Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017JC0008

Proposta Konġunta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova

JOIN/2017/08 final - 2017/050 (NLE)

Brussell, 8.3.2017

JOIN(2017) 8 final

2017/0050(NLE)

Proposta Konġunta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova (minn issa 'l quddiem il-Moldova) attwalment huma bbażati fuq il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tagħhom u fuq il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat 1 , kif rieżaminata, b’divrenzjar imsaħħaħ bejn il-pajjiżi sħab u sjieda akbar min-naħa tagħhom bħala l-prinċipji ewlenin li jiggwidaw ir-relazzjonijiet bilaterali.

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Moldova ġie ffirmat fis-27 ta’ Ġunju 2014 u ġie applikat proviżorjament mill-1 ta’ Settembru 2014. Wara t-tlestija tal-proċess ta’ ratifika, huwa daħal fis-seħħ b’mod sħiħ fl-1 ta’ Lulju 2016.

F’laqgħa tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni fis-26 ta’ Ġunju 2014, il-Partijiet qablu dwar Aġenda ta’ Assoċjazzjoni, fl-okkażjoni, bl-għan li titħejja u tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. L-aġenda ta’ Assoċjazzjoni pprovdiet qafas prattiku, ibbażat fuq l-istruttura tal-Ftehim, għat-tfassil ta’ lista ta’ prijoritajiet għal ħidma konġunta fil-perjodu 2014–2016, biex jinkisbu l-għanijiet kumplessivi ta’ assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika.

Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016 dwar il-Moldova, il-bżonn urġenti ta’ riformi fil-pajjiż u l-applikazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mill-1 ta’ Lulju 2016, l-aġġornament tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni sabiex tirrifletti s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet tal-Partijiet saret prijorità politika importanti.

L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mehmuż ma’ din il-proposta jaġġorna u jaġġusta l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni 2014–2016 u jistabbilixxi prijoritajiet ġodda għal ħidma konġunta għall-2017–2019. Huwa jiddistingwi bejn prijoritajiet fuq terminu qasir (li fuqhom għandu jinkiseb progress sinifikanti sal-aħħar tal-2017) u prijoritajiet fuq terminu medju (li fuqhom għandu jinkiseb progress sinifikanti fis-sentejn li ġejjin).

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet politiċi eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-aġenda ta’ Assoċjazzjoni hija koerenti mal-prijoritajiet tal-politika tal-UE stabbiliti f’dan il-qasam, jiġifieri l-istabilizzazzjoni tal-viċinat f’termini politiċi, ekonomiċi u ta’ sigurtà, filwaqt li jiġu segwiti l-interessi tal-UE u l-promozzjoni tal-valuri universali.

•Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

L-“Aġenda ta’ Assoċjazzjoni UE-Repubblika tal-Moldova” proposta, tirrifletti l-impenn dejjiemi tal-UE mas-sieħeb tal-Lvant tagħha u hija wkoll allinjata bis-sħiħ mas-sejħa fl-Istrateġija Globali riċenti għall-Unjoni biex ninvestu fir-reżiljenza tal-istati u tas-soċjetajiet fil-Lvant u biex nibnu relazzjonijiet eqreb magħhom. Dan l-approċċ integrat għar-reżiljenza se jinvolvi l-indirizzar tal-iżjed każijiet akuti ta’ fraġilità governattiva, ekonomika, soċjali u klimatika/enerġetika.

L-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni proposta tikkunsidra inter alia l-bżonn li jissaħħu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-governanza tajba, l-enfasi akbar fuq il-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fil-prevenzjoni tal-konflitti, fl-istabilità reġjonali, u l-potenzjal ta’ kummerċ ħieles f’ekonomija tas-suq li tiffunzjona bis-sħiħ regolata minn politiki li gradwalment ikunu allinjati mal-politiki tal-UE sabiex jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi.

2.ASPETTI LEGALI

Din hija proposta, ibbażata fuq l-Artikolu 218(9)TFUE, għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa u r-Repubblika tal-Moldova min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni għall-2017-2019. Il-bażi legali sostantiva għall-adozzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni hija l-Artikolu 217 TFUE (assoċjazzjoni ma’ pajjiżi terzi).

Huwa mistenni li l-“Aġenda ta’ Assoċjazzjoni” il-ġdida tkun adottata mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova, wara li, abbażi tal-Artikolu 218(9) TFUE, il-kunsill jadotta pożizzjoni tal-UE li għandha tkun segwita fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. Ladarba tiġi adottata, l-“Aġenda ta’ Assoċjazzjoni” se tifforma l-bażi għall-ipprogrammar tal-għajnuna prevista fl-istrument Ewropew ta’ Viċinat (SEV).

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2015 dwar ir-rieżami tal-politika Ewropea tal-viċinat laqgħu il-proposti, fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar ir-rieżami 2 , “biex ikomplu jiġu żviluppati relazzjonijiet ma’ sħab li jixtiequ jkollhom relazzjonijiet aktar fil-fond mal-UE abbażi ta’ valuri komuni”. Il-Komunikazzjoni Konġunta tenfasizza r-rwol ta’ Aġendi ta’ Assoċjazzjoni u l-prijoritajiet tas-sħubija bħala “l-bażi għall-istabbiliment ta’ prijoritajiet għall-assistenza”.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post / kontroll tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-proposta Konġunta għal Deċiżjoni tal-Kunsill, l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE u Moldova, u l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni ġew abbozzati wara konsultazzjoni mill-qrib mas-servizzi relevanti tal-Kummissjoni u mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali, u d-diskussjonijiet mal-awtoritajiet tal-Moldova.

F’Novembru 2016 saru konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili f’Chisinau fuq il-bażi tal-linji gwida rieżaminati tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Il-punti ewlenin magħmula mill-partijiet ikkonċernati:

- l-introduzzjoni ta’ werrej fl-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni;

- indikaturi dettaljati għal azzjonijiet ta’ prijorità;

il-ħtieġa li tkun involuta aktar is-soċjetà ċivili fil-proċess tar-riforma u fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

- ir-riforma tas-settur tal-ġustizzja;

- il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

- ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika;

- is-sitwazzjoni fis-settur tal-midja;

- ir-riformi fis-settur tal-enerġija; kif ukoll

- l-implimentazzjoni ta’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva.

Dawn il-punti kollha ġew ikkunsidrati fit-testi mehmuża.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

L-għarfien espert tematiku rilevanti kien disponibbli internament, jew fil-kwartieri ġenerali tal-UE jew fid-Delegazzjoni tal-UE.

•Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli.

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

•Drittijiet fundamentali

L-aġenda ta’ Assoċjazzjoni mhu se jkollha l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri tal-UE.

Fir-rigward tad-drittijiet fundamentali fil-Moldova, il-konsegwenzi huma mistennija li jkunu pożittivi hekk kif il-Gvern Moldovan ikun qed jikkommetti ruħu inter alia li:

- jirrispetta l-impenji u l-obbligi skont il-liġi internazzjonali u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

- jipproteġi l-libertajiet fundamentali;

- isaħħaħ l-istabbiltà, l-indipendenza u l-effikaċja ta’ istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija u l-istat tad-dritt u b’mod partikolari;

- li jintegra l-minoranzi nazzjonali;

- li jorganizza elezzjonijiet demokratiċi li jikkunsidraw bis-sħiħ ir-rakkomadazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem;

- li jiżgura l-indipendenza, l-imparzjalità, il-professjonaliżmu u l-effiċjenza tal-ġudikatura;

- li jippromwovi l-governanza tajba, fost l-oħrajn permezz tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u aċċess imtejjeb għal informazzjoni;

- li jadotta kodiċi awdjoviżiv ġdid konformi għalkollox mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSCE u tal-Kunsill tal-Ewropa; kif ukoll

- jonora l-libertà tal-espressjoni u tal-indipendenza tal-midja.

Fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem b’mod speċifiku, l-UE u l-Moldova huma fi djalogu regolari dwar kwistjonijiet bħal-libertà ta’ espressjoni, il-libertà tal-mezzi ta’ kommunikazzjoni, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, it-tortura, it-trattament ħażin u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi ta’ sess, id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal, il-protezzjoni ta’ persuni li jappartjenu għall-minoranzi u l-libertà tar-reliġjon.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din id-Deċiżjoni ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja addizzjonali lil hinn mill-impenji internazzjonali eżistenti tal-UE. Kwalunkwe implikazzjoni baġitarja addizzjonali se tkun iċċarata fi proposti distinti, bħall-proposta dwar il-Qafas Uniku ta’ Appoġġ SEV 2017–2020 li jmiss.

5.ELEMENTI OĦRAJN

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

L-implimentazzjoni tal-"Aġenda ta’ Assoċjazzjoni” se tkun soġġetta għal monitoraġġ regolari tal-anqas darba f’sena, fil-kuntest tal-mekkaniżmi ta' rieżami previsti u tal-laqgħat ta’ kooperazzjoni bilaterali previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

6.REFERENZI

(a)Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-27 ta’ Ġunju 2014 (ĠU L260, 30.8.2014)

(b)Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni; (JOIN/2015/050 finali)

(c)Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rieżami tal-politika Ewropea tal-viċinat (l-14 ta’ Diċembru 2015)

(d)Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika tal-Moldova (il-15 ta’ Frar 2016)

(e)Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU L77; 15.3.2014)

(f)Dikjarazzjoni Konġunta li tistabbilixxi Sħubija għall-Mobbiltà bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri parteċipanti tagħha (Brussell, il-5 ta' Ġunju 2008)

(g)Ir-Regolament (UE) Nru 259/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 3 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

(h)Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, iffirmat fis-26 ta’ Ġunju 2012 fi Brussell (ĠU L292, 20.10.2012)

(i)L-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-Komunità tal-Enerġija, mogħti fi Vjenna fis-17 ta’ Marzu 2010

(j)Il-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-programm Orizzont 2020, iffirmat fi Brussell fl-1 ta’ Lulju 2014

(k)Id-Deċiżjoni Nru 1/2015 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tal-UE-ir-Repubblika tal-Moldova tat-18 ta’ Diċembru 2015 dwar l-applikazzjoni tat-Titolu V tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, għat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova (ĠU L336, 23.12.2015)

(l)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-11 ta’ Ġunju 2014 li tadotta Qafas ta’ Appoġġ Uniku għall-appoġġ mill-Unjoni Ewropea lill-Ġordan għall-perjodu 2014–2017 (C(2014) 3995, 11.06.2014)

2017/0050 (NLE)

Proposta Konġunta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, ('il-Ftehim') u b'mod partikolari l-Artikolu 436 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġie ffirmat fis-27 ta' Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016.

(2)Sabiex jappoġġaw l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Partijiet qablu li jinnegozjaw Aġenda ta ' Assoċjazzjoni bil-għan li jipprovdu lista ta’ prijoritajiet għall-ħidma konġunta tagħhom skont is-settur.

(3)Il-partijiet qablu dwar Aġenda ta’ Assoċjazzjoni biex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Din se tiġi adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim.

(4)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ Aġenda ta’ Assoċjazzjoni UE-ir-Repubblika tal-Moldova għall-2017–2019 se tkun adottata mill-Kunsill.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova għall-2017-2019, għandha tiġi bbażata fuq l-abbozz ta' Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-14 ta’ Diċembru 2015
(2) JOIN(2015) 50; 18.11.2015
Top

Brussell, 8.3.2017

JOIN(2017) 8 final

ANNESS

tal-

Proposta Konġunta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova


DEĊIŻJONI Nru 01/2017 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE - REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA

Qbil fuq l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova

IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U R-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE - Repubblika tal-Moldova bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra

Billi:

(1)    Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Repubblika tal-Moldova bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, kien iffirmat fis-27 ta’ Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016;

(2)    L-Artikolu 436 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova jagħti s-setgħa lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li jieħu d-deċiżjonijiet xierqa, għall-finijiet li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim;

(3)    F’termini tal-Artikolu 453 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, il-Partijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u għandhom jaraw li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-Ftehim.

(4)    Ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ippropona fażi ġdida ta’ involviment mal-imsieħba, li tippermetti sens akbar ta’ sjieda miż-żewġ naħat;

(5)    L-UE u r-Repubblika tal-Moldova qablu li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom billi qablu fuq sett ta’ prijoritajiet għall-perjodu 2017-2019 bil-għan li jappoġġaw u jsaħħu r-reżiljenza u l-istabilità tar-Repubblika tal-Moldova, filwaqt li jfittxu assoċjazzjoni politika aktar mill-qrib u integrazzjoni ekonomika aktar profonda.

(6)    Il-Partijiet għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova qablu fuq it-test tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, li se jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, b’enfasi fuq il-kooperazzjoni fir-rigward tal-interessi kondiviżi identifikati b’mod komuni.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jadotta l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova kif stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

L-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova għandha tieħu post l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova li ġiet adottata fis-26 ta’ Ġunju 2014.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, [jum xahar 2017].

Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

Il-President

***

ANNESS

AĠENDA TA’ ASSOĊJAZZJONI

bejn

l-UNJONI EWROPEA

U

IR-Repubblika tal-Moldova

Il-Werrej

Aġenda ta’ Assoċjazzjoni    

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova    

1.    Il-prinċipji, l-istrumenti u r-riżorsi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni    

2.    Prijoritajiet tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni    

2.1 Prijoritajiet ewlenin    

2.2 Djalogu Politiku, Governanza Tajba u Tisħiħ tal-Istituzzjonijiet    

(i)    Jissaħħu l-istabbiltà, l-indipendenza u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Moldova, inkluż permezz ta’ riforma komprensiva tal-amministrazzjoni pubblika u riforma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika    

(ii)    Ikompli jiġi rriformat is-settur tal-ġustizzja, b’mod partikolari jiġu żgurati l-indipendenza, l-imparzjalità, il-professjonaliżmu u l-effikaċja tal-ġudikatura    

(iii)    Ikun żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali    

Id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali    

Il-libertà tal-espressjoni    

Il-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili    

Trattament ħażin u tortura    

Id-drittijiet tat-tfal    

Il-vjolenza domestika    

Trattament ugwali    

Id-drittijiet tat-trejdjunjins u l-istandards ewlenin tax-xogħol    

2.3    Il-politika estera u ta’ sigurtà    

It-terroriżmu, in-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva (AQM) u l-esportazzjonijiet illegali tal-armi    

Il-kunflitt Transnistrijan    

Il-Qorti Kriminali Internazzjonali    

2.4    Kooperazzjoni fuq il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja    

Il-protezzjoni tad-dejta personali    

Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata    

Riforma fil-Pulizija    

Il-kooperazzjoni u l-bażijiet ta’ dejta tal-pulizija    

L-indirizzar tad-drogi illeċiti    

It-traffikar tal-bnedmin    

Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal    

Il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità    

Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kunflitt ta’ interess    

Il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja    

Kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, l-ażil u l-ġestjoni tal-fruntieri    

Kooperazzjoni legali    

2.5    Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ (DCFTA)    

Kummerċ ta’ merkanzija    

Regolamenti tekniċi, l-istandardizzazzjoni u l-infrastruttura relatata    

Miżuri sanitarji u fitosanitarji (sanitary and phytosanitary, SPS)    

Faċilitazzjoni doganali u kummerċjali    

Regoli tal-oriġini    

L-istabbiliment, il-kummerċ fis-servizzi u l-kummerċ elettroniku    

Il-pagamenti attwali u l-moviment tal-kapital    

Akkwist pubbliku    

Drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI)    

Il-kompetizzjoni    

It-trasparenza    

Kummerċ u żvilupp sostenibbli    

2.6    L-Iżvilupp ekonomiku u l-Opportunitajiet tas-Suq    

Liġi tal-kumpaniji, kontabilità u awditjar u governanza korporattiva    

Impjiegi, politika soċjali u opportunitajiet indaqs    

Il-protezzjoni tal-konsumaturi    

Statistika    

It-tassazzjoni    

Servizzi finanzjarji    

Politika industrijali u intraprenditorjali    

L-estrazzjoni u l-materja prima    

Turiżmu    

Agrikoltura u żvilupp rurali    

Is-soċjetà tal-informazzjoni/l-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali    

Is-saħħa pubblika    

L-Ippjanar Urban u l-Kostruzzjoni    

L-iżvilupp reġjonali    

Il-politika dwar l-affarijiet marittimi u s-sajd    

2.7    Il-Konnettività, l-Effiċjenza Enerġetika, Azzjoni Klimatika, l-Ambjent u l-Protezzjoni Ċivili    

L-Enerġija    

It-trasport    

L-ambjent    

Azzjoni klimatika    

Il-protezzjoni ċivili    

2.8    Il-Mobbiltà u l-Kuntatti bejn il-Persuni    

L-edukazzjoni, it-taħrig u ż-żgħażagħ    

Ir-riċerka u l-innovazzjoni    

Il-kultura, il-politika awdjoviżiva u l-midja    

Il-parteċipazzjoni f’Aġenziji u Programmi tal-UE    

2.9    Sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u viżibilità    


Aġenda ta’ Assoċjazzjoni

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova

Fis-27 ta’ Ġunju 2014, l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova (minn hawn ’il quddiem “il-Moldova”) - "il-Partijiet" - iffirmaw Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (Association Agreement - AA) ambizzjuż u innovattiv, li jinkludi Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (Deep and Comprehensive Free Trade Area - DCFTA). Il-ftehim fih dispożizzjonijiet vinkolanti bbażati fuq ir-regoli u jipprevedi kooperazzjoni mtejba, li jmorru lil hinn mill-ftehimiet tradizzjonali u li jkopru l-oqsma kollha ta’ interess. Il-ftehim kien applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Settembru 2014 sat-tlestija tal-proċess ta’ ratifika, li ppermetta l-applikazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fl-1 ta’ Lulju 2016.

Bil-għan li jħejju u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, fis-26 ta’ Ġunju 2014, il-Partijiet qablu fi Brussell fuq Aġenda ta’ Assoċjazzjoni, li tieħu minn lista ta’ prijoritajiet għall-ħidma konġunta fil-perjodu 2014-2016.

Wara l-adozzjoni tal-konklużjonijiet dwar il-Moldova mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-15 ta’ Frar 2016, id-dokument preżenti jaġġorna u jiffoka mill-ġdid l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni għall-perjodu 2014-2016 u jistabbilixxi prijoritajiet ġodda għall-ħidma konġunta għall-perjodu 2017-2019. Huwa jiddistingwi bejn prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien (li fuqhom jinħtieġ li jinkiseb progress sinifikanti sal-aħħar tal-2017) u prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien (li fuqhom jinħtieġ li jinkiseb progress sinifikanti fis-sentejn li ġejjin).

Il-fatt li l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni tiffoka fuq għadd limitat ta’ prijoritajiet ma jaffettwax il-kamp ta’ applikazzjoni jew il-mandat tad-djalogu eżistenti skont Ftehimiet u Sħubijiet rilevanti oħrajn jew skont il-linja multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant.

Barra minn hekk, l-ivvjaġġar mingħajr viża lejn il-pajjiżi fiż-Żona ta' Schengen għaċ-ċittadini Moldovani li għandhom passaport bijometriku daħal fis-seħħ f’April 2014. Il-punti ta’ riferiment tal-Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża jeħtieġ li jiġu ssodisfati kontinwament sabiex jiżguraw is-sostenibbiltà tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża u b’hekk jikkontribwixxu għall-mobbiltà u l-kuntatti bejn il-persuni bejn l-UE u l-Moldova, li huma wħud mill-elementi fundamentali li jirfdu l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tal-Moldova mal-Unjoni Ewropea kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. 



