Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0610

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta' Azzjoni għat-titjib tal-istat ta' tħejjija kontra riskji ta' sigurtà kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari

    COM/2017/0610 final

    Brussell, 18.10.2017

    COM(2017) 610 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Pjan ta' Azzjoni għat-titjib tal-istat ta' tħejjija kontra riskji ta' sigurtà kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari


    DAĦLA: KIF QIEGĦDA TEVOLVI T-THEDDIDA

    Bħalissa l-UE għandha ma’ wiċċha firxa ta’ theddidiet terroristiċi u attakki ta’ natura vjolenti, kemm minn gruppi magħqudin f’netwerks kif ukoll minn persuni li jaġixxu waħedhom. Kemm il-gruppi terroristiċi kif ukoll l-individwi radikalizzati raw kif għamlu biex iwettqu attakki li jħallu ħafna vittmi fl-UE, bil-għan li jimmassimizzaw kemm l-għadd ta’ vittmi kif ukoll l-impatt psikoloġiku u ekonomiku fuq is-soċjetà.

    L-organizzazzjonijiet terroristiċi ma użawx aġenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (chemical, biological, radiological and nuclear - CBRN) fl-Ewropa. Madankollu, jeżistu indikazzjonijiet kredibbli li jindikaw li l-gruppi terroristiċi jista’ jkun li għandhom l-intenzjoni li jakkwistaw materjali jew armamenti CBRN u li qegħdin jiżviluppaw l-għarfien u l-kapaċità biex jużawhom. 1 Daesh użat armi kimiċi fis-Sirja u fl-Iraq u skont l-evalwazzjonijiet li saru, hija għandha l-ħila 2 li tipproduċi u tuża dawn l-armamenti. Inċidenti iżgħar urew li Daesh għandha interess fl-innovazzjoni u fl-iżvilupp ta’ armamenti bijoloġiċi u radjoloġiċi. 3 Ta’ min wieħed jinnota li filwaqt li t-terminu CBRN jintuża matul dan id-dokument, il-probabbiltà li jkun hemm attakk nukleari minn xi attur mhux Statali titqies bħala iżgħar minn dik ta’ attakki kimiċi, bijoloġiċi jew radjoloġiċi.

    Dan irid jiġi kkunsidrat fl-isfond tal-iżviluppi teknoloġiċi li jistgħu jiġu sfruttati mit-terroristi għal skopijiet malizzjużi. Daesh użat sistema tal-ajru mingħajr bdot abbord (unmanned aerial systems - UAS), kemm għas-sorveljanza u l-kontroll kif ukoll biex jitwettqu attakki bl-isplussivi. 4  

    Il-potenzjal ta’ attakki CBRN jidher b’mod prominenti fil-propaganda tat-terroristi, bil-medja Jihadista tesprimi l-intenzjoni li twettaq attakki CBRN u xxerred – fuq diversi pjattaformi tal-medja soċjali – tattiċi possibbli rigward attakki u miri. 5 It-theddid ta’ CBRN ġie rikonoxxut mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 6 , li esprima tħassib dwar ir-riskju dejjem jevolvi tal-proliferazzjoni, inkluż l-użu minn atturi mhux Statali.

    Minn dan toħroġ l-importanza li l-Unjoni Ewropea ttejjeb ir-reżiljenza tagħha u tkabbar l-istat ta’ tħejjija tagħha biex tkun tista’ taffaċċja t-theddid CBRN fis-snin li ġejjin.

    IL-ĦTIEĠA TA' KOOPERAZZJONI AKBAR FI ĦDAN L-UE

    Dan it-theddid li qiegħed jevolvi jirrekjedi ħarsa lejn il-vulnerabbiltajiet u lejn is-sistemi ta’ difiża tagħna kontra attakki terroristiċi possibbli li jkunu jinvolvu materjal CBRN. It-theddid CBRN sa issa jitqies bħala ta’ probabbiltà limitata, iżda b’riskji ta’ impatt qawwi. Anki fuq skala żgħira, attakk CBRN jista’ jħalli impatt konsiderevoli fuq is-soċjetajiet u l-ekonomiji li kontra tagħhom ikun intuża, bir-riżultat li jkun hemm tħarbit sinifikanti u għat-tul, biża’ mifrux u inċertezza. Kemm il-kosti umani kif ukoll dawk finanzjarji assoċjati ma’ attakki, li jkunu jinvolvu pereżempju xi mezz ta’ tixrid radjuattiv (magħruf ukoll bħala “bomba maħmuġa”) 7 jew xi attakk bl-antraks bl-użu ta’ sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord, jistgħu jkunu kbar ħafna.

    It-tisħiħ tar-reżiljenza kontra t-theddid CBRN f’termini ta’ prevenzjoni, tħejjija u reazzjoni, jinħtieġ investimenti sinifikanti min-naħa tal-Istati Membri. Dan għalhekk jitlob kooperazzjoni eqreb fil-livell tal-UE bl-intenzjoni li jittieħdu lezzjonijiet wieħed mill-ieħor, jinġabru l-għarfien espert kif ukoll l-assi u li jiġu sfruttati s-sinerġiji lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Il-valutazzjoni komprensiva tal-Politika tas-Sigurtà tal-UE 8 tindika li hemm il-ħtieġa li tikber il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE, abbażi ta’ fehim aħjar tat-theddida CBRN u li jinġabru r-riżorsi bil-ħsieb li jinkiseb stat ta’ tħejjija aħjar għal xi attakki CBRN possibbli.

    Id-Direttiva għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu 9 tinkludi għall-ewwel darba dispożizzjonijiet dwar il-linji kollha ta’ terroriżmu CBRN. Hija timponi obbligi fuq l-Istati Membri fil-każ tar-reazzjoni għal xi attakk terroristiku, inkluż obbligu li tingħata assistenza medika lill-vittmi kollha. L-inizjattivi proposti f’din il-Komunikazzjoni se jkunu ta’ għajnuna lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jassistu l-vittmi fil-każ ta’ attakk li jkun sar b’materjal CBRN.

    Dan il-Pjan ta’ Azzjoni għandu l-għan li jkabbar il-kooperazzjoni Ewropea biex tissaħħaħ is-sigurtà fejn jidħlu CBRN b’attenzjoni fuq il-prevenzjoni, it-tħejjija kontra t-theddid u l-attakki terroristiċi CBRN, u r-reazzjoni għalihom. L-azzjonijiet li qegħdin jiġu mfissra f’din il-Komunikazzjoni se jkunu ta’ sostenn għall-Istati Membri biex jipproteġu ċ-ċittadini u l-infrastrutturi. Ħafna mill-azzjonijiet proposti jsegwu approċċ ta’ protezzjoni mir-riskji kollha, u se jkunu wkoll ta’ kontribut għat-titjib tal-istat ta’ tħejjija f’każ ta’ xi inċident CBRN fuq skala kbira, li ma jkunx marbut mat-terroriżmu.

    ŻVILUPPI FUQ IL-PJAN TA’ AZZJONI CBRN 2010-2015

    Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jkompli fejn ħalliet il-ħidma mnedija fl-UE bil-Pjan ta’ Azzjoni CBRN għas-snin 2010-2015. 10 Huwa jindirizza l-lakuni identifikati fl-implimentazzjoni tiegħu u jieħu f’kunsiderazzjoni t-theddid li qiegħed jitfaċċa. Fil-livell tal-UE, il-Pjan ta’ Azzjoni 2010-2015 wassal għal fehim aħjar tat-theddida, kondiviżjoni akbar tal-informazzjoni (l-iżvilupp ta’ Glossarju CBRN-E u l-inklużjoni ta’ inċidenti CBRN fis-Sistema Ewropea ta’ Data dwar il-Bombi), u kisbiet għal ma hu l-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ taħriġ tal-UE (iċ-Ċentru Ewropea ta’ Taħriġ dwar is-Sigurtà Nukleari –EUSECTRA). Fil-qasam bijoloġiku kien hemm ukoll żvilupp leġiżlattiv importanti bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 1082/2013/UE dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet għat-tisħiħ tal-istat ta’ tħejjija u tal-ippjanar tar-reazzjonijiet fl-UE.

