Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0651

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Kompletar tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar: Soluzzjonijiet aħjar għal riżultati aħjar

    COM/2017/0651 final

    Brussell,24.10.2017

    COM(2017) 651 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI EMPTY

    Kompletar tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar: Soluzzjonijiet aħjar għal riżultati aħjar

    {SWD(2017) 675 final}


    1.Introduzzjoni: Regolamentazzjoni aħjar fil-Kummissjoni

    Din il-Kummissjoni tinsab f’nofs il-mandat tagħha. Hi tibqa’ ffokata fuq it-twassil tal-inizjattivi prijoritarji biex tappoġġja l-10 prijoritajiet politiċi tagħha 1 għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Unjoni; biex tappoġġja t-tkabbir u l-impjiegi, biex is-suq intern tagħmlu jaħdem aħjar, biex tindirizza t-theddid għas-sigurtà, biex tipproteġi lill-konsumaturi u lill-ħaddiema u biex ittejjeb is-saħħa pubblika u l-ambjent. Il-Programm ta’ Ħidma għall-2018 2 juri għal darb’oħra l-fokus tal-Kummissjoni fuq il-kwistjonijiet il-kbar fejn huma meħtieġa soluzzjonijiet Ewropej. Dan jinkludi miżuri biex jiġu stabbiliti s-Suq Uniku Diġitali u l-Unjoni tal-Enerġija, jiġu żgurati tassazzjoni ġusta tal-kumpaniji u ġustizzja soċjali, tiġi kkompletata l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, jissaħħu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-unjoni bankarja, jibqa’ jiġi miġġieled it-terroriżmu u jiġi stabbilit il-pjan ta’ azzjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss tal-Unjoni.

    Regolamentazzjoni aħjar hija l-bażi tal-ħidma kollha tal-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-UE tagħmel dak li hu meħtieġ u tagħmlu sew. Għal dan il-għan, fl-2015 3 , il-Kummissjoni identifikat sett ta’ prinċipji u miżuri bbilanċjati li huma bbażati fuq tliet pilastri ewlenin:

    Valutazzjoni tal-impatt: proposti ġodda huma akkumpanjati minn valutazzjonijiet tal-impatt li jesploraw kif l-għanijiet politiċi jistgħu jintlaħqu bl-aktar mod effiċjenti mingħajr ma jiġu imposti piżijiet mhux meħtieġa.

    "L-ewwel evalwa": ir-reviżjonijiet kollha tal-leġiżlazzjoni eżistenti jivvalutaw l-opportunitajiet biex jiġu ssimplifikati u jitnaqqsu l-kostijiet mhux meħtieġa abbażi ta’ analiżi u kontributi tal-partijiet ikkonċernati.

    Involviment tal-partijiet ikkonċernati: regolamentazzjoni aħjar hija bbażata fuq l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili, li tistieden kontributo mill-partijiet ikkonċernati fil-punti kollha taċ-ċiklu tal-politika bl-użu ta’ firxa ta’ għodod ta’ feedback u attivitajiet ta’ konsultazzjoni.

    Dan l-approċċ għal regolamentazzjoni aħjar irċieva appoġġ wiesa’ mill-partijiet ikkonċernati inkluż il-Parlament Ewropew 4 u l-Kunsill 5 . Fl-2015, l-OECD kienet diġà kklassifikat is-sistemi tal-valutazzjoni tal-impatt u tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bħala t-tielet u l-ħames rispettivament fost il-membri tal-OECD 6 . Minn meta saret din il-klassifikazzjoni, il-Kummissjoni introduċiet aktar titjib f’Mejju 2015, u fl-2016 il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu dwar Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 7 . Barra minn hekk, f’Diċembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat approċċ aktar strateġiku għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE 8 . Matul l-2017, kien hemm tliet żviluppi oħra sinifikanti dwar kif il-Kummissjoni tindirizza regolamentazzjoni aħjar.

    L-ewwel nett, bl-isforzi tagħha, il-Kummissjoni ħadmet aktar biex iżżid it-trasparenza, il-leġittimità u r-responsabbiltà tal-ħidma tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċess ta’ konsultazzjoni u l-possibbiltajiet għall-partijiet ikkonċernati sabiex jipprovdu feedback dwar il-proposti tagħha (Taqsima 2.2 hawn taħt). Sal-aħħar tal-2017, din ser tkun nediet is-sit web “Ikkontribwixxi fit-tfassil tal-liġijiet” li ser jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħidma tal-Kummissjoni permezz taċ-ċiklu tal-politika 9 .

    It-tieni nett, fl-2017, il-Kummissjoni kkompletat aġġornament prinċipali tal-linji gwida u tal-għodod għal regolamentazzjoni aħjar fiċ-ċiklu kollu tal-politika 10 . Filwaqt li l-funzjoni primarja tagħhom hija li jispjegaw u jisfruttaw ir-rabtiet bejn id-diversi passi tat-tfassil ta’ politika fil-Kummissjoni u li jappoġġjaw is-servizzi tagħha fil-ħidma tagħhom għal regolamentazzjoni aħjar, dawn isiru disponibbli wkoll għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill, għall-Istati Membri u għall-partijiet ikkonċernati kollha. L-għan huwa li jiġi ffaċilitat aktar involviment ta’ dawn l-atturi kollha fil-proċess tat-tfassil ta’ politika tal-Unjoni.

    It-tielet nett, fil-bidu tal-2017, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju lesta r-reklutaġġ tal-persunal tiegħu, u issa jinkludi t-tliet membri minn barra l-istituzzjonijiet Ewropej. Dan il-Bord indipendenti 11 jivverifika l-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt u tal-evalwazzjonijiet magħżula tal-leġiżlazzjoni eżistenti u jippubblika l-opinjonijiet kollha tiegħu. Fil-prinċipju, kull valutazzjoni tal-impatt ser tkun teħtieġ opinjoni pożittiva sabiex l-inizjattiva tkun tista’ tipproċedi. F’każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tieħu azzjoni fin-nuqqas ta’ tali opinjoni, din għandha tispjega pubblikament għaliex iddeċidiet li tipproċedi. Barra minn hekk, il-Bord qiegħed jipprovdi pariri metodoloġiċi prattiċi lid-dipartimenti tal-Kummissjoni. Il-Bord issa jeżamina wkoll evalwazzjonijiet magħżula u sistematikament jistaqsi jekk – skont il-“prinċipju l-ewwel evalwa” - saritx evalwazzjoni biex tappoġġja r-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt fejn il-leġiżlazzjoni tkun emendata.

    Il-Figura 1 tipprovdi ħarsa ġenerali tal-attivitajiet prinċipali ta’ regolamentazzjoni aħjar u turi l-ħidma sostanzjali li tlestiet f’dawn l-aħħar tnax-il xahar. Il-bqija ta’ din il-Komunikazzjoni tipprovdi aktar dettall dwar dawn l-iżviluppi, dwar il-ħidma kontinwa mal-pjattaforma REFIT biex jinġabru, jiġu analizzati u jitqiesu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati dwar kif tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni eżistenti. Din tirrispondi wkoll għall-impenji li l-Kummissjoni għamlet fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (b’mod partikolari l-paragrafu 48) u għall-konklużjonijiet tal-Kunsill 12 u tenfasizza aktar azzjonijiet biex titwettaq l-Aġenda ambizzjuża tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal marbut ma’ din il-Komunikazzjoni jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar sforzi ta’ simplifikazzjoni. 