1.    Il-prinċipji, l-istrumenti u r-riżorsi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni

Il-prinċipji komuni li ġejjin iservu ta’ gwida għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni:

L-azzjonijiet imwettqa bħala parti mill-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni jinħtieġ li jiġu implimentati fl-ispirtu tal-objettivi kumplessivi tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika;

Il-prijoritajiet tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni jirriflettu r-responsabbiltà tal-UE u tal-Moldova sabiex jimplimentaw b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tagħhom, issa li daħal fis-seħħ għal kollox;

Iż-żewġ partijiet iridu jiġu involuti fl-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni, b’rispett sħiħ għall-prinċipji ta’ sjieda, trasparenza, responsabbiltà u inklużività;

L-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni għandha l-għan li tikseb riżultati tanġibbli, definiti u sostenibbli permezz tal-implimentazzjoni progressiva ta’ miżuri prattiċi u l-involviment tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra. Iż-żewġ partijiet jiżguraw b’mod speċjali li kull leġiżlazzjoni u dokument strateġiku żviluppati fil-qafas tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni jkunu ppreparati bi proċess inklużiv u bbażat fuq l-evidenza;

Il-partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jsostnu l-prijoritajiet miftiehma permezz ta’ mezzi politiċi, tekniċi u finanzjarji xierqa u suffiċjenti;

L-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni tkun soġġetta għal monitoraġġ, rapportar annwali, u valutazzjoni. Il-progress li jsir jiġi rieżaminat, anki waqt laqgħat tal-istrutturi bilaterali mwaqqfa mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Is-soċjetà ċivili tiġi mħeġġa wkoll tiffoka l-attivitajiet ta’ monitoraġġ fuq l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni;

L-Unjoni Ewropea tappoġġa lill-Moldova fl-implimentazzjoni tal-objettivi u l-prijoritajiet stabbiliti fl-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni. Sabiex tagħmel dan, hija: toffri s-sorsi disponibbli kollha ta’ appoġġ mill-UE; tipprovdi għarfien espert u konsulenza; tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prassi, għarfien u informazzjoni; u tappoġġa l-bini tal-kapaċità u t-tisħiħ istituzzjonali. L-Unjoni Ewropea tinkoraġġixxi u titlob ukoll il-koordinazzjoni tal-appoġġ mill-imsieħba l-oħrajn tal-Moldova. Hija tuża l-istrumenti finanzjarji rilevanti tagħha sabiex tgħin fl-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni. Madankollu, l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni mhijiex dokument tal-ipprogrammar finanzjarju u mhijiex sostitut għall-ipprogrammar finanzjarju mwettaq mill-partijiet.

L-UE tipprovdi appoġġ fil-kuntest tal-prijoritajiet kumplessivi għall-assistenza lill-Moldova, kif spjegat fil-Qafas ta’ Appoġġ Uniku (Single Support Framework, SSF) tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (European Neighbourhood Instrument, ENI) u fl-ipprogrammar multinazzjonali mħejji għall-Moldova permezz tal-ENI. Hija tagħmel dan f’konformità sħiħa mar-regoli tal-implimentazzjoni u l-proċeduri li jirregolaw l-assistenza esterna tal-UE.

L-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni preżenti tkun applikabbli mill-mument tal-adozzjoni tagħha. L-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni tista’ tiġi emendata jew aġġornata fi kwalunkwe ħin, bil-qbil tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova.



2.    Prijoritajiet tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni

2.1 Prijoritajiet ewlenin

Fost il-prijoritajiet fl-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni, u skont l-erba’ prijoritajiet miftehma waqt is-Summit ta’ Riga, jinħtieġ li jiġu ttrattati l-azzjonijiet ta’ riforma li ġejjin bħala kwistjoni ta’ prijorità:

Fil-qasam tat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-governanza tajba:

1. L-indipendenza tal-ġudikatura u tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi 

Tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni attwali li tirrigwardja l-ġustizzja u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi sabiex jiġu żgurati l-indipendenza, l-imparzjalità, il-professjonaliżmu u l-effiċjenza tal-ġudikatura, tal-prosekuzzjoni u tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, li jinħtieġ li jkunu liberi minn kull interferenza politika jew kull interferenza żejda oħra, kif ukoll sabiex tiġi żgurata tolleranza żero għall-korruzzjoni u tiġi evitata kull xorta ta’ mġieba korrotta. Jitwettaq reklutaġġ trasparenti u meritokratiku tal-imħallfin u l-prosekuturi permezz ta’ punt tad-dħul uniku fil-ġudikatura, bil-għan li titreġġa’ lura l-indipendenza tagħha.

2. Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitt ta’ interess

Tiġi adottata Liġi dwar l-Integrità li tkun tikkomprendi s-settur tal-Amministrazzjoni Pubblika, f’konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Jiġu adottati liġijiet dwar sanzjonijiet dissważivi proporzjonali għall-korruzzjoni u dwar il-limitazzjoni tal-immunitajiet fi proċedimenti kriminali u amministrattivi. Tiġi adottata u implimentata Strateġija Ġdida Kontra l-Korruzzjoni, bil-għan li tipprevjeni u tnaqqas b’mod effettiv il-korruzzjoni, f’konformità mal-valuri u l-istandards tal-UE. Tiġi implimentata b’mod sħiħ il-liġi li titlob li l-uffiċjali rilevanti kollha jipprovdu dikjarazzjonijiet tal-assi u li jirrapportaw dwar il-kunflitti ta’ interess potenzjali, kif ukoll tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-proċedura ta’ infurzar. Jiddaħħal fis-seħħ qafas legali operattiv sabiex jipproteġi lill-informaturi.

3. L-irkupru tal-assi u l-investigazzjoni fuq il-frodi bankarji

Jitwaqqaf servizz effiċjenti ta’ rkupru tal-assi nazzjonali. Jiġi kondiviż ir-rapport ta’ Kroll tat-tieni fażi mal-UE. Il-każijiet ta’ frodi kollha li affettwaw is-sistema bankarja tal-Moldova fil-perjodu 2012-2014 jiġu soġġetti għal investigazzjoni bir-reqqa u imparzjali, anki bil-għan li jiġu rkuprati l-fondi ddevjati u dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja.

4. Ir-riforma fl-amministrazzjoni pubblika, inkluża l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi

Jiġu implimentati l-Istrateġija tar-Riforma tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-istrateġiji sottostanti, żviluppati fl-2016 b’konsultazzjoni mal-OECD / SIGMA u mal-komunità tad-donaturi. Ikunu organizzati mill-ġdid l-istituzzjonijiet governattivi, l-awtoritajiet amministrattivi u l-impriżi statali sabiex tiżdied ir-responsabbiltà, l-effikaċja u l-effiċjenza. Tkun rieżaminata s-sistema ta’ koordinazzjoni fl-iżvilupp ta’ politika biex jittejbu l-inklużività, il-koerenza, l-effiċjenza, il-prevedibbiltà u t-trasparenza tal-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet. Tittejjeb il-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-servizzi pubbliċi. Jiġi żgurat servizz ċivili professjonali u sistema ta’ ġestjoni moderna tar-riżorsi umani. Tiġi mnedija riforma territorjali li tista’ tippermetti massimizzazzjoni tar-riżorsi magħmula disponibbli għaċ-ċittadini fil-livell lokali.

Tiġi aġġornata l-istrateġija tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Moldova għall-perjodu 2013-20. Tinbeda r-riforma tal-iskrutinju parlamentari u s-sorveljanza tal-baġit. Jissaħħu t-trasparenza, is-sorveljanza u l-akkontabilità tal-ġestjoni u l-politika tal-finanzi pubbliċi. Tittejjeb il-governanza permezz ta’ prudenza baġitarja u dixxiplina baġitarja, proċessi ta’ akkontabilità msaħħa u ġestjoni aħjar għar-riżultati.

5. Il-libertajiet fundamentali

Tiġi mħarsa l-libertà tal-midja, inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ Kodiċi Awdjoviżiv ġdid, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Unjoni Ewropea u tal-OSKE, sabiex jiġu indirizzati b’urġenza l-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-midja, il-monopolizzazzjoni tas-suq tar-reklamar u r-riforma tax-xandar nazzjonali. Jiġu definiti aħjar il-kompetenzi u l-kompiti tal-Kunsill Awdjoviżiv, bil-għan li tissaħħaħ l-indipendenza tiegħu.

Jiġi adottat u implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali ġdid dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b’enfasi fuq l-aktar gruppi vulnerabbli, u jiġu kkoordinati l-proċessi tal-ippjanar u tal-baġit sabiex jiġu allokati biżżejjed riżorsi għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Tiġi żgurata l-eżekuzzjoni effettiva tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u jinħoloq mekkaniżmu effiċjenti ta’ kontroll Parlamentari fuq tali eżekuzzjoni.

Tingħata attenzjoni partikolari biex ikun żgurat li l-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi jiġu indirizzati bħala prijorità trasversali.

6. Soluzzjoni tal-kunflitt Transnistrijan

Tiġi żviluppata viżjoni mtejba fuq is-soluzzjoni tal-kunflitt Transnistrijan li tipproponi futur komuni attraenti u aċċettabbli b’mod reċiproku għaż-żewġ naħat f’pajjiż integrat mill-ġdid. Jissokta d-djalogu kostruttiv relatat mas-sitwazzjoni fis-segment ċentrali (Transnistrija) tal-fruntiera bejn il-Moldova u l-Ukraina mal-kontropartijiet rilevanti kollha.

Fil-qasam tal-iżvilupp ekonomiku u l-opportunitajiet tas-suq:

7. Ambjent tan-Negozju u ġestjoni tal-investimenti mtejba

Jiġi implimentat b’mod sħiħ il-programm ta’ riforma miftiehem mal-Fond Monetarju Internazzjonali u jitwettqu politiki ekonomiċi, fiskali u finanzjarji fl-istess spirtu bħall-programm ta’ riforma tal-FMI. Jittejjeb il-qafas regolatorju, l-ambjent operazzjonali għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u jkunu infurzati l-liġijiet dwar il-kompetizzjoni biex titnaqqas imġieba monopolistika. Jiġu implimentati l-Istrateġija għall-SMEs 2012-2020 u l-Pjan ta’ Azzjoni korrispondenti tagħha f’konformità mal-liġi l-ġdida dwar l-SMEs u f’konformità mal-Pjan Direzzjonali rivedut tal-pajjiż dwar il-Kompetittività u mal-Istrateġija ġdida dwar il-Promozzjoni tal-Esportazzjoni u l-Attrazzjoni tal-Investiment. Jissaħħaħ ir-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u tan-negozji (inklużi assoċjazzjonijiet settorjali) sabiex jittejjeb id-djalogu Pubbliku-Privat. Tiġi ssimplifikata s-sistema ta’ spettorati u diversi korpi ta’ spezzjoni sabiex tiżdied l-effiċjenza u jitnaqqas l-lok għall-korruzzjoni, waqt li jittejjeb l-infurzar tal-liġi u tal-istandards.

8. L-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Tiġi adottata Liġi Ġenerali dwar prinċipji ta’ sussidjar fl-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, sabiex b’hekk tittejjeb l-implimentazzjoni tal-politika f’dan il-qasam. Tiżdied il-kompetittività tal-produzzjoni agrikola, speċjalment f’setturi magħżula b’valur ta’ esportazzjoni għoli. Jitttejbu l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tal-ħajja fiż-żoni rurali. Jitjieb l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-art u tal-ilma. Jittejbu s-servizzi u l-infrastruttura u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi fiż-żoni rurali.

9. Riformi relatati mal-kummerċ: Regolamenti tekniċi, standardizzazzjoni u infrastruttura relatata, u l-faċilitazzjoni doganali u tal-kummerċ

Tittejjeb il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, waqt li l-indikaturi tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ tal-OECD jittieħdu bħala parametru referenzjarju. Fil-qasam tal-istandards tekniċi, ikunu żviluppati jew jissaħħu l-kooperazzjoni u, fejn ikun hemm bżonn, tinkiseb sħubija f’organizzazzjonijiet rilevanti internazzjonali u tal-UE, bħal EURAMET, EA, CEN, CENELEC, ETSI, WELMEC. Tinkiseb l-akkreditazzjoni fuq miżuri sanitarji u fitosanitarji tal-laboratorji kollha involuti fil-kontrolli uffiċjali għall-istandards internazzjonali sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-SPS għall-esportazzjoni u tissaħħaħ is-sikurezza alimentari fis-suq intern tal-Moldova.

Il-leġiżlazzjoni tal-Moldova tkun allinjata mal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni Ewropea u tittejjeb il-prestazzjoni tal-amministrazzjoni doganali. Jitfassal pjan direzzjonali għall-adeżjoni tal-Moldova mal-Konvenzjoni dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu.

Fil-qasam tal-konnettività, l-effiċjenza enerġetika, l-ambjent u azzjoni klimatika:

10. Is-sigurtà tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika

Tissaħħaħ l-indipendenza ta’ ANRE, inkluż permezz ta’ depolitiċizzazzjoni tal-ħatriet u proċedura ta’ sensji għad-diretturi, kif ukoll permezz tal-iffissar ta’ baġit awtonomu. Tiġi adottata Liġi ġdida dwar l-Enerġija. Jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha tar-rieżami ta’ ANRE mwettqa mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija. Jiġu implimentati l-liġijiet ġodda dwar l-elettriku u dwar il-gass naturali billi jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa preskritti mil-liġi u billi tiġi adottata l-leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa. Ikomplu jittieħdu passi lejn l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija tal-Moldova ma’ dak tal-UE. Tinġieb f’konformità l-Liġi dwar l-effiċjenza enerġetika fil-bini u jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ appoġġ xierqa għall-miżuri ta’ effiċjenza enerġetika kemm f’bini pubbliku kif ukoll fid-djar. Abbażi tal-liġi dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija u tas-sorsi rinnovabbli, jiġu żviluppati skemi ta’ appoġġ, regoli amministrattivi u miżuri oħrajn meħtieġa sabiex jitrawwem użu akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

11. It-trasport

Jiġu implimentati r-riforma u l-programm ta’ ristrutturar tas-settur ferrovjarju. Jiżdiedu l-isforzi sabiex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-avjazzjoni sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova. Tiġi stabbilita kompetizzjoni ħielsa u ġusta fis-settur tal-avjazzjoni, b’mod partikolari, jiġu inklużi klawżoli dwar l-aċċess mhux diskriminatorju għall-ajruport fil-konċessjoni tal-ajruport ta’ Chisinau u tinkiseb lura kompetizzjoni effettiva fis-settur tal-groundhandling. Ikunu żviluppati infrastrutturi ekonomikament importanti, inkluż permezz ta’ implimentazzjoni ulterjuri tal-proġetti għall-iżvilupp tan-netwerk indikattiv estiż ta’ TEN-T.

12. Ambjent u azzjoni klimatika

Jiġu żgurati l-kontinwazzjoni tar-riformi amministrattivi u l-bini ta’ kapaċità amministrattiva xierqa sabiex jiġu implimentati l-kapitoli tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni dwar l-ambjent u l-azzjoni klimatika. Isiru avvanzi fl-approssimazzjoni mal-acquis ambjentali billi jiġi adottat il-qafas legali ewlieni fis-settur, jiġifieri l-liġijiet dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika, il-Protezzjoni tal-Arja, l-Immaniġġar tal-Iskart, l-Immaniġġar tas-Sustanzi Kimiċi u l-Emissjonijiet Industrijali (il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrati tat-Tniġġis). Jiġi rratifikat il-ftehim globali ġdid dwar it-tibdil fil-klima (il-Ftehim ta’ Pariġi).

Fil-qasam tal-mobbiltà u l-kuntatti bejn il-persuni:

13. L-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ

Jiġi implimentat kodiċi ġdid dwar l-Edukazzjoni. Tiżdied il-kapaċità amministrattiva tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u tal-korpi subordinati. Jiġi pprovdut il-baġit meħtieġ lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, abbażi tal-istadji milħuqa. Tħeġġeġ l-involviment ta’ partijiet interessati rilevanti (inklużi negozji u msieħba soċjali) f’kull forma ta’ tagħlim tul il-ħajja għal żvilupp professjonali kontinwu sabiex iġibuhom eqreb lejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Titwettaq ir-riforma tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, inkluża l-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-Kumitati Settorjali. Jiġi adottat approċċ strateġiku għall-politika taż-żgħażagħ.



2.2 Djalogu Politiku, Governanza Tajba u Tisħiħ tal-Istituzzjonijiet

Id-djalogu u l-kooperazzjoni politiċi dwar ir-riformi li għandhom jitwettqu fil-qafas ta’ din l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni għandhom l-għan li jsaħħu r-rispett għall-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi kif imħaddna mill-Konvenzjonijiet prinċipali tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa u l-protokolli relatati. Jinħtieġ li tiġi żgurata konsistenza mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, li jkun applikabbli matul l-implimentazzjoni ta’ din l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni.

(i)    Jissaħħu l-istabbiltà, l-indipendenza u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Moldova, inkluż permezz ta’ riforma komprensiva tal-amministrazzjoni pubblika u riforma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġu adottati u implimentati l-kompetenzi riveduti tal-Qorti Kostituzzjonali u l-proċeduri tal-ħatra tal-membri tagħha, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa;

Tibda tiġi implimentata l-Istrateġija għall-konsolidazzjoni tar-relazzjonijiet interetniċi għall-perjodu 2017-2027;

Jiddaħħal fis-seħħ qafas legali operattiv sabiex jipproteġi lill-informaturi;

Tiġi implimentata r-Riforma tal-istruttura territorjali tal-pajjiż billi jitnaqqas in-numru ta’ awtoritajiet lokali f’konformità mal-Istrateġija ta’ Deċentralizzazzjoni Nazzjonali, kif ukoll mal-Istrateġija PAR;

Jiġu implimentati l-Istrateġija tar-Riforma tal-Amministrazzjoni Pubblika (Public Administration Reform - PAR) u l-istrateġiji sottostanti, żviluppati fl-2016 b’konsultazzjoni mal-OECD / SIGMA u mal-komunità tad-donaturi;

Jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni, monitoraġġ u rapportar u l-kapaċitajiet kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak amministrattiv;

Jiġu stmati l-kostijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni għar-Riforma tal-Amministrazzjoni Pubblika għall-perjodu 2016-2018;

L-istabbiliment ta’ baġit f’bilanċ skont ftehim tal-FMI, b’biżżejjed riżorsi finanzjarji biex jimplimentaw ir-riformi ppjanati;

Tiġi rriformata l-Kanċellerija tal-Istat;

Jiġu ċċarati l-funzjonijiet, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet ewlenin u jiġu żviluppati proċeduri u metodoloġiji unifikati, bil-miktub u allinjati għal żvilupp u kordinazzjoni ta’ politika inklussiva u bbażata fuq l-evidenza;

Jitħejja r-rieżami tal-qafas ġuridiku tas-servizz ċivili bil-ħsieb li dan jiġi emendat biex ikopri l-istituzzjonijiet kollha li jeżerċitaw il-kompiti tipiċi ta’ amministrazzjoni governattiva u jiżguraw li r-reklutaġġ, il-promozzjonijiet u t-tkeċċijiet huma bbażati fuq il-mertu;

Jiġi kkonsolidat ir-rwol tas-Segretarji tal-Istat bħala l-impjegati tas-servizz pubbliku fl-ogħla karigi f’kull ministeru kompetenti sabiex jikkontribwixxu għall-professjonalizzazzjoni u d-depolitiċizzazzjoni tas-servizz pubbliku;

Jitkabbar l-ambitu tal-ġbir tad-dejta, inkluża dejta dwar il-persunal tar-reġistru tas-salarji u gradwalment l-użu tagħha jkun estiż għall-istituzzjonijiet statali kollha;

Jorganizza mill-ġdid lill-Istituzzjonijiet Governattivi għal aktar responsabbiltà, effikaċja u effiċjenza, inkluża r-rieżami tal-kosteffikaċja u l-effiċjenza ta’ impriżi statali li jwettqu funzjonijiet amministrattivi;

Tkun emendata l-Liġi dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni Pubblika biex titjieb l-implimentazzjoni tagħha u tistabbilixxi l-arranġamenti neċessarji biex tkun immonitorjata l-implimentazzjoni tagħha;

Tiġi żviluppata liġi ġenerali dwar il-proċeduri amministrattivi biex jiġu infurzati prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u biex gradwalment jiġu armonizzati proċeduri amministrattivi speċjali bil-liġi l-ġdida;

Tiġi mnedija riforma territorjali li tista’ tippermetti massimizzazzjoni tar-riżorsi magħmula disponibbli għaċ-ċittadini fil-livell lokali;

Tiġi aġġornata l-istrateġija tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Moldova għall-perjodu 2013-20.