    L-Istati Membri li ġew ikkonsultati rigward l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni 2010-2015 rrappurtaw għad kbir ta’ attivitajiet li saru fil-livell nazzjonali, inkluż taħriġ u eżerċizzji. Huma rrappurtaw ukoll li kien hemm xi diffikultajiet fl-iżgurar tal-koordinazzjoni bejn l-atturi differenti. Il-partijiet involuti pereżempju saħqu dwar il-ħtieġa li jkun hemm għarfien aktar profond tar-riskji CBRN, li tinġieb ‘il quddiem il-kooperazzjoni transsettorjali u li jsir aktar investiment fit-taħriġ u fl-eżerċizzji. 11 L-għoti ta’ taħriġ u eżercizzji transfruntiera/transsettorjali – li idealment jiġi organizzat b’mod strutturat u li jkun isegwi kriterji li dwarhom ikun intlaħaq qbil minn qabel – ġie identifikat bħala wieħed mill-oqsma fejn l-UE tista’ tkun ta’ valur miżjud. L-Istati Membri indikaw ukoll li kien hemm żvilupp insuffiċjenti fejn jidħol l-iskambju ta’ informazzjoni dwar inċidenti, theddid, apparat u teknoloġiji CBRN, Huma saħqu wkoll dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata l-kooperazzjoni mal-isħab l-oħra li ma humiex koperti mill-Pjan ta’ Azzjoni CBRN preċedenti, bħal ma huma l-militar u pajjiżi terzi kruċjali.

    IT-TFASSIL TA’ APPROĊĊ AKTAR IFFUKAT U KKOORDINAT

    Fuq il-bażi ta’ dawn il-kisbiet, dan il-Pjan ta’ Azzjoni jieħu approċċ immirat, f’konformità mal-Aġenda CBRN-E tal-UE tal-2012, li fiha l-Kunsill talab lill-Kummissjoni tiżviluppa politika aktar iffukata, li tindirizza għadd magħżul ta’ prijoritajiet kruċjali b’valur miżjud ċar tal-UE, flimkien ma' riżultati tanġibbli.

    Il-Pjan ta’ Azzjoni jipprovdi opportunità għall-Istati Membri biex isaħħu l-kapaċità ta’ tħejjija tagħhom kontra t-theddid li qiegħed jevolvi permezz tal-parteċipazzjoni volontarja f’serje ta’ inizjattivi proposti taħt il-Pjan ta’ Azzjoni.

    Dan il-Pjan ta’ Azzjoni għandu l-għeruq tiegħu fit-twemmin sod li l-ħidma rigward ir-riskji CBRN tirrekjedi approċċ orizzontali, li jkopri diversi oqsma u atturi bħal ma huma dawk tal-infurzar tal-liġi, il-ġestjoni ta’ emerġenza, il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u tal-ispazji pubbliċi, is-saħħa pubblika u s-settur privat. Xi azzjonijiet minn dawk proposti se jikkontribwixxu wkoll għal aktar reżiljenza fl-infrastrutturi kritiċi fl-UE, speċjalment għal dak li għandu x’jaqsam mal-impjanti nukleari u l-faċilitajiet kimiċi.

    Hemm ukoll ħtieġa ċara li jiżdiedu l-azzjonijiet ta’ sigurtà interna-esterna, bi sforzi ffukati b’mod partikolari permezz tal-inizjattiva tal-UE dwar iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza CBRN. Waħda mill-prijoritajiet kruċjali se tkun dik li s-sigurtà tal-fruntieri u l-kapaċità tad-detezzjoni tiġi żgurata kontra d-dħul illeċtu ta’ materjal CBRN. L-uffiċjali tad-dwana għandhom rwol kruċjali li jiżguraw is-sigurtà tal-fruntiera esterna u dik tal-katina ta’ provvista. L-adattament tas-sistemi ta’ informazzjoni dwar il-merkanzija huwa essenzjali għat-tisħiħ tal-monitoraġġ u tal-kontrolli, ibbażati fuq ir-riskju, tal-katini internazzjonali ta’ provvista, sabiex jiġi żgurat li l-materjal CBRN ma jidħolx b’mod illeċtu fl-UE. Huma meħtieġa wkoll miżuri għat-tisħiħ tal-kontrolli fil-kummerċ ta’ materjal b’użu doppju fil-mument tal-esportazzjoni. Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mal-isħab strateġiċi u reġjonali tal-UE huma essenzjali, u se jkun hemm tiftix għal sinerġiji mal-partijiet interessati kollha relevanti, inkluż atturi militari, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u n-NATO, kif ukoll is-settur privat.

    Għalhekk il-Pjan ta’ Azzjoni jsegwi l-erba’ objettivi li ġejjin:

    (1) It-tnaqqis tal-aċċessibbiltà għal materjali CBRN,

    (2) L-iżgurar ta’ stat ta’ tħejjija aktar robust fil-każ ta’ inċidenti ta’ sigurtà CBRN, u biex ikun hemm reazzjoni għalihom,

    (3) Il-bini ta’ rabtiet interni-esterni aktar qawwija fis-sigurtà CBRN ma’ sħab kruċjali reġjonali u internazzjonali tal-UE, kif ukoll

    (4) Li jittejjeb l-għarfien dwar ir-riskji CBRN.

    Permezz ta’ ħidma fuq dawn il-pilastri, l-UE tista’ tipprovdi qafas aktar robust għat-tnaqqis tat-theddida ta’ attakki CBRN, it-tisħiħ ta’ miżuri ta’ sigurtà, iż-żieda fir-reżiljenza u t-tħejjija għal reazzjoni effettiva fil-każ ta’ attakk.

    L-azzjonijiet proposti se jkunu sostnuti bil-mobilizzazzjoni tal-iffinanzjar taħt l-istrumenti eżistenti differenti tal-Kummissjoni, inkluż Orizzont 2020, l-ISF Police u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) jew il-firxa wiesgħa ta’ strumenti esterni ta’ ffinanzjar (pereż l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument Ewropew tal-Viċinat, l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi).

    OBJETTIV 1: TITNAQQAS L-AĊĊESSIBBILTÀ GĦAL MATERJALI CBRN

    Il-ħila tat-terroristi li jwettqu attakki CBRN tiddependi fuq l-aċċessibbiltà ta’ aġenti, sustanzi u materjali meħtieġa biex jinbnew armamenti CBRN. Bħal ma sar fil-każ tal-ħidma dwar l-isplussivi u l-armamenti tan-nar, huwa meħtieġ li l-UE tikkontrolla aħjar l-aċċess għall-materjali CBRN ta’ riskju għoli u li tiġi ottimizzata l-ħila tagħna li niskopru tali materjali fl-aktar stadju bikri possibbli, u li jiġi ristrett jew ikkontrollat l-aċċess. Trid tiġi indirizzata wkoll il-kwistjoni sinifikanti ta’ theddid minn ġewwa għall-infrastruttura u l-faċilitajiet kritiċi li jkollhom materjali CBRN Barra minn dan, teżisti ħtieġa ċara, rikonoxxuta mill-Istati Membri tal-UE, li għandu jkompli jittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-materjali CBRN, inkluż dwar theddid u inċidenti ta’ sigurtà bħal ma hu s-serq jew it-traffikar tagħhom. Dan jista’ jinkiseb billi jiġi massimizzat l-użu ta’ sistemi eżistenti ta’ skambju ta’ għodod u informazzjoni.

    Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda tifrex l-azzjonijiet ta’ prijorità li ġejjin li għandhom jittieħdu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u ma’ partijiet involuti oħra.

    Impenn

    Azzjoni

    Meta titwettaq u l-perjodu

    1.1

    Jiġi ottimizzat l-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-CBRN

    L-Istati Membri għandhom jinkludu b’mod aktar sistematiku informazzjoni teknika dwar l-armamenti u l-inċidenti CBRN fis-Sistema Ewropea ta’ Data dwar il-Bombi (EBDS) 12 , li hija ġestita mill-Europol. Jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni lill-fattibbiltà li tiġi stabbilita sistema ta’ rappurtar li tkun tirrifletti dak li jeżisti fil-qasam tal-prekursuri tal-esplussivi.