    Figura 1. Ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta’ regolamentazzjoni aħjar mit-tnedija tagħhom fil-Kummissjoni

    Mill-31 ta’ Awwissu 2016

    Mill-31 ta’ Awwissu 2017

    Evalwazzjonijiet

    688

    798

    Valutazzjonijiet tal-impatt

    975

    1028

    Konsultazzjonijiet pubbliċi

    704

    814

    Opinjonijiet tal-Pjattaforma REFIT

    17

    58

    2.Applikazzjoni ta’ regolamentazzjoni aħjar: Riżultati ewlenin

    2.1.Inkunu kbar fil-kwistjonijiet il-kbar: nirrispettaw is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

    Il-Kummissjoni Juncker tiffoka fuq sett ewlieni ta’ għaxar prijoritajiet politiċi, u tibqa’ impenjata biex taġixxi biss fejn ikun meħtieġ fil-livell tal-UE u biex tipproponi biss dak li hu essenzjali biex niksbu r-riżultati li rridu. Abbażi tal-evidenza miġbura permezz tad-diversi strumenti għal regolamentazzjoni aħjar, din taġixxi fejn ikollha bżonn u fejn iżżid il-valur. Il-Figura 2 turi dan il-fokus tal-Kummissjoni li jiffaċilita wkoll is-simplifikazzjoni tal-objettivi orizzontali, bħas-sostenibbiltà, fl-oqsma kollha ta’ politika. Finalment, filwaqt li l-approċċi settorjali ġew applikati f’għadd ta’ oqsma, bħall-enerġija u l-klima, it-trasport, is-suq uniku diġitali u s-suq intern, ġew applikati strumenti għal regolamentazzjoni aħjar sabiex tiġi żgurata koerenza u jiġu evitati spejjeż mhux meħtieġa u kostijiet replikati f’dawn is-setturi.

    Il-valutazzjonijiet tal-impatt tħejjew għall-biċċa l-kbira ta’ dawn l-inizjattivi. Madankollu, il-kontribut u l-evidenza meħtieġa għal valutazzjoni tal-impatt mhux dejjem jistgħu jitwasslu u jinkisbu b’evidenza għal azzjonijiet fejn huwa meħtieġ rispons politiku immedjat. Dan kien il-każ f’din l-aħħar sena, pereżempju fl-oqsma tal-migrazzjoni u tas-sigurtà. F’dawn il-każijiet, madankollu, il-Kummissjoni tat evidenza sa fejn possibbli biex tappoġġja dak li tipproponi, u fil-ftit każijiet fejn dan ma kienx possibbli, spjegat għaliex.

    Figura 2. L-għadd ta’ inizjattivi prijoritarji fil-Kummissjoni Juncker 2015-2018 meta mqabbel mal-aħħar sena tal-predeċessur tagħha

    Minbarra l-iffukar fuq prijoritajiet ewlenin, il-Kummissjoni tkompli wkoll bl-isforzi tagħha sabiex tiżgura li l-azzjonijiet li tieħu huma proporzjonati. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena dwar il-ħidma sostanzjali li twettaq fil-qasam tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Għodda importanti hija l-iskrutinju indipendenti ta’ għażliet politiċi mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju qabel ma l-Kummissjoni tadotta l-proposti tagħha. Il-Bord jivverifika l-għażliet esplorati biex tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni u l-impatti rilevanti kollha (bħal dawk fuq l-SMEs) li jistgħu jwasslu għal aktar approċċi effettivi, effiċjenti jew proporzjonati li jevitaw spejjeż mhux meħtieġa. Il-Kaxxa 1 tipprovdi eżempji.

    Kaxxa 1. Eżempji fejn regolamentazzjoni aħjar wasslet għal aktar approċċi proporzjonati

    ·Proposta dwar il-moviment liberu ta’ dejta fis-suq uniku diġitali (COM(2017) 495). Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju qajjem tħassib dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-għażla li jintervjeni f’kuntratti bejn in-negozji sabiex it-trasferiment (“portabbiltà”) tad-dejta bejn il-fornituri tas-servizzi tal-cloud ikun aktar effiċjenti. Għalhekk, il-Kummissjoni għażlet minflok li tħeġġeġ l-awtoregolamentazzjoni permezz ta’ kodiċi ta’ kondotta dwar l-informazzjoni li għandha tingħata lill-utenti tal-ħżin ta’ dejta jew ta’ servizzi oħra tal-ipproċessar. Hi ddeċidiet ukoll li l-modalitajiet tal-bdil u tal-adattament għandhom jiġu indirizzati permezz tal-awtoregolamentazzjoni biex jiġu definiti l-aqwa prattiki.

    ·Proposta għal Direttiva dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (COM(2016) 767). Kif spjegat fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta, wara tħassib espress mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju dwar il-proporzjonalità (u l-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà) tal-miżuri biex tiġi promossa l-enerġija rinnovabbli fis-setturi tat-tisħin u tat-tkessiħ, ġew proposti miżuri inqas intrużivi.

    ·Politika ta’ standardizzazzjoni tal-UE. Il-partijiet ikkonċernati jiddependu fuq standards tekniċi armonizzati tal-UE għall-operazzjonijiet tagħhom. Il-pubblikazzjoni f’waqtha ta’ referenzi għal dawn l-istandards f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kienet problematika. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Pjattaforma REFIT, il-Kummissjoni u l-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni qablu dwar pjan ta’ azzjoni biex isolvu l-kwistjoni.

    2.2.Trasparenza, leġittimità u responsabbiltà

    Matul l-2016 u l-2017, il-Kummissjoni poġġiet enfasi partikolari fuq iż-żieda fil-leġittimità ta’ dak li tagħmel. Il-Kummissjoni hi impenjata lejn l-ogħla standards ta’ trasparenza u ta’ responsabbiltà fl-interessi tal-leġittimità demokratika, f’konformità mal-Prijorità 10 tal-Linji Gwida Politiċi tagħha (“Unjoni ta’ Tibdil Demokratiku”). Il-pubbliku u l-partijiet ikkonċernati bi dritt jistennew li jkunu jistgħu jinfluwenzaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet huma stess, jeżaminaw l-evidenza, u jkunu jafu min aktar qiegħed ifittex li jinfluwenza t-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni kienet ta’ eżempju fir-rigward tat-trasparenza fuq l-interazzjoni ma’ rappreżentanti interessati billi applikat il-prinċipju li l-Kummissarji, il-Membri tal-Kabinetti tagħhom u d-Diretturi Ġenerali ser jiltaqgħu biss ma’ lobbisti li jinsabu fuq ir-Reġistru ta’ Trasparenza, u li jippubblikaw informazzjoni dwar dawn il-laqgħat fuq is-siti web tagħhom. Barra minn hekk, reġistrazzjoni fir-Reġistru ta’ Trasparenza issa hija wkoll rekwiżit għall-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u għall-esperti individwali li jirrappreżentaw interess komuni li jinħatru bħala membri ta’ gruppi esperti li jagħtu pariri lill-Kummissjoni. F’Settembru 2016, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Ftehim Interistituzzjonali legalment vinkolanti għal Reġistru ta’ Trasparenza obbligatorju li jista’ jkopri l-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u, għall-ewwel darba, il-Kunsill. Dan ikun pass kbir ‘il quddiem lejn trasparenza aktar b’saħħitha tal-illobbjar.

    Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ li tinvolvi ruħha mal-partijiet ikkonċernati u maċ-ċittadini matul iċ-ċiklu tal-politika 13 u investiet b’mod sinifikanti f’firxa ta’ għodod sabiex tinvolvi ruħha aħjar fl-attivitajiet tagħha. Minkejja d-disponibbiltà ta’ dawn l-għodod, jidher ċar li l-livell ta’ parteċipazzjoni ma laħaqx il-potenzjal kollu tiegħu u uħud mill-partijiet interessati għadhom mhumiex lesti jew kapaċi jinvolvu ruħhom. Il-Kummissjoni ħadet miżuri addizzjonali biex tindirizza din il-problema. B’mod partikolari:

    ·Sabiex twieġeb għat-tħassib tal-partijiet ikkonċernati, inkluża l-Pjattaforma REFIT, 14 jiġifieri li spiss mhuwiex ċar x’użu tagħmel il-Kummissjoni mill-kontribut tagħhom, il-Kummissjoni ser tipprovdi feedback aħjar dwar il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati fil-valutazzjonijiet tal-impatt, fl-evalwazzjonijiet u fir-rapporti ta’ konsultazzjoni tagħha biex turi kif intużaw il-kontributi tagħhom.

    ·Sabiex tiżgura li l-partijiet interessati xierqa jiġu mmirati bl-aktar mod effettiv sabiex tiġbor il-fehmiet tagħhom u dejta importanti, il-Kummissjoni saħħet il-gwida tagħha għas-servizzi tal-Kummissjoni dwar it-tħejjija ta’ strateġija ta’ konsultazzjoni ċara għal kull inizjattiva li ser tiġi ppreżentata fil-pjanijiet direzzjonali u fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu.

    ·Sabiex tintlaħaq l-akbar udjenza possibbli u sabiex jiġi ffaċilitat il-feedback, il-konsultazzjoni pubblika għal inizjattivi importanti issa ser tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE filwaqt li oħrajn ser jidhru tal-anqas bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. Dan iwieġeb għat-tħassib espress mill-Parlament Ewropew, mill-Ombudsman Ewropew, mill-partijiet ikkonċernati u miċ-ċittadini.

    ·Fl-1 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni nediet sit web li huwa l-punt ta’ dħul ċentrali għaċ-ċittadini u għall-partijiet ikkonċernati biex isibu informazzjoni dwar it-tfassil ta’ politika u biex jipparteċipaw fil-proċess 15 . Dan jagħmilha aktar faċli għalihom biex jesprimu l-fehmiet tagħhom. Dan jagħmel it-tfassil ta’ politika aktar trasparenti peress li l-kontribuzzjonijiet jiġu ppubblikati awtomatikament. Dan jissodisfa impenn importanti tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-2015.

    ·Issa l-feedback jista’ jingħata fuq sit web uniku dwar l-ideat bikrija tal-Kummissjoni għal inizjattivi ġodda (pjanijiet direzzjonali u valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu), proposti adottati, u dwar abbozz ta’ leġiżlazzjoni terzjarja (atti ddelegati u atti ta’ implimentazzjoni). Dan tal-aħħar huwa titjib sinifikanti fit-trasparenza u fil-konsultazzjoni, f’dak li tradizzjonalment kien proċess kumpless u opak li kien jinvolvi biss esperti u rappreżentanti tal-Istati Membri. Il-Figura 3 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali.

    Figura 3. Is-sit web bl-isem “Ikkontribwixxi fit-tfassil tal-liġijiet”: Ħarsa ġenerali mit-tnedija tiegħu fl-1 ta’ Lulju 2016

    Atti li jitpoġġew fis-sit web Europa għal feedback mill-partijiet ikkonċernati

    Mill-31 ta’ Awwissu 2017

    Abbozz ta’ atti ddelegati

    98

    Abbozz ta’ atti ta’ implimentazzjoni

    126

    Pjanijiet direzzjonali u valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu

    225

    Proposti leġiżlattivi adottati mill-Kummissjoni

    194

    Il-Kummissjoni ser tkompli tħeġġeġ ukoll parteċipazzjoni akbar mill-partijiet ikkonċernati, speċjalment għal proposti prijoritarji, permezz tal-midja soċjali (#EUHaveYourSay). Dan ikkontribwixxa għal żieda kostanti fl-għadd ta’ viżitaturi għas-sit web bl-isem Ikkontribwixxi fit-tfassil tal-liġijiet, li f’Awwissu tal-2017 laħaq aktar minn 47 000 (il-Figura 4). Pereżempju, il-kontribuzzjonijiet riċevuti wasslu għal bidliet fil-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-regoli dwar l-użu ġust ta’ roaming tat-telekomunikazzjonijiet mobbli 16 jew infurmaw lil-leġiżlatur, bħal fil-każ tar-rispons tal-pubbliku dwar il-proposta dwar l-armi tan-nar tal-Kummissjoni 17 .

    Sal-aħħar tal-2017, il-Kummissjoni ser ittejjeb aktar is-sit web. Dan it-titjib ser jinkludi “viżwalizzazzjoni kronoloġika” li ser tipprovdi aktar informazzjoni u informazzjoni bikrija dwar kull inizjattiva li jmiss, u aċċess mhux korporattiv għall-konsultazzjonijiet pubbliċi kollha onlajn imnedija kull sena.

    Figura 4. Żvilupp fl-għadd ta’ viżitaturi għas-sit web bl-isem Ikkontribwixxi fit-tfassil tal-liġijiet

    2.3.Simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni u indirizzar tal-ispejjeż mhux meħtieġa

    Mill-bidu tal-mandat tagħha, din il-Kummissjoni enfasizzat li mmaniġġjar attiv tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE huwa importanti daqs it-tħejjija għal inzijattivi ġodda. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tibqa’ adattata għall-iskop u tikseb ir-riżultati maħsuba minn dawk li jfasslu l-liġi tal-UE. Fil-qofol tal-isforzi tagħha biex twassal leġiżlazzjoni aktar sempliċi, il-Kummissjoni tiffoka fuq l-indirizzar ta’ spejjeż mhux meħtieġa u l-eliminazzjoni ta’ piżijiet amministrattivi mingħajr ma tikkomprometti l-objettivi politiċi. Il-fatt li l-leġiżlazzjoni tkun aktar sempliċi u inqas ta’ piż, itejjeb ukoll l-implimentazzjoni u l-infurzar, u finalment tikseb riżultati aħjar.

    Il-Kummissjoni hija konvinta li t-tnaqqis ta’ spejjeż mhux meħtieġa huwa l-aktar effettiv meta jsir fuq bażi ta’ każ b’każ sabiex l-objettivi maħsuba tal-leġiżlazzjoni jinżammu bis-sħiħ. Il-Kummissjoni kienet konsistenti fil-fehma tagħha li regolamentazzjoni aħjar mhijiex deregolamentazzjoni. Fejn ikun hemm ħtieġa ċara ta’ regolamentazzjoni biex tilħaq għanijiet soċjetali importanti – pereżempju, jekk fil-qasam tas-swieq tax-xogħol, tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, tal-protezzjoni ambjentali, jew inkella biex tindirizza l-impatt ta’ teknoloġiji ġodda fuq il-privatezza – hija ser tagħmel dan bl-ambizzjoni xierqa. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-leġiżlazzjoni dejjem ser ikun hemm xi kostijiet u dawn għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-benefiċċji ġenerali li ser iġġib magħha l-leġiżlazzjoni. Sabiex jiġu żgurati r-responsabbiltà u t-trasparenza demokratiċi, huwa essenzjali li deċiżjoni politika li għaliha l-ispejjeż huma leġittimi biex jintlaħqu l-objettivi politiċi, tkun ibbażata fuq l-evidenza minn valutazzjoni ta’ każ b’każ li twieġeb għat-tħassib tal-partijiet interessati u taċ-ċittadini.

