Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IP0501

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija (2015/2129(INI))

    ĠU C 369, 11.10.2018, p. 96–104 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 369/96


    P8_TA(2017)0501

    Implimentazzjoni tad-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija (2015/2129(INI))

    (2018/C 369/13)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 82(2) u 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 7, 8, 24, 47, 48 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989, u l-Protokolli tagħha,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali tal-25 ta' Ottubru 2007,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità tat-23 ta' Novembru 2001,

    wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Ewropa tal-Istrateġija tiegħu dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2016-2021),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Diċembru 2011, dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (1),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-Ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet (4),

    wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2012 dwar “Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal” (COM(2012)0196), u wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2016 bit-titolu “Evalwazzjoni finali tal-programm multiannwali tal-UE dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni (Internet Aktar Sikur)” (COM(2016)0364),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2016 li jivvaluta kemm l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex ikunu konformi mad-Direttiva 2011/93/UE (COM(2016)0871 finali), u r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2016 li jivvaluta l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/93/UE (COM(2016)0872),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol tal-2016 dwar il-Valutazzjoni tat-Theddida mill-Kriminalità Organizzata ffaċilitata mill-Internet (iOACTA),

    wara li kkunsidra r-rapport mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tas-27 ta' Frar 2017 bit-titolu "Ġustizzja adatta għat-tfal: Perspettivi u esperjenzi ta' tfal involuti fi proċedimenti ġudizzjarji bħala vittmi, xhieda jew partijiet f'disa' Stati Membri tal-UE,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2017 bit-titolu “Il-protezzjoni tat-tfal migranti” (COM(2017)0211),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e), u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0368/2017),

    A.

    billi l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt tat-tfal għall-protezzjoni u l-kura meħtieġa għall-benesseri tagħhom, kif previst fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

    B.

    billi l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu kunsiderazzjoni primarja meta tiġi implimentata kwalunkwe miżura biex jiġu miġġielda dawn ir-reati, f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

    C.

    billi d-Direttiva 2011/93/UE hija strument ġuridiku komprensiv li fih dispożizzjonijiet dwar id-dritt kriminali sostantiv u dwar il-proċeduri kriminali, miżuri ta' assistenza u protezzjoni tal-vittmi u għall-prevenzjoni, inklużi miżuri amministrattivi, u l-implimentazzjoni tagħha tirrikjedi l-involviment mill-qrib ta' atturi minn setturi differenti bħalma huma l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, il-ġudikatura, assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u tal-familja li għandhom rwol attiv fir-rigward tal-protezzjoni tal-minorenni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-fornituri tas-servizz tal-internet u oħrajn;

    D.

    billi r-rapport ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ma jipprovdi l-ebda statistika fir-rigward tat-tneħħija u l-imblukkar ta' websites li fihom jew li jxerrdu stampi ta' abbuż sesswali tat-tfal, speċjalment l-istatistika dwar kemm il-kontenut idum biex jitneħħa, il-frekwenza li biha r-rapporti jiġu segwiti minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, id-dewmien fit-tneħħija minħabba l-ħtieġa li tiġi evitata interferenza mal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin, jew il-frekwenza li biha kwalunkwe tali data maħżuna verament tintuża minn awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-infurzar tal-liġi;

    E.

    billi waħda mill-isfidi ewlenin fl-investigazzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal u l-prosekuzzjoni tal-agressuri hija n-nuqqas ta' rapportar mill-vittmi; billi huwa anqas probabbli li s-subien jirrappurtaw abbuż;

    F.

    billi t-tfal, li huma vittmi ta' abbuż jew sfruttament sesswali, isofru minn trawmi fiżiċi u / jew psikoloġiċi multipli u fit-tul li jistgħu jibqgħu jippersegwitawhom fit-tul fil-ħajja adulta;

    G.

    billi l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal online huwa fenomenu li qed jevolvi u nħolqu fuq l-internet forom ġodda tal-kriminalità, bħalma huma “l-pornografija ta' vendetta” u l-estorsjoni sesswali, u jeħtieġ li jiġu indirizzati b'miżuri konkreti mill-Istati Membri;

    H.

    billi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi qed jiffaċċjaw sfidi ppreżentati min-netwerks ta' bejn il-pari (peer-to-peer) u privati li jiskambjaw materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal; billi hemm il-ħtieġa li titqajjem kuxjenza fi stadju bikri fost il-bniet u s-subien dwar ir-riskji u dwar kemm hu importanti li jirrispettaw id-dinjità u l-privatezza tal-oħrajn fl-era diġitali;

    I.

    billi t-tfal migranti – speċjalment il-bniet iżda wkoll perċentwal sinifikanti ta' subien (5) – huma partikolarment esposti għall-abbuż sesswali u għall-isfruttament sesswali tat-tfal f'idejn it-traffikanti, kuntrabandisti, traffikanti tad-droga, ċrieki tal-prostituzzjoni, kif ukoll individwi jew ċrieki oħra, li jisfruttaw il-vulnerabbiltà tagħhom, matul ir-rotta u ladarba jaslu l-Ewropa

