Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0207

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020

COM/2017/0207 final - 2017/089 (NLE)

Brussell, 8.5.2017

COM(2017) 207 final

2017/0089(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE li daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Mejju 2014 u saret applikabbli mill-1 ta' Jannar 2014 1 .

Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet li wkoll daħal fis-seħħ fil-21 ta' Mejju 2014 u sar applikabbli mill-1 ta' Jannar 2014 2 . Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 japplikaw għall-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna (minn issa ’l quddiem imsejjaħ "l-ISF tal-Fruntieri u l-Viża").

L-iskop tal-ISF tal-Fruntieri u l-Viża huwa li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ solidarjetà vinkolanti għall-Istati parteċipanti bl-istess regoli Ewropej dwar il-kontroll tal-fruntieri esterni fl-interessi ta' xulxin u f’isem xulxin. L-ISF tal-Fruntieri u l-Viża jservi biex jintlaħaq objettiv ewlieni tal-acquis ta’ Schengen, jiġifieri li “tinqasam ir-responsabbiltà għal “livell effiċjenti, għoli u uniformi ta’ kontroll fuq il-fruntieri esterni”, kif stipulat fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 . B’hekk huwa żvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 jipprevedi li l-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen jipparteċipaw fl-istrument skont id-dispożizzjonijiet tiegħu u li għandhom jiġu konklużi arranġamenti dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom u r-regoli supplementari meħtieġa għal tali parteċipazzjoni, inklużi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u s-setgħa tal-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri, billi l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ma jipprevedux tali regoli.

L-għan tal-abbozz ta’ Ftehim mal-Iżlanda huwa li jiġu stabbiliti l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 u li jippermetti li l-Kummissjoni tieħu r-responsabbiltà aħħarija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-istrument f’dan il-pajjiż assoċjat u tiddetermina l-kontribuzzjoni tagħha għall-baġit tal-Unjoni fir-rigward ta’ dan l-istrument.

Rigward il-kontrolli baġitarji u finanzjarji, l-Istati Membri huma suġġetti għal obbligi orizzontali (pereż. il-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)), li ġejjin direttament mit-Trattat jew minn leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni. Dawn l-obbligi japplikaw direttament fl-Istati Membri u għalhekk mhumiex stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 515/2014. Madankollu, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, dawn iridu jiġu estiżi għal pajjiżi assoċjati permezz tal-abbozz ta’ Ftehim.

Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra frodi u irregolaritajiet oħra, ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 jipprevedi li l-persunal tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Awdituri u tal-OLAF jingħata aċċess adegwat biex iwettaq il-kontrolli. L-Artikolu 5(9) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 jgħid ukoll li l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi espressament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali verifiki, kontrolli u spezzjonijiet fil-post. Konsegwentement, din hija prevista fl-abbozz ta’ Ftehim.

2.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Bażi legali

Filwaqt li għandha bħala l-għan tagħha l-konklużjoni ta’ arranġamenti bejn l-Unjoni u l-Iżlanda dwar din il-kontribuzzjoni tal-pajjiż għall-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża għall-perjodu 2014-2020 u r-regoli supplimentari meħtieġa għal din il-parteċipazzjoni, il-proposta preżenti għall-iffirmar tal-Ftehim hija bbażata fuq l-Artikoli 77(2) u 218(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-ħtieġa għad-deċiżjoni proposta

Fuq il-bażi tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 il-konklużjoni tal-Ftehim mal-Iżlanda hija meħtieġa għall-istabbiliment tal-arranġamenti dwar il-kontribuzzjoni ta' dan il-pajjiż għall-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża għall-perjodu 2014-2020 u dwar ir-regoli supplimentari meħtieġa għal din il-parteċipazzjoni.

Skont l-Artikolu 19(4) tal-Ftehim, huwa meħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat b’mod proviżorju, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim, mill-jum ta’ wara l-firma tiegħu.

Il-proporzjonalità

Mhux applikabbli.

Għażla tal-istrument

Mhux applikabbli.

3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Eżitu tan-Negozjati

Il-Kummissjoni ppreżentat fit-28 ta' Mejju 2014 rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati man-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein dwar Ftehim internazzjonali li jistabbilixxi dawn ir-regoli supplementari.