Tiġi adottata proċedura ġdida ta’ Kontroll Finanzjarju Pubbliku Intern (Public Internal Financial Control, PIFC);

Titkompla r-riforma tal-iskrutinju parlamentari u s-sorveljanza tal-baġit; jissaħħu t-trasparenza, is-sorveljanza u l-akkontabilità tal-ġestjoni u l-politika tal-finanzi pubbliċi;

Jiġu adottati emendi għall-Kostituzzjoni u l-abbozz ta’ Liġi ġdida dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar sabiex jiġu żgurati l-indipendenza u l-effikaċja fl-awditjar estern pubbliku.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

B’kooperazzjoni mal-Kummissjoni ta’ Venezja, jiġu esplorati l-passi meħtieġa sabiex jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali bil-għan li titrawwem ir-reżiljenza fit-tul tal-Moldova;

Jittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Gvern u l-Parlament;

Jiġi żgurat mekkaniżmu effettiv ta’ sorveljanza permanenti mill-Parlament fuq l-implimentazzjoni tar-riformi u tal-leġiżlazzjoni;

Jiġi żgurat li l-elezzjonijiet lokali, parlamentari u presidenzjali jitwettqu b’mod demokratiku, f’konformità mal-istandards Ewropej, u li huma jindirizzaw kwalunkwe nuqqasijiet identifikati mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa / mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (Office for Democratic Institutions and Human Rights, ODIHR) (OSKE / ODIHR);

Tiġi segwita l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ deċentralizzazzjoni, f’konformità mal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali tal-Kunsill tal-Ewropa (Serje Nru 122 tat-Trattat tal-Kunsill tal-Ewropa);

Jiġu riveduti l-mekkaniżmi tar-reġistrazzjoni tal-votanti, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE / ODIHR, bil-għan li tiġi żgurata l-preċiżjoni tad-dejta;

Jiġu żviluppati u implimentati l-Modulu “Elezzjonijiet” tal-SIAS - “Kontroll Finanzjarju” u l-qafas regolatorju, li se jawtomatizzaw il-proċess tar-rapportar, il-ġbir u l-analiżi tar-rapporti finanzjarji tal-partiti politiċi u tal-kandidati elettorali u jtejbu l-aċċess pubbliku għal din l-informazzjoni. Jiddaħħlu fis-seħħ sanzjonijiet effettivi f’każ ta’ ksur u jiġi żgurat li l-oneru tal-prova fuq l-oriġini tal-fondi jkun fuq il-partiti. Tiġi implimentata l-possibbiltà li jiġu kkonfiskati l-assi mhux ġustifikati;

Tiġi vvalutata l-possibbiltà li jiġi permess il-finanzjament dirett tal-attività tal-partiti politiċi, tal-kampanji elettorali / kontestanti elettorali miċ-ċittadini tal-Moldova, mid-dħul miksub minn barra l-pajjiż, li fl-istess ħin jipprevjeni lil ċittadini barranin, persuni u Stati minn interferenza diretta jew indiretta mal-attività politika fil-Moldova.

Jiddaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta’ ġestjoni u koordinazzjoni tal-għajnuna għall-integrazzjoni tal-flussi ta’ assistenza marbuta mal-ħtiġijiet tal-Gvern;

Titkompla r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika (kemm ir-riforma lokali u ċentrali, kif ukoll dik territorjali), f’konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, bil-għan li jnbena servizz pubbliku kredibbli, effiċjenti, trasparenti u bbażat fuq il-mertu professjonali u l-evidenza, bil-kodiċi xieraq ta’ etika tiegħu, ħieles minn kull pressjoni politika;

F’konformità mal-Istrateġija PAR, tiġi ottimizzata l-amministrazzjoni pubblika fil-livell lokali u nazzjonali;

Jintużaw regolarment valutazzjonijiet tal-impatt ex ante; Jiġi żgurat li l-kostijiet tar-riformi huma stmati sistematikament u jkunu stabbiliti fora għas-soluzzjoni ta’ kunflitti interministerjali, kemm fuq livell amministrattiv għoli u wkoll fil-livelli politiċi;

Tkun introdotta sistema trasparenti u aktar kompetittiva fis-salarji għall-impjegati pubbliċi biex tattira u żżomm it-talent;

Tkun ipprovduta informazzjoni faċilment aċċessibbli liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom għal amministrazzjoni tajba, aċċess għal informazzjoni, ġustizzja amministrattiva u dritt għal kumpens, biex b’hekk iċ-ċittadini jkunu jafu fejn u kif jippreżentaw lment. Ikun żgurat segwitu effettiv u konkret għat-talbiet taċ-ċittadini u għall-ilmenti;

Jiġi żgurat it-titjib istituzzjonali u organizzazzjonali meħtieġ għat-tisħiħ tas-sorveljanza Parlamentari, inklużi l-modalitajiet għall-kooperazzjoni mal-awditjar estern pubbliku;

Tissaħħaħ il-kapaċità tal-Ministeru tal-Finanzi biex iwettaq ir-rwol tiegħu bħala awtorità fiskali ċentrali u biex jiżgura s-sostenibbiltà fiskali;

Ikompli jittejjeb il-PFM u tkun implimentata b’mod effettiv l-istrateġija aġġornata tal-PFM;

Jiġi stabbilit Programm ta’ Investiment Pubbliku multiannwali kontinwu, immexxi mill-Ministeru tal-Finanzi, bil-għan li jiġu żgurati investimenti ta’ prijorità fil-livell nazzjonali fil-qafas tal-baġit pluriannwali;

Jiġi żgurat titjib istituzzjonali u organizzattiv meħtieġ għat-tisħiħ tas-sorveljanza esterna, inkluż aktar żvilupp tal-funzjoni tal-awditjar estern tal-Qorti tal-Kontijiet tal-Moldova, f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar, u l-modalitajiet għall-kooperazzjoni bejn il-parlament u l-awditjar pubbliku estern;

Jitwettqu l-proċeduri dixxiplinarji, kif xieraq, u jiġu applikati b’mod effettiv is-sanzjonijiet;

Issir riforma gradwali tal-istandards tal-kontabilità pubblika u tar-rapportar estern;

(ii)    Ikompli jiġi rriformat is-settur tal-ġustizzja, b’mod partikolari jiġu żgurati l-indipendenza, l-imparzjalità, il-professjonaliżmu u l-effikaċja tal-ġudikatura, inkluża l-prosekuzzjoni, li jinħtieġ li tkun ħielsa minn kull interferenza politika jew kull interferenza mhux mixtieqa oħra. Xi elementi tar-riforma komprensiva tas-settur tal-ġustizzja jistgħu jeħtieġu emendi kostituzzjonali:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni attwali li tirrigwardja l-imħallfin, il-prosekuturi, l-avukati u professjonisti legali oħrajn, sabiex tiġi żgurata tolleranza żero għall-korruzzjoni u tiġi evitata kull xorta ta’ mġieba korrotta;

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni f’konformità mal-qafas legali ġdid ta’ sistema trasparenti għal reklutaġġ meritokratiku tal-imħallfin u tal-prosekuturi permezz ta’ punt tad-dħul uniku fil-ġudikatura;

Tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tas-salvagwardji għall-indipendenza tal-imħallfin;

Tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tar-regoli dixxiplinarji u tal-kodiċi tal-etika, inklużi salvagwardji proċedurali għall-imħallfin u għall-prosekuturi u l-awtonomija tal-Ispezzjoni Ġudizzjarja lejn il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, kif ukoll il-mekkaniżmi tal-preżentazzjoni tal-ilmenti aċċessibbli għall-pubbliku;

Jiġi implimentat il-pakkett leġiżlattiv dwar l-integrità fis-settur tal-ġustizzja;

Jittejbu t-trasparenza u l-effikaċja fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura;

Tissaħħaħ l-indipendenza tal-Kunsill Superjuri tal-Prosekuturi f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar is-Servizz tal-Prosekuzzjoni tal-25 ta’ Frar 2016 u titħaffef ir-riforma komprensiva tas-Servizz tal-Prosekuzzjoni;

Ikun żgurat proċess ġust, aċċess għall-ġustizzja u d-drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali, skont l-obbligi tal-Moldova skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u Konvenzjonijiet oħra rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa billi jiddaħħlu fis-seħħ:

- leġiżlazzjoni u miżuri mmirati biex jiggarantixxu d-drittijiet proċedurali ta’ persuni ssuspettati u mixlija fi proċedimenti kriminali;

- leġiżlazzjoni, miżuri u riżorsi bl-għan li jkunu ggarantiti d-drittijiet għall-vittmi tal-kriminalità, l-aċċess għall-ġustizzja, il-protezzjoni, l-appoġġ u l-kumpens, anki skont is-sistema tal-ġustizzja kriminali;

Tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ għajnuna legali u ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim;

Jiġi żgurat it-tħaddim ta’ sistema elettronika effettiva ta’ ġestjoni tal-każijiet ġudizzjarji b’allokazzjoni ta’ każijiet każwali u statistika ġudizzjarja kredibbli.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi żgurata l-indipendenza tal-istituzzjonijiet fis-settur tal-ġustizzja, sabiex b’hekk dawn ma jkunux soġġetti għal pressjoni politika jew kull forma oħra ta’ pressjoni mill-amministrazzjoni, mill-gvern jew mill-parlament;

Jiġu implimentati reklutaġġ u promozzjoni trasparenti u meritokratiku tal-imħallfin; 

Jiġi żgurat li l-Istitut Nazzjonali tal-Ġustizzja jagħti taħriġ inizjali u kontinwu skont il-ħtiġijiet identifikati;

Jintwera rekord ta’ miżuri li jsaħħu l-integrità u l-akkontabilità tal-ġudikatura, bħal skrutinju u kundanni għal reati relatati mal-korruzzjoni;

Issir ħidma lejn it-titjib tal-perċezzjoni pubblika tal-indipendenza, l-integrità, it-trasparenza u l-akkontabilità tal-ġudikatura;

Isir progress fuq riforma komprensiva tal-prosekuzzjoni, inklużi l-prosekuturi speċjalizzati għall-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

Isir progress sinifikanti fuq l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-ottimizzazzjoni tal-mappa ġudizzjarja;

Jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja, b’mod partikolari għan-nisa u l-gruppi vulnerabbli;

Issir ħidma lejn tnaqqis sostanzjali tat-tul ta’ żmien tal-proċedimenti fuq kawżi ċivili u kriminali;

Issir ħidma sabiex tiżdied ir-rata tal-ikklirjar għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.



(iii)    Ikun żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali permezz ta’ kooperazzjoni komprensiva dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Din il-kooperazzjoni tinkludi xogħol fl-oqsma segwenti, għal:

Id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġi abbozzat u sussegwentement implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali ġdid dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b’enfasi fuq l-aktar gruppi vulnerabbli, u jiġu kkoordinati l-proċessi tal-ippjanar u tal-baġit sabiex jiġu allokati biżżejjed riżorsi għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu;

Jiġu stabbiliti Kunsill Nazzjonali u Segretarjat sabiex jabbozzaw, jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali ġdid dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

Tiġi żgurata l-eżekuzzjoni effettiva tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u jinħoloq mekkaniżmu effiċjenti ta’ kontroll Parlamentari fuq tali eżekuzzjoni;

Isiru avvanzi fuq l-implimentazzjoni pilota tal-Karta Ewropea għal-Lingwi Minoritarji u Reġjonali f’7 lokalitajiet, bil-għan li jiġi ppreżentat lill-Parlament l-abbozz ta’ liġi dwar ir-ratifika tal-Karta;

Tkompli tiġi implimentata l-liġi dwar l-aċċess għall-informazzjoni;

Titlesta r-riforma tal-istituzzjoni tal-Ombudsman, billi tittejjeb il-Liġi dwar l-Ombudsman Nru 52 tat-3 ta’ April 2014, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja u d-dispożizzjoni finanzjarja skont il-Prinċipji ta’ Pariġi;

Jiġi żgurat it-tħaddim tal-Mekkaniżmu Nazzjonali ta’ Prevenzjoni kontra t-Tortura, f’konformità mal-paragrafu 3 tal-Artikolu 18 tal-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni Ewropea kontra t-Tortura u Trattament Krudili, Inuman jew Degradanti Ieħor;

Jiġi rratifikat il-Protokoll Nru 12 għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi, inkluża l-Liġi dwar l-Iżgurar tal-Ugwaljanza, kif ukoll tissaħħaħ il-kapaċità tal-Kunsill għall-Prevenzjoni u l-Eradikazzjoni tad-Diskriminazzjoni ("il-Kunsill tal-Ugwaljanza");

Jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-istrutturi tal-Kunsill tal-Ewropa u mill-esperti dwar il-konformità mal-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u jiġu implimentati bi qbil ma’ dawn l-istrutturi u mal-esperti;

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, inklużi l-Artikoli 12 (Għarfien ugwali quddiem il-liġi) u 14 (Libertà u sigurtà tal-persuna);

Titkompla d-deistituzzjonalizzazzjoni tat-tfal;

Jinżammu mekkaniżmi preġudizzjarji u mhux ġudizzjarji effettivi għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

Ikompli jingħata aċċess għal informazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u soluzzjonijiet legali adegwati; 

Ikunu promossi d-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-ġudikatura, fl-infurzar tal-liġi u fl-amministrazzjoni u titqajjem sensibilizzazzjoni dwarhom;

Tiġi implimentata l-Liġi tal-1994 dwar l-Istatus Awtonomu Legali Speċjali ta’ Gagauzia abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-2002 u tal-OSKE tal-2013;

Issir it-tranżizzjoni lejn it-trasferiment tar-responsabbiltà għaċ-ċentri ta’ detenzjoni qabel il-proċess mill-Ministeru tal-Affarijiet Interni u istituzzjonijiet oħrajn għall-Ministeru tal-Ġustizzja.

Il-libertà tal-espressjoni

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Titkompla l-ħidma fuq l-iżgurar tal-libertà tal-espressjoni u tal-indipendenza tal-midja, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Unjoni Ewropea u tal-OSKE;

Jitwaqqaf djalogu regolari sabiex jiġu skambjati l-aħjar prattiki dwar il-libertà tal-midja, il-pluraliżmu tal-midja, id-dekriminalizzazzjoni tad-difamazzjoni, il-protezzjoni tas-sorsi tal-ġurnalisti u d-diversità kulturali fil-midja;

Jiġi adottat Kodiċi Awdjoviżiv ġdid li jkun konformi għal kollox mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE u tal-KtE, f’konformità mal-abbozz tal-2011;

Jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-indipendenza sħiħa tax-Xandara Pubbliċi.



Il-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġu involuti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ min iħaddem u trejdjunjins, fil-ġbir tal-informazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki;

Tiġi adottata Strateġija għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili għall-perjodu 2017-2020.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi involuta dejjem aktar is-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, fil-proċess tal-abbozzar tal-liġijiet u ta’ dokumenti oħrajn dwar il-politika pubblika;

Jissaħħaħ il-qafas tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi;

Tissaħħaħ u tiġi promossa s-sostenibbiltà finanzjarja tas-soċjetà ċivili;

Jiġi żviluppat l-ispirtu tal-volontarjat u ċiviku attiv.

Trattament ħażin u tortura

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġi indirizzat b’mod effettiv kull trattament ħażin irrapportat ta’ detenuti minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, b’mod partikolari f’arrest preventiv;

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jiddaħħal fis-seħħ qafas politiku komprensiv għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-impunità abbażi tal-linji gwida dwar l-eradikazzjoni tal-impunità għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem (il-Kunsill tal-Ewropa, 2011).

Id-drittijiet tat-tfal

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni 2016-2020 dwar l-Istrateġija għall-Protezzjoni tat-Tfal għas-snin 2014-2020.

Il-vjolenza domestika

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv eżistenti dwar il-vjolenza domestika.

Trattament ugwali

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi żgurata l-armonizzazzjoni mal-istandards Ewropej fir-rigward tar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà, ir-regoli dwar il-liv tal-maternità u r-regoli dwar ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri u dawk professjonali;

Tiġi promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-ħajja pubblika u politika, u jitwettqu attivitajiet speċifiċi f’dawn l-oqsma.

Id-drittijiet tat-trejdjunjins u l-istandards ewlenin tax-xogħol

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tissokta l-ħidma sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tat-trejdjunjins u l-istandards ewlenin tax-xogħol jiġu rrispettati f’konformità mal-istandards Ewropej u mal-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (International Labour Organisation, ILO);

Isiru l-avvanzi fuq l-iżgurar tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol, b’enfasi partikolari fuq il-qgħad tan-nisa u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

Isir progress fl-indirizzar tat-tħaddim tat-tfal.



2.3    Il-politika estera u ta’ sigurtà

Id-djalogu u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) jimmiraw lejn konverġenza gradwali, inkluż fil-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK). B’mod partikolari, huma jindirizzaw il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-kwistjonijiet ta’ mmaniġġar tal-kriżijiet, l-istabbiltà reġjonali, id-diżarm, in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi u l-kontroll tal-esportazzjoni. Il-kooperazzjoni f’dan il-qasam se tkun imsejsa fuq valuri komuni u interessi reċiproċi u se jkollha l-għan li żżid l-armonizzazzjoni u l-effettività tal-politika, billi jsir użu minn fora bilaterali, internazzjonali u reġjonali. Hija se tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġi ffirmat il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Moldova dwar il-proċeduri tas-sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni kklassifikata.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tkompli tingħata promozzjoni lir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u lill-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali abbażi ta’ multilateraliżmu effettiv;

Tiġi żviluppata kooperazzjoni fuq is-sanzjonijiet tal-UE;

Jiġi promoss ir-rispett għall-prinċipji tas-sovranità u l-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri u l-indipendenza, kif stabbilit fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u fl-Att Finali tal-konferenza tal-OSKE f’Ħelsinki;

Tissaħħaħ il-kooperazzjoni prattika fuq il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-immaniġġar tal-kriżijiet, billi tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-Moldova fl-operazzjonijiet tal-immaniġġar militari u ċivili tal-kriżijiet immexxija mill-UE u jiġu pprovduti attivitajiet ta’ taħriġ u konsultazzjoni fil-qasam tal-PSDK (abbażi tal-Ftehim Qafas dwar il-Parteċipazzjoni fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2013 u l-qafas multilaterali tal-Bord għas-Sħubija tal-Lvant dwar il-PSDK).



It-terroriżmu, in-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva (AQM) u l-esportazzjonijiet illegali tal-armi

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tiġi skambjata informazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet u l-gruppi terroristiċi, l-attivitajiet tagħhom u n-netwerks ta’ appoġġ tagħhom, f’konformità mal-liġi internazzjonali u mal-leġiżlazzjoni mgħoddija mill-partijiet, inkluż permezz tal-ftehim ta’ kooperazzjoni strateġika u operazzjonali bejn il-Moldova u l-Europol;

Jiġi żgurat li l-liġi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tkun imsejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem u tiġi riveduta mill-Kummissjoni ta’ Venezja;

Ikun hemm kooperazzjoni fuq il-kontrolli doganali abbażi tar-riskji, li jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà tal-merkanzija li tiġi importata, esportata jew fi tranżitu;

Tingħata assistenza fil-prevenzjoni tat-terroriżmu.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Ikun hemm kooperazzjoni bil-għan li jissaħħaħ il-kunsens internazzjonali dwar il-ġlieda abbażi tad-drittijiet tal-bniedem kontra t-terroriżmu, inkluż dwar id-definizzjoni legali ta’ atti terroristiċi;

Ikompli jittejjeb il-qafas leġiżlattiv u regolatorju nazzjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’mod partikolari f’konformità mal-Konvenzjonijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tal-Ewropa, bħall-Konvenzjoni tal-2005 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (CETS 196) u l-Protokoll Addizzjonali tagħha u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska tal-Profitti minn Attività Kriminali u dwar l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu (CETS 198);

Issir enfasi aktar qawwija fuq l-għarfien u l-indirizzar tal-ixprunaturi tar-radikalizzazzjoni u tal-fatturi li jwasslu għal estremiżmu vjolenti;

Jiġu esplorati l-possibbiltajiet għal kooperazzjoni, inkluż dwar il-bini ta’ kapaċità, fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni (inkluż l-ajruport) u l-protezzjoni ta’ miri faċli;

Jiġu żviluppati modi ta’ ħidma flimkien fuq il-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi u l-qerda tal-ħażniet;

Jiġu żviluppati modi ta’ ħidma flimkien u skambju ta’ informazzjoni dwar is-sejbien u t-traċċar ta’ armi illegali;

Ikun hemm kooperazzjoni fuq u kontribut għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-materjali relatati, kif ukoll il-mezzi ta’ kunsinna tagħhom, permezz ta’ konformità sħiħa ma’ u l-implimentazzjoni nazzjonali tal-obbligi attwali tal-partijiet skont it-trattati u l-ftehimiet internazzjonali dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni u obbligi internazzjonali rilevanti oħrajn;

Titwaqqaf sistema effettiva ta’ kontroll nazzjonali tal-esportazzjoni u t-tranżitu ta’ merkanzija relatata mal-AQM, inkluż kontroll tal-użu finali tal-AQM fuq teknoloġiji b’użu doppju, b’pieni effettivi għall-ksur tal-kontrolli tal-esportazzjoni;

Jiġi indirizzat il-kummerċ illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, inkluż il-munizzjon tagħhom, skont il-ftehimiet internazzjonali attwali u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll l-impenji skont strumenti internazzjonali oħrajn applikabbli f’dan il-qasam;

Tissokta l-kooperazzjoni fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi konvenzjonali, fid-dawl tal-pożizzjoni komuni tal-UE fuq il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari.