    L-approċċ tal-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak f’bosta Stati Membri, huwa bbażat fuq il-“prinċipju l-ewwel evalwa”. Qabel ma tirrevedi leġiżlazzjoni jew tintroduċi leġiżlazzjoni ġdida, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tevalwa dak li jeżisti diġà biex tidentifika l-potenzjal għas-simplifikazzjoni u għat-tnaqqis fl-ispejjeż. Dawn l-evalwazzjonijiet jistgħu jkunu ta’ biċċiet individwali ta’ leġiżlazzjoni jew ta’ diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni flimkien, li jkopru settur partikolari (“kontrolli tal-idoneità”) u jidentifikaw oqsma fejn jista’ jkun hemm iffrankar possibbli tal-ispejjeż għal-leġiżlazzjoni speċifika inkwistjoni. Din l-analiżi mbagħad tiġi ttrasferita ‘l quddiem fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt li jidentifika kif dawn il-bidliet jistgħu jiġu implimentati bl-aħjar mod, u li jikkwantifika kull meta jkun possibbli. Dawn l-eżerċizzji jitwettqu fuq il-bażi ta’ evidenza, li tinġabar permezz ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, il-ħidma tal-pjattaforma REFIT, u l-kontribut li jista’ jiġi sottomess fuq is-sit web bl-isem “Innaqqsu l-Piż” 18 . Dan il-proċess huwa essenzjali sabiex tiġi żgurata l-leġittimità globali tal-eżerċizzju u sabiex jiġi żgurat li l-objettivi politiċi ma jiġux affettwati ħażin bl-isforzi biex jitnaqqsu l-kostijiet. Fl-2016, l-evalwazzjonijiet twettqu għal ftit inqas min-nofs tal-valutazzjonijiet tal-impatt u fl-2017 dan żdied bi kważi 70 %. Din hija kisba sinifikanti minn meta ġie introdott il-kunċett.

    Kaxxa 2. Evalwazzjonijiet u kontrolli tal-idoneità importanti għall-2016-2017

    ·Kontroll tal-idoneità dwar l-obbligi ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar fil-politika ambjentali tal-UE.

    ·Evalwazzjoni tal-Fond għall-Fruntieri Esterni 2011-2013.

    ·Evalwazzjoni tal-programm Orizzont 2020.

    ·Evalwazzjoni tar-Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-prodotti.

    ·Evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza tas-suq tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

    ·Kontroll tal-idoneità dwar il-liġi tal-konsumatur.

    ·Kontroll tal-idoneità settorjali tas-settur tal-kostruzzjoni.

    ·Sejħa għal evidenza dwar il-funzjonament tal-qafas regolatorju tal-UE għas-servizzi finanzjarji. 

    Sfida ewlenija hija li jiġu kkwantifikati b’mod suffiċjenti u b’mod preċiż l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-bidliet proposti. Jekk xejn din il-kwantifika hija ta’ sfida peress li d-dejta li hija disponibbli – inkluża d-dejta li l-Istati Membri jistgħu jiġbru dwar il-prestazzjoni tal-leġiżlazzjoni –spiss hija limitata. Dan jagħmilha diffiċli biex jiġu prodotti stimi rigorużi tal-impatti fit-28 Stat Membru. Minkejja l-isfidi, il-Kummissjoni madankollu tippreżenta informazzjoni kwantifikata f’madwar nofs il-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha u fi kważi dawk kollha inklużi fil-programm REFIT. B’mod globali, il-prattika tal-Kummissjoni f’termini ta’ kwantifikazzjoni hija konformi ħafna ma’ approċċi band’oħra, u hija avvanzata sew fir-rigward tal-istima tal-benefiċċji tal-politiki.

    Dan l-approċċ qiegħed jikseb ir-riżultati. Fi ħdan il-programm tagħha dwar l-idoneità regolatorja, il-Kummissjoni nediet 137 inizjattiva għal simplifikazzjoni mill-2015. Il-Pjattaforma REFIT kellha rwol importanti fl-iffukar tal-ħidma tal-Kummissjoni fuq dak li huwa l-aktar importanti għall-partijiet ikkonċernati. Sa mill-bidu tal-2016, il-Pjattaforma REFIT adottat 58 opinjoni u tat kontribut, l-aktar għas-simplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, ir-regoli dwar il-VAT u fil-qasam tas-suq uniku. Il-Kaxxa 3 tipprovdi għadd ta’ eżempji fejn il-Kummissjoni tkun identifikat iffrankar ta’ kostijiet potenzjali identifikat għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini u l-amministrazzjonijiet nazzjonali, bl-għajnuna tal-pjattaforma REFIT. Aktar dettalji dwar dawn u l-proposti l-oħrajn kollha ta’ REFIT huma pprovduti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ippubblikat ma’ din il-Komunikazzjoni. Il-Programm ta’ Ħidma għall-2018 jelenka l-proposti ewlenin biex jitnaqqsu l-ispejeż mhux meħtieġa li l-Kummissjoni biħsiebha tagħmel qabel it-tmiem tal-mandat tagħha.

    Kaxxa 3. Eżempji ta’ simplifikazzjoni regolatorja ta’ leġiżlazzjoni eżistenti 19

    ·Proposta għall-modernizzazzjoni tal-VAT għal kummerċ elettroniku B2C transfruntier (COM(2016) 757). Il-proposta hija maħsuba biex tissimplifika obbligi tal-VAT kumplessi relatati ma’ kummerċ elettroniku transfruntier u biex toħloq kundizzjonijiet ekwi għan-negozji tal-UE u ta’ pajjiżi terzi li spiss jagħmlu bejgħ mingħajr VAT mingħajr konformità. Il-proposta hija mistennija tnaqqas l-ispejjeż ta’ konformità tal-VAT għan-negozji b’EUR 2,3 biljun fis-sena mill-2021 filwaqt li fl-istess ħin iżżid id-dħul mill-VAT għall-Istati Membri b’EUR 7 biljun.

    ·Proposta għal Regolament dwar l-istabbiliment ta’ portal diġitali uniku li jipprovdi informazzjoni, proċeduri, u servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi (COM(2017)256). Jeżistu ostakli konsiderevoli kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji li huma mħajra jemigraw, ibigħu prodotti jew jipprovdu servizzi f’pajjiż ieħor tal-UE. Għal min hu lest li juża l-vantaġġi tas-Suq Uniku, huwa kruċjali li jsib informazzjoni onlajn rilevanti, eżatta u ċara kif ukoll li jkun jista’ jaċċessa u jwettaq proċeduri amministrattivi onlajn, iżda spiss dan għadu proċess ikkumplikat, jieħu ħafna ħin u għali, jekk dejjem ikun possibbli. Fir-rigward tal-informazzjoni, in-negozji jistgħu jiffrankaw bejn EUR 11 u 55 biljun fis-sena għar-riċerka ta’ disa’ suġġetti tan-negozju biss. L-għażla ppreferuta tnaqqas b’60 % il-1,5 miljun siegħa li bħalissa ċ-ċittadini jqattgħu biex jagħmlu riċerka onlajn dwar seba’ suġġetti essenzjali qabel ma jmorru barra mill-pajjiż.