Il-Kummissjoni rċeviet l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill sabiex tiftaħ negozjati man-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein dwar Ftehim dwar il-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi għall-Fond għas-Sigurtà Interna - Fruntieri u Viża fl-14 ta’ Lulju 2014.

In-negozjati saru b'mod konġunt mal-pajjiżi assoċjati kollha. Saru żewġ sessjonijiet ta' negozjati. It-test finali tal-abbozz tal-Arranġament mal-Iżlanda ġie inizjalat fil-21 ta' Settembru 2016.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li ntlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta' negozjati tiegħu u li l-abbozz tal-Arranġament hu aċċettabbli għall-Unjoni.

L-Istati Membri ġew infurmati u kkonsultati fil-Gruppi ta' Ħidma tal-Kunsill rilevanti.

Il-kontenut finali tiegħu jista’ jitqassar kif ġej:

L-abbozz ta’ Ftehim jipprevedi l-kontribuzzjoni finanzjarji annwali tal-Iżlanda għall-baġit tal-Fond għas-Sigurtà Interna – Fruntieri u Viża b’somma annwali kkalkulata skont il-PDG tagħha bħala perċentwali tal-PDG tal-Istati kollha li jieħdu sehem fil-Fond [l-Artikolu 10 u l-Anness]. Il-pagamenti annwali huma speċifikati fl-Artikolu 11.

Barra minn hekk, l-abbozz ta’ Ftehim jipprevedi wkoll il-modalitajiet għan-nomina tal-Awtorità Responsabbli u għas-sistema ta’ rappurtar annwali.

Il-Ftehim fih ukoll dispożizzjonijiet li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi u miżuri li jiżguraw ir-rispett tad-dispożizzjonijiet rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u fid-dritt tal-Unjoni bbażat fuq it-TFUE.

Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli.

Ġbir u użu ta’ kompetenzi

Mhux applikabbli.

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli, minħabba li l-proposta hija marbuta mal-programm ta’ ġestjoni u għandha bħala l-għan l-iffirmar ta' ftehim internazzjonali li ġie nnegozjat abbażi ta’ direttivi dwar in-negozjati stabbiliti mill-Kunsill.

L-idoneità u s-simplifikazzjoni regolatorja

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

L-Artikolu 10 u l-Anness tal-abbozz ta’ Ftehim jiddeskrivu d-dispożizzjonijiet relatati mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali tal-pajjiż assoċjat mal-baġit tal-Fond għas-Sigurtà Interna – Fruntieri u Viża u l-adattament possibbli tagħhom għas-sitwazzjoni deskritta skont l-Anness.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Applikazzjoni territorjali

Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen. F’dan ir-rigward, il-Ftehim attwali mal-Iżlanda jibni wkoll fuq l-acquis ta’ Schengen.

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, annessi mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi qabel, id-Danimarka tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta din il-proposta jekk timplimentax id-deċiżjoni proposta fil-liġi nazzjonali tagħha.

Peress li din il-proposta tikkostitwixxi żvilupp ta’ dawk l-elementi tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jiħdux sehem u għalhekk ma jkunux marbutin jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha, skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2000/365/KE 4 u 2002/192/KE 5  rispettivament..

 Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-Artikolu 17 tal-Ftehim jispeċifika l-arranġamenti applikabbli ta’ rappurtar u monitoraġġ. Sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena u sal-2022 inklużi, l-Iżlanda għandha tippreżenta rapport annwali ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni għas-sena finanzjarja ta’ qabel.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Mhux meħtieġa.  

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jiddeċiedi li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u jawtorizza lill-President tal-Kunsill biex jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw f’isem l-Unjoni.

Il-Kummissjoni għamlet proposta separata għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal- Ftehim mehmuż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020 6 .. Il-Kunsill għandu jadotta din id-Deċiżjoni wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

2017/0089 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 77(2) u 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 fl-Artikolu 5(7) tiegħu jipprevedi li l-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen jipparteċipaw fl-istrument skont id-dispożizzjonijiet tiegħu u li għandhom jiġu konklużi arranġamenti dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom u r-regoli supplementari meħtieġa għal tali parteċipazzjoni, inklużi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u s-setgħat ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri.

