IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell,8.11.2017
COM(2017) 653 final
2017/0291(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2009/33/UE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SWD(2017) 366 final}
{SWD(2017) 367 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•
Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta
L-UE hi impenjata li toħloq sistema tal-enerġija dekarbonizzata sostenibbli, kompetittiva u sigura. Għan ewlieni tal-politika komuni tat-trasport hu li jinkiseb trasport sostenibbli. Dan il-għan jispikka wkoll fost il-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni għall-perjodu 2015-2019, u l-aktar fil-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija, u l-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment. Id-diskors tal-2017 dwar l-Istat tal-Unjoni jiddeskrivi strateġija politika ġdida dwar l-industrija li tiżgura li l-UE ssir mexxejja dinjija fid-dekarbonizzazzjoni.
Dawn il-prijoritajiet politiċi huma mirfuda bl-Istrateġija Ewropea tal-Kummissjoni għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi, li ġiet adottata f’Lulju 2016. Dan jikkonferma l-ħtieġa li biex jitwettqu l-impenji li l-UE għamlet waqt il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-UNFCC), li saret f’Pariġi fl-2015, trid titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u jenħtieġ li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja jaqbdu t-triq it-tajba biex sa nofs is-seklu jixxejnu għalkollox.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa Attiva: aġenda għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobbiltà kompetittiva, konnessa u mingħajr ħsara għall-ambjent għal kulħadd” tagħraf li ż-żieda fil-produzzjoni u fl-adozzjoni ta’ vetturi nodfa, l-infrastrutturi tal-fjuwils alternattivi, u s-servizzi ta’ sistemi moderni li jużaw l-ekonomija tad-dejta fl-UE joffru diversi benefiċċji: Iċ-ċittadini Ewropej se jibbenefikaw minn soluzzjonijiet ta’ trasport sikur, attraenti, intelliġenti, mingħajr qtugħ u dejjem aktar awtomatizzat, li lill-industrija jagħtiha sorsi ġodda ta’ tkabbir u kompetittività.
Madwar 95 % tal-vetturi fit-toroq Ewropej għadhom jużaw il-fjuwils fossili. L-Istrateġija Ewropea għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi tagħmilha ċara li fil-ġejjieni hemm bżonn tiżdied sostanzjalment l-adozzjoni ta’ vetturi mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi ħalli jintlaħqu l-impenji tal-UE b’rabta mat-tnaqqis tal-emissjonijiet. L-istrateġija turi r-rilevanza tal-akkwist pubbliku f’dan il-kuntest. Din l-istrateġija tagħraf li biex tilqa’ għad-domanda, il-Kummissjoni qed taħdem fuq ċerti inċentivi fir-regoli dwar l-akkwist pubbliku, fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa.
Kif tħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa Attiva: aġenda għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobbiltà kompetittiva, konnessa u mingħajr ħsara għall-ambjent għal kulħadd”, din il-proposta hi parti mit-tieni pakkett ta’ proposti li se jikkontribwixxi għall-isforz tal-Unjoni għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi. Dan il-pakkett qed jiġi ppreżentat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “It-twettiq ta’ mobbiltà b’emissjonijiet baxxi - Unjoni Ewropea li tipproteġi l-pjaneta, tagħti s-setgħa lill-konsumaturi tagħha u tiddefendi l-industrija u lill-ħaddiema tagħha”. Dan jinkludi taħlita ta’ miżuri orjentati lejn il-provvista u lejn id-domanda biex l-UE taqbad ir-ritmu għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi u fl-istess ħin issaħħaħ il-kompetittività tal-ekosistema tal-mobbiltà tal-UE.
Id-Direttiva 2009/33/UE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, magħrufa bħala d-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa (jew id-Direttiva) tikkumplimenta l-leġiżlazzjoni orizzontali tal-UE dwar l-akkwist pubbliku. Billi tobbliga li titqies il-ħajja operattiva tal-impatt enerġetiku u ambjentali fl-akkwist pubbliku tal-vetturi tat-trasport bit-triq, din għandha l-ħsieb li tistimola s-suq tal-vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, tikkontribwixxi biex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja, u żżid l-effiċjenza enerġetika.
Fl-2015 saret evalwazzjoni ex post li ħarġet fid-dieher li d-Direttiva għandha nuqqasijiet serji. Bħala medja, il-korpi pubbliċi mhumiex qed jużaw l-akkwist pubbliku sew biżżejjed biex jgħinu biex titħaffef l-adozzjoni mis-suq tal-vetturi nodfa. Din identifikat għadd ta’ nuqqasijiet fit-tfassil tad-Direttiva, fosthom kamp ta’ applikazzjoni insuffiċjenti u nuqqas ta’ definizzjoni. Id-dispożizzjonijiet dwar ix-xiri tal-vetturi huma vagi (speċifikazzjonijiet tekniċi) jew kumplessi żżejjed (monetizzazzjoni ta’ effetti esterni).
Din l-inizjattiva għandha l-għan ġenerali li żżid l-adozzjoni mis-suq ta’ vetturi nodfa, jiġifieri mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi, fl-akkwist pubbliku u b’hekk tgħin biex jonqsu l-emissjonijiet ġenerali tat-trasport, u tikkontribwixxi għal kompetittività u tkabbir fis-settur tat-trasport. L-akkwist pubbliku jibqa’ rilevanti bħala stimolu min-naħa tad-domanda, inkluż fil-qasam tal-vetturi tqal tat-trasport fejn għad ma jeżisti l-ebda rekwiżit leġiżlattiv biex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2, għalkemm din il-leġiżlazzjoni qed titħejja. Dan iservi ta’għajnuna biex jissokta l-appoġġ għal momentum fis-swieq tal-karozzi u tal-vannijiet fl-Istati Membri b’livell baxx ħafna ta’ adozzjoni ta’ vetturi nodfa – fl-2017, f’16-il Stat Membru, il-proporzjon tal-vetturi elettriċi bil-batteriji fost ir-reġistrazzjonijiet tal-karozzi ġodda kien inqas minn 1 %, u f’10 Stati Membri kien inqas minn 0,5 %. Dan jixpruna l-adozzjoni ta’ vetturi nodfa fis-segment tas-suq tal-vetturi tqal.
Ir-reviżjoni tiżgura li d-Direttiva tkun tkopri kull prattika rilevanti tal-akkwist, li tibgħat sinjali tas-suq ċari u fit-tul, u li d-dispożizzjonijiet jiġu ssimplifikati u jkunu effettivi. Din għandha l-għan li żżid il-kontribut tas-settur tat-trasport biex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja, u għal kompetittività u tkabbir. Minbarra dawn, din tappoġġa allinjament aħjar, u b’hekk jiżdied l-impatt tal-politiki dwar l-akkwist fuq is-suq tal-Istati Membri.
