IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.11.2017
COM(2017) 640 final
2017/0282(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness II
(Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (mehmuż mal-proposta ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill) għandu l-għan li jemenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE sabiex jinkorpora d-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-abbozz mehmuż tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt jestendi l-politika diġà eżistenti tal-UE għall-Istati taż-ŻEE-EFTA (in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein).
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-estensjoni tal-acquis tal-UE għall-Istati taż-ŻEE-EFTA, permezz tal-inkorporazzjoni tagħhom fil-Ftehim ŻEE titwettaq f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji ta’ dan il-Ftehim li fil-mira tagħhom għandhom it-twaqqif ta’ Żona Ekonomika Ewropea dinamika u omoġenja, ibbażata fuq regoli komuni u kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni.
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-leġiżlazzjoni li għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE hija bbażata fuq l-Artikoli 114, 337 u 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jipprevedi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni dwar Deċiżjonijiet bħal dawn, fuq proposta tal-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni tippreżenta, f’kooperazzjoni mas-SEAE, l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mal-ewwel opportunità li jkollha.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għar-raġuni li ġejja.
L-objettiv ta’ din il-proposta, jiġifieri li tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-effetti, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.
Il-proċess ta’ inkorporazzjoni tal-acquis tal-UE fil-Ftehim ŻEE jitwettaq f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li jikkonferma l-approċċ meħud.
•Proporzjonalità
F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tagħha.
•Għażla tal-istrument
F’konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, l-istrument magħżul huwa d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiżgura l-implimentazzjoni u l-operat effettivi tal-Ftehim ŻEE. Għal dan l-għan, għandu jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim ŻEE.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Ġbir u użu tal-kompetenzi
Mhux applikabbli
•Valutazzjoni tal-impatt
Mhux applikabbli
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Ma hija mistennija l-ebda implikazzjoni għall-baġit minħabba l-inkorporazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/1535 fil-Ftehim ŻEE.
5.ELEMENTI OĦRA
L-adattamenti ewlenin mitluba min-naħa tal-EFTA
Ġustifikazzjoni u soluzzjoni proposta:
Id-definizzjoni “speċifikazzjoni teknika”, l-Artikolu 1(1)(c), l-adattament (a)
L-adattament jiżgura li s-sentenza “prodotti agrikoli kif imsemmija fi (…) l-Artikolu 38(1) ta’ (…) TFUE” ma tibqax tapplika bħala parti mid-definizzjoni ta’ “speċifikazzjoni teknika”, fuq il-bażi li l-Artikolu 38(1) TFUE jirreferi għall-PAK u l-PKS tal-UE, li tnejn huma strumenti li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE. Diġà japplika adattament identiku taħt il-Ftehim ŻEE.
Talbiet għal informazzjoni ulterjuri, l-Artikolu 5(1), l-adattament (c)
Ġie inkluż adattament biex ikun żgurat li jkun hemm biżżejjed skambju ta’ informazzjoni bejn il-pilastru tal-UE u l-pilastru tal-EFTA. Ta’ min jinnota li adattament simili diġà huwa applikabbli taħt il-Ftehim ŻEE.
Iċ-ċirkolazzjoni tal-kummenti, l-Artikolu 5(2), l-adattament (d)
L-adattament jiċċara kif il-kummenti għat-tfassil tar-regolamenti tekniċi għandhom ikunu kkomunikati bejn il-pilastru tal-UE u l-pilastru tal-EFTA. Ta’ min jinnota li adattament identiku diġà huwa applikabbli taħt il-Ftehim ŻEE.
2017/0282 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness II
(Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114, 337 u 43 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.
(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, inter alia, l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE.
(3)Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.
(4)Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan.
(5)Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz mehmuż tad-deċiżjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President