    Użu aħjar ta’ għodod oħra għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni bħal ma hija l-Bażi tad-Data dwar l-Inċidenti u t-Traffikar 13 tal-IAEA 14 .

    Jiġu esplorati rabtiet ma’ sistemi oħra ta’ informazzjoni – bħal ma huma DUeS, is-Sistema Elettronika għal Oġġetti b’Użu Doppju 15 ma’ informazzjoni dwar oġġetti u persuni li jkunu suspettati li jagħmlu kummerċ “dannuż”.

    Il-Europol għandha tibgħat rapport regolari lill-Grupp Konsultattiv dwar is-Sigurtà CBRN tal-UE dwar l-użu tal-EBDS (mill-2018 ‘il quddiem). Il-Kummissjoni għandha taħdem flimkien ma’ Stati Membri tal-UE biex ittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni permezz tal-EBDS.

    Il-Europol għandha tagħmel inventarju tas-sistemi ta’ informazzjoni, tal-ħtiġijiet u tan-nuqqasijiet possibbli fejn jidħol l-iskambju ta’ informazzjoni sa nofs is-sena 2018.

    1.2

    Jissaħħu l-kontrolli doganali abbażi tar-riskju sabiex jiġu interċettati materjali CBRN perikolużi fil-fruntiera.

    Tittejjeb l-informazzjoni dwar il-merkanzija kummerċjali u jitjiebu l-kapaċitajiet ta’ detezzjoni tad-dwana f’kooperazzjoni ma’ aġenziji oħra għall-monitoraġġ ta’ katini ta’ provvista internazzjonali sabiex jiġi skopert u kkontrollat id-dħul illeċtu ta’ materjali CBRN.

    Jitqajjem għarfien dwar it-theddida CBRN fost l-uffiċjali tad-dwana u tal-infurzar tal-liġi, jitjiebu l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-iskambjar tal-informazzjoni bejn il-klijenti u awtoritajiet oħra, f’konformità mal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskji doganali (COM (2014) 527)

    Ftehim mal-Istati Membri (nofs l-2018) biex jiġi stabbilit repożitorju ta’ informazzjoni dwar il-merkanzija.

    Grupp ta’ Proġett dwar it-Teknoloġija ta’ Detezzjoni Doganali sabiex jesplora l-kapaċitajiet ta’ detezzjoni ta’ materjali bijoloġiċi u kimiċi fil-katini internazzjonali ta’ provvista.
    Rapport sa nofs l-2018

    Estensjoni tat-taħriġ radjoloġiku/nukleari għas-servizzi tal-infurzar tal-liġi, l-uffiċjali doganali u aġenti oħra li jkollhom kuntatt dirett fil-faċilità ta’ taħriġ EUSECTRA 16

    1.3

    It-tisħiħ tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE

    Prevenzjoni li atturi esterni (statali jew mhux statali) jkollhom aċċess għal oġġetti b’użu doppju / CBRN permezz tal-kummerċ

    Aġġornament tal-listi tal-UE ta’ materjali ta’ riskju għoli ta’ CBRN fl-2018 u li jiġi evalwat l-ambitu u n-natura tal-interazzjonijiet tekniċi bejn oġġetti “CBRN” u dawk b’“użu doppju”

    1.4

    Jiġi indirizzat it-theddid minn ġewwa

    Jiġu skambjati l-aħjar prassi fejn jidħlu l-kontroll u l-verifki ta’ sfond f’faċilitajiet li jkunu qegħdin iżommu għandhom materjal CBRN, bħal ma huma l-laboratorji bijoloġiċi jew il-faċilitajiet nukleari.

    Skedar tal-prassi ta’ kontroll eżistenti li għandu jitlesta sa tmiem l-2017.

    OBJETTIV 2: L-IŻGURAR TA’ STAT TA’ TĦEJJIJA AKTAR QAWWI FIL-KAŻ TA’ INĊIDENTI TA’ SIGURTÀ CBRN, U BIEX IKUN HEMM REAZZJONI GĦALIHOM

    L-istat ta’ tħejjija operattiv huwa kruċjali sabiex jittaffa b’mod effettiv l-impatt ta’ attakk jew inċident CBRN. Meta titqies in-natura transfruntiera u transnazzjonali tat-theddida CBRN, il-kooperazzjoni tal-UE tista’ tagħti valur miżjud billi tinkoraġġixxi l-attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċitajiet fl-UE, bħal ma hi l-kooperazzjoni transfruntiera fit-taħriġ, l-eżerċizzji u r-reazzjoni, l-iffaċilitar tal-assistenza reċiproka, l-għoti ta’ ggwidar, il-promozzjoni ta’ standards minimi madwar l-Unjoni u, fejn ikun hemm bżonn, iffinanzjar għal proġetti transnazzjonali f’dan il-qasam.

    Il-Kummissjoni diġà organizzat għadd kbir ta’ sessjonijiet u eżerċizzji ta’ taħriġ fil-livell tal-UE b’attenzjoni fuq il-kooperazzjoni transsettorjali fil-każ ta’ attakki CBRN. Pereżempju, l-eżerċizzju ARETE tal-2014 iffoka fuq il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-infurzar tal-liġi u tal-protezzjoni ċivili fil-każ ta’ sitwazzjoni kumplessa li tkun tinvolvi sustanzi kimiċi u terroriżmu, inkluż it-teħid ta’ ostaġġi. Barra minn dan, il-Kummissjoni ffinanzjat sensiela ta’ korsijiet ta’ taħriġ organizzat f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri fejn tidħol ir-reazzjoni transsettorjali għal attakk radjoloġiku permezz ta’ “bomba maħmuġa”. Dawn l-inizjattivi kienu kkumplimentati b’eżerċizzji organizzati fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u b’taħriġ organizzat mill-Europol u CEPOL.

    Azzjonijiet oħra li jittieħdu jkomplu jibnu fuq dawn l-esperjenzi u jressqu lejn xulxin id-diversi inizjattivi ta’ tħejjija u ta’ reazzjoni fi programm koerenti, b’mod li jiġu massimizzati l-opportunitajiet ta’ taħriġ u ta’ eżerċizzju għall-Istati Membri u titjieb il-konsistenza fl-approċċi tal-Istati Membri.

    Se jiġu identifikati azzjonijiet addizzjonali li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn diversi aġenżiji wara l-workshop tal-UE dwar il-kooperazzjoni ta’ dawk li jagħtu l-ewwel reazzjoni fuq ix-xena ta’ diżastru wara attakki terroristici, li sar f’Ottubru 2017. Fil-każ ta’ inċident CBRN maġġuri, ir-reazzjoni tkun tirrekjedi l-involviment ta’ għadd ta’ partijiet interessati, inkluż atturi privati, pereż. meta jkun irid jiġi żgurat li jkun hemm disponibbli kontromiżuri mediċi.

    Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda tifrex l-azzjonijiet ta’ prijorità li ġejjin li għandhom jittieħdu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u ma’ partijiet involuti oħra.

    Impenn

    Azzjoni

    Meta titwettaq u l-perjodu

    2.1

    Jissaħħaħ l-istat ta’ tħejjija u ta’ reazzjoni tal-UE fejn jidħol CBRN permezz ta’ taħriġ u eżerċizzji transsettorjali

    F’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se ssaħħaħ it-taħriġ u l-eżerċizzji għal dawk li jipprovdu l-ewwel reazzjoni li jkunu ġejjin mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tal-protezzjoni ċivili, tal-istrutturi tas-saħħa u, fejn relevanti, tal-fruntieri u tad-dwana, kif ukoll għall-isħab militari. It-taħriġ u l-eżerċizzji se jsiru permezz ta’ strumenti finanzjarji u għodda operattivi eżistenti, b’mod partikolari l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, is-CEPOL u l-ISF-Police.