Ir-reviżjoni twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Din tistabbilixxi definizzjoni għal vetturi ħfief u nodfa li tkun imsejsa fuq limitu kkombinat għall-emissjonijiet tas-CO2 u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja. Barra minn hekk, permezz tar-reviżjoni, jista’ jiġi adottat att delegat skont din id-Direttiva biex l-istess approċċ jiġi adattat għall-vetturi tqal, ġaladarba l-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għal dawn il-vetturi jkunu ġew adottati fil-livell tal-UE fil-ġejjieni. Din tistabbilixxi miri minimi tal-akkwist fil-livell tal-Istati Membri wara li tkun saret id-definizzjoni, u fil-każ tal-vetturi tqal ibbażati fuq il-fjuwils alternattivi qabel tkun saret l-adozzjoni tal-att delegat. Fl-aħħar nett, din tintroduċi qafas tar-rappurtar u tal-monitoraġġ u tagħti l-ġenb lill-metodoloġija ta’ monetizzazzjoni tal-effetti esterni.
•
Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika
Il-liġi tal-UE tistabbilixxi regoli armonizzati minimi għall-akkwist pubbliku permezz tad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE. Dawn il-limiti minimi huma l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet skont id-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa. L-għanijiet ta’ din ir-reviżjoni huma konsistenti mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari meta jiġi applikat approċċ nondiskriminatorju għal awtoritajiet, entitajiet u operaturi kontraenti rilevanti b’mod individwali. Dawn huma konformi għalkollox mal-għanijiet ewlenin ta’ inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi oħrajn li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja, u jappoġġaw l-użu ta’ vetturi nodfa, mingħajr emissjonijiet u b’emissjonijiet baxxi. L-għanijiet ta’ din l-inizjattiva, u l-miżuri proposti, huma konsistenti mar-Regolament propost għall-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għal wara l-2020. Ir-reviżjoni tikkumplimenta l-approċċ ta’ inċentiv u ta’ detterent tas-suq permezz ta’ għodod ta’ politika fil-livell tal-UE billi toħloq aktar stimolu min-naħa tad-domanda għall-vetturi nodfa. B’dan il-mod, din tgħin biex jitwettqu l-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet wara l-2020, kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja li bħalissa hemm fis-seħħ fl-UE.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•
Il-bażi ġuridika
Id-Direttiva hi msejsa fuq l-Artikolu 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-koleġiżlaturi Ewropej saħqu fuq l-importanza tal-akkwist pubbliku biex jintlaħqu l-għanijiet fit-tul tal-UE dwar l-ambjent, il-klima u l-enerġija, kif ukoll għanijiet tat-tkabbir u tal-kompetittività permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva 2009/33/UE. Minbarra dan, din hi l-istess bażi ġuridika bħal dik għall-adozzjoni tad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE.
•
Is-sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklussiva)
L-Istati Membri u l-UE jikkondividu l-kompetenzi fit-trasport, l-ambjent u l-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi. Madankollu, l-armonizzazzjoni settorjali tar-regoli tal-akkwist fis-Suq Intern hi kompetenza tal-UE. Il-problemi marbuta mad-Direttiva kif inhi bħalissa ma jistgħux jiġu indirizzati mill-Istati Membri waħedhom għax il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru tintemm mal-fruntieri nazzjonali.
Il-valutazzjoni tal-impatt turi li azzjoni permezz ta’ din l-inizjattiva tillimita l-intervent tal-UE biex tipprovdi qafas ta’ politika komuni b’rekwiżiti minimi għall-akkwist ta’ vetturi nodfa, filwaqt li lill-Istati Membri tagħtihom ċerta flessibbiltà fl-implimentazzjoni, inkluż fejn tidħol l-għażla tat-teknoloġija. Il-miżuri proposti ma jintervjenux fil-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw il-forniment tat-trasport (pubbliku), u ma jillimitawx il-kapaċità li jagħżlu l-aktar teknoloġija adattata.
L-impatti potenzjali tat-tibdil fil-klima fuq skala kbira jiġġustifikaw azzjoni fil-livelli kollha ta’ governanza; din hi aċċettata bħala l-bażi għat-tfassil tal-politika fil-livell tal-UE. Hu aċċettat ukoll li t-tniġġis tal-arja, għalkemm ħafna drabi tkun problema urbana lokali, jista’ jiġi indirizzat b’mod aktar effettiv jekk l-awtoritajiet jistgħu jibbażaw fuq l-aqwa teknoloġiji nodfa disponibbli, li huma iżjed faċli bl-eżistenza ta’ suq komuni. Il-kost tat-tniġġis tal-arja jeħtieġ il-kollaborazzjoni u l-azzjoni fil-livelli kollha ta’ governanza.
•
Il-proporzjonalità
B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, din il-proposta ma taqbiżx dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet. Il-miżuri jitqiesu proporzjonali mil-lat tal-impatti tagħhom. Dawn jikkumplimentaw għodod oħra ta’ politika bħal pereżempju l-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet u jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja. Din l-inizjattiva tgħin biex ikun żgurat approċċ ikkoordinat aħjar u aktar ċar. Barra minn hekk, dawn ma jillimitawx il-kapaċità li tingħażel l-aktar teknoloġija rilevanti. Minflok, dawn iħaddmu approċċ b’sehem minimu biex jappoġġaw ir-rankatura meħtieġa lejn mobbiltà mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi
B’hekk, l-awtoritajiet ikunu jistgħu jadottaw, fi żmien speċifikat, kull miżura meħtieġa biex jiffaċilitaw l-adozzjoni ta’ vetturi nodfa ħalli jiġu indirizzati l-għanijiet ta’ politika fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali. Minbarra dan, b’hekk tkun tista’ ssir interazzjoni flessibbli bejn il-korpi pubbliċi nazzjonali, lokali u reġjonali fil-kuntest tal-miri minimi wiesgħa ġenerali tal-akkwist stabbiliti fil-livell nazzjonali. Il-valutazzjoni tal-impatt territorjali tal-proposta turi li l-effetti huma pożittivi fil-biċċa l-kbira tagħha u huma mifruxa relattivament b’mod ekwu madwar l-UE kollha.
•
L-għażla tal-istrument
Din il-proposta temenda Direttiva eżistenti u għalhekk Direttiva emendatorja hi l-aktar strument xieraq. Ħafna mill-partijiet konċernati li ħadu sehem fil-konsultazzjoni pubblika qablu ma’ din il-pożizzjoni u rrifjutaw l-alternattiva ta’ revoka u l-alternattiva li d-Direttiva tinbidel f’Regolament, minkejja n-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni attwali. Ġie nnutat li r-Regolament ma jippermettix il-flessibbiltà meħtieġa biex jiġu indirizzati d-differenzi reġjonali u lokali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONI EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET KONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT
•
L-evalwazzjoni ex post tal-leġiżlazzjoni eżistenti
L-evalwazzjoni ex post tikkonkludi li d-Direttiva ma tistimulax l-akkwist pubbliku ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. L-akkwist pubbliku ma tantx kellu effett fuq l-adozzjoni mis-suq ta’ vetturi nodfa madwar l-UE u għalhekk ħalla wkoll impatt limitat ħafna fejn jidħol it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja. Dan ma kellu l-ebda impatt viżibbli fuq il-kompetittività jew it-tkabbir tas-settur.
