IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.11.2017
COM(2017) 667 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI EMPTY
Niksbu l-Prosperità permezz tal-Kummerċ u l-Investiment
Aġġornament tal-Istrateġija Konġunta tal-UE tal-2007 dwar Għajnuna għall-Kummerċ
Updating the 2007 Joint EU Strategy on Aid for Trade
Niksbu l-Prosperità permezz tal-Kummerċ u l-Investiment
Aġġornament tal-Istrateġija Konġunta tal-UE tal-2007 dwar Għajnuna għall-Kummerċ
1Introduzzjoni
L-għajnuna għall-kummerċ hija assistenza li tingħata bħala appoġġ għall-isforzi tal-pajjiżi msieħba biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet ekonomiċi u jespandu l-kummerċ tagħhom bħala lieva għat-tkabbir u t-tnaqqis tal-faqar. Minn meta l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) varat il-kunċett fl-2005, din saret ħidma stabbilita sew fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jaħsdu l-benefiċċji tal-kummerċ. Din tkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma li jinkludu t-tfassil tal-politika kummerċjali, l-istandards u r-regolamenti relatati mal-kummerċ, l-infrastruttura ekonomika (pereżempju l-enerġija, it-trasport, it-telekomunikazzjoni) u l-bini tal-kapaċità produttiva f’setturi orjentati lejn l-esportazzjoni, bħalma huma l-agrikoltura, is-sajd u l-manifattura.
Bi tweġiba għad-WTO, fl-2007 l-UE fformulat l-Istrateġija tagħha dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ “It-tisħiħ tal-appoġġ tal-UE għall-ħtiġijiet relatati mal-kummerċ f’pajjiżi li qed jiżviluppaw” bħala reazzjoni konġunta mill-UE u mill-Istati Membri tagħha biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u b’mod partikolari l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) jiġu mgħejjuna biex jintegraw fis-sistema kummerċjali dinjija bbażata fuq ir-regoli u jużaw il-kummerċ b’mod aktar effettiv sabiex tingħata spinta lit-tkabbir u jitnaqqas il-faqar.
Għaxar snin wara, ir-realtajiet ekonomiċi evolvew mhux ħażin u żdiedu l-katini ta’ valur globali dejjem aktar kumplessi. Il-kuntest politiku ugwalment inbidel b’mod fundamentali kemm fuq livell globali – b’mod partikolari permezz tal-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-2030 – kif ukoll fil-livell tal-UE permezz tal-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà, il-Konsensus Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp, u l-Istrateġija Kummerċ għal Kulħadd.
L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li taġġorna l-istrateġija eżistenti tal-Għajnuna għall-Kummerċ fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi. Hija tipproponi approċċ integrat u bbażat fuq ir-riżultati rigward l-għajnuna u l-investimenti għall-kummerċ, billi tiġi sfruttata bl-aħjar mod il-firxa wiesgħa ta’ għodod ta’ politika tal-UE disponibbli sabiex jiżdied l-impatt globali tagħhom fuq it-tkabbir u t-tnaqqis tal-faqar. L-enfasi hija fuq il-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar u fuq il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, b’mod partikolari l-pajjiżi l-anqas żviluppati (least developed countries - LDCs).
2L-Għajnuna tal-UE għall-Kummerċ matul dawn l-aħħar 10 snin
Meta wieħed iħares lura lejn dawn l-aħħar għaxar snin, l-UE u l-Istati Membri tagħha stabbilew ruħhom bħala l-akbar fornitur dinji ta’ għajnuna għall-kummerċ, billi qed ifornu terz tal-ammont globali totali. B’mod ġenerali, l-għajnuna tal-UE għall-impenji kummerċjali żdiedet b’aktar minn 85 % bejn l-2007 u l-2015, u laħqet EUR 96.79 biljun. Fl-2015 biss, l-impenji kienu jammontaw għal ċifra rekord ta’ EUR 13.16 biljun. Element importanti tal-kunċett dwar l-għajnuna għall-kummerċ huwa l-Assistenza Relatata mal-Kummerċ (ARK) li l-mira tagħha ta’ EUR 2 biljun intlaħqet fl-2008, sentejn qabel iż-żmien. Sal-2015, iċ-ċifra annwali kienet laħqet livell sostanzjali ta’ EUR 2.8 biljun, li ġiebet l-ammont totali pprovdut matul il-perjodu 2007-2015 għal EUR 21.5 biljun. 37% ta’ dan it-total ġie allokat lill-pajjiżi tal-Afrika,il-Karibew u l-Paċifiku (AKP). L-appoġġ lil-LDCs baqa’ stabbli f’termini assoluti, u laħaq kważi EUR 18-il biljun matul il-perjodu 2007-2015 (19 % tal-għajnuna totali tal-UE għall-kummerċ), filwaqt li naqas f’termini relattivi hekk kif l-għajnuna totali tal-UE għall-kummerċ espandiet.