    L-iżvilupp ta’ kurrikulu komuni tal-UE għat-taħriġ CBRN se jiġi promoss f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ esperti mill-Istati Membri.

    Skedar tal-attivitajiet ta’ taħriġ tal-UE eżistenti sa Jannar 2018

    Il-Grupp Konsultattiv tal-UE għandu jqis il-ħtiġijiet addizzjonali sa Q2 2018.

    Il-preżentazzjoni ta’ taħriġ u eżerċizzji ġodda fi Q4 2018

    Isiru eżerċizzji ulterjuri fil-livell tal-UE (li jkunu simili għall-eżerċizzju ARETE fl-2014) fl-2019

    2.2

    Tissaħħaħ il-kapaċità ta’ reazzjoni wara inċidenti CBRN taħt il-mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili tal-UE

    Sabiex jipprovdu sostenn aħjar lill-Istati Membri fil-każ ta’ inċident CBRN maġġuri, l-Istati Membri u l-Kummissjoni se jkomplu t-tisħiħ tal-Kapaċità Ewropea għal Reazzjoni f'każ ta' Emerġenza (EERC) tal-UCPM, inkluż il-Korp Mediku tal-UE. L-Istati Membri jiġu inkoraġġati jkomplu jimpenjaw kapaċitajiet ta’ CBRN ġodda għall-EERC.

    Jingħata sostenn lill-Istati Membri fil-proċess ta’ reġistrar u ċċertifikar ta’ moduli u kapaċitajiet oħra CBRN fi ħdan l-EERC.

    Jiġu eżaminati l-finijiet inizjali fejn tidħol kapaċità fil-qasam ta’ diżastri CBRN.

    Jiġi eżaminat l-istat ta’ tħejjija u r-reazzjoni transsettorjali fil-każ ta’ pandemji.

    Jiġu eżaminati l-lakuni fil-qasam tar-reazzjoni għal diżastri CBRN fl-2018.

    Għotjiet finanzjarji ta’ adattament għar-reġistrazzjoni/iċ-ċertifikazzjoni tal-moduli

    Eżerċizzji ta’ simulazzjoni transsettorjali rigward l-ippjanar għall-kontinwità tan-negozju waqt xi pandemja (2018)

    Workshops dwar l-istat ta’ tħejjija u l-implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa u dwar l-aħjar prassi rigward l-iskrinjar tad-dħul u l-ħruġ. Pjani għall-2017-2018.

    2.3

    Issir analiżi tal-lakuni fejn tidħol id-detezzjoni ta’ materjali CBRN

    F’kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp Konsultattiv CBRN, il-Kummissjoni se teżamina sa liema livell l-apparat ta’ detezzjoni eżistenti jista’ jiżvela materjali CBRN. Ir-riżultati jservu ta’ bażi għal attivitajiet tal-pul ta’ detezzjoni u għall-ħidma dwar l-istandardizzazzjoni.

    Rapport inizjali ta’ analiżi tal-lakuni, b’rakkomandazzjonijiet, sa Q3-2018

    2.4

    Jitjiebu t-twissija bikrija u r-reazzjoni kif ukoll isir skambju ta’ informazzjoni rigward theddid serju transfruntier għas-saħħa 17  

    Tinħadem mill-ġdid is-Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Reazzjoni (Early Warning and Response System - EWRS) bl-intenzjoni li titjieb il-konoxxenza tas-sitwazzjoni u l-ġestjoni tal-inċidenti fil-każ ta’ theddid serju transfruntier għas-saħħa kif ukoll sabiex l-EWRS tintrabat ma’ sistemi oħra ta’ allert rapidu u ta’ informazzjoni tal-UE.

    Sa nofs l-2018 għandha titlesta pjattaforma ġdid

    2.5

    Jissaħħaħ l-istat ta’ tħejjija tal-laboratorji fl-UE kontra theddid serju għas-saħħa transfruntier

    Tiġi żgurata l-identifkazzjoni u l-karatterizzazzjoni rapida kif ukoll li jkun hemm mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni rapida tal-kampjuni; Jiġi pprovdut sostenn għal Stati Membri anqas mgħammra.

    2015-2018

    Implimentazzjoni mill-Istati Membri b’sostenn mill-Kummissjoni fil-qafas tal-Azzjoni Konġunta EMERGE 18 dwar reazzjoni effiċjenti għal patoġeni perikolużi ħafna u li qegħdin jitfaċċaw fil-livell tal-UE.

    2.6

    Jittejjeb l-istat ta’ tħejjija tal-Istati Membri fejn jidħol theddid transfruntier għas-saħħa

    Jittejjeb l-istat ta’ tħejjija tal-Istati membri fejn jidħol theddid transfruntier għas-saħħa permezz ta’ akkwist konġunt ta’ kontramiżuri mediċi (abbażi tal-Artikolu 5 tas-Deċiżjoni 1082/2013/UE dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa).

    Jittejjeb l-istat ta’ tħejjija kif ukoll jittieħdu azzjonijiet fil-punti ta’ aċċess (postijiet tal-qsim tal-fruntiera tal-ajru, tal-baħar u tal-art.

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżviluppaw viżjoni kondiviża fil-livell tal-UE dwar kif titjieb il-kopertura tal-vaċċini fl-UE, u jibdew azzjonijiet għat-tisħiħ tal-provvista tal-vaċċini u l-ġestjoni tal-istokks, jittejbu l-interoperabbiltà u l-interazzjoni tas-sistemi ta’ informazzjoni dwar l-immunizzazzjoni, titjieb il-fiduċja fil-vaċċini u tiġi affrontata l-eżitazzjoni, kif ukoll tiżdied l-effettività tar-riċerka u l-iżvilupp tal-vaċċini fil-livell tal-UE.

    L-akkwist konġunt ta’ vaċċini flimkien mal-Istati Membri kkonċernati; 2018 (għaddejjin it-tħejjijiet)

    2017-2020 (Azzjoni Konġunta qiegħda titħejja)

    2017-2020 (Azzjoni Konġunta qiegħda titħejja)

    2.7

    Jitjiebu l-konoxxenza, l-istat ta’ tħejjija u r-reazzjoni għall-bijoriskji, inkluż theddid li qiegħed jitfaċċa

    Jissaħħaħ l-għarfien transsettorjali dwar il-bijoriskji li jqumu minn rilaxxi aċċidentali jew volontarji li jseħħu waqt taħriġ, bħal ma hu l-kors organizzat b’mod konġunt bejn iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (European Centre for Disease Prevention and Control - ECDC) u l-Europol dwar “Taħriġ dwar l-għarfien u l-mitigazzjoni transsettorjali tal-bijoriskju” għas-servizzi ta’ emerġenzi li jolqtu lis-saħħa, l-infurzar tal-liġi u l-protezzjoni ċivili.

    Jingħata sostenn lill-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra l-bijoterroriżmu, inkluż l-elaborazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali dwar l-istat ta’ tħejjija nazzjonali għal kwistjonijiet ta’ bijoterroriżmu permezz tal-iżvilupp – f’kollaborazzjoni ma’ netwerk ta’ esperti mill-Istati Membri – ta’ manwal iffukat tal-UE dwar it-theddid mill-bijoterroriżmu.

    L-ECDC se tgħin lill-Istati Membri jqajmu għarfien u jiskambjaw l-aħjar prassi dwar il-bijoloġija “Do it Yourself” (DIY), inkluż l-esperimentazzjoni amatorjali, l-użu ta’ aġenti bijoloġiċi u t-tekniċi tal-inġinerija ġenetika barra mill-ambjenti tal-laboratorju u minn individwi mhux imħarrġa u r-riskji għall-bijosigurtà 19 .