Bħala raġunijiet ewlenin għall-impatt limitat tad-Direttiva, l-evalwazzjoni tinnota dawn li ġejjin:
·Il-firxa limitata ta’ kuntratti koperti mid-Direttiva: id-Direttiva għandha dispożizzjonijiet limitati dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u għalhekk ma tkoprix il-prattiki għajr ix-xiri dirett tal-korpi pubbliċi. Pereżempju, din ma tindirizzax il-kiri, it-twellija jew ix-xiri bin-nifs tal-vetturi. Barra minn hekk, id-Direttiva ma tkoprix il-kuntratti tas-servizzi tat-trasport għajr dawk tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri.
·In-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ċari għal xiri tal-vetturi: id-Direttiva ma tiddefinix b’mod ċar il-vetturi nodfa, u lanqas ma tinkludi dispożizzjonijiet ċari dwar ix-xiri tagħhom.
·Id-dispożizzjoni kkumplikata dwar l-użu tal-metodoloġija ta’ monetizzazzjoni: l-evalwazzjoni tinnota li l-korpi pubbliċi rari jużaw din il-metodoloġija għax hi kumplessa wisq.
·In-nuqqas ta’ allinjament ta’ politiki tal-akkwist pubbliku tal-Istati Membri: fil-premessa 15, id-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa tinnota li “l-akkwist ta’ vetturi għas-servizzi ta’ trasport pubbliku jista’ jagħmel impatt sinifikanti fuq is-suq jekk jintużaw kriterji armonizzati fil-livell Komunitarju”. Dawn il-kriterji armonizzati għadhom ma daħlux fis-seħħ.
L-evalwazzjoni ex post tikkonkludi li d-Direttiva jenħtieġ tibqa’ fis-seħħ. L-akkwist pubbliku għandu l-potenzjal li jgħin biex tiżdied l-adozzjoni mis-suq ta’ vetturi nodfa u jikkontribwixxi għall-ekonomiji ta’ skala li jwasslu biex jonqsu l-kostijiet tal-produzzjoni u jorħsu l-prezzijiet. Min-naħa tiegħu, dan jenħtieġ jgħin biex titħeġġeġ id-domanda tal-privat għal vetturi nodfa: iż-żieda fil-viżibbiltà jaf iżżid il-fiduċja tal-konsumaturi. Ir-revoka tista’ tibgħat sinjal politiku ħażin fil-kuntest tat-tranżizzjoni tal-UE lejn trasport b’emissjonijiet baxxi. L-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti jsibuha aktar diffiċli biex jiġġustifikaw ix-xiri – il-liġi orizzontali dwar l-akkwist pubbliku ma tistabbilixxix dawn ir-rekwiżiti speċifiċi. Minbarra dan, bħalissa ma teżisti l-ebda miżura alternattiva ta’ politika biex jiġi stimulat is-suq għal vetturi tqal aktar nodfa.
L-evalwazzjoni ex post tirrakkomanda għadd ta’ emendi fid-Direttiva, fosthom li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u li jinbidlu d-dispożizzjonijiet dwar ix-xiri tal-vetturi biex jiddaħħlu definizzjoni u rekwiżiti ta’ azzjoni relatati. Din tinnota wkoll il-bżonn li jitjiebu l-livell u l-kwalità tal-informazzjoni u tad-dejta disponibbli, biex fil-ġejjieni jkun jista’ jsir monitoraġġ tal-effikaċja u l-effiċjenza tad-Direttiva.
•
Konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati
Bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt, il-partijiet konċernati ġew ikkonsultati waqt:
·konsultazzjoni pubblika miftuħa mid-19 ta’ Diċembru 2016 sal-24 ta’ Marzu 2017: din ikkonfermat il-ħtieġa ta’ reviżjoni; il-maġġoranza qablu li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni u li jiddaħħlu definizzjoni u rekwiżiti minimi ta’ azzjoni relatati;
·l-intervisti mal-partijiet konċernati saru bejn Diċembru 2016 u Marzu 2017; dawn ħarġu fid-dieher b’mod partikolari l-ħtieġa għal ċerta flessibbiltà fl-implimentazzjoni tad-Direttiva;
·laqgħa pubblika mal-partijiet konċernati dwar il-konsultazzjoni pubblika fit-28 ta’ April 2017, iddiskutiet il-ħtiġijiet u l-benefiċċji relattivi tal-approċċi biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u jiġu stabbiliti definizzjoni u r-rekwiżiti relatati fejn jidħol l-akkwist;
·laqgħat mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fit-8 ta’ Frar, il-5 ta’ April u t-28 ta’ April 2017, enfasizzaw ir-rilevanza tal-konsistenza fil-politika u l-benefiċċji ta’ approċċ ibbażat fuq l-emissjonijiet għad-definizzjoni ta’ vetturi nodfa.
•
Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert
L-abbozz tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt beda b’evalwazzjoni ex post tad-Direttiva. Ħafna mill-informazzjoni użata nkisbet mingħand il-partijiet konċernati waqt l-attivitajiet tal-konsultazzjoni mal-partijiet konċernati. Tikkumplimentaha, hemm l-informazzjoni li l-Kummissjoni kisbet mingħand il-partijiet konċernati fuq bażi ad hoc.
Fost aktar sorsi tal-informazzjoni hemm il-ħidma ta’ grupp ta’ esperti fis-sottogrupp dwar il-fjuwils alternattivi fil-bliet fi ħdan il-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli tad-DĠ MOVE. Intużat ukoll l-informazzjoni ġġenerata għar-reviżjoni tal-Kriterji tal-Kummissjoni dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku. Il-valutazzjoni tal-impatt tiddependi ferm fuq studju ta’ akkumpanjament li sar minn Ricardo AEA. B’mod ġenerali, is-sorsi użati għall-abbozz tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt huma diversi, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma eżawrjenti u rappreżentattivi għad-diversi gruppi interessati.
Il-Kummissjoni organizzat ukoll laqgħa ma’ esperti minn bliet u reġjuni differenti dwar il-valutazzjoni tal-impatt territorjali ta’ din il-proposta leġiżlattiva fl-11 ta’ Mejju 2017.
•
Il-valutazzjoni tal-impatt
Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet ippreżentata lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni fis-26 ta’ Lulju 2017. Fit-13 ta’ Settembru 2017, il-Bord ħareġ opinjoni pożittiva b’riżervi; deherlu li r-rapport finali jenħtieġ jispjega bis-sħiħ il-valur miżjud tal-inizjattiva meta mqabbla ma’ inizjattivi oħrajn li jolqot l-emissjonijiet tat-trasport bit-triq, u anki fejn tidħol iż-żieda fl-adozzjoni tal-vetturi. Il-Bord jinnota li r-rapport jeħtieġ jispjega b’mod aktar ċar ir-raġunament wara l-bidla fil-governanza tad-Direttiva fir-rigward tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, u jiddeskrivi iżjed id-dettalji dwar it-tfassil tal-alternattivi ta’ politika. L-opinjoni tinnota wkoll li l-benefiċċji netti fi żmien qasir u fit-tul tal-alternattivi ta’ politika jenħtieġ ikunu aktar ċari u li l-implimentazzjoni tal-approċċ u l-implikazzjonijiet REFIT tiegħu jenħtieġ jiġu spjegati f’aktar dettall.
