Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IP0280

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ir-rwol tat-turiżmu relatat mas-sajd fid-diversifikazzjoni tas-sajd (2016/2035(INI))

    ĠU C 334, 19.9.2018, p. 20–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.9.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 334/20


    P8_TA(2017)0280

    Ir-rwol tat-turiżmu relatat mas-sajd fid-diversifikazzjoni tas-sajd

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ir-rwol tat-turiżmu relatat mas-sajd fid-diversifikazzjoni tas-sajd (2016/2035(INI))

    (2018/C 334/03)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ilma (3) (Direttiva Qafas dwar l-Ilma),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tat-22 ta' Novembru 2012, dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar Tkabbir Blu: It-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar, tat-trasport marittimu u tat-turiżmu fl-UE (5),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2014 intitolata “L-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir” (COM(2014)0254),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2010 bit-titolu “L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew” (COM(2010)0352),

    wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 u b'mod partikolari l-Mira 4 “Biex is-sajd isir aktar sostenibbli u l-ibħra aktar b'saħħithom”, li fiha l-UE timpenja ruħha li, fost affarijiet oħra, telimina impatti ħżiena fuq l-istokkijiet tal-ħut, speċijiet, ħabitats u ekosistemi, inkluż billi jkunu pprovduti inċentivi finanzjarji permezz ta' strumenti finanzjari futuri għas-sajd u l-politika marittima għaż-żoni marittimi protetti (inklużi ż-żoni ta' Natura 2000 u dawk stabbiliti permezz ta' ftehimiet internazzjonali jew reġjonali). Dan jista' jinkludi r-restawr tal-ekosistemi tal-baħar, l-adattament tal-attivitajiet ta' sajd u l-promozzjoni tal-involviment tas-settur f'attivitajiet alternattivi, bħal pereżempju l-ekoturiżmu, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-bijodiversità marittima u l-ġlieda kontra l-iskart fil-baħar,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bl-isem “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2012 bit-titolu “Tkabbir Blu – opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu” (COM(2012)0494),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2014 bit-titolu “Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali” (COM(2014)0086),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0221/2017),

    A.

    billi s-settur tas-sajd tradizzjonali kompla jiddeterjora;

    B.

    billi d-diversifikazzjoni saret bżonn għal ħafna sajjieda li jaħdmu fuq skala żgħira sabiex jipprovdu sorsi addizzjonali ta' dħul, peress li d-dħul huwa ta' spiss mhux adegwat;

    C.

    billi meta wieħed jitkellem dwar id-diversifikazzjoni fis-settur tas-sajd, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-biċċa l-kbira tas-settur tas-sajd tiddependi kważi kompletament fuq il-forom tradizzjonali ta' sajd;

    D.

    billi l-maġġoranza tar-reġjuni kostali u l-gżejjer qed isofru minn tnaqqis ekonomiku gravi, li jirriżulta f'depopolazzjoni billi l-abitanti tagħhom jitilqu lejn żoni b'aktar opportunitajiet ta' impjieg u ta' edukazzjoni;

    E.

    billi filwaqt li xi reġjuni kostali tas-sajd jinsabu qrib destinazzjonijiet turistiċi, huma mhux qed jirnexxilhom jiksbu tkabbir ekonomiku adegwat, anke jekk is-sajd u t-turiżmu huma kompatibbli;

    F.

    billi t-turiżmu relatat mas-sajd jista' jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' impjiegi, jippromwovi l-inklużjoni soċjali, itejjeb il-kwalità tal-ħajja u jirrivitalizza l-komunitajiet li jiddependu fuq is-sajd, b'mod partikolari fiż-żoni li fihom l-attivitajiet ekonomiċi l-oħra huma skarsi; billi dan il-potenzjal ivarja ħafna, kemm f'termini reġjonali kif ukoll skont it-tip ta' bastiment tas-sajd involut u daqsijiet differenti;

    G.

    billi t-turiżmu relatat mas-sajd jista' jikkontribwixxi biex inaqqas l-impatt fuq l-istokkijiet tal-ħut u fuq l-ambjent, kif ukoll biex jiżdiedu l-għarfien u s-sensibilizzazzjoni dwar il-bżonn ta' ħarsien ambjentali u konservazzjoni kulturali; billi, b'mod partikolari, it-tours relatati mas-sajd u s-servizzi tat-turiżmu offruti mis-sajjieda fuq l-art jistgħu, f'ħafna reġjuni Ewropej, ikunu mezz ġenwin li jissupplimenta l-attività ewlenija u jiddiversifika minnha;

    H.

    billi l-attivitajiet tat-turiżmu relatati mas-sajd jistgħu jikkontribwixxu biex iżidu l-viżibbiltà tas-sajjieda u jgħinu biex in-nies japprezzaw u jifhmu l-qasam kumpless tal-attività tagħhom.; billi t-tours tas-sajd u attivitajiet tas-sajd relatati mat-turiżmu (servizzi tat-turisti offruti mis-sajjieda fuq l-art, sajd rikreattiv, eċċ) ftit hemm għarfien dwarhom mill-pubbliku inġenerali, u hemm bżonn li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar l-importanza li wieħed jikkonsma prodotti tal-ħut lokali li ġejjin minn katina tal-provvista qasira;

    I.

    billi t-turiżmu relatat mas-sajd jista' jkun opportunità biex jattira t-turisti billi tiġi pprovduta offerta wiesgħa li tinkludi l-prodotti lokali sal-forom ta' impriżi favur l-ambjent;

    J.

    billi l-gastronomija tradizzjonali assoċjata ma' prodotti tas-sajd u l-preservazzjoni tradizzjonali u l-industriji tal-ipproċessar tista' tirrappreżenta vantaġġ ewlieni għat-turiżmu li qed jiġi żviluppat madwar l-industrija tas-sajd;

    K.

    billi s-sajd bil-qasba joffri diversi benefiċċji soċjali, u għandu impatt favorevoli fuq is-saħħa u l-benessri tal-bniedem;

    L.

    billi l-qligħ soċjoekonomiku li jirriżulta mit-turiżmu relatat mas-sajd huwa ta' natura staġjonali qawwija, billi jsir prinċipalment fix-xhur tas-sajf; billi l-benefiċċji li jistgħu jinkisbu minn lealtà akbar tal-konsumaturi, suġġett li huwa ferm ikkwotat, jistgħu jitwettqu matul is-sena;

    M.

    billi l-2018 se tkun is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, li għandha l-għan li tqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini dwar l-istorja Ewropea u tisħqilhom li l-valuri tal-wirt kulturali tagħha huma riżorsa kondiviża; billi forom ta' sajd tradizzjonali jiffurmaw parti mill-wirt kulturali għani tal-Ewropa u jikkontribwixxu għall-identità tal-komunitajiet lokali, mhux l-anqas f'termini ta' kif għen fit-tiswir ta' togħmiet, ikel, tradizzjonijiet, storja u pajsaġġi; billi dan l-aspett huwa msaħħaħ bil-kbir permezz ta' kuntatti ma' turisti;