    ·Proposta għal Regolament dwar l-istatistika Ewropea tan-negozju (COM(2017) 114). Is-sistema attwali li tipproduċi l-istatistika Ewropea tan-negozju hija frammentata f’regolamenti speċifiċi skont il-qasam. Dan joħloq inkonsistenzi fid-dejta miġbura u ineffiċjenzi fil-produzzjoni tagħha. Il-proposta l-ġdida ser tħassar 10 atti eżistenti u tipprovdi qafas legali komuni għall-produzzjoni u għall-kumpilazzjoni ta’ statistika tan-negozju. Il-proposta hija mistennija li tipprovdi statistika ta’ kwalità aħjar u twassal għal razzjonalizzazzjoni ta’ proċessi nazzjonali tal-produzzjoni tal-istatistika u tnaqqis fil-piż tal-istatistika fuq ir-rispondenti li jipprovdu d-dejta. Il-proposta l-ġdida hija mistennija li tiġġenera tnaqqis fil-piż amministrattiv għan-negozji ta’ mill-inqas 13,5 % fis-sena dovut b’mod parzjalment sinifikattiv għall-iffrankar fil-produzzjoni ta’ statistika dwar il-kummerċ fl-UE.

    ·Reviżjoni tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (Regoli dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet) (COM(2017)208). Il-proposta tistabbilixxi għadd ta’ modifiki mmirati tar-Regolament eżistenti, b’mod partikolari biex tissimplifika r-regoli u telimina spejjeż u piżijiet proporzjonati għal kumpaniji żgħar fis-settur finanzjarju mingħajr ma xxekkel l-istabbiltà finanzjarja. L-effett ikkombinat tal-għażliet kollha ppreferuti, ikkalkulat biss għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-impatt, jammonta għal tnaqqis fl-ispejjeż li jvarja minn EUR 2,3 biljun għal EUR 6,9 biljun fi spejjeż fissi (ta’ darba) u minn EUR 1,1 biljun għal EUR 2,66 biljun fi spejjeż operazzjonali.

    ·Proposta għal Regolament dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija (COM(2016) 759). Il-proposta ser tirriżulta fi tnaqqis sinifikanti fil-piż amministrattiv għall-Istati Membri, għall-Kummissjoni u għal Istituzzjonijiet oħrajn tal-UE bir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti attwali tal-ippjanar u tar-rapportar fl-oqsma tal-enerġija u tal-klima li huma mifruxa fuq bosta strumenti legali differenti b’ċikli ta’ rapportar differenti. Il-proposta tintegra, tissimplifika jew tħassar aktar minn 50 obbligu ta’ ppjanar, rapportar u monitoraġġ individwali eżistenti. Hija mistennija li toffri ffrankar ta’ aktar minn EUR 3,4 miljun fi spejjeż amministrattivi.

    ·Proposta dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni (COM(2017) 280). Il-proposta tindirizza l-interoperabbiltà dgħajfa tas-sistemi ta’ pedaġġ u tal-infrastruttura Ewropej billi tagħmilha aktar faċli għall-fornituri ta’ servizzi ġodda biex jidħlu fis-suq u billi tippermetti l-forniment ta’ unitajiet abbord inqas teknikament kumplessi lis-sidien tal-vetturi (mingħajr GPS). Interoperabbiltà dgħajfa hija stmata li ġġarrab spejjeż mhux meħtieġa ta’ EUR 334 miljun fis-sena.

    ·Proposta biex jiġu emendati r-restrizzjonijiet dwar l-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (COM(2017) 38). Il-miżuri proposti jirrestawraw is-suq sekondarju u jżidu d-disponibbiltà ta’ parts tal-bdil għal ċertu tagħmir. Iż-żamma tal-possibbiltà ta’ bejgħ mill-ġdid u xiri ta’ apparat mediku użat twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż u fil-piż amministrattiv għan-negozji u għall-awtoritajiet pubbliċi, opportunitajiet tas-suq addizzjonali għall-industriji tat-tiswija u bejgħ sekondarju, impatt soċjali pożittiv, inkluż għall-isptarijiet tal-UE, li wara l-2019 jirriżulta f’iffrankar ta’ madwar EUR 170 mlijun. L-esklużjoni tal-orgnijiet bil-kanen mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ser tgħin ukoll biex jiġi evitat telf massimu ta’ 90 % tal-impjiegi fis-settur u telf annwali massimu ta’ EUR 65 miljun sal-2025.

    2.4.Valutazzjoni ta’ approċċi alternattivi għal simplifikazzjoni u tnaqqis fl-ispejjeż

    Tnaqqis fil-piżijiet regolatorji mhux meħtieġa huwa prijorità politika ta’ din il-Kummissjoni, li qiegħda titwettaq bis-saħħa ta’ approċċ li jindirizza t-tħassib tal-partijiet ikkonċernati attwali, jiżgura responsabbiltà demokratika xierqa u jrawwem kwantifikazzjoni preċiża mingħajr ma jiddependi fuqha. F’konformità mal-impenn fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Kummissjoni madankollu vvalutat approċċi alternattivi, inkluż li jiġu stabbiliti l-objettivi għal tnaqqis fil-piżijiet f’setturi speċifiċi. Il-konklużjonijiet tagħha huma miġbura fil-qosor fil-Kaxxa 4 u huma ppreżentati f’aktar dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż.

    Kaxxa 4. Approċċi alternattivi għal simplifikazzjoni regolatorja

    ·Approċċ wieħed biex jitnaqqsu l-kostijiet regolatorji huwa billi jiġu stabbiliti miri ta’ tnaqqis fil-piżijiet ex ante jew għall-ekonomija kollha kemm hi jew għas-setturi. Sabiex ikunu kredibbli u effettivi, jeħtieġ li tali miri jkunu bbażati fuq metodoloġija biex jiġi stabbilit il-livell globali tal-ispejjeż u valutazzjoni ta’ dak li realistikament jista’ jitnaqqas (il-"linja bażi"). Il-ġbir ta’ din l-evidenza huwa għali, jieħu ħafna ħin biex jitlesta, u mhux bilfors jipproduċi rappreżentazzjoni preċiża minħabba li d-dejta spiss tkun limitata. Din l-inċertezza tagħmilha diffiċli ħafna biex tiġi kkalibrata l-ambizzjoni ta’ kwalunkwe objettiv ex ante, kemm jekk għall-ekonomija kollha kemm hi jew għal settur speċifiku. Iżjed u iżjed fil-livell Ewropew, kif muri mill-esperjenza tal-Kummissjoni stess bit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fil-perjodu mill-2007 sal-2013 20 .

    ·Uħud mill-partijiet ikkonċernati ssuġġerew li l-miri għandhom jiġu stabbiliti “politikament”, minflok fuq il-bażi ta’ metodoloġija, bl-ebda ġustifikazzjoni ċara għal kif jiġu kkalkulati jew għaliex għandhom jiġu applikati biss f’setturi speċifiċi. Il-Kummissjoni hija mħassba dwar il-fatt li tali approċċ joħloq pressjonijiet deregolatorji u jfixkel ir-responsabbiltà politika tagħha biex twassal dak li għandu jsir meta għandu jsir (b’kunsiderazzjoni pereżempju tal-ħtieġa tal-passat li jkun hemm rispons għall-kriżi finanzjarja u aktar sforzi riċenti biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ sigurtà, l-isfida tal-migrazzjoni, jew għall-kwistjonijiet ta’ privatezza mqajma minn teknoloġiji ġodda). Hija lanqas ma hija konvinta li tali approċċ ser jiġi aċċettat b’mod wiesa’ mill-partijiet interessati. Id-diversità tal-fehmiet dwar din il-kwistjoni ta’ miri ex ante tintwera sew bir-riżultati tal-konsultazzjoni tal-pjattaforma REFIT 21 .