    L-edizzjoni li jmiss tal-kors, f’Q2-2018 (jsir arranġament għal aktar sessjonijiet skont il-ħtieġa)

    L-iżvilupp ta’ manwal sa Q3 2018

    It-tqajjim ta’ għarfien dwar ir-riskji marbuta mal-bijoteknoloġiji emerġenti

    L-attività se tibda f’Q3 2017 u se tkompli f’Q4 2017 – Q1 2018

    2.8

    Il-pul ta’ detezzjoni CBRN tal-esperti mill-Istati Membri

    Jiġi estiż il-pul ta’ detezzjoni 20 tal-isplussivi għal esperti CBRN bil-ħsieb li l-Istati Membri jingħataw sostenn pereż. biex jorganizzaw il-miżuri ta’ sigurtà b’avvenimenti ta’ skala kbira. L-attivitajiet tal-pul ta’ detezzjoni se jkunu ibbażati – fost affarijiet oħra – fuq il-materjal ta’ gwida żviluppat għall-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi.

    It-taħriġ għall-esperti tal-pul tad-detezzjoni – Q3-2018 bil-ħsieb li jkun operattiv fl-2019.

    2.9

    Jissaħħu l-kapaċitajiet u n-netwerks ta’ sigurtà nukleari

    Jiġi promoss l-użu sħiħ taċ-Ċentru Ewropew ta’ Taħriġ dwar is-Sigurtà Nukleari (EUSECTRA) għal taħriġ konġunt fid-detezzjoni radjoloġika u nukleari.

    Fazi-2 tal-kampanja ta’ Taħriġ Doganali f’EUSECTRA li għandha tiġi mnedija f’Q4-2017

     

    2.10

    Titjieb il-kooperazzjoni fil-qasam tal-forensika nukleari

    L-ambitu u l-komprensività tal-kapaċitajiet tal-forensika nukleari jvarjaw b’mod sinifikanti, fejn hemm biss ftit Stati Membri bil-ħila li jagħmlu analiżi dettaljata ta’ materjal nukleari u radjuattiv. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jkollhom jiddependu biss fuq kapaċitajiet bażiċi, li jiġu kkumplimentati minn dawk aktar avvanzati li jiġu offruti fost oħrajn miċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunta tal-Kummissjoni.

    Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa l-qafas legali (ftehimiet mal-Istati Membri) għall-użu ta’ dawn is-servizzi tal-Kummissjoni u sabiex tipprovdu taħriġ - kemm ġenerali kif ukoll avvanzat - lill-Istati Membri f’dan il-qasam.

    Jiġi żviluppat qafas legali għall-użu tas-servizzi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-forensika nukleari – sa tmiem l-2018

    OBJETTIV 3: IL-BINI TA’ RABTIET INTERNI-ESTERNI AKTAR QAWWIJA U IMPENN FEJN TIDĦOL IS-SIGURTÀ CBRN MA’ SĦAB KRUĊJALI REĠJONALI U INTERNAZZJONALI TAL-UE



    It-theddid ta’ CBRN jistgħu jiġu kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-Unjoni. Il-ħidma lil hinn mill-Unjoni kif ukoll il-bini ta’ tisħib aktar qawwi u rabtiet ta’ sigurtà interni-esterni huma parti inerenti tal-istrateġija tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-rabtiet ta’ CBRN. L-appell għal “Unjoni aktar marbuta” bejn id-dimensjonijiet interni u esterni tal-politiki ta’ sigurtà hija prijorità ċentrali fl-Istrateġija Globali tal-UE 21 u fil-kuntest tad-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u n-NATO tal-2016.

    Is-sigurtà CBRN jenħtieġ li tiġi integrata fl-azzjoni esterna tal-UE, permezz tal-iżvilupp ta’ kapaċitajiet f’pajjiżi terzi (notevolment f’pajjiżi ġirien), it-titjib tal-kooperazzjoni ma’ sħab strateġiċi kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali speċjalizzati, bħal ma huma l-Interpol, l-IAEA, l-OPCW, fil-waqt li l-ħidma tkun imsejsa fuq l-impenn imġedded tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex it-terroristi ma jitħallewx jakkwistaw armi tal-qerda massiva. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati rabtiet aktar mill-qrib bejn l-attivitajiet li jsiru fi ħdan il-qafas taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza CBRN tal-UE. F’dan is-sens, jenħtieġ li tingħata prijorità lill-pajjiżi tal-viċinat tal-UE.

    Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda tifrex l-azzjonijiet ta’ prijorità li ġejjin li għandhom jittieħdu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u ma’ partijiet involuti oħra.

    Impenn

    Azzjoni

    Meta titwettaq u l-perjodu

    3.1

    L-iżvilupp ta’ kooperazzjoni ta’ sigurtà CBRN ma’ sħab internazzjonali ċentrali, inkluż fil-kuntest tad-djalogi CT/Sigurtà

    Tiġi approfondita l-kooperazzjoni ma’ sħab strateġiċi li għandhom esperjenza ta’ CBRN:

    (1) tiġi skambjata informazzjoni dwar theddid u riskji CBRN;

    (2) jiġu skambjati l-aħjar prattiċi;

    (3) jsir taħriġ jew eżerċizzji.

    Jiġi diskussi fuq bażi regolari s-sigurtà CBRN fid-djalogi CT/Sigurtà ma’ pajjiżi terzi relevanti, bil-ħsieb li jiġu identifikati azzjonijiet possibbli ta’ kooperazzjoni u ta’ bini ta’ kapaċità.

    Fil-kuntest tad-djalogu CBRN eżistenti, isir workshop dwar is-sigurtà tas-sorsi radjuattivi fl-Istati Uniti – Q2-2018

    Il-workshop bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar investigazzjonijiet konġunti kriminali u epidemjoloġiċi – Q4-2018

    Jiġu mistiedna sħab strateġiċi għal sessjonijiet iddedikati tal-Grupp Konsultattiv dwar is-Sigurtà CBRN, fejn dan ikun xieraq.

    3.2

    Tiġi żviluppata l-kooperazzjoni man-NATO dwar kwistjonijiet relatati mac-CBRN

    Issir ħidma lejn kooperazzjoni aktar mill-qrib man-NATO f’rabta ma’ pajjiżi terzi, b’mod notevoli fl-oqsma ta’:

    (1) l-iskambju ta’ informazzjoni;

    (2) il-bini ta’ kapaċità;

    (3) it-taħriġ;

    (4) l-eżerċizzji.

    Jiġu żviluppati sinerġiji man-NATO dwar kif tista’ l-ġlieda kontra t-terroriżmu tibbenefika minn żvilupp ta’ kapaċità ta’ difiża fost affarijiet oħra fl-oqsma tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (Unmanned Airborne Vehicle - UAW) kif ukoll armamenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN).

    F’kooperazzjoni mal-moduli ta’ taħriġ, imfassla apposta miċ-Ċentru ta’ Eċċellenza CBRN, akkreditat min-NATO għall-isħab taċ-Ċentru ta’ Eċċellenza CBRN tal-EU.

    Workshop bejn l-UE u n-NATO – Q1/2-2018.

    Taħriġ komuni, pereż. fiċ-ĊtE CBRN akkreditat min-NATO (Q4 2017) bil-ħsieb li jsir fl-2018 / 2019/ 2020

    2018, abbażi ta’ tagħlimiet meħuda mill-ewwel sensiela ta’ taħriġ komuni.

    3.

    Tiġi żviluppata l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali speċjalizzati

    L-EEAS u l-Kummissjoni se jimpenjaw ruħhom ma’ organizzazzjonijiet multilaterali speċjalizzati (l-Interpol, l-IAEA, l-OPCW 22 , il-BEC ISU 23 , l-UNODA 24 ) sabiex jikkondividu l-aqwa prattiċi u jfittxu sinerġiji b’mod notevoli fil-qasam tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-bini ta’ kapaċità f’pajjiżi terzi.