    J.

    billi l-industrija tat-turiżmu tas-sess taffettwa għadd sinifikanti ta' tfal, speċjalment bniet iżda wkoll perċentwal sinifikanti ta' subien;

    K.

    billi, sabiex ikun hemm konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri li jittieħdu skont il-premessa 47 tad-Direttiva 2011/93/UE dwar l-imblukkar u t-tneħħija ta' websites online jridu jirrispettaw is-salvagwardji elenkati fl-Artikolu 25 tad-Direttiva;

    L.

    billi reviżjoni sistematika u metaanaliżi sabu li, meta mqabbla mal-pari tagħhom mingħajr diżabbiltà, tfal b'diżabilità kellhom tliet darbiet aktar probabbiltà li jġarrbu vjolenza fiżika jew sesswali;

    M.

    billi l-użu tat-terminu “pornografija tat-tfal” mhuwiex xieraq biex jiġu definiti r-reati fl-Artikoli 5 u 2(c) tad-Direttiva 2011/93/UE, u jaf ikun ta' ħsara għall-vittmi tfal;

    Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin

    1.

    Jikkundanna għalkollox il-forom kollha ta' abbuż jew sfruttament sesswali tat-tfal, kif ukoll il-vittimizzazzjoni vjolenti u abbużiva tat-tfal f'kull livell; jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Ewropa tal-Istrateġija tiegħu dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2016-2021); jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri kollha biex jieħdu miżuri xierqa bil-għan li jipprevjenu il-forom kollha ta' vjolenza fiżika u psikoloġika, inkluż abbuż fiżiku u sesswali u sfruttament sesswali, u jipproteġu lit-tfal; jistieden lill-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri kollha tal-UE biex jieħdu azzjoni magħquda u effikaċi sabiex jeqirdu l-abbuż u l-isfruttament sesswali u, b'mod aktar ġenerali, ir-reati sesswali kollha kontra t-tfal; jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri kollha tal-UE biex b'mod espliċitu jikkunsidraw il-protezzjoni tat-tfal bħala prijorità meta jipprogrammaw u jimplimentaw il-politiki, li jaf ikollhom impatt negattiv fuqhom;

    2.

    Iqis li d-Direttiva 2011/93/UE hija qafas ġuridiku solidu u sħiħ għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal; jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri ħabbtu wiċċhom ma' dewmien sinifikanti fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni kif ukoll fir-rigward tal-protezzjoni u l-assistenza lill-vittmi, u l-fatt li għadu ma ġiex sfruttat il-potenzjal sħiħ tad-Direttiva. iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jittrasponu d-Direttiva b'mod sħiħ u korrett; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li t-traspożizzjoni legali tiġi tradotta f'implimentazzjoni effikaċi sabiex jiżguraw il-protezzjoni u l-assistenza għall-vittmi tfal u tolleranza żero għall-abbuż sesswali tat-tfal;

    3.

    Jiddeplora li l-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni li tippreżenta r-rapporti ta' implimentazzjoni tagħha fi żmien l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2011/93/UE u li ż-żewġ rapporti ta' evalwazzjoni ppreżentati mill-Kummissjoni ddokumentaw sempliċement it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri u ma vvalutax bis-sħiħ il-konformità tad-Direttiva; jitlob lill-Istati Membri jikkooperaw u jgħaddu lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, inkluża l-istatistika;

    4.

    Jisħaq fuq il-punt li t-terminu “materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal” huwa aktar xieraq minn “pornografija tat-tfal” għal tali reati kontra t-tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw l-użu tat-terminu “materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal” minflok it-terminu “pornografija tat-tfal”; jisħaq, madankollu, li t-terminoloġija l-ġdida m'għandha bl-ebda b'mod tirrestrinġi r-reati elenkati bħala “pornografija tat-tfal” fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/93/UE b'rabta mal-Artikolu 2(c);

    5.

    Jiddispjaċih li r-rapport ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jonqos milli jsemmi jekk ivvalutatx l-effiċjenza tas-sistema INHOPE meta tittrasferixxi r-rapporti lil kontropartijiet f'pajjiżi terzi;

    6.

    Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-Kummissjoni naqset milli tiġbor data dwar it-tipi ta' mblukkar li ntużaw; jiddispjaċih li ma ġietx ippubblikata data dwar in-numru ta' websites fuq il-listi tal-imblukkar f'kull pajjiż; iqis li huwa ta' dispjaċir li m'hemm l-ebda valutazzjoni tal-użu ta' metodi ta' sigurtà, bħal kriptaġġ, sabiex jiġi żgurat li l-listi tal-imblukkar ma jiġux żvelati u jsiru serjament kontroproduttivi; jilqa' l-fatt li, wara li ppromwoviet l-imblukkar obbligatorju fl-2011, il-Kummissjoni b'mod espliċitu abbandunat din il-pożizzjoni;

    Id-Dritt Kriminali Sostantiv (l-Artikoli 3, 4 u 5 tad-Direttiva)

    7.