Mill-aspett kwalitattiv, l-Assistenza tal-UE Relatata mal-Kummerċ kisbet riżultati sinifikanti f’bosta oqsma ta’ prijorità. F’LDCs u f’kuntesti fraġli, l-assistenza spiss irnexxielha tistabbilizza jew saħansitra tespandi l-volumi tal-kummerċ. L-għajnuna tal-UE għall-kummerċ kisbet ukoll riżultati pożittivi permezz ta’ inizjattivi pluriennali reġjonali jew tematiċi aktar wiesgħa, bħal sostenn tal-UE għall-kapaċitajiet tal-AKP sabiex jintegraw fis-sistema ta’ kummerċ multilaterali u jħejju għal Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika.
Fl-istess waqt, l-għajnuna għall-kummerċ kellha biss suċċess limitat fil-promozzjoni u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ għall-ifqar pajjiżi u għall-pajjiżi f’sitwazzjonijiet fraġli. Minkejja appoġġ sostanzjali u aċċess għas-suq tal-UE ħieles mit-tariffi għal kważi l-prodotti kollha tagħhom, l-LDCs u l-pajjiżi f’sitwazzjonijiet fraġli baqgħu fil-marġni tal-ekonomija dinjija. Is-sehem li kellhom l-LCDs ta’ 12% fil-qasam tal-manifattura fl-2015 kien għadu ferm inqas mill-medja ta’ 20 % għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Id-defiċit kummerċjali tal-LDCs fl-oġġetti u fis-servizzi kiber ħafna bejn l-2006 u l-2015, minn USD 7.3 biljun sa USD 104.2 biljun u s-sehem tal-LDCs fl-esportazzjonijiet dinjin fl-2015 kien għadu inqas minn 1 %, filwaqt li dawn jirrappreżentaw 12.8 % tal-popolazzjoni dinjija.
3Ekonomija dinjija li qed tinbidel u l-kuntest tal-politika
Il-globalizzazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi mhijiex fenomenu ġdid, iżda il-motivaturi u x-xejriet tal-globalizzazzjoni qed jinbidlu b’rata mgħaġġla.
Xejra attwali ewlenija hija ż-żieda ta’ ktajjen ta’ valur globali u reġjonali, b’netwerks internazzjonali ta’ produzzjoni bbażati dejjem aktar fuq kummerċ bejn l-impriżi u internament fl-impriżi. Hemm importanza dejjem tikber ta’ servizzi fil-kummerċ internazzjonali u d-diġitalizzazzjoni qed issawwar l-ekonomija globali f’modi ġodda, li ħafna minnhom għad iridu jiġu skoperti. Sfida ewlenija, madankollu, hija li l-parteċipazzjoni ta’ ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-katini ta’ valur globali u fid-diġitalizzazzjoni baqgħet marġinali. L-industrijalizzazzjoni, il-produttività u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji ta’ ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw għadhom limitati billi għadhom dipendenti fuq forza tax-xogħol b’paga baxxa, esportazzjoni ta’ prodotti bażiċi u produzzjoni primarja ta’ kwalità baxxa. Dan jitlob li jkun hemm riformi u investimenti konsiderevoli li l-flussi finanzjarji uffiċjali waħedhom mhux se jkunu jistgħu jlaħħqu magħhom.