(2)Fl-14 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Renju tan-Norveġja, l-Iżlanda, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein għal Ftehim dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Fond għas-Sigurtà Interna - il-Fruntieri u l-Viża. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fil-21 ta' Settembru 2016.

(3)F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka jenħtieġ li, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur minn meta l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni, jekk hijiex se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(4)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE 8 ; għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(5)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 9 . għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(6)Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu aktar tard.

(7)Sabiex tkun tista' ssir applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti f'dan il-Ftehim u ma jkunx hemm dewmien fl-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali, jenħtieġ li d-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(8)Fid-dawl tal-Artikolu 19(4) tal-Ftehim, il-Ftehim bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 5 tiegħu jenħtieġ li jiġi applikat b’mod proviżorju mill-jum ta’ wara l-iffirmar tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020 huwa awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

It-test tal-Ftehim li jrid jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument tas-setgħat sħaħ suġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna indikata jew għall-persuni indikati min-negozjatur tal-Ftehim biex tiffirma / jiffirmaw il-Ftehim

Artikolu 3

Il-Ftehim bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 5 tiegħu, għandu jiġi applikat b’mod proviżorju skont l-Artikolu 19(4) mid-data wara l-iffirmar tiegħu, sakemm jidħol fis-seħħ.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 150, 20.05.2014, p. 143.
(2) ĠU L 150, 20.05.2014, p. 112.
(3) ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(6) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020, COM(2017) 199 final.
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen. (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
Top

Brussell, 8.5.2017

COM(2017) 207 final

ANNESS

tal-

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu mill-2014 sal-2020


L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”

kif ukoll

L-IŻLANDA,

Minn hawn 'il quddiem flimkien imsejħin “il-Partijiet”

WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis 1 ta' Schengen, ("il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Iżlanda u man-Norveġja"),

BILLI:

(1)    L-Unjoni stabbilixxiet l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna permezz tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 .

(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Iżlanda u man-Norveġja.

(3)    Billi r-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 għandu impatt dirett fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, u b’hekk jaffettwa l-qafas legali ta’ dan tal-aħħar, u billi l-proċeduri stipulati fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Iżlanda u man-Norveġja ġew applikati għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, li ġiet innotifikata lill-Iżlanda, il-Partijiet jirrikonoxxu li r-Regolament (UE) Nru 514/2014 jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Iżlanda u man-Norveġja sakemm ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.

(4)    L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 jipprevedi li l-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, fosthom l-Iżlanda, jipparteċipaw fl-istrument skont id-dispożizzjonijiet tiegħu u li jenħtieġ li jiġu konklużi arranġamenti li jispeċifikaw il-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn dawk il-pajjiżi u r-regoli supplementari meħtieġa għal tali parteċipazzjoni, inklużi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tas-setgħa ta' awditu tal-Qorti tal-Awdituri.

(5)    L-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna (“l-ISF-Fruntieri u Viża”) jikkostitwixxi strument speċifiku fil-kuntest tal-acquis ta' Schengen imfassal biex jipprevedi l-qsim tal-piżijiet u l-appoġġ finanzjarju fil-qasam tal-fruntieri esterni u tal-politika dwar il-viża fl-Istati Membri u fl-Istati assoċjati.

(6)    L-Artikolu 60 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 jipprevedi regoli dwar il-ġestjoni indiretta li huma applikabbli meta l-pajjiżi terzi, inklużi l-Istati assoċjati, huma fdati b’kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit.

(7)    L-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 jipprevedi għall-eliġibbiltà tan-nefqa mġarrba fl-2014 minn Awtorità Responsabbli li għadha ma ġietx nominata formalment, biex b'hekk isseħħ tranżizzjoni mingħajr xkiel bejn il-Fond għall-Fruntieri Esterni u l-Fond għas-Sigurtà Interna. Bl-istess mod huwa importanti li l-istess tħassib juri ruħu f’dan il-Ftehim. Peress li dan il-Ftehim ma daħalx fis-seħħ qabel tmiem l-2014, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-eliġibbiltà tan-nefqa li tkun saret qabel u sakemm tiġi nnominata formalment l-Awtorità Responsabbli, dment li s-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll applikati qabel ikunu essenzjalment l-istess bħal dawk fis-seħħ wara n-nomina formali tal-Awtorità Responsabbli.