    Jieħu nota tal-fatt li d-dispożizzjonijiet dwar id-dritt kriminali sostantiv tad-Direttiva 2011/93/UE ġew trasposti mill-Istati Membri; jinsab imħasseb, madankollu, li xi Stati Membri ma ttrasponewx bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet dwar ir-reati li jikkonċernaw l-isfruttament sesswali (l-Artikolu 4), ir-reati li jikkonċernaw l-abbuż sesswali meta jsir abbuż ta' pożizzjoni rikonoxxuta ta' fiduċja, awtorità jew influwenza (Artikolu 3(5)(i)) jew meta jsir abbuż minn sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli tat-tifel jew tifla (Artikolu 3(5)(ii)), u fir-rigward tar-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi (Artikolu 12);

    8.

    Iqis, b'mod partikolari, li l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu kull sforz possibbli biex jiġġieldu kontra l-impunità tal-aggressuri ta' abbuż sesswali tat-tfal, kif ukoll ta' individwi jew persuni ġuridiċi, li jgħinu, jassistu jew li huma kompliċi ta' kwalunkwe reat ta' sfruttament sesswali jew abbuż sesswali tat-tfal; iqis li huwa ta' importanza fundamentali li l-Istati Membri jiżguraw ir-responsabbiltà kemm tal-persuni fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, fejn in-nuqqas ta' monitoraġġ jew superviżjoni ta' persuna li hija membru ta' dik l-entità ġuridika, ikun ippermetta jew iffaċilita t-twettiq ta' reati;

    9.

    Jinsab partikolarment imħasseb dwar it-theddid u r-riskji li toħloq id-dimensjoni online għat-tfal, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda r-reklutaġġ tat-tfal online, kif ukoll il-grooming u forom oħra ta' inċitament; iqis li għaldaqstant iridu jinstabu modi ta' kif jiġu identifikati, irrappurtati u investigati prattiki perikolużi bħal dawn; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdied il-livell ta' protezzjoni tat-tfal online filwaqt li fl-istess ħin jitniedu programmi ta' sensibilizzazzjoni u informazzjoni dwar il-perikli li jeżistu online;

    10.

    Ifakkar lill-Kummissjoni li r-restrizzjonijiet fuq kontenut online għandhom ikunu bbażati fuq il-liġi, definiti sew, proporzjonati, leġittimi, u jsegwu għan ċar;

    11.

    Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-webstreaming dirett tal-abbuż sesswali tat-tfal, fejn it-trasgressuri għandhom ħiliet għolja u qed ikunu innovattivi ħafna fl-użu ta' teknoloġija avvanzata; iqis li l-Istati Membri kollha għalhekk jenħtieġ li jfittxu li jiżviluppaw applikazzjonijiet tekniċi innovattivi biex jidentifikaw u jimblukkaw l-aċċess għal kontenut bħal dan, filwaqt li fl-istess ħin jistabbilixxu restrizzjonijiet fuq il-ħlas għal servizzi ta' dan it-tip;

    12.

    Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati forom ġodda ta' reati online, bħalma huma l-pornografija ta' vendetta u l-estorsjoni sesswali, li jaffettwaw lil ħafna minorenni, b'mod partikolari lit-tfajliet adoloxxenti; jistieden lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-ġudikatura tal-Istati Membri jadottaw miżuri konkreti biex jiġġieldu din il-forma ġdida ta' kriminalità, u lill-industrija tal-internet, lill-hotlines, lill-NGOs u lill-korpi rilevanti kollha jistedinhom jerfgħu r-responsabbiltà kondiviża tagħhom filwaqt li jfittxu li jipprovdu soluzzjonijiet biex jiġu miġġielda dawn ir-reati, fosthom billi jsir użu aħjar tat-teknoloġiji disponibbli u billi jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-persuni li wettqu delitti online;

    13.

    Itenni d-dritt ta' kull individwu li jiddeċiedi dwar id-destin tad-data personali tiegħu jew tagħha, b'mod partikolari d-dritt esklussiv li jikkontrolla l-użu u d-divulgazzjoni ta' informazzjoni personali u d-dritt li jintesa definit bħala l-possibbiltà li persuni jiksbu t-tneħħija immedjata tal-kontenut li jista' jkun ta' preġudizzju għad-dinjità proprja tagħhom;

    14.

    Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri li s'issa għadhom ma jikkriminalizzaw is-cyberstalking jew it-taħjir tat-tfal fuq l-internet, kif ukoll “l-online grooming”; ifakkar li t-terminu “cyberstalking” jirreferi għal sitwazzjoni meta adulti jikkomunikaw online ma' minorenni jew persuna li jaħsbu li hija minorenni bil-għan li sussegwentement iwettqu att kriminali jew delitt kontriha;

    15.