    ·L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għas-sistema ta’ “waħda ġewwa waħda barra” fejn att ġdid jew il-kostijiet addizzjonali introdotti minn biċċa leġiżlazzjoni ġdida għandhom ikunu akkumpanjati minn tnaqqis ekwivalenti permezz tar-reviżjoni ta’ biċċa minn leġiżlazzjoni eżistenti jew l-irtirar tagħha. Il-kostijiet regolatorji għandhom jitnaqqsu fuq il-bażi ta’ evidenza, u mhux miri numeriċi sempliċi. Filwaqt li l-Kummissjoni tagħmel proposta biex tirtira biċċa leġiżlazzjoni, il-Leġiżlatur jista’ ma jaqbilx; u l-irtirar innifsu jista’ jirriżulta fi 28 approċċ nazzjonali differenti u potenzjalment diverġenti.

    L-esperjenza tal-Kummissjoni stess, u l-evidenza li rat minn sistemi oħrajn, ma tissuġġerixxix li approċċ ibbażat fuq objettivi ta’ tnaqqis ex ante ser jipproduċi riżultati aħjar f’termini tal-indirizzar ta’ kostijiet mhux meħtieġa u l-provvediment ta’ benefiċċji tanġibbli għall-partijiet interessati milli l-approċċ attwali tagħha. Dan l-approċċ huwa bbażat fuq evalwazzjoni ta’ każ b’każ ta’ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni eżistenti biex jiġi identifikat b’mod konkret dak li jista’ jiġi ssimplifikat jew eliminat. L-approċċ tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-evidenza, u l-leġittimità hija pprovduta bil-fatt li din tinvolvi lill-partijiet interessati b’mod attiv. Dan jiżgura li ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ deregolamentazzjoni mhux dovuta jew li jkun hemm impatt negattiv fuq l-objettivi politiċi ewlenin.

    Għalhekk, il-Kummissjoni ser tiffoka l-isforzi tagħha fuq it-titjib ta’ dan l-approċċ. B’mod partikolari, billi tibni fuq l-evalwazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tagħha, il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura li kull valutazzjoni tal-impatt li tappoġġja rieżami leġiżlattiv tippreżenta b’mod ċar x’inhuwa l-iffrankar ta’ spejjeż potenzjali, li jiġi kkwantifikat sa fejn ikun possibbli, u b’hekk tistabbilixxi objettiv ċar ta’ tnaqqis ta’ piżijiet għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill li huma għandhom iqisu fil-ħidma tagħhom 22 . Fejn huma jbiddlu l-proposti tal-Kummissjoni u jnaqqsu jew iżidu elementi ta’ simplifikazzjoni, il-Kummissjoni ser tħeġġeġ liż-żewġ istituzzjonijiet biex jispjegaw b’mod trasparenti għaliex dan huwa meħtieġ u biex jivvalutaw l-impatt tal-emendi tagħhom f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Dan l-objettiv ta’ tnaqqis ta’ piżijiet jiggwida wkoll lill-Istati Membri meta jittrasponu u jimplimentaw leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġeddet is-sett ta’ għodda tagħha għal regolamentazzjoni aħjar bi gwida dettaljata għas-servizzi tal-Kummissjoni dwar il-kwantifikazzjoni u saħħet it-taħriġ intern disponibbli. Il-Kummissjoni għandha wkoll l-intenzjoni li tikkonsulta lill-partijiet interessati b’mod aktar sistematiku dwar il-ħtieġa jew il-potenzjal li tissimplifika l-leġiżlazzjoni bħala parti mill-attivitajiet ta’ konsultazzjoni tagħha li jakkumpanjaw l-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-impatt.

    Il-Kummissjoni ser taħdem ukoll maż-żewġ istituzzjonijiet biex tagħti effett akbar għall-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali, sabiex tistabbilixxi approċċ aktar sistematiku għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ leġiżlazzjoni eżistenti sabiex tiżgura li d-dejta meħtieġa għal evalwazzjonijiet tajbin u kwantitifikazzjoni solida tkun disponibbli. Il-Kummissjoni ser tinkludi dispożizzjonijiet xierqa fil-proposti tagħha.

    Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni konsiderevoli dwar kif jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-perspettivi tan-negozju ta’ piżijiet regolatorji jvarjaw b’mod sinifikanti fl-Unjoni, li jissuġġerixxi li din id-diskrezzjoni għandha rwol importanti. Il-Kummissjoni ser tkompli taħdem mal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni, pereżempju billi tipprovdi pjanijiet ta’ implimentazzjoni biex tiffaċilita l-implimentazzjoni. F’konformità mas-sejħa fil-Ftehim Interistituzzjonali, l-Istati Membri għandhom jagħmluha ċara meta jittrasponu leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-liġi nazzjonali meta jżidu elementi li mhumiex relatati ma’ dik il-leġiżlazzjoni.

    2.5.Approċċ ġdid għall-infurzar tad-dritt tal-Unjoni

    L-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni hija essenzjali biex twassal il-benefiċċji maħsuba tagħha. Huwa kruċjali li l-Istati Membri jkunu responsabbli li jsegwu r-regoli tagħhom u jinfurzawhom, ir-regoli li huma stess stabbilixxew b’mod konġunt. Il-Kummissjoni ser tkompli tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom li jittrasponu, japplikaw u jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Fl-istess ħin, bħala gwardjan tat-Trattati, il-Kummissjoni ser iżżid l-isforzi tagħha sabiex tiżgura konformità mad-dritt tal-Unjoni.

    F’konformità mal-azzjonijiet prijoritarji mħabbra fl-2016, il-Kummissjoni ppreżentat il-politika l-ġdida ta’ infurzar tagħha fil-Komunikazzjoni “Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar 23 . Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi approċċ aktar strateġiku lejn il-politika ta’ ksur tal-Kummissjoni, billi tiffoka fuq problemi sistemiċi, fejn l-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni tista’ tagħmel differenza reali. Prijorità ser tkun l-investigazzjoni ta’ każijiet li fihom l-Istati Membri jittrasponu b’mod mhux korrett id-dritt tal-Unjoni fil-liġi nazzjonali jew jonqsu għalkollox milli jagħmlu dan. L-importanza li l-Kummissjoni tagħti lit-traspożizzjoni f’waqtha tad-dritt tal-Unjoni hija riflessa fl-approċċ imsaħħaħ tagħha għal sanzjonijiet finanzjarji għal tali każijiet. Il-Kummissjoni ser issegwi wkoll b’mod rigoruż il-każijiet li fihom l-Istati Membri jkunu naqsu milli jikkonformaw ma’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew li fihom huma jkunu kkawżaw ħsara serja lill-interessi finanzjarji tal-UE, jew kisru s-setgħat esklussivi tal-UE. Minħabba nuqqas bħal dan iċ-ċittadini u n-negozji jiġu mċaħħda mid-drittijiet u l-benefiċċji li huma jgawdu skont il-liġi Ewropea. F’konformità ma’ din il-politika l-ġdida, il-Kummissjoni ser tagħlaq każijiet meta tqis li dan huwa xieraq mil-lat politiku. Skeda informattiva riċenti li takkumpanja d-diskors tal-President dwar l-Istat tal-Unjoni turi l-evoluzzjoni fl-attività ta’ infurzar 24 .