Il-kunflitt Transnistrijan

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tinżamm il-funzjonalità tal-pjattaformi ta’ djalogu u l-formati tan-negozjati kollha eżistenti, maħsuba sabiex jidentifikaw is-soluzzjonijiet vijabbli għall-problemi li qegħdin jiffaċċjaw in-nies fuq iż-żewġ naħat tax-xmara Nistru u sabiex jissolva b’mod paċifiku u komprensiv il-kunflitt Transnistrijan abbażi tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Moldova fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment bi status legali speċjali għar-reġjun Transnistrijan;

Tiġi żviluppata viżjoni mtejba fuq is-soluzzjoni tal-kunflitt Transnistrijan li tipproponi futur komuni attraenti u aċċettabbli b’mod reċiproku għaż-żewġ naħat f’pajjiż integrat mill-ġdid;

Tinżamm kooperazzjoni effettiva bejn l-UE u l-Moldova dwar is-soluzzjoni tal-kunflitt Transnistrijan u tingħata promozzjoni lill-miżuri li jibnu l-fiduċja, fil-formati miftiehma, inklużi konsultazzjonijiet dwar l-arranġamenti fil-fażi ta’ wara s-soluzzjoni;

Jissaħħaħ id-djalogu, bil-għan li jiġu spjegati l-benefiċċji tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tiġi żgurata l-applikabbiltà tiegħu fit-territorju kollu tal-Moldova, filwaqt li jittieħdu miżuri sabiex tiġi legalizzata l-attività tal-operaturi ekonomiċi mix-xatt tax-xellug tax-xmara Nistru;

Jissokta d-djalogu kostruttiv relatat mas-sitwazzjoni fis-segment ċentrali (Transnistrija) tal-fruntiera bejn il-Moldova u l-Ukraina mal-kontropartijiet rilevanti kollha.

Il-Qorti Kriminali Internazzjonali

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġu implimentati l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-istrumenti relatati miegħu, b’kont dovut għall-preservazzjoni tal-integrità tiegħu.



2.4    Kooperazzjoni fuq il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja

Il-Moldova hija mistennija li tissodisfa kontinwament ir-rekwiżiti stabbiliti fl-erba’ Blokki tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża tas-16 ta’ Diċembru 2010. L-implimentazzjoni effettiva u sostenibbli tal-punti ta’ riferiment kollha inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni, inklużi dawk fil-Blokk 3 (L-Ordni Pubbliku u s-Sigurtà), hija essenzjali sabiex tinżamm is-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża mal-UE. F’konformità mal-Ftehim rivedut il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża 1 , l-ivvjaġġar mingħajr viża jista’ jkun sospiż f’każijiet fejn xi parametru referenzjarju wieħed jew aktar ma jkunx issodisfat aktar. Fil-każ ta’ tħassib ġustifikat dwar l-issodisfar ta’ punti ta’ riferiment konkreti tal-Pjan ta’ Azzjoni, il-Moldova se tipprovdi, b' talba, informazzjoni lill-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, il-Partijiet jieħdu nota xierqa tar-rakkomandazzjonijiet miksuba wara l-missjonijiet ta’ Reviżjoni bejn il-Pari organizzati fl-2015 u fl-2016, maħsuba biex jivvalutaw is-setturi tal-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fil-Moldova. F’dan ir-rigward, il-Moldova qed timpenja ruħha li tuża dawk ir-rakkomandazzjonijiet, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet l-oħrajn tal-UE, kif ukoll ma’ rakkomandazzjonijiet oħrajn ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, għall-iżvilupp tad-dokumenti ta’ politika wara l-2016 fil-qasam tal-ġustizzja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll tad-dokument ta’ politika wara l-2017 fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

Barra minn hekk, il-partijiet se jaħdmu flimkien fl-oqsma li ġejjin:

Il-protezzjoni tad-dejta personali

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tkompli l-armonizzazzjoni tal-qafas legali nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta personali mal-liġi tal-UE b’enfasi partikolari fuq ir-Regolament 2016/679 (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-dejta);

Titkompla l-implimentazzjoni tal-qafas legali dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fis-setturi kollha sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta f’konformità mal-istandards u l-istrumenti Ewropej;

Ikompli jissaħħaħ il-bini tal-kapaċità taċ-Ċentru Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Dejta Personali.



Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġu definiti u maqsuma f’termini ċari x’inhuma l-kompetenzi u s-setgħat tal-pulizija li jridu jiġu implimentati għall-fini tal-ġbir ta’ intelligence u l-ġbir u l-użu ta’ evidenza (forensika);

Tinħoloq u tittejjeb b’mod effettiv sistema ta’ investigazzjonijiet finanzjarji li tiffoka fuq it-tiftix, il-qabda u l-konfiska ta’ assi li joriġinaw mill-kriminalità organizzata.

Prijoritajiet fuq terminu medju taż-żmien

Jiġi implimentat il-kunċett ta’ attivitajiet tal-pulizija bbażati fuq l-intelligence li jirrikjedu sistema żviluppata sewwa ta’ analiżi u ġestjoni tat-theddid u tar-riskji (metodoloġija tal-EUROPOL applikata fil-kuntest tas-SOCTA ta’ din l-aġenzija). Jiġu inklużi l-iżvilupp taż-żamma tal-ordni fil-komunità u l-użu tal-Mezzi ta’ Investigazzjoni Speċjali (Special Investigation Means, SIMs).

Issir ħidma flimkien sabiex jiġi żgurat użu usa’ u gradwali tal-għodod u s-servizzi rilevanti tal-Interpol.



Riforma fil-Pulizija

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġi ffinalizzat it-twaqqif ta’ organizzazzjoni tal-pulizija responsabbli, kredibbli u effettiva, integrata fil-Ministeru tal-Affarijiet Interni. It-tmexxija politika tal-Ministeru se tkun ristretta għall-istabbiliment tal-prijoritajiet strateġiċi u l-politiki wiesgħa tal-forzi tal-pulizija. Ma jeżisti ebda dritt ta’ inġunzjoni (la pożittiv u lanqas negattiv) fir-rigward tal-attivitajiet operazzjonali tal-forzi tal-pulizija;

Tiġi rrinforzata l-akkontabilità u tissaħħaħ l-indipendenza tal-pulizija;

Jitwaqqaf korp indipendenti (pereżempju; Kummissjoni parlamentari), li jittratta b’mod adegwat id-dgħufijiet strutturali (każijiet ta’ vjolenza mill-pulizija, frodi, korruzzjoni u oħrajn) tal-pulizija.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tkompli l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Iżvilupp tal-Pulizija 2016-2020, b’enfasi partikolari fuq il-modernizzazzjoni ta’ (a) l-Immaniġġar tar-Riżorsi Umani, (b) it-tekniki tal-immaniġġar u (c) il-kapaċitajiet operazzjonali (ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fit-trattament mad-detenuti mill-pulizija; l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet effettivi mal-pubbliku ġenerali; l-aġġornar tal-ambjent tal-ICT; it-titjib tal-kapaċitajiet tal-investigazzjoni fuq il-post tad-delitt u l-iżvilupp ulterjuri tal-istrateġija kontra l-korruzzjoni) tal-forzi tal-pulizija;

Tiġi adottata Strateġija ta’ Żvilupp għat-truppi tal-Carabinieri u jiġi żgurat il-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija;

Titwaqqaf sistema effettiva ta’ protezzjoni tax-xhieda (unità speċjalizzata) u jiġu offruti l-garanziji meħtieġa lix-xhieda sabiex ikunu protetti minn intimidazzjoni u theddid fiżiku;

Tiġi promossa kultura ta’ integrità u valuri etiċi fil-Ministeru tal-Affarijiet Interni u l-Pulizija. Jiġu żviluppati regoli u standards ta’ kondotta għall-prevenzjoni u s-sanzjonar b’mod effettiv ta’ għemil ħażin tal-pulizija. Jitwaqqfu għodod li jivvalutaw l-effikaċja u l-effettività tal-attivitajiet tal-pulizija;

Jitwaqqaf Ċentru Konġunt ta’ Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (Joint Law Enforcement Training Centre - JLETC) sabiex jiġi żgurat taħriġ fuq il-post tax-xogħol adegwat, bażiku u speċjalizzat, inkluż taħriġ speċjalizzat ħafna, fejn meħtieġ. Abbażi tal-Arranġament ta’ Ħidma tal-2012 bejn il-Moldova u l-Akkademja tal-Pulizija tal-UE (CEPOL), il-JLETC se jiżviluppa relazzjoni operazzjonali mill-qrib mas-CEPOL;

Jittejbu l-kundizzjonijiet tal-kustodja fil-Pulizija;

Jiżdied ir-rispons ta’ reazzjoni rapida.



Il-kooperazzjoni u l-bażijiet ta’ dejta tal-pulizija

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tkompli tiġi żviluppata l-bażi ta’ dejta ċentralizzata awtomatizzata dwar l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet (sistemi elettroniċi nazzjonali għall-ġestjoni tal-każijiet), sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ duplikazzjoni tal-każijiet kriminali u nuqqas ta’ tqabbil tal-każijiet li ta’ spiss ikollhom ambitu ġeografiku kbir jew saħansitra ambitu internazzjonali. Idealment, sistema bħal din jinħtieġ li tkopri l-aspetti kollha tal-katina tal-investigazzjoni / prosekuzzjoni, inkluża informazzjoni dwar l-irkupru, l-iffriżar u l-konfiska tal-assi;

Ikompli jittejjeb l-istrument tal-istatistika nazzjonali fis-seħħ għall-kejl tar-rata tal-kriminalità u tar-rata tal-ikklirjar. Jinħtieġ li jintuża b’mod effettiv bħala għodda għall-immaniġġar fl-iżvilupp ta’ prijoritajiet politiċi ġodda.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jiġi żgurat li taħt struttura amministrattiva unika (Punt Uniku ta’ Kuntatt, Single Point of Contact - SPOC), l-unitajiet ċentrali għall-kooperazzjoni tal-pulizija internazzjonali (l-Unità Nazzjonali tal-Europol, l-uffiċċju SIRENE, l-Uffiċċju Ċentrali Nazzjonali tal-Interpol) ikollhom aċċess għall-bażijiet ta’ dejta nazzjonali u internazzjonali rilevanti;

Jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-iskambju tad-dejta bejn il-Moldova u l-Europol (b’mod kwalitattiv u kwantitattiv) f’każijiet kriminali transfruntiera.

L-indirizzar tad-drogi illeċiti

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Il-parteċipazzjoni fin-netwerk Ewropew ta’ informazzjoni dwar id-drogi u d-dipendenza fuq id-droga (Reitox) taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction, EMCDDA) u l-laqgħat mal-esperti rilevanti organizzati mill-EMCDDA;

Tiġi implimentata allokazzjoni ċara tal-kompiti u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għat-tnaqqis tad-domanda għad-droga, kif ukoll bejn l-awtoritajiet involuti fit-tnaqqis tal-provvista tad-droga.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi estiża l-koordinazzjoni għall-aspetti kollha tal-politika dwar id-droga, inklużi aspetti soċjali u tas-saħħa pubblika, miżuri ta’ infurzar, kooperazzjoni internazzjonali u politika dwar iż-żgħażagħ;

Jiġi approvat u implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali 2017-2018 għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali Kontra d-Droga għas-snin 2011-2018.



It-traffikar tal-bnedmin

Tiġi approvata u implimentata l-Istrateġija Nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-Traffikar tal-bnedmin għas-snin 2017-2022, li se tkopri wkoll is-sistema nazzjonali ta’ riferiment.

Jiġi ssimplifikat aktar il-fluss ta’ informazzjoni billi jittejbu l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Europol u l-unitajiet multidixxiplinarji nazzjonali Moldovani għall-infurzar tal-liġi, kif ukoll bejn l-unitajiet multidixxiplinarji nazzjonali Moldovani għall-infurzar tal-liġi nfushom;

Jiġi żgurat il-bini ta’ kapaċità fl-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni mal-aġenziji tal-UE fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.

Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal

Tissaħħaħ il-kapaċità tal-unità investigattiva rilevanti sabiex tipprova tidentifika t-tfal vittmi ta’ abbuż sesswali, b’mod partikolari l-pornografija tat-tfal;

Jitwaqqfu strutturi sabiex issir valutazzjoni individwali ta’ kull persuna minorenni partikolari vittma ta’ abbuż sesswali bil-għan li jiġu stabbiliti assistenza u appoġġ speċifiċi;

Jiġi previst rappreżentant speċjali għat-tfal vittmi ta’ abbuż sesswali, fejn id-detenturi ta’ responsabbiltà ta’ ġenituri jiġu preklużi milli jirrappreżentaw lill-persuna minorenni minħabba kunflitt ta’ interess, jew meta l-persuna minorenni ma tkunx akkumpanjata jew tkun mifruda mill-familja;

Isiru disponibbli miżuri ta’ intervent xierqa jew programmi li jiġġestixxu r-riskju individwali marbut mat-trasgressuri kkundannati kollha għal abbuż jew sfruttament sesswali tat-tfal.



Il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-EC3 (Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità) tal-Europol.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Isir investiment fil-bini ta’ kapaċità (inkluż tal-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali), l-għarfien u l-ispeċjalizzazzjoni fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, billi titqies ukoll ir-rabta mal-indirizzar tat-theddid ibridu (azzjonijiet ta’ ċiberkriminalità mfassla apposta, programmi bilaterali tal-ġustizzja / pulizija);

Tissaħħaħ il-kooperazzjoni sabiex jiġu miġġielda ċ-ċiberkriminalità u l-isfruttament sesswali tat-tfal permezz tal-allinjament tal-prijoritajiet u s-simplifikazzjoni tal-komunikazzjoni.

Jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni, speċifikament fuq il-protezzjoni tal-infrastrutturi kritiċi;

Tiżdied il-kooperazzjoni sabiex jittejbu r-reżiljenza ċibernetika u l-istat ta’ tħejjija; jitwaqqfu Skwadri ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters (Computer Emergency Response Teams, CERTs), jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ Strateġija Nazzjonali taċ-Ċibersigurtà u jiġu promossi l-isħubiji pubbliċi-privati;

Issir ħidma flimkien sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja ċibernetika tal-OSKE, li għandhom l-għan li jżidu t-trasparenza u l-kooperazzjoni fil-livelli reġjonali u subreġjonali;

Tiġi implimentata l-Konvenzjoni ta’ Budapest, b’mod partikolari fir-rigward tal-liġi proċedurali għall-fini ta’ investigazzjonijiet domestiċi, kooperazzjoni pubblika-privata u kooperazzjoni internazzjonali.



Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kunflitt ta’ interess

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tiġi adottata Liġi dwar l-Integrità li tkun tikkomprendi s-settur tal-Amministrazzjoni Pubblika, f’konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

Tiġi implimentata l-liġi li titlob lill-uffiċjali rilevanti kollha jipprovdu dikjarazzjonijiet tal-assi u jirrapportaw dwar il-kunflitti ta’ interess potenzjali, kif ukoll tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-proċedura ta’ infurzar. Jinħtieġ li l-korrettezza tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tal-assi / kunflitti ta’ interess potenzjali jiġu vvalutati mill-Awtorità Nazzjonali għall-Integrità (National Integrity Authority, NIA) u jinħtieġ li l-investigazzjoni kriminali relatata titwettaq mill-NAC. Jinħtieġ li l-valutazzjonijiet jiġu prijoritizzati b’mod adegwat, b’enfasi primarja fuq dikjarazzjonijiet ta’ livell għoli, inkluż minn imħallfin u prosekuturi;

Jiġi żgurat segwitu suffiċjenti fuq dikjarazzjonijiet suspettużi u jiġu applikati sistematikament is-sanzjonijiet (multi, miżuri dixxiplinarji u oħrajn) fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet foloz, dikjarazzjonijiet li jsiru tard jew in-nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-assi. L-oneru tal-prova dwar l-oriġini tal-flus jew tal-assi jrid ikun fuq l-uffiċjal. Ikomplu jsiru dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-assi;

Jiġu adottati liġijiet dwar sanzjonijiet dissważivi proporzjonali għall-korruzzjoni u dwar il-limitazzjoni tal-immunitajiet fi proċedimenti kriminali u amministrattivi;

Tiġi adottata u tibda tiġi implimentata b’mod effettiv l-Istrateġija Ġdida Kontra l-Korruzzjoni bħala strument strateġiku maħsub biex jipprevjeni u jnaqqas il-korruzzjoni, f’konformità mal-valuri u l-istandards tal-UE. Jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Grupp ta’ Monitoraġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament u mas-soċjetà ċivili;

Jiġu żgurati kooperazzjoni effettiva ma’ u assistenza lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE rilevanti, inkluż l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għall-verifiki u l-ispezzjonijiet fil-post relatati mal-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi tal-UE, li jridu jiġu pprovduti f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jittejjeb il-mekkaniżmu għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni bejn l-aġenziji kontra l-korruzzjoni, bħal NAC, NIA, il-Prosekutur Ġenerali, is-Servizz tal-MIA għall-Protezzjoni Interna u l-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u s-Servizz tal-Intelligence u s-Sigurtà;

Jiġi stabbilit mekkaniżmu effettiv ta’ koordinazzjoni fil-finanzjament tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kontra l-ħasil tal-flus u kontra t-terroriżmu fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika fil-livell governattiv;

Jiġu żviluppati mekkaniżmi trasparenti, meritokratiċi u professjonali għall-ħatriet fi ħdan il-Kunsill għall-Integrità, jiġifieri spetturi tal-integrità u l-ġestjoni tal-Awtorità Nazzjonali għall-Integrità, sabiex jiżguraw li l-Awtorità Nazzjonali għall-Integrità tkun indipendenti u ħielsa minn kull influwenza politika. Jiġi żgurat li l-Awtorità Nazzjonali għall-Integrità jkollha aċċess għar-reġistri meħtieġa, inklużi r-rekords privati u statali kollha, sabiex tiġi żgurata l-verifika effiċjenti tal-ġid u tal-interessi personali. Tiġi żgurata r-rappreżentanza tas-soċjetà ċivili fil-Kunsill tal-Integrità;

Jissaħħaħ ir-rwol tal-NAC fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni bil-għan li jiġu prodotti riżultati konkreti. Jiġi żgurat li hija jkollha baġit u persunal suffiċjenti, responsabbiltajiet ċari, kompetenzi suffiċjenti u l-awtonomija meħtieġa u li tkun protetta minn kull influwenza politika żejda u tikkoopera tajjeb ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi involuti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, speċjalment l-uffiċċju tal-prosekuzzjoni kontra l-korruzzjoni.