    Dawn l-organizzazzjonijiet jiġu mistiedna b’mod regolari fil-grupp konsultattiv tas-sigurtà CBRN kif ukoll għal taħriġ u eżerċizzji

    OBJETTIV 4: JITTEJJEB L-GĦARFIEN DWAR IR-RISKJI CBRN

    CBRN huwa qasam teknikament kumpless u li qiegħed jiżviluppa malajr, li jenħtieġ monitoraġġ mill-qrib. Bħalissa, l-għarfien espert CBRN huwa mferrex b’mod iregolari fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u mifrux madwar diversi atturi tal-gvern, akkademiċi u privati. Hemm bżonn ta’ qafas li jħaddan l-UE kollha sabiex l-atturi differenti jinġiebu flimkien, sabiex jinbnew sħubijiet madwar dan is-setturi, ikomplu jiġu identifikati l-ħtiġijiet u jiġu sfruttati l-benefiċċji tar-Riċerka tal-UE.

    4.1 Il-ħolqien ta’ netwerk ta’ sigurtà tal-UE dwar is-CBRN 

    Sabiex titjieb il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE, netwerk ta’ sigurtà CBRN tal-UE jiġbor flimkien l-atturi kollha CBRN kemm fil-livell strateġiku (it-tfassil tal-politika) kif ukoll f’dak operattiv sabiex tingħeleb il-frammentazzjoni tal-isforzi. Iġib flimkien l-Istati Membri, l-Istituzzjonijiet tal-UE u l-aġenziji relevanti, u fejn ikun xieraq sħab internazzjonali ċentrali u s-settur privat. In-netwerk se jkun jistrieħ fuq tliet pilastri: 1) grupp konsultattiv li jiġbor flimkien il-koordinaturi kollha tas-sigurtà CBRN tal-Istati Membri, 2) netwerk ta’ sostenn li jkun magħmul miċ-ċentri eżistenti CBRN madwar l-UE u 3) ċentru ta’ għarfien dwar is-CBRN li jiġi stabbilit fiċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (ECTC) fil-Europol.

    L-objettivi tiegħu se jkunu li (1) jinżamm fehim komprensiv u aġġornat tar-riskji CBRN li jkun ġejjin minn ġewwa u minn barra l-UE u li jingħata sostenn lill-formulazzjoni ta’ politiki u inizjattivi biex jiġu indirizzati l-lakuni identifikati; (2) jiġu żviluppati l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-livell operattiv (pereż. l-iskambju ta’ informazzjoni, l-iskambju tal-aħjar prattiċi); u (3) tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ċivili-militari li jkunu ta’ benefiċċji reċiproku.

    Impenn

    Azzjoni

    Meta titwettaq u l-perjodu

    4.1.1

    Jiġi stabbilit Grupp Konsultattiv dwar is-Sigurtà CBRN tal-UE

    L-Istati Membri jaħtru Koordinaturi ta’ Sigurtà CBRN nazzjonali, bħala punti primarji ta’ kuntatt fl-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE.

    Abbażi ta’ dak li kien twettaq mill-grupp konsultattiv CBRN ta’ qabel, li kien inħoloq taħt il-Pjan ta’ Azzjoni 2010-2015, bil-mandat li ssir superviżjoni tal-implimentazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Grupp Konsultattiv dedikat ġdid dwar is-Sigurtà CBRN tal-UE għall-iskopijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni preżenti, li jġib flimkien il-Koordinaturi ta’ Sigurtà CBRN tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE relevanti, is-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna u partijiet interessati oħra relevanti, pubbliċi u privati li:

    (1) b’mod regolari jeżaminaw u janalizzaw it-theddid u r-riskji CBRN li jkunu qegħdin jevolvu (f’kooperazzjoni mal-INTCEN u l-Europol);

    (2) jiġu identifikati lakuni fil-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-istat ta’ tħejjija u l-miżuri ta’ reazzjoni dwar is-CBRN, u jagħtu pariri dwar inizjattivi ġodda ta’ politika sabiex dawn il-lakuni jiġu indirizzati;

    (3) jagħmlu rendikont taċ-ċentri eżistenti ta’ għarfien espert u jidentifikaw arranġamenti kollaborattivi sabiex jinkoraġġixxu s-sinerġiji u l-kumplimentarità.

    Sa Diċembru 2017 għandha titħejja lista ta’ koordinaturi fl-Istati Membri kollha.

    L-ewwel laqgħa tal-Grupp Konsultattiv għandha ssir sa Jannar 2018 u mbagħad minn żmien għal żmien (2-3 laqgħat fis-sena) wara dan

    L-ewwel analiżi tal-lakuni ssir sa April 2018 u din għandha tiġi riveduta minn żmien għal żmien

    Skambju regolari u sistematiku ta’ prattiċi tajba dwar riskji u lakuni identifikati

    L-ewwel rendikont ta’ ċentri eżistenti ta’ għarfien espert sa Mejju 2018.

    4.1.2

    Il-ħolqien ta’ netwerk ta’ sigurtà tal-UE dwar is-CBRN

    Fil-livell operattiv, Netwerk ta’ Sostenn CBRN tal-UE li jkun magħmul minn ċentri ta’ għarfien espert u ta’ netwerks eżistenti CBRN ikun ta’ kontribut lill-Grupp Konsultattiv dwar is-Sigurtà CBRN fi:

    (1) l-iżvilupp ta’ struttura ta’ sostenn espert tal-UE (f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Europol) li tkun tista’ tipprovdi gwida u pariri ukoll dwar kwistjonijiet tekniċi u xjentifiċi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar is-sigurtà CBRN, inkluż waqt inċidenti;

    (2) tiġi ffaċilitata l-identifikazjoni u t-tixrid ta’ prattiċi tajba, u tat-tagħlimiet meħuda;

    (3) jiġu kondiviżi l-għarfien espert u l-komunikazzjonijiet ma’ ċentri ta’ eċċellenza CBRN eżistenti fl-Ewropa u barra minnha.

    Dawk l-Istati Membri li jkunu interessati jiġu mitluba biex sa Diċembru 2017 jidentifikaw l-istrutturi li jistgħu jkunu ta’ kontribut għan-Netwerk ta’ Sostenn CBRN tal-UE.

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika sejħa għall-proposti ta’ proġett CBRN taħt ISF-Police sa Ottubru 2017 25

    Netwerk operattiv bis-sħiħ li għandu jiġi stabbilit sas-sajf tal-2018

    4.1.3

    Il-Europol (ECTC) għandha tiżviluppa ċentru ta’ għarfien dwar is-CBRN.

    Il-Europol (ECTC) għandha tiżviluppa t-tim CBRN eżistenti tagħha f’ċentru ta’ għarfien għas-sostenn tal-awtoritajiet tal-liġi u tal-infurzar dwar is-sigurtà CBRN, inklużi armamenti u theddid:

    (1) jiġu pprovduti prodotti analitiċi dwar theddid u inċidenti CBRN;

    (2) il-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni (notevolment permezz ta’ EBDS u ta’ netwerks bħal ma huma EEODN 26 ) bejn atturi ta’ infurzar tal-liġi u oħrajn (inklużi militari) kif ukoll man-netwerk tagħha ta’ sħab internazzjonali;

    (3) jiġi organizzat taħriġ (f’kooperazzjoni mas-CEPOL);

    (4) jiġi pprovdut sostenn operattiv u jintuża l-għarfien espert CBRN biex tiġi sostnuta l-investigazzjon ta’ inċidenti CBRN

    Isir l-aħjar użu minn kapaċitajiet eżistenti tal-Europol sabiex jitjieb l-għarfien kollettiv dwar it-theddid CBRN

    Kondiviżjoni sistematika ta’ informazzjoni relevanti ta’ CBRN permezz ta’ EBDS

    Jintuża l-għarfien esperti CBRN bħala assistenza għall-investigazzjonijiet

    4.2 L-isfruttar tal-benefiċċji tar-riċerka tas-sigurtà tal-UE

    L-isfruttar aħjar tar-riċerka dwar is-sigurtà tal-UE permezz ta’ attivitajiet ta’ tixrid tar-riżultati tar-riċerka, kif ukoll billi jiġi żgurat li l-attivitajiet ta’ riċerka jkunu jissodisfaw il-ħtiġijiet operattivi fil-qasam tas-CBRN. Il-Kummissjoni se testendi l-ittestjar tal-apparat, tinkoraġġixxi l-armonizzazzjoni tal-istandards u ssostni l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet kondiviżi permezz tal-pul ta’ esperti ta’ detezzjoni estiż tagħha.