Ir-rapport finali tal-valutazzjoni tal-impatt jinkludi deskrizzjoni komprensiva u valutazzjoni tal-valur miżjud tal-inizjattiva u tar-rabtiet tiegħu ma’ inizjattivi ta’ politika oħrajn fit-Taqsimiet 1.2, 3.3, 3.4 u 4.3. Ir-riperkussjonijiet fuq id-deċiżjonijiet tax-xiri tal-privat ġew b’mod kwalitattiv fit-Taqsima 2.1. Fit-taqsima 5 hemm deskrizzjoni dettaljata tal-alternattivi ta’ politika, imsejsa fuq id-deskrizzjoni tal-proċess ta’ analiżi tal-miżuri kollha possibbli li hemm fit-Taqsima 4. Dan jinkludi r-raġunament għalfejn ma ntlaqax l-approċċ ta’ internalizzazzjoni tal-kostijiet esterni, prinċipalment minħabba l-użu limitat tiegħu fil-prattika. Fit-Taqsima 6 hemm analiżi komprensiva tal-impatti tal-alternattivi kollha u tinkludi analiżi tal-kompromessi, sa fejn din kienet possibbli. Il-valutazzjoni tal-impatt tiġbor ukoll informazzjoni dwar is-sensittività tax-xenarju bażi meta mqabbel mal-inizjattivi ta’ politika l-oħra. Is-sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt u l-opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju jinsabu fis-sit web tal-Kummissjoni.
L-alternattivi ta’ politika
L-alternattiva 1: Revoka tad-Direttiva
Din l-alternattiva ta’ politika tħassar id-Direttiva. L-għanijiet speċifiċi tad-Direttiva jiġu indirizzati permezz ta’ diversi strumenti nonleġiżlattivi, inkluż bis-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tal-użu volontarju tal-kriterji ekoloġiċi tal-akkwist pubbliku stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea. Jistgħu jiġu riveduti l-linji gwida finanzjarji eżistenti tal-UE biex issir it-tranżizzjoni lejn vetturi mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi. Se titħeġġeġ l-azzjoni volontarja tal-atturi tas-suq.
L-alternattiva 2: Issir definizzjoni ta’ vetturi nodfa u l-Istati Membri jintalbu jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali ta’ politika jew jużaw il-metodoloġija ta’ monetizzazzjoni
Din l-alternattiva ta’ politika tipproponi għadd ta’ bidliet moderati. Din ma twassal għall-ebda bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva iżda teżiġi li l-Istati Membri jagħżlu wieħed miż-żewġ approċċi prinċipali:
·tintuża definizzjoni komuni ta’ vetturi nodfa abbażi tal-emissjonijiet mill-egżost kif definit fid-Direttiva emendata u, skont din jiġi żviluppat qafas ta’ politika nazzjonali lejn mira fit-tul; jew
·il-korpi pubbliċi kollha jintalbu jixtru l-vetturi skont il-kostijiet interni u esterni monetizzati tagħhom, u li għalihom l-użu tal-metodoloġija ta’ monetizzazzjoni riveduta bid-Direttiva jkun vinkolanti.
L-alternattiva 3: Issir definizzjoni ta’ vetturi nodfa abbażi tal-limiti tal-emissjonijiet u jiġu stabbiliti miri minimi tal-akkwist għall-vetturi ħfief, filwaqt li jiżdied il-kamp ta’ applikazzjoni
Din l-alternattiva ta’ politika tirrevedi bis-sħiħ id-Direttiva. Tagħmilha iżjed ambizzjuża u tbiddel l-approċċ ta’ governanza prinċipali tagħha. B’mod partikolari, din l-alternattiva:
·tintroduċi definizzjoni komuni ta’ vetturi nodfa abbażi ta’ limiti (mit-tank sar-rota) ibbażati fuq l-emissjonijiet għall-vetturi ħfief, li jikkombinaw l-emissjonijiet tas-CO2 u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja;
·iżżid il-mira minima tal-akkwist għall-korpi pubbliċi, kif iddefinit fil-livell tal-Istati Membri għall-vetturi ħfief skont il-limiti stabbiliti bil-liġi tal-akkwist tal-UE għall-2025 u l-2030;
·tintroduċi miżuri biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva; u
·tneħħi l-metodoloġija ta’ monetizzazzjoni.
L-alternattiva 4: Issir definizzjoni abbażi tal-fjuwils alternattivi u jiġu stabbiliti miri minimi tal-akkwist għall-vetturi kollha, filwaqt li jiżdied il-kamp ta’ applikazzjoni
Din l-alternattiva ta’ politika tadotta l-istess approċċ ġenerali għar-reviżjoni tad-Direttiva bħall-alternattiva ta’ politika 3, iżda b’diversi differenzi. Din:
·tintroduċi definizzjoni komuni ta’ vetturi nodfa bbażata fuq il-fjuwils alternattivi għall-vetturi ibridi rikarikabbli, il-vetturi elettriċi bil-batteriji, il-vetturi elettriċi biċ-celloli tal-fjuwil, u l-vetturi bil-gass naturali/bijometanu, kemm ħfief u anki tqal;
·iżżid il-mira minima tal-akkwist għall-korpi pubbliċi, kif iddefinit fil-livell tal-Istati Membri għall-vetturi ħfief, skont id-definizzjoni u l-limiti stabbiliti bil-liġi tal-akkwist tal-UE għall-2025 u l-2030;
·tintroduċi miżuri biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva; u
·tneħħi l-metodoloġija ta’ monetizzazzjoni.
L-alternattiva 5: Adozzjoni ta’ Regolament biex il-metodoloġija ta’ monetizzazzjoni tkun l-uniku approċċ li jinforma l-akkwist tal-vetturi, filwaqt li jiżdied il-kamp ta’ applikazzjoni
Din l-alternattiva ta’ politika tibdel għalkollox il-qafas ta’ governanza tal-akkwist tal-vetturi nodfa. Id-Direttiva attwali tinbidel b’Regolament dwar il-promozzjoni tal-vetturi nodfa li jistipula li l-vetturi jiġu akkwistati abbażi tal-impatti enerġetiċi u ambjentali tagħhom, li jenħtieġ jiġu monetizzati permezz ta’ metodoloġija ta’ monetizzazzjoni riveduta. Minbarra dan, din l-alternattiva żżid il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.