Tkompli titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-forom u t-tipi differenti ta’ korruzzjoni u dwar kif dawn jistgħu jiġu evitati. Jinħtieġ li l-kampanji ta’ informazzjoni jsiru fuq bażi regolari. L-għodod u l-istrateġiji ta’ komunikazzjoni għandhom jitfasslu apposta għall-udjenza kkonċernata u l-effett tagħhom għandu jiġi evalwat regolarment;

Tittejjeb is-sistema għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ uffiċjali ta’ livell għoli għal każijiet ta’ korruzzjoni, sabiex b’hekk tiġi żgurata t-trasparenza u imparzjalità tal-proċedimenti ġudizzjarji permezz ta’, fost l-oħrajn, il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għal kopertura miftuħa tal-midja. F’dan ir-rigward, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħidma tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Kontra l-Korruzzjoni jiġi limitat għall-korruzzjoni ta’ livell għoli u jissaħħu l-kapaċitajiet tiegħu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta’ livell għoli;

Jinkisbu riżultati aktar tanġibbli fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni billi jittejjeb ir-rekord tal-awtoritajiet li jiġġieldu l-korruzzjoni permezz ta’ sanzjonijiet aktar effettivi u sentenzi reali, speċjalment kontra uffiċjali ta’ livell għoli;

Jiġi żviluppat u jittejjeb qafas leġiżlattiv koerenti u komprensiv sabiex jippromwovi l-integrità fis-settur pubbliku;

Jiġu investigati bir-reqqa l-frodi bankarji, bil-għan li jiġu rkuprati l-flus iddevjati u jiġi rrapportat regolarment il-progress fl-investigazzjoni b’mod trasparenti;

Jiġi kondiviż ir-rapport ta’ Kroll tat-tieni fażi mal-UE;

Tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-sistema ta’ integrità elettronika mar-rekords privati u statali kollha meħtieġa għall-verifika effiċjenti tal-ġid u tal-interessi personali;

Tiġi żgurata tranżizzjoni gradwali għas-sottomissjoni onlajn tad-dikjarazzjonijiet;

Tissaħħaħ is-sistema tal-awtovalutazzjoni perjodika kontra l-korruzzjoni.



Il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tallinja l-leġiżlazzjoni mar-Raba' Direttiva dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

Jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-liberalizzazzjoni tal-kapital u s-stimulazzjoni fiskali, kif ukoll dwar il-modifikazzjoni u t-tlestija ta’ atti leġiżlattivi, hija kompatibbli mal-impenji tal-Moldova skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

Jiżdiedu l-kapaċitajiet tekniċi u operazzjonali tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja sabiex jiġu implimentati b’mod effettiv il-kompiti kollha fil-qasam tal-AML / tas-CFT, speċjalment fil-qasam tat-titjib tal-intelligence finanzjarja;

Jinħtieġ li l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja tindirizza dejjem aktar u b’mod proattiv l-allegazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, billi tibda b’dawk il-korpi taħt l-obbligu ta’ rapportar li sistematikament jirrapportaw tranżazzjonijiet suspettużi, li jinħtieġ li jiġu sanzjonati jekk jonqsu milli jirrapportaw;

Tissaħħaħ is-sistema tal-iffriżar preventiv billi l-entitajiet tar-rapportar rilevanti jingħataw is-setgħa li jissospendu t-tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi;

Jitwaqqaf Servizz nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi, li jippromwovi, permezz ta’ kooperazzjoni mtejba, l-aktar traċċar rapidu possibbli madwar l-UE kollha ta’ assi derivati mill-kriminalità.

 Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi implimentata politika / strateġija ġenerali ta’ kriminalità finanzjarja u investigazzjonijiet finanzjarji, li tkun tkopri l-awtoritajiet rilevanti kollha, inkluża l-prosekuzzjoni, immirata biex tħaffef l-investigazzjonijiet twal u kumplessi fil-qasam tal-kriminalità finanzjarja. Jiġi inkluż kunċett ta’ investigazzjonijiet finanzjarji u ħidma tal-pulizija mmexxija mill-intelligence fl-istrateġija, sabiex jiġu permessi miżuri ta’ infurzar proattiv abbażi tal-analiżi tad-dejta;

Jittejjeb u jiġi implimentat qafas leġiżlattiv robust għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu skont ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u r-rakkomandazzjonijiet tal-FATF u f’konformità mar-riżultati tal-evalwazzjonijiet reċiproċi fil-qafas ta’ Moneyval;

Tiġi implimentata leġiżlazzjoni robusta u ambizzjuża dwar il-qabda u l-konfiska tal-assi, li tmur lil hinn mill-istandards minimi stabbiliti fil-livell tal-UE u b’hekk tinkludi wkoll, pereżempju, dispożizzjonijiet dwar konfiska mingħajr kundanna kriminali (jew ċivili).

Tittejjeb il-kooperazzjoni operazzjonali fuq il-konfiska, l-irkupru u l-immaniġġar tal-assi permezz ta’ komunikazzjoni effettiva u skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi tal-Moldova u l-UE;

Tittejjeb il-kooperazzjoni operazzjonali bejn is-servizzi u l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja, tal-pulizija, tal-ispezzjoni finanzjarja, fiskali u doganali permezz ta’ interoperabbiltà u skambji ta’ dejta (pereżempju, abbażi ta’ ftehimiet imfassla apposta dwar l-iskambju tad-dejta). Jinħtieġ li jinħatru uffiċjali ta’ kollegament bejn is-servizzi sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni operazzjonali. Jinħtieġ li jiġu kkunsidrati l-iskambji temporanji ta’ persunal għall-finijiet ta’ taħriġ;

F’kooperazzjoni maċ-Ċentru Konġunt ta’ Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (cf. supra), jiġu stabbiliti kurrikuli ta’ taħriġ bi proċess ċar ta’ akkreditazzjoni għall-investigaturi u l-analisti fil-qasam tal-kriminalità finanzjarja u l-kollegi minn oqsma oħrajn jiġu permessi u mħeġġa jipparteċipaw f’taħriġ fuq l-investigazzjonijiet finanzjarji. Jinħtieġ li l-importanza tal-investigazzjonijiet finanzjarji tkun debitament riflessa fit-taħriġ tal-investigaturi, tal-prosekuturi u tal-imħallfin;

Jiġu żviluppati l-gwida u l-istruzzjonijiet għall-korpi taħt obbligu ta’ rapportar li jirrapportaw sistematikament tranżazzjonijiet suspettużi sabiex itejbu l-effettività tal-implimentazzjoni tal-Leġiżlazzjoni Nazzjonali Kontra l-Ħasil tal-Flus u Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu.

Kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, l-ażil u l-ġestjoni tal-fruntieri

Il-Migrazzjoni u l-Ażil

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Titkompla l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u l-Moldova u tkompli tiġi pprovduta assistenza għar-riintegrazzjoni taċ-ċittadini Moldovani;

Tkompli tiġi pprovduta informazzjoni li jkollha l-għan li tikkjarifika d-drittijiet u l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr viża, inkluża informazzjoni dwar ir-regoli li jirregolaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-UE (inkluż minn fuq il-portal tal-UE dwar l-immigrazzjoni), dwar il-qafas tal-UE dwar il-migrazzjoni legali (Direttivi dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi) u dwar ir-responsabbiltà għal abbuż tad-drittijiet skont is-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża, kif ukoll dwar id-drittijiet u l-obbligi li jappartjenu għas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri tal-UE;

Tkompli tiġi żviluppata kooperazzjoni prattika fil-qafas tas-Sħubija għall-Mobbiltà bejn l-UE u l-Moldova.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi promossa u tittejjeb il-kooperazzjoni fi ħdan is-Sħubija għall-Mobbiltà bejn l-UE u l-Moldova permezz tal-parteċipazzjoni attiva tal-EUMS b’attenzjoni speċjali fuq il-migrazzjoni u l-iżvilupp;

Jissaħħu l-infrastruttura eżistenti (inklużi ċ-ċentri ta’ detenzjoni) u l-persunal tal-korpi responsabbli sabiex jiġi żgurat ir-ritorn effettiv ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu u/jew fi tranżitu illegali mit-territorju tal-Moldova, jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti f’detenzjoni amministrattiva u jiġi żviluppat il-qafas tal-integrazzjoni;

Tissaħħaħ l-attività tal-Uffiċċju għall-migrazzjoni u l-ażil, bħala l-attur ewlieni fis-sistema tal-ġestjoni tal-flussi migratorji u tal-kontabilità, billi: (1) jissaħħu l-qafas legali, il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza u d-dokumentazzjoni tal-persuni barranin, (2) jissaħħu s-servizzi reġjonali fil-ġlieda kontra s-soġġorn illegali tal-persuni barranin u fl-għadd tal-persuni barranin, (3) tittejjeb l-infrastruttura, kif ukoll, jiġu allokati r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa;

Tkompli tissaħħaħ is-sistema ta’ ġbir u analiżi tad-dejta dwar il-flussi migratorji u l-ażil billi jiġi aġġornat il-Profil tal-Migrazzjoni Estiż u jkomplu jitfasslu r-rapporti ta’ evalwazzjoni u analiżi tar-riskji dwar il-migrazzjoni u l-ażil;

Tkompli l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni dwar l-ażil, li tipprovdi qafas solidu għall-protezzjoni ta’ dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, filwaqt li tissaħħaħ l-infrastruttura taċ-Ċentru ta’ Akkomodazzjoni;

Jingħata taħriġ lill-impjegati taċ-ċivil, l-impjegati tal-MIA, l-imħallfin u l-maġistrati dwar l-ażil u l-migrazzjoni;

Jiġi segwit approċċ integrat fil-qasam tad-dijaspora u jiġu kkonsolidati l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u nazzjonali dwar materji relatati mad-dijaspora;

Jiġu żviluppati mezzi aktar effettivi għall-promozzjoni tal-migrazzjoni ċirkolari.

Il-ġestjoni tal-fruntieri

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tkompli tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri u tinżamm il-kwalità għolja ta’ kontrolli fuq il-fruntieri u sorveljanza tal-fruntieri, kif ukoll jiġu estiżi u mtejba l-faċilitajiet fissi u mobbli ta’ sorveljanza bil-vidjo;

Tiżdied il-ġestjoni konġunta tal-fruntieri fil-fruntiera bejn l-UE u l-Moldova.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Ikomplu jiġu pprovduti infrastruttura adegwata, tagħmir tekniku, sistemi tal-IT u riżorsi umani u finanzjarji, f’konformità mal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni għal Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (IBM) tal-Moldova.

Tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (FRONTEX);

Jiġu implimentati inizjattivi ta’ kooperazzjoni transfruntiera u tiġi kkonsolidata l-kollaborazzjoni mal-Istati Membri tal-UE bil-għan li jikkontribwixxu sabiex jarrikkixxu u jkabbru l-Istampa ta’ Intelligence Prefruntiera Komuni ta’ EUROSUR ġestita mill-FRONTEX permezz tal-konnessjoni tal-Moldova mal-EUROSUR billi jittwaqqaf netwerk reġjonali mar-Rumanija u pajjiżi oħra fir-reġjun;

Tittejjeb l-istampa tas-sitwazzjoni fil-livell lokali u nazzjonali billi jissaħħu l-analiżi tar-riskji, l-analiżi tal-informazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-imsieħba nazzjonali u internazzjonali.

Kooperazzjoni legali

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmiwn

Tiżdied il-kooperazzjoni bejn il-Moldova u l-Eurojust (b’mod kwalitattiv u kwantitattiv) f’każijiet kriminali transfruntiera;

Tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali billi:

–Jiġu aderiti u implimentati konvenzjonijiet multilaterali dwar kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili u b’mod partikolari l-Konvenzjoni tal-1970 dwar it-Teħid ta’ Evidenza Barra mill-Pajjiż f’Materji Ċivili jew Kummerċjali;

–Jiġu aderiti u implimentati konvenzjonijiet multilaterali dwar il-protezzjoni tat-tfal, speċjalment, il-Konvenzjonijiet tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fil-qasam tal-liġi tal-familja;

–Titħejja t-triq għall-adeżjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, b’mod partikolari billi jiġu vvalutati l-kapaċitajiet u r-riżorsi nazzjonali;

Tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali billi jiġu aderiti u implimentati l-konvenzjonijiet rilevanti, speċjalment dawk tal-Kunsill tal-Ewropa.



2.5    Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ (DCFTA)

Iż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva tirrappreżenta parti estensiva mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Għalhekk, huwa mistenni li l-implimentazzjoni ta’ din il-parti, li tinsab fit-Titolu V (Il-Kummerċ u materji relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim, tingħata livell ta’ prijorità proporzjonat mal-importanza tagħha fil-kuntest globali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u fil-qafas tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova.

Kummerċ ta’ merkanzija

Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-prodotti, inkluża l-enerġija, b’mod partikolari permezz ta’ konsultazzjonijiet konġunti, sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Isir aktar titjib fil-qasam tal-kummerċ u tiġi pprovduta statistika tal-bilanċ sabiex il-partijiet ikunu jistgħu japplikaw b’mod korrett il-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni;

Ikun hemm kooperazzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għat-titjib tal-kompetittività tal-Moldova;

Tiġi skambjata informazzjoni dwar l-iżviluppi relatati mal-aċċess għas-suq fil-Moldova u l-politika tagħha dwar l-aċċess għas-suq;

Jiġu implimentati miżuri li jtejbu l-klima tan-negozju għall-operaturi tan-negozju fil-kummerċ.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiżdied il-kapaċità tal-esportazzjoni tal-Moldova, inkluż permezz tat-tnedija ta’ skemi (għotja) ta’ appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju għall-iżvilupp tal-esportazzjoni ta’ kumpanija individwali;

Tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Moldova fil-proċess tat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tista’ tkun meħtieġa sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tad-DCFTA;

Tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-enerġija relatati mal-kummerċ;

Jiġu implimentati l-elementi tal-esportazzjoni 2018-2020 tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Attrazzjoni tal-Investiment u l-Promozzjoni tal-Esportazzjoni (National Strategy for Investment Attraction and Export Promotion, NSIAEP) għall-perjodu 2016-2020, inkluża reviżjoni ta’ nofs it-terminu ta’ din l-istrateġija fl-2018.



Regolamenti tekniċi, l-istandardizzazzjoni u l-infrastruttura relatata

Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex jiksbu konformità mar-regolamenti tekniċi tal-UE, l-istandardizzazzjoni, il-metroloġija, l-akkreditazzjoni, il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità u s-sistema tas-sorveljanza tas-suq kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u b’mod aktar speċifiku fil-parti tiegħu dwar id-DCFTA.

It-tħejjijiet se jinkludu ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tiġi skambjata informazzjoni dwar l-issodisfar tal-impenji sabiex tiġi approssimata l-leġiżlazzjoni domestika għall-acquis tal-Unjoni, kif speċifikat fl-annessi rilevanti għall-Ftehim, u dwar l-infurzar tagħha;

Jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi tal-korpi, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji governattivi rilevanti.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi żviluppata infrastruttura relatata mal-amministrazzjoni tar-regolamenti tekniċi, l-istandardizzazzjoni, il-metroloġija, l-akkreditazzjoni, il-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità u s-sistema tas-sorveljanza tas-suq, inkluż il-ħolqien ta’ sistema ta’ informazzjoni nazzjonali;

Tiġi żviluppata jew tittejjeb il-kooperazzjoni u, fejn ikun meħtieġ, tinkiseb sħubija f’organizzazzjonijiet internazzjonali u tal-UE rilevanti bħal EURAMET, EA, CEN, CENELAC, ETSI, WELMEC;

Tiġi skambjata informazzjoni dwar aspetti rilevanti oħrajn tal-pjanijiet tal-Moldova fil-qasam tal-ostakoli tekniċi għall-kummerċ u l-perjodi ta’ żmien applikabbli;

Titfassal u tiġi implimentata, f’kooperazzjoni mal-korpi rappreżentattivi tas-settur privat tal-Moldova, Kampanja/Azzjoni ta’ konsultazzjoni, konsulenza u informazzjoni fil-fond bil-għan li l-komunità tan-negozju tal-Moldova tiġi megħjuna tifhem aħjar ir-regoli tal-UE dwar il-prodotti u r-rekwiżiti għat-tqegħid tal-prodotti fis-suq;

Ikun hemm kooperazzjoni fil-proċess ta’ tħejjija għall-Ftehim dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni (Agreement on Conformity Assessment and Acceptance, ACAA) ta’ Prodotti Industrijali.



Miżuri sanitarji u fitosanitarji (sanitary and phytosanitary, SPS)

Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex iġibu l-istandards sanitarji u fitosanitarji għall-ikel u l-għalf u l-leġiżlazzjoni u l-prassi fis-saħħa tal-pjanti u s-saħħa u l-benesseri tal-annimali applikabbli fil-Moldova f’konformità eqreb ma’ dawk tal-UE, kif stabbilit fl-annessi rilevanti għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tiġi ssimplifikata ċ-ċertifikazzjoni tal-importazzjoni/esportazzjoni ta’ prodotti agroalimentari;

Tiġi żviluppata u implimentata l-Istrateġija tas-Sikurezza Alimentari għall-perjodu 2017-2022;

Tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Nazzjonali tas-Sikurezza Alimentari u l-Ministeru tal-Agrikoltura sabiex jitħejjew u jiġu implimentati riformi leġiżlattivi fil-qasam tal-SPS;

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva billi jingħata taħriġ lill-persunal fil-korpi u l-aġenziji eżekuttivi u governattivi responsabbli sabiex iħejju u jimplimentaw leġiżlazzjoni konformi mal-liġi tal-UE;

Jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni ma’ aġenziji, negozji u NGOs relatati dwar ir-rekwiżiti għall-aċċess għas-suq tal-UE u mas-soċjetà ċivili dwar l-aspetti tal-konsumaturi fis-sikurezza tal-ikel u l-għalf (RASFF);

Tinkiseb l-akkreditazzjoni tal-laboratorji kollha involuti fil-kontrolli uffiċjali għall-istandards internazzjonali sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-SPS għall-esportazzjoni u tissaħħaħ is-sikurezza alimentari fis-suq intern tal-Moldova.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jiġu organizzati mill-ġdid u żviluppati l-kapaċitajiet tal-Aġenzija Nazzjonali tas-Sikurezza Alimentari, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Istrateġija għas-Sikurezza Alimentari ġdida u futura għall-perjodu 2017-2022;

Titlesta l-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-Sikurezza Alimentari attwali tal-Moldova, b’attenzjoni partikolari fuq il-kwalità tal-leġiżlazzjoni u l-kapaċità tal-infurzar, filwaqt li jiġu indirizzati kwalunkwe nuqqasijiet identifikati;

Il-liġijiet domestiċi jiġu approssimati mal-acquis tal-Unjoni elenkat fl-annessi rilevanti għall-Ftehim u jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tagħhom;

Ikomplu jittejbu l-infrastruttura u l-kapaċità relatata meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti, il-laboratorji tas-sikurezza tal-ikel u l-Postijiet ta’ Spezzjoni fuq il-Fruntiera, f’konformità mar-rekwiżiti tal-UE;

Tiġi ffinalizzata l-ħidma fuq it-twaqqif ta’ sistema ta’ twissija bikrija għas-sikurezza tal-ikel u l-għalf, is-saħħa tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti.