    Iqis li huwa ta' dispjaċir li mhija pprovduta l-ebda statistika fir-rigward tal-użu ta' proċeduri tal-liġi kriminali sabiex f'każijiet rilevanti jiġi ssekwestrat l-apparat;

    L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni

    16.

    Jinnota li għadd ta' Stati Membri ma implimentawx ir-rekwiżit li ssir prosekuzzjoni tar-reati fi żmien suffiċjenti wara li l-vittma tkun laħqet l-età maġġuri; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jiżguraw li l-limiti statutorji li fihom dawn ir-reati jistgħu jiġu rappurtati u proċessati huma ta' tul suffiċjenti u, għall-inqas, li jibdew mill-età maġġuri tat-tfal vittmi, sabiex jiżguraw il-possibbiltà li ssir il-prosekuzzjoni tar-reat;

    17.

    Jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 17 bl-għan li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom ġurisdizzjoni fuq l-offiżi kommessi permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) aċċessata mit-territorju tagħhom kemm jekk hija bbażata fit-territorju tagħhom kif ukoll jekk le. jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata l-bażi prattika għal approċċ komuni tal-UE rigward il-kwistjoni ta' ġurisdizzjoni fiċ-ċiberspazju, kif enfasizzat fil-laqgħa informali tal-ministri tal-ġustizzja u l-affarijiet interni li saret fis-26 ta' Jannar 2016;

    18.

    Jiddeplora li mhux ir-reati kollha elenkati fid-Direttiva 2011/93/UE huma inklużi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, f'dak li jirrigwarda ġurisdizzjoni extraterritorjali; jiddispjaċih li xi Stati Membri jiggarantixxu li ssir prosekuzzjoni ta' reati ta' abbuż sesswali mwettqa barra mill-pajjiż mingħajr ilment mill-vittma; jistieden lill-Istati Membri biex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet b'mod effikaċi;

    19.

    Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jallokaw riżorsi finanzjarji u umani adegwati għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji sabiex jiġġieldu l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inkluż taħriġ speċifiku għall-pulizija u l-investigaturi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-riżorsi ddedikati għall-identifikazzjoni tal-vittmi u jistieden minnufih lill-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2011/93/UE dwar l-identifikazzjoni tal-vittmi, biex jagħmlu dan mill-aktar fis u sabiex jimplimentaw din id-dispożizzjzoni billi jistabbilixxu skwadri speċjali ta' investigazzjoni, li jingħataw l-għodod u r-riżorsi xierqa;

    20.

    Jiddispjaċih li għad hemm nuqqas ta' statistika u data preċiżi dwar in-numru ta' reati mwettqa speċjalment fil-qasam tal-abbuż sesswali u l-isfruttament tat-tfal minħabba l-perċentwal għoli ta' każijiet li ma jiġux irrappurtati, in-novità tar-reati, u d-differenzi fid-definizzjonijiet u l-metodoloġiji użati f'diversi Stati Membri;

    21.

    Jisħaq fuq il-punt li uħud mill-isfidi ewlenin li jħabbtu wiċċhom magħhom l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-offiżi ta' abbuż sesswali tat-tfal online, li jirriżultaw l-aktar mid-dimensjoni transkonfinali tal-investigazzjonijiet u mid-dipendenza mit-tekniki tal-evidenza elettronika; jinnota, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jittejbu t-tekniki investigattivi diġitali bil-għan li jkunu jistgħu jlaħħqu mal-pass mgħaġġel tal-iżvilupp teknoloġiku;

    22.

    Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tagħhom, fosthom permezz ta' użu akbar tal-iskwadri ta' investigazzjoni konġunti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirrikonoxxu li dipendenza żejda fuq il-hotlines u l-industrija tista' tkun kontroproduttiva u testernalizza biss il-ġlieda kontra materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal;

    23.

    Jistieden lill-Istati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/93/UE b'mod validu għall-ġejjieni; iħeġġeġ lill-industrija u lill-fornituri tas-servizz tal-internet japplikaw teknoloġija aġġornata u jinvestu f'soluzzjonijiet innovattivi biex jiżdiedu l-possibbiltajiet li t-trasgressuri jiġu identifikati u mressqa quddiem il-ġustizzja, jiġu żarmati n-netwerks kriminali online u jiġu protetti l-vittmi;

    24.

    Jesprimi tħassib dwar l-użu mill-fornituri tas-servizzi tal-internet ta' teknoloġiji tat-Traduzzjoni tal-Indirizz tan-Netwerk fil-Grad ta' Portatur (NAT CGN) li jagħmilha possibbli li diversi utenti jikkondividu indirizz IP wieħed fl-istess ħin, u b'hekk jipperikolaw is-sigurtà online u l-possibbiltà li tiġi stabbilita r-responsabbiltà; jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-fornituri tas-servizzi tal-Internet u lill-operaturi tan-netwerk jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jillimitaw in-numru ta' utenti għal kull indirizz IP, ineħħu gradwalment l-użu tat-teknoloġiji CGN u jagħmlu l-investimenti meħtieġa sabiex jadottaw b'urġenza l-ġenerazzjoni li jmiss ta' indirizzi IP (verżjoni 6 – IPv6);

    25.

    Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja tagħhom kif ukoll jagħmlu użu sħiħ tal-għodod ta' kooperazzjoni eżistenti tal-UE pprovduti mill-Europol – b'mod partikolari fil-kuntest tal-Proġett ta' Analiżi AP Twins u l-European Cybercrime Centre – u l-Eurojust biex jiżguraw li jirnexxu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-trasgressuri u l-kompliċi possibbli; jenfasizza li l-Europol u l-Eurojust jenħtieġ li jingħataw ir-riżorsi xierqa biex iwettqu l-kompiti tagħhom f'dan ir-rigward u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki;

    26.

    Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja tagħhom sabiex jiġġieldu lit-traffikar u lill-kuntrabandu tat-tfal migranti, li huma partikolarment vulnerabbli għall-abbuż, għat-traffikar u għall-isfruttament sesswali, speċjalment il-bniet, iżda anki s-subien; jappella għal kooperazzjoni msaħħa u skambju rapidu ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet biex jiġu ttraċċati t-tfal neqsin, u jitlob li l-bażijiet tad-data jkunu interoperabbli; jistieden lill-Istati Membri jadottaw approċċ olistiku li jinvolvi l-atturi kollha kkonċernati u jżidu l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, is-servizzi soċjali u s-soċjetà ċivili; jirrikonoxxi r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fl-identifikazzjoni ta' tfal vulnerabbli, minħabba n-nuqqas ta' fiduċja li t-tfal migranti wrew fl-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;

    27.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu lit-turiżmu sesswali tat-tfal u jħarrku lit-trasgressuri u lill-kompliċi, filwaqt li jqisu r-responsabbiltà tal-atturi kollha involuti;

    28.

    Iqis li l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu mħeġġa biex jiżviluppaw netwerk internazzjonali speċjalizzat għall-ġlieda kontra t-turiżmu sesswali, akkumpanjat minn politiki mmexxija mill-gvern bħall-introduzzjoni ta' programmi ta' finanzjament biex tingħata għajnuna lill-familji u t-tfal li jgħixu f'żoni perikolużi;

    Il-prevenzjoni (l-Artikoli 22, 23 u 24 tad-Direttiva)

    29.

    Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw programmi effettivi ta' prevenzjoni u ta' intervent, inklużi, programmi ta' taħriġ regolari, għall-uffiċjali, l-edukaturi, l-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u l-partijiet ikkonċernati kollha li għandhom kuntatt mat-tfal biex jivvalutaw aħjar ir-riskju ta' twettiq ta' reati;

    30.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jimplimentaw miżuri xierqa bħas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, kampanji ta' prevenzjoni, taħriġ u programmi ddedikati ta' edukazzjoni għall-awtoritajiet, il-ġenituri, l-għalliema, it-tfal u l-minorenni – anki f'kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri li għandhom rwol attiv fil-protezzjoni tat-tfal u l-minorenni, kif ukoll mal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili rilevanti, sabiex jippromwovu l-litteriżmu medjatiku u s-sikurezza online u l-importanza tal-valuri tal-familja (eż. ir-responsabbiltà, ir-rispett u l-kura reċiproki), id-dinjità tal-bniedem, l-awtostima, in-nonvjolenza u, b'mod aktar ġenerali, id-dritt tat-tfal li jiġu protetti kontra kull forma ta' abbuż u sfruttament sesswali;

    31.

    Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex iwaqqfu sistema b'diversi stadji fil-protezzjoni tat-tfal abbażi tal-aħjar interessi tal-wild u r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tiegħu jew tagħha, sabiex jintbagħat messaġġ ċar li kull forma ta' abbuż fiżiku, sesswali u emozzjonali fuq it-tfal hija inaċċettabbli u punibbli bil-liġi;

    32.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki dwar materjal edukattiv u programmi ta' taħriġ għall-atturi kollha involuti, bħalma huma l-għalliema, il-ġenituri, l-edukaturi u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, biex titqajjem kuxjenza dwar il-grooming u riskji oħra għas-sikurezza tat-tfal online; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi edukattivi ambizzjużi maħsuba kemm għall-ġenituri kif ukoll għat-tfal bil-għan li jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom, u dan billi jsiru aktar konxji tal-perikli tal-internet u jiġu mħeġġa jirrappurtaw l-inċidenti li jkunu raw jew li kienu vittmi tagħhom, b'mod partikolari permezz ta' linji telefoniċi apposta għat-tfal; iqis li huwa importanti ħafna li l-ġenituri jingħataw linji gwida sabiex jivvalutaw ir-riskji li jistgħu jaffaċċjaw uliedhom u jidentifikaw sinjali bikrija ta' abbuż sesswali online potenzjali; jistieden lill-fornituri tas-servizzi jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex iżidu l-għarfien dwar ir-riskju tal-internet, b'mod partikolari għat-tfal, billi jiżviluppaw għodod interattivi u materjal ta' informazzjoni;