    N.

    billi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) jagħti appoġġ lill-investimenti li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tad-dħul tas-sajjieda permezz tal-iżvilupp tal-attivitajiet komplementari, inkluż l-investiment għall-apparat tas-sikurezza abbord, it-tours tas-sajd, is-servizzi tat-turiżmu bbażat fuq il-kosta, il-forniment tal-ikel, is-servizzi pprovduti għas-sajd rikreattiv u sportiv, u l-attivitajiet edukattivi relatati mas-sajd;

    O.

    billi ma teżisti ebda definizzjoni komuni u lanqas bażi ġuridika għat-turiżmu relatat mas-sajd; billi, pereżempju, it-turiżmu ta' dan it-tip huwa meqjus fl-Italja bħala attività professjonali, iżda fi Franza huwa kklassifikat bħala attività okkażjonali; billi, skont l-istatus ġuridiku tiegħu jista' jkun hemm differenzi sinifikanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-iskemi fiskali, proċeduri għall-għoti ta' liċenzji, rekwiżiti għall-kwalifiki, apparat ta' sikurezza, eċċ.;

    P.

    billi d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tal-UE u d-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina jirrikjedu li l-Istati Membri jiżguraw status tajjeb tal-ilmijiet tal-kosta u tal-baħar; billi d-Direttiva dwar il-Ħabitats titlob lill-Istati Membri biex jidentifikaw u jmantnu ħabitats tal-baħar u kostali permezz tal-istabbiliment u l-ġestjoni ta' siti ta' Natura 2000;

    Q.

    billi f'ħafna żoni protetti tal-baħar (MPAs) u s-siti tal-baħar u dawk kostali tan-Natura 2000 is-settur tat-turiżmu huwa partikolarment importanti; billi hemm ħafna eżempji pożittivi ta' ġestjoni konġunta u sħubijiet bejn il-korpi ta' ġestjoni taż-Żoni Protetti tal-Baħar u sajjieda fuq skala żgħira għall-promozzjoni tat-turiżmu tas-sajd u mezzi oħra ta' espożizzjoni ta' sajd tradizzjonali għal skopijiet turistiċi u kulturali;

    R.

    billi fl-Ewropa u 'l barra minnha hemm skarsezza, nuqqas ta' konsistenza u nuqqas ta' komparabbiltà tad-data li tirrigwarda t-turiżmu relatat mas-sajd;

    S.

    billi, fil-qafas tal-istrateġija “Tkabbir Blu” tal-2012, l-UE identifikat it-turiżmu tal-kosta u dak marittimu bħala settur ewlieni għall-iżvilupp ta' ekonomija sostenibbli bbażata fuq is-solidarjetà;

    T.

    billi fl-2010, fil-kuntest tal-komunikazzjoni “L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew”, il-Kummissjoni esprimiet il-bżonn li tiżviluppa strateġija għat-turiżmu tal-kosta u marittimu sostenibbli;

    U.

    billi fl-2012 il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika dwar l-isfidi u l-opportunitajiet għat-turiżmu tal-kosta u dak marittimu fl-Ewropa, u wara dan, fl-20 ta' Frar 2014 ippubblikat komunikazzjoni bit-titolu “Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali”;

    V.

    billi l-attivitajiet tas-sajd relatati mat-turiżmu jsiru minn sajjieda kummerċjali li jfittxu li jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom, jippromwovu u jivvalorizzaw l-istatus tal-professjoni tagħhom u l-wirt soċjokulturali tagħhom, u jtejbu l-użu sostenibbli tal-ekosistemi akkwatiċi, billi f'xi każijiet itellgħu lit-turisti abbord il-bastimenti; billi filwaqt li dawn l-attivitajiet tas-sajd jinvolvu sempliċiment element tat-turiżmu u għan rikreattiv, ma teżisti l-ebda definizzjoni ċara li twaqqaf l-istandards tagħhom;

    W.

    billi t-terminu “turiżmu relatat mas-sajd” (bit-Taljan pescaturismo) jirreferi għall-attivitajiet tas-sajd rikreattivi/għat-turisti li jsiru minn sajjieda kummerċjali li jilqgħu ċertu numru ta' turisti abbord il-bastimenti tagħhom bl-għan li juruhom id-dinja tas-sajd;

    X.

    billi s-servizzi tat-turiżmu offruti mis-sajjieda fuq l-art (bit-Taljan ittiturismo; hawn taħt “ittituriżmu”) jinkludu inizjattivi relatati mat-turiżmu gastronomiku u l-ospitalità ġestiti minn sajjieda kummerċjali; billi waħda mid-differenzi ewlenin bejn iż-żewġ tipi ta' turiżmu msemmija hawn fuq hija li tal-aħħar ma jistax isir abbord bastimenti tas-sajd;

    Y.

    billi s-sajd rikreattiv hija l-attività mwettqa esklussivament b'intenzjoni rikreattiva u/jew kompetittiva li tisfrutta r-riżorsi akkwatiċi ħajjin u tipprojbixxi kull forma ta' bejgħ tal-prodott maqbud; billi filwaqt li l-intenzjoni tas-sajd rikreattiv mhijiex għal raġunijiet ta' profitt, is-sajd huwa inkluż fost l-attivitajiet ta' turiżmu li jiġġenera ekonomija parallela li għandha tiġi sfruttata permezz tal-ġestjoni tas-sajjieda professjonali, permezz tas-servizzi, il-faċilitajiet u l-infrastrutturi offruti għas-sajjieda rikreattivi; billi, madankollu, is-sajd rikreattiv mhux ikkontrollat u intensiv jista' jkollu effett ħażin fuq l-istokkijiet tal-ħut f'xi żoni;

    Z.

    billi ma hemm l-ebda statistika soċjoekonomika jew ambjentali affidabbli dwar l-impatt tas-sajd rikreattiv fuq l-istokkijiet, speċjalment f'żoni fejn is-sajd rikreattiv huwa intensiv, u billi ma hemmx regoli ċari jew kontrolli komprensivi dwar il-qabda, u wisq inqas dwar il-bejgħ illeċitu ta' qabdiet tas-sajd rikreattiv permezz ta' mezzi informal, ġeneralment marbuta mar-ristoranti;

    Sajd relatat mat-turiżmu f'pajjiżi tal-UE

    AA.