Il-kuntest tal-politika nbidel ukoll. L-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa adottata fl-2015 tindirizza l-mezzi neċessarji għat-twettiq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli miftiehma ftit wara. Dawn l-aġendi jenfasizzaw l-importanza tal-kummerċ internazzjonali u tal-investiment tas-settur privat bħala mezzi ta’ implimentazzjoni flimkien mal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (Official Development Assistance - ODA). L-Aġenda 2030, tistabbilixxi l-paradigma ta’ żvilupp ġdida u universali għas-snin li ġejjin, ibbażata fuq l-integrazzjoni u l-interdipendenza tas-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals - SDGs) u l-169 mira madwar it-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli: ekonomika, soċjali u ambjentali.
Il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima jeħtieġ bidliet strutturali fis-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ skambju b’tali mod li tinħoloq ekonomija b’użu baxx tal-karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima li tista’ tadatta għat-tibdil fil-klima kif ukoll ittaffih. It-tranżizzjoni tal-ekonomija ċirkolari tiġġenera opportunitajiet ekonomiċi ġodda ta’ innovazzjoni li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikomplu jisfruttaw.
Żewġ inizjattivi ta’ politika fundamentali tal-UE jirriflettu dan il-kuntest evoluttiv. L-ewwel, l-Istrateġija Globali tal-Politika Barranija u ta’ Sigurtà tal-UE, titlob li jkun hemm UE reattiva u magħquda, billi tagħmel l-aħjar użu mill-firxa wiesgħa ta’ strumenti ta’ politika għad-dispożizzjoni tagħha, fosthom l-għodod dwar l-iżvilupp u l-kummerċ huma prominenti.
It-tieni, il-Kunsens Ewropew ġdid għall-Iżvilupp jinkorpora l-bidla paradigmatika tal-Aġenda 2030 f’politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE. Dan jiffoka fuq it-tnaqqis tal-faqar f’konformità mal-prinċipji ta’ kooperazzjoni tal-iżvilupp effettiv. Huwa jitlob li jkun hemm sinerġiji bejn il-politiki; koordinazzjoni u koerenza akbar fost l-atturi u l-istrumenti tal-UE; u l-promozzjoni ta’ kummerċ u investiment responsabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli, b’segwitu għal orjentazzjonijiet stabbiliti mill-Komunikazzjoni dwar il-Kummerċ, it-Tkabbir u l-Iżvilupp aġġornata bil-komunikazzjoni Kummerċ għal Kulħadd.
Minn dia il-kuntest ta’ politika mġedded jirriżultaw żewġ aspetti importanti. L-ewwel nett, ir-riżorsi tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp jeħtieġ li jkunu mmirati fejn hemm l-aktar bżonn, b’mod speċjali l-pajjiżi LDC u l-pajjiżi f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità. It-tieni, l-enfasi qed tersaq lejn l-użu tal-ODA b’mod aktar strateġiku bħala katalist biex jimmobilizza flussi finanzjarji pubbliċi u privati oħra, bħal dawk taħt il-Pjan il-ġdid tal-UE dwar l-Investiment Estern (PIE). B’ħarsa ‘l quddiem, iktar investiment pubbliku u privat se jsiru parti integrali mis-sostenn tal-UE għall-ħtiġijiet kummerċjali u ta’ kapaċità produttiva.
4Triq ’il quddiem li hija koerenti u effikaċi
Fil-kuntest ekonomiku u politiku li qed jinbidel, wasal iż-żmien biex issir reviżjoni tal-għajnuna tal-UE għall-kummerċ. L-għan aħħari għandu jkun li din tappoġġa lill-pajjiżi msieħba fl-isforzi tagħhom biex isir progress dwar l-SDGs u tinkiseb prosperità sostenibbli permezz ta’ żieda fil-kummerċ u l-investiment. Dan jeħtieġ it-tibdiliet fundamentali li ġejjin meta mqabbla mal-prassi tal-lum:
I.Titnaqqas il-frammentazzjoni attwali u jiżdied l-ingranaġġ tal-għajnuna għall-kummerċ permezz ta’ twassil li jkun informat u kkoordinat aħjar.
II.Jiżdied l-impatt tal-għajnuna tal-UE għall-kummerċ billi tiġi żgurata koerenza sħiħa mal-maġġoranza tal-istrumenti bejn il-politiki esterni tal-UE u jsir l-aħjar użu minnhom, b’mod partikolari l-Pjan ta’ Investiment Estern il-ġdid, ftehimiet kummerċjali u skemi ta’ kummerċ.