    33.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex fil-leġiżlazzjoni tagħhom jintroduċu verifiki mandatarji tal-preċedenti kriminali għall-persuni li japplikaw jew li joffru ruħhom volontarji għal attivitajiet jew impjiegi fejn ikollhom kuntatt jew awtorità fuq it-tfal, u jħeġġiġhom ukoll jiskambjaw b'mod sistematiku informazzjoni dwar individwi li jikkostitwixxu riskju għat-tfal;

    34.

    Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni dwar l-awturi ta' abbuż sesswali tat-tfal bil-għan li ma jħalluhomx jiċċaqilqu minn Stat Membru għall-ieħor għal raġunijiet ta' xogħol jew biex jagħmlu volontarjat mat-tfal jew ma' istituzzjonijiet tat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali u dwar l-iskwalifiki, kif ukoll jiżguraw l-ġbir sistematiku u koerenti tad-data fir-reġistri nazzjonali tat-trasgressuri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2011/93/UE u jipprovdu programmi ta' intervent u miżuri effikaċi u rieżaminati b'mod akkademiku għal persuni li jkollhom biża' li jwettqu reati ta' abbuż sesswali tat-tfal u reati oħra msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva;

    35.

    Jinnota li xi Stati Membri żviluppaw sistemi operattivi ddedikati u kapaċitajiet forensiċi intiżi għall-investigazzjoni ta' abbużi sesswali tat-tfal; jinnota, madankollu, li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri la għandhom servizzi investigattivi speċjalizzati, u lanqas il-mezzi finanzjarji sabiex jakkwistaw materjali forensiċi, bħal software speċifiku li jippermetti li jitwettqu investigazzjonijiet online; jirrakkomanda lill-UE, għaldaqstant, biex tappoġġa lil dawn is-servizzi billi tipprovdi l-fondi rilevanti, fejn meħtieġ;

    36.

    Jinnota l-fatt li l-parti l-kbira tal-każijiet ta' abbuż sesswali u ta' sfruttament sesswali tat-tfal rarament jiġu rrapportati lis-servizzi tal-infurzar tal-liġi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex itejbu u jsaħħu r-rapportar ta' dawn ir-reati, kif ukoll jikkunsidraw iwaqqfu mekkaniżmi diretti sistematiċi ta' rapportar;

    37.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw jew isaħħu linji ta' għajnuna għat-tfal li jipprovdu għajnuna u appoġġ għal tfal li huma vittmi ta' abbuż jew sfruttament sesswali u li jirrispettaw id-dritt fundamentali tat-tfal li jinstemgħu; jitlob lill-Istati Membri jiżguraw id-disponibbiltà 24 siegħa kuljum ta' dawn il-linji ta' għajnuna, l-aċċessibbiltà tagħhom permezz ta' mezzi differenti ta' komunikazzjoni, il-kunfidenzjalità tagħhom, li huma b'xejn għat-tfal iżda wkoll għal-linji ta' għajnuna, il-pożizzjoni ċara tagħhom fi ħdan sistemi nazzjonali tal-protezzjoni tat-tfal u jiggarantixxu finanzjament strutturali u fit-tul għal dawn il-linji ta' għajnuna;

    L-assistenza u l-protezzjoni tal-vittmi (l-Artikoli 18, 19 u 20 tad-Direttiva)

    38.

    Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2012/29/UE dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità, jadottaw miżuri speċifiċi biex jipproteġu lit-tfal vittmi u jikkondividu l-aħjar prattiki biex jiżguraw li t-tfal jirċievu assistenza u appoġġ xierqa tul id-durata kollha tal-proċedimenti kriminali u minn hemm 'il quddiem;

    39.

    Jilqa' l-aħjar prattiki adottati f'xi Stati Membri għall-protezzjoni tat-tfal, bħalma hu l-Barnhuset fl-Iżvezja, fost oħrajn; jistieden lill-Istati Membri jiffukaw fuq l-iżgurar tal-għoti ta' għajnuna legali, appoġġ psikoloġiku u assistenza u jevitaw il-vittimizzazzjoni sekondarja tat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu bidu għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni kemm fil-livell reġjonali kif ukoll fil-livell nazzjonali biex jippromwovu l-appoġġ għall-vittmi tfal u jrawmu bidla kulturali fl-opinjoni pubblika biex tiġi evitata kwalunkwe attitudni li tagħti tort lill-vittmi, li jaf tirriżulta fi trawma addizzjonali għat-tfal vittmi ta' abbuż;

    It-tneħħija u l-imblukkar (Artikolu 25)

    40.