    L-objettiv tal-politika l-ġdida ta’ ksur tal-Kummissjoni huwa li tiżgura konformità aktar mgħaġġla fejn ikun meħtieġ, sabiex tkun tista’ twettaq il-prijoritajiet politiċi tagħha. Il-politika l-ġdida ta’ ksur mhijiex inizjattiva waħidha, iżda hija integrata sew f’serje ta’ azzjonijiet oħrajn li l-Kummissjoni ser tieħu biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u biex taħdem mill-qrib fi sħubija magħhom sabiex tiżgura li d-dritt tal-Unjoni jiġi applikat, b’mod korrett u effettiv. Il-Kummissjoni ser tinvolvi ruħha fi djalogu dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet b’mod aktar sistematiku mal-Istati Membri fuq il-konformità mad-dritt tal-Unjoni u dwar kwistjonijiet ta’ infurzar u kunsiderazzjonijiet politiċi usa’, fil-firxa ta’ oqsma leġiżlattivi.

    Implimentazzjoni dgħajfa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tfisser li l-benefiċċji maħsuba kollha ma jitwettqux fil-prattika. Bħala eżempju, implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE tista’ tiffranka lill-ekonomija tal-UE EUR 50 biljun kull sena fi spejjeż għas-saħħa u spejjeż diretti għall-ambjent. Ir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali 25 tnieda bħala għodda ġdida sabiex titjieb l-implimentazzjoni ta’ politika ambjentali Ewropea u regoli maqbula b'mod komuni. Dan huwa l-bidu ta’ proċess ġdid mal-Istati Membri sabiex jiġu identifikati u indirizzati l-kawżi ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni, u sabiex isir tentattiv biex jinstabu soluzzjonijiet qabel ma l-problemi jsiru urġenti. Fi Frar tal-2017, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel sett ta’ 28 rapport mill-pajjiżi li jidentifikaw il-qawwiet, l-opportunitajiet u d-dgħufijiet nazzjonali dwar l-implimentazzjoni, flimkien ma’ Komunikazzjoni li tidentifika sfidi komuni u azzjonijiet suġġeriti għal titjib għall-Istati Membri kollha tal-UE 26 . Finalment, dan il-kunċett jista’ jiġi applikat b’mod usa’ f’oqsma politiċi oħra jekk ikun ta’ suċċess.

    2.6.Ħidma mal-istituzzjonijiet l-oħrajn

    Il-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet jirrikonoxxi r-responsabbiltà konġunta tal-Istituzzjonijiet kollha tal-UE fit-twassil ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni ta’ kwalità għolja. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni wettqet ħafna mill-impenji tagħha b’mod progressiv skont il-Ftehim fuq dawn l-aħħar 12-il xahar jew bejn wieħed u ieħor. Il-Kummissjoni tħares ‘il quddiem lejn l-ewwel rendikont politiku mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex tara fejn huma meħtieġa sforzi addizzjonali sabiex jitjiebu l-proċessi ta’ tfassil aħjar tal-liġijiet u l-idoneità tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

    Kaxxa 5. Implimentazzjoni tal-impenji tal-Kummissjoni fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (IIABL)

    ·Flimkien mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, dikjarazzjoni konġunta ta’ prijoritajiet politiċi ġiet miftiehma għall-2017 u issa qiegħda tiġi implimentata.

    ·Saru proposti biex jiġu aġġornati r-regoli tal-komitoloġija fl-atti tal-Unjoni mar-rekwiżiti tat-Trattat ta’ Lisbona.

    ·Regoli ġodda dwar il-konsultazzjoni ta’ esperti mill-Istati Membri waqt it-tħejjija ta’ atti ddelegati issa huma fis-seħħ. Tnedew negozjati bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta’ kriterji ta’ delinjazzjoni għal atti ddelegati.

    ·Il-proġett tal-IT li jiġi stabbilit reġistru ġdid għal atti ddelegati jinsab fit-triq it-tajba u għandu jopera sat-tmiem tal-2017 kif previst.

    ·It-tliet istituzzjonijiet żviluppaw u qed imexxu ‘l quddiem pjan għal portal ġdid fuq l-internet interistituzzjonali konġunt sabiex itejjeb it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv.

    ·Tnedew negozjati bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta’ arranġamenti prattiċi għat-twettiq ta’ negozjati internazzjonali.

    ·Il-linji gwida u s-sett ta’ għodod għal regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni ġew riveduti u issa jkopru l-kwistjonijiet kollha koperti mill-IIA-BL bħal riformulazzjoni, kodifikazzjoni, “prezz tan-non-Ewropa”, monitoraġġ u evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali, eċċ.

    ·Inħolqot kapaċità tal-IT li taċċetta r-rapporti tal-Istat Membru dwar dawk il-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

    ·Din il-Komunikazzjoni tirreferi għall-impenji rigward is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-valutazzjoni tal-fattibbiltà li jiġu stabbiliti objettivi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż mhux meħtieġa fis-setturi ewlenin.

    3.Konklużjonijiet u l-passi li jmiss sabiex titwettaq l-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar

    Illum, aktar minn qatt qabel, hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li t-tfassil ta’ politika jkun imsejjes fil-fatti u l-provi. Id-dinja u l-problemi li niffaċċjaw huma kumplessi wisq biex jinstabu soluzzjonijiet mingħajr ma wieħed iħares l-ewwel lejn l-evidenza b’mod strutturat u komprensiv.

    L-approċċ tal-Kummissjoni jaħdem tajjeb u kiseb riżultati pożittivi. Regolamentazzjoni aħjar hija għodda li pprovdiet bażi għal deċiżjonijiet politiċi f’waqthom u sodi li jwettqu l-prijoritajiet politiċi li jixprunaw l-azzjoni tal-Kummissjoni biex tindirizza l-isfidi li l-UE taffaċċja llum il-ġurnata. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi, l-evalwazzjoni, il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-programm REFIT ippermettew l-istima sistematika ta’ proposti ġodda u tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex ikunu jistgħu jinkisbu r-riżultati meħtieġa u sabiex jiġu evitati l-kostijiet regolatorji mhux meħtieġa. Dan l-approċċ jippermetti l-valutazzjoni tal-merti tal-leġiżlazzjoni b’mod komprensiv, ibbażat fuq l-evidenza u sistematiku. Dan huwa flessibbli u jippermetti lill-Kummissjoni tiffoka fuq atti speċifiċi li l-partijiet interessati jenfasizzaw bħala li għandhom bżonn jittejbu.

    Dan jiżgura li regolamentazzjoni aħjar tinforma għażliet politiċi u tipprovdihom b’aktar leġittimità u responsabbiltà. Dan jisforza lil dawk li jfasslu l-politika kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati biex jargumentaw fuq il-bażi tal-evidenza u l-impatti mistennija u finalment jipprovdi firxa ta’ għodod sabiex jinvolvu ruħhom b’mod xieraq mal-partijiet kollha tas-soċjetà.

    Minkejja dan, il-Kummissjoni tinsab dejjem lesta biex ittejjeb il-politika tagħha ta’ regolamentazzjoni aħjar. B’mod partikolari, fir-rigward tal-programm REFIT, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżid l-isforzi tagħha biex tikkwantifika l-impatti tal-proposti tagħha u biex tiżgura li r-reviżjonijiet kollha tal-leġiżlazzjoni eżistenti jfittxu li jissimplifikaw u jnaqqsu l-kostijiet mhux meħtieġa sistematikament. Dan huwa stabbilit fil-linji gwida u s-sett ta’ għodod għal regolamentazzjoni aħjar riveduti li daħlu fis-seħħ f’Lulju ta’ din is-sena. Mill-1 ta’ Novembru, il-valutazzjonijiet tal-impatt kollha għandhom kemm jista’ jkun jikkwantifikaw u jippreżentaw, b’mod konsistenti, ir-riżultati tal-ħidma relatata ma’ REFIT u l-informazzjoni kollha dwar il-kostijiet u l-benefiċċji tal-inizjattiva.