Faċilitazzjoni doganali u kummerċjali

Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex iġibu l-leġiżlazzjoni tal-Moldova f’konformità mad-dritt tal-UE, u mal-Blueprints Doganali tal-UE u mal-istandards internazzjonali elenkati fl-annessi rilevanti għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Ikunu allinjata l-leġiżlazzjoni tal-Moldova mal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni Ewropea;

Titkompla l-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Doganali;

Tkompli l-modernizzazzjoni tas-servizz doganali tal-Moldova, u tal-infrastruttura tiegħu, kif ukoll jiġi organizzat taħriġ għall-persunal, b’mod partikolari sabiex tissaħħaħ il-kultura orjentata lejn is-servizzi u ħielsa mill-korruzzjoni;

Jitfassal pjan direzzjonali għall-adeżjoni tal-Moldova mal-Konvenzjoni dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu.u jitwaqqaf tim tal-proġett;

Jiżdied id-djalogu dwar il-ġlieda kontra l-frodi għall-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu, inkluż fi prodotti soġġetti għas-sisa, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni mtejba skont il-Protokoll dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fi Kwistjonijiet Doganali;

Jiġi żgurat l-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni tal-Moldova dwar il-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u d-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali (DPI) u jiġi pprovdut taħriġ lill-uffiċjali doganali f’dan ir-rigward.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Is-sistema tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati tal-Moldova tiġi allinjata ma’ dik tal-UE, bil-prospett ta’ rikonoxximent reċiproku;

Tkun allinjata l-leġiżlazzjoni u jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet biex il-Moldova taderixxi mal-Konvenzjoni dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu;

Ikomplu jiġu ssimplifikati u mmodernizzati l-proċeduri doganali u tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tagħhom;

Ikun hemm kooperazzjoni fuq il-kontroll doganali bbażat fuq ir-riskji u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti li tikkontribwixxi għal ġestjoni mtejba tar-riskji u s-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ leġittimu u s-sikurezza u s-sigurtà tal-prodotti importati, esportati jew fi tranżitu;

Jiżdiedu l-proċeduri għall-adeżjoni rapida mal-Konvenzjoni ta’ Qafas tal-WHO dwar il-Protokoll għall-Kontroll fuq it-Tabakk u l-implimentazzjoni tagħha sabiex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu ta’ prodotti tat-tabakk.



Regoli tal-oriġini

Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex jimplimentaw ir-regoli ta’ oriġini stipulati fil-protokoll għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u li jirriżultaw mill-adeżjoni tal-Moldova mal-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji; Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġu diskussi u, jekk ikun meħtieġ, jiġu riveduti l-proċeduri attwali applikati mis-servizz doganali tal-Moldova fiċ-ċertifikazzjoni u l-verifika tal-oriġini tal-merkanzija.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tingħata għajnuna lill-Moldova sabiex timplimenta l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-adeżjoni tagħha mal-Konvenzjoni;

Jiġi pprovdut taħriġ dwar iċ-ċertifikazzjoni u l-verifika tal-oriġini preferenzjali lis-servizz doganali tal-Moldova.

L-istabbiliment, il-kummerċ fis-servizzi u l-kummerċ elettroniku

Il-partijiet se jkomplu d-djalogu tagħhom dwar l-istabbiliment, il-kummerċ fis-servizzi u l-kummerċ elettroniku skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Huma se jimplimentaw l-impenji magħmula fl-oqsma tas-servizzi, kif speċifikati fl-annessi rilevanti għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġu pprovduti taħriġ u kapaċità amministrattiva suffiċjenti sabiex jittrattaw mal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni;

Jiġi żgurat skambju regolari ta’ informazzjoni dwar il-ħidma leġiżlattiva prevista jew li għaddejja fl-oqsma magħżula għall-approssimazzjoni u jsir djalogu għal dan il-għan;

Jiġi żgurat li l-qafas legali għas-servizzi u l-istabbiliment fil-Moldova jkun jirrifletti d-drittijiet u l-obbligi u jippermetti l-implimentazzjoni effettiva tal-impenji ta’ aċċess għas-suq li jirriżultaw mid-DCFTA.

Il-pagamenti attwali u l-moviment tal-kapital

Il-partijiet se jissoktaw bid-djalogu tagħhom dwar il-pagamenti u l-movimenti tal-kapital, b’mod partikolari bil-għan li jimmonitorjaw il-konformità mal-impenji eżistenti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.



Akkwist pubbliku

Il-partijiet se jaħdmu flimkien fuq l-implimentazzjoni mill-Moldova tal-Kapitolu dwar l-Akkwist tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u r-riformi relatati. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

L-armonizzazzjoni mill-Moldova tal-qafas legali tal-akkwist pubbliku tiġi kkoordinata mal-Kummissjoni Ewropea;

Tiġi pprovduta informazzjoni preċiża u f’waqtha dwar l-iżviluppi fil-leġiżlazzjoni tal-Moldova, b’mod partikolari għall-ħidma leġiżlattiva ppjanata li taffettwa l-politika tal-akkwist u l-infurzar;

Tiġi adottata u tibda tiġi implimentata l-istrateġija tal-akkwist pubbliku tal-Moldova, sabiex b’hekk tinħoloq sistema ta’ akkwist li tkun tiffunzjona sewwa, kompetittiva, akkontabbli u trasparenti li tnissel u tiggarantixxi l-fiduċja taċ-ċittadini tal-Moldova u tal-komunità internazzjonali fil-funzjoni tal-akkwist;

Jiġu żviluppati l-kompetenzi u l-kapaċità amministrattiva neċessarji li jrawmu effiċjenza akbar tal-proċessi tal-akkwist pubbliku, inklużi dawk l-aspetti li jistgħu jikkontribwixxu għal tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tal-Moldova;

Tiġi pprovduta informazzjoni preċiża u f’waqtha dwar l-iżviluppi fil-leġiżlazzjoni tal-Moldova, b’mod partikolari għall-ħidma leġiżlattiva ppjanata li taffettwa l-politika tal-akkwist u l-infurzar;

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi implimentata l-istrateġija tal-akkwist pubbliku tal-Moldova;

Tiġi żgurata r-riforma nazzjonali tal-akkwist pubbliku permezz ta’ allinjament gradwali mal-qafas legali rilevanti u aġġornat tal-UE u jiġi żgurat li tali riforma tiġi implimentata u infurzata kif suppost;

Jiġu żviluppati l-kompetenzi u l-kapaċità amministrattiva meħtieġa fil-korpi responsabbli mis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-politika tal-akkwist;

Jiġi żgurat li l-Aġenzija Nazzjonali għall-Ilmenti u s-Soluzzjoni tagħhom tkun indipendenti u jkollha l-kapaċità amministrattiva suffiċjenti sabiex tipprovdi rimedji effettivi f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti;

Ikompli jiġi implimentat l-akkwist elettroniku u jittejbu l-funzjonalitajiet tal-għodda tal-IT rilevanti;

Is-sistema ta’ rimedji tiġi allinjata mal-acquis Ewropew dwar l-istandards tal-indipendenza, l-integrità u t-trasparenza, li jipprevedi trattament rapidu u kompetenti tal-ilmenti;

Jiġi kkunsidrat li jinħolqu korpi ċentralizzati għall-akkwist u jiġi żgurat li l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti kollha jkollhom il-persunal adegwati u r-riżorsi meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom;

Tiddaħħal fis-seħħ u tiġi implimentata leġiżlazzjoni dwar l-akkwist fil-qasam tal-utilitajiet, il-konċessjonijiet u s-sħubiji pubbliċi-privati, f’allinjament mal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti.

Drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI)

Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex iġibu l-leġiżlazzjoni fil-Moldova f’konformità mal-liġi tal-UE u l-istandards internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, kif speċifikat fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jittieħdu miżuri sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni pubblika fil-qasam tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u jiġi żgurat djalogu effettiv mad-detenturi tad-drittijiet;

Jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni domestika u tal-istandards rilevanti f’dan il-qasam u jiġu żviluppati għodod ta’ monitoraġġ għall-implimentazzjoni u l-infurzar tad-DPI skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jiġi żgurat li d-detenturi tad-drittijiet miż-żewġ partijiet ikollhom livell effettiv u adegwat ta’ protezzjoni tad-DPI tagħhom u li jkun hemm fis-seħħ miżuri adegwati għall-infurzar ta’ dawn id-drittijiet;

Tissaħħaħ il-kapaċità tal-infurzar tal-korpi governattivi u l-aġenziji eżekuttivi responsabbli, inkluż is-servizz doganali tal-Moldova, u tiġi rrapportata regolarment is-sitwazzjoni tal-kapaċità amministrattiva;

Tiġi żgurata l-eżistenza ta’ qafas legali xieraq li jiggarantixxi l-aċċess tad-detenturi tad-drittijiet għall-ġustizzja u d-disponibbiltà u l-implimentazzjoni effettiva ta’ sanzjonijiet;

Jiġu kkonsolidati l-istrutturi istituzzjonali rilevanti, kif ukoll l-Aġenzija Statali għall-Proprjetà Intellettwali u s-soċjetajiet kolletturi; tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, mal-organizzazzjonijiet tal-immaniġġar kollettiv u mal-assoċjazzjonijiet tal-industrija;

Jiġu implimentati l-istandards inkorporati fid-Direttiva dwar l-Infurzar 2004/48/KE u fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

Jittieħdu miżuri effettivi kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija u tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni tal-infurzar u tas-sanzjonijiet għall-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali abbażi tal-Istrateġija Nazzjonali għad-DPI sal-2020, u jiġu prodotti rapporti regolari bbażati fuq miri u dejta tanġibbli u li jistgħu jitkejlu.



Il-kompetizzjoni

Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex jimplimentaw il-kapitolu tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni dwar il-kompetizzjoni u r-riformi relatati. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jiġi żgurat li l-qafas istituzzjonali tal-Moldova u l-kapaċità amministrattiva tagħha jiggarantixxu l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni b’mod imparzjali u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi kollha;

Jissaħħaħ id-djalogu dwar l-esperjenza tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam, kif ukoll dwar żviluppi leġiżlattivi oħrajn relatati mal-kompetizzjoni, inkluż billi jingħata taħriġ lill-awtoritajiet u pariri esperti ad hoc dwar l-infurzar ġenerali tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

It-trasparenza

Il-partijiet se jagħtu attenzjoni speċjali lil ħidma li għandha l-għan li tiżgura li:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tiġi żviluppata strateġija ta’ komunikazzjoni tal-gvern u jiġu definiti t-temi ewlenin li jiffokaw fuq l-isforzi tal-komunikazzjoni tal-amministrazzjoni;

Jissaħħu l-kapaċitajiet tal-ippjanar strateġiku tal-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-gvern;

Jiġu diskussi l-aħjar prattiki u l-esperjenzi ta’ tfassil ta’ politika trasparenti, notevolment permezz tal-involviment tas-soċjetà ċivili fid-djalogu ta’ politika;

Tiġi skambjata informazzjoni u jingħata taħriġ rilevanti, inkluż dwar il-mekkaniżmi ta’ komunikazzjoni u konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati;

Isiru seminars u avvenimenti oħrajn għall-pubbliku ġenerali, immirati biex jispjegaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-proċess ta’ approssimazzjoni.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jiġu rrispettati l-impenji dwar it-trasparenza fit-tfassil tal-politika relatata mal-kummerċ u jiġu kkunsidrati l-mekkaniżmi meħtieġa li jista’ jkun hemm bżonn li jiddaħħlu fis-seħħ;

Jittejjeb l-aċċess faċli u liberu għall-informazzjoni pubblika mogħtija mil-liġi.

Kummerċ u żvilupp sostenibbli

Il-partijiet se jkomplu bid-djalogu u l-ħidma tagħhom fuq il-kwistjonijiet koperti mill-kapitolu rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Dan se jinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir u medju ta' żmien

Tiġi skambjata informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika domestika rilevanti jew tal-impenji internazzjonali relatati mal-iżvilupp sostenibbli;

Tiġi diskussa l-implimentazzjoni effettiva tal-impenji taħt dan il-kapitolu fir-rigward tal-involviment tal-partijiet interessati u d-djalogu tas-soċjetà ċivili;

Ikun żgurat li l-ispezzjoni tal-manodopera tibqa’ konformi mad-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-UE;

Jiġu skambjati l-aħjar prattiki u l-esperjenza rilevanti.

Il-partijiet se jżommu f’moħħhom li l-prijoritajiet dwar id-drittijiet tat-trejdjunjins u l-istandards tax-xogħol ewlenin fit-Taqsima 2.2 u l-ewwel prijorità identifikata fit-Taqsima 2.6 (l-Impjiegi, il-politiki soċjali u l-opportunitajiet indaqs) huma rilevanti ħafna għall-implimentazzjoni tal-kapitolu "Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli" u, għalhekk, jinħtieġ li jiġu indirizzati b’rabta ma’ din il-parti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.



2.6    L-Iżvilupp ekonomiku u l-Opportunitajiet tas-Suq

Il-Partijiet se jaħdmu flimkien sabiex jappoġġaw lill-Moldova sabiex tistabbilixxi ekonomija tas-suq li taħdem kompletament u sabiex b’mod gradwali ġġib il-politiki tagħha aktar konformi mal-politiki tal-UE, f’konformità mal-prinċipji gwida tal-istabbiltà makroekonomika, finanzi pubbliċi sodi, sistema finanzjarja b’saħħitha u bilanċ tal-pagamenti sostenibbli. B’mod partikolari, din il-kooperazzjoni għandha tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġi implimentat il-programm ta’ riforma miftiehem mal-Fond Monetarju Internazzjonali;

Tibda tiġi implimentata, ladarba tiġi adottata, l-operazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja miftiehma mal-UE.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Titlesta l-implimentazzjoni tal-programm ta’ riforma miftiehem mal-Fond Monetarju Internazzjonali;

Tiġi implimentata kompletament, ladarba tiġi adottata, l-operazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja miftiehma mal-UE;

Jiġu mmonitorjati l-iżviluppi makroekonomiċi, jiġu diskussi l-isfidi politiċi ewlenin u tiġi skambjata informazzjoni dwar l-aħjar prattiki billi jissaħħaħ id-djalogu makroekonomiku regolari sabiex tittejjeb il-kwalità tat-tfassil tal-politika ekonomika;

Ikomplu jissaħħu l-indipendenza, is-setgħat regolatorji u l-kapaċità tal-Bank Nazzjonali tal-Moldova u tal-Kummissjoni Nazzjonali għas-Swieq Finanzjarji. Tiġi kondiviża l-esperjenza tal-UE dwar il-politika monetarja u tar-rati tal-kambju, kif ukoll il-politiki dwar is-superviżjoni u r-regolamentazzjoni tas-settur bankarju u finanzjarju, sabiex jiġu żviluppati aktar il-kapaċitajiet tal-Moldova f’dawn l-oqsma;

Jittejbu s-sostenibbiltà u l-governanza tal-finanzi pubbliċi, permezz tal-implimentazzjoni ta’ riformi fiskali, inkluż it-titjib tal-implimentazzjoni tas-sorveljanza parlamentari tal-baġit;

Ikomplu jiġu żviluppati regoli u proċeduri miftuħa, kompetittivi u trasparenti dwar il-privatizzazzjoni, u dawn jiġu implimentati f’konformità mal-aħjar prattiki tal-UE.



Liġi tal-kumpaniji, kontabilità u awditjar u governanza korporattiva

Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex iħejju lill-Moldova għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u tal-istrumenti internazzjonali msemmija fl-annessi rilevanti għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, b’mod partikolari sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tiġi skambjata informazzjoni f’waqtha, rilevanti u preċiża dwar is-sitwazzjoni attwali tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-konformità tagħha mal-liġi tal-UE, abbażi tal-format miftiehem bejn il-partijiet, sabiex il-liġi tal-UE tiġi implimentata skont l-iskeda ta’ żmien miftiehma;

Jiġu identifikati l-oqsma li fihom jinħtieġ li jiġu pprovduti taħriġ, bini ta’ kapaċità u għarfien espert;

Tiġi ssimplifikata s-sistema ta’ spettorati u diversi korpi ta’ spezzjoni sabiex tiżdied l-effikaċja u jitnaqqas l-ambitu għall-korruzzjoni, bl-għan aħħari li jittejjeb l-ambjent tan-negozju u jittejjeb l-infurzar tal-liġi u l-istandards.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi żviluppata l-kapaċità amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-Istat tal-Moldova involuti fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-kumpaniji, il-kontabilità u l-awditjar u l-governanza korporattiva;

Issir ħidma sabiex jiġu stabbiliti reġistri ta’ sjieda benefiċjarja għall-kumpaniji u arranġamenti legali.



Impjiegi, politika soċjali u opportunitajiet indaqs

Il-partijiet se jaħdmu flimkien fl-oqsma li ġejjin sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġi żgurat li kundizzjonijiet bażiċi jkunu fis-seħħ biex jippermettu l-funzjonament effettiv l-ispezzjoni tal-manodopera;

Tkompli l-promozzjoni tad-djalogu soċjali, inkluż permezz tal-bini ta’ kapaċità tal-imsieħba soċjali.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi implimentata l-liġi tal-UE fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, il-liġi tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif imsemmi fl-annessi rilevanti għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u, b’mod partikolari, sabiex:

–tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u tal-infurzar fl-oqsma tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u l-liġi tax-xogħol, notevolment l-ispettorat tax-xogħol u l-korpi ġudizzjarji rilevanti;

–tinbena l-kapaċità tas-sħab soċjali (pereżempju taħriġ dwar il-leġiżlazzjoni u l-istandards tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà, u dwar il-liġi tax-xogħol);

Jiġi żviluppat approċċ strateġiku għall-impjiegi, li jimmira għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar, b’kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, it-tlaqqigħ aħjar tal-ħiliet u l-impjiegi fis-suq tax-xogħol u l-promozzjoni ta’ appoġġ attiv u servizzi tal-impjieg effiċjenti, filwaqt li jiġi promoss suq tax-xogħol inklużiv; jiġu implimentati programmi nazzjonali għal xogħol deċenti miftiehma bejn l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (International Labour Organisation, ILO) u l-Moldova;

Tissaħħaħ il-kapaċità tal-amministrazzjoni responsabbli mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki tal-impjiegi u soċjali, notevolment servizzi tal-impjiegi u servizzi soċjali.



Il-protezzjoni tal-konsumaturi

Sabiex iħejju għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u tal-istrumenti internazzjonali msemmija fl-anness rilevanti għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-partijiet se jaħdmu flimkien bil-għan li:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġu riveduti l-acquis kollha dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fil-Moldova, adottati sal-lum, skont l-acquis tal-UE adottat riċentament f’dan il-qasam (kif elenkat fl-Anness IV tal-AA);

Jiġi implimentat il-Pjan ta’ Żvilupp Istituzzjonali Pluriennali tal-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi (Consumer Protection Agency, CPA);

Jiġi implimentat il-Pjan ta’ Żvilupp Istituzzjonali Pluriennali tal-Aġenzija Moldovana Nazzjonali għas-Sikurezza Alimentari (ANSA).

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi stabbilita u attivata sistema nazzjonali li tippermetti komunikazzjoni effiċjenti bejn il-partijiet interessati nazzjonali dwar prodotti tal-konsumatur perikolużi li mhumiex għall-ikel u s-sejħa lura tagħhom mis-suq;

Tiġi stabbilita u attivata sistema bbażata fuq ir-RASFF ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar prodotti tal-konsumatur perikolużi għall-ikel;

Il-punti ta’ kontroll differenti tas-sikurezza alimentari (punt ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera, servizzi tas-saħħa tal-pjanti u s-saħħa tal-annimali u ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ittestjar u ċ-Ċertifikazzjoni tal-Għelejjel u tal-Ħamrija) jiġu integrati f’Sistema tal-MIS ġestita u integrata waħda;

Ikomplu jiġu żviluppati u infurzati proċeduri ta’ kontroll tal-analiżi tal-ġestjoni abbażi tar-riskji għall-prodotti tal-ikel u mhux tal-ikel;

Jiġi vvalutat perjodikament il-Pjan ta’ Żvilupp Istituzzjonali Pluriennali tal-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi (CPA) u, jekk ikun meħtieġ, jiġi rivedut;

Jiġi vvalutat perjodikament il-Pjan ta’ Żvilupp Istituzzjonali Pluriennali tal-Aġenzija Moldovana Nazzjonali għas-Sikurezza Alimentari (ANSA) u, jekk ikun meħtieġ, jiġi rivedut;

L-oqfsa normattivi u legali tal-istandards sanitarji u fitosanitarji (SPS) tal-Moldova jiġu allinjati aktar mal-acquis tal-UE;

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumaturi fil-Moldova, notevolment permezz tat-taħriġ ta’ uffiċjali tal-gvern u rappreżentanti oħrajn tal-interessi tal-konsumaturi dwar it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-implimentazzjoni u l-infurzar sussegwenti tagħha.