III.Enfasi aktar qawwija fuq id-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tas-sostenibilità, flimkien ma’ tkabbir ekonomiku inklużiv.
IV.Divrenzjar aħjar ta’ pajjiżi b’aktar attenzjoni fuq l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati u fuq sitwazzjonijiet ta’ fraġilità.
V.Titjib fil-monitoraġġ u r-rappurtar.
4.1Tonqos il-frammentazzjoni, jiżdied l-ingranaġġ
L-infiq attwali tal-għajnuna tal-UE għall-kummerċ isir b’mod wisq deċentralizzat u frammentat. Fl-2015 pereżempju, EUR 13.6 biljun ta’ għajnuna tal-UE għall-kummerċ kienu jirrappreżentaw terz tal-ODA totali tal-UE u ġew ikkanalati permezz ta’ madwar 3,000 deċiżjoni ta’ finanzjament li kienu jikkorrispondu għal kważi 90 kodiċi ta’ skop DAC tal-OECD. Dan għamilha diffiċli biex jiġu żgurati l-aħjar koerenza u effikaċja.
Għal din ir-raġuni, huwa importanti li jkun hemm kombinament aħjar tal-firxa wiesgħa ta’ għodod ta’ finanzjament għall-iżvilupp (bilaterali, reġjonali, tematiċi, eċċ) u tal-modalitajiet tal-għajnuna (assistenza teknika, sovvenzjonijiet, appoġġ baġitarju, ġemellaġġ, finanzjament imħallat, eċċ.) kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. Dan għandu jiġi kkumplimentat bl-attivitajiet ta’ self tal-istituzzjonijiet ta’ finanzjament għall-iżvilupp internazzjonali u Ewropej fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jipprovdu reazzjonijiet aktar integrati u mdaqqsa għall-ħtiġijiet kummerċjali u ta’ produzzjoni tal-pajjiżi msieħba.
Jekk l-UE trid li jkollha suċċess biex tagħti kontribut sinifikanti biex jinkisbu l-SDGs, trid tiffoka aktar fuq li tikkatalizza l-investiment privat. Il-Pjan ta' Investiment Estern (PIE) li jkopri l-Afrika u l-Viċinat Ewropew se jsegwi approċċ integrat. Huwa se juża mekkaniżmi innovattivi ta’ kondiviżjoni tar-riskju permezz ta’ Fond Ewropew ġdid għall-Iżvilupp Sostenibbli, inkluża garanzija għall-mobilizzazzjoni ta’ kapital flimkien ma’ assistenza teknika u t-titjib tar-riformi fil-klima tal-investiment.
F’konformità mal-istrateġiji ta’ żvilupp tal-pajjiżi u tar-reġjuni msieħba kif ukoll f’dawn l-istrateġiji, se jiġu mfittxija sinerġiji b’mod proattiv fil-ftehimiet kummerċjali u l-iskemi tal-UE. Dawn saru motivatur importanti fir-relazzjoni tal-UE mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Huma joffru opportunitajiet ta’ aċċess għas-suq li l-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs) huma ħerqana biex jisfruttaw. Huma jipprovdu inċentivi għal riforma li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tista’ tkompli tibni fuqha. L-għajnuna tal-UE għall-kummerċ għalhekk se tgħin biex titmexxa’ ’l quddiem dinamika ta’ implimentazzjoni pożittiva tal-ftehimiet sa mill-bidu nett, u tagħti kontribut biex dawn jirnexxu. L-għajnuna tal-UE għall-kummerċ se tintuża biex jitjieb ukoll il-potenzjal tal-iżvilupp ta’ politiki oħrajn tal-UE.
Azzjonijiet:
·Jiġu rinforzati r-rabtiet operazzjonali bejn kull strument u għodda ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, inklużi l-programmi nazzjonali u reġjonali u l-operazzjonijiet tal-Istituzzjonijiet Ewropej ta’ Finanzjament għall-Iżvilupp, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri.