    Il-Kummissjoni ser tipprovdi valutazzjoni ġenerali ta’ kif l-Aġenda tagħha għal regolamentazzjoni aħjar ġiet implimentata matul dan il-mandat tal-Kummissjoni.

    Kaxxa 6. Azzjonijiet ta’ segwitu

    ·Għal reviżjonijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti, kull valutazzjoni tal-impatt ser tippreżenta b’mod ċar x’inhuwa l-iffrankar ta’ spejjeż potenzjali, li jiġi kkwantifikat sa fejn ikun possibbli, u b’hekk tistabbilixxi objettiv ċar ta’ tnaqqis ta’ piżijiet għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill li huma għandhom iqisu fil-proċess leġiżlattiv u għall-Istati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom tal-leġiżlazzjoni.

    ·Barra minn hekk, fl-2017 u fl-2018 ser ikun hemm proposti ewlenin b’dimensjoni sinifikanti ta’ simplifikazzjoni li jinkludu:

    Tassazzjoni u VAT: Pakkett ta’ inizjattivi dwar is-sistema definittiva tal-VAT u s-simplifikazzjoni għall-SMEs li ser inaqqas il-piż amministrattiv fuq l-intrapriżi żgħar, sabiex jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għat-tkabbir u għall-kummerċ transfruntier tagħhom u sabiex jipprovdi kundizzjonijiet ekwi.

    Tnaqqis tal-piżijiet fuq in-negozju: Il-pakkett tad-Dritt tal-Kumpaniji jissimplifika d-dritt tal-kumpaniji relatat mal-proċeduri u jnaqqas il-piż amministrattiv relatat għall-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi (pereżempju l-użu ta’ proċeduri diġitali).

    Appoġġ lill-awtoritajiet pubbliċi: Ir-rekwiżiti ta’ rapportar fil-leġiżlazzjoni ambjentali ser jiġu razzjonalizzati abbażi tas-sejbiet tal-kontroll tal-idoneità.

    Għajnuna lill-konsumaturi: Is-simplifikazzjoni ta’ regoli eżistenti fil-korp ta’ liġi relatata mal-konsumatur bħal rekwiżiti ta’ informazzjoni u komunikazzjoni mill-bogħod ma’ konsumaturi. Din twassal għal xi tnaqqis fl-ispejjeż u ttaffi l-piżijiet amministrattivi.

    ·Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tibqa’ tiġi evalwata perjodikament bil-għan li tibqa’ adattata għall-iskop. Evalwazzjonijiet importanti li qegħdin isiru bħalissa jinkludu dawk dwar il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, il-leġiżlazzjoni relatata mas-settur marittimu u l-liġi ġenerali tal-ikel.

    ·Jiġi żgurat li l-partijiet interessati jintalbu jagħtu l-fehmiet tagħhom sistematikament dwar il-ħtieġa u l-potenzjal li tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni (pereżempju fil-konsultazzjonijiet pubbliċi li jakkumpanjaw l-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-impatt).

    ·Flimkien mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, jiżdiedu l-isforzi sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet sabiex jiġu inklużi l-arranġamenti ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni proporzjonati fil-leġiżlazzjoni l-ġdida.

    (1)       https://ec.europa.eu/commission/index_mt  
    (2)      COM(2017) xxx [għandu jitlesta meta jkun magħruf]
    (3)      COM(2015) 215 tad-19 ta’ Mejju 2015; Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar — Aġenda tal-UE.
    (4)      Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ April 2016 dwar il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Is-Sitwazzjoni Attwali u l-Perspettivi; http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2016-0104+0+DOC+XML+V0//MT  
    (5)      Better regulation to strengthen competitiveness: il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2016; http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2016/05/26-conclusions-better-regulation/  
    (6)      OECD (2015), OECD Regulatory Policy Outlook 2015, OECD Publishing, Paris; http://www.oecd.org/publications/oecd-regulatory-policy-outlook-2015-9789264238770-en.htm  
    (7)      Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. ĠU L 123, 12 ta’ Mejju 2016, p.1. http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=OJ:L:2016:123:TOC    
    (8)      C(2016) 8600 tal-21 ta’ Diċembru 2016; Id-dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar.
    (9)      “Ikkontribwixxi fit-tfassil tal-liġijiet”: https://ec.europa.eu/info/law/contribute-law-making_mt  
    (10)       https://ec.europa.eu/info/better-regulation-guidelines-and-toolbox_mt  
    (11)       https://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/regulatory-scrutiny-board_mt  
    (12)      Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2014 (Dok 16000/14): “... jitolbu lill-Kummissjoni tiżviluppa u tistabbilixxi - fuq il-bażi ta’ kontribut mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati - miri ta’ tnaqqis b’mod partikolari żoni onerużi, speċjalment għall-SMEs, fi ħdan il-Programm REFIT, li ma jirrikjedix kejl tal-linja bażi u li fl-istess ħin għandu jqis il-kostijiet u l-benefiċċji tar-regolament.”[traduzzjoni mhux uffiċjali]; u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2016 dwar regolamentazzjoni aħjar biex tissaħħaħ il-kompetittività li "jħeġġu lill-Kummissjoni tipproċedi malajr fir-rigward [.]. l-introduzzjoni ta’ miri ta’ tnaqqis fl-2017, filwaqt li dejjem tqis livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, tas-saħħa, tal-ambjent u tal-impjegati u l-importanza ta’ Suq Uniku li jiffunzjona kompletament” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
    (13)      il-bażi tad-dejta pilota tal-OECD dwar il-prattiki ta’ involviment tal-partijiet ikkonċernati: http://www.oecd.org/gov/regulatory-policy/EC-Stakeholder-Engagement.pdf  
    (14)       https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/xxii4ab_on_stakeholder_consultation_mechanisms.pdf  
    (15)       https://ec.europa.eu/info/law/contribute-law-making_mt  
    (16)       https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/roaming-implementing-regulation  
    (17)      COM(2015) 0750. Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi.
    (18)       http://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/lighten-load_mt  
    (19)      Eżempji magħżula mit-tabella ta’ valutazzjoni ta’ REFIT. Aktar informazzjoni tista’ tinstab fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal marbut.
    (20)       https://publications.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/257ede84-dd11-4873-be36-77aaca2faeab (programm ABRplus)
    (21)       https://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/overview-law-making-process/evaluating-and-improving-existing-laws/reducing-burdens-and-simplifying-law/refit-platform/refit-platform-recommendations_mt
    (22)      Ara Għodda #12 dwar il-format tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt fis-sett ta’ għodod għal regolamentazzjoni aħjar; https://ec.europa.eu/info/better-regulation-guidelines-and-toolbox_mt
    (23)       C(2016) 8600 , ĠU C 18, 19 ta’ Jannar 2017. 
    (24)       https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/better-regulation-factsheet_mt.pdf  
    (25)      Il-Komunikazzjoni “It-twassil tal-benefiċċji tal-politiki ambjentali tal-UE permezz ta’ Analiżi regolari tal-Implimentazzjoni Ambjentali” (COM/2016/ 316 final).
    (26)      Il-Komunikazzjoni “L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE: L-isfidi ewlenin u kif se ngħaqqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar” (COM/2017/063 final).
    Top