L-alternattiva 6: Issir definizzjoni ta’ vetturi nodfa abbażi tal-limiti tal-emissjonijiet u jiġu stabbiliti miri minimi tal-akkwist għall-vetturi ħfief, flimkien ma’ definizzjoni bbażata fuq il-fjuwils alternattivi u jiġu stabbiliti miri minimi tal-akkwist pubbliku għall-vetturi tqal
Din l-alternattiva tgħaqqad elementi tal-alternattivi ta’ politika 3 u 4. Tirrikonoxxi l-vantaġġ ta’ approċċ ibbażat fuq l-emissjonijiet biex issir id-definizzjoni ta’ vetturi nodfa. L-approċċ tal-alternattiva 3 jintuża għall-vetturi ħfief. Għall-vetturi tqal jintuża l-approċċ tal-alternattiva 4 u l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta att delegat biex tbiddel dan l-approċċ b’approċċ ta’ limitu bbażat fuq l-emissjonijiet, ġaladarba l-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ikunu ġew adottati fil-livell tal-UE.
L-alternattiva 6 ntgħażlet bħala l-għażla ta’ politika ppreferuta għar-reviżjoni tad-Direttiva. Din ittejjeb il-konsistenza permezz ta’ standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet fil-livell tal-UE. Iż-żewġ inizjattivi jikkonċernaw l-istess tip ta’ vettura permezz ta’ taħlita ta’ għodod ta’ politika ta’ inċentiv u detterent. L-alternattiva 6 tiżgura li fil-futur id-Direttiva tkun tista’ tadatta għal approċċ ibbażat fuq l-emissjonijiet li jiġi applikat fil-qasam tal-vetturi tat-trasport tqal. Tiżgura wkoll li jitħalla impatt minnufih fuq l-adozzjoni mis-suq fil-qasam tal-vetturi tat-trasport tqal. Fl-aħħar nett, din tistabbilixxi triq ċara ’l quddiem biex l-atturi tas-suq ikollhom ċertezza fit-tul, filwaqt li tagħti ċerta flessibbiltà u diskrezzjoni fl-implimentazzjoni.
•
L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni
L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa se jinkisbu jekk issir definizzjoni ċara, jekk jiġu stabbiliti miri minimi tal-akkwist, u jekk il-metodoloġija ta’ monetizzazzjoni kumplessa tingħata l-ġenb. Jekk jibqa’ jitħaddem l-approċċ attwali tad-Direttiva, il-kompromessi bejn li ssir definizzjoni aħjar ta’ vetturi nodfa (u d-dispożizzjonijiet dwar ix-xiri relatati) u li titjieb il-metodoloġija ta’ monetizzazzjoni jieħdu preċedenza, u jkun ta’ xkiel għall-għan li jingħataw sinjali tas-suq aktar b’saħħithom u li jinħolqu proċeduri tal-akkwist aktar effettivi. L-implimentazzjoni tal-għażla ppreferuta aktarx li se ġġib żieda inizjali fil-piż amministrattiv minħabba l-ħtieġa ta’ implimentazzjoni u rappurtar tal-mira. Iżda din iż-żieda tingħeleb mill-benefiċċji soċjoekonomiċi ġenerali u anki mill-kisbiet fit-tul fejn tidħol is-simplifikazzjoni permezz tal-approċċ propost ta’ dispożizzjonijiet ċari. L-implimentazzjoni fl-Istati Membri tħalli l-possibbiltà biex b’mod flessibbli jingħaqdu l-inizjattivi lokali u reġjonali tal-akkwist skont il-kapaċità u l-maturità tas-suq. L-użu effettiv tal-kodiċijiet tal-vokabolarju komuni tal-akkwist (CPV) konkluż u r-reġistrazzjonijiet fil-bażi tad-dejta tal-offerti elettroniċi ta’ kuljum se jappoġġaw u jissimplifikaw ir-rappurtar u l-monitoraġġ. Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt juri li l-benefiċċji tas-simplifikazzjoni se jiżdiedu maż-żmien bl-implimentazzjoni tad-Direttiva.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•
Il-pjanijiet tal-implimentazzjoni u l-arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Din il-proposta tindirizza n-nuqqas attwali ta’ obbligi tar-rappurtar. L-Istati Membri se jkollhom jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva kull tliet snin, bl-ewwel rapport intermedju fl-2023 u b’rappurtar sħiħ fl-2026 dwar l-implimentazzjoni tal-mira għall-2025. Fil-vokabolarju komuni tal-akkwist tal-UE jenħtieġ jiddaħħlu kodiċijiet komuni għall-vetturi mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi ħalli jiffaċilitaw in-notifika fil-bażi tad-dejta tal-offerti elettroniċi ta’ kuljum. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se twieżen l-implimentazzjoni tad-Direttiva riveduta permezz ta’ ħidma kontinwa tal-forum dwar it-trasport sostenibbli tal-Kummissjoni Ewropea.
•
Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa hi msejsa fuq l-alternattiva ta’ politika 6. Id-Direttiva hi emendata kif gej:
–il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva kif stabbilit fl-Artikolu 3 jiġi estiż għal għamliet oħra ta’ akkwist għajr ix-xiri, jiġifieri l-kiri, it-twellija u x-xiri bin-nifs tal-vetturi, u biex il-kuntratti tas-servizz pubbliku għal servizzi tat-trasport pubbliku bit-triq, għal servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq b’għan speċjali, għal servizzi tat-trasport tal-passiġġieri mhux skedati u għall-kiri ta’ xarabanks u kowċijiet b’xufier skont il-kodijiet tal-vokabularju komuni tagħhom skont il-kodiċijiet tal-Vokabolarju Komuni tal-Akkwisti kif elenkati fl-Anness;
–id-definizzjonijiet skont id-Direttiva jiġu emendati fl-Artikolu 4(4) billi tiżdied referenza għall-miri minimi tal-akkwist tal-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness;
–id-dispożizzjonijiet għax-xiri ta’ vetturi nodfa fl-Artikolu 5 jiġu riveduti biex jiġu stabbiliti miri minimi għall-akkwist ta’ vetturi nodfa, iddifferenzjati skont l-Istat Membru u skont il-kategoriji tas-segment tal-vetturi skont il-limiti tal-emissjonijiet tas-CO2 u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja (għall-vetturi ħfief) u l-fjuwils alternattivi (għall-vetturi tqal), kif imniżżla fl-Anness u mid-dati speċifikati fih;
–l-Artikolu 6 attwali jitħassar;
–jiddaħħal Artikolu 7 ġdid dwar l-eżerċizzju tad-delega tas-setgħat u jiġi adattat l-Artikolu 9 dwar l-eżerċizzju tal-implimentazzjoni tas-setgħat;
–l-Artikolu 10 jiġi adattat biex jiddaħħlu ċerti obbligi tar-rappurtar għall-Istati Membri u biex l-obbligi tar-rappurtar tal-Kummissjoni jiġu allinjati mar-rappurtar tal-Istati Membri, b’rappurtar intermedju fl-2023 u b’rappurtar sħiħ fl-2026 dwar l-implimentazzjoni tal-mira għall-2025 u mbagħad kull tliet snin.