    billi studju li sar fl-2015 mill-Grupp ta' Azzjoni Kostali “il mare delle Alpi” (GAC) dwar id-drawwiet u l-fehmiet pubbliċi fiż-żoni tal-qbid tal-GAC juri li terz ta' dawk intervistati li jieklu l-ħut diversi drabi fil-ġimgħa, b'mod partikolari erba' tipi biss ta' ħut għall-ikel, li tnejn minnhom jinsabu fl-ilma ħelu u l-oħrajn tal-baħar (ħut li fih ħafna xaħam, salamun, bakkaljaw u trota); billi l-attivitajiet tas-sajd relatati mat-turiżmu jiġġeneraw għarfien akbar dwar il-varjetà ta' speċijiet u dwar it-tradizzjonijiet tal-ikel, li ta' spiss jiġu injorati mill-pubbliku inġenerali ta' konsumaturi; billi l-impatt fuq id-diversifikazzjoni tal-isforz tas-sajd huwa ovvju;

    AB.

    billi fl-Italja ġiet osservata żieda kostanti fittalbiet ta' awtorizzazzjonijiet għat-twettiq ta' attivitajiet tat-turiżmu relatati mas-sajd; billi, skont stħarriġ li sar riċentement, ir-reġjuni Taljani bl-akbar numru ta' liċenzji huma l-Liguria (290), l-Emilia-Romagna (229), Sardenja (218), il-Calabria (203), il-Campania (200) u Sqallija (136); billi, b'total, l-awtorizzazzjonijiet irreġistrati mill-2002 sal-2012 jammontaw għal 1 600; billi fl-2003 r-reġjuni bl-akbar numru ta' liċenzji kienu l-Campania (63), il-Liguria (62), Sqallija (60) u Sardenja (59), segwiti mill-qrib mill-Puglia (46), il-Calabria (39) u t-Toskana (37) (6);

    AC.

    billi terz mill-flotta awtorizzata biex twettaq attivitajiet tat-turiżmu relatati mas-sajd ma tistax ittella' abbord aktar minn erba' passiġġieri, 29 % jistgħu jtellgħu abbord bejn 5 u 8 passiġġieri u s-37 % li jifdal jistgħu jtellgħu abbord bejn 9 u 12-il passiġġier (7);

    AD.

    billi l-livell għoli ta' turisti huwa kkonċentrat kważi għal kollox fix-xhur ta' Lulju u Awwissu, u dan ifisser li t-turiżmu relatat mas-sajd huwa ta' natura estremament staġjonali u li huwa importanti li titħeġġeġ id-diversifikazzjoni;

    AE.

    billi l-edukazzjoni ssegwi xejra simili għall-klassijiet f'termini ta' età, sal-punt fejn il-livell ta' edukazzjoni jkun ukoll ogħla fost l-operaturi tat-tours tas-sajd meta mqabbel ma' ta' dawk li jipprattikaw biss is-sajd professjonali; billi aktar minn 30 % tal-kaptani tad-dgħajjes huma fil-pussess ta' ċertifikat jew kwalifika professjonali u għandhom mill-inqas għarfien bażiku tal-Ingliż (64 %), tal-Franċiż (34 %), tal-Ispanjol (16 %) jew tal-Ġermaniż (7 %) (8);

    AF.

    billi fl-Italja sar stħarriġ li involva l-operaturi tat-tours relatati mas-sajd u li wera li t-tours relatati mas-sajd jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-isforzi biex jiġu ppreservati l-istokkijiet tal-ħut u l-ekosistemi tal-baħar, partikolarment permezz ta' qabdiet imnaqqsa, kif ukoll mil-lat soċjali, għall-benessri fiżiku u mentali tas-sajjieda u l-familji tagħhom permezz ta' inqas sigħat fuq il-baħar (9);

    AG.

    billi kien hemm involviment akbar min-nisa mhux biss fl-attivitajiet sekondarji marbuta ma' dawk tas-sajjieda, iżda wkoll fl-iżvilupp tal-attivitajiet tagħhom fis-settur tat-turiżmu relatat mas-sajd;

    AH.

    billi ż-żgħażagħ jistgħu jitqiesu wkoll bħala wieħed mill-gruppi fil-mira għall-iżvilupp ta' destinazzjonijiet turistiċi tas-sajd;

    AI.

    billi s-sajd tradizzjonali huwa attwalment l-inqas attività magħrufa tas-settur primarju u l-inqas studjat u użat bħala għodda edukattiva fil-livelli akkademiċi bażiċi u intermedjarji;

    AJ.

    billi hemm ambitu wiesa' għall-introduzzjoni ta' attivitajiet edukattivi relatati mas-sajd tradizzjonali bbażati fuq mudelli bħal dak ta' “skola tal-farms”;

    AK.

    billi l-iżvilupp tal-attivitajiet tas-sajd relatati mat-turiżmu jiddependi b'mod kruċjali fuq sħubijiet, Gruppi ta' Azzjoni Lokali tas-Sajd (FLAGs), li fihom dawk li jaħdmu fis-settur tas-sajd u l-partijiet interessati pubbliċi u privati lokali l-oħra jaħdmu flimkien biex jippjanaw u jwettqu strateġija minn isfel għal fuq li tkun adattata u tissodisfa l-bżonnijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali taż-żona kkonċernata; billi, anke jekk il-FLAGs fl-UE jaħdmu f'ambjenti differenti ħafna u jadottaw strateġiji differenti ħafna, huma rrikonoxxew it-turiżmu, mingħajr eċċezzjoni, bħala fattur ta' żvilupp ewlieni;

    AL.

    billi l-Kummissjoni Ewropea waqqfet l-Unità ta' Appoġġ tan-Netwerk Ewropew dwar iż-Żoni tas-Sajd (FARNET) biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Assi 4 taħt il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES); billi FARNET hija pjattaforma ta' netwerking għaż-żoni ta' sajd u tappoġġja l-FLAG fl-iżvilupp ta' strateġiji, inizjattivi u proġetti lokali;

    AM.

    billi, permezz tal-FLAG, il-partijiet interessati lokali tgħallmu kif l-offerta tat-turiżmu ta' żona tas-sajd tista' tevolvi biex tinkludi pakkett sħiħ ta' attivitajiet, u għalhekk tista' tibqa' attraenti anke f'parti kompetittiva ħafna tat-turiżmu; billi t-turiżmu jista' b'dan il-mod isir sors ewlieni ta' dħul addizzjonali għall-komunitajiet tas-sajd, u b'hekk fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxi għall-iżvilupp ġenerali tar-reġjuni kostali u l-gżejjer;

    AN.

    billi eżempji tajbin juru l-kollaborazzjoni prattika tal-FLAG f'dak li għandu x'jaqsam mas-sajd artiġjanali fil-Greċja, l-Italja u Spanja; billi, barra minn hekk, in-netwerk FARNET enfasizza l-aħjar prattiki fi Franza, il-Belġju, Spanja, il-Kroazja u l-Italja (10);

