Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0452

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li tistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar.

COM/2017/0452 final - 2017/0213 (APP)

Brussell, 25.8.2017

COM(2017) 452 final

2017/0213(APP)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li tistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar.


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fil-kuntest tal-politika dwar it-tnaqqis kwantitattiv immexxija mill-Bank Ċentrali Ewropew flimkien mal-prinċipju ta’ sigurtà li jirregola l-ġestjoni tal-assi tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar f’likwidazzjoni (KEFA i.l.), id-dħul assenjat għall-finanzjament tal-proġetti ta’ riċerka għall-Faħam u għall-Azzar qed jonqos b’rata sostanzjali minn sena għall-oħra, u dan qed iwassal għal sitwazzjoni li fiha l-livell kritiku ta’ finanzjament għall-organizzazzjoni annwali ta’ sejħa għal proposti jaf ma jiġix issodisfat.

Il-pakkett baġitarju tal-programm tal-Fond tar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar (RFCS) naqas minn EUR 46 miljun fl-2017 abbażi tad-dħul tal-2015 tal-KEFA i.l. għal EUR 27 miljun fl-2018 abbażi tad-dħul tal-2016 tal-KEFA i.l. u huwa mistenni li l-ammont ikun saħansitra inqas għall-2019 (bejn EUR 14-il miljun u EUR 18-il miljun).

Sakemm issir bidla fil-politika monetarja u jkun hemm żieda tar-ritorni mill-assi fis-swieq tal-bonds pubbliċi, tista’ tinstab soluzzjoni tranżizzjonali li għal ċertu perjodu twassal biex jinżamm livell aċċettabbli ta’ finanzjament tal-proġetti ta’ riċerka tal-Faħam u tal-Azzar. Din tista’ tinstab fir-riċiklaġġ ta’ approprjazzjonijiet li ma jkunux intużaw li jkunu għad-dispożizzjoni tal-programm ta’ riċerka tal-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar (RFCS) u b’mod partikolari l-ammonti li jikkorrispondu għall-kanċellazzjonijiet tal-impenji li saru f’dan il-programm.

L-adozzjoni tar-reviżjoni proposta se tawtorizza r-riċiklaġġ tad-diżimpenji kollha (inklużi l-ammonti rkuprati) li saru fil-programm ta’ riċerka tal-RFCS mill-2003 ’l hawn u li ġew irritornati fl-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u jirrappreżentaw finanzjament komplementari possibbli għall-programm ta’ riċerka tal-RFCS ta’ EUR 40,3 miljun. Barra minn hekk se tipprovdi finanzjament addizzjonali ta’ madwar EUR 5 miljun fis-sena (fluss medju ta’ diżimpenji annwali matul l-aħħar tliet snin fil-programm ta’ riċerka tal-RFCS).

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika

Il-programm tal-RFCS jikkomplementa strumenti oħra tal-Unjoni li jistgħu jintużaw biex jappoġġaw l-adattament tal-industrija f’diversi livelli. Dawn jinkludu l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, Orizzont 2020 bis-Sħubija Pubblika-Privata “SPIRE” (Industrija bi Proċessi Sostenibbli permezz tal-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi u tal-Enerġija) u l-Fond Soċjali Ewropew.

Din il-proposta hija konformi mar-raba’ prijorità tal-Kummissjoni ta’ Juncker “Suq Intern Aktar Profond u Aktar Ġust b’Bażi Industrijali Msaħħa”. Hija konsistenti wkoll mal-appoġġ tal-Unjoni għall-kompetittività tal-industrija tal-Azzar u għall-konverżjoni mill-ġdid tal-industrija tal-Faħam, li huma fost l-objettivi tal-programm ta’ riċerka tal-RFCS.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti għalkollox ma’ inizjattivi meħuda fil-livell tal-Unjoni fil-kuntest tal-politika industrijali. B’mod partikolari, hija konsistenti mal-Komunikazzjoni tal-2014 “Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew” 1 li tistabbilixxi l-prijoritajiet tal-Unjoni għall-politika industrijali u mal-Komunikazzjoni tal-2016 “L-azzar: Iż-żamma tal-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa” 2 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

Ir-regoli dwar id-diżimpenji jinsabu fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Protokoll 3 .