·Jintrabat mill-qrib l-appoġġ baġitarju tal-UE mar-riformi fil-klima tal-investiment meta jkun qed jiġi mobilizzat kapital privat f’pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta’ mekkaniżmi innovattivi ta’ kondiviżjoni tar-riskju.
·Isir użu mill-mekkaniżmi istituzzjonali ta’ monitoraġġ stabbiliti permezz ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE bħala mezz addizzjonali biex tiġi identifikata għajnuna rilevanti għall-attivitajiet kummerċjali.
·Fil-pjanijiet dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE, jiġu inklużi miżuri mmirati biex jgħinu lill-pajjiżi msieħba li qed jiżviluppaw jagħmlu użu aħjar tal-opportunitajiet offruti minn ftehimiet kummerċjali tal-UE.
·Issir valutazzjoni regolari tar-rata ta’ utilizzazzjoni tal-preferenzi minn imsieħba ta’ ftehimiet kummerċjali u mill-pajjiżi benefiċjarji tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi, u analiżi tal-fatturi ta’ limitazzjoni, mill-perspettivi kemm tal-provvista domestika kif ukoll tar-reġim kummerċjali tal-UE. L-għajnuna tal-UE għall-kummerċ tiġi mmirata lejn titjib fl-indirizzar ta’ tali limiti u, fejn rilevanti, issir valutazzjoni tal-ħtieġa li jkunu kkunsidrati fl-iżvilupp ta’ miżuri kummerċjali.
4.2Żieda fir-rilevanza
Sabiex l-għajnuna tal-UE għall-kummerċ tiġi mmirata b’mod aktar effettiv jeħtieġ li jsir użu sistematiku ta’ dijanjostika disponibbli għall-kummerċ u l-investiment. Approċċ ibbażat fuq l-evidenza, se jippermetti li jkun hemm fehim sod tal-ktajjen tal-valur u tas-swieq downstream sabiex id-djalogu politiku mal-gvernijiet ta’ pajjiżi msieħba jkun aktar infurmat, biex b’hekk jissaħu t-tfassil u l-impatt tal-proġetti.
Se jiġu stabbiliti mekkaniżmi għal involviment ġenwin tal-partijiet ikkonċernati. Hemm bżonn ta’ djalogu strutturat mas-settur privat biex jiġu identifikati r-riformi fl-ambjent kummerċjali u tan-negozju li jiffaċilitaw l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi. Is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex jiddefendu l-prijoritajiet bħall-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ, l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa, ix-xogħol deċenti u l-istandards ambjentali. L-atturi tar-riċerka u l-innovazzjoni huma strumentali biex ikunu promossi l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi. Fil-ġurisdizzjoni tagħhom, l-awtoritajiet lokali wkoll għandhom impatt qawwi fuq l-ambjent favorevoli għan-negozju u x-xogħol deċenti, kif ukol fl-effiċjenza u l-governanza tal-aġenziji lokali responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ regolamentazzjoni.
Apparti l-gwida miksuba permezz ta’ approċċi bbażati fuq l-evidenza u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, hemm xejriet usa’ u kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati f’ċerti oqsma.
Il-katini ta’ valur huma motivatur biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jintegraw aħjar fil-kummerċ reġjonali u globali. L-għajnuna tal-UE għall-kummerċ se tkun iffokata b’mod aktar strateġiku biex tgħin lill-pajjiżi msieħba jiżviluppaw u jitilgħu fil-ktajjen tal-valur.
Infrastruttura ta’ kwalità hija qasam importanti tal-għajnuna tal-UE għall-kummerċ sabiex jiġu indirizzati l-limiti fuq in-naħa tal-provvista u l-ostakli mhux tariffarji. Din tiġbor fiha l-aspetti regolatorji u operazzjonali tal-istandardizzazzjoni, l-akkreditazzjoni, il-valutazzjoni tal-konformità u s-sorveljanza tas-suq. Il-bini tal-kapaċità tar-regolaturi u tal-awtoritajiet kompetenti, is-sistemi tas-sikurezza alimentari u t-tagħmir tal-laboratorju, kif ukoll l-assistenza teknika lill-produtturi u lill-SMEs biex jikkonformaw ma’ regolamenti tekniċi, standards privati, is-sikurezza alimentari u mal-miżuri sanitarji u fitosanitarji huma abilitaturi effettivi ta’ kummerċ u investiment meta jiġu avviċinati b’mod li jkunu xprunat mis-suq.