Statistika

Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex iġibu l-leġiżlazzjoni fil-Moldova aktar qrib il-konformità mal-liġi tal-UE fil-qasam tal-istatistika. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tiġi approvata l-Liġi dwar l-istatistika uffiċjali żviluppata abbażi tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-istatistika komunitarja u abbażi tal-liġi ġenerika dwar l-istatistika uffiċjali għall-pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa, fil-Kawkasu u fl-Asja Ċentrali;

Tiġi approvata l-Klassifikazzjoni NUTS skont ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) b’aktar emendi u aġġustamenti.

Jinxterdu r-riżultati finali taċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni u tad-Djar (Population and Housing Census - PHC) tal-2014 u tittejjeb l-istatistika dwar il-popolazzjoni permezz tal-estensjoni tal-użu ta’ sorsi ta’ dejta amministrattiva;

Jiġu żviluppati estimi għall-kontijiet reġjonali skont il-metodoloġija SNA 1993/ESA 1995;

Tiġi żgurata l-indipendenza professjonali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tal-Moldova fl-implimentazzjoni tar-riforma li jmiss tal-amministrazzjoni pubblika billi jinżammu l-istatus u l-post attwali tiegħu fl-amministrazzjoni pubblika.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jiġu żgurati l-kalkoli tal-“Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur” (HICP) skont l-istandards tal-UE;

Jiġu implimentati l-metodoloġija SNA 2008/ESA 2010 u r-rikalkolazzjoni tas-serje taż-żmien għall-indikaturi makroekonomiċi ewlenin skont il-metodoloġija approvata;

Tiġi implimentata sistema ta’ mmaniġġar tal-kwalità fl-istatistika uffiċjali, skont l-istandards Ewropej.



It-tassazzjoni

Il-partijiet se jsaħħu l-kooperazzjoni bil-għan li jtejbu u jiżviluppaw is-sistema u l-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Moldova fuq il-bażi tal-istandards tal-UE u dawk internazzjonali. Dan se jinkludi t-tħejjija sabiex gradwalment il-leġiżlazzjoni fil-Moldova tinġieb aktar konformi mal-liġi tal-UE u mal-istrumenti internazzjonali msemmija fl-anness għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u, b’mod partikolari, ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tiġi adottata u tibda tiġi implimentata l-istrateġija li tirriforma l-amministrazzjoni tat-taxxa;

Jinbeda l-proġett TAMP;

Tiġi żviluppata kooperazzjoni mal-OECD u mal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri tal-UE permezz tal-iskambju ta’ esperjenzi u xejriet ġodda fil-qasam tat-tassazzjoni.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tittejjeb u tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni fiskali;

Tittejjeb il-kooperazzjoni fiskali internazzjonali sabiex tissaħħaħ il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, jiġifieri permezz tal-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ trasparenza, skambju ta’ informazzjoni u kompetizzjoni fiskali ġusta;

Tittejjeb il-kapaċità tal-amministrazzjoni tat-taxxa billi ssaħħaħ il-ġestjoni tal-bidla, timplimenta r-riforma istituzzjonali u operazzjonali, tikkontribwixxi għall-proċess tal-integrazzjoni Ewropea u timmodernizza t-teknoloġija tal-informazzjoni;

Jittieħdu miżuri li jarmonizzaw il-politiki għall-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu ta’ prodotti soġġetti għas-sisa.



Servizzi finanzjarji

Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex iħejju lill-Moldova għall-modernizzazzjoni tal-qafas superviżorju u regolatorju finanzjarju tagħha, sabiex b’hekk tikkonforma ruħha mal-istandards regolatorji miftehma internazzjonalment fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, bl-użu tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-istrumenti internazzjonali msemmija fl-annessi rilevanti għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inkluż it-Titolu IV (Il-kooperazzjoni ekonomika u kooperazzjoni settorjali oħra) ta’ dan il-ftehim, bħala referenza għall-iżvilupp ta’ sett ta’ regoli xierqa għall-Moldova. Din il-kooperazzjoni għandha tinkludi l-azzjonijiet li ġejjin u tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jittieħdu passi sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-azzjonisti u tiġi garantita l-istabbiltà finanzjarja tas-suq tal-assigurazzjoni;

Jiġi żgurat li l-każijiet ta’ frodi li affettwaw is-settur bankarju tal-Moldova fl-2014 jiġu soġġetti għal investigazzjoni bir-reqqa, trasparenti u imparzjali, bil-għan li jiġu rkuprati l-fondi ddevjati u l-persuni responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

Ikompli jittejjeb il-qafas legali billi jiġu pprovduti l-istrumenti u l-miżuri meħtieġa (pereżempju, billi tiżdied ir-responsabbiltà tal-azzjonisti, jiġu imposti sanzjonijiet aktar ħorox) sabiex jiġu indirizzati l-fatturi li wasslu għall-frodi bankarji fl-2014 u jiġu evitati tranżazzjonijiet frodulenti simili fil-livelli kollha;

Jiġi żviluppat u adottat b’mod progressiv qafas tal-assigurazzjoni tad-depożiti, f’konformità mal-istandards miftehma internazzjonalment;

Tiġi adottata l-liġi dwar l-organizzazzjonijiet ta’ kreditu mhux bankarji żviluppata mill-Kummissjoni Nazzjonali tas-Swieq Finanzjarji;

Jiġu stabbiliti kuntatti u tiġi skambjata informazzjoni mas-superviżuri finanzjarji tal-UE. B’mod partikolari, l-UE se tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-awtoritajiet Moldovani sabiex jikkonkludu ftehimiet dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji mal-awtoritajiet superviżorji u regolatorji rilevanti tal-UE (pereżempju, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet mill-Istati Membri tal-UE);

Tiġi skambjata informazzjoni f’waqtha, rilevanti u preċiża dwar is-sitwazzjoni attwali tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Moldova;

Jiġu identifikati l-oqsma li fihom jinħtieġ li jiġu pprovduti taħriġ, bini ta’ kapaċità u għarfien espert.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jinħoloq qafas superviżorju u regolatorju ġdid li jkun konformi mal-istandards regolatorji miftehma internazzjonalment, inklużi approċċ superviżorju, għodod u strumenti ġodda;

Jiddaħħal fis-seħħ qafas komprensiv għat-titjib tal-governanza korporattiva u tal-ġestjoni tar-riskji fis-settur finanzjarju bankarju;

Jiġi żviluppat qafas ta’ superviżjoni makroprudenzjali;

Tinbena kapaċità sabiex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni ġdida fis-settur finanzjarju;

Tittejjeb il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet superviżorji f’konformità mal-istandards miftehma internazzjonalment;

Tiġi żviluppata leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, b’mod partikolari billi: tiġi implimentata leġiżlazzjoni tal-UE f’dawn l-oqsma; tissaħħaħ il-kooperazzjoni mat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force, FATF), mal-Kunsill tal-Ewropa, b’mod partikolari l-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni ta’ Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (MONEYVAL) ta’ dan tal-aħħar, u kwalunkwe awtoritajiet rilevanti oħrajn fl-Istati Membri tal-UE; u jiġu ffirmati l-Memoranda ta’ Qbil bejn l-awtoritajiet tal-intelligence finanzjarja tal-Moldova u l-Istati Membri tal-UE;

Tiġi żviluppata kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istat u l-organizzazzjonijiet responsabbli għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Nazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu.



Politika industrijali u intraprenditorjali

Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex itejbu l-ambjent regolatorju u tan-negozju fil-Moldova, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), inklużi mikrointrapriżi. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma biex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġu implimentati l-Istrateġija għall-SMEs 2012-2020 u l-Pjan ta’ Azzjoni korrispondenti tagħha f’konformità mal-liġi l-ġdida dwar l-SMEs u f’konformità mal-Pjan Direzzjonali rivedut tal-pajjiż dwar il-Kompetittività u mal-Istrateġija ġdida dwar il-Promozzjoni tal-Esportazzjoni u l-Attrazzjoni tal-Investiment;

Jiġi implimentat b’mod effettiv il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) li jinkludi inizjattivi bħalma huma l-Enterprise Europe Network (EEN), Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ, proġetti ta’ kooperazzjoni tal-clusters, eċċ., permezz tat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali rilevanti u tal-partijiet ikkonċernati tas-settur privat fil-Moldova.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jiġu implimentati l-pjan direzzjonali speċifiku għall-pajjiż u r-rakkomandazzjonijiet tal-Valutazzjoni tal-SBA (Small Business Act) (l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar);

L-iżvilupp tal-SMEs jingħaqad mal-opportunitajiet maħluqa mid-DCFTA, inkluż permezz ta’ netwerks (ta’ appoġġ) għan-negozji (bħan-Netwerk Enterprise Europe) u raggruppamenti, filwaqt li jiġi ffinalizzat l-iżvilupp ta’ politika ddedikata għar-raggruppamenti f’dan il-kuntest;

Jissaħħaħ ir-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u tan-negozji (inklużi assoċjazzjonijiet settorjali) sabiex jittejjeb id-Djalogu Pubbliku-Privat;

Jiġi implimentat il-qafas kunċettwali, leġiżlattiv u operazzjonali li jistimola l-iżvilupp ta’ raggruppamenti industrijali fil-Moldova.

L-estrazzjoni u l-materja prima

Il-partijiet se jiskambjaw informazzjoni dwar l-estrazzjoni u l-materja prima sabiex jiksbu fehim aħjar tad-direzzjonijiet u l-politiki strateġiċi rispettivi tagħhom. Id-diskussjonijiet se jsiru permezz tas-Sottokumitat iddedikat.

Turiżmu

Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex:

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jiġu stabbiliti kuntatti sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp ta’ industrija turistika kompetittiva u sostenibbli u jiġu spjegati l-passi meħtieġa sabiex tiġi approfondita l-kollaborazzjoni bejn il-Moldova u l-UE fil-qasam tat-turiżmu;

Ikomplu jiġu skambjati l-aħjar prattiki u jiġu kondiviżi l-għarfien, it-taħriġ u l-edukazzjoni fil-qasam tat-turiżmu.



Agrikoltura u żvilupp rurali

Sabiex jikkooperaw fl-approssimazzjoni politika u leġiżlattiva għall-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-UE u, b’mod partikolari, sabiex jirrispettaw l-impenji f’termini ta’ żmien fl-oqsma speċifiċi stipulati fl-annessi rilevanti għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tiġi adottata Liġi Ġenerali dwar prinċipji ta’ sussidjar fl-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, sabiex b’hekk tittejjeb l-implimentazzjoni tal-politika f’dan il-qasam;

Jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Industrija tal-Ikel fl-istatistika agrikola u l-analiżi ekonomika;

Jiġu żviluppati, promossi u implimentati programmi settorjali għal subsetturi agrikoli speċifiċi.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jiġi żviluppat u implimentat il-qafas politiku, legali u istituzzjonali (inklużi rekwiżiti tas-sikurezza alimentari, politika dwar il-kwalità, il-biedja organika u l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni) fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali;

Jittejbu l-kompetittività tal-produzzjoni agrikola u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi fiż-żoni rurali;    

Jittejjeb l-użu sostenibbli tal-art u tar-riżorsi tal-ilma fis-settur agroalimentari;

Jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-amministrazzjonijiet lokali u ċentrali fuq il-politiki dwar l-iżvilupp rurali;

Tissaħħaħ il-kapaċità tal-Aġenzija tal-Pagamenti sabiex jiġu żgurati t-trasparenza, l-effiċjenza u l-prevedibbiltà tal-għajnuna mill-Istat żborżata;

Titnaqqas il-vulnerabbiltà tas-settur agrikolu għall-perikli klimatiċi;

Jiġi żviluppat katast tal-art trasparenti u aġġornat bħala bażi għall-monitoraġġ tal-użu tal-art, kif ukoll għall-iffaċilitar tar-riforma agrarja u l-konsolidazzjoni tal-azjendi agrikoli, bil-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni strutturali tas-settur agroalimentari u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali.



Is-soċjetà tal-informazzjoni/l-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali

Il-partijiet se jikkooperaw flimkien sabiex jallinjaw l-ambjenti diġitali tal-pajjiż mas-Suq Uniku Diġitali tal-UE. Dan se joħloq impjiegi, tkabbir u innovazzjoni fil-Moldova, li minnhom jibbenifikaw b’mod partikolari ż-żgħażagħ f’termini ta’ opportunitajiet ta’ edukazzjoni u xogħol, lokalment jew mill-bogħod, u għall-ftuħ ta’ negozji b’kapital inizjali baxx. B’mod partikolari, il-partijiet se jikkooperaw sabiex jappoġġaw lill-Moldova għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE msemmi fl-annessi rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bil-għan li:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jissaħħu l-indipendenza u l-kapaċità amministrattiva tar-regolatur nazzjonali għall-komunikazzjoni elettronika, bil-għan li tiġi żgurata l-abbiltà tiegħu li jieħu miżuri regolatorji xierqa u jinforza d-deċiżjonijiet tiegħu u r-regolamenti kollha applikabbli u jippromwovi kompetizzjoni ġusta fis-swieq;

Isiru l-avvanzi fl-implimentazzjoni tan-Numru Ewropew Uniku tal-Emerġenza 112 fir-Repubblika tal-Moldova.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jissaħħaħ is-settur diġitali permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni u esperjenza dwar l-implimentazzjoni tas-Suq Uniku Diġitali (Digital Single Market - DSM). Jiġi promoss fil-Moldova l-allinjament għal-leġiżlazzjoni, l-aħjar prattiki u n-normi tal-UE, inter alia, dwar: il-kummerċ elettroniku; il-protezzjoni tad-dejta permezz ta’ reżiljenza tan-netwerk; id-definizzjoni tal-istrateġija nazzjonali taċ-ċibersigurtà; il-bini ta’ kapaċità nazzjonali ta’ CERT; u d-definizzjoni tal-mudell nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-broadband rurali;

Jittejbu l-livell ta’ ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-dejta personali fil-komunikazzjoni elettronika, sabiex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-integrità tas-servizzi pubbliċi elettroniċi u sabiex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini f’dawn is-servizzi.



Is-saħħa pubblika

Il-partijiet se jikkooperaw sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni attiva tal-Moldova fil-Programm tas-Saħħa tal-UE għall-perjodu 2014-2020.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jingħata appoġġ lill-Moldova sabiex tħejji għall-implimentazzjoni tal-acquis tas-saħħa tal-UE, kif imsemmi fl-annessi għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fl-oqsma tal-kontroll fuq it-tabakk, il-kwalità u s-sikurezza tas-sustanzi ta’ oriġini umana (tessuti tad-demm, organi u ċelloli) u theddid għas-saħħa f’konformità wkoll mal-obbligi internazzjonali tal-Moldova skont il-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk u r-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa;

Jissaħħu l-istat ta’ tħejjija, it-taħriġ u s-sorveljanza u l-kontroll epidemjoloġiċi tal-mard li jittieħed permezz ta’, inter alia: 1) il-parteċipazzjoni tal-Moldova fil-Programm Mediterranju għat-Taħriġ fl-Epidemjoloġija tal-Intervent (MediPIET); 2) il-kooperazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard; 3) l-iżgurar tas-sjieda tal-pajjiż u s-sostenibbiltà tal-programmi nazzjonali għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-HIV, tat-tuberkulożi u tal-epatite; 4) it-tisħiħ tal-programmi ta’ immunizzazzjoni;

Jiġu żgurati l-adeżjoni ma’ u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-Protokoll għall-Kummerċ Illeċitu ta’ Prodotti tat-Tabakk;

Tissaħħaħ l-azzjoni multisettorjali nazzjonali sabiex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi, inter alia, permezz tat-tisħiħ tas-sorveljanza, l-użu prudenti tal-antimikrobiċi u l-kontroll tal-infezzjonijiet f’ambjenti ta’ kura tas-saħħa.



L-Ippjanar Urban u l-Kostruzzjoni

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jiġi implimentat il-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u l-Ippjanar Urban għas-snin 2017-2020, permezz tal-iżvilupp u l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja (abbozz ta’ liġijiet u deċiżjonijiet tal-Gvern) f’konformità mal-“Istrateġija Moldova 2020”;

Jittieħdu miżuri li jiżguraw l-iskemi tal-ippjanar spazjali fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ukoll il-pjanijiet regolatorji u l-kotba komunali tal-lokalitajiet, sabiex tiġi promossa l-politika integrata tal-iżvilupp reġjonali.

L-iżvilupp reġjonali

Il-partijiet se jikkooperaw fil-qafas tal-politiki tal-iżvilupp reġjonali u fid-Djalogu bejn l-UE u l-Moldova dwar il-Politika Reġjonali, fid-dawl tal-isforzi tal-Moldova sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tkompli tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-Moldova fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju sabiex tibbenifika mill-iskambju tal-esperjenza u l-aħjar prattika mar-reġjuni parteċipanti mill-Istati Membri tal-UE;

Ikun hemm parteċipazzjoni fil-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera (cross-border cooperation, CBC) 2014-2020 (il-Programmi ENI / CBC tar-Rumanija/il-Moldova u tal-Baħar l-Iswed, il-programm transnazzjonali għar-Reġjun tad-Danubju, kif ukoll fil-programm ta’ kooperazzjoni territorjali bejn il-Moldova u l-Ukraina).

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi implimentata l-Istrateġija għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Moldova għall-perjodu 2016-2020, f’konformità mal-aġenda Moldova 2020, fit-territorju kollu tal-pajjiż bil-għan li jiġi appoġġat tkabbir aktar bilanċjat tal-pajjiż kollu kemm hu;

Jiġu promossi, b’mod partikolari, bħala parti mill-objettiv stabbilit fl-Istrateġija għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Moldova tal-iżgurar ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli fir-reġjuni, l-ispeċjalizzazzjoni u l-innovazzjoni ekonomika reġjonali, l-intraprenditorija u t-tisħiħ tal-potenzjal ta’ żvilupp ekonomiku kompetittiv ta’ ċentri urbani; u jkun promoss il-kunċett ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti għat-tfassil tal-istrateġiji tar-riċerka u l-innovazzjoni;

Tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali u operazzjonali tal-istituzzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali fil-qasam tal-iżvilupp reġjonali, inkluża ħidma fuq l-iżvilupp ta’ sistema effettiva ta’ governanza fuq bosta livelli u diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet;

Jittejjeb l-involviment tal-partijiet interessati fil-livelli lokali u reġjonali u tiġi kkonsolidata s-sħubija bejn il-partijiet kollha involuti fl-iżvilupp reġjonali;

Tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-Moldova fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju sabiex tkun tista’ tibbenifika mill-iskambju tal-esperjenza u l-aħjar prattika mar-reġjuni parteċipanti mill-Istati Membri tal-UE dwar serje ta’ suġġetti, inklużi dawk koperti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

Il-politika dwar l-affarijiet marittimi u s-sajd

Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jitrawwem approċċ integrat għall-affarijiet marittimi billi jiġi nnominat punt ta’ kuntatt nazzjonali u jkun hemm parteċipazzjoni fl-inizjattivi tal-UE fil-baċiri tal-baħar kollha bil-għan li jiġu identifikati oqsma ta’ interess komuni għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp ta’ proġetti fil-Baħar l-Iswed.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-ħidma lejn il-ħolqien ta’ sajd sostenibbli fil-Baħar l-Iswed, fil-kuntest tal-oqfsa kemm bilaterali kif ukoll multilaterali, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Bukarest tal-2016 tal-Istati riparji kollha, u abbażi ta’ approċċ ekosistematiku għall-ġestjoni tas-sajd;

Tiżdied il-kooperazzjoni teknika, xjentifika u amministrattiva sabiex jittejbu l-monitoraġġ u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd u tal-kummerċ ta’ prodotti tas-sajd u t-traċċabilità tagħhom, bil-għan li jiġi miġġieled b’mod effettiv is-sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat (sajd IUU - Illegal, Unreported u Unregulated).