(8)    Sabiex jiġu ffaċilitati l-kalkolu u l-użu tal-kontribuzzjonijiet annwali dovuti mill- Iżlanda għall-ISF – Fruntieri u Viża, il-kontribuzzjonijiet tagħha għall-perjodu 2014-2020 se jitħallsu f'ħames pagamenti parzjali annwali mill-2016 sal-2020. Mill-2016 sal-2018, il-kontribuzzjonijiet annwali huma stabbiliti f'ammonti fissi filwaqt li l-kontribuzzjonijiet dovuti għas-snin 2019 u 2020 se jiġu determinati fl-2019 abbażi tal-prodott domestiku gross tal-Istati kollha li jipparteċipaw fl-ISF – Fruntieri u Viża filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni l-pagamenti li effettivament ikunu saru,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kamp ta’ Applikazzjoni

Dan il-Ftehim jistabbilixxi r-regoli supplementari meħtieġa għall-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fl-ISF – Fruntieri u Viża skont ir-Regolament (UE) Nru 515/2014.

Artikolu 2

Ġestjoni finanzjarja u kontroll

1.    L-Iżlanda għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi żgurata konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti għall-ġestjoni u l-kontroll finanzjarji li huma stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u fil-leġiżlazzjoni sekondarja.

Id-dispożizzjonijiet tat-TFUE u tal-leġislazzjoni sekondarja msemmija fl-ewwel subparagrafu huma dawn li ġejjin:

(a)l-Artikolu 287(1), (2) u (3) TFUE;

(b)    l-Artikoli 30, 32 u 57, l-Artikolu 58(1)(c)(i), l-Artikolu 60 u l-Artikoli 79(2) u 108(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012;

(c)    l-Artikoli 32, 38, 42, 84, 88, 142 u 144 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 5 ;

(d)    Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 6 ;

(e)    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 .

Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jemendaw din il-lista bi qbil komuni.

2.    L-Iżlanda għandha tapplika d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 fit-territorju tagħha f'konformità ma' dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Rispett għall-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba

Il-Fondi allokati għall-Iżlanda taħt l-ISF – Fruntieri u Viża għandhom jintużaw skont il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba.

Artikolu 4

Rispett għall-prinċipju dwar il-kunflitt ta' interess

L-atturi finanzjarji kollha u kull persuna oħra involuta fl-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-baġit, inklużi l-atti preparatorji relattivi, l-awditu jew il-kontroll fit-territorju tal-Iżlanda għandhom jiġu pprojbiti milli jieħdu xi azzjoni li tista' ġġib l-interessi tagħhom f'kunflitt ma' dawk tal-Unjoni.

Artikolu 5

Eżekuzzjoni

Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni li jimponu obbligu finanzjarju fuq persuni apparti mill-istati, għandhom ikunu eżegwibbli fit-territorju tal-Iżlanda.

L-eżekuzzjoni għandha tkun regolata bir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Iżlanda. L-ordni għall-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni għandha tiġi mehmuża ma' din id-deċiżjoni, mingħajr ebda formalità oħra għajr il-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni, mill-awtorità nazzjonali li l-Gvern tal-Iżlanda għandu jinnomina għal dan l-għan u li l-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa biha.

Meta jitlestew dawk il-formalitajiet fuq applikazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista' tipproċedi bl-eżekuzzjoni f'konformità mal-liġi nazzjonali billi tressaq il-kwistjoni direttament quddiem l-awtorità kompetenti.

L-eżekuzzjoni tista' tiġi sospiża biss b'deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-qrati tal-Iżlanda għandu jkollhom ġuriżdizzjoni rigward ilmenti li l-eżekuzzjoni qed issir b'mod irregolari.