    Jilqa' l-fatt li l-Istati Membri stabbilixxew miżuri leġiżlattivi u amministrattivi biex ineħħu l-paġni web li fihom materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal ospitati fuq it-territorju tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/93/UE u jiżguraw li l-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal jitneħħa mal-ewwel f'ras il-għajn, u li jistabbilixxu s-salvagwardji rilevanti; jiddispjaċih għall-fatt li huma biss nofs l-Istati Membri li inkorporaw disposizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tagħhom li jagħmluha possibbli li l-aċċess għal paġni web bħal dawn jiġu imblukkati għall-utenti fi ħdan it-territorju tagħhom; ifakkar li fil-ġlieda kontra t-tixrid ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal, il-miżuri ta' tneħħija huma, fil-prinċipju, aktar effettivi mill-imblukkar peress li dan tal-aħħar ma jħassarx il-kontenut;

    41.

    Jiddispjaċih u jesprimi tħassib għall-fatt li, minkejja li l-Kummissjoni ssemmi li xi Stati Membri m'għandhomx proċeduri ta' “avviż u tneħħija” funzjonali, 16-il sena wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2000/31/KE (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettrotroniku), ma indikatx jekk hux se tittieħed xi azzjoni sabiex dawk l-Istati Membri jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni;

    42.

    Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel aktar sforzi sabiex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa ħalli taċċerta xi proċeduri jintużaw fi Stati Membri fejn m'hemm l-ebda proċedura ta' “avviż u tneħħija” u l-ebda pieni kriminali stabbiliti, u tagħti bidu għal proċedimenti ta' ksur kontra l-Istati Membri jekk kemm-il darba jinstab li ma jikkonformawx mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2000/31/KE dwar din il-kwistjoni;

    43.

    Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni la vvalutat is-sigurtà tal-listi tal-imblukkar, it-teknoloġiji użati għall-imblukkar f'dawk il-pajjiżi li implimentaw il-miżuri, l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sigurtà, bħall-kriptaġġ, għall-ħażna u l-komunikazzjoni tal-listi tal-imblukkar u lanqas ma wettqet analiżi sinifikanti tal-effikaċja ta' din il-miżura;

    44.

    Jinnota li d-Direttiva 2011/93/UE ma teħtieġx imblukkar obbligatorju; jirrikonoxxi li l-imblukkar mhuwiex la teknoloġija unika u lanqas waħda affidabbli; jirrakkomanda t-tneħħija ta' materjal ta' abbuż tat-tfal, sfruttament tat-tfal u abbuż sesswali tat-tfal minn ras il-għajn fil-kuntest ta' azzjonijiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi effiċjenti;

    45.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, f'kooperazzjoni mal-industrija tal-Internet, iħaffu l-proċeduri ta' notifika u tneħħija, li għadhom twal wisq, u jistabbilixxu sħubiji mal-industrija tas-settur online, l-Europol u l-Eurojust biex jipprevjenu l-hacking u l-użu ħażin tan-netwerks u s-sistemi biex jitqassam materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal;

    46.

    Jistieden lill-Istati Membri, f'każijiet fejn il-kontenut isir disponibbli minn pajjiżi terzi, biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom mal-pajjiżi terzi kkonċernati u mal-Interpol bil-għan li jiżguraw it-tneħħija fil-pront tal-kontenut inkwistjoni;

    47.

    Jirrakkomanda li l-listi suwed tal-websites li fihom materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal jiġu aġġornati regolarment mill-awtoritajiet rilevanti u kkomunikati lill-fornituri tas-servizzi tal-internet sabiex jġi evitat, pereżempju, l-imblukkar żejjed u sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità; jirrakkomanda l-kondiviżjoni ta' tali listi suwed ta' websites bejn l-Istati Membri, mal-Europol u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tiegħu, kif ukoll mal-Interpol; iqis, f'dan ir-rigward, li tista' tintuża t-teknoloġija tal-“hashing” li għadha kemm ġiet żviluppata, li tinvolvi l-identifikazzjoni u r-rikonixximent awtomatiku tal-immaġnijiet; jisħaq fuq il-punt li kwalunkwe teknoloġija implimentata għandha tiġi eżaminata bir-reqqa biex tiġi eliminata, jew tal-inqas titnaqqas, il-possibbiltà ta' hacking, abbuż jew effetti kontroproduttivi;

    48.