    AO.

    billi fil-Finlandja ġie adottat mudell ta' valutazzjoni ta' impatt tal-attivitajiet tat-turiżmu relatati mas-sajd, abbażi tad-durata taż-żjarat u tal-post ta' residenza u tan-numru ta' viżitaturi; billi l-valutazzjonijiet miġbura żvelaw problemi dwar id-definizzjonijiet ta' “turist tas-sajd”, kif ukoll dwar kif għandhom jingħaddu l-vjaġġi (11);

    AP.

    billi l-festivals isiru f'diversi rħula kostali fi Stati Membri fejn huwa importanti li jiġu integrati mezzi oħra li jżidu l-attrazzjoni turistika, bħal pereżempju billi jingħaqdu ma' offerti oħra ta' kwalità fis-settur primarju: jinxtered l-għarfien dwar is-sajd fuq skala żgħira u l-istil ta' ħajja tas-sajjieda, u jiġu pprovduti kuntatti ma' kulturi tradizzjonali, inkluż l-ikel u l-inbid reġjonali, u prodotti ta' kwalità għolja mingħand l-industrija tal-ipproċessar u l-ippakkjar li jirriflettu d-diversità tal-UE;

    AQ.

    billi fi Spanja nħolqu aġenziji speċjalizzati bħat-“Turismo marinero – Costa del Sol” bl-għan li jippromwovu l-industrija tradizzjonali tas-sajd u jgħinu l-persuni lokali biex jiżviluppaw u jirreklamaw l-attivitajiet tat-turiżmu relatati ma' dan is-settur; billi l-aġenzija torganizza sessjonijiet tat-tisjir abbord il-bastimenti użati mis-sajjieda lokali, vjaġġi għall-osservazzjoni tal-ispeċijiet tal-ħut u attivitajiet tas-sajd rikreattiv; billi għażla disponibbli oħra hija t-tours bil-gwida tal-“Bioparc”, mużew għall-apert maħluq speċifikament għat-tfal, fejn huma jistgħu jitgħallmu dwar il-bijoloġija marittima, is-sajd tradizzjonali (irkaptu u tekniki tas-sajd tradizzjonali) u dwar il-kultura lokali; jinnota li l-emulazzjoni ta' tali inizjattivi, u l-kondiviżjoni ta' għarfien espert f'dan il-qasam fost l-Istati Membri, tkun ta' benefiċċju għall-komunitajiet kostali u rurali, b'mod partikolari fir-reġjuni periferiċi (12);

    AR.

    billi l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Istati Membri għandhom għalhekk ma jipprojbixxux it-tekniki tas-sajd tradizzjonali tal-familja fuq skala żgħira b'mod indiskriminat, iżda għandhom l-ewwel jagħmlu valutazzjoni tal-impatt xierqa sabiex jevitaw li jagħmlu impossibbli l-forom emerġenti ta' turiżmu bbażat fuq is-sajd sostenibbli, fuq skala żgħira u awtentiku bl-irkaptu tas-sajd tradizzjonali;

    AS.

    billi fil-Kroazja l-festivals tas-sajd organizzati matul ix-xhur tas-sajf f'ċentri turistiċi kostali u tal-gżejjer għandhom l-għan li jippromwovu t-tradizzjonijiet tas-sajd, il-wirt kulturali u storiku, il-gastronomija lokali u l-għajxien tradizzjonali;

    1.

    Iqis essenzjali r-ristrutturar u l-adattament tal-bastimenti tas-sajd biex jitwettqu l-attivitajiet tat-turiżmu, peress li l-bastimenti jridu jiġu rinnovati biex jiżguraw is-sikurezza tat-turisti, u biex jiżguraw li ma jkunx hemm ostakli f'termini ta' attivitajiet tas-sajd imwettqa filwaqt li tiġi offruta l-kumdità meħtieġa għal esperjenza pjaċevoli, mingħajr ma tiżdied il-kapaċità tas-sajd tagħhom; jirrimarka, madankollu, li tibdiliet ta' dan it-tip, speċjalment meta mwettqa matul l-istaġun barra miż-żmien għat-turiżmu, m'għandu jinvolvi ebda restrizzjoni għas-sajd kummerċjali;

    2.

    Jisħaq fuq il-potenzjal li għadu ma ġiex sfruttat tat-turiżmu relatat mas-sajd, li jista' jġib benefiċċji konsiderevoli għall-komunitajiet li jgħixu f'żoni kostali billi jiddiversifikaw is-sorsi ta' dħul lokali; iqis, f'dan ir-rigward, li t-turiżmu relatat mas-sajd fuq il-baħar u s-servizzi turistiċi ta' mal-kosta offruti mis-sajjieda, jistgħu jikkomplementaw is-sajd kummerċjali u jipprovdu wkoll dħul addizzjonali għall-komunitajiet tas-sajd;

    3.

    Jemmen li l-għan strateġiku tal-inizjattiva tal-Kummissjoni għandu jkun dak li tħeġġeġ l-attivitajiet tat-tours tas-sajd, is-servizzi tat-turisti bbażati max-xatt, u t-turiżmu relatat mas-sajd sportiv, u li tippermetti li dawn jiġu żviluppati għal kollox mal-UE kollha, permezz tat-twaqqif ta' netwerk u qafas kondiviż għal dan il-għan;

    4.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, permezz tal-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu u l-portal visiteurope.com tagħha, id-destinazzjonijiet tat-turiżmu tas-sajd rikreattiv fl-Ewropa, u, permezz ta' kampanja ta' informazzjoni mmirata, biex in-negozji tas-sajd isiru konxji mill-potenzjal ta' dawn il-mudelli ta' negozju ġodda u sostenibbli u mill-opportunitajiet ta' tkabbir li huma joffru;

    5.

    Jistieden lill-Kummissjoni trawwem il-ħolqien u l-iżvilupp tat-turiżmu tas-sajd, bil-għan li tiġi applikata strateġija tan-negozju ddivrenzjata li tkun xierqa għall-potenzjal ta' dan is-settur u tkun kapaċi tissodisfa l-ħtiġijiet tiegħu b'mod aktar effettiv, filwaqt li taħdem favur forma ġdida ta' turiżmu li fih l-interessi ewlenin jirrigwardaw il-kwalità, il-flessibilità, l-innovazzjoni u l-ippriservar tal-wirt storiku u kulturali taż-żoni tas-sajd kif ukoll l-ambjent u s-saħħa, fost aspetti oħra; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġja l-investiment fis-sajd fil-qasam tat-turiżmu, bil-għan li jinħolqu kapaċitajiet iddivrenzjati tat-turiżmu billi jiġu promossi l-gastronomija marbuta mal-prodotti artiġjanali tal-ħut, l-attivitajiet tat-turiżmu tas-sajd bil-qasba, it-turiżmu ta' taħt l-ilma u tal-għadis, eċċ., u b'hekk b'mod sostenibbli ssir kapitalizzazzjoni fuq il-wirt tas-sajd u r-rikonoxxibilità ta' reġjun tas-sajd speċifiku;

    6.

    Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex jitrawmu l-ħolqien u l-iżvilupp tat-turiżmu tas-sajd, tippromwovi u tappoġġja b'mod attiv l-investimenti bil-għan li tiddiversifika s-sajd fil-qasam tal-kultura u l-arti bħala parti mill-wirt tradizzjonali (artiġjanat, mużika u żfin) u tappoġġja l-investiment fil-promozzjoni tat-tradizzjonijiet tas-sajd, l-istorja u l-wirt tas-sajd b'mod ġenerali (irkaptu tas-sajd, tekniki, dokumenti storiċi, eċċ.) billi jinfetħu mużewijiet u jiġu organizzati wirjiet li għandhom x'jaqsmu mill-qrib mas-sajd kostali;

    7.

    Jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li tippermetti l-użu mħallat ta' bastimenti maħsuba għal attivitajiet ta' estrazzjoni sabiex, filwaqt li jżommu dan il-għan, ikunu jistgħu wkoll jakkomodaw tipi oħra ta' attivitajiet marbuta mas-settur tar-rikreazzjoni u tat-turiżmu, bħalma huma jiem ta' informazzjoni nawtika jew attivitajiet relatati mal-ipproċessar, it-tagħlim jew il-gastronomija, eċċ., skont is-sistema li topera fis-settur rurali li jinvolvi l-iskejjel tal-farms jew l-agrituriżmu;

    8.

    Iqis neċessarju, għalhekk, li jinħoloq netwerk Ewropew tal-attivitajiet tas-sajd relatati mat-turiżmu u netwerk Ewropew tas-servizzi tat-turiżmu relatati mas-sajd sportiv/rikreattiv, abbażi tal-eżempju b'suċċess kbir tal-FARNET, li joffri għajnuna konsiderevoli għall-FLAGs;

    9.

    Iqis li hemm bżonn urġenti li jiġu direzzjonati bir-reqqa l-politiki ta' appoġġ u jiġu evalwati sew ir-riżultati tagħhom, u biex jiġi ssistematizzat, standardizzat u mtejjeb il-ġbir ta' statistika dwar il-kontribut ta' dawn l-attivitajiet li jiddiversifikaw għad-dħul taż-żoni tas-sajd Ewropej; jisħaq ukoll fuq l-importanza tas-sorveljar tal-impatt reali ta' sajd rikreattiv bħala attività ekonomika, l-impatt tagħha fuq l-istokkijiet u kull kompetizzjoni potenzjali, permezz ta' kanali ta' bejgħ informali, b'industrija tas-sajd professjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-industrija tas-sajd tipparteċipa fit-tfassil ta' tali miżuri ta' sorveljanza;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jappoġġjaw is-sħubijiet mas-settur tat-turiżmu tas-sajd imħeġġa minn korpi ta' ġestjoni taż-Żoni Protetti tal-Baħar (MPAs) u f'siti Natura 2000 bil-ħsieb li tiġi kkombinata l-protezzjoni tar-riżorsi naturali mal-promozzjoni u l-iżvilupp tal-kultura permezz ta' tgawdija responsabbli;

    11.

    Iqis kruċjali li tiġi armonizzata d-definizzjoni tal-attivitajiet tas-sajd relatati mat-turiżmu fil-livell tal-Unjoni, b'enfasi partikolari fuq it-tours relatati mas-sajd, is-servizzi tat-turiżmu bbażati max-xatt offruti mis-sajjieda, it-turiżmu relatat mal-akkwakultura, u t-turiżmu relatat mas-sajd sportiv/rikreattiv; din id-definizzjoni għandha tieħu kont tad-diversità wiesgħa ta' forom li dawn l-attivitajiet jistgħu jieħdu, tiggarantixxi l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, u jiġi żgurat li turiżmu relatat mas-sajd jitqies bħala attività anċillari li tippermetti lis-sajjieda li jissupplimentaw l-attività tas-sajd ewlenija tagħhom mingħajr ma jidħlu f'settur ieħor minbarra tas-sajd;

    12.

    Jenfasizza l-importanza li ssir distinzjoni bejn il-forom differenti ta' turiżmu relatat mas-sajd, li jinkludu t-turiżmu tas-sajd (peskaturiżmu u ittituriżmu), l-attivitajiet ibbażati fl-ilmijiet marittimi u kostali, is-sajd rikreattiv (inkluż it-turiżmu tas-sajd bil-qasba), is-sajd fl-ilmijiet interni, u l-attivitajiet ibbażati fuq il-wirt u l-kultura li huma mmirati lejn il-ħolqien ta' sinerġiji ma' inizjattivi ta' kummerċjalizzazzjoni għal prodotti primarji ta' kwalità għolja, filwaqt li jiġu rrispettati l-wirt naturali, il-ħarsien tal-annimali u l-bijodiversità;

    13.

    Jistieden lill-Kummissjoni, minħabba d-differenzi kbar bejn l-operaturi tas-sajd tal-UE involuti fit-turiżmu, tadotta regoli komuni dwar is-sikurezza tan-navigazzjoni, il-ħtiġijiet tas-sikurezza, tas-sanità u tal-iġjene tal-bastimenti li fuqhom isiru l-attivitajiet tat-turiżmu tas-sajd, u konċessjonijiet fiskali possibbli, bil-kundizzjoni li l-miżuri msemmija hawn fuq ikunu flessibbli biżżejjed biex jakkomodaw differenzi kbar f'termini ta' attivitajiet tas-sajd u l-bastimenti tas-sajd, u jippermettu l-karatteristiċi reġjonali distintivi;

    14.

    Jirrakkomanda li l-prinċipju ta' dekarbonizzazzjoni u ta' effiċjenza enerġetika tal-bastimenti bil-magna jkun inkluż fost l-adattamenti li għandhom isiru għal bastimenti bħal dawn meta jiġu kkonvertiti għal użu f'dawn l-attivitajiet;

    15.

    Jemmen li tajjeb li jiġu żgurati faċilitajiet xierqa għat-trasport u l-akkomodazzjoni li jridu jiġu pprovduti lit-turisti kkonċernati, kif ukoll il-manutenzjoni u l-ħarsien tal-postijiet pubbliċi, kif u meta meħtieġa, biex jiġi żgurat is-suċċess fit-tul tal-attivitajiet tat-turiżmu;

    16.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jirrispettaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina bl-għan li jiżguraw status tajjeb tal-ilmijiet tal-kosta u tal-baħar, b'mod partikolari billi jitjiebu l-effiċjenza fir-riżorsi u jiġu evitati u ttrattati b'mod effettiv it-tniġġis u l-iskart;

    17.