2017/0291 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2009/33/UE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)L-Unjoni hi impenjata li toħloq sistema tal-enerġija dekarbonizzata sostenibbli, kompetittiva u sigura. L-Unjoni tal-Enerġija u fil-Qafas ta’ Politika dwar l-Enerġija u l-Klima għall-2020 sal-2030 jistabbilixxu impenji ambizzjużi għall-Unjoni biex tkompli tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-inqas 40 % sal-2030 meta mqabbla mal-1990, biex il-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli kkunsmata jiżdied b’mill-inqas 27 %, biex tiġi ffrankata mill-inqas 27 % tal-enerġija, u biex jitjiebu s-sigurtà, il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-enerġija tal-UE.
(2)
Fl-Istrateġija Ewropea għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi, il-Kummissjoni ħabbret li biex jitwettqu l-impenji li l-Unjoni għamlet waqt il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-UNFCC), li saret f’Pariġi fl-2015, trid titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u għalhekk jenħtieġ li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja jaqbdu t-triq it-tajba biex sa nofs is-seklu jixxejnu għalkollox. Minbarra dan, hemm bżonn li mingħajr dewmien jonqsu drastikament l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja mit-trasport li qed jagħmlu l-ħsara lis-saħħa tal-bniedem. Dan jista’ jintlaħaq b’għadd ta’ inizjattivi ta’ politika, fosthom permezz tal-akkwist pubbliku ta’ vetturi nodfa.
(3)
Fil-Komunikazzjoni “Ewropa Attiva: aġenda għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobbiltà kompetittiva, konnessa u mingħajr ħsara għall-ambjent għal kulħadd”, il-Kummissjoni tenfasizza li ż-żieda fil-produzzjoni u fl-adozzjoni ta’ vetturi nodfa, l-infrastrutturi tal-fjuwils alternattivi, u s-servizzi ta’ sistemi moderni ġodda li jaħtfu l-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni u tal-awtomatizzazzjoni fl-Unjoni, joffru diversi benefiċċji liċ-ċittadini Ewropew, lill-Istati Membri u lill-industriji. Fosthom hemm l-ivvjaġġar aktar sikur u mingħajr qtugħ, u inqas esponiment għall-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja u jagħmlu l-ħsara. Barra minn hekk, id-diskors tal-2017 dwar l-Istat tal-Unjoni ddikjara li l-għan hu li l-UE ssir mexxejja dinjija fid-dekarbonizzazzjoni.
(4)
Kif tħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa Attiva: aġenda għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobbiltà kompetittiva, konnessa u mingħajr ħsara għall-ambjent għal kulħadd”, din il-proposta hi parti mit-tieni pakkett ta’ proposti li se jikkontribwixxi għall-isforz tal-Unjoni għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi. Dan il-pakkett, li qed jiġi ppreżentat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “It-twettiq ta’ mobbiltà b’emissjonijiet baxxi - Unjoni Ewropea li tipproteġi l-pjaneta, tagħti s-setgħa lill-konsumaturi tagħha u tiddefendi l-industrija u lill-ħaddiema tagħha” fih taħlita ta’ miżuri orjentati lejn il-provvista u miżuri orjentati lejn id-domanda ħalli l-UE taqbad ir-ritmu għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi u fl-istess ħin issaħħaħ il-kompetittività tal-ekosistema tal-mobbiltà tal-UE.
(5)
L-innovazzjoni tat-teknoloġiji ġodda tgħin biex jonqsu l-emissjonijiet tal-vetturi u tappoġġa d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport. Jekk tiżdied l-adozzjoni ta’ vetturi mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi, aktarx li din iż-żieda tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu l-arja (materja partikulata, ossidi tan-nitroġenu u idrokarburi tan-nonmetan) u li trawwem il-kompetittività u t-tkabbir tal-industrija Ewropea fis-swieq globali dejjem jikbru tal-vetturi mingħajr emissjonijiet u b’emissjonijiet baxxi.
(6)L-awtoritajiet pubbliċi, permezz tal-politika tal-akkwist tagħhom, jistgħu joħolqu swieq ta’ prodotti u servizzi innovattivi, u jappoġġawhom. Id-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE jistabbilixxu regoli armonizzati minimi dwar l-akkwist pubbliku li jarmonizzaw il-mod kif l-awtoritajiet pubbliċi u ċerti operaturi tal-utilitajiet pubbliċi jixtru l-prodotti, ix-xogħlijiet u s-servizzi. B’mod partikolari, dawn jistabbilixxu limiti ġenerali għall-volum ta’ kuntratti soġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li jkunu japplikaw ukoll għad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa.
(7)Id-Direttiva 2009/33/UE tikkumplimenta l-leġiżlazzjoni orizzontali dwar l-akkwist pubbliku tal-Unjoni u żżid ċerti kriterji tas-sostenibbiltà, u b’hekk għandha l-għan li tixpruna s-suq tal-vetturi tat-trasport bit-triq li jkunu nodfa u effiċjenti. Fl-2015, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ex post tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa u kkonkludiet li d-Direttiva ma stimulatx l-adozzjoni mis-suq ta’ vetturi nodfa madwar l-Unjoni, l-aktar minħabba ċerti nuqqasijiet fid-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u x-xiri tal-vetturi. L-impatt fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja u l-impatt fuq il-promozzjoni tal-kompetittività industrijali kienu limitati ħafna.
(8)Il-valutazzjoni tal-impatt li saret ħarġet fid-dieher il-benefiċċji ta’ bidla fl-approċċ ta’ governanza ġenerali għall-akkwist tal-vetturi nodfa fil-livell tal-Unjoni. Jekk jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-akkwist, ikun jista’ jintlaħaq b’mod effettiv l-għan li jitħalla impatt fuq l-adozzjoni mis-suq tal-vetturi nodfa meta mqabbel mad-dipendenza fuq l-internalizzazzjoni tal-kostijiet esterni fid-deċiżjonijiet ġenerali tal-akkwist, filwaqt li tiġi nnutata r-rilevanza li fid-deċiżjonijiet kollha tal-akkwist jitqiesu l-aspetti ambjentali. Il-benefiċċji fiż-żmien medju u fit-tul għaċ-ċittadini u l-intrapriżi Ewropej jiġġustifikaw bis-sħiħ dan l-approċċ sakemm dan ma jkunx jippreskrivi xi teknoloġija partikolari biex tintuża mill-awtoritajiet, l-entitajiet u l-operaturi kontraenti.
(9)Jekk jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva biex ikun jinkludi prattiki bħat-twellija, il-kiri u x-xiri bin-nifs tal-vetturi, kif ukoll kuntratti tas-servizz pubbliku għal servizzi tat-trasport pubbliku bit-triq, għal servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq b’għan speċjali, għal servizzi tat-trasport tal-passiġġieri mhux skedati u għall-kiri ta’ xarabanks u kowċijiet b’xufier u kif ukoll servizzi tal-posta u l-kurjer speċifiċi u servizzi tar-rimi tal-iskart, ikun żgurat li tkun kopreta kull prattika rilevanti tal-akkwist.