Id-diġitalizzazzjoni hija fattur determinanti għall-aċċess għal swieq esterni u għall-integrazzjoni fil-ktajjen tal-valur mondjali. L-innovazzjoni diġitali diġà wriet il-potenzjal tagħha li toffri soluzzjonijiet għall-problemi lokali, tnaqqas il-kost tal-kummerċ u toffri opportunitajiet ġodda ta’ negozju. It-tendenzi teknoloġiċi jgħinu biex l-SMEs innovattivi jidħlu fis-suq. L-għajnuna tal-UE għall-kummerċ se tinkoraġġixxi l-investiment fit-teknoloġiji u fis-servizzi diġitali, fil-kompjutrizzazzjoni, fil-gvern elettroniku, fil‑loġistika tal-kummerċ elettroniku, kif ukoll fl-assistenza teknika għall-gvernijiet biex jistabbilixxu politiki u oqfsa favorevoli għall-kummerċ elettroniku transfruntier.
Il-faċilitazzjoni tal-kummerċ kompliet tikseb prominenza bid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, l-aktar ftehim kummerċjali multilaterali sinifikanti konkluż minn meta ġiet stabbilita d-WTO fl-1995. L-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jimmobilizzaw tal-anqas EUR 400 miljun f’assistenza għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ fuq perjodu ta’ ħames snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu, inkluż għal proġetti għat-titjib tas-sistemi doganali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-għajnuna tal-UE għall-kummerċ se tipprijoritizza dawk id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ innotifikati bħala kategorija “C”.
B’mod ġenerali, l-għajnuna tal-UE għall-kummerċ se tibqa’ flessibbli sabiex tkun tista’ tinkorpora l-implikazzjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tat-temi tad-WTO marbuta kemm man-negozjati eżistenti kif ukoll mal-impenji, inkluża eżenzjoni fuq is-Servizzi għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati, kif ukoll temi ġodda kif jidhru.
Azzjonijiet:
·Jiġu identifikati u appoġġati l-katini tal-valur b’potenzjal ta’ żieda fil-valur permezz ta’ użu aktar sistematiku tad-dijanjostika għall-kummerċ u l-investiment u ta’ għodod ta’ intelligence tas-suq mid-Delegazzjonijiet tal-UE u l-aġenziji tal-Istati Membri f’dan il-qasam, biex jiggwidaw it-twettiq tad-djalogu politiku tal-UE u l-għajnuna tal-UE għall-kummerċ.
·Jitwettaq djalogu u involviment ġenwin mas-settur privat sabiex jiġu identifikati u prijoritizzati l-limiti tal-klima tal-investiment.
·Tintuża informazzjoni minn sistemi ta’ kontroll tal-UE li jevalwaw il-konformità tal-esportazzjoni ta’ pajjiżi terzi mal-istandards tal-UE, bħala sors prezzjuż biex jiġu indirizzati l-limiti fuq in-naħa tal-provvista, billi jiġu identifikati oqsma fejn jista’ jsir titjib u jittieħdu azzjonijiet korrettivi fejn l-għajnuna tal-UE għall-kummerċ tista’ tiġi mobilizzati.
·Jissaħħaħ l-involviment mas-soċjetà ċivili u mal-awtoritajiet lokali sabiex it-twassil tal-għajnuna għall-kummerċ ikun infurmat aħjar, inkluż permezz tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi (Domestic Advisory Groups - DAG) stabbiliti permezz ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE, pjanijiet direzzjonali tal-UE għall-pajjiżi għal involviment mas-soċjetà ċivili u formati ta’ involviment ekwivalenti mal-awtoritajiet lokali, u Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika.
4.1Progress dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp Sostenibbli
L-ugwaljanza bejn is-sessi mhix biss dritt fundamentali tal-bniedem, hija wkoll kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku. L-ekonomiji li jagħtu opportunitajiet aħjar għan-nisa għandhom potenzjali ogħla għat-tkabbir u l-kompetittività. L-għajnuna tal-UE għall-kummerċ tgħin biex jitwettaq l-impenn imġedded u mwessa’ tal-UE fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, u, b’mod partikolari, l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa.