    Jistieden lill-Istati Membri biex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi billi jissimplifikaw il-proċeduri għall-għoti ta' liċenzji u proċeduri burokratiċi oħrajn;

    18.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li dawn l-attivitajiet ikunu kompatibbli mal-ħarsien tal-bijodiversità, is-siti ta' Natura 2000 u ż-Żoni Protetti tal-Baħar (l-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità, id-direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats) u għaldaqstant il-ħtieġa li jissaħħu d-djalogu u s-sinerġiji mal-Istati Membri l-oħra konċernati;

    19.

    Jemmen li għandhom jiġu pprovduti korsijiet tat-taħriġ għas-sajjieda, il-persuni responsabbli mill-farms tal-ħut, kif ukoll il-familji tagħhom u l-persuni lokali kollha involuti, sabiex jiġi żgurat li jkollhom il-ħiliet lingwistiċi u l-għarfien neċessarju biex jilqgħu t-turisti u jiggarantixxu s-sikurezza tagħhom, u biex jippromwovu l-informazzjoni dwar il-bijoloġija tal-baħar, l-ispeċijiet tal-ħut lokali, l-ambjent u t-tradizzjonijiet kulturali; Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jirrikonoxxu r-rwol tan-nisa fis-settur tat-turiżmu relatat mas-sajd, u fl-iżvilupp sostenibbli ta' żoni li jiddependu fuq is-sajd, bil-għan li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tagħhom fuq termini ugwali;

    20.

    Jistieden lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex ixerrdu informazzjoni fuq firxa wiesgħa dwar il-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol tal-Kummissjoni, EURES, li jagħti informazzjoni għal min qed ifittex impjieg u għal min iħaddem dwar l-opportunitajiet ta' xogħol, il-ħiliet u l-ħtiġijiet ta' taħriġ fit-taqsima tal-“impjiegi blu”, u jippromwovu korsijiet online miftuħa li għandhom l-għan li jaġġornaw jew jorjentaw mill-ġdid il-ħiliet relatati mal-ġestjoni tat-turiżmu u l-peskaturiżmu innovattiv;

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi taqsima ddedikata fil-Portal Ewropew tan-Negozji Żgħar li jkollha l-għan li tgħin lill-intraprendituri/lis-sajjieda jiksbu l-finanzjament għal attivitajiet fil-qasam tat-turiżmu relatat mas-sajd;

    22.

    Iqis l-akkwist ta' ħiliet professjonali f'oqsma bħal servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni diġitali, l-immaniġġjar u l-manutenzjoni ta' komunikazzjoni tal-midja soċjali, l-immaniġġjar soċjokulturali u l-ħiliet lingwistiċi bħala prijorità f'żoni tas-sajd, ħalli jiġu promossi kemm il-ħolqien kif ukoll it-tixrid ta' offerti turistiċi relatati mas-sajd;

    23.

    Iqis importanti li tiġi żgurata d-differenza relatata mal-offerta tat-turiżmu, billi tiġi żviluppata strateġija abbażi tal-partikolaritajiet lokali, tal-ispeċjalizzazzjoni relattiva u tar-riżorsi disponibbli; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu forom ta' turiżmu sostenibbli u ekoturiżmu, anke permezz ta' strateġiji innovattivi ta' kummerċjalizzazzjoni, li b'mod partikolari jikkonċentraw fuq il-karatteristiċi tradizzjonali u sostenibbli u li jkunu mmonitorjati b'mod kontinwu sabiex jiggarantixxu bilanċ bejn il-provvista u d-domanda;

    24.

    Jitlob offerti integrati li jkunu mfassla b'tali mod li jipprovdu lill-konsumaturi b'esperjenzi sħaħ ibbażati fuq il-kombinazzjoni strutturata u sinerġetika ta' dak kollu li jista' jiġi offrut f'żona partikolari, u biex jiġu ffurmati sħubijiet biex jiġbdu l-konsumaturi permezz tad-dinamika tat-turiżmu li diġà qed topera f'żoni qrib żoni tas-sajd tradizzjonali, bħalma huma konferenzi u/jew it-turiżmu tal-karriera;

    25.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja u tippromwovi l-involviment tas-sajd u tal-ħaddiema tas-sajd fi proġetti bħal dawk relatati mat-turiżmu kulturali u storiku, li jinkludu l-iskoperta mill-ġdid ta' attivitajiet tat-tbaħħir u postijiet u impjiegi għas-sajd tradizzjonali;

    26.

    Jinnota l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-operaturi tat-turiżmu u s-sajjieda sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tat-turiżmu relatat mas-sajd;

    27.

    Jenfasizza l-importanza ta' attivitajiet turistiċi relatati mal-osservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi u, b'mod partikolari, l-osservazzjoni tal-balieni, filwaqt li jirrispettaw il-ħabitats selvaġġi naturali u l-bżonnijiet bijoloġiċi; billi dan jista' jkollu ħafna benefiċċji edukattivi, ambjentali, xjentifiċi u soċjoekonomiċi oħrajn, u jista' jgħin biex iżid is-sensibilizzazzjoni u l-apprezzament għal dawn l-ispeċijiet uniċi u l-ambjent prezzjuż li jgħixu fih;

    28.

    Jistieden lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jipprovdu infrastrutturi innovattivi u sostenibbli, inklużi l-konnessjonijiet tal-internet u t-teknoloġija tal-informatika, bl-għan li jitjieb l-iżvilupp tat-turiżmu relatat mas-sajd, u biex jiġu ġġenerati mill-ġdid l-infrastrutturi eżistenti tal-baħar, tax-xmajjar u tal-lagi;

    29.

    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex isaħħu l-kampanji ta' promozzjoni u ta' komunikazzjoni, pereżempju fir-rigward tad-“Destinazzjonijiet Ewropej ta' Eċċellenza” u s-“Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali” tal-2018, kif ukoll inizjattivi mmirati b'mod simili għat-titjib tal-għarfien u s-sensibilizzazzjoni dwar il-kultura tradizzjonali tas-sajd u l-akkwakultura; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati biex jisfruttaw il-potenzjal tat-turisti kif ukoll dawk li jistgħu jivvjaġġaw fl-istaġun mhux popolari;

    30.