(10)Kien hemm appoġġ wiesa’ fost il-partijiet konċernati ewlenin għal definizzjoni ta’ vetturi nodfa li tqis ir-rekwiżiti ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja minn vetturi ħfief u tqal. Biex ikun żgurat li jingħataw inċentivi xierqa li jappoġġaw l-adozzjoni mis-suq ta’ vetturi mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi fl-Unjoni, jenħtieġ li bl-emenda d-dispożizzjonijiet għall-akkwist pubbliku ta’ dawn il-vetturi jiġu allinjati mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-karozzi u l-vannijiet għal wara l-2020. Azzjoni mwettqa skont id-Direttiva emendata se tikkontribwixxi għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ dawn l-istandards. B’approċċ aktar ambizzjuż għall-akkwist pubbliku jista’ jingħata stimolu addizzjonali importanti lis-suq.
(11)Peress li l-vetturi ħfief u tqal jintużaw għal skopijiet differenti u għandhom livelli differenti ta’ maturità tas-suq, hu importanti li d-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku jagħrfu dawn id-differenzi. Il-valutazzjoni tal-impatt turi l-valur miżjud jekk jitħaddem approċċ ibbażat fuq il-fjuwils alternattivi sakemm jiġu stabbiliti rekwiżiti teknoloġikament newtrali fil-livell tal-Unjoni għall-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi tqal, kif il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi fil-ġejjieni. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tirrikonoxxi wkoll li s-swieq tax-xarabanks urbani mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi huma kkaratterizzati minn żieda fil-maturità tas-suq, filwaqt li s-swieq għat-trakkijiet mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi qegħdin fi stadju aktar bikri ta’ żvilupp tas-suq.
(12)Jekk jiġu stabbiliti miri minimi għall-akkwist tal-vetturi nodfa sal-2025 u sal-2030 fil-livell tal-Istati Membri, dan jgħin fiċ-ċertezza tal-politika għas-swieq fejn l-investimenti fil-mobbiltà mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi huma ġġustifikati. Il-miri minimi jappoġġaw il-ħolqien tas-swieq madwar l-Unjoni kollha. Dawn jipprovdu żmien għall-aġġustament tal-proċessi tal-akkwist pubbliku u jibagħtu sinjal ċar tas-suq. Il-valutazzjoni tal-impatt tinnota li l-Istati Membri qed kulma jmur jistabbilixxu aktar miri, skont il-kapaċità ekonomika tagħhom u skont is-serjetà tal-problema. Jenħtieġ jiġu stabbiliti miri differenti fi Stati Membri differenti skont il-kapaċità ekonimika tagħhom (il-prodott domestiku gross għal kull ras) u l-esponiment għat-tniġġis (id-densità tal-popolazzjoni urbana). Jenħtieġ li l-miri minimi tal-akkwist jiġu kkumplimentati bl-obbligu tal-awtoritajiet, l-entitajiet u l-operaturi kontraenti biex fil-proċeduri tal-akkwist tagħhom iqisu l-aspetti enerġetiċi u ambjentali rilevanti kollha. Il-valutazzjoni tal-impatt territorjali ta’ din id-Direttiva emendata turi li l-impatt se jitqassam b’mod ekwu fost ir-reġjuni tal-Unjoni.
(13)L-impatt massimu jista’ jinkiseb jekk l-akkwist pubbliku tal-vetturi nodfa jiġi mmirat f’oqsma li għandhom livell relattivament għoli ta’ tniġġis tal-arja. L-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri huma mħeġġa biex meta jkunu qed jikkonkludu l-implimentazzjoni tal-miri minimi nazzjonali tagħhom jiffukaw l-aktar fuq dawk l-oqsma u biex fir-rappurtar tagħhom skont din id-Direttiva emendata jirriflettu l-azzjoni relatata.
(14) L-ikkalkular tal-kostijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja hu għodda importanti għall-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet biex ikopru l-kostijiet tal-enerġija u l-ambjent tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ vettura, inkluż il-kost tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u ta’ sustanzi oħra li jniġġsu l-arja, permezz ta’ metodoloġija rilevanti biex jinstab il-valur monetarju tagħhom. Minħabba l-użu skars tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-kostijiet tul il-ħajja operattiva skont id-Direttiva 2009/33/UE u l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti dwar l-użu tal-metodoloġiji tagħhom imfassla skont iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, jenħtieġ li l-ebda metodoloġija ma ssir obbligatorja, iżda jenħtieġ li l-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet u l-operaturi jkunu kapaċi jagħżlu xi metodoloġija għall-kalkolu tal-kostijiet tul il-ħajja biex tappoġġa l-proċessi tal-akkwist tagħhom.
(15)Ir-rappurtar dwar l-akkwist pubbliku skont din id-Direttiva emendata jenħtieġ jagħti ħarsa ġenerali ċara tas-suq biex isir monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni. Dan jenħtieġ jibda b’rapport intermedju fl-2023 u jissokta b’rappurtar sħiħ fl-2026 dwar l-implimentazzjoni tal-miri minimi, u mbagħad kull tliet snin. Jenħtieġ jiġi ffaċilitat rappurtar sempliċi ħalli jonqos il-piż amministrattiv fuq il-korpi pubbliċi individwali u tinkiseb ħarsa ġenerali effettiva tas-suq. Il-Kummissjoni se tiżgura rappurtar sħiħ għall-vetturi mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi jew għal vetturi oħra bi fjuwil alternattiv, fil-kuntest tal-Vokabolarju Komuni tal-Akkwisti tal-Unjoni. Il-kodiċijiet speċifiċi tal-Vokabolarju Komuni tal-Akkwisti se jgħinu r-reġistrazzjoni fil-bażi tad-dejta tal-offerti elettroniċi ta’ kuljum, u l-monitoraġġ tagħha.
(16)L-appoġġ għall-adozzjoni mis-suq tal-vetturi nodfa jista’ jiżdied jekk jinħolqu miżuri ta’ appoġġ pubbliku mmirat fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni. Dan jinkludi skambju aħjar tal-għarfien u allinjament tal-akkwist ħalli jkunu jistgħu jitwettqu azzjonijiet fuq skala kbira biżżejjed biex jonqsu l-kostijiet u jitħalla impatt fuq is-suq. Il-possibbiltà ta’ appoġġ pubbliku favur il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-infrastrutturi meħtieġa għad-distribuzzjoni tal-fjuwils alternattivi hija rikonoxxuta fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija. Iżda għal dan l-appoġġ pubbliku se jibqgħu japplikaw ir-regoli tat-Trattat, u b’mod partikolari l-Artikoli 107 u 108 tiegħu.