L-inklużività se tkun fil-qalba tal-għajnuna tal-UE għall-kummerċ bħala riżultat tal-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-UE fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li tippromwovi wkoll parteċipazzjoni, in-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza u l-ekwità, it-trasparenza u r-responsabbiltà. Dan se jirrikjedi titjib fl-analiżi tal-impatt tal-inizjattivi ta’ kummerċ u investiment fuq id-drittijiet tal-bniedem.
L-għajnuna tal-UE għall-kummerċ se tqis l-erba’ pilastri tal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti (standards u drittijiet fuq ix-xogħol, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp tal-intrapriżi, il-protezzjoni soċjali u d-djalogu soċjali). Hija se tibni fuq il-possibbiltajiet imwessa’ li toffri l-"ġenerazzjoni ġdida" ta’ FTAs tal-UE biex tappoġġa d-drittijiet tax-xogħol u l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti, permezz tad-dispożizzjonijiet soċjali u ambjentali vinkolanti li jinsabu fil-kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli.
Is-sostenibbiltà ambjentali se tkun ukoll fil-qalba tal-għajnuna għall-kummerċ. Il-finanzjament għall-klima u l-ekonomija ekoloġika u ċirkolari joffru opportunitajiet lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jagħmlu qabża sostanzjali fil-kummerċ, it-tkabbir u l-impjiegi u se jtejbu r-reżiljenza soċjetali u ekoloġika. L-għajnuna tal-UE għall-kummerċ se tintuża biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-transizzjoni tagħhom lejn ekonomiji b’livell baxx ta’ karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima.
Is-sostenibbiltà bħala parti minn strateġiji ewlenin tal-kumpaniji, il-promozzjoni ta’ kummerċ ġust u etiku u prattiki ta’ negozju responsabbli – inkluż b’rabta ma’ katini ta’ valur sostenibbli – f’konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, se jagħtu kontribut qawwi għall-Aġenda 2030.
Azzjonijiet:
·Analiżi sistematika tal-ugwaljanza bejn is-sessi għal kull proġett ta’ għajnuna għall-kummerċ sabiex tiġi promossa l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa.
·Issir rabta adegwata bejn l-appoġġ tal-UE għal objettivi soċjali u ambjentali, l-għajnuna għall-kummerċ, il-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles tal-UE, il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali, u l-prinċipji u l-linji gwida internazzjonali dwar imġiba kummerċjali responsabbli.
·Tiġi promossa s-sostenibbiltà soċjali u ambjentali tul il-ktajjen ta’ valur permezz ta’ approċċi integrati u bejn diversi partijiet ikkonċernati.
·Jingħata appoġġ lill-kummerċ ġust u etiku f’pajjiżi msieħba, pereżempju permezz ta’ approċċ aktar immirat fuq il-prodotti bażiċi.
4.2Differenzjazzjoni skont il-pajjiż
L-interventi ta’ għajnuna tal-UE għall-kummerċ jeħtieġ li jiġu mfassla aħjar għall-kuntesti ta’ pajjiżi differenti. Dan se jgħin biex jiġu identifikati l-fatturi determinanti u l-aħjar skattaturi li jwasslu għal żvilupp sostenibbli, u kif ukoll l-aħjar sekwenzar ta’ riformi possibbli sabiex l-appoġġ tal-UE jiġi mmirat skont dawn.
Proporzjon akbar ta’ għajnuna tal-UE għall-kummerċ se jiġi allokat lill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati biex tgħin tintlaħaq il-mira tal-SDG li jirdoppja s-sehem tal-esportazzjonijiet globali tagħhom. It-tkabbir fl-aċċess tal-esportazzjonijiet tal-Pajjiżi l-anqas żviluppati għas-suq tal-UE jirrikjedi għajnuna u investiment privat fuq skala akbar abbażi ta’ analiżi tal-limiti u l-ħtiġijiet min-naħa tal-provvista.
