L-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli tal-Eġittu tagħti importanza kbira lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u għal “Megaproġetti” bħall-Proġett ta’ Żvilupp tal-Kanal ta’ Suez, il-Proġett tat-Trijanglu tad-Deheb għar-Riżorsi Minerali fl-Eġittu ta’ Fuq u r-riklamazzjoni ta’ erba’ miljun ettaru għall-agrikoltura u l-urbanizzazzjoni, kif ukoll lill-Bank tal-Għarfien tal-Eġittu bħala kontributuri ewlenin għall-proċess ta’ żvilupp soċjoekonomiku fit-tul. Minħabba l-importanza tal-iżvilupp tal-SMEs għat-tkabbir inklużiv, dan is-settur se jkompli jkollu rwol ċentrali fil-kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu. L-UE se tikkunsidra wkoll modi li bihom jista’ jitkattar il-potenzjal għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Proġett ta’ Żvilupp tal-Kanal ta’ Suez (Suez Canal Hub). Barra minn hekk, l-UE u l-Eġittu se jikkooperaw f’għadd ta’ setturi tar-riċerka u l-innovazzjoni u fl-avvanz tat-teknoloġiji u s-servizzi diġitali. F’dan il-kuntest, l-Eġittu u l-UE enfasizzaw l-interess tagħhom li jintensifikaw il-kooperazzjoni f'għadd ta’ attivitajiet rilevanti ta’ riċerka u edukazzjoni għolja, inkluż fil-qafas tal-Orizzont 2020 u Erasmus+.
Minħabba l-patrimonju imprezzabbli u divers tal-Eġittu, u l-kontribuzzjoni sinifikanti tas-settur kulturali (li t-turiżmu huwa marbut sew miegħu) għall-PDG, l-impjiegi, ir-riżervi tal-kambju tal-Eġittu u tas-soċjetà tiegħu b’mod iktar wiesa’, se titqiegħed enfasi partikolari fuq ir-rabta bejn il-kultura, il-patrimonju kulturali u l-iżvilupp ekonomiku lokali.
b) Kummerċ u investiment
L-UE u l-Eġittu huma sħab kummerċjali importanti, impenjati li jsaħħu r-relazzjoni ta’ kummerċ u investiment eżistenti u li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu li jistabbilixxu żona ta' kummerċ ħieles (FTA) jiġu implimentati b’mod li jippermettilha tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha. Filwaqt li l-UE fl-imgħoddi pproponiet l-idea ta’ inizjattiva ta’ Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv (DCFTA) biex tapprofondixxi u twessa' l-FTA eżistenti, l-UE u l-Eġittu se jidentifikaw ukoll flimkien approċċi adattati oħrajn biex isaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali.
c) Żvilupp soċjali u ġustizzja soċjali
L-Eġittu jtenni l-impenn tiegħu li jirriforma u jippromwovi l-iżvilupp soċjali u l-ġustizzja soċjali, li jindirizza l-isfidi soċjali u demografiċi li qiegħed jaffaċċa, u li jagħti spinta lir-riżorsi umani tal-pajjiż, li se javvanzaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali. F’dan ir-rigward, l-UE se tappoġġja l-isforzi tal-Eġittu biex jipproteġi l-gruppi emarġinati mill-impatti negattivi potenzjali tar-riformi ekonomiċi permezz ta’ xbieki ta’ sikurezza soċjali u protezzjoni soċjali. Barra minn hekk, l-UE u l-Eġittu se jkomplu jippromwovu l-iżvilupp rurali u urban, kif ukoll itejbu l-għoti ta’ servizzi bażiċi, b’enfasi fuq il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni (inkluż it-taħriġ tekniku u vokazzjonali) u s-sistemi tas-saħħa. L-UE se taqsam l-esperjenza tagħha fl-istabbiliment ta’ kopertura tal-kura tas-saħħa inklussiva u servizzi ta’ kura tas-saħħa mtejbin.
