016/ericsson-annual-report-2016-en.pdf  
(14)     http://www.delloro.com/news/massive-4g-lte-deployments-worldwide-not-enough-to-turn-around-ran-market-2  
(15)     http://www.forbes.com/sites/louiscolumbus/2014/12/12/where-cloud-computing-jobs-will- be-in-2015/  
(16)    Ir-reġjuni fil-livell NUTS 2 SE12 u SE23, rispettivament.
(17)    Ir-reġjuni fil-livell NUTS 2 SE22, SE11, SE23, SE12 rispettivament.
(18)     http://ec.europa.eu/eurostat/data/database      Eurostat (kodiċi: lfsq_upgal, data last updated on 03/10/2017.
(19)    Minħabba li l-perċentwali ġew arrotondati awtomatikament fis-sistema SFC, mhux dejjem jgħoddu eżattament sa 100 %. F’dan il-każ it-total tal-persentaġġi tad-diviżjonijiet skont l-età jiżdied sa 100,01 %.
(20)    SEK 600 huma ekwivalenti għal madwar EUR 60.
(21)    Biex jiġu evitati d-deċimali, l-ispejjeż stmati għal kull ħaddiem tqarrbu għall-eqreb numru sħiħ. Madankollu l-arrotondament ma għandu l-ebda impatt fuq l-ispiża totali ta’ kull miżura li jifdal bħal fl-applikazzjoni mressqa mill-Iżvezja.
(22)    It-totali ma jaqblux bl-eżatt minħabba t-tqarrib.
(23)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(24)    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(25)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(26)    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(27)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
Top