    Impenn

    Azzjoni

    Meta titwettaq u l-perjodu

    4.2.1

    Sostenn għad-disseminazzjoni u l-użu ta’ riżultati tar-riċerka

    Tkompli tiżviluppa l-Pjattaforma tal-Komunità tal-Utenti dwar Soċjetajiet Sikuri u Reżiljenti (CoU) li tiġbor riċerkatuti, dawk li jfasslu l-politika, rappreżentanti u prattikanti mill-industrija u l-SMEs inklużi dawk li joffru l-ewwel reazzjoni, sabiex ir-riżultati jiġu tradotti f’azzjoni prattika.

    Tiżdied id-disseminazzjoni ta’ riżultati tar-riċerka u jiġi promoss l-iskambju ta’ informazzjoni sabiex jitjieb id-djalogu fost l-atturi differenti, fil-qasam CBRN, u jiġi pprovdut aġġornament regolari rigward ir-riżultati tar-riċerka anki fil-kuntest tal-grupp konsultattiv dwar is-Sigurtà CBRN tal-UE, u n-netwerk ta’ sostenn tiegħu.

    L-ippjanar CoU għall-2018 mistenni li jiġi ppreżentat f’Novembru 2017, u jkun ikopri 18-il workshop tematiku, inkluż sitt suġġetti relatati mas-CBRN bħal ma huma l-perikli kimiċi jew is-sigurtà tal-ilma. Il-workshops se jipprovdu aġġornament annwali dwar ir-riċerka li għaddejja, u attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċitajiet, u jiġu identifikati l-prijoritajiet futuri

    Rapport ta’ rendikont tal-proġetti H2020 li jkopru s-sejħiet tal-2014-2016 li għandhom ikunu ffinalizzati sa Diċembru 2017

    Jiġu ppubblikati r-riżultati minn proġetti ta’ riċerka CBRN permezz tan-netwerk ta’ sigurtà CBRN tal-UE

    4.2.2

    Jiġu identifikati ħtiġijiet ta’ riċerka ulterjuri u jiġu indirizzati theddidiet CBRN emerġenti

    Jiġi żgurat li l-proġetti ta’ riċerka jkunu ffukati fuq il-ħtiġijiet tal-utenti aħħarija fil-qasam CBRN

    Jiġu prijoritizzati l-isforzi ta’ riċerka sabiex:

    (1) jiġu pprovduti soluzzjonijiet dwar kif jistgħu jittaffew it-theddidiet CBRN, bħal ma hu il-UAS jew il-bio-hacking;

    (2) jittejbu l-kapaċitajiet tal-Istati Membri tat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastru, minn tħejjija/stat ta’ tħejjija, il-monitoraġġ għar-reazzjoni u l-irkupru.

    Djalogu kontinwu fid-diversi fora tal-UE, bħal ma hu l-grupp konsultattiv CBRN, azzjonijiet ġodda taħt is-sejħa Orizzont 2020 2017

    Proġetti ġodda CBRN magħżula mis-sejħa 2017, li jibdew fi Q1-2018

    Sejħa ta’ sigurta CBRN għal proposti fi Q2-2018

    4.2.3

    Tiġi inkoraġġita l-armonizzazzjoni permezz ta’ standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni għal prodotti u sistemi ta’ sigurtà CBRN

    Jiġi estiż l-ittestjar ta’ apparat ta’ detezzjoni CBRN bil-ħsieb li jiġu proposti oqsma għall-istandardizzazzjoni. Din il-ħidma se tkun anki ta’ għajnuna biex il-prattikanti jiġu infurmati dwar il-prestazzjoni tal-apparat u biex jiġi pprovdut taħriġ lill-esperti tal-pul ta’ detezzjoni.

    Ikomplu l-attivitajiet ta’ riċerka prenormattiva fi ħdan il-qasam tan-Netwerk ta' Referenza Ewropew għall-Protezzjoni tal-Infrastruttura Kritika 27 tal-Kummissjoni bil-għan li jiġu żviluppati Ftehimiet ta’ Workshop CEN 28 ; Jiġu identifikati oqsma li fihom ikunu jistgħu jiġu mnedija mandati lis-CEN u jiġu mnedija sejħiet ġodda b’sostenn ta’ standardizzazzjoni CBRN taħt Orizzont 2020.

    Titjieb il-kapaċità tal-ittestjar tal-prestazzjoni ta’ apparat ta’ detezzjoni CBRN fl-Istati Membri u jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta’ standardizzazzjoni idonei għas-CEN sa tmiem l-2018.

    Sejħiet għal riċerka marbuta mal-istandardizzazzjoni fi Q2-2018 u Q2-2019

    KONKLUŻJONIJIET

    Fid-dawl tat-theddid li qiegħed jevolvi, hemm bżonn li l-Ewropa tiġbor ir-riżorsi u l-għarfien espert sabiex tiżviluppa soluzzjonijiet innovattivi, sostenibbli u effettivi. L-isforzi ta’ kooperazzjoni madwar l-UE fil-linji mfissra f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni jistgħu jwasslu għal kisbiet sinifikanti fejn tidħol sigurtà u jwasslu għal riżultati tanġibbli.

    Il-proposti mfissra f’din il-Komunikazzjoni se jwittu t-triq għal kooperazzjoni aktar effettiva u ffukata fl-UE fil-protezzjoni, l-istat ta’ tħejjija u r-reazzjoni kontra theddidiet kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ mid-diversi opportunitajiet imfissra f’din il-Komunikazzjoni, u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw dan il-pjan ta’ azzjoni u biex b’mod attiv jimpenjaw ruħhom fl-implimentazzjoni tagħha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet kollha interessati. Il-Kummissjoni se tagħmel analiżi tal-progress li jkun sar mhux aktar tard minn sentejn oħra.