2.7    Il-Konnettività, l-Effiċjenza Enerġetika, Azzjoni Klimatika, l-Ambjent u l-Protezzjoni Ċivili

L-Enerġija

Il-partijiet se jaħdmu flimkien lejn sigurtà tal-enerġija mtejba permezz ta’ żieda fid-diversifikazzjoni, kif ukoll effiċjenza enerġetika akbar u l-użu ta’ enerġija rinnovabbli. L-għan komuni jibqa’ l-istabbiliment ta’ suq tal-enerġija kompetittiv fil-Moldova u l-integrazzjoni sħiħa tiegħu fis-suq tal-enerġija tal-UE.

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tissaħħaħ l-indipendenza ta’ ANRE, inkluż permezz ta’ depolitiċizzazzjoni tal-ħatriet u proċedura ta’ sensji għad-diretturi, kif ukoll permezz tal-iffissar ta’ baġit awtonomu. Għal dan l-iskop, il-Moldova se tadotta Liġi dwar l-Enerġija ġdida u timplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha tar-reviżjoni ta’ ANRE mwettqa mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija;

Ikomplu jittieħdu passi lejn l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija tal-Moldova ma’ dak tal-UE;

Tiġi implimentata l-liġi ġdida (‘it-tielet pakkett dwar l-enerġija’) dwar l-elettriku billi jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa preskritti mil-liġi u billi tiġi adottata l-leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa;

Tiġi implimentata l-liġi ġdida ("it-tielet pakkett dwar l-enerġija") dwar il-gass naturali;

Jittieħdu passi lejn ftuħ akbar tas-suq tal-gass naturali;

Titlesta s-separazzjoni legali u jsiru t-tħejjijiet għas-separazzjoni sħiħa ta’ Moldovatransgas, wara li tittieħed f’kunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija dwar l-għażla taż-żmien għas-separazzjoni fis-settur tal-gass;

Jiġi implimentat il-pjan direzzjonali għat-titjib tal-interkonnessjonijiet tal-gass u tal-elettriku bejn il-Moldova u r-Rumanija;

Jitlesta r-ristrutturar korporattiv ta’ Termoelectrica;

Tittejjeb u tiġi garantita t-trasparenza tas-sejħiet għall-offerti u tal-kuntratti għall-provvista tal-elettriku;

Abbażi tal-liġi dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija u tas-sorsi rinnovabbli, jiġu żviluppati skemi ta’ appoġġ, regoli amministrattivi u miżuri oħrajn meħtieġa sabiex jitrawwem użu akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

Jiġi abbozzat u implimentat pjan ta’ azzjoni rigward ir-riżervi strateġiċi taż-żejt skont l-obbligu tal-Komunità tal-Enerġija.

Tinġieb f’konformità l-Liġi dwar l-effiċjenza enerġetika fil-bini u jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ appoġġ xierqa għall-miżuri ta’ effiċjenza enerġetika kemm f’bini pubbliku kif ukoll fid-djar;

Jiġu identifikati u implimentati miżuri li jżidu l-kompetizzjoni fis-swieq tal-gass u tal-elettriku u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija;

Jittieħdu miżuri sabiex tinkiseb konformità mar-regolament(i) tal-SoS.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Jittieħdu aktar passi sabiex jitnaqqas it-telf mit-trażmissjoni u d-distribuzzjoni fin-netwerks tal-elettriku, tal-gass u tas-sħana;

Jiġi adottat u implimentat pjan ta’ azzjoni maħsub biex iżid is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum gross totali tal-enerġija għal 17 % sal-2020;

Tiġi adottata Liġi ġdida dwar l-Effiċjenza Enerġetika f’konformità mad-Direttiva 2012/27/UE ġdida u tkompli l-estensjoni tal-ittikkettar fuq il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħrajn għal prodotti ġodda;

Tiġi żviluppata aktar il-kompetizzjoni fis-swieq tal-elettriku u tal-gass sabiex jintlaħaq il-livell meħtieġ ta’ likwidità li tippermetti l-iżvilupp ta’ swieq kompetittivi organizzati;

Abbażi ta’ evalwazzjoni perjodika tal-kundizzjonijiet tas-suq, jiġu identifikati l-passi u l-azzjonijiet li jridu jittieħdu għat-tranżizzjoni gradwali lejn mekkaniżmi tal-ipprezzar (kompetittivi) bbażati fis-suq;

Tiġi implimentata s-separazzjoni sħiħa ta’ Moldovagas u Moldovatransgaz u jiġu adottati tariffi ġodda ta’ dħul u ħruġ fis-settur tal-gass naturali;

Jiġu identifikati u implimentati miżuri li jsaħħu l-appoġġ soċjali u l-protezzjoni ta’ konsumaturi vulnerabbli;

Jitlestew l-interkonnessjonijiet tal-enerġija mar-Rumanija (u / jew mal-Ukraina) u jittieħdu passi lejn l-integrazzjoni tas-suq reġjonali.



It-trasport

Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni ulterjuri tal-leġiżlazzjoni tal-UE msemmija fl-annessi għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u sabiex jappoġġaw lill-Moldova. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġu implimentati r-riforma u l-programm ta’ ristrutturar tas-settur ferrovjarju;

Jiżdiedu l-isforzi sabiex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-avjazzjoni sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova;

Tiġi stabbilita kompetizzjoni ħielsa u ġusta fis-settur tal-avjazzjoni, b’mod partikolari, jiġu inklużi klawżoli dwar l-aċċess mhux diskriminatorju għall-ajruport fil-konċessjoni tal-ajruport ta’ Chisinau u tinkiseb lura kompetizzjoni effettiva fis-settur tal-groundhandling.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi implimentata l-istrateġija komprensiva tat-trasport u l-loġistika għall-perjodu 2013-22;

Jiġi garantit il-Fond tat-Toroq, filwaqt li jiġi żgurat finanzjament stabbli għall-implimentazzjoni tal-Kuntratti ta’ Manutenzjoni Abbażi tal-Prestazzjoni (Performance Based Maintenance Contracts - PBMC);

Jiġu implimentati r-riformi meħtieġa sabiex il-Moldova tkun tista’ titneħħa mill-aktar fis possibbli minn fuq il-lista s-sewda tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi.

Tiġi żviluppata infrastruttura, b’mod partikolari billi jitħejjew u jiġu implimentati aktar proġetti għall-iżvilupp tan-netwerk ewlieni ta’ TEN-T estiż, kif miftiehem waqt il-laqgħa ministerjali ta’ TEN-T li saret f’Rotterdam fl-2016;

L-Istati Membri tal-UE għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà tal-ftuħ gradwali tas-suq tat-trasport bit-triq abbażi tal-progress li sar mill-Moldova fit-traspożizzjoni tal-acquis tal-UE rilevanti.



L-ambjent

Il-Partijiet se jaħdmu flimkien sabiex iħejju għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u l-istandards internazzjonali, b’mod partikolari sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġu żgurati l-kontinwazzjoni tar-riformi amministrattivi u l-bini ta’ kapaċità amministrattiva xierqa sabiex jiġi implimentat il-kapitolu tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni dwar l-ambjent;

Isiru avvanzi fl-approssimazzjoni mal-acquis ambjentali billi jiġi adottat il-qafas legali ewlieni fis-settur, jiġifieri l-liġijiet dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika, il-Protezzjoni tal-Arja, l-Immaniġġar tal-Iskart, l-Immaniġġar tas-Sustanzi Kimiċi u l-Emissjonijiet Industrijali (il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrati tat-Tniġġis);

Jiġu żviluppati u adottati mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA) u tal-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (VAS), sabiex l-ambjent jiġi integrat bħala kwistjoni trasversali fl-oqsma ta’ politika ewlenin l-oħrajn;

Jiġu żviluppati u adottati l-istrateġiji, il-programmi u l-pjanijiet nazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Arja, il-Ġestjoni tas-Sustanzi Kimiċi u l-Ġestjoni tal-Ilma.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi adottata l-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni meħtieġa f’diversi subsetturi ambjentali, b’mod partikolari dwar il-ġestjoni u l-kwalità tal-ilma, l-immaniġġar tal-iskart, il-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi, il-protezzjoni tan-natura, il-kwalità tal-arja u t-tniġġis industrijali, sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi deskritti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

Jittejjeb l-iżvilupp tal-ekonomija ekoloġika fil-Moldova;

Tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ambjentali għas-snin 2014-2023 u tal-istrateġiji nazzjonali dwar il-Provvista tal-Ilma u s-Sanitazzjoni, l-Immaniġġar tal-Iskart u l-Konservazzjoni tal-Bijodiversità.



Azzjoni klimatika

Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima, sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġi rratifikat il-ftehim globali ġdid dwar it-tibdil fil-klima (il-Ftehim ta’ Pariġi).

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha li jkopru l-perjodu sal-2020;

Tibda l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Żvilupp b’Emissjonijiet Baxxi li tkopri l-perjodu sal-2030 fir-rigward tal-Kontribut Maħsub Determinat fil-Livell Nazzjonali (Intended Nationally Determined Contribution, INDC) tal-pajjiż;

Tittejjeb il-koordinazzjoni interistituzzjonali u intersettorjali u l-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima jiġu integrati fil-politiki u l-pjanijiet fil-livelli kollha;

L-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-Moldova aktar konformi ma’ atti applikabbli tal-UE u l-istrumenti internazzjonali kif previst mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni skont l-Anness XII tiegħu.

Tittejjeb il-qafas tat-trasparenza tal-Moldova għall-azzjoni klimatika, b’mod partikolari permezz ta’ sistema nazzjonali għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-politiki dwar il-klima, il-miżuri u l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra bbażati fuq il-mudell tal-UE.



Il-protezzjoni ċivili

Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġu promossi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-UE dwar is-sostenn tan-nazzjon ospitanti;

Isir progress fl-iżvilupp tal-valutazzjoni u l-immappjar għall-pajjiż kollu tar-riskji ta’ diżastri u jingħata appoġġ għall-iżvilupp tal-Atlas Elettroniku tar-Riskji Reġjonali (AERR) u jiġi żgurat l-użu effettiv tiegħu fil-livell nazzjonali;

Jinbeda djalogu dwar l-aspetti tal-politika dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri billi jiġu skambjati l-aħjar prattiki, jiġu organizzati taħriġ konġunt, eżerċizzji, żjarat ta’ studju u workshops u jinġabru fil-qosor it-tagħlimiet li ttieħdu waqt operazzjonijiet u eżerċizzji ta’ emerġenza reali;

Ikomplu jiġu żviluppati attivitajiet ta’ prevenzjoni, permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-informazzjoni għall-popolazzjoni ġenerali, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, dwar riskji kbar.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi żgurata komunikazzjoni effettiva 24 siegħa kuljum, inkluż l-iskambju ta’ twissijiet bikrija u informazzjoni dwar emerġenzi fuq skala kbira li jaffettwaw lill-UE u lill-Moldova, kif ukoll lil pajjiżi terzi li fihom xi waħda mill-partijiet tkun involuta fir-rispons għad-diżastri;

Tiġi ffaċilitata assistenza reċiproka, permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, fil-każ ta’ emerġenzi kbar, kif ikun xieraq u skont id-disponibbiltà ta’ riżorsi suffiċjenti;

Tittejjeb il-bażi tal-għarfien dwar ir-riskji tad-diżastri u t-telf ekonomiku billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-aċċessibbiltà u l-komparabbiltà tad-dejta;

Jittejbu l-politiki dwar il-prevenzjoni ta’ diżastri industrijali jew “natech” (naturali u teknoloġiċi), inklużi d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis tal-UE u l-aħjar prattiki.

Tittejjeb il-kooperazzjoni li twassal sabiex jiġi stabbilit programm ta’ taħriġ robust għall-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tad-diżastri fil-Moldova abbażi tal-aħjar prattiki u l-esperjenza tal-Istati Membri tal-UE;

Jinbeda l-iskambju onlajn tad-dejta dwar ir-radjazzjoni ambjentali billi tiġi ffaċilitata l-adeżjoni tal-Moldova fil-Pjattaforma Ewropea għall-Iskambju tad-Dejta Radjoloġika (EURDEP-European Radiological Data Exchange Platform).



2.8    Il-Mobbiltà u l-Kuntatti bejn il-Persuni 

L-edukazzjoni, it-taħrig u ż-żgħażagħ

Il-partijiet se jaħdmu flimkien fuq il-modernizzazzjoni u r-riforma ġenerali tal-edukazzjoni, skont il-ħtiġijiet tal-żagħżagħ u tal-pajjiż, ġusta mal-istudenti minn madwar l-estrazzjonijiet ġeografiċi u soċjali kollha, effiċjenti f’termini ta’ użu tar-riżorsi u li tnissel fiduċja fost is-soċjetà permezz tal-kwalità tajba tar-riżorsi umani tagħha u s-sistemi tar-riżultati, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ fil-Moldova. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Jiġi implimentat il-kodiċi ġdid dwar l-Edukazzjoni;

Tiżdied il-kapaċità amministrattiva tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u tal-korpi subordinati;

Tiġi stabbilita sistema ta’ indikaturi tar-riżultati li jkunu jirriflettu r-rilevanza tar-riżultati miksuba mis-sistema edukattiva;

Tiġi introdotta skema ta’ kupuni li jippremjaw l-attendenza fl-iskola;

Tiżdied il-kwalità tat-taħriġ inizjali tal-għalliema, il-kwalità tal-proċeduri tal-impjieg u l-livell ta’ gwadann finanzjarju;

Jiġu mmodernizzati l-universitajiet, b’mod partikolari permezz ta’ trasparenza akbar fir-reklutaġġ tal-persunal;

Jittwettqu attivitajiet konġunti u ta’ skambji li jippromwovu aktar l-integrazzjoni tal-Moldova fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja, fil-kuntest tas-sħubija tagħha fil-proċess ta’ Bolonja;

Jiġu promossi l-kooperazzjoni akkademika, il-bini tal-kapaċità u l-mobbiltà tal-persunal u tal-istudenti permezz tal-programm Erasmus+ u l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie għall-mobbiltà u t-taħriġ tar-riċerkaturi;

Tiġi promossa kooperazzjoni sistemika bejn is-sistema edukattiva u s-settur privat għat-tqabbil tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

Jibda jitħaddem b’mod sħiħ it-titolu VII tal-Liġi tal-Edukazzjoni (it-Tagħlim tul il-Ħajja), f’kooperazzjoni mal-Ministeru tax-Xogħol;

Tħeġġeġ l-involviment ta’ partijiet interessati rilevanti f’kull forma ta’ tagħlim tul il-ħajja għal żvilupp professjonali kontinwu sabiex iġibuhom eqreb lejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Titwettaq ir-riforma tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, inkluża l-leġiżlazzjoni li tirrigwardja l-Kumitati Settorjali;

Tittwettaq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali ta’ Żvilupp tas-Settur taż-Żgħażagħ;

Jittejbu l-iskambji u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni mhux formali għaż-żgħażagħ u għal dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, bħala mezzi li jippromwovu d-djalogu interkulturali u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili, inkluż permezz ta’ programmi tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi żgurata l-parteċipazzjoni kostanti fl-ittestjar ta’ PISA;

Jitkomplew ir-riformi fl-edukazzjoni bażika sabiex tissaħħaħ il-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema, jiġu mmodernizzati l-kurrikuli u jsir użu akbar mill-valutazzjoni tal-prestazzjoni;

Jitnaqqsu r-rati tat-tluq bikri mill-iskola;

Issir konnessjoni bejn l-edukazzjoni u r-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll bejn l-edukazzjoni u l-ambjent ekonomiku u soċjali;

Isiru evalwazzjoni esterna u akkreditazzjoni tal-programmi kollha għat-tliet ċikli kollha tal-edukazzjoni (baċellerat, masters u dottorat) u tal-istituzzjonijiet kollha tal-edukazzjoni għolja;

Isiru evalwazzjoni esterna u akkreditazzjoni tal-fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti;

Jiżdied it-tagħlim tul il-ħajja;

Jiġi implimentat u jingħata appoġġ għal approċċ strateġiku għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (vocational education and training, VET) bil-għan li s-sistema tal-VET tal-Moldova tinġieb f’konformità mal-modernizzazzjoni tal-istrutturi tal-VET tal-UE, kif segwita permezz tal-Proċess ta’ Kopenħagen u l-istrumenti tiegħu.



Ir-riċerka u l-innovazzjoni

Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tiġi adottata modifika ġdida fil-leġiżlazzjoni dwar ir-riċerka, abbażi tar-Reviżjoni riċenti tas-Sistema ta’ Riċerka tal-Moldova mwettqa permezz tal-Faċilità ta’ Appoġġ għall-Politika, li tkun koerenti mal-kodiċi ġdid tal-Edukazzjoni li jinħtieġ li jiġi abbozzat u approvat;

Jinħolqu strutturi ġodda li jwettqu r-rwol ta’ koordinazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell governattiv.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-Moldova fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER);

Tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-Moldova fil-programm Orizzont 2020;

Jiġu implimentati l-Istrateġija għar-riċerka u l-iżvilupp sal-2020, il-Pjan ta’ Azzjoni u l-Istrateġija għall-Innovazzjoni 2013-20, l-"Innovazzjoni għall-Kompetittività" u r-rakkomandazzjonijiet tar-reviżjoni bejn il-pari tal-Faċilità ta’ Appoġġ għall-Politika ta’ Orizzont 2020;

Jissaħħu r-riżorsi umani, materjali u istituzzjonali sabiex jittejbu l-kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni;

Tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-Moldova fl-azzjonijiet ta’ Marie Skłodowska-Curie.

Il-kultura, il-politika awdjoviżiva u l-midja

Il-kultura

Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-2005 tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali;

Tiġi promossa l-parteċipazzjoni tal-operaturi kulturali u awdjo viżivi mill-Moldova fil-programmi tal-UE, b’mod partikolari Ewropa Kreattiva.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Issir kooperazzjoni fuq l-iżvilupp ta’ politika kulturali inklużiva fil-Moldova u fuq il-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt naturali u kulturali;

Jissaħħu l-kapaċitajiet sabiex tiġi żviluppata intraprenditorija kulturali fis-setturi kulturali u kreattivi (inkluż il-wirt kulturali) u sabiex jiġu pprovduti servizzi kulturali.

Politika awdjoviżiva u midja

Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex iħejju għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE msemmija fl-annessi għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Din il-kooperazzjoni se tinkludi appoġġ għall-Moldova sabiex:

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Issaħħaħ il-kapaċità u l-indipendenza tal-awtoritajiet / korpi regolatorji għall-midja u, b’mod partikolari, issir ħidma lejn l-indipendenza sħiħa tal-Kunsill tal-Koordinazzjoni Awdjoviżiva;

Temenda l-leġiżlazzjoni sabiex tiggarantixxi li l-għajnuna finanzjarja pubblika għall-midja tiġi allokata skont kriterji oġġettivi u stretti, applikabbli bl-istess mod għall-midja u x-xandara kollha;

Temenda l-leġiżlazzjoni sabiex tindirizza b’urġenza l-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-midja;

Flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ parteċipazzjoni fi programmi tal-UE magħżula u f’attivitajiet tal-aġenziji tal-UE ffokati fuq il-pajjiżi tal-PEV;

Tiġi żviluppata liġi ġdida dwar ir-reklamar f’konformità mal-Kodiċi Awdjoviżiv ġdid li jrid jiġi adottat u mal-istandards Ewropej u li timmira lejn kompetizzjoni effettiva fis-settur.

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Issir ħidma lejn l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni awdjoviżiva f’konformità mal-istandards Ewropej, inkluż permezz ta’ skambju ta’ opinjonijiet dwar il-politika awdjoviżiva, standards internazzjonali applikabbli, inkluża l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija.

Il-parteċipazzjoni f’Aġenziji u Programmi tal-UE

Prijoritajiet fuq terminu medju ta' żmien

Tiġi riveduta l-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar il-Parteċipazzjoni fi Programmi tal-UE abbażi tal-parteċipazzjoni effettiva tal-Moldova fi Programmi speċifiċi tal-UE.

2.9    Sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u viżibilità

Prijoritajiet fuq terminu qasir ta' żmien

Tkun żgurata komunikazzjoni b’sisien sodi dwar l-opportunitajiet u l-implikazzjonijiet ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Moldova, b’enfasi dwar id-DCFTA.

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru xxx/2017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-xx.xx 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa. ĠU L ...

Top