Artikolu 6

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi

1.L-Iżlanda għandha:

(a)    tiġġieled il-frodi u kull attività illegali oħra li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta' miżuri li għandhom jaġixxu ta' deterrent u li jkunu tali li jippermettu protezzjoni effettiva fl-Iżlanda;

(b)    tieħu l-istess miżuri biex tiġġieled il-frodi li jolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħalma tieħu biex tiġġieled il-frodi li jolqot l-interessi finanzjarji tagħha stess; kif ukoll

(c)    tikkoordina l-azzjoni tagħha li għandha l-għan li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni.

2.L-Iżlanda għandha tadotta miżuri ekwivalenti għal dawk adottati mill-Unjoni skont l-Artikolu 325(4) TFUE li jkunu fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim.

Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu bi qbil komuni li jadottaw miżuri ekwivalenti għal kull miżura sussegwenti adottata mill-Unjoni skont dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Verifiki u spezzjonijiet fuq il-post mill-Kummissjoni (OLAF)

Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 5(8) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, il-Kummissjoni (l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, OLAF) għandha tkun awtorizzazzata li twettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fit-territorju tal-Iżlanda fir-rigward tal-ISF – Fruntieri u Viża f'konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96.

L-awtoritajiet tal-Iżlanda għandhom jiffaċilitaw il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post li jistgħu, jekk l-awtoritajiet jixtiequ dan, jitwettqu b'mod konġunt magħhom.

Artikolu 8

Qorti tal-Awdituri

F'konformità mal-Artikolu 287(3) TFUE u mal-Ewwel Parti, it-Titolu X, il-Kapitolu 1 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha l-possibbiltà li twettaq awditi fuq il-post fil-bini ta' kull entità li tamministra dħul jew infiq f'isem il-Unjoni fit-territorju tal-Iżlanda fir-rigward tal-ISF – Fruntieri u Viża inkluż fil-bini ta' kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun irċeviet pagamenti mill-baġit.

Fl-Iżlanda, l-awditi mill-Qorti tal-Awdituri għandhom isiru f'kollaborazzjoni mal-entitajiet nazzjonali tal-awditjar jew, jekk dawn ma jkollhomx is-setgħat meħtieġa, mad-dipartimenti nazzjonali kompetenti. Il-Qorti tal-Awdituri u l-korpi nazzjonali tal-awditjar tal-Iżlanda għandhom jikkooperaw fi spirtu ta' fiduċja reċiproka filwaqt li jippreservaw l-indipendenza tagħhom. Dawk il-korpi jew dipartimenti għandhom jinfurmaw lill-Qorti tal-Awdituri jekk ikollhomx l-intenzjoni li jieħdu sehem fl-awditu.

Il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha mill-anqas l-istess drittijiet bħall-Kummissjoni, kif stipulat fl-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u l-Artikolu 7 ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 9

Akkwist pubbliku

L-Iżlanda għandha tapplika d-dispożizzjonijiet tal-liġi tagħha dwar l-akkwist pubbliku skont l-Anness XVI tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 8 .

Artikolu 10

Kontribuzzjonijiet finanzjarji

1.Għas-snin mill-2016 sal-2018, l-Iżlanda għandha tagħmel pagamenti annwali għall-baġit tal-ISF – Fruntieri u Viża skont it-tabella li ġejja:

(L-ammonti kollha f'EUR)

2016

2017

2018

L-Iżlanda

563 999

563 999

563 999

2.Il-kontribuzzjonijiet tal-Iżlanda għas-snin 2019 u 2020 għandhom jiġu kkalkulati skont il-Prodott Domestiku Gross (PDG) rispettiv tagħha bħala perċentwal tal-PDG tal-Istati kollha li jipparteċipaw fl-ISF – Fruntieri u Viża f'konformità mal-formula deskritta fl-Anness.