    Jemmen li l-mudelli ta' negozju sostenibbli u responsabbli għad-diversifikazzjoni tas-sajd iridu jimplikaw ir-rispett tal-kultura tal-komunitajiet tas-sajd lokali, u jgħinu l-ippreżervar tal-identitajiet tagħhom; jenfasizza, b'mod partikolari, li s-sajd rikreattiv relatat mat-turiżmu għandu jkun konformi mal-interessi ta' intrapriżi tas-sajd artiġjanali lokali żgħar;

    31.

    Jemmen li huwa importanti li jiġu żviluppati l-peskaturiżmu u l-ittituriżmu bħala forom ta' esperjenzi ta' “vaganzi ta' attività” b'benefiċċji sekondarji kbar, bħall-promozzjoni tal-kultura marittima u t-tradizzjonijiet tas-sajd, kif ukoll l-edukazzjoni fi kwistjonijiet ta' kuxjenza ambjentali u l-konservazzjoni tal-ispeċijiet;

    32.

    Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed iħares lejn modi biex tespandi d-domanda potenzjali fir-rigward ta' bastimenti ttrasformati bit-twessigħ ta' dak li qed jiġi offrut sabiex, pereżempju, ikun attraenti f'għajnejn il-komunità edukattiva, li għandha esperjenza fl-użu tas-settur agrikolu għal skopijiet ta' tagħlim, bħal fil-każ ta' proġetti ta' “skejjel tal-farms”;

    33.

    Jenfasizza li d-diversifikazzjoni tal-prodotti tirrikjedi sforzi promozzjonali xierqa, u li hija meħtieġa strateġija ta' viżibilità għall-grupp ta' sajjieda fil-mira, inklużi inizjattivi ta' promozzjoni transfruntiera;

    34.

    Jemmen, għalhekk, li l-lokalitajiet tas-sajd għandhom jikkunsidraw li jniedu kampanji ta' kummerċjalizzazzjoni konġunti ma' destinazzjonijiet oħra fl-istess reġjun – kif ġie ssuġġerit fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-29 ta' Ottubru 2015 dwar “sfidi u kunċetti ġodda għall-promozzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa” (13) – u jippromwovu pjattaformi ta' kummerċjalizzazzjoni konġunti b'enfasi partikolari fuq il-promozzjoni u l-bejgħ online, fuq bażi ta' kooperazzjoni internazzjonali;

    35.

    Huwa tal-fehma li fi ħdan din l-istrateġija ta' kummerċjalizzazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti sinerġiji bejn inizjattivi ta' kummerċjalizzazzjoni għal prodotti friski jew ipproċessati ta' kwalità għolja, għall-gastronomija u għat-turiżmu, raggruppati f'żoni territorjali li huma koerenti minn perspettiva kulturali, ambjentali jew relatati mal-produzzjoni u/jew ibbażati fuq is-sinerġija;

    36.

    Iqis li huwa meħtieġ li jinżamm l-użu ta' prattiki u tekniki tradizzjonali, bħalma huma l-almadraba u x-xeito, peress li dawn huma marbuta mill-qrib mal-identità u l-mod ta' ħajja tar-reġjuni kostali, u biex dawn jiġu rikonoxxuti bħala li jiffurmaw parti mill-wirt kulturali;

    37.

    Jinnota l-importanza ta' investiment fid-diversifikazzjoni tas-sajd bil-ħsieb li jippromwovi t-tradizzjoni, l-istorja u l-wirt tas-sajd fit-totalità tiegħu (inkluż l-irkaptu u t-tekniki tas-sajd tradizzjonali);

    38.

    Jinnota l-importanza tal-investiment fid-diversifikazzjoni tas-sajd biex issir promozzjoni tal-ipproċessar ta' prodotti tas-sajd lokali;

    39.

    Jistieden lill-Istati Membri jadottaw strateġiji biex jiġġieldu l-problema tal-istaġjonalità relatata mal-attivitajiet tat-turiżmu, pereżempju permezz tal-istabbiliment ta' festivals u avvenimenti tal-ikel, fieri/swieq fil-portijiet u l-villaġġi (14), villaġġi b'tema jew mużewijiet (ara Spanja u Cetara) fejn l-attivitajiet jistgħu jsiru s-sena kollha irrispettivament mill-kundizzjonijiet tat-temp jew tal-baħar;

    40.

    Huwa konvint li taħlita bbilanċjata ta' prodotti tat-turiżmu alternattivi u b'mira speċifika, u l-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni xierqa ta' dawk il-prodotti, tista' tgħin sabiex ikun hemm bilanċ bejn il-problemi tal-istaġjonalità;

    41.

    Iqis essenzjali li l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet ikkonċernati jikkondividu l-aħjar prattiki minħabba n-nuqqas ta' sinerġiji fost il-kumpaniji fil-baċiri marittimi tal-UE, li jirriżultaw fil-frammentazzjoni u f'vantaġġi ekonomiċi limitati; jinnota li l-istituti tar-riċerka, il-mużewijiet, il-kumpaniji tat-turiżmu, il-maniġers tas-siti Natura 2000 u tal-MPAs, l-industriji tradizzjonali tat-tqegħid tal-ħut fil-laned u tal-ipproċessar tal-ħut, u partijiet ikkonċernati oħra għandhom jitħeġġu biex jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw prodotti innovattivi sostenibbli li, minbarra li jġibu valur miżjud ekonomiku, jissodisfaw ukoll l-aspettattivi tal-viżitaturi; jenfasizza li dawn l-attivitajiet għandhom jiġu inkorporati f'qafas ġenerali koerenti għall-promozzjoni tat-turiżmu sostenibbli u responsabbli f'baċiri kkonċernati; iqis li FLAGs jista' jkollhom rwol importanti f'dan ir-rigward u għalhekk jeħtieġ li jiġu pprovduti b'finanzjament xieraq;

    42.

    Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex isaħħu r-rabtiet bejn il-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE sabiex b'hekk jiġu promossi forom ta' governanza li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' politiki trażversali bl-għan li jikkontribwixxu għall-għanijiet f'oqsma differenti ta' attività, inkluż it-tkabbir sostenibbli u inklużiv;

    43.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, fil-qafas tan-Netwerk Ewropew dwar iż-Żoni tas-Sajd (FARNET) u l-FLAGs, djalogu pan-Ewropew mal-portijiet u l-partijiet interessati tat-turiżmu u l-esperti ambjentali;

    44.

    Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji biex jaħdmu aktar mill-qrib mal-aġenziji tat-turiżmu, u biex jagħtu prijorità għolja lid-diversifikazzjoni tal-ekonomija blu, b'referenza partikolari għas-settur tat-turiżmu tal-baħar u dawk komplementari tiegħu; jinnota li dan għandu jinkludi wkoll l-integrazzjoni ta' sajd bil-qasba fil-baħar, fejn relevanti, f'pakketti turistiċi u kampanji ta' kummerċjalizzazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-gżejjer u ż-żoni kostali; jenfasizza li l-għoti ta' liċenzji għall-użu doppju ta' bastimenti tas-sajd – kemm bastimenti tas-sajd kummerċjali, artiġjanali u fuq skala żgħira, u bastimenti għat-turiżmu tal-baħar, inkluż it-turiżmu tas-sajd bil-qasba – għandu jitqies bħala prijorità, u li l-għotjiet għandhom jingħataw sabiex jiffavorixxu l-konverżjoni tagħhom;

    45.

    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, lis-settur ikkonċernat u partijiet ikkonċernati oħra biex jaġixxu b'mod immirat u konsistenti mal-politiki tal-UE li jaffettwaw is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura; jinnota li hija meħtieġa l-adozzjoni ta' manwal dwar l-aħjar prattiki li jkun fih l-eżempji l-aktar sinifikanti ta' dawn l-attivitajiet u jħeġġeġ il-kumpaniji l-oħra biex jimxu b'dan il-mod; ifakkar li huwa essenzjali wkoll l-involviment tal-komunità xjentifika lokali sabiex jiġu evitati problemi ta' natura ambjentali;

    46.

    Jenfasizza l-importanza ta' mudelli ta' negozju ekoloġiċi, u għalhekk jirrakkomanda li l-esperti ambjentali għandhom dejjem ikunu assoċjati mill-qrib ma' gruppi ta' azzjoni lokali (eż. FLAGs u l-gruppi ta' azzjoni lokali rurali (LAGs));

    47.

    Jitlob li jiġu allokati l-fondi meħtieġa ħalli jiġi stabbilit netwerk Ewropew għall-iskambju tal-aħjar prattiki, u għall-immappjar ta' attivitajiet tas-sajd b'informazzjoni dwar il-punti ta' interess u l-karatteristiċi ta' kull komunità tas-sajd;

    48.

    Jittama li l-mekkaniżmi ta' appoġġ speċifiċi se jintużaw (fil-kuntest tal-FEMS u/jew strumenti oħra), li jistgħu jiġu attivati f'każ ta' emerġenza (bħal diżastru naturali) f'żoni fejn is-sajd u t-turiżmu tas-sajd jirrappreżentaw l-uniku sors ta' dħul;

    49.

    Iqis li huwa neċessarju li jitħeġġeġ finanzjament għal miżuri tat-tip deskritt taħt il-FEMS, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni, il-programm ta' qafas għar-riċerka u l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), f'kooperazzjoni mill-qrib ma' konsulenti mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), u biex jipprovdu mezzi ta' self b'imgħax favorevoli li jippermettu li jingħelbu d-diffikultajiet speċifiċi li jiffaċċaw in-nisa meta jfittxu fondi sabiex jiġu ffinanzjati proġetti eliġibbli għall-inklużjoni fil-programmi nazzjonali;

    50.

    Jenfasizza li għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, il-FLAGs kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom EUR 486 miljun mill-FES, u li madwar 12 000 proġett lokali kienu appoġġjati matul dak il-perjodu;

    51.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-FLAGs biex jagħmlu l-aħjar użu tal-fondi disponibbli u wkoll biex jużaw, meta jkun possibbli, il-finanzjament multiplu (flimkien mal-FEŻR, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jew l-FSE);

    52.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu punti ta' kuntatt fil-livell reġjonali biex jipprovdu informazzjoni u appoġġ adegwati;

    53.

    Jirrakkomanda li l-FLAGs jikkooperaw mill-qrib ma' esperti tat-turiżmu sabiex jidentifikaw proġetti u finanzjament xieraq, permezz tal-Assi 4 tal-FEMS, għad-diversifikazzjoni f'żoni tas-sajd;

    54.

    Ifakkar li l-FEMS jipprovdi appoġġ finanzjarju speċifiku għal inizjattivi fil-komunitajiet tas-sajd promossi min-nisa;

    55.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw, permezz tal-istabbiliment tal-kriterji tal-għażla għal operazzjonijiet taħt il-FEMS, li l-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi integrata u promossa sew fl-azzjonijiet iffinanzjati kollha (pereżempju billi tingħata preferenza lil azzjonijiet immirati speċifikament lejn in-nisa jew imwettqa minnhom);

    56.

    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju biex tivvaluta l-impatti soċjoekonomiċi u ambjentali possibbli ta' dawn l-attivitajiet;

    57.

    Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-impatt soċjoekonomiku li għandu s-sajd rikreattiv fuq it-turiżmu ta' fuq l-art, b'mod partikolari fiż-żoni rurali, u tipproponi miżuri possibbli għar-reġjuni fejn il-potenzjal għal dan it-tip ta' sajd mhuwiex sfruttat biżżejjed;

    58.

    Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jtejbu l-ġbir u l-ġestjoni tad-data li għandha x'taqsam mat-turiżmu relatat mas-sajd;

    59.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll lill-Gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Kunsilli Konsultattivi.

    (1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

    (2)  ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.

    (3)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

    (4)  ĠU C 419, 16.12.2015, p. 167.

    (5)  ĠU C 75, 26.2.2016, p. 24.

    (6)  “L'integrazione della pesca con altre attività produttive – La pescaturismo come modello sociale e culturale”, Cenasca Cisl et al., (2005).

    (7)  “Indagine sulle abitudini e opinioni dei cittadini nel comprensorio del GAC 'il mare delle Alpi' – Analisi della pescaturismo in Italia come strumento di sviluppo sostenibile” (Analiżi tat-turiżmu relatat mas-sajd fl-Italja bħala strument għall-iżvilupp sostenibbli) (2015).

    (8)  “L'integrazione della pesca con altre attività produttive – La pescaturismo come modello sociale e culturale”, Cenasca Cisl et al., (2005).

    (9)  “Indagine sulle abitudini e opinioni dei cittadini nel comprensorio del GAC 'il mare delle Alpi' – Analisi della pescaturismo in Italia come strumento di sviluppo sostenibile” (Analiżi tat-turiżmu relatat mas-sajd fl-Italja bħala strument għall-iżvilupp sostenibbli) (2015).

    (10)  Socio-economic analysis on fisheries-related tourism in EUSAIR – Nemo project 1M-MED14-11, WP2, Action 2.3.

    (11)  “Perspectives for the development of tourism activities related to fishing”, European Parliament, IP/B/PECH/IC/2013-103 (2014).

    (12)  “Perspectives for the development of tourism activities related to fishing”, European Parliament, IP/B/PECH/IC/2013-103 (2014).

    (13)  Testi adottati, P8_TA(2015)0391.

    (14)  eż. il-“Herring Fleet Days” u l-“Ġranet fil-Port” fin-Netherlands.


    Top