d) Is-sigurtà tal-enerġija, l-ambjent, u l-azzjoni klimatika
L-UE u l-Eġittu se jikkooperaw fuq id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija, filwaqt li jkun hemm aċċenn partikolari fuq is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u fuq azzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika. L-UE, fuq talba tal-gvern Eġizzjan, se tappoġġja l-isforzi tal-Eġittu biex jaġġorna l-istrateġija integrata tal-enerġija tiegħu li għandha l-għan li tilħaq il-ħtiġijiet tal-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż u li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Barra minn hekk, l-iskoperta ta’ riżervi ta’ gass barra mill-kosta tal-Eġittu toħloq lok importanti għal sinerġiji bejn l-UE u l-Eġittu b’rabta ma’ sorsi ta' enerġija konvenzjonali, minħabba l-infrastrutturi ta’ likwefazzjoni li diġà hemm fl-Eġittu. Din tkun tippermetti ġenerazzjoni tal-enerġija iktar prevedibbli, xi ħaġa li taqdi l-interessi kemm tal-Eġittu – meta wieħed iqis il-ħtiġijiet ta’ konsum sinifikanti tal-pajjiż u l-potenzjal għall-ġenerazzjoni tad-dħul (inkluż għall-ambjent tan-negozju u l-iżvilupp soċjali) – u tal-UE, biex din tiddiversifika l-provvista tagħha. It-tisħiħ tad-djalogu dwar l-enerġija bejn l-UE u l-Eġittu se jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta’ oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni (bħall-assistenza teknika biex jiġi stabbilit fus tal-enerġija reġjonali), ir-riċerka konġunta, il-qsim tal-esperjenza u l-aħjar prassi, it-trasferimenti tat-teknoloġija u l-promozzjoni ta’ kooperazzjoni sottoreġjonali (intra-Mediterranja), filwaqt li tiġi rikonoxxuta il-ħtieġa li jiġu ppreservati l-ekosistemi marini tal-Mediterran.
L-UE u l-Eġittu se jikkooperaw fil-promozzjoni tal-azzjoni dwar il-klima u l-ambjent fil-kuntest tal-ksib tal-iżvilupp sostenibbli. Konformi mal-impenji tagħhom wara l-adozzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, l-UE se tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Kontributi Maħsuba Determinati fil-Livell Nazzjonali fl-oqsma tal-mitigazzjoni u l-adattament. Barra minn hekk, l-UE u l-Eġittu se jikkooperaw biex jiksbu l-għanijiet identifikati, fost l-oħrajn, fl-Aġenda 2030 tal-Iżvilupp u l-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri.
L-Eġittu u l-UE se jesploraw il-kooperazzjoni potenzjali f’oqsma bħall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi, fosthom ir-riżorsi tal-ilma, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, is-sanitazzjoni, il-ġestjoni tal-iskart solidu, inkluż it-tnaqqis tas-sustanzi niġġiesa industrijali u tas-sustanzi kimiċi niġġiesa, il-ġestjoni tal-iskart perikoluż, kif ukoll il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-art. L-Eġittu u l-UE qegħdin ukoll jesploraw l-opportunitajiet previsti fid-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) dwar l-Ekonomija Blu perezz ta’ faċilità PMI/TK. Oqsma potenzjali għall-kooperazzjoni li qegħdin jiġu kkunsidrati jinkludu portijiet marittimi intelliġenti, raggruppamenti marittimi, ġestjoni integrata taż-żona kostali, u sajd marittimu.
2. Sħab fil-politika barranija
L-UE u l-Eġittu għandhom interess komuni li jsaħħu l-kooperazzjoni fil-politika barranija fil-livelli bilaterali, reġjonali u internazzjonali.