3.Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmijin f'dan l-Artikolu għandhom ikunu dovuti mill-Iżlanda irrispettivament mid-data ta' adozzjoni tal-programm nazzjonali tagħha msemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

Artikolu 11

Użu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji

1.It-total tal-pagamenti annwali għall-2016 u l-2017 għandhom jiġu assenjati kif ġej:

(a)75 % għar-rieżami ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014;

(b)15 % għall-iżvilupp tas-sistemi tal-IT imsemmijin fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, soġġett għall-adozzjoni tal-atti leġislattivi rilevanti tal-Unjoni sat-30 ta' Ġunju 2017;

(c)10 % għall-azzjonijiet tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 u għall-assistenza ta' emerġenza msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.

Meta l-ammont imsemmi fil-punt (b) ma jkunx allokat jew minfuq, il-Kummissjoni għandha, bis-saħħa tal-proċedura stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, tallokah mill-ġdid għall-azzjonijiet speċifiċi msemmijin fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.

Jekk dan il-Ftehim ma jidħolx fis-seħħ jew ma jiġix applikat fuq bażi proviżorja sal-1 ta' Ġunju 2017, il-kontribuzzjoni kollha tal-Iżlanda għandha tintuża skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.    It-total tal-pagamenti annwali għall-2018, l-2019 u l-2020 għandu jiġi assenjat kif ġej:

(a)40 % għal azzjonijiet speċifiċi msemmijin fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014;

(b)50 % għall-iżvilupp tas-sistemi tal-IT imsemmijin fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, soġġett għall-adozzjoni tal-atti leġislattivi rilevanti tal-Unjoni sal-31 ta' Diċembru 2018;

(c)10 % għall-azzjonijiet tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 u għall-assistenza ta' emerġenza msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.

Meta l-ammont imsemmi fil-punt (b) ma jkunx allokat jew minfuq, il-Kummissjoni għandha, bis-saħħa tal-proċedura stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, tallokah mill-ġdid għall-azzjonijiet speċifiċi msemmijin fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.

3.    L-ammonti addizzjonali assenjati għar-rieżami ta' nofs it-terminu, għall-azzjonijiet tal-Unjoni, għall-azzjonijiet speċifiċi jew għall-programm dwar l-iżvilupp tas-sistemi tal-IT għandhom jintużaw f'konformità mal-proċedura rilevanti stipulata f'waħda mid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014;

(b)l-Artikolu 8(7) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014;

(c)l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014;

(d)it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.

4.    Ta' kull sena, il-Kummissjoni tista' tuża sa EUR 4 076 mill-pagamenti li jsiru mill-Iżlanda għall-finanzjament tan-nefqa amministrattiva relatata mal-persunal jew mal-persunal estern meħtieġ għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 515/201 u ta' dan il-Ftehim mill-Iżlanda.

Artikolu 12

Kunfidenzjalità

L-informazzjoni kkomunikata jew miksuba fi kwalunkwe forma bis-saħħa ta' dan il-Ftehim għandha tkun koperta mis-sigriet professjonali u protetta bl-istess mod bħalma informazzjoni simili hi protetta bid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u bil-liġijiet tal-Iżlanda. Din l-informazzjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata lil persuni oħrajn ħlief dawk fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fl-Istati Membri jew fl-Iżlanda li l-funzjonijiet tagħhom jirrikjedu li jkunu jafuha, u lanqas ma tista' tintuża għal skopijiet oħra ħlief dawk li jservu biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet.

Artikolu 13

Nomina ta' Awtorità Responsabbli

1.    L-Iżlanda għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bin-nomina formali f'livell ministerjali tal-Awtorità Responsabbli responsabbli mill-ġestjoni u l-kontroll tan-nefqa taħt l-ISF – Fruntieri u Viża, malajr kemm jista' jkun wara l-approvazzjoni tal-programm nazzjonali.

2.    In-nomina msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għall-korp li jikkonforma mal-kriterji ta' nomina dwar l-ambjent intern, l-attivitajiet ta' kontroll, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u l-monitoraġġ stabbiliti fir-Regolament (EU) Nru 514/2014 jew abbażi tiegħu.