Il-kunflitt u l-fraġilità huma l-motivaturi ewlenin tal-migrazzjoni. L-appoġġ għar-reżiljenza, it-tkabbir inklużiv u sostenibbli u impjiegi deċenti f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u fraġilità huma essenzjali u se jirrikjedu prijoritizzazzjoni b’attenzjoni tal-interventi. L-appoġġ għas-sigurtà alimentari, il-ħtiġijiet bażiċi u programmi ta’ emerġenza għall-ħolqien ta’ impjiegi jeħtieġ li jibqgħu prijoritajiet
. L-għajnuna tal-UE għall-kummerċ jeħtieġ li tgħin ukoll biex tinbena r-reżiljenza u jitqiegħdu l-pedamenti għal żvilupp ekonomiku sostenibbli, filwaqt li tingħata spinta lill-infrastruttura u s-setturi u l-interventi li jirrikjiedu ħafna ħaddiema.
L-approċċ aktar differenzjat tal-UE għall-għajnuna għall-kummerċ se japplika wkoll għal pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw aktar avvanzati li għaddew minn kooperazzjoni bilaterali tal-UE mill-2014 ’l hawn. Il-kooperazzjoni ma’ tali pajjiżi se tiġi indirizzata lejn oqsma ta’ interess reċiproku, inklużi n-negozjati dwar l-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles u l-integrazzjoni tal-ekonomiji emerġenti fis-swieq dinjin, kif ukoll il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi tal-Viċinat tal-UE permezz ta’ prijoritajiet ta’ sħubija identifikati b’mod konġunt.
Azzjonijiet:
·Jiżdied il-proporzjon tal-għajnuna tal-UE u tal-Istati Membri għall-kummerċ immirat lejn il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati b’viżjoni li sal-2030 progressivament jinkiseb kwart tat-total tal-għajnuna tal-UE għall-kummerċ.
·F’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità u kunflitti, isir sekwenzjar u prijoritizzar tal-interventi ta’ stabbiltà u li jagħtu riżultati malajr bl-applikazzjoni ta’ lenti fuq il-fraġilità u l-prinċipju “tagħmilx ħsara”.
·Jikber l-involviment ma’ pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw aktar avvanzati inkluż permezz ta’ kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar u trijangolari, u f’oqsma ta’ interess reċiproku (eż. l-integrazzjoni reġjonali, il-katini ta’ valur, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-iskambju tal-aħjar prassi).
4.3Monitoraġġ u rappurtar aktar komprensiv
Il-mezzi eżistenti ta’ analiżi u li juru l-impatt tal-interventi ta’ għajnuna tal-UE għall-kummerċ se jiġu mtejba, u r-rappurtar se jsir aktar kwalitattiv u orjentat lejn ir-riżultati bi tqassir fiż-żmien bejn meta jsiru l-impenji tal-għajnuna għall-kummerċ u r-rappurtar tal-azzjonijiet. B’mod partikolari, ir-rabta bejn l-indikaturi ta’ prestazzjoni tal-għajnuna tal-UE għall-kummerċ ma’ dawk ta’ strumenti relatati bħall-Pjan ta' Investiment Estern jew il-ftehimiet kummerċjali se tipprovdi sens ikbar tal-impatt globali tagħha.
Qed jiġu modernizzati s-sistemi u l-għodod ta’ informazzjoni sabiex jippermettu ġbir, analiżi u disseminazzjoni aħjar tat-tagħlimiet miksuba f’konformità mal-Qafas tar-Riżultati tal-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali tal-UE. Dan se jżid ukoll il-faċilità u l-effiċjenza biex jiġu prodotti diżaggregazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u relatati mal-kummerċ ta’ attivitajiet reċenti relevanti li jistgħu jinfurmaw u jappoġġaw id-djalogu dwar il-politiki u interventi ġodda ta’ għajnuna għall-kummerċ.
L-UE se tkompli tappoġġa l-proċessi li għandhom l-għan li jirrikonoxxu r-rwol dejjem jikber ta’ flussi oħra ta’ finanzjament lil hinn mill-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp, sabiex tingrana l-kontribut usa’ tal-UE għall-kummerċ, l-investiment u l-kapaċitajiet produttivi tal-pajjiżi msieħba katalizzati mill-Għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tagħha.