L-istabilizzazzjoni tal-viċinat komuni u lil hinn minnu
L-Eġittu għandu rwol x’jaqdi permezz tas-siġġu tiegħu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll permezz tas-siġġu tiegħu fil-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana. L-Eġittu jospita wkoll il-kwartieri ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab (LAS), li magħha l-UE tixtieq li tfannad u twessa’ l-kooperazzjoni. L-Eġittu u l-UE se jfittxu li jkollhom kooperazzjoni ikbar bejniethom u fehim komuni dwar għadd ta’ kwistjonijiet, inkluż fl-isfera multilaterali. Is-sħubija bejn l-UE u l-Eġittu hija importanti għall-istabbiltà u l-prosperità tal-Mediterran, il-Lvant Nofsani, u l-Afrika. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu, inkluż f’fora reġjonali, se jkollha l-għan li tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, għall-bini tal-paċi u li tindirizza sfidi politiċi u ekonomiċi f’dawn ir-reġjuni. Barra minn hekk, l-UE u l-Eġittu se jsaħħu l-iskambju ta’ informazzjoni dwar sfidi reġjonali u internazzjonali maġġuri li jaffettwaw iż-żewġ naħat.
Kooperazzjoni fil-ġestjoni ta’ kriżijiet u l-assistenza umanitarja
L-UE u l-Eġittu se jintensifikaw il-kooperazzjoni u l-konsultazzjonijiet, u se jiskambjaw l-esperjenzi fil-ġestjoni u l-prevenzjoni ta’ kriżijiet, bilateralment u reġjonalment, biex jindirizzaw l-isfidi kumplessi għall-paċi, l-istabbiltà u l-iżvilupp li jinbtu mill-kunflitti u d-diżastri naturali, fil-viċinat komuni tagħhom u lil hinn minnu.
3. It-tisħiħ tal-istabbiltà
L-istabbilizzazzjoni hija sfida komuni li l-UE u l-Eġittu qegħdin iħabbtu wiċċhom magħha. Biex din isseħħ, it-twaqqif ta’ stat modern u demokratiku li jibbenefika lil kulħadd b’mod ekwu huwa essenzjali. Id-drittijiet tal-bniedem – drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif misjuba fid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Kostituzzjoni Eġizzjana – huma valur komuni u l-ġebla tax-xewka ta’ stat demokratiku modern. L-Eġittu u l-UE għaldaqstant huma impenjati li jippromwovu d-demokrazija, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem bħala drittijiet kostituzzjonali taċ-ċittadini kollha tagħhom, konformi mal-obbligi internazzjonali tagħhom. F’dan il-kuntest, l-UE se tappoġġja lill-Eġittu biex isarraf dawn id-drittijiet f’liġijiet.
a) Stat modern u demokratiku
L-Eġittu u l-UE huma impenjati li jiżguraw l-obbligu ta' rendikont, l-istat tad-dritt, ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jirrispondi għad-domandi taċ-ċittadini tagħhom. L-UE se tappoġġja l-isforzi tal-Eġittu biex isaħħaħ il-kapaċità għal riforma effettiva tas-settur pubbliku tal-istituzzjonijiet statali, biex isaħħaħ il-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi biex jimplimentaw id-dmirijiet tagħhom biex jagħtu s-sigurtà lil kulħadd, kif ukoll biex jiżviluppa l-funzjonijiet kostituzzjonali tal-Parlament il-ġdid. Barra minn hekk, l-UE u l-Eġittu se jsaħħu l-kooperazzjoni biex is-settur tal-ġustizzja jiġi mmodernizzat u jiżdied l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini kollha permezz tal-għajnuna legali u t-twaqqif ta’ qrati speċjalizzati, biex tiġi riformata l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni. L-UE u l-Eġittu se jikkunsidraw ukoll li jiżviluppaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja dwar kwistjonijiet kriminali u ċivili. Il-kooperazzjoni parlamentari bejn l-UE u l-Eġittu, inkluż permezz ta’ skambji strutturati bejn il-kumitati u l-gruppi parlamentari, issaħħaħ il-koordinazzjoni u tippromwovi l-fehim reċiproku. L-UE se tappoġġja wkoll l-isforzi tal-Eġittu li jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet lokali biex jippjanaw u jagħtu servizzi pubbliċi, kif ukoll biex jiżgura iktar l-ugwaljanza fl-opportunitajiet ekonomiċi, soċjali u politiċi u biex jippromwovi l-integrazzjoni soċjali għal kulħadd.