3.    In-nomina ta’ Awtorità Responsabbli għandha tkun ibbażata fuq opinjoni ta’ korp tal-awditjar, li jista’ jkun l-Awtorità tal-Awditjar, li tivvaluta l-konformità tal-Awtorità Responsabbli mal-kriterji ta’ nomina. Dak il-korp jista' jkun l-istituzzjoni pubblika awtonoma responsabbli mill-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-awditjar tal-amministrazzjoni. Il-korp tal-awditjar għandu jiffunzjona indipendentement mill-Awtorità Responsabbli u għandu jwettaq il-ħidma tiegħu f'konformità mal-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment. L-Iżlanda tista' tibbaża d-deċiżjoni tagħha dwar in-nomina fuq jekk is-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll humiex essenzjalment l-istess bħal dawk fis-seħħ għall-perjodu preċedenti u jekk iffunzjonawx b'mod effikaċi. Jekk ir-riżultati tal-awditu u tal-kontroll eżistenti juru li l-korp nominat ma għadux jikkonforma mal-kriterji tan-nomina, l-Iżlanda għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li jinstab rimedju għan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-kompiti ta' dan il-korp, inkluż billi tintemm in-nomina. 

Artikolu 14

Definizzjoni tas-sena finanzjarja

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, is-sena finanzjarja msemmija fl-Artikolu 60(5)  tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, għandha tkopri n-nefqa mħallsa u d-dħul riċevut li jiddaħħlu fil-kontijiet tal-Awtorità Responsabbli fil-perjodu li jibda mis-16 ta’ Ottubru tas-sena "N-1" u li jintemm fil-15 ta’ Ottubru tas-sena "N".

Artikolu 15

Eliġibbiltà tan-nefqa

B'deroga mill-Artikolu 17(3)(b) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, in-nefqa għandha tkun eliġibbli meta din tkun tħallset mill-Awtorità Responsabbli qabel in-nomina formali tal-Awtorità Responsabbli f'konformità mal-Artikolu 13 ta' dan il-Ftehim, dment li s-sistemi ta' ġestjoni u ta’ kontroll applikati qabel in-nomina formali jkunu essenzjalment l-istess bħal dawk fis-seħħ wara n-nomina formali tal-Awtorità Responsabbli.

Artikolu 16

Talba għall-pagament tal-bilanċ annwali

1.    Sal-15 ta' Frar tas-sena li ssegwi s-sena finanzjarja, l-Iżlanda għandha tippreżenta lill-Kummissjoni d-dokumenti u l-informazzjoni mitluba fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

B'deroga mill-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u f'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, L-Iżlanda għandha tippreżenta lill-Kummissjoni l-opinjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 sal-15 ta' Marzu tas-sena li ssegwi s-sena finanzjarja.

Id-dokumenti ppreżentati msemmijin f'dan il-paragrafu għandhom iservu ta' talba għall-ħlas tal-bilanċ annwali.

2.    Id-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jitfasslu skont il-mudelli adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

Artikolu 17

Rapport ta' implimentazzjoni

B’deroga mill-Artikolu 54(1) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-Iżlanda għandha tippreżenta lill-Kummissjoni, rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali fis-sena finanzjarja ta' qabel sal-15 ta' Frar ta' kull sena, sas-sena 2022 li hija inkluża, u tista’ fil-livell xieraq tippubblika din l-informazzjoni.

L-ewwel rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali għandu jiġi ppreżentat fil-15 ta' Frar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim jew il-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu.

L-ewwel rapport għandu jkopri s-snin finanzjarji mill-2014 'il quddiem sas-sena finanzjarja ta' qabel ma għandu jiġi ppreżentat l-ewwel rapport annwali, f'konformità mat-tieni paragrafu. L-Iżlanda għandha tippreżenta rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali sal-31 ta' Diċembru 2023.

Artikolu 18

Sistema ta' skambju elettroniku ta' dejta

F'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, kull skambju tal-informazzjoni uffiċjali bejn l-Iżlanda u l-Kummissjoni għandu jitwettaq permezz ta' sistema ta' skambju elettroniku tad-dejta stabbilita mill-Kummissjoni għal dan l-għan.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

1.Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jaġixxi bħala d-depożitarju ta' dan il-Ftehim.

2.Il-Partijiet għandhom japprovaw dan il-Ftehim skont il-proċeduri tagħhom stess. Huma għandhom jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija ta' dawn il-proċeduri.