Ir-reviżjoni proposta hija limitata għal żewġ paragrafi tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE u għandha l-għan li tapplika l-istess trattament (riport awtomatiku għas-sena ta’ wara) għaż-żewġ kategoriji ta’ fondi li ma jkunux intużaw: l-approprjazzjonijiet li ma ġewx impenjati sal-aħħar tas-sena u l-kanċellazzjonijiet tal-impenji.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-miżuri li jimplimentaw il-Protokoll huma stabbiliti f’Deċiżjoni tal-Kunsill li r-reviżjoni tagħha hija parti mid-dritt esklużiv ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni għal proposti leġiżlattivi.

•Proporzjonalità

Konsultazzjonijiet interni fil-Kummissjoni wasslu għall-konklużjoni li r-riċiklaġġ tad-diżimpenji ma jistax isir permezz tal-interpretazzjoni tal-bażi ġuridika attwali. Għalhekk hija meħtieġa reviżjoni tal-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli – L-eżerċizzju ta’ Monitoraġġ u ta’ Valutazzjoni tal-2013 sostna li l-RFCS wettaq il-mandat tiegħu li jappoġġa l-kompetittività tas-setturi marbuta mal-industrija tal-faħam u tal-azzar, u kkonferma li huwa meħtieġ livell xieraq ta’ finanzjament

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kumitat tal-Programm tal-programm ta’ riċerka tal-RFCS (COSCO) ġie infurmat bit-tnaqqis tal-baġit disponibbli (minn EUR 46 miljun għall-2017 għal EUR 27 miljun għall-2018).

Il-Pjattaforma Ewropea għat-Teknoloġija tal-Azzar (ESTEP – li tirrappreżenta l-partijiet ikkonċernati tal-azzar) tat l-appoġġ sħiħ tagħha għar-reviżjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill għaliex inkella bosta atturi jbatu mit-tnaqqis drastiku tal-fond RFCS.

•Ġbir u użu tal-kompetenzi

Mhux rilevanti

•Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli.

Ir-reviżjoni proposta għandha kamp ta’ applikazzjoni limitat u tekniku, mingħajr ebda implikazzjoni politika, ekonomika jew baġitarja (miżura tranżizzjonali).

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Madankollu, ir-reviżjoni proposta se tissimplifika l-piż tax-xogħol intern tal-Kummissjoni għall-għeluq annwali tal-kontijiet tal-KEFA i.l., peress li l-ammonti diżimpenjati mhux se jibqgħu jiġu rreġistrati u mdaħħla fil-karta tal-bilanċ tal-KEFA i.l.

•Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

L-ebda implikazzjoni. Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq ir-riżorsi umani u ma toħloqx xi obbligazzjonijiet ġodda li jridu jiġu imposti fil-Baġit Ġenerali skont il-QFP attwali.

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Adozzjoni rapida ta’ din il-proposta mill-awtorità leġiżlattiva sal-ewwel Semestru tal-2018 tippermetti lill-Kummissjoni żżid il-pakkett mistenni tal-programm tal-RFCS għall-2018 (EUR 27 miljun) biex jilħaq ammont ta’ EUR 40 miljun għas-sejħa annwali li jmiss.

L-ammont li jifdal jista’ jintuża għall-2019 biex il-finanzjament tal-RFCS jinżamm fl-istess livell (EUR 40 miljun).

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Huwa propost li jiġu ttrattati bl-istess mod:

a) l-ammonti diżimpenjati: ammonti li ġew impenjati bl-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ għotja u li ma jkunux għadhom pagabbli lill-benefiċjarji (il-kostijiet eliġibbli jkunu inqas minn dak li jkun mistenni) jew irkuprati, u

b) l-ammonti li ma jkunux ġew impenjati fl-aħħar tas-sena bl-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ għotja. Attwalment dawn il-fondi li ma jkunux intużaw jiġu riportati awtomatikament għas-sena ta’ wara fil-baġit ġenerali skont l-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE.

Għaldaqstant, l-ammonti diżimpenjati se jiġu assimilati mal-fondi li ma jkunux intużaw koperti bl-Artikolu 4(4).