    Iħeġġeġ lin-Netwerk INHOPE jaħdem mal-membri tiegħu sabiex joħloq mekkaniżmu ta' rapportar anonimu sikur dwar in-netwerks Deep Web, bħan-Netwerks Dark Net li jinstabu fin-netwerk TOR, li tipprovdi l-istess anonimità bi standard għoli bħal dik li l-organizzazzjonijiet tal-istampa jipprovdu lill-informaturi sabiex dawk li jużaw dawn in-netwerks jingħataw l-opportunità biex jersqu 'l quddiem b'informazzjoni jew rapporti dwar materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal;

    49.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmluha mandatarja li l-fornituri tas-servizzi tal-Internet (ISP) jirrappurtaw b'mod proattiv il-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal li jkun instab fl-infrastruttura tagħhom lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll lill-hotlines nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-finanzjament tagħha skont il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) bil-għan li lill-hotlines tipprovdilhom ir-riżorsi xierqa biex jissodisfaw il-mandat tagħhom biex jittrattaw kontenut illegali online;

    50.

    Jirrikonoxxi r-rwol attiv u ta' appoġġ li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaqdu fil-ġlieda kontra l-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet, bħan-Netwerk ta' Hotlines INHOPE, inkluża l-Fondazzjoni Internet Watch fir-Renju Unit; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-INHOPE, biex tidentifika u timplimenta l-aħjar prattiki, b'mod partikolari fir-rigward ta' rapportar tal-istatistika u interazzjoni effiċjenti mal-infurzar tal-liġi; iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma stabbilixxewx hotlines biex dan jagħmluh u huwa tal-fehma li dawn għandhom jitħallew ifittxu materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal online b'mod proattiv;

    51.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jistabbilixxu mingħajr dewmien mekkaniżmi ta' rapportar u ta' konsulenza sikuri u sensittivi għat-tfal, bħalma huma hotlines tat-telefown jew tal-kompjuter b'indirizzi tal-email, jew applikazzjonijiet tat-tablet jew smartphone li fuqhom l-utenti tal-Internet ikunu jistgħu jirrappurtaw – anke b'mod anonimu – il-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal li jsibu online u li huma kapaċi jivvalutaw b'mod rapidu dan il-kontenut irrappurtat bil-għan li jimplimentaw proċeduri ta' avviż u tneħħija malajr, u t-tneħħija ta' kontenut li jinsab barra t-territorju tagħhom; jitlob li dawn il-hotlines jiġu rrikonoxxuti b'mod ċar u jissaħħu, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdulhom ir-riżorsi adegwati, inklużi baġits xierqa u professjonisti b'għarfien espert mħarrġa; huwa tal-fehma li dawn il-hotlines jenħtieġ li jitħallew ifittxu materjal online ta' abbuż sesswali tat-tfal b'mod proattiv filwaqt li jirċievu rapporti mill-pubbliku;

    52.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi u appoġġjati programmi ta' informazzjoni tal-UE li jippermettu lill-membri tal-pubbliku jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet dwar kontenut online li huwa illegali jew ta' ħsara għat-tfal;

    53.

    Jistieden lill-Kummissjoni tkompli żżomm lill-Parlament infurmat b'mod regolari dwar is-sitwazzjoni attwali b'rabta mal-konformità tal-Istati Membri mad-Direttiva, billi tipprovdi data diżaggregata u komparabbli dwar il-prestazzjoni tal-Istati Membri fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal offline u online; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport aktar komprensiv dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, li għandu jinkludi informazzjoni u statistika addizzjonali dwar it-tneħħija u l-imblukkar ta' websites li fihom materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal, statistika dwar il-veloċità li biha jitneħħa kontenut illegali wara perjodu ta' 72 siegħa u dwar is-segwitu li jsir mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għar-reati rrappurtati, id-dewmien fit-tneħħija bħala konsegwenza tal-ħtieġa li tiġi evitata interferenza ma' investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin, informazzjoni dwar l-użu tad-data miżmuma mill-awtoritajiet ġudizzjarji u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dwar l-azzjonijiet li jittieħdu mill-hotlines wara li jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jikkuntattjaw lill-fornituri ospitanti; jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat rilevanti tiegħu biex jorganizza seduta ta' smigħ dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u possibilment jikkunsidra l-adozzjoni ta' rapport addizzjonali dwar is-segwitu mogħti għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva;

    o

    o o

    54.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

    (1)  ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

    (2)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

    (3)  ĠU C 289, 9.8.2016, p. 57.

    (4)  ĠU C 316, 30.8.2016, p. 109.

    (5)  L-istudji juru li s-subien, b'mod partikolari, jaf joqogħdu lura milli jikxfu abbuż sesswali, fosthom għal raġunijiet relatati mal-assunzjonijiet li s-soċjetà għandha fil-konfront tal-irġiel. Ara, pereżempju, l-istudju mill-Unità ta' Valutazzjoni tal-Impatt Ex Post tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, PE 598.614, p. 16, u Schaefer, G.A., Mundt, I.A, Ahlers, C.J., u Bahls, C, “Child sexual abuse and psychological impairment in victims: results of an online study initiated by victims” (L-abbuż sesswali tat-tfal u l-indeboliment psikoloġiku fil-vittmi: riżultati ta' studju online mibdi mill-vittmi), Journal of Child Sex Abuse, Vol. 21, No 3, 2012, pp. 343-360.


    Top