3.Dan l-Arranġament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara l-jum tal-aħħar notifika msemmija fil-paragrafu 2.

4.Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 5, il-Partijiet għandhom japplikaw dan il-Ftehim proviżorjament mill-jum wara dak tal-firma tiegħu, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti kostituzzjonali.

Artikolu 20

Validità u terminazzjoni

1.Kemm l-Unjoni kif ukoll l-Iżlanda jistgħu jitterminaw dan il-Ftehim billi jinnotifikaw lill-Parti l-oħra bid-deċiżjoni tagħhom. Il-Ftehim għandu jieqaf milli japplika tliet xhur wara d-data ta' tali notifika. Il-proġetti u l-attivitajiet li jkunu għaddejjin fil-mument tat-terminazzjoni għandhom jissoktaw skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-Ftehim. Il-Partijiet għandhom jirriżolvu bi qbil reċiproku kull konsegwenza oħra tat-terminazzjoni.

2.Dan il-Ftehim għandu jiġi tterminat meta l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Iżlanda u man-Norveġja jiġi tterminat skont l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 11(3) jew l-Artikolu (16) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Iżlanda u man-Norveġja.

Artikolu 21

Lingwi

Dan il-Ftehim għandu jitfassal f'test oriġinali uniku bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Netherlandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Żvediża u Iżlandiża, u kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku.

Magħmul fi Brussell fil-… jum ta’ … fis-sena ….

Għall-Unjoni Ewropea    Għall-Iżlanda



ANNESS

Il-formula biex jiġu kkalkulati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji għas-snin 2019 u 2020 kif ukoll id-dettalji tal-ħlas

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Iżlanda għall-ISF – Fruntieri u Viża msemmija fit-tieni u fit-tielet sottoparagrafi tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament 515/2014 tiġi kkalkulata kif ġej għas-snin 2019 u 2020:

Għal kull sena mill-2013 sal-2017 iċ-ċifri finali tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-Iżlanda disponibbli fil-31 ta' Marzu 2019 għandhom jiġu diviżi bis-somma taċ-ċifri tal-PDG tal-Istati kollha li jipparteċipaw fl-ISF – Fruntieri u Viża għas-sena rispettiva. Il-medja tal-ħames perċentwali miksuba għas-snin minn 2013 sa 2017 għandha tiġi applikata għas-somma tal-approprjazzjonijiet annwali effettivi tal-ISF – Fruntieri u Viża għas-snin mill-2014 sal-2019 u tal-approprjazzjoni ta' impenn annwali tal-ISF – Fruntieri u Viża għas-sena 2020 kif inkluż fl-abbozz tal-baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 adottat mill-Kummissjoni sabiex jinkiseb l-ammont totali li għandu jitħallas mill-Iżlanda matul il-perjodu kollu ta' implimentazzjoni tal-ISF – Fruntieri u Viża. Minn dan l-ammont għandhom jitnaqqsu l-ħlasijiet annwali li saru effettivament mill-Iżlanda f’konformità mal-Artikolu 10(1) ta’ dan il-Ftehim sabiex jinkiseb l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet tagħha għas-snin 2019 u 2020. Nofs dan l-ammont għandu jitħallas fl-2019 u n-nofs l-ieħor fl-2020.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titħallas f'Euro.

L-Iżlanda għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja rispettiva tagħha mhux aktar tard minn 45 jum wara li tirċievi n-nota ta' debitu. Kull dewmien fil-ħlas tal-kontribuzzjoni għandu jwassal għal pagament ta' imgħax ta' inadempjenza fuq l-ammont mhux imħallas mid-data ta' skadenza. Ir-rata tal-imgħax għandha tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih tinzerta l-iskadenza, filwaqt li tiżdied bi 3,5 punti perċentwali.

(1)

   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(2)

   Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).

(3)

   Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112).

(4)

   Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1) kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 547/2014 tal-15 ta' Mejju 2014 (ĠU L 163, 29.5.2014, p. 18).

(5)

   Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(6)

   Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2). (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(7)

   Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(8)

   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 461.

Top