Barra minn hekk, l-ammonti rkuprati fil-Programm tal-RFCS ikunu se jirċievu l-istess trattament u se jiġu riportati awtomatikament ukoll, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju (RF) dwar id-dħul assenjat (l-Artikoli 14 u 21 tar-RF).

Dan jiġġustifika t-tħassir totali tal-Artikolu 4(5) attwali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE.

Ir-reviżjoni hija sussegwentement limitata għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(1) Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

4. Id-dħul li ma jkunx intuża u l-approprjazzjonijiet li ġejjin minn dan id-dħul li jkunu għadhom disponibbli fil-31 ta’ Diċembru ta’ kwalunkwe sena partikolari kif ukoll d-diżimpenji li jkunu saru skont il-programm ta’ riċerka tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandhom jiġu riportati awtomatikament għas-sena ta’ wara. Dawn l-approprjazzjonijiet ma jistgħux jiġu ttrasferiti għal partiti oħra tal-baġit.

L-ammont li jikkorrispondi għall-kanċellazzjonijiet ta’ impenji li jkunu saru mis-6 ta’ Frar 2003 fil-programm ta’ riċerka tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandu jkun disponibbli mad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

(2) Il-Paragrafu 5 tal-Artikolu 4 tħassar.

2017/0213 (APP)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li tistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar.

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Protokoll, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar, u b’mod partikolari fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 97 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA), it-Trattat skada fit-23 ta’ Lulju 2002.

(2)Il-Protokoll anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) ttrasferixxa l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-KEFA lill-Komunità Ewropea u alloka l-valur nett ta’ dawn l-assi, kif jidher fil-karta tal-bilanċ tal-KEFA tat-23 ta’ Lulju 2002, lir-riċerka fis-setturi marbuta mal-industrija tal-faħam u tal-azzar.

(3)Il-Protokoll assenja wkoll id-dħul minn dawn l-assi għar-riċerka, barra mill-programm qafas tar-riċerka, fis-setturi marbuta mal-industrija tal-faħam u tal-azzar skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll u tal-atti adottati abbażi tiegħu.

(4)Minħabba t-tnaqqis eċċezzjonali tad-dħul li jirriżulta mill-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni minħabba s-sitwazzjoni ta’ mgħax baxx fis-swieq kapitali f’dawn l-aħħar snin, iddedikat għar-riċerka fis-setturi marbuta mal-industrija tal-faħam u tal-azzar, jeħtieġ li jiġu rreveduti r-regoli dwar il-kanċellazzjoni tal-impenji li saru fil-programm ta’ riċerka tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar sabiex jiġi awtorizzat ir-riċiklaġġ tagħhom fil-programm ta’ riċerka.

(5)Għall-istess raġuni, jeħtieġ ukoll li jiġu rreveduti r-regoli dwar l-ammonti rkuprati fil-programm ta’ riċerka tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar sabiex jiġi awtorizzat ir-riċiklaġġ tagħhom fil-programm ta’ riċerka skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju dwar id-dħul assenjat 4 .

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2003/76/KE hija emendata kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. Id-dħul li ma jkunx intuża u l-approprjazzjonijiet li ġejjin minn dan id-dħul li jkunu għadhom disponibbli fil-31 ta’ Diċembru ta’ kwalunkwe sena partikolari kif ukoll d-diżimpenji li jkunu saru skont il-programm ta’ riċerka tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandhom jiġu riportati awtomatikament għas-sena ta’ wara. Dawn l-approprjazzjonijiet ma jistgħux jiġu ttrasferiti għal partiti oħra tal-baġit.

L-ammont li jikkorrispondi għall-kanċellazzjonijiet ta’ impenji li jkunu saru mis-6 ta’ Frar 2003 fil-programm ta’ riċerka tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandu jkun disponibbli mad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.”.

(2) Fl-Artikolu 4, jitħassar il-paragrafu 5.

Artikolu 2

Din id-Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) COM (2014)14
(2) COM (2016)155
(3) Il-Protokoll Nru 37 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar.
(4) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
Top