    (1)  Europol, rapport dwar is-sitwazzjoni fejn jidħol it-terroriżmu u x-xejriet (TE-SAT) 2017, p. 16, li jinsab hawn: www.europol.europa.eu/sites/default/files/documents/tesat2017.pdf . Ara wkoll id-dikjarazzjonijiet mid-Direttur-Ġenerali tal-OPCW: www.globaltimes.cn/content/1044644.shtml .
    (2)  Interpol – Evalwazzjoni tal-theddid minn armamenti kimiċi tal-ISIL barra mis-Sirja u l-Iraq, is-7 ta’ Frar 2017.
    (3)  Fl-2016, fil-Marokk ġiet interċettata ċellola ta’ Daesh li kienet qiegħda tħejji attakk permezz ta’ arma bijoloġika rudimentali. Interpol - it-Theddid u l-Inċidenti Bijoloġiċi jippreżentaw theddida dejjem tikber għall-Infrastruttura Kritika u s-Saħħa Pubblika; L-24 ta’ Ottubru 2016. Barra min dan, instab li uffiċjal nukleari anzjan fl-Ewropa kien jinsab taħt sorveljanza minn terroristi marbuta mal-attakki f’Pariġi u Brussell. Europol, TE-SAT 2016; Paġna 14. Secrétariat général de la défense et de la sécurité nationale (France), Chocs futurs - Etude prospective à l'horizon 2030, Mejju 2017, p.88: http://www.sgdsn.gouv.fr/
    (4)  It-theddid ta’ attakki terroristiċi bl-użu tal-UAS qiegħed jiġi indirizzat mill-Pjan ta’ Azzjoni għat-titjib tal-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi – COM(2017)xxx.
    (5)  Europol, TE-SAT 2017; Paġna 16.
    (6)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, S/RES/2325 (2016), l-14 ta’ Diċembru 2016.
    (7)  Ara pereżempju von Winterfeldt, Detlof u Rosoff, Heather, "A Risk and Economic Analysis of Dirty Bomb Attacks on the Ports of Los Angeles and Long Beach" (2007). Published Articles & Papers. Paper 39. http://research.create.usc.edu/published_papers/39 . L-awturi eżaminaw il-konsegwenzi ta’ attakk b’bomba maħmuġa fuq il-port ta’ Los Angeles. Apparti mill-kosti ta’ dekontaminazzjoni, pereżempju l-impatt tal-għeluq tal-port u tan-negozju marbut miegħu ikunu jiswew sa EUR 100 biljun. https://pdfs.semanticscholar.org/5cc0/3b4436d06165aac72041315c824fbef44d5b.pdf.
    (8) COM(2017) 407, SWD(2017) 278 finali. 26.7.2017.
    (9) ĠU L88 tal-31/3/2017, p. 6.
    (10)  Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, dokument 15505/1/09 REV 1, adottat f’Diċembru 2009 mill-Kunsill, bl-għan li tissaħħaħ is-sigurtà CBRN madwar l-UE.
    (11)  Bħala parti minn din l-analiżi, l-Istati Membri ġew mitluba jwieġbu mistoqsijiet speċifiċi rigward l-oqsma futuri ta’ prijorità għall-kooperazzjoni.
    (12)  Is-Sistema Ewropea ta’ Data dwar il-Bombi (EBDS) hija pjattaforma tal-IT li tippermetti lill-Istati Membri li jikkondividu informazzjoni u intelligence f’waqthom u relevanti dwar l-isplussivi u materjali CBRN u dwar inċidenti relatati. Peress li tirrkjedi livell ogħla ta’ konnessjoni sikura, il-Europol ħoloq Pjattaforma tal-Europol għall-Esperti kumplimentari, ibbażata onlajn, li fiha l-utenti jkunu jistgħu jinteraġixxu u jikkollaboraw ma’ xulxin permezz ta’ komunitajiet virtwali.
    (13)  Il-Bażi tad-Data dwar l-Inċidenti u t-Trafikar (Incident and Trafficking Database - ITDB) hija s-sistema ta’ informazzjoni tal-IAEA dwar inċidenti ta' traffikar illeċtu u attivitajiet u avvenimenti oħra mhux awtorizzati li jkunu jinvolvu materjal nukleari u materjal radjuattiv ieħor lil hinn mill-kontroll regolatorju.
    (14)  L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika.
    (15)  Is-Sistema Elettronika għal Oġġetti b’Użu Doppju (Dual-use e-System - DUeS) hija sistema elettronika sikura ospitata mill-Kummissjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri. Ilha topera bis-sħiħ sa mill-2012 u għandha l-għan li ttejjeb l-iskambji ta’ ċaħdiet ta’ oġġetti b’użu doppju bejn l-Istati Membri tal-UE. L-informazzjoni prinċipali pproċessata tkopri d-deskrizzjoni tal-prodotti taħt ċaħda u l-partijiet involuti fiċ-ċaħdiet bħal ma huma l-Istati Membri, l-esportatur, il-medjatur, min jirċievi l-kunsinna, u l-utenti finali. 
    (16)  Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Taħriġ dwar is-Sigurtà Nukleari ġie stabbilit biex jiġu indirizzati preokkupazzjonijiet rigward is-serq ta’ materjal radjuattiv li jista’ jiġi assoċjat mal-kriminalità u ma’ atti ta’ terroriżmu. Huwa jipprovdi taħriġ dirett bl-użu ta’ materjal nukleari ta’ veru lil uffiċjali li jkollhom kuntatt dirett, lil uffiċjali tat-taħriġ u lil esperti oħra f’dan il-qasam. Iċ-ċentru jinsab fiċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunt ta’ Kummissjoni Ewropea f’Karlsruhe u f’Ispra.
    (17)  Kif definit fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1082/2013/UE dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa: 1. theddid ta’ oriġini bijoloġika (mard li jittieħed; reżistenza kontra l-mikrobi u infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa marbuta ma’ mard li jittieħed (minn issa “kwistjonijiet speċjali tas-saħħa relatati”); bijotossini jew aġenti bijoloġiċi oħra dannużi mhux marbuta ma’ mard li jittieħed; 2. theddid ta’ orġini kimika; 3. theddid ta’ orġini ambjentali; 4. theddid ta’ orġini mhx magħruf; 5. tvvenimenti li jistgħu jikkostitwixxu emerġenzi pubbliċi ta’ saħħa li huma ta’ preokkupazzjoni internazzjonali taħt l-IHR, sakemm ikun jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji ta’ theddidiet imfissra fil-punti (a) sa (d).
    (18)   http://www.emerge.rki.eu/Emerge/EN/Home/Homepage_node.html .
    (19)  Il-kits “do-it-yourself”, li huma kummerċjalment disponibbli, jagħmluha possibbli li jipproduċu mikroorganiżmi ġenetikament modifikati. Il-progress f’dan il-qasam jista’ jwassal għal attakk jew kontaminazzjoni intenzjonali b’virusijiet jew batterji modifikati. Ara wkoll: Iċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard, Valutazzjoni Rapida tar-Riskju: Riskju marbut mal-użu ta’ kit “do-it-yourself” ta’ inġinerija tal-ġeni assoċjat ma’ CRISPR li jkun kontaminat b’batteriji patoġeniċi, https://ecdc.europa.eu/en/publications-data/rapid-risk-assessment-risk-related-use-do-it-yourself-crispr-associated-gene  
    (20)  Il-pul ġie introdott fil-pjan ta’ azzjoni tal-UE tal-2015 kontra t-traffikar illeċtu u l-użu tal-armi tan-nar u l-esplussivi (COM(2015) 624 finali) bl-għan li l-Istati Membri jingħatalhom sostenn fil-qasam tad-detezzjoni tal-isplussivi.
    (21)

    22    Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar qawwija. Strateġija Globali għall-Politika Esterna u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea. http://eeas.europa.eu/archives/docs/top_stories/pdf/eugs_review_web.pdf

    (22)  L-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi.
    (23)  Il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi – l-Unità ta’ Appoġġ għall-Implimentazzjoni.
    (24)  L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta’ Diżarm.
    (25)  Is-sejħa għall-proposti tkun issostni l-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament 98/2013. Is-sejħa tista’ ssostni – fost affarijiet oħra - l-iżvilupp ta’ struttura ta’ appoġġ espert tal-UE jew netwerks reġjonali, li aktar tard ikunu parti min-Netwerk ta’ Sostenn.
    (26)  In-Netwerk Ewropew għat-Tneħħija ta' Mezzi Esplożivi (European Explosive Ordnance Disposal Network - EEODN) huwa netwerk ta’ tekniċi b’għarfien dwar il-bombi u esperti CBRN, iġġestit mill-Europol. In-netwerk jippermetti li l-membri tiegħu jikkondividu l-aħħar prattiċi u l-lezzjonijiet meħuda kif ukoll taħriġ komuni. EEODN jorganizza konferenzi kull sena flimkien ma’ taħriġ.
    (27)  In- Netwerk ta' Referenza Ewropew għall-Protezzjoni tal-Infrastruttura Kritika (European Reference Network for Critical Infrastructure Protection - ERNCIP) hija l-proġett kofinanzjat tal-Kummissjoni kkoordinat miċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka li għandu l-għan li jipprovdi qafas li fi ħdanu l-faċilitajiet esperimentali u l-laboratorji jiskambjaw l-għarfien u l-ħila esperta li teżisti madwar l-Ewropa, li twassal għal protezzjoni aħjar ta’ infrastrutturi kritiċi kontra kull tip ta’ theddid u ta’ periklu u għall-ħolqien ta’ suq wieħed għal soluzzjonijiet ta’ sigurtà. Tlieta fost il-grupp ta’ ħidma jinvolvu ruħhom ma’ theddid CBRN: ir-riskji kimiċi u bijoloġiċi fejn jidħol l-ilma għax-xorb; id-detezzjoni ta’ aġenti kimiċi-bijoloġiċi fl-arja ġewwa l-bini kif ukoll ta’ theddid radjoloġiku u nukleari għall-infrastruttura kritika.
    (28)  Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni.
    Top