(17)Sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ tingħata lill-Kummissjoni biex taġġorna d-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-vetturi tqal għal perjodu ta’ ħames snin li jibda minn [Please insert the date of entry into force]. Dan il-perjodu jenħtieġ jiġi estiż b’mod taċitu għal perjodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni. Hu partikolarment importanti li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, anki fil-livell ta’ esperti. Meta tkun qed tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni jenħtieġ tiżgura trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
(18)L-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jingħata stimolu min-naħa tad-domanda għall-vetturi nodfa b’appoġġ għat-tranżizzjoni lejn mobbiltà b’emissjonijiet baxxi, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri waħedhom iżda minflok, b’qafas ta’ politika komuni u fit-tul u għar-raġunijiet ta’ skala, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, u għaldaqstant l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
(19)B’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f’każijiet ġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’wieħed jew aktar mid-dokumenti li jispjegaw ir-rabta bejn il-komponenti ta’ Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur jidhirlu li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġġustifikata.
(20) Għaldaqstant, id-Direttiva 2009/33/UE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2009/33/UE hija emendata kif ġej:
(1)It-titolu jinbidel b’dan li ġej:
“Id-Direttiva 2009/33/UE dwar il-promozzjoni tal-vetturi nodfa tat-trasport bit-triq b’appoġġ għall-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi”
(2) L-Artikolu 3 jinbidel b’dan li ġej:
“Artikolu 3
Kamp ta’ applikazzjoni
Din id-Direttiva għandha tapplika għall-kuntratti tax-xiri, tal-kiri, tat-twellija jew tax-xiri bin-nifs ta’ vetturi tat-trasport bit-triq minn:
(a) awtoritajiet jew entitajiet kontraenti sakemm dawn ikunu obbligati japplikaw il-proċeduri tal-akkwist previsti fid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE;
(b) operaturi għall-kwittanza ta’ obbligi tas-servizz pubbliku skont xi kuntratt tas-servizz pubbliku skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(c) għal kuntratti tas-servizz pubbliku li jkopru s-servizzi tat-trasport kif stipulat fit-Tabella 1 tal-Anness lil hinn mil-limitu li għandhom jiddefinixxu l-Istati Membri u li ma jkunx jaqbeż il-valuri limitu stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24/UE u fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/25/UE”.
(3)L-Artikolu 4 jinbidel b’dan li ġej:
“Artikolu 4
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ din id-Direttiva:
1. “awtoritajiet kontraenti” tfisser awtoritajiet kontraenti kif definit fl-Artikolu 2(1)(1) tad-Direttiva 2014/24/UE u fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/25/UE;
2. “entitajiet kontraenti” tfisser entitajiet kontraenti kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE;
3. “vettura tat-trasport bit-triq” tfisser vettura koperta mill-Anness II, l-ittra A, il-punti 1 u 2 tad-Direttiva 2007/46/UE.
4. “vetturi nodfa” tfisser
(a) vettura tal-kategorija M1 jew M2 li għandha emissjoni massima mill-egżost espressa f’CO2g/km u emissjonijiet tas-sewqan reali li jniġġsu l-arja inqas minn persentaġġ tal-limiti tal-emissjonijiet applikabbli kif imsemmi fit-Tabella 2 tal-Anness, jew;
(b) vettura tal-kategorija N1 li għandha emissjoni massima mill-egżost espressa f’CO2g/km u emissjonijiet tas-sewqan reali li jniġġsu l-arja inqas minn persentaġġ tal-limiti tal-emissjonijiet applikabbli kif imsemmi fit-Tabella 2 tal-Anness, jew;
(c) vettura tal-kategorija M3, N2 jew N3 kif definit fit-Tabella 3 tal-Anness”.
(4)
Għandu jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej:
“Artikolu 4a
Delega tas-setgħat
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati b’konformità mal-Artikolu 8a biex taġġorna t-Tabella 3 tal-Anness mal-limiti tal-emissjonijiet mill-egżost tas-CO2 u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja għall-vetturi tqal ġaladarba l-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 relatati mal-vetturi tqal ikunu fis-seħħ fil-livell tal-Unjoni”.
(5)L-Artikolu 5 jinbidel b’dan li ġej:
“Artikolu 5
Miri minimi tal-akkwist
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li x-xiri, il-kiri, it-twellija u x-xiri bin-nifs tal-vetturi tat-trasport bit-triq, u l-kuntratti tas-servizz pubbliku għal servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u l-kuntratti tas-servizz pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva jkunu konformi mal-miri minimi tal-akkwist għall-vetturi ħfief imsemmija fit-Tabella 4 tal-Anness, u għall-vetturi tqal imsemmija fit-Tabella 5 tal-Anness.
2. L-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu japplikaw mandati minimi ogħla minn dawk imsemmija fl-Anness ta’ din id-Direttiva.
(6)Jitħassru l-Artikoli 6 u 7;
(7)Jiddaħħal Artikolu 8a ġdid:
“Artikolu 8 a
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata lill-Kummissjoni bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa li tadotta atti delegati kif imsemmi fl-Artikolu 4a għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn [Please insert the date of entry into force]. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħat sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel jintemm il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi tal-istess tul ta’ żmien, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel jintemm kull perjodu.
3. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 4a tista’ tiġi rrevokata f’kull żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att delegat li jkun fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.
5. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 4a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn bl-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill”.
(8)L-Artikolu 9 jinbidel b’dan li ġej:
“1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.
Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Meta l-opinjoni tal-kumitat tkun trid tinkiseb bi proċedura bil-miktub, din il-proċedura għandha titwaqqaf mingħajr riżultat meta, fil-limitu taż-żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew meta jintalab dan permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat.”
(9)L-Artikolu 10 hu emendat kif ġej:
(a)Il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:
“1. Wara r-rappurtar tal-Istati Membri, kull tliet snin mill-1 ta’ Jannar 2027, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u dwar l-azzjonijiet li jittieħdu minn Stati Membri individwali għall-implimentazzjoni effettiva ta’ din id-Direttiva.”
(b)Jiżdiedu dawn il-paragrafi 4 u 5 li ġejjin:
“4. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sal-1 ta’ Jannar 2026, u mbagħad kull tliet snin. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport intermedju lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2023. Dak ir-rapport għandu jiġbor informazzjoni dwar il-passi li ttieħdu biex titwettaq din id-Direttiva, fosthom l-għadd u l-kategoriji tal-vetturi akkwistati mill-awtoritajiet u l-entitajiet, u dwar id-djalogu li sar bejn il-livelli differenti ta’ governanza, kif ukoll informazzjoni dwar l-intenzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-attivitajiet tar-rappurtar imsemmija hawn fuq, u kull informazzjoni siewja oħra. L-informazzjoni jenħtieġ timxi mal-kategoriji tal-informazzjoni li hemm fir-Regolament Nru 2195/2002 dwar il-Vokabolarju Komuni tal-Akkwist (CPV) kif imniżżel fl-Anness.
5. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta linji gwida, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, dwar il-kontenut tar-rapporti tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 4”.
(10)L-Anness jinbidel bit-test fl-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn XXXX [Please insert the date 24 months following